Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0724

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Settembru 2020.
    Cali Apartments SCI u HX vs Procureur général près la cour d'appel de Paris u Ville de Paris.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kiri ta’ bini bl-għamara lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal ċerti komuni ddeterminati u li tobbliga lil dawn il-komuni jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din l-iskema – Artikolu 4(6) – Kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” – Artikolu 9 – Ġustifikazzjoni – Provvista insuffiċjenti ta’ akkomodazzjonijiet maħsuba għall-kiri għal perijodi twal bi prezzijiet li jintlaħqu – Proporzjonalità – Artikolu 10 – Rekwiżiti marbuta mal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet.
    Kawżi magħquda C-724/18 u C-727/18.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:743

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    22 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kiri ta’ bini bl-għamara lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal ċerti komuni ddeterminati u li tobbliga lil dawn il-komuni jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din l-iskema – Artikolu 4(6) – Kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” – Artikolu 9 – Ġustifikazzjoni – Provvista insuffiċjenti ta’ akkomodazzjonijiet maħsuba għall-kiri għal perijodi twal bi prezzijiet li jintlaħqu – Proporzjonalità – Artikolu 10 – Rekwiżiti marbuta mal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet”

    Fil-Kawżi magħquda C‑724/18 u C‑727/18,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Novembru 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fil-21 u fit-22 ta’ Novembru 2018, fil-proċeduri

    Cali Apartments SCI (C‑724/18),

    HX (C‑727/18)

    vs

    Procureur général près la cour d’appel de Paris,

    Ville de Paris,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, S. Rodin, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur), D. Šváby u N. Piçarra, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Novembru 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Cali Apartments SCI u HX, minn P. Spinosi u V. Steinberg, avukati,

    għall-Ville de Paris, minn G. Parleani, D. Rooz u D. Foussard, avukati,

    għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u R. Coesme, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Müller kif ukoll minn T. Machovičová, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

    għall-Irlanda, minn M. Browne u G. Hodge kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn M. Collins, BL, u minn S. Kingston, SC,

    għall-Gvern Elleniku, minn S. Charitaki, S. Papaioannou u M. Michelogiannaki, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García u M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u L. Malferrari kif ukoll minn L. Grønfeldt, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ April 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 2 kif ukoll 9 sa 15 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

    2

    Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn Cali Apartments SCI u HX u l-Procureur général près la cour d’appel de Paris (Il-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) u l-ville de Paris (Il-Belt ta’ Pariġi) dwar il-ksur minn dawn il-persuni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi awtorizzazzjoni minn qabel għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni għal klijentela lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettqa b’mod ripetut u għal perijodi qosra.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 1, 7, 9, 27, 33, 59 u 60 tad-Direttiva 2006/123 huma fformulati kif ġej:

    “(1)

    Il-Komunità Ewropea qiegħda tfittex li ssawwar rabtiet dejjem eqreb bejn l-Istati u l-popli ta’ l-Ewropa u li tiżgura progress ekonomiku u soċjali. Skond l-Artikolu 14(2) tat-Trattat, is-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu tas-servizzi huwa assigurat. Bi qbil ma’ l-Artikolu 43 tat-Trattat il-libertà ta’ stabbiliment hija assigurata. L-Artikolu 49 tat-Trattat jistabbilixxi d-dritt li jiġu provduti servizzi fi ħdan il-Komunità. L-eliminazzjoni ta’ barrieri għall-iżvilupp ta’ l-attivitajiet tas-servizzi bejn l-Istati Membri huwa essenzjali sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-popli Ewropej u biex ikun promoss progress ekonomiku u soċjali bbilanċjati u sostenibbli. Għall-eliminazzjoni ta’ tali ostakoli, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet tas-servizzi jikkontribwixxi għat-twettiq tax-xogħol stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dak li jinkoraġġixxi fil-Komunità kollha l-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u, sostenibbli ta’ l-attivitajiet ekonomiċi, livell għoli ta’ impjieg u ta’ ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, tkabbir sostenibbli li ma jkunx inflazzjonarju, grad għoli ta’ kompettitività u konverġenza fir-rendiment ekonomiku, livell għoli ta’ ħarsien u titjib fil-kwalità ta’ l-ambjent, it-titjib tal-livell ta’ l-għajxien u tal-kwalità tal-ħajja, u l-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

    […]

    (7)

    Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas ġenerali legali li jkun ta’ vantaġġ għal varjetà wiesgħa ta’ servizzi filwaqt li jieħu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi distintivi ta’ kull tip ta’ attività jew professjoni u s-sistema tagħha ta’ regolamentazzjoni. Dak il-qafas huwa bbażat fuq approċċ dinamiku u selettiv li jikkonsisti, bħala kwistjoni ta’ prijorità, fit-tneħħija ta’ ostakoli li jistgħu jiġu żarmati malajr u, għall-oħrajn, it-tnedija ta’ proċess ta’ evalwazzjoni, konsultazzjoni u armonizzazzjoni komplimentarja ta’ kwistjonijiet speċifiċi, li jagħmlu possibbli l-immodernizzar progressiv u koordinat ta’ sistemi regolatorji nazzjonali għal attivitajiet ta’ servizz li hu vitali għall-akkwist ta’ suq intern ġenwin għal servizzi sa l-2010. Għandu jsir provvediment għal taħlita ta’ miżuri bilanċjata li tinvolvi armonizzazzjoni immirata, kooperazzjoni amministrattiva, id-disposizzjoni dwar il-libertà ta’ forniment ta’ servizzi u inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta dwar ċerti kwistjonijiet. Dik il-koordinazzjoni ta’ sistemi nazzjonali leġislattivi għandha tiżgura livell għoli ta’ integrazzjoni legali Komunitarja u livell għoli ta’ ħarsien ta’ l-għanijiet ġenerali ta’ interess, speċjalment il-ħarsien tal-konsumaturi, li huwa vitali sabiex tiġi stabbilita fiduċja bejn l-Istati Membri. Din id-Direttiva tqis ukoll għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali, inkluż il-ħarsien ta’ l-ambjent, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika kif ukoll il-bżonn li jkun hemm konformità mal-liġi tax-xogħol.

    […]

    (9)

    Din id-Direttiva tapplika biss għal ħtiġijiet li jaffettwaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz. Għalhekk, ma japplikax għal ħtiġijiet, bħal regoli tat-traffiku fit-triq, regoli dwar l-iżvilupp jew l-użu ta’ l-art, ippjanar urban jew rurali, standards tal-bini kif ukoll penali amministrattivi imposti għal nuqqas ta’ konformità ma’ tali regoli li ma jirregolawx b’mod speċifiku jew ma jaffettwawx b’mod speċifiku l-attività ta’ servizz iżda għandhom ikunu rispettati minn fornituri waqt it-twettiq ta’ l-attività ekonomika tagħhom bl-istess mod bħal minn individwi li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom.

    […]

    (27)

    Din id-Direttiva ma għandhiex tkopri dawk is-servizzi soċjali fil-qasam tad-djar, tal-kura tat-tfal u appoġġ għal familji u persuni fil-bżonn li huma pprovduti mill-Istat f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, minn fornituri b’mandat mill-Istat, jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat, bl-għan li jkun żgurat l-appoġġ għal dawk li huma fi stat partikolari ta’ bżonn permanenti jew temporanju minħabba d-dħul insuffiċjenti fil-familja, jew in-nuqqas totali jew parzjali ta’ indipendenza u għal dawk bir-riskju li jiġu emarġinati. Dawn is-servizzi huma essenzjali biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali lid-dinjità umana u lill-integrità u huma manifestazzjoni tal-prinċipji tal-koeżjoni soċjali u solidarjetà u m’għandhomx jiġu affettwati b’din id-Direttiva.

    […]

    (33)

    Is-servizzi koperti b’din id-Direttiva jkopri varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu, inklużi servizzi ta’ negozju bħal konsulenza dwar amministrazzjoni, ċertifikazzjoni u ittestjar; amministrazzjoni ta’ faċilitajiet, inkluż manutenzjoni ta’ uffiċċju; reklamar; servizzi ta’ reklutaġġ; u s-servizzi ta’ aġenti kummerċjali. Dak il-kunċett ikopri wkoll servizzi pprovduti kemm lil negozji kif ukoll lil konsumaturi, bħal parir legali jew fiskali; servizzi dwar beni immobbli bħal aġenziji ta’ beni immobbli; il-bini, inkluż is-servizzi ta’ periti; kummerċ ta’ tqassim; l-organizzazzjoni ta’ fieri tal-kummerċ; kiri ta’ karozzi; aġenziji ta’ l-ivvjaġġar. Is-servizzi lill-konsumatur huma koperti wkoll, bħal dawk fil-qasam tat-turiżmu […].

    […]

    (59)

    L-awtorizzazzjoni bħala regola ġenerali għandha tħalli lill-fornitur ikollu aċċess għall-attività tas-servizz, jew biex jeżerċita dik l-attività, fit-territorju nazzjonali kollu, ħlief jekk limitu territorjali huwa ġġustifikat b’raġuni aktar importanti li huwa marbut ma’ l-interess pubbliku. Pereżempju, ħarsien ambjentali jista’ jiġġustifika l-ħtieġa biex jikseb awtorizzazzjoni individwali għal kull installazzjoni fuq it-territorju nazzjonali. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex taffettwa il-kompetenzi reġjunali jew lokali għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet fi ħdan l-Istati Membri.

    (60)

    Din id-Direttiva, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u l-firxa territorjali ta’ awtorizzazzjoni, ma għandhomx jindaħlu fid-diviżjoni tal-kompetenzi reġjunali jew lokali fi ħdan l-Istati Membri, inklużi tmexxija awtonoma reġjunali u lokali u l-użu tal-lingwi uffiċjali.”

    4

    L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, jispeċifika li:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.”

    5

    Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

    “1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

    2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

    (a)

    servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali.

    (b)

    servizzi finanzjarji […]

    (ċ)

    servizzi ta’ komunikazzjoni u networks elettroniċi, u faċilitajiet u servizzi assoċjati, rigward il-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi [2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323), 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13. Vol. 29, p. 349, 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367 u 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514)];

    (d)

    is-servizzi fil-qasam tat-trasport […]

    (e)

    servizzi ta’ aġenziji ta’ xogħol temporanju;

    (f)

    servizzi tal-kura tas-saħħa […]

    (g)

    servizzi awdjoviżivi […]

    (h)

    attivitajiet ta’ logħob tal-flus li jinvolvu mħatri ta’ flus f’logħob ta’ fortuna […]

    (i)

    attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali kif stipulat fl-Artikolu 45 tat-Trattat;

    (j)

    servizzi soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ djar b’għan soċjali, kura tat-tfal u appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat;

    (k)

    servizzi privati ta’ sigurtà;

    (l)

    servizzi provduti minn nutara u uffiċjali ġudizzjarji, li huma maħtura minn att uffiċjali tal-gvern.

    3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal qasam ta’ tassazzjoni.”

    6

    Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    1)

    ‘servizz’ tfisser attività ekonomika mhux imħallsa [self-employed], normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 50 tat-Trattat;

    2)

    ‘fornitur’ tfisser kwalunkwe persuna naturali li hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew kwalunkwe persuna ġuridika kif imsemmija fl-Artikolu 48 tat-Trattat u stabbilita fi Stat Membru, li toffri jew li tipprovdi servizz;

    […]

    6)

    ‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ tfisser kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha;

    7)

    ‘rekwiżit’ tfisser kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika, il-prattika amministrattiva, ir-regoli ta’ korpi professjonali, jew ir-regoli kollettivi ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, adottati fl-eżerċizzju ta’ l-awtonomija legali tagħhom; regoli stabbiliti fil-ftehim kollettivi negozjati mill-imsieħba soċjali ma għandhomx jidhru bħala rekwiżiti fit-tifsira ta’ din id-Direttiva;

    8)

    Dawn huma l-“politika pubblika, [is-]sigurtà pubblika; [is-]saħħa pubblika; il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumatur; [ir-]riċevituri ta’ servizzi u [l-]ħaddiema; l-ekwità fi transazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi; il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban; is-saħħa ta’ l-annimali; il-proprjetà intellettwali; il-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali u l-objettivi tal-politika kulturali”.

    […]”

    7

    L-Artikolu 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123/KE huma dwar l-“[a]wtorizzazzjonijiet”.

    8

    L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

    (a)

    l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

    (b)

    il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

    (ċ)

    l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.”

    9

    L-Artikolu 10(1), (2) u (7) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.

    2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

    (a)

    mhux-diskriminatorji;

    (b)

    iġġustifikati mir-raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

    (ċ)

    proporzjonati ma’ dak l-objettiv ta’ interess pubbliku;

    (d)

    ċari u mingħajr ambigwità;

    (e)

    oġġettivi;

    (f)

    magħmulin disponibbli għal pubbliku minn qabel;

    (g)

    trasparenti u aċċessibbli.

    […]

    7.   Dan l-Artikolu ma għandux iqiegħed f’dubju l-allokazzjoni tal-kompetenzi, fuq livell lokali jew reġjonali, ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri li jagħtu tali awtorizzazzjonijiet.”

    10

    L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi:

    “1.   Il-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jkunu ċari, ikunu disponibbli għall-pubbliku minn qabel u jkunu tali li jipprovdu lill-applikanti b’garanzija li l-applikazzjoni tagħhom tkun indirizzata b’mod oġġettiv u imparzjali.”

    11

    L-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2006/123 jikkonċernaw il-“[ħ]tiġijiet ipprojbiti jew suġġetti għal evalwazzjoni”. L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jelenka r-rekwiżiti li għalihom l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizzi jew l-eżerċizzju tagħha fit-territorju tagħhom. L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jobbliga b’mod partikolari lill-Istati Membri jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tissuġġettax l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għall-osservanza ta’ rekwiżit wieħed jew ta’ iktar elenkati fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu u jiżguraw, f’dan il-każ, li tali rekwiżiti jkunu kompatibbli mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu.

    Id-dritt Franċiż

    Ir-rwol tat-turiżmu

    12

    L-Artikolu L. 324-1-1 tal-Kodiċi tat-Turiżmu, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Turiżmu”), jipprovdi:

    “Kull persuna li toffri għall-kiri akkomodazzjoni tat-turiżmu, kemm jekk tiġi kklassifikata jew le fis-sens ta’ dan il-kodiċi, għandha qabel kollox tkun ġiet iddikjarata quddiem is-sindku tal-komun fejn tkun tinsab.

    Din id-dikjarazzjoni minn qabel ma hijiex obbligatorja meta l-bini għal użu residenzjali jikkostitwixxi r-residenza prinċipali tas-sid, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 89–462, tas‑6 ta’ Lulju 1989, intiża sabiex ittejjeb ir-relazzjonijiet ta’ kiri u li temenda l-Liġi Nru 86–1290 tat‑23 ta’ Diċembru 1986.”

    Il-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni

    13

    L-Artikolu L. 631–7 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni jipprovdi b’mod partikolari li, fil-komuni ta’ iktar minn 200000 abitant u f’dawk tal-Hauts-de-Seine, tas-Seine-Saint-Denis u ta’ Val-de-Marne, il-bdil tal-użu ta’ bini intiż għall-abitazzjoni huwa, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu L. 631-7-1 ta’ dan il-kodiċi, suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel u li l-fatt li bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni jinkera b’mod ripetut u għal perijodi qosra lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom jikkostitwixxi bdil tal-użu fis-sens ta’ dan l-Artikolu L. 631-7-1.

    14

    L-Artikolu L. 631-7-1 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni jipprovdi:

    “L-awtorizzazzjoni minn qabel għall-bidla fl-użu tingħata mis-sindku tal-komun fejn tinsab il-proprjetà immobbli, wara opinjoni, f’Pariġi, Marseille u Lyon, tas-sindku tad-distrett ikkonċernat. Hija tista’ tkun suġġetta għal kumpens fil-forma ta’ trasformazzjoni simultanja f’abitazzjoni ta’ bini li għandu użu ieħor.

    L-awtorizzazzjoni għal bidla fl-użu għandha tingħata fuq bażi personali. Hija tieqaf milli jkollha effett meta, għal kwalunkwe raġuni, jintemm, b’mod definittiv, l-eżerċizzju professjonali tal-benefiċjarju. Madankollu, meta l-awtorizzazzjoni hija suġġetta għal kumpens, it-titolu huwa marbut mal-bini u mhux mal-persuna. Il-bini offrut bħala kumpens huwa msemmi fl-awtorizzazzjoni li hija ppubblikata fir-reġistru tal-artijiet jew imniżżla fir-reġistru tal-artijiet.

    L-użu tal-bini ddefinit fl-Artikolu L. 631-7 fl-ebda każ ma huwa affettwat mill-preskrizzjoni trentennali prevista fl-Artikolu 2227 tal-Kodiċi Ċivili.

    Għall-applikazzjoni tal-Artikolu L. 631–7, deliberazzjoni tal-kunsill muniċipali għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom jingħataw l-awtorizzazzjonijiet u jiġu ddeterminati l-kumpensi għal kull kwartier u, jekk ikun il-każ, bħala distrett, fid-dawl tal-għanijiet ta’ kompożizzjoni soċjali, b’mod partikolari skont il-karatteristiċi tas-swieq ta’ bini residenzjali u l-ħtieġa li ma jiġix aggravat in-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet. […]”

    15

    Skont l-Artikolu L. 631-7-1 A tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, l-ebda awtorizzazzjoni ta’ bidla fl-użu ma hija, għal kuntrarju, neċessarja meta l-bini jikkostitwixxi r-residenza prinċipali tas-sid fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 89‑462, tas-6 ta’ Lulju 1989, intiża sabiex ittejjeb ir-rapporti ta’ kiri u li temenda l-Liġi Nru 86-1290, tat‑23 ta’ Diċembru 1986 (JORF tat‑8 ta’ Lulju 1989, p. 8541), jiġifieri meta r-residenza tkun okkupata tal-inqas tmien xhur fis-sena, mingħajr obbligu professjonali, raġuni ta’ saħħa jew każ ta’ forza maġġuri, kemm mill-kerrej jew mill-konjuġi tiegħu, jew minn persuna taħt il-kura tiegħu jew tagħha.

    16

    L-Artikolu L. 651–2 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

    “Kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 631-7 jew li ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet jew l-obbligi imposti skont l-imsemmi artikolu għandha tiġi kkundannata għal multa ta’ EUR 25000.

    Din il-multa tingħata fuq talba tal-Prosekutur Pubbliku mill-President tat-tribunal de grande instance (il-Qorti tal-Ewwel Istanza) tal-post tal-proprjetà immobbli, li jiddeċiedi fuq talba għal miżuri provviżorji; l-ammont jitħallas kollu kemm hu lill-komun li fih tinsab il-proprjetà immobbli.

    Il-President tal-qorti għandu jordna r-ritorn għall-abitazzjoni tal-bini ttrasformat mingħajr awtorizzazzjoni f’terminu li huwa jistabbilixxi. Mal-iskadenza tiegħu, huwa jimponi pagamenti ta’ penalità ta’ ammont massimu ta’ EUR 1000 għal kull jum u għal kull metru kwadru utli tal-bini ttrasformat b’mod irregolari. L-ammont jitħallas kollu kemm hu lill-komun li fih tinsab il-proprjetà immobbli.

    Wara dan it-terminu, l-amministrazzjoni tista’ tipproċedi ex officio, bi spejjeż tal-persuna li wettqet il-ksur, għat-tkeċċija tal-okkupanti u għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet neċessarji.”

    Kodiċi Ġenerali tal-Awtoritajiet Territorjali

    17

    L-Artikolu L. 2121-25 tal-Kodiċi Ġenerali tal-Awtoritajiet Territorjali jipprovdi li r-rendikonti tas-sessjonijiet tal-kunsill muniċipali għandhom jintwerew fil-kunsill muniċipali u jitqiegħdu online fis-sit internet tal-komun.

    Ir-regolament muniċipali adottat mill-Kunsill ta’ Pariġi

    18

    L-Artikolu 2 tar-regolament muniċipali li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għal bidla fl-użu ta’ bini residenzjali u li jiddetermina l-kumpens skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tal-Ktieb VI tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, adottat mill-Kunsill ta’ Pariġi fis-seduta tiegħu tal‑15, 16 u 17 ta’ Diċembru 2008, jaqra kif ġej:

    “I - Il-kumpens jikkonsisti fit-trasformazzjoni f’abitazzjoni ta’ bini li kellu użu differenti mill-abitazzjoni fl-1 ta’ Jannar 1970 jew li kien is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni għal żvilupp urban li tbiddel id-destinazzjoni tiegħu wara l-1 ta’ Jannar 1970 u li ma kienx diġà intuża bħala kumpens.

    Il-bini propost għal kumpens għandu b’mod kumulattiv:

    a)

    jikkorrispondi għal unitajiet ta’ akkomodazzjoni, u jkun ta’ kwalità u superfiċji ekwivalenti għal dak li huwa s-suġġett tal-bidla fl-użu, bil-fajls jiġu eżaminati skont il-kwalità ta’ abitabbiltà tal-bini. Il-bini pprovdut bħala kumpens għandu jissodisfa r-regoli ddefiniti mid-Digriet tat‑30 ta’ Jannar 2002 dwar il-karatteristiċi tal-akkomodazzjoni diċenti;

    b)

    ikunu fl-istess distrett bħall-bini ta’ abitazzjoni li jkun is-suġġett tal-bdil ta’ użu.

    Is-superfiċji għandhom jiġu kkalkolati skont l-Artikolu R 111–2 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni.

    II - Fis-settur ta’ kumpens imsaħħaħ iddefinit fl-Anness Nru 1, b’deroga mill-punt I(a), il-bini propost bħala kumpens għandu jirrappreżenta superfiċji doppja ta’ dik li hija s-suġġett tat-talba għal bidla fl-użu, ħlief jekk dan il-bini jiġi ttrasformat f’akkomodazzjoni soċjali tal-kiri li hija s-suġġett ta’ ftehim konkluż skont l-Artikolu L. 351-2 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni ta’ mill-inqas 20 sena.

    B’deroga mill-punt I(b), il-kumpens f’akkomodazzjoni soċjali ta’ bini ttrasformat fis-settur ta’ kumpens imsaħħaħ jista’ jinsab f’dan is-settur kollu. Madankollu, jekk il-bini ttrasformat ikun jinsab fl-ewwel, fit-tieni, fir-raba’, fil-ħames, fis-sitt, fis-seba’, fit-tmien, fid-disa’ distrett, jew fejn id-defiċit ta’ akkomodazzjonijiet meta mqabbel mal-attività huwa partikolarment immarkat, l-iktar 50 % tas-superfiċji ttrasformata tkun tista’ tiġi kkumpensata barra mid-distrett ta’ trasformazzjoni.

    Dawn id-distretti huma kkaratterizzati minn relazzjoni bejn in-numru ta’ impjiegi bil-paga u n-numru ta’ assi residenti, kif imkejjel mill-Insee, ogħla mill-medja ta’ Pariġi.

    Meta l-kumpens kollu jista’ jiġi propost barra mid-distrett ta’ trasformazzjoni, in-numru ta’ akkomodazzjoni pprovduta bħala kumpens għandu jkun mill-inqas identiku għan-numru ta’ djar imneħħija.

    Jekk il-postijiet huma ttrasformati u kkumpensati minn proprjetarju identiku fi ħdan l-istess unità tal-art, fil-kuntest ta’ razzjonalizzazzjoni taż-żoni residenzjali ta’ din l-unità, is-superfiċji minima meħtieġa, bħala kumpens, tikkorrispondi għas-superfiċji tal-bini ttrasformat.”

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    19

    L-Imħallef għal miżuri provviżorji tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi), adit mill-Prosekutur tar-Repubblika ta’ dan il-pajjiż, abbażi tal-Artikolu L. 631-7 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, ikkundanna lil Cali Apartments u HX, it-tnejn proprjetarji ta’ appartament studio li jinsab f’Pariġi, għall-ħlas ta’ multa, rispettivament, ta’ EUR 5000 u ta’ EUR 15000, u ordna r-ritorn tal-proprjetà inkwistjoni għall-użu residenzjali tagħha.

    20

    Il-ville de Paris kien intervjena volontarjament fil-kawża.

    21

    Permezz ta’ żewġ sentenzi tad‑19 ta’ Mejju u tal‑15 ta’ Ġunju 2017, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), adita minn Cali Apartments u HX, iddeċidiet li kien ġie stabbilit li l-appartamenti studios inkwistjoni, li kienu ġew offruti għall-kiri fuq sit internet, kienu s-suġġett, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel u ripetutament, ta’ kiri għal żmien qasir għall-użu ta’ klijentela preżenti għal perijodu temporanju, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 631-7 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni. Abbażi tal-Artikolu L. 651-2 ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, hija kkundannat, rispettivament, lil Cali Apartments u HX għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 15000, b’tali mod li l-ammont ta’ din il-multa kellu jitħallas lill-ville de Paris u ordnat r-ritorn tal-bini għal użu residenzjali.

    22

    Cali Apartments u HX ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra l-imsemmija sentenzi minħabba li dawn kisru l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn huma ma stabbilixxewx li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma setax jintlaħaq permezz ta’ miżura inqas restrittiva kif meħtieġ mill-Artikolu 9(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/123 u li l-implimentazzjoni tiddependi minn din il-leġiżlazzjoni.

    23

    F’dan il-kuntest, il-Cour de cassation (il-Qorti ta’ Kassazzjoni) għandha dubji dwar jekk l-attività ta’ servizz imsemmija fl-Artikolu L. 631–7 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li l-preskrizzjonijiet tagħha jiżdiedu mas-sistema ta’ dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu L. 324–1 — 1 tal-Kodiċi tat-Turiżmu għall-kiri ta’ gruppi ta’ turisti, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

    24

    Fl-affermattiv, hija tistaqsi wkoll dwar jekk din il-leġiżlazzjoni taqax taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li għaliha tapplika t-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tagħha, jew dik ta’ “rekwiżit”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva, li għaliha tapplika s-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu III tagħha.

    25

    Fl-aħħar nett, fil-każ li l-imsemmija leġiżlazzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2006/123, hija tistaqsi jekk tali leġiżlazzjoni hijiex konformi ma’ din id-direttiva, fid-dawl tal-għan tagħha li huwa li jissodisfa d-degradazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-akkomodazzjoni u għall-eżattezza tat-tensjonijiet fis-swieq tal-proprjetà immobbli, b’mod partikolari billi jiġu rregolati d-disfunzjonijiet tas-suq, li jiġu protetti l-proprjetarji u l-kerrejja u li jkun permess it-tkabbir tal-provvista ta’ akkomodazzjoni Franċiża f’kundizzjonijiet li josservaw il-bilanċ tat-territorji, billi akkomodazzjoni tikkostitwixxi beni tal-ewwel neċessità u d-dritt għal akkomodazzjoni diċenti jikkostitwixxi għan protett mill-Kostituzzjoni Franċiża.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑724/18 u C‑727/18:

    “1)

    Id-Direttiva 2006/123 […] fid-dawl tad-definizzjoni tas-suġġett u tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha permezz tal-Artikoli 1 u 2 tagħha, tapplika għal kiri bi ħlas, anki għal skop mhux professjonali, b’mod ripetut u għal perijodi qosra ta’ żmien, ta’ proprjetà bl-għamara għal użu residenzjali li ma tikkostitwixxix ir-residenza prinċipali tal-inkwilin, lil klijenti għal żmien qasir, li ma jkollhomx hemm id-domiċilju tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunċetti ta’ fornituri u ta’ servizzi?

    2)

    F’każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista bl-Artikolu L.631-7 tal-code de la construction et de l’habitation (il-Kodiċi tal-Bini u tal-Abitazzjoni), tikkostitwixxi skema ta’ awtorizzazzjoni tal-attività msemmija qabel fis-sens tal-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 […] jew hija biss rekwiżit suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 u 15 [ta’ din id-direttiva]?

    Fil-każ li l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 […] japplikaw:

    3)

    L-Artikolu 9(b) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan tal-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ residenzi għall-kiri jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika miżura nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni, f’ċerti żoni ġeografiċi, il-kiri ta’ proprjetà bl-għamara ddestinata għall-abitazzjoni b’mod ripetut għal perijodi qosra ta’ żmien lil klijenti li ma jkollhomx hemm id-domiċilju tagħhom?

    4)

    Fl-affermattiv, tali miżura hija proporzjonali għall-għan segwit?

    5)

    L-Artikolu 10(2)(d) u (e) tad-direttiva [2006/123] jipprekludi miżura nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni l-fatt li proprjetà bl-għamara ddestinata għall-abitazzjoni tinkera “b’mod ripetut”, għal “perijodi qosra ta’ żmien”, lil “klijenti għal żmien qasir li ma jkollhomx hemm id-domiċilju tagħhom”?

    6)

    L-Artikolu 10(2)(d) sa (g) tad-Direttiva [2006/123] jipprekludi skema ta’ awtorizzazzjoni li tipprevedi li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni għandhom jiġu stabbiliti, b’deċiżjoni tal-kunsill komunali, fid-dawl tal-għanijiet ta’ kompożizzjoni soċjali, b’mod partikolari skont il-karatteristiċi tas-swieq tal-proprjetajiet ta’ abitazzjoni u tal-ħtieġa li ma jikbirx in-nuqqas ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni?”

    27

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Diċembru 2018, il-Kawżi C‑724/18 u C‑727/18 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    28

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2006/123 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tapplika għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni għal klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, b’mod ripetut u għal perijodi qosra, kemm għal finijiet professjonali kif ukoll għal dawk mhux professjonali.

    29

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi essenzjalment, fil-paragrafu 1 tiegħu, li din id-direttiva għandha l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri kif ukoll il-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ kwalità għas-servizzi.

    30

    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/123, din tapplika għas-servizzi pprovduti mill-fornituri li għandhom l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru. L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jeskludi madankollu serje ta’ attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva jippreċiża sussegwentement li din ma tapplikax fil-qasam tat-tassazzjoni.

    31

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/123 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizz” għall-finijiet ta’ din id-direttiva.

    32

    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk attività ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni għal klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettqa b’mod ripetut u għal perijodi qosra, kemm għal finijiet professjonali kif ukoll għal dawk mhux professjonali, taqax taħt il-kunċett ta’ “servizz”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/123, u, f’każ ta’ risposta affermattiva, jekk l-imsemmi servizz huwiex madankollu eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva skont l-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar u jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 28 ta’ din is-sentenza hijiex eskluża mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni.

    33

    Fir-rigward, qabelxejn, tal-klassifikazzjoni tal-attività kkonċernata, mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li “servizz” ifisser, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, kull attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha, imwettqa normalment għal remunerazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 57 TFUE.

    34

    F’dan il-każ, attività ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli, kif deskritta fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, imwettqa minn persuna ġuridika jew minn persuna fiżika individwalment, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/123.

    35

    F’dan ir-rigward, il-premessa 33 ta’ din id-direttiva tiddikjara barra minn hekk li din tapplika għal varjetà kbira ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu, fosthom is-servizzi marbuta mal-proprjetà immobbli kif ukoll dawk fil-qasam tat-turiżmu. Issa, kif indikat il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkompleta leġiżlazzjoni li kienet diġà teżisti fl-Artikolu L. 324-1-1 tal-Kodiċi tat-Turiżmu, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

    36

    Sussegwentement, fir-rigward tal-punt dwar jekk tali servizz huwiex madankollu eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 skont l-Artikolu 2(2) tagħha, għandu jiġi rrilevat li ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jitqies li dan is-servizz jista’ jaqa’ taħt waħda jew l-oħra mill-attivitajiet esklużi minn din id-dispożizzjoni, fatt li, barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tipprevedix hija stess. Mill-bqija, is-sitwazzjoni li wasslet għal dawn il-kawżi ma taqax taħt il-qasam fiskali, fis-sens tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva.

    37

    Madankollu, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirregolax servizz, iżda l-bdil tal-użu ta’ bini intiż għall-abitazzjoni u li, minħabba f’hekk, hija tista’ tapplika b’mod partikolari għal tali bidliet għall-finijiet ta’ akkomodazzjoni ta’ persuni bla dar jew tar-refuġjati, minkejja li dawn l-aħħar attivitajiet, ta’ natura mhux ekonomika, huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 skont l-Artikolu 2(2)(j) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 27 tagħha.

    38

    Madankollu, tali possibbiltà, li la ġiet invokata u lanqas ikkonfermata mill-qorti tar-rinviju jew mill-Gvern Franċiż, tirriżulta mhux biss ipotetika, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, iżda lanqas ma tista’ bħala tali teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tapplika għal attivitajiet li l-klassifikazzjoni tagħhom bħala “servizz”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, seħħet, kif ġie rrilevat fil-punt 34 tas-sentenza odjerna.

    39

    Fil-fatt, is-sempliċi fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun applikabbli għall-aċċess għal attività jew għall-eżerċizzju ta’ attività, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2)(j) tagħha, ma jistax jimplika li din l-istess leġiżlazzjoni tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minkejja li hija tirregola attivitajiet oħra li, min-naħa tagħhom, ma humiex is-suġġett ta’ waħda mill-esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, ħlief jekk jiġi kompromess l-effett utli ta’ din l-aħħar imsemmija direttiva u jekk jitpoġġa f’dubju l-għan, previst fil-premessi 1 u 7 tagħha, ta’ stabbiliment ta’ spazju mingħajr fruntieri interni li fihom huwa żgurat il-moviment liberu ta’varjetà kbira ta’ servizzi.

    40

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-punt dwar jekk tali leġiżlazzjoni hijiex madankollu eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 moqrija fid-dawl tal-premessa 9 tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li, konformement ma’ din il-premessa, li skontha huma esklużi mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, “[il-]ħtiġijiet, bħal […] regoli dwar l-iżvilupp jew l-użu ta’ l-art [u] [regoli dwar l-]ippjanar urban jew rurali”, peress li l-imsemmija direttiva ma hijiex intiża li tapplika għal rekwiżiti li ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri fl-Istati Membri u għall-moviment liberu tas-servizzi bejn dawn tal-aħħar, peress li dawn ma jirregolawx jew ma jaffettwawx speċifikament l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, iżda għandhom jiġu osservati mill-fornituri fl-eżerċizzju tal-attività ekonomika tagħhom, bl-istess mod bħal persuni li jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 123).

    41

    Minn dan isegwi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 biss il-formalitajiet amministrattivi, ir-rekwiżiti u, għaldaqstant, il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li jirregolaw speċifikament l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għal kategorija partikolari ta’ servizzi u l-eżerċizzju tagħha fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

    42

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tiggarantixxi provvista suffiċjenti ta’ akkomodazzjoni intiża għall-kiri għal żmien twil bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu u tista’, f’dan ir-rigward, titqies li taqa’ fil-qasam tal-ippjanar jew tal-iżvilupp tat-territorju u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-ippjanar taż-żoni urbani, xorta jibqa’ l-fatt li hija intiża, mhux għal kull persuna mingħajr distinzjoni, iżda, b’mod iktar speċifiku, għal dawk li jipprevedu li jipprovdu ċerti tipi ta’ servizzi, bħal dawk marbuta mal-kiri ta’ proprjetà immobbli bl-għamara bħala abitazzjoni lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra (ara b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 124).

    43

    Kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju u mill-Artikoli L. 631-7 u L. 631-7-1 A tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, il-kiri bi ħlas ta’ proprjetà immobbli mhux bl-għamara kif ukoll il-kiri għal perijodu akkumulat ta’ inqas minn 4 xhur fis-sena, ta’ proprjetà immobbli bl-għamara li tikkostitwixxi r-residenza prinċipali ta’ sid, b’mod partikolari, ma humiex suġġetti għal din il-leġiżlazzjoni.

    44

    Għaldaqstant, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni tirregola l-aċċess għal ċerti forom speċifiċi ta’ attivitajiet ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, hija ma tikkostitwixxix leġiżlazzjoni applikabbli mingħajr distinzjoni fil-qasam tal-ippjanar jew tal-iżvilupp tat-territorju jew tal-ippjanar taż-żoni urbani u rurali, u, għaldaqstant, ma tistax tevita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

    45

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tapplika għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni għal klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal dawk mhux professjonali.

    Fuq it-tieni domanda

    46

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet ta’ kiri ta’ bini intiż għall-abitazzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “sistema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-punt 6 ta’ dan l-artikolu, jew taħt dak ta’ “rekwiżit”, fis-sens tal-punt 7 tal-imsemmi artikolu.

    47

    Bis-saħħa tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, “skema ta’ awtorizzazzjoni” tfisser kull proċedura li skontha fornitur jew riċevitur effettivament ikun jeħtiġilhom jieħdu passi sabiex jiksbu mingħand awtorità kompetenti deċiżjoni formali, jew deċiżjoni impliċita, dwar aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha.

    48

    Il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “rekwiżit” bħala “kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika, il-prattika amministrattiva, ir-regoli ta’ korpi professjonali, jew ir-regoli kollettivi ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, adottati fl-eżerċizzju ta’ l-awtonomija legali tagħhom”.

    49

    “skema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2006/123, hija għalhekk distinta minn “rekwiżit”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva, sa fejn timplika azzjoni min-naħa tal-fornitur tas-servizz kif ukoll att formali li permezz tiegħu l-awtoritajiet kompetenti jawtorizzaw l-attività ta’ dan il-fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 115)

    50

    F’dan il-każ, mill-Artikoli L. 631-7 u L. 631-7-1 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, moqrija flimkien, jirriżulta li l-persuni proprjetarji ta’ bini li jinsab f’komun ta’ iktar minn 200000 abitant u li jixtiequ jikru l-għamara b’mod ripetut u għal perijodi qosra, lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, bħala prinċipju u taħt piena ta’ sanzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 651-2 ta’ dan il-kodiċi, huma obbligati jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel ta’ dan il-bini permezz ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ta’ bdil tal-użu maħruġa mis-sindku tal-komun fejn tinsab il-proprjetà immobbli, b’tali mod li din l-awtorizzazzjoni tista’ tkun suġġetta għal kumpens fil-forma ta’ trasformazzjoni simultanja f’abitazzjoni ta’ bini li għandu użu ieħor.

    51

    Għalhekk, tali leġiżlazzjoni timponi fuq il-persuni li jixtiequ jipprovdu tali servizz ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli l-obbligu li jissottomettu ruħhom għal proċedura li għandha bħala effett li tobbligahom jieħdu passi quddiem awtorità kompetenti sabiex jiksbu minn din tal-aħħar att formali li jippermettilhom jaċċedu għal din l-attività ta’ servizz u jeżerċitawha.

    52

    Għaldaqstant, din għandha titqies bħala li tistabbilixxi “skema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2006/123, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti inklużi fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein, C-393/17, EU:C:2019:563, punt 64), u mhux bħala “rekwiżit”, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva.

    53

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet ta’ kiri ta’ bini intiż għall-abitazzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “sistema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-punt 6 ta’ dan l-artikolu.

    Fuq it-tielet sas-sitt domanda

    Kummenti preliminari

    54

    Permezz tat-tielet sas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 9(1)(b) kif ukoll l-Artikolu 10(2)(d) sa (g) ta’ din id-direttiva, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, għal raġunijiet intiżi li jiggarantixxu provvista suffiċjenti ta’ akkomodazzjoni intiża għall-kiri għal żmien twil bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu, tissuġġetta ċerti attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra, għal skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel applikabbli f’ċerti komuni li l-awtoritajiet lokali tagħhom jiddeterminaw, fil-kuntest stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din l-iskema filwaqt li jżidu magħhom, fejn xieraq, obbligu ta’ kumpens fil-forma ta’ trasformazzjoni simultanja f’abitazzjoni ta’ bini li għandu użu ieħor.

    55

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlu l-qorti tar-rinviju kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, u b’mod partikolari t-Taqsima 1 tiegħu, huwa applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

    56

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-kapitolu japplika wkoll għas-sitwazzjonijiet purament interni, jiġifieri dawk li l-elementi rilevanti kollha tagħhom huma limitati għal Stat Membru wieħed (sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 110; tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑377/17, EU:C:2019:562, punt 58, kif ukoll tal‑4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein, C‑393/17, EU:C:2019:563, punt 24).

    57

    Min-naħa l-oħra, mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li l-konformità ta’ sistema nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni mar-rekwiżiti previsti minnha tippreżupponi, b’mod partikolari, li tali sistema, li min-natura tagħha tirrestrinġi l-libertà li jiġi pprovdut is-servizz ikkonċernat, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri li ma tkunx diskriminatorja, iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonata, iżda wkoll li l-kriterji ta’ għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din is-sistema jkunu konformi mal-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri li ma tkunx diskriminatorja, iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonata jiġifieri li ma jkunux diskriminatorji, iġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, proporzjonati għal dan l-għan ta’ interess ġenerali, ċari u mhux ambigwi, oġġettivi, ippubblikati minn qabel kif ukoll trasparenti u aċċessibbli.

    58

    Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi tali skema ta’ awtorizzazzjoni maż-żewġ artikoli previsti fil-punt preċedenti, li jistabbilixxu obbligi ċari, preċiżi u mhux ikkundizzjonati li jagħtuhom effett dirett (ara b’analoġija, dwar l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123, sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 130), hija intiża li tevalwa separatament u suċċessivament, l-ewwel, in-natura ġġustifikata tal-prinċipju stess tal-istabbiliment ta’ din l-iskema, imbagħad il-kriterji tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din tal-aħħar.

    59

    Fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-leġiżlatur nazzjonali jinkariga lil ċerti awtoritajiet lokali sabiex jimplimentaw “skema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2006/123, billi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom jinħarġu l-awtorizzazzjonijiet previsti minn din is-sistema, huma l-qrati nazzjonali, minn naħa, li għandhom jevalwaw il-konformità, mal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, ta’ użu mil-leġiżlatur nazzjonali ma’ tali mekkaniżmu u, min-naħa l-oħra, li jivverifikaw jekk il-kriterji stabbiliti minn dan il-leġiżlatur u li jirregolaw l-għoti ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet humiex għalhekk konformi mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva.

    60

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 u tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/123 b’rabta mhux mal-leġiżlazzjoni adottata mill-ville de Paris, iżda biss mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirriżulta mill-Artikoli L. 631-7 u L. 631-7-1 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, li timponi fuq ċerti awtoritajiet lokali l-obbligu li jadottaw sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-attivitajiet ta’ servizz ikkonċernati u li tinkwadra l-kundizzjonijiet għall-għoti minnhom tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din is-sistema.

    61

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandha għalhekk tingħata risposta, fl-ewwel lok, għat-tielet u għar-raba’ domanda dwar il-konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/123 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkariga lil ċerti awtoritajiet lokali sabiex jimplimentaw sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-attivitajiet ta’ servizz ikkonċernati u, fit-tieni lok, għall-ħames u għas-sitt domanda dwar il-konformità mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva tal-kriterji stabbiliti minn tali leġiżlazzjoni u li tirregola l-kundizzjonijiet għall-għoti minn dawn l-awtoritajiet lokali tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din is-sistema.

    Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

    62

    Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) (b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet intiżi li jiggarantixxu provvista suffiċjenti ta’ akkomodazzjoni intiża għall-kiri għal żmien twil bi prezzijiet li jintlaħqu, tissuġġetta ċerti attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra, għal awtorizzazzjoni minn qabel, applikabbli f’ċerti komuni fejn it-tensjoni fuq il-kirjiet hija għolja ħafna, hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta mal-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet maħsuba għall-kiri u hija proporzjonata mal-għan imfittex.

    63

    Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz u l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni biss bil-kundizzjoni li din ma tkunx diskriminatorja fir-rigward tal-fornitur ikkonċernat, iżda wkoll li din tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, fl-aħħar nett, li l-għan imfittex minn din is-sistema ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżura inqas restrittiva, b’mod partikolari minħabba li kontroll a posteriori jseħħ tard wisq sabiex ikollu effikaċja reali.

    64

    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li t-tielet u r-raba’ domanda jirrigwardaw esklużivament it-tieni u t-tielet kundizzjoni previsti fl-Artikolu 9(1) (b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/123.

    65

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 9(1)(b), mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Artikolu L. 631-7 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni huwa intiż li jistabbilixxi dispożittiv ta’ ġlieda kontra n-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet intiżi għall-kiri, bil-għan li jiġu ssodisfatti d-degradazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-akkomodazzjoni u għaż-żieda tat-tensjonijiet fis-swieq tal-proprjetà immobbli, b’mod partikolari billi jiġu rregolati l-problemi ta’ nuqqas ta’ funzjonament tas-suq, fil-protezzjoni tal-proprjetarji u tal-inkwilini u billi jkun permess it-tkabbir tal-provvista ta’ akkomodazzjonijiet f’kundizzjonijiet li josservaw il-bilanċ tat-territorji, sa fejn l-akkomodazzjoni tikkostitwixxi beni tal-ewwel neċessità u d-dritt għal akkomodazzjoni diċenti jikkostitwixxi għan protett mill-Kostituzzjoni Franċiża.

    66

    Issa, għan bħal dak segwit minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-Direttiva 2006/123.

    67

    Fil-fatt, l-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi li r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jinvokaw huma raġunijiet irrikonoxxuti bħala tali mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jinkludu b’mod partikolari l-ġustifikazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent urban (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 135), kif ukoll għanijiet ta’ politika soċjali.

    68

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li rekwiżiti marbuta mal-politika tal-akkomodazzjoni u intiżi sabiex tiġi miġġielda l-pressjoni immobbiljari, b’mod partikolari meta suq speċifiku jkun fih nuqqas strutturali ta’ akkomodazzjoni u densità ta’ popolazzjoni partikolarment għolja jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 30, kif ukoll tat‑8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punti 50 sa 52).

    69

    Għaldaqstant, u fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju kif ukoll tal-istudju mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Franċiż u kkonfermat mill-ville de Paris, li juri l-fatt li l-attività ta’ kiri ta’ bini bl-għamara għal żmien qasir għandha effett inflazzjonarju sinjifikattiv fuq il-livell tal-kirjiet b’mod partikolari f’Pariġi, iżda wkoll fi bliet Franċiżi oħra, b’mod partikolari meta hija toriġina minn sidien li joffru għall-kiri żewġ akkomodazzjonijiet sħaħ jew iktar, jew akkomodazzjoni sħiħa għal iktar minn 120 jum għal kull sena, hemm lok li jitqies li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

    70

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/123, jirriżulta, essenzjalment, mill-Artikoli L. 631-7 u L. 631-7-1 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, moqrija flimkien, li, fil-komuni Franċiżi ta’ iktar minn 200000 abitant kif ukoll f’dawk ta’ tliet dipartimenti li jmissu maġenb Pariġi, l-attività ta’ kiri ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra, tirrikjedi, mingħajr eċċezzjoni, awtorizzazzjoni ta’ bidla fl-użu maħruġa mis-sindku tal-komun li fih ikun jinsab il-bini kkonċernat.

    71

    Tali leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżulta, l-ewwel nett, materjalment limitata għal attività speċifika ta’ kiri ta’ proprjetajiet immobbli intiżi għall-abitazzjoni.

    72

    Fl-istess sens, u skont l-Artikolu L. 631-7-1 A tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, l-imsemmija leġiżlazzjoni teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-abitazzjonijiet li jikkostitwixxu r-residenza prinċipali tal-kerrej, peress li l-kiri tagħhom ma jwassalx għal konsegwenzi fuq is-suq tal-kiri għal żmien twil, fl-assenza ta’ neċessità għall-imsemmi sid li jistabbilixxi r-residenza prinċipali tiegħu f’post ieħor ta’ abitazzjoni.

    73

    Sussegwentement, din l-istess leġiżlazzjoni tistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni li ma hijiex ta’ applikazzjoni ġenerali, iżda ta’ portata ġeografika ristretta, li tkopri numru limitat ta’ komuni b’densità għolja ta’ popolazzjoni li fihom jeżisti, kif jirriżulta minn diversi dokumenti pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Franċiż, fosthom l-istudju msemmi fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, tensjonijiet fis-suq tal-kiri ta’ bini għal użu residenzjali wara l-iżvilupp tal-kiri ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni għal klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra.

    74

    Fl-aħħar nett, u kif isostni l-ville de Paris fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-użu ta’ sistema dikjaratorja flimkien ma’ sanzjonijiet ma jistax isegwi b’mod effettiv l-għan tal-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet intiżi għall-kiri għal żmien twil. Fil-fatt, billi tawtorizza lill-awtoritajiet lokali jintervjenu a posteriori biss, tali sistema ma tippermettix li titwaqqaf immedjatament u b’mod effettiv it-tkomplija tal-moviment ta’ trasformazzjoni mgħaġġla li toħloq dan in-nuqqas.

    75

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet intiżi li jiggarantixxu provvista suffiċjenti ta’ akkomodazzjoni intiża għall-kiri għal żmien twil bi prezzijiet li jintlaħqu, tissuġġetta ċerti attivitajiet ta’ kiri għal remunerazzjoni ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra, għal skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel applikabbli għal ċerti komuni fejn it-tensjoni fuq il-kirjiet hija għolja ħafna, hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta mal-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet maħsuba għall-kiri u hija proporzjonata mal-għan imfittex, sa fejn dan kollu ma jkunx jista’ jintlaħaq b’miżura inqas restrittiva, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori sseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiva.

    Fuq il-ħames u s-sitt domanda

    76

    Permezz tal-ħames u s-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi skema li suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni li huwa bbażat fuq kriterji relatati mal-fatt li jinkera l-post inkwistjoni “b’mod ripetut, għal perijodi qosra ta’ żmien, lil klijenti għal żmien qasir li ma jkollhomx hemm id-domiċilju tagħhom” u li tagħti lill-awtoritajiet lokali s-setgħa li jispeċifikaw, fil-kuntest stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din l-iskema fid-dawl tal-għanijiet ta’ kompożizzjoni soċjali u skont karatteristiċi tas-swieq lokali ta’ abitazzjoni u tan-neċessità li ma jiġix aggravat in-nuqqas ta’ abitazzjonijiet, billi jżidu magħhom obbligu ta’ kumpens fil-forma ta’ trasformazzjoni simultanja f’abitazzjoni ta’ bini li għandu użu ieħor.

    77

    Skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/123, l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju. Skont l-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva, dawn il-kriterji għandhom b’mod partikolari jkunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, proporzjonali għal dan l-għan ta’ interess ġenerali, ċari u mhux ambigwi, oġġettivi, magħmula pubbliċi minn qabel u, fl-aħħar nett, trasparenti u aċċessibbli.

    78

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li għalkemm hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiddetermina jekk, f’dan il-każ, tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa sabiex tipprovdi lil din b’risposti utli fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jkunu ppreżentati quddiemha, ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali tasal għal deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 79).

    79

    F’din il-perspettiva, u fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rekwiżit, imsemmi fl-Artikolu 10(2)(b) tad-Direttiva 2006/123, li jirrigwarda n-natura ġġustifikata tal-kriterji ta’ awtorizzazzjoni minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn dawn jinkludu l-modalitajiet ta’ determinazzjoni fil-livell lokali tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn sistema adottata fuq livell nazzjonali li tirriżulta ġġustifikata minn tali raġuni, kif jirriżulta mill-punti 65 sa 69 ta’ din is-sentenza, il-kriterji stabbiliti minn leġiżlazzjoni bħal dik prevista fil-punt 80 ta’ din is-sentenza għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu bħala ġġustifikati minn din l-istess raġuni.

    80

    Dan għandu japplika b’mod partikolari meta, bħal fil-każ tal-Artikolu L. 631-7-1 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, il-leġiżlatur nazzjonali ħa ħsieb li jimponi fuq l-awtoritajiet lokali t-tkomplija ta’ tali raġuni fl-implimentazzjoni konkreta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, billi jinsisti fuq l-għan ta’ kompożizzjoni soċjali u fuq il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ din l-implimentazzjoni, il-karatteristiċi tas-swieq ta’ bini residenzjali kif ukoll dak li ma jaggravax in-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet.

    81

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità, imsemmi fl-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju kif iċċarati mill-osservazzjonijiet bil-miktub konkordanti tal-partijiet u tal-partijiet ikkonċernati l-oħra li ħadu sehem f’din il-proċedura jirriżulta li d-dibattitu jirrigwarda essenzjalment il-possibbiltà rrikonoxxuta lill-komuni Franċiżi kkonċernati, fl-Artikolu L. 631-7-1 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, li jakkumpanjaw ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel previst fl-Artikolu L. 631–7 ta’ dan il-kodiċi għall-obbligu ta’ kumpens fil-forma ta’ trasformazzjoni simultanja f’abitazzjoni ta’ bini li għandu użu ieħor, li l-valur tiegħu jiġi kkwantifikat mill-kunsill muniċipali tagħhom.

    82

    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li tali leġiżlazzjoni hija adatta sabiex tiggarantixxi l-adegwatezza tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni li hija tistabbilixxi għaċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull wieħed mill-komuni kkonċernati, li tagħhom l-awtoritajiet lokali għandhom għarfien ipprivileġġat.

    83

    Fil-fatt, hija tirriżerva lil dawn l-awtoritajiet lokali l-kompetenza sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom jinħarġu l-awtorizzazzjonijiet previsti minn din l-iskema. B’mod partikolari, l-Artikolu L. 631-7-1 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni jippermettilhom, iżda ma jorbtuhomx, li jissuġġettaw il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal obbligu ta’ kumpens, filwaqt li jipprovdi, minn naħa, li l-awtoritajiet lokali li jagħżlu li jimponu tali obbligu għandhom jiżguraw l-adegwatezza stretta ta’ dan l-obbligu għas-sitwazzjoni speċifika mhux tal-komun ikkonċernat kollu kemm hu, iżda ta’ kull kwartier jew, jekk ikun il-każ, distrett tagħha, u, min-naħa l-oħra, li l-ammont ta’ da nil-kumpens jiġi ddeterminat fid-dwal tal-għan ta’ kompożizzjoni soċjali u skont, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tas-swieq ta’ postijiet tal-abitazzjoni u tal-bżonn li ma jiġix aggravat in-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet.

    84

    Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 133 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu ta’ tali obbligu ta’ kumpens li b’hekk tawtorizza din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-attenzjoni tal-komuni suġġetti għal pressjoni immobiljari partikolari li tirriżulta minn żieda sinjifikattiva fis-superfiċji immobiljari ddedikata għall-kiri ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni lil klijentela temporanja għad-detriment tal-kiri ta’ bini residenzjali għal żmien twil lil klijentela li tistabbilixxi r-residenza tagħha fiha jikkostitwixxi, bħala prinċipju, strument adegwat sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ kompożizzjoni soċjali tal-habitat fuq it-territorju tiegħu, ta’ provvista suffiċjenti ta’ akkomodazzjonijiet u taż-żamma tal-kirjiet f’livell li jintlaħaq.

    85

    Dan japplika b’mod partikolari meta l-obbligu ta’ kumpens ikkonċernat jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ superfiċji tal-inqas kostanti ta’ bini għal użu residenzjali fis-suq tal-kiri għal żmien twil u, minħabba dan il-fatt, jipparteċipa fl-għan taż-żamma ta’ prezzijiet li jistgħu jintlaħqu f’dan is-suq billi jiġġieldu kontra l-inflazzjoni tal-kirjiet, kif sostna l-Gvern Franċiż waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    86

    Madankollu, il-possibbiltà rrikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali lill-awtoritajiet lokali kkonċernati li jużaw, minbarra l-iskema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel imposta minn din il-leġiżlazzjoni, obbligu ta’ kumpens bħal dak imsemmi fil-punt 81 ta’ din is-sentenza ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan.

    87

    Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl tal-elementi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, l-ewwel nett, jekk din il-possibbiltà tissodisfax effettivament nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet intiżi għall-kiri għal żmien twil, ikkonstatat fit-territorji kkonċernati.

    88

    Għal dan il-għan, huma partikolarment rilevanti studji jew analiżi oġġettivi oħra li juru l-fatt li l-obbligu ta’ kumpens jippermetti lill-awtoritajiet lokali jissodisfaw sitwazzjoni fejn it-talba għal akkomodazzjoni intiża għall-abitazzjoni residenzjali b’kundizzjonijiet ekonomiċi aċċettabbli tista’ tiġi ssodisfatta minħabba, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-kiri ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom.

    89

    Sussegwentement, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura ruħha li l-possibbiltà rrikonoxxuta, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lill-awtoritajiet lokali kkonċernati li jiddeterminaw il-valur tal-obbligu ta’ kumpens li huma għamlu l-għażla li jimponu tirriżulta mhux biss adattata għas-sitwazzjoni tas-suq lokattiv tal-komuni kkonċernati, iżda wkoll kompatibbli mal-eżerċizzju tal-attività ta’ kiri ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom.

    90

    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-adegwatezza ta’ dan il-valur għas-sitwazzjoni tas-suq lokattiv tal-komuni kkonċernati, din il-possibbiltà tikkostitwixxi indizju qawwi tan-natura adattata tal-obbligu ta’ kumpens awtorizzat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li l-użu tal-imsemmija possibbiltà jkun ikkundizzjonat mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi oġġettivi ta’ sitwazzjoni bejn it-territorji kkonċernati u, għaldaqstant, jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull komun, jew ta’ kull kwartier jew distrett tiegħu.

    91

    It-tieni nett, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-valur tal-obbligu ta’ kumpens hekk awtorizzat mal-eżerċizzju tal-attività ta’ kiri ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, din għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-qligħ eċċessiv ġeneralment ikkonstatat ta’ din l-attività meta mqabbel mal-kiri ta’ bini intiż għall-abitazzjoni residenzjali.

    92

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu ta’ kumpens li l-awtorità lokali kkonċernata tkun għażlet li timponi ma jċaħħadx, b’mod ġenerali, lill-proprjetarju ta’ proprjetà intiża għall-kiri milli jirtira l-frott, peress li bħala prinċipju huwa għandu l-possibbiltà li jikri dan il-prodott mhux bħala bini bl-għamara għall-użu ta’ klijentela temporanja, iżda bħala post għall-użu minn klijentela li tistabbilixxi r-residenza tagħha fiha, attività ċertament inqas profittabbli, iżda li għaliha ma japplikax dan l-obbligu.

    93

    Fl-aħħar nett, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet prattiċi li jippermettu li jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ kumpens fil-lokalità kkonċernata.

    94

    B’mod partikolari, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-obbligu jista’ jiġi ssodisfatt mhux biss bit-trasformazzjoni f’abitazzjoni ta’ bini ieħor miżmum mill-persuna kkonċernata u li għandu użu ieħor, iżda wkoll permezz ta’ mekkaniżmi oħra ta’ kumpens, bħal, b’mod partikolari, ix-xiri minnha ta’ drittijiet mingħand proprjetarji oħra, li jikkontribwixxu għaż-żamma tal-unitajiet għall-akkomodazzjoni fit-tul. Madankollu, dawn il-mekkaniżmi għandhom jilħqu kundizzjonijiet raġonevoli, trasparenti u aċċessibbli tas-suq.

    95

    Fir-rigward, fit-tielet lok, tar-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ nuqqas ta’ ambigwità u ta’ oġġettività, previsti fl-Artikolu 10(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2006/123, u msemmija mill-ħames u mis-sitt domanda preliminari, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju kif ukoll mid-dibattiti li saru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Cali Apartments u HX essenzjalment jikkritikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li hija bbażata fuq kunċett ambigwu u diffiċilment komprensibbli li jirriżulta mill-Artikolu L. 631-7 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni, jiġifieri dak ta’ “kiri ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni b’mod ripetut u għal perijodi qosra lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom”.

    96

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ nuqqas ta’ ambigwità msemmija fl-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 jirreferu għall-ħtieġa li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jinftiehmu faċilment minn kulħadd billi tiġi evitata kull ambivalenza fil-formulazzjoni tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Van Gennip et, C‑137/17, EU:C:2018:771, punt 85). Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ oġġettività stabbilit fl-Artikolu 10(2)(e) ta’ din id-direttiva, dan huwa intiż sabiex l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni jiġu evalwati abbażi tal-merti tagħhom stess, sabiex jiġi ggarantit lill-partijiet ikkonċernati li t-talba tagħhom tiġi ttrattata b’oġġettività u b’imparzjalità, kif jeżiġi, barra minn hekk, l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C‑302/97, EU:C:1999:271, punt 44).

    97

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 10(7) kif ukoll il-premessi 59 u 60 tad-Direttiva 2006/123 jiddikjaraw li din, u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha, ma tikkontestax it-tqassim tal-kompetenzi lokali jew reġjonali tal-awtoritajiet tal-Istat Membru kompetenti sabiex joħorġu l-awtorizzazzjonijiet.

    98

    B’hekk, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, speċifika għal ċerti komuni, għall-attivitajiet ta’ “kiri ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni b’mod ripetut u għal perijodi qosra lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom”, filwaqt li tagħti lill-awtoritajiet lokali kkonċernati s-setgħa li jiffissaw il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni meħtieġa, li jipprevedu obbligu ta’ kumpens u li jiddeterminaw il-valur ta’ dan l-obbligu eventwali skont b’mod partikolari, permezz ta’ limiti kkwantifikati, il-karatteristiċi tas-swieq tal-bini tal-abitazzjoni u tan-neċessità li ma jiġix aggravat in-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet, il-fatt li dan il-kunċett ma huwiex iddefinit minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, element ta’ natura li juri interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ nuqqas ta’ ambigwità u ta’ oġġettività stabbiliti fl-Artikolu 10(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2006/123.

    99

    Min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni suffiċjenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-awtoritajiet lokali kkonċernati ppreċiżawx it-termini li jikkorrispondu għall-kunċett inkwistjoni b’mod ċar, mhux ambigwu u oġġettiv, b’tali mod li l-komprensjoni ta’ dan il-kunċett ma tħallix lok għal dubju fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-obbligi hekk stabbiliti minn dawn l-awtoritajiet lokali u li dawn tal-aħħar ma jistgħux japplikaw b’mod arbitrarju dan l-istess kunċett.

    100

    Tali verifika hija essenzjali fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-kwistjoni taċ-ċarezza tal-kunċett inkwistjoni tqum fil-kuntest ta’ proċedura li għaliha għandu japplika l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 49).

    101

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar iċ-ċarezza u l-oġġettività suffiċjenti tal-Artikolu L. 631-7-1 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni u tal-Abitazzjoni sa fejn jipprovdi li l-kundizzjonijiet li fihom jinħarġu l-awtorizzazzjonijiet u stabbiliti l-kumpensi għal kull kwartier u, jekk ikun il-każ, għal kull distrett, huma ddeterminati fid-dawl tal-għanijiet ta’ kompożizzjoni soċjali, b’mod partikolari skont il-karatteristiċi tas-swieq ta’ bini residenzjali u l-ħtieġa li ma jiġix aggravat in-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet.

    102

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-leġiżlatur nazzjonali jillimita ruħu li jirregola l-modalitajiet ta’ determinazzjoni minn awtorità lokali tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn skema billi jirreferi għall-għanijiet li din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni ma jistax, bħala prinċipju, iwassal sabiex jitqies li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex suffiċjentement ċari u oġġettivi, b’mod partikolari jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiffissa mhux biss l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet lokali kkonċernati, iżda wkoll l-elementi oġġettivi li abbażi tagħhom dawn l-awtoritajiet għandhom jiddeterminaw dawn il-kundizzjonijiet għall-għoti.

    103

    Fil-fatt, u bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet ta’ din in-natura jippreżentaw livell suffiċjenti ta’ preċiżjoni u ta’ ċarezza, u huma ta’ natura li jevitaw kull riskju ta’ arbitrarjetà fl-implimentazzjoni tagħhom.

    104

    Fir-rigward, fir-raba’ u l-aħħar lok, tar-rekwiżiti ta’ reklamar minn qabel, ta’ trasparenza u ta’ aċċessibbiltà tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet, previsti fl-Artikolu 10(2)(f) u (g) tad-Direttiva 2006/123, u msemmija fis-sitt domanda preliminari, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li Cali Apartments u HX jilmentaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti minħabba li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet kif ukoll l-ammont tal-kumpens huma ddeterminati mhux mil-liġi nazzjonali, imma mill-kunsilli muniċipali ta’ kull wieħed mill-komuni kkonċernati.

    105

    Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, huwa importanti, f’kuntest leġiżlattiv bħal dak deskritt fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, li jiġi vverifikat, għall-finijiet tal-Artikolu 10(2)(f) u (g) tad-Direttiva 2006/123, jekk kull proprjetarju li jixtieq jikri bini bl-għamara għal użu residenzjali lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom huwiex f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni sħiħa tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni u tal-obbligu eventwali ta’ kumpens previsti mill-awtoritajiet lokali kkonċernati, minn qabel, għall-kiri ta’ akkomodazzjoni kkonċernata.

    106

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-Artikolu L. 2121‑25 tal-Kodiċi Ġenerali tal-Awtoritajiet Territorjali, ir-rendikonti tas-sessjonijiet tal-kunsill muniċipali jintwerew fil-bini u jitqiegħdu online fis-sit internet tal-komun ikkonċernat.

    107

    Tali miżura ta’ reklamar hija biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ reklamar minn qabel, ta’ trasparenza u ta’ aċċessibbiltà meħtieġa fl-Artikolu 10(2)(f) u (g) tad-Direttiva 2006/123, sa fejn hija tippermetti b’mod effettiv lil kull persuna kkonċernata li tiġi informata immedjatament bl-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni li tista’ taffettwa l-aċċess għall-attività kkonċernata jew l-eżerċizzju tagħha.

    108

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi skema li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni, li hija bbażata fuq kriterji marbuta mal-fatt li jinkera l-post inkwistjoni “b’mod ripetut u għal perijodi qosra lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom” u li tagħti lill-awtoritajiet lokali s-setgħa li jispeċifikaw, fil-kuntest stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din l-iskema fid-dawl tal-għanijiet ta’ kompożizzjoni soċjali u skont karatteristiċi tas-swieq lokali ta’ abitazzjoni u tan-neċessità li ma jiġix aggravat in-nuqqas ta’ abitazzjonijiet, billi jżidu magħhom obbligu ta’ kumpens fil-forma ta’ trasformazzjoni simultanja f’abitazzjoni ta’ bini li għandu użu ieħor, dment li dawn il-kundizzjonijiet għall-għoti jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni u li dan l-obbligu jkun jista’ jiġi ssodisfatt f’kundizzjonijiet trasparenti u aċċessibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    109

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2006/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tapplika għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni għal klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal dawk mhux professjonali.

     

    2)

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet ta’ kiri ta’ bini intiż għall-abitazzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu.

     

    3)

    L-Artikolu 9(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet intiżi li jiggarantixxu provvista suffiċjenti ta’ akkomodazzjoni intiża għall-kiri għal żmien twil bi prezzijiet li jintlaħqu, tissuġġetta ċerti attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra, għal skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel applikabbli għal ċerti komuni fejn it-tensjoni fuq il-kirjiet hija għolja ħafna, hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta mal-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet maħsuba għall-kiri u hija proporzjonata mal-għan imfittex, sa fejn dan kollu ma jkunx jista’ jintlaħaq b’miżura inqas restrittiva, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori sseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiva.

     

    4)

    L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni, li hija bbażata fuq kriterji marbuta mal-fatt li jinkera l-post inkwistjoni “b’mod ripetut u għal perijodi qosra lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom” u li tagħti lill-awtoritajiet lokali s-setgħa li jispeċifikaw, fil-kuntest stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din l-iskema fid-dawl tal-għanijiet ta’ kompożizzjoni soċjali u skont karatteristiċi tas-swieq lokali ta’ abitazzjoni u tan-neċessità li ma jiġix aggravat in-nuqqas ta’ abitazzjonijiet, billi jżidu magħhom obbligu ta’ kumpens fil-forma ta’ trasformazzjoni simultanja f’abitazzjoni ta’ bini li għandu użu ieħor, dment li dawn il-kundizzjonijiet għall-għoti jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni u li dan l-obbligu jkun jista’ jiġi ssodisfatt f’kundizzjonijiet trasparenti u aċċessibbli.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Top