This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0677
Judgment of the Court (Tenth Chamber) of 19 December 2019.#Amoena Ltd v Commissioners for Her Majesty's Revenue and Customs.#Request for a preliminary ruling from the First-tier Tribunal (Tax Chamber).#Reference for a preliminary ruling — Common Customs Tariff — Tariff classification — Combined Nomenclature — Headings 6212 and 9021 — Mastectomy bras — Implementing Regulation (EU) 2017/1167 — Validity — Notion of ‘accessories’ — Sincere cooperation.#Case C-677/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Amoena Ltd vs Commissioners for Her Majesty's Revenue and Customs.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi 6212 u 9021 – Riċipettijiet għal wara mastektomija – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1167 – Validità – Kunċett ta’ ‘aċċessorji’ – Kooperazzjoni leali.
Kawża C-677/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Amoena Ltd vs Commissioners for Her Majesty's Revenue and Customs.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi 6212 u 9021 – Riċipettijiet għal wara mastektomija – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1167 – Validità – Kunċett ta’ ‘aċċessorji’ – Kooperazzjoni leali.
Kawża C-677/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1142
*A9* First-tier Tribunal (Tax Chamber), Order of 01/11/2018 (TC/2017/6753)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
[Test irrettifikat permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Lulju 2021]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi 6212 u 9021 – Riċipettijiet għal wara mastektomija – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1167 – Validità – Kunċett ta’ ‘aċċessorji’ – Kooperazzjoni leali”
Fil-Kawża C‑677/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tat-Taxxa), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura
Amoena Ltd
vs
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, E. Juhász u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Amoena Ltd, minn A. Mehlin, solicitor, E. Brown, barrister, G. Facenna, QC, u A. Davies, consultant, |
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn S. Singh, barrister, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u J. Hradil, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1167 tas-26 ta’ Ġunju 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2017, L 170, p. 50). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Amoena Ltd u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tar-riċipettijiet għal wara mastektomija. |
Il-kuntest ġuridiku
In-NM
3 |
Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-nomenklatura magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382). Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta minn dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821, tas-6 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 294, p. 1). |
4 |
L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li tikkonċerna r-regoli ġenerali, is-Sezzjoni A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”, tipprovdi: “1. L-intestaturi tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin. […] 6. Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tkun deċiża skont it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti tas-subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, skont il-kundizzjoni li s-subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.” |
5 |
It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, hija maqsuma f’21 taqsima. It-Taqsima XI, intitolata “Tessuti u Oġġetti ta’ Tessuti”, tinkludi b’mod partikolari l-Kapitolu 62, intitolat “Oġġetti ta’ lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, mhux maħdumin bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted)”. |
6 |
L-intestatura 6212 tan-NM, li għaliha tapplika rata konvenzjonali tad-dazju ta’ 6.5 %, hija strutturata kif ġej:
|
7 |
It-Taqsima XVIII tat-tieni parti tan-NM hija intitolata “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; arloġġi u arloġġi tal-idejn; strumenti mużikali; partijiet u aċċessorji tagħhom”. B’mod partikolari, din tinkludi l-Kapitolu 90, intitolat “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, għal kejl, għal iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; partijiet u aċċessorji tagħhom”. |
8 |
L-intestatura 9021 tan-NM, li l-merkanzija koperta minnha hija eżentata mid-dazju konvenzjonali, hija strutturata kif ġej:
|
9 |
In-Nota 2(b) tal-Kapitolu 90 tan-NM tipprovdi:
[…]” |
Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013
10 |
L-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1), intitolat “Il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu: “1. Għall-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali Komuni, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ waħda mis-subintestaturi jew sottodiviżjonijiet ulterjuri tan-Nomenklatura Magħquda li taħtha ser tiġi kklassifikata dik il-merkanzija. […] 4. Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri biex tiddetermina l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija skont il-paragrafi 1 u 2. |
11 |
L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni”, jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’-atti ta’ implimentazzjoni, il-miżurimsemmija fl-Artikolu 57(4). […]” |
12 |
L-Artikolu 285(1) tal-istess regolament jispeċifika: “Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna mill-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali. […]” |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167
13 |
Sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tan-NM, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 li, skont l-Artikolu 3 tiegħu, daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Lulju 2017. |
14 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-[NM] taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.” |
15 |
L-Anness tar-regolament imsemmi jaqra kif ġej: “ANNESS
” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
16 |
Amoena, kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, timporta riċipettijiet għal wara mastektomija li hija tikkummerċjalizza taħt l-isem “Carmen”. |
17 |
Fl-1 ta’ Awwissu 2017, wara l-importazzjoni minn Amoena ta’ lott ta’ riċipettijiet għal wara mastektomija, l-amministrazzjoni fiskali kklassifikat din il-merkanzija fis-subintestatura 62121090 tan-NM, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167, u applikat rata ta’ dazji doganali ta’ 6.5 %, li Amoena talbet ir-rimbors tagħha fl-istess jum. |
18 |
Fl-1 ta’ Settembru 2017, l-amministrazzjoni fiskali rrifjutat din it-talba, fatt li Amoena kkontestat quddiem il-qorti tar-rinviju. Amoena ssostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 huwa invalidu għaliex jirriżulta minn żball manifest, għaliex jikser is-setgħat limitati tal-Kummissjoni sa fejn jirrestrinġi b’mod illegali l-portata tal-intestatura 9021 tan-NM u għaliex jikser l-Artikolu 4(3) TUE. Din issostni wkoll li, fid-dawl tal-għan speċifiku u tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom, ir-riċipettijiet għal wara mastektomija għandhom jiġu kklassifikati bħala “aċċessorji” ta’ proteżijiet tas-sider, skont in-Nota 2(b) tal-Kapitolu 90 tan-NM, u għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 9021, u b’hekk jiġu evitati d-dazji doganali. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju tiċċita, fl-ewwel lok, sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016 li permezz tagħha s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li r-riċipettijiet għal wara mastektomija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kellhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 9021 tan-NM (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016”). |
20 |
Billi tirreferi għall-konstatazzjonijiet fattwali li jinsabu f’din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi r-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma l-partijiet fil-kawża prinċipali jikkontestawha, bħala riċipettijiet għal wara mastektomija intiżi li jintlibsu min-nisa li kienu suġġetti għal tneħħija kirurġika ta’ sider wieħed jew it-tnejn li huma. Dawn huma maħsuba speċjalment biex jinkludu fihom proteżijiet tas-sider tas-silikon u huma attrezzati bi bwiet fuq il-lemin u fuq ix-xellug sabiex il-proteżijiet jinżammu f’posthom. Il-karatteristiċi l-oħra li jiddifferenzjaw riċipettijiet għal wara mastektomija minn riċipettijiet ordinarji huma ċineg wiesgħa b’inforra kkuttunata, pożizzjonati fin-naħa ta’ fuq ta’ nofs kull sider, li jgħinu biex iġorru l-piż tal-proteżi tas-sider u jippermettu li jiġi evitat stress eċċessiv assoċjat mal-problemi fl-għonq u fl-ispalel li jaffaċċjaw in-nisa wara l-operazzjoni kirurġika. Dawn huma intiżi wkoll sabiex jiġi evitat li l-proteżi tas-sider tkun viżibbli, u saħansitra jadottaw tfassil speċjali u forma differenti minn dik ta’ riċipettijiet klassiċi. |
21 |
B’hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li r-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiddistingwu ruħhom oġġettivament permezz tad-disinn tagħhom mir-riċipettijiet ordinarji u li l-użu li huma intiżi għalih jirriżulta b’mod ċar mill-karatteristiċi fiżiċi tagħhom. Barra minn hekk, din tosserva li r-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien mal-proteżijiet tas-sider li dawn huma intiżi li jżommu u li jifilħu, inaqqsu l-impatt psikoloġiku marbut mal-mastektomija. |
22 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa paċifiku li l-proteżijiet tas-sider stess li dawn ir-riċipettijiet huma intiżi sabiex iżommu u jifilħu huma kklassifikati fl-intestatura 9021 tan-NM bħala “parti artifiċjali tal-ġisem”. |
23 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tindika li, wara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Amoena ppreżentat talbiet għal informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem l-“ITV”) quddiem l-amministrazzjoni fiskali għar-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Wara li kkonfermat li rċeviet dawn it-talbiet, din l-amministrazzjoni informat lil Amoena li l-ħruġ tal-ITV dwar din il-merkanzija kien sospiż sakemm isir l-eżami tal-klassifikazzjoni tagħhom mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali (iktar ’il quddiem il-“KKD”) bil-għan li eventwalment jiġi adottat regolament ta’ klassifikazzjoni. |
24 |
Inżammet laqgħa tal-KKD mis-17 sad-19 ta’ Ottubru 2016 bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u ta’ numru ta’ Stati Membri, fosthom ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li matulha r-rappreżentant ta’ dan l-aħħar Stat ipprovda preċiżazzjonijiet fir-rigward tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016 u r-raġunament tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) li wassal għall-klassifikazzjoni tar-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-intestatura 9021 tan-NM bħala aċċessorji ta’ proteżi tas-sider. |
25 |
Skont il-qorti tar-rinviju, mill-minuti ta’ din il-laqgħa jirriżulta, l-ewwel nett, li diversi Stati Membri ħarġu ITV abbażi tal-intestatura 6212 tan-NM għal dan it-tip ta’ prodotti, it-tieni nett, li l-parti l-kbira tal-Istati Membri preżenti waqt l-imsemmija laqgħa kienet tal-opinjoni li riċipettijiet għal wara mastektomija ma għandhomx karatteristiċi li jiddifferenzjawhom b’mod sinjifikattiv minn riċipettijiet taħt l-intestatura 6212 tan-NM u, it-tielet nett, li kien hemm lok, minħabba s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016 u sabiex tiġi ggarantita klassifikazzjoni tariffarja uniformi, li jiġi ppreparat u ppreżentat abbozz ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni għal diskussjoni matul il-laqgħa segwenti tal-KKD. |
26 |
Laqgħa ġdida tal-KKD seħħet mid-19 sal-21 ta’ Diċembru 2016, li matulha r-Renju Unit ipprovda informazzjoni supplimentari dwar il-proċedura li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016. Mill-minuti ta’ din il-laqgħa jirriżulta li din is-sentenza kienet tqieset li tmur kontra l-prassi ta’ klassifikazzjoni segwita fi Stati Membri oħra, li tgħid li r-riċipettijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-intestatura 6212 tan-NM minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tagħhom. |
27 |
Waqt laqgħa tal-KKD li nżammet mit-3 sal-5 ta’ Mejju 2017, abbozz ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni ta’ merkanzija, bħar-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġie ppreżentat għall-vot tal-Istati Membri. 27 Stat Membru vvota favur il-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija fis-subintestatura 62121090 tan-NM, filwaqt li kien biss ir-Renju Unit li vvota kontra din il-klassifikazzjoni. |
28 |
Fis-26 ta’ Ġunju 2017, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 ġie adottat mill-Kummissjoni. |
29 |
Peress li qieset li l-argumenti ppreżentati quddiemha minn Amoena jidhru li jistgħu jiġu difiżi, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tat-Taxxa) (ir-Renju Unit)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
30 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 fid-dawl, minn naħa, tal-klassifikazzjoni tal-merkanzija msemmija fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tagħha fl-intestatura 6212 tan-NM u mhux fl-intestatura 9021 tagħha u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. |
31 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li skont ġurisprudenza stabbilita, regolament ta’ klassifikazzjoni għandu portata ġenerali sa fejn ma japplikax għal operatur partikolari, iżda b’mod ġenerali għal prodotti identiċi għal dak li jkun ġie eżaminat mill-KKD. Sabiex, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, il-motivazzjoni tiegħu (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Vision Research Europe, C‑372/17, EU:C:2018:708, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Barra minn hekk, jekk regolament ta’ klassifikazzjoni ma jkunx direttament applikabbli għal prodotti li ma humiex identiċi, iżda biss analogi għall-prodott li huwa s-suġġett ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar ikun applikabbli b’analoġija għal tali prodotti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li l-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati u dawk imsemmija fir-regolament ta’ klassifikazzjoni jkunu suffiċjentement simili (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Vision Research Europe, C‑372/17, EU:C:2018:708, punt 44). |
33 |
Skont id-deskrizzjoni li tinsab fil-kolonna 1 tat-tabella tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167, dan jipprevedi: “[r]iċipettu maħdum […] b’ċineg wiesgħa aġġustabbli u b’inforra kkuttunata fuq l-ispalel, pożizzjonat ċentralment fuq is-sider, b’cups iffurmati u lastiku fuq il-parti ta’ wara tal-bażi. Hemm disinn irrakkmat fuq iċ-ċineg tal-ispalel u l-cups, kif ukoll ċoff dekorattiv fin-nofs, fuq quddiem. L-oġġett jingħalaq permezz ta’ kurkett aġġustabbli Ir-riċipettu għandu inforra fil-cups, b’fetħiet mal-ġnub biex jiddaħħal il-padding għat-tkabbir tas-sider (għal finijiet estetiċi), jew biex jiddaħħlu l-forom tas-sider wara mastektomija.” |
34 |
F’dan il-każ, mid-deskrizzjoni tar-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali pprovduta mill-qorti tar-rinviju, li tinsab fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li dawn huma għajnuna riċipettijiet għal wara mastektomija maħsuba speċjalment sabiex iżommu proteżijiet tas-sider u mgħammra bi bwiet laterali sabiex iżommu l-proteżijiet f’posthom. Dawn huma kkaratterizzati b’mod partikolari minn ċineg wiesgħa aġġustabbli u b’inforra kkuttunata fuq l-ispalel, pożizzjonati ċentralment fuq is-sider. |
35 |
Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi, ir-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru identiċi għall-merkanzija msemmija fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167, jew, tal-inqas, biżżejjed analogi għalihom sabiex dan ir-regolament ikun applikabbli għalihom b’analoġija. |
36 |
Peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 huwa applikabbli għar-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi eżaminata l-validità ta’ dan ir-regolament fid-dawl, minn naħa, tan-NM u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. |
Fuq il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 fir-rigward tan-NM
37 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea taw lill-Kummissjoni, li taġixxi b’kooperazzjoni mal-esperti doganali tal-Istati Membri, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiġi speċifikat il-kontenut tal-intestaturi tat-tariffi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni ta’ oġġett partikolari. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 57(4) tar-Regolament Nru 952/2013 ma tawtorizzahiex tbiddel il-kontenut u lanqas il-portata tal-intestaturi tariffarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punt 49, kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2018, Kubota (UK) u EP Barrus, C‑545/16, EU:C:2018:101, punt 23). |
38 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, billi pproċediet għall-klassifikazzjoni tal-merkanzija deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 fl-intestatura 6212 tan-NM u mhux fl-intestatura 9021 tagħha, il-Kummissjoni biddlitx il-kontenut jew il-portata ta’ dawn iż-żewġ intestaturi tariffarji. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ir-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija hija, bħala prinċipju, iddeterminata legalment skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli. Skont ir-regola ġenerali 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fis-subintestaturi tal-istess intestatura għandha tkun legalment iddeterminata skont it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u tan-noti ta’ subintestatura. |
40 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-ispezzjonijiet, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u min-noti ta’ taqsimiet jew ta’ kapitoli (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Dawn il-karatterestiċi u dawn il-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti għandhom ikunu jistgħu jiġu vverifikati fil-mument tar-rilaxx mid-dwana (sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, SAKSA, C‑185/17, EU:C:2018:108, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kapitolu 62 tan-NM jinkludi l-intestatura 6212, intitolata “Riċipettijiet, ċinet, kurpetti, ċingi, suspenders, takkalji u oġġetti simili u partijiet tagħhom, innittjati jew maħdumin bil-ganċ jew le”. Is-subintestatura 621210 għandha t-titolu “Riċipettijiet”. Il-formulazzjoni tas-subintestatura 62121090 tirrigwarda r-riċipettijiet u riċipettijiet “differenti” minn dawk “f’sett ippreżentat għal bejgħ bl-imnut magħmul minn riċipetto u qalziet ta’ taħt”. |
43 |
Għalhekk, abbażi tad-deskrizzjoni li tidher fil-kolonna 1 tat-tabella tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167, dwar il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-merkanzija msemmija minn dan ir-regolament, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li, b’applikazzjoni tar-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, kif stabbilit fil-motivazzjoni li tidher fil-kolonna 3 tat-tabella tal-Anness tal-imsemmi regolament, dan l-oġġett “għandu l-karatteristiċi oġġettivi (il-forma u l-kostruzzjoni) ta’ riċipettu tat-titolu 6212 [tan-NM]”. |
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, l-użu intiż tal-prodott jista’, ċertament, jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni, dan huwa biss sa fejn l-użu jkun inerenti għall-imsemmi prodott, peress li l-inerenza għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, anki jekk jitqies li r-riċipettijiet imsemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 huma, kif issostni Amoena, esklużivament jew, tal-inqas, prinċipalment intiż għal nisa li kienu suġġetti għal tneħħija kirurġika ta’ sider wieħed jew it-tnejn li huma u li jippermettulhom li jdaħħlu proteżi ta’ sider, din id-destinazzjoni ma tkunx ta’ natura li tinvalida l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
45 |
Fil-fatt, tali destinazzjoni ma hijiex inerenti għal din il-merkanzija, peress li l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-imsemmija merkanzija ma jidhrux li huma ta’ natura li jeskludu l-użu tagħhom bħala riċipettijiet ordinarji u lanqas sabiex jiġi impost użu esklużiv ta’ dawn ir-riċipettijiet bi proteżi tas-sider. Għalkemm ir-riċipettijiet imsemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 għandhom ċineg partikolarment wiesgħa pożizzjonati ċentralment fuq is-sider, kif ukoll fetħiet laterali, mill-motivi msemmija fil-kolonna 3 tat-tabella tal-anness ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma dan ġie kkontestat minn Amoena, jirriżulta li l-pożizzjoni speċifika taċ-ċineg hija karatteristika komuni għar-riċipettijiet li jinkludu cups ikbar u li l-imsemmija ftuħ laterali jistgħu jservu sabiex jilqgħu padding għal finijiet estetiċi. |
46 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet tqis, hekk kif jirriżulta mill-kolonna 3 tat-tabella li tinsab fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167, li, “fil-ħin tal-importazzjoni, il-karatteristiċi oġġettivi tal-prodott […] ma jagħtu l-ebda indikazzjoni tal-użu finali (għal finijiet estetiċi jew mediċi)”. |
47 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija msemmija fl-Anness tar-Regolament Nru 2017/1167 fl-intestatura 6212 tan-NM, b’mod iktar partikolari fis-subintestatura 62121090 tagħha, tidher li hija ġġustifikata u, konsegwentement, ma jidhirx li, billi pproċediet għal din il-klassifikazzjoni, il-Kummissjoni biddlet il-kontenut jew il-portata ta’ din l-intestatura 6212 tan-NM. |
48 |
Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa minn Amoena, kif ippreżentati fid-deċiżjoni tar-rinviju, favur klassifikazzjoni tar-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt l-intestatura 9021 tan-NM bħala “aċċessorji” tal-proteżijiet tas-sider, kif ġie deċiż mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016. |
49 |
F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa paċifiku li l-proteżijiet tas-sider stess li jistgħu jinżammu fir-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-intestatura 9021 tan-NM bħala “partijiet artiċifjali tal-ġisem”. |
50 |
Abbażi tan-nota 2(b) tal-Kapitolu 90 tan-NM, meta jkunu rikonoxxibbli bħala li huma esklużivament jew prinċipalment intiżi għal magna, strument jew apparat partikolari, jew ma’ għadd ta’ magni, strumenti jew apparati tal-istess intestatura ta’ dan il-kapitolu, il-partijiet u aċċessorji għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura relatata ma’ din jew dawn il-magni, strumenti jew apparati. |
51 |
[Test irrettifikat permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Lulju 2021] Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “aċċessorji”, fis-sens tal-Kapitolu 90 tan-NM, jippreżupponi li jkunu involuti korpi ta’ tagħmir interkambjabbli li jippermettu li apparat jiġi adattat għal xogħol partikolari jew li jikkonferixxilu possibbiltajiet addizzjonali jew ukoll iqiegħduh f’pożizzjoni li jiżgura servizz partikolari b’relazzjoni mal-funzjoni prinċipali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Unomedical, C‑152/10, EU:C:2011:402, punt 29, u tal-4 ta’ Marzu 2015, Oliver Medical, C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 69). |
52 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-merkanzija msemmija fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 ma tistax titqies li hija “aċċessorji”, fis-sens tal-Kapitolu 90 tan-NM, tal-proteżijiet tas-sider. |
53 |
Fil-fatt, tali riċipettijiet ma jippermettux li l-proteżijiet tas-sider jiġu adattati għal xogħol partikolari, ma jagħtuhomx possibbiltajiet ta’ użu supplimentari, u lanqas ma jpoġġuhom f’pożizzjoni li jiżguraw servizz partikolari b’rabta mal-funzjoni prinċipali tagħhom, sa fejn dawn ma jżidu xejn ma’ din il-funzjoni u lanqas ma jtejbu l-prestazzjoni intrinsika tagħhom. B’hekk, għalkemm dawn ċertament jistgħu, b’mod konformi mal-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, iservu sabiex iżommu l-proteżijiet tas-sider fosthom permezz tal-fetħiet laterali tagħhom, madankollu dawn ma jippermettux lil dawn il-proteżijiet li jwettqu funzjoni differenti minn dik li huma intiżi għaliha, li tikkonsisti fis-sostituzzjoni tat-totalità jew ta’ parti tas-sider li kienet is-suġġett ta’ tneħħija kirurġika. |
54 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jitqies li, billi kklassifikat il-merkanzija deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 fl-intestatura 6212 tan-NM u mhux fl-intestatura 9021 tagħha, il-Kummissjoni ma biddlitx il-kontenut jew il-portata ta’ dawn iż-żewġ intestaturi tariffarji. |
Fuq il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167 fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE
55 |
Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jobbliga mhux biss lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw il-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, iżda jimponi wkoll fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali mal-Istati Membri (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 87). |
56 |
B’hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jimponi obbligi proċedurali fuq il-Kummissjoni waqt it-tfassil ta’ att ġuridiku, b’mod partikolari peress li hija tista’ tkun marbuta li tieħu konjizzjoni u li teżamina l-argumenti mressqa minn Stat Membru kontra dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑263/98, EU:C:2001:455, punti 94 sa 96, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 84). |
57 |
Madankollu, f’dan il-każ, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligi proċedurali tagħha matul il-proċedura ta’ elaborazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni jirriżulta li, waqt il-laqgħat tal-KKD fix-xhur ta’ Ottubru u ta’ Diċembru 2016, li ppreċedew l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016 ġiet innotifikata kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri, li r-Renju Unit kellu l-opportunità li jispeċifika r-raġunament tagħha kif ukoll il-fatti li wasslu għall-kawża u li kien hemm skambju ta’ opinjonijiet f’dan ir-rigward. Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni ma eżaminatx u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni sostnuta mir-Renju Unit qabel l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167. |
58 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, waqt l-adozzjoni ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni tariffarja, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta minn sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru, anki jekk din tkun qorti suprema. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li tali regolament jiġi adottat mill-Kummissjoni, wara li tingħata l-opinjoni tal-KKD, meta l-klassifikazzjoni fin-NM ta’ prodott partikolari tkun tista’ toħloq diffikultà jew tkun is-suġġett ta’ kontroversja (sentenzi tas-26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C‑51/16, EU:C:2017:298, punt 59, u tal-15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punt 54), peress li tali sitwazzjoni ta’ inċertezza legali tista’ teżisti b’mod partikolari fil-każ ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza jew amministrattivi bejn l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-istess merkanzija. |
59 |
Issa, dan kien il-każ wara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, peress li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-klassifikazzjoni tariffarja tar-riċipettijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali deċiża mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kienet kuntrarja għal dik adottata mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra nħarġet l-ITV. |
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru ieħor ħarġu ITV, lil terzi f’kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali fejn id-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal appell taħt il-liġi nazzjonali, għal merkanzija speċifika, li tidher tagħti interpretazzjoni differenti lill-intestaturi tan-NM minn dik li l‑imsemmija qorti tqis li trid tintlaqa’ fir-rigward ta’ prodott simili inkwistjoni fl‑imsemmija kawża, għandu, mingħajr dubju, jinkoraġġixxi lil din il-qorti biex tkun partikolarment attenta fl-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ eventwali nuqqas ta’ dubju raġonevoli rigward l-implimentazzjoni korretta tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punti 33 u 34, kif ukoll tas-7 ta’ April 2011, Sony Supply Chain Solutions (Europe), C‑153/10, EU:C:2011:224, punt 42). |
61 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li ebda element miġjub għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż li, bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. |
62 |
Minn dan isegwi li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-eżami tagħhom ma rrileva ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1167. |
Fuq l-ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-eżami tad-domandi preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1167 tas-26 ta’ Ġunju 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.