Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0650

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta’ Ġunju 2021.
    L-Ungerija vs Il-Parlament Ewropew.
    Rikors għal annullament – Artikolu 7(1) TUE – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar proposta li titlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni – Artikoli 263 u 269 TFUE – Kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ammissibbiltà tar-rikors – Att li jista’ jiġi kkontestat – Artikolu 354 TFUE – Regoli dwar l-għadd tal-voti fil-Parlament – Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament – Artikolu 178(3) – Kunċett ta’ ‘voti espressi’ – Astensjonijiet – Prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ demokrazija u ta’ kooperazzjoni leali.
    Kawża C-650/18.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:426

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    3 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

    “Rikors għal annullament – Artikolu 7(1) TUE – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar proposta li titlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni – Artikoli 263 u 269 TFUE – Kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ammissibbiltà tar-rikors – Att li jista’ jiġi kkontestat – Artikolu 354 TFUE – Regoli dwar l-għadd tal-voti fil-Parlament – Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament – Artikolu 178(3) – Kunċett ta’ ‘voti espressi’ – Astensjonijiet – Prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ demokrazija u ta’ kooperazzjoni leali”

    Fil-Kawża C‑650/18,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis‑17 ta’ Ottubru 2018,

    L-Ungerija, irrappreżentata inizjalment minn M. Z. Fehér, G. Tornyai u Zs. Wagner, u sussegwentement minn M. Z. Fehér, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    sostnuta minn:

    Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

    intervenjenti,

    vs

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn F. Drexler, N. Görlitz u T. Lukácsi, bħala aġenti,

    konvenut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, L. Bay Larsen u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2020,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Diċembru 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, l-Ungerija titlob l-annullament tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat‑12 ta’ Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) [TUE], l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni [2017/2131(INL)] (ĠU 2019, C 433, p. 66, iktar ’il quddiem, ir-“riżoluzzjoni kkontestata”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-proċedura tal-Artikolu 7 TUE

    2

    L-Artikolu 7 TUE jipprevedi:

    “1.   Fuq proposta motivata minn terz ta’ l-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza ta’ tmenin fil-mija mill-membri tiegħu, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jikkonstata li hemm riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2. Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma’ l-Istat Membru in kwistjoni u jista’ jagħmillu rakkomandazzjonijiet, skond l-istess proċedura.

    Il-Kunsill għandu jivverifka regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret il-kostatazzjoni għadhomx validi.

    2.   Il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta ta’ terz ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni Ewropea u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista jikkonstata li hemm ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal- valuri msemmija fl-Artikolu 2, wara li jkunu stieden lil dan l-Istat Membru sabiex iressaq il-preżentazzjonijiet tiegħu.

    3.   Meta tkun saret il-kostatazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċidi li jissospendi lill-Istat Membru inkwistjoni minn xi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati kompriż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-gvern ta’ l-Istat Membru. Meta jagħmel hekk, il-Kunsill għandu jqis il-konsegwenzi li jista’ jkollha sospensjoni bħal din fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi.

    L-obbligi ta’ l-Istat Membru inkwistjoni kif joħorġu mit-Trattati jibqgħu jorbtu fuq dak l-Istat.

    4.   Il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’, sussegwentement, ibiddel jew iħassar il-miżuri li jkunu ttieħdu taħt il-paragrafu 3 minħabba tibdil fis-sitwazzjoni li tkun wasslet sabiex dawn ikunu ttieħdu.

    5.   L-arranġamenti tal-votazzjoni li, għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill Ewropew u għall-Kunsill, huma stabbiliti fl-Artikolu 354 [TFUE].”

    3

    L-Artikolu 354 TFUE jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 7 [TUE] dwar is-sospensjoni ta’ ċerti drittijiet li jirriżultaw mis-sħubija ma’ l-Unjoni, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru konċernat m’għandux jieħu sehem fil-vot u l-Istat Membru konċernat ma jiġix ikkunsidrat fil-kalkolu tat-terz jew ta’ erba’ minn ħamsa ta’ l-Istati Membri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dak l-Artikolu. L-astensjonijiet minn membri preżenti jew rappreżentati m’għandhomx iżommu l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu.

    Għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 7(3) u (4) [TUE], il-maġġoranza kwalifikata għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(b) ta’ dan it-Trattat.

    Meta, wara deċiżjoni ta’ sospensjoni tad-drittijiet ta’ vot adottata skond l-Artikolu 7(3) tat-[TUE], il-Kunsill jaġixxi, b’maġġoranza kwalifikata, abbażi ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati, din il-maġġoranza kwalifikata għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(b) ta’ dan it-Trattat, jew, meta l-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, skond l-Artikolu 238(3)(a).

    Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 7 [TUE], il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi bil-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.”

    L-istħarriġ ġudizzjarju

    4

    Skont l-ewwel u s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha teżamina l-legalità ta’ atti leġislattivi, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi ta’ l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi.

    […]

    Il-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.”

    5

    Skont l-Artikolu 269 TFUE:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tkun kompetenti li tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ att adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill skond l-Artikolu 7 [TUE] ħlief fuq talba ta’ l-Istat Membru suġġett għall-kostatazzjoni tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill, u biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet proċedurali previsti f’dak l-Artikolu.

    Din it-talba għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta’ tali kostatazzjoni. Il-Qorti għandha tiddeċiedi fi żmien xahar mid-data ta’ dik it-talba.”

    Il-Protokoll (Nru 24)

    6

    L-Artikolu Uniku tal-Protokoll (Nru 24) dwar l-asil għal ċittadini ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Protokoll (Nru 24)”) jipprovdi:

    “Meta wieħed iqis l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fundamentali mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu reċiprokament pajjiżi ta’ oriġini ta’ sigurtà għall-finijiet legali u prattiċi kollha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ materji ta’ asil. Għalhekk, kull applikazzjoni għal asil magħmula minn ċittadin ta’ xi Stat Membru tista’ tiġi kkunsidrata jew dikjarata ammissibli għal proċessar minn Stat Membru ieħor biss f’dawn il-każijiet:

    […]

    (b)

    jekk il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tkun ġiet mibdija u sakemm il-Kunsill, jew jekk ikun il-każ il-Kunsill Ewropew, jieħu deċiżjoni dwarha fil-konfront ta’ l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin;

    […]”

    Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew

    7

    L-Artikolu 178(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni kkontestata (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”), jiddikjara:

    “Meta jiġi kkalkulat jekk test ġiex adottat jew micħud, għandhom jitqiesu biss il-voti mitfugħa favur u kontra, ħlief fejn f’dawk il-każijiet li għalihom it-Trattati jistipulaw maġġoranza speċifika.”

    8

    L-Artikolu 226(1) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi:

    “Jekk iqum xi dubju dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, il-President jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-kumitat responsabblib għall-eżami.

    Min ikun jippresiedi kumitat jista’ jagħmel dan meta jqum xi dubju bħal dan waqt li jkun għaddej ix-xogħol tal-kumitat u jkollu x’jaqsam miegħu.”

    9

    Mill-punt 8 tat-Taqsima XVIII tal-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura jirriżulta li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament huwa kompetenti għall-interpretazzjoni tagħhom.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    10

    Permezz ta’ Riżoluzzjoni tas‑17 ta’ Mejju 2017 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2017/2656 (RSP)) (ĠU 2018, C 307, p. 75), il-Parlament inkariga lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern sabiex iħejji rapport speċifiku dwar dan l-Istat Membru bil-għan li ssir votazzjoni, f’seduta plenarja, fuq proposta motivata li tistieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jaġixxi konformement mal-Artikolu 7(1) TUE. Dan ir-rapport ġie adottat fil‑25 ta’ Ġunju 2018.

    11

    F’ittra tal‑10 ta’ Settembru 2018, ir-Rappreżentant Permanenti tal-Ungerija għall-Unjoni informa lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament bil-pożizzjoni tal-Gvern Ungeriż li tgħid li l-astensjonijiet kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt il-vot fuq ir-riżoluzzjoni kkontestata, konformement mal-Artikolu 354 TFUE u mal-Artikolu 178(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, u talab li l-membri tal-Parlament jiġu informati dwar dan.

    12

    Fl‑10 ta’ Settembru 2018, l-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Parlament informa lill-Membri permezz ta’ posta elettronika li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-voti espressi, kienu biss il-voti favur l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni u dawk opposti għaliha li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – bl-esklużjoni tal-astensjonijiet.

    13

    Fit‑12 ta’ Settembru 2018, il-Parlament ipproċeda bil-votazzjoni fuq ir-riżoluzzjoni kkontestata. 448 Membru esprimew vot favur din ir-riżoluzzjoni, 197 Membru esprimew vot kontriha u 48 Membru astjenew. Wara l-votazzjoni, il-President tas-seduta ħabbar li r-riżoluzzjoni kkontestata kienet ġiet adottata.

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    14

    L-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

    tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

    15

    Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat, u

    tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

    16

    Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Ungerija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża fl-Awla Manja.

    17

    Permezz tad‑digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438), il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat li l-parir tas-servizz legali tal-Parlament, li jinsab fl-Anness 5 tar-rikors tal-Ungerija, jitneħħa mill-proċess u ċaħdet it-talba għall-produzzjoni ta’ dokument imressqa minn dan l-Istat Membru.

    18

    Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Ungerija.

    Fuq ir-rikors

    Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tar-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    19

    Il-Parlament isostni l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għal annullament minħabba li mill-Artikolu 269 TFUE u, sussidjarjament, mill-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li r-riżoluzzjoni kkontestata ma tistax tkun is-suġġett ta’ tali rikors.

    20

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 269 TFUE, il-Parlament iqis li mill-interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija tillimita l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-atti definittivi adottati mill-Kunsill jew mill-Kunsill Ewropew bis-saħħa tal-Artikolu 7 TUE.

    21

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-oriġini tal-Artikolu 269 TFUE. Fil-fatt, mill-iżvilupp tat-Trattati jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE kienet biss gradwalment suġġetta għal ċertu stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-atti adottati bis-saħħa ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 269 TFUE, jaqgħu dejjem taħt l-“isfera politika” tat-Trattati, li ma hija suġġetta għal ebda stħarriġ ġudizzjarju.

    22

    Barra minn hekk, l-Artikolu 269 TFUE għandu jitqies li huwa lex specialis meta mqabbel mal-Artikolu 263 TFUE u jinsab biswit dispożizzjonijiet li, bħall-Artikoli 271, 275 u 276 TFUE, jipprevedu possibbiltà limitata ta’ stħarriġ ġudizzjarju f’oqsma speċifiċi ddefiniti minn qabel.

    23

    Għandu jingħad ukoll li ma jkunx koerenti li l-konstatazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew, li huma espressament imsemmija fl-Artikolu 269 TFUE u li jistgħu jkollhom konsegwenzi serji għall-Istat Membru kkonċernat, jaħarbu, essenzjalment, minn kull stħarriġ ġudizzjarju, bis-saħħa tal-Artikolu 269 TFUE, bl-eċċezzjoni tal-aspetti proċedurali tagħhom, filwaqt li sempliċi proposta intiża sabiex tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju komplet.

    24

    Fit-tieni lok, il-Parlament iqis li r-rikors, anki jekk jitqies li għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 263 TFUE, huwa inammissibbli minħabba li r-riżoluzzjoni kkontestata ma għandhiex il-karatteristiċi ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat”, fis-sens tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu.

    25

    Fil-fatt, din ir-riżoluzzjoni ma twassal għal ebda bidla fis-sitwazzjoni ġuridika tal-Ungerija peress li hija sempliċement tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE mingħajr ma torbot lill-Kunsill fir-rigward tal-konstatazzjoni li tista’ tiġi adottata. Barra minn hekk, anki jekk l-adozzjoni tal-imsemmija riżoluzzjoni kienet tippermetti liċ-ċittadini Ungeriżi jressqu applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru ieħor, bis-saħħa tal-Artikolu Uniku (b) tal-Protokoll (Nru 24), tali possibbiltà ma twassalx għal effetti dannużi għal dawn iċ-ċittadini jew għal kull ċittadin ieħor tal-Unjoni u lanqas għall-Ungerija nnifisha.

    26

    Ulterjorment, fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss li l-informazzjoni fattwali, li tinsab fi proposta motivata adottata konformement mal-Artikolu 7(1) TUE, tikkostitwixxi element partikolarment rilevanti meta jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni, b’mod astratt, dwar jekk jeżistix riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Għaldaqstant, din is-sentenza ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li tali proposti jipproduċu effetti legali vinkolanti.

    27

    Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala att intermedjarju, sa fejn hija ma tiffissax il-pożizzjoni definittiva tal-Parlament. Issa, huma biss il-miżuri intermedjarji li għandhom effetti ġuridiċi immedjati, ċerti u suffiċjentement vinkolanti, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju dirett – li ma huwiex il-każ tad-deċiżjoni kkontestata.

    28

    L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tqis li r-rikors huwa ammissibbli minħabba li r-riżoluzzjoni kkontestata hija att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, fid-dawl tal-effetti li din tinvolvi, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Artikolu Uniku(b) tal-Protokoll (Nru 24) u tat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586). Barra minn hekk, l-Artikolu 269 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett u ma jċaħħadx lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-kompetenza tagħha biex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    29

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk, bħalma jsostni l-Parlament, il-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tal-Artikolu 269 TFUE, hijiex inkompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, skont dan l-artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ att adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill, bis-saħħa tal-Artikolu 7 TUE, biss fuq talba tal-Istat Membru li jkun suġġett għal konstatazzjoni tal-Kunsill jew tal-Kunsill Ewropew u biss fir-rigward tal-osservanza tas-sempliċi regoli ta’ proċedura previsti fl-imsemmi Artikolu 7 TUE. Barra minn hekk, din it-talba għandha titressaq f’terminu ta’ xahar mid-data ta’ din il-konstatazzjoni.

    31

    Sa fejn l-Artikolu 269 TFUE jissuġġetta l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra l-atti adottati mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill bis-saħħa tal-Artikolu 7 TUE għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk imposti mill-Artikolu 263 TFUE, dan jinkludi limitazzjoni għall-kompetenza ġenerali li dan l-artikolu jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill et, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 269 TFUE jirrigwarda biss l-atti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew adottati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE. Ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, adottati skont l-Artikolu 7(1) TUE, ma jissemmewx f’dan l-Artikolu 269.

    33

    Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ dan l-aħħar artikolu jista’ jiġi dedott li l-awturi tat-Trattati ma kellhomx l-intenzjoni jeskludu att bħar-riżoluzzjoni kkontestata mill-kompetenza ġenerali li hija rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mill-Artikolu 263 TFUE għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    34

    Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 269 TFUE hija barra minn hekk tali li tikkontribwixxi għall-osservanza tal-prinċipju li skontu l-Unjoni Ewropea hija Unjoni ta’ dritt li stabbilixxiet sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiża li tafda lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23; tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 54).

    35

    Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 269 TFUE. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Artikoli 271, 275 u 276 TFUE, li magħhom il-Parlament jipparaguna dan l-Artikolu 269, ma jċaħħdux lill-Qorti tal-Ġustizzja minn kull kompetenza biex tistħarreġ, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, il-legalità tal-atti tal-Unjoni msemmija fih u jirrigwardaw, fi kwalunkwe każ, oqsma totalment mhux relatati mal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE. Barra minn hekk, dawn l-Artikoli 271, 275 u 276 TFUE huma fformulati f’termini sostanzjalment differenti minn dawk tal-Artikolu 269 TFUE, b’tali mod li ebda tagħlim utli ma jista’ jinsilet sabiex dan l-aħħar artikolu jiġi interpretat.

    36

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 269 TFUE ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

    37

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, hija ġurisprudenza stabbilita li r-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE huwa disponibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 44, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix tali effetti u jekk, għaldaqstant, jistax ikun suġett għal rikors għal annullament bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u l-imsemmija effetti għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-istess att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni kkontestata tagħti lok għall-proċedura prevista fl-Artikolu 7(1) TUE. Issa, bis-saħħa tal-Artikolu Uniku (b) tal-Protokoll (Nru 24), meta din il-proċedura tinbeda u sakemm il-Kunsill jew il-Kunsill Ewropew ma jkunux ħadu deċiżjoni fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat, Stat Membru jista’, b’deroga mir-regola ta’ prinċipju stabbilita minn dan l-artikolu uniku, jieħu inkunsiderazzjoni jew jiddikjara ammissibbli għal istruzzjoni kull applikazzjoni għall-ażil imressqa minn ċittadin tal-Istat Membru li huwa s-suġġett ta’ din il-proċedura.

    40

    Minn dan isegwi li l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni kkontestata għandha l-effett immedjat li tneħħi l-projbizzjoni li, bħala prinċipju, għandhom fuqhom l-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni jew li jiddikjaraw ammissibbli għal istruzzjoni applikazzjoni għall-ażil imressqa minn ċittadin Ungeriż. Din ir-riżoluzzjoni għalhekk tbiddel, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni tal-Ungerija fil-qasam tad-dritt għall-ażil.

    41

    Għaldaqstant, ir-riżoluzzjoni kkontestata tipproduċi effetti legali vinkolanti sa mill-adozzjoni tagħha u sakemm il-Kunsill ma jkunx iddeċieda dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

    42

    Madankollu, il-Parlament isostni li r-riżoluzzjoni kkontestata tikkostitwixxi att intermedjarju li jesprimi pożizzjoni provviżorja, li ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju taħt l-Artikolu 263 TFUE.

    43

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C‑414/15 P, EU:C:2017:215 punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Madankollu, minn naħa, l-atti intermedjarji hekk imsemmija huma qabel kollox atti li jesprimu opinjoni provviżorja tal-istituzzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 50).

    45

    Issa, riżoluzzjoni, bħar-riżoluzzjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Parlament jistieden lill-Kunsill jikkonstata, konformement mal-Artikolu 7(1) TUE, l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE, ma tistax titqies bħala l-espressjoni ta’ pożizzjoni provviżorja tal-Parlament, u dan, minkejja l-fatt li tali konstatazzjoni ulterjuri mill-Kunsill hija, jekk ikun il-każ, suġġetta għall-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) TUE. Fil-fatt, tali approvazzjoni ssir biss sa fejn il-Kunsill jikkonstata l-eżistenza ta’ tali riskju u tkun tirrigwarda, barra minn hekk, att li jirriżulta minn evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju, speċifika għall-Kunsill, u li tista’ tkun differenti mill-evalwazzjoni li tkun saret mill-Parlament waqt l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni kkontestata.

    46

    Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li att intermedjarju li jipproduċi effetti ġuridiċi awtonomi jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament inkwantu ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata l-illegalità marbuta ma’ dan l-att fl-okkażjoni ta’ rikors dirett kontra d-deċiżjoni finali li tagħha jikkostitwixxi stadju ta’ elaborazzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1992, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑312/90, EU:C:1992:282, punti 2122, tat‑30 ta’ Ġunju 1992, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑47/91, EU:C:1992:284, punti 2728, kif ukoll tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 53, 5460).

    47

    F’dan il-każ, l-Ungerija tista’, ċertament, kif isostni l-Parlament, tinvoka l-illegalità tar-riżoluzzjoni kkontestata insostenn tar-rikors għal annullament eventwali tagħha kontra l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-valuri tal-Unjoni, li ser issir mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) TUE, wara din ir-riżoluzzjoni.

    48

    Madankollu, minbarra l-fatt li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill ma huwiex obbligat jieħu pożizzjoni dwar ir-riżoluzzjoni kkontestata, is-suċċess eventwali ta’ rikors għal annullament eżerċitat kontra l-konstatazzjoni li għandha ssir mill-Kunsill taħt l-Artikolu 7(1) TUE ma jippermettix, fi kwalunkwe każ, li jitħassru l-effetti ġuridiċi vinkolanti kollha prodotti minn din ir-riżoluzzjoni u msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

    49

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-riżoluzzjoni kkontestata hija att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    50

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni, insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Parlament, li l-effetti ġuridiċi tar-riżoluzzjoni kkontestata ma jikkonċernawx direttament lill-Ungerija, għandu jingħadd ukoll ma’ dak li ġie rrilevat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, Stat Membru, fi kwalunkwe każ, la għandu jiġġustifika li huwa direttament u individwalment ikkonċernat mill-att tal-Unjoni li tiegħu huwa jfittex l-annullament u lanqas li huwa għandu interess ġuridiku (ara, f’dan l-aħħar rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Madankollu, fit-tielet lok, il-kompetenza ġenerali li hija rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mill-Artikolu 263 TFUE sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod li jneħħi l-effett utli tal-limitazzjoni għal din il-kompetenza ġenerali prevista mill-Artikolu 269 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Povse, C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 78).

    52

    Minn dan isegwi li, meta l-Artikolu 263 TFUE jikkostitwixxi, bħal f’dan il-każ, il-bażi ta’ rikors għal annullament kontra att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 7 TUE, dan l-Artikolu 263 TFUE ma jistax jiġi applikat b’mod indipendenti mill-Artikolu 269 TFUE, iżda għandu, għall-kuntrarju, jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan l-aħħar artikolu.

    53

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 269 TFUE jissuġġetta r-rikorsi għal annullament kontra l-atti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew adottati bis-saħħa tal-Artikolu 7 TUE għal ċerti kundizzjonijiet speċifiċi intiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-proċedura li tistabbilixxi din l-aħħar dispożizzjoni. Għalhekk, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 269 TFUE jirriżervaw biss lill-Istat Membru kkonċernat minn din il-proċedura d-dritt li jippreżenta tali rikors, u jirrestrinġu l-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ dan ir-rikors biss għall-ilmenti bbażati fuq il-ksur tar-regoli proċedurali previsti fl-Artikolu 7 TUE.

    54

    Issa, li jiġi aċċettat li, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament kontra proposta motivata tal-Parlament, adottata skont l-Artikolu 7(1) TUE, jista’ jiġi ppreżentat minn rikorrent li ma huwiex l-Istat Membru suġġett ta’ din il-proposta, u li, insostenn ta’ dan ir-rikors, jista’ jiġi invokat kull motiv imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jċaħħad, fil-parti l-kbira, mill-effettività tagħhom il-kundizzjonijiet speċifiċi, previsti fl-Artikolu 269 TFUE, li għalihom hija suġġetta l-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra l-konstatazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 7(1) TUE li tista’ tiġi adottata wara din il-proposta.

    55

    Għalhekk, kieku tali proposta motivata tal-Parlament kellha tiġi annullata fuq talba ta’ tali rikorrent, il-Kunsill ma jkunx jista’ jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-valuri tal-Unjoni, anki jekk, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 269 TFUE, dan ir-rikorrent ma jistax jitlob l-annullament ta’ tali konstatazzjoni.

    56

    Bl-istess mod, kieku din il-proposta kellha tiġi annullata fuq il-bażi ta’ motiv differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 269 TFUE, il-Kunsill ikun ukoll prekluż milli jikkonstata l-eżistenza ta’ tali riskju, anki jekk, konformement ma’ dan l-Artikolu 269 TFUE, dan il-motiv ma jistax jiġi invokat għall-finijiet tal-kisba tal-annullament ta’ tali konstatazzjoni.

    57

    Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà, għall-Istat Membru li huwa s-suġġett ta’ proposta motivata tal-Parlament, adottata skont l-Artikolu 7(1) TUE, li jippreżenta rikors għal annullament kontra din il-proposta f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni tagħha, kif jipprevedi s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma hijiex ta’ natura li tippreġudika l-effett utli tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li għalihom ir-rikors għal annullament dirett kontra l-konstatazzjoni tal-Kunsill, adottata skont l-Artikolu 7(1) TUE, huwa suġġett bis-saħħa tal-Artikolu 269 TFUE.

    58

    Għalhekk, minkejja li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 269 TFUE, ir-rikors intiż għall-annullament ta’ tali konstatazzjoni għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahar mill-adozzjoni tiegħu, dan imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinżamm l-effett utli ta’ dan l-Artikolu 269 TFUE li jintalab li r-rikors għal annullament kontra l-proposta motivata tal-Parlament, adottata skont l-Artikolu 7(1) TUE, jiġi suġġett għall-istess tnaqqis tat-terminu għall-preżentata tiegħu.

    59

    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 54 sa 58 ta’ din is-sentenza jirriżulta li rikors għal annullament ippreżentat, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, kontra proposta motivata adottata mill-Parlament skont l-Artikolu 7 TUE, jista’ jiġi ppreżentat biss mill-Istat Membru li huwa s-suġġett ta’ din il-proposta f’terminu ta’ xahrejn mill-adozzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-motivi ta’ annullament invokati insostenn ta’ tali rikors jistgħu jkunu bbażati biss fuq il-ksur tar-regoli proċedurali msemmija fl-Artikolu 7 TUE.

    60

    F’dan il-każ, l-Ungerija hija l-Istat Membru kkonċernat mir-riżoluzzjoni kkontestata. Barra minn hekk, ir-rikors ta’ dan l-Istat Membru ġie ppreżentat fit-terminu previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    61

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan ir-rikors għal annullament huwa ammissibbli, bla ħsara għall-punt dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax tieħu konjizzjoni ta’ kull wieħed mill-motivi żviluppati insostenn ta’ dan ir-rikors.

    Fuq il-motivi

    62

    Insostenn tar-rikors tagħha, l-Ungerija tinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE u tal-Artikolu 178(3) tar-Regoli ta’ Proċedura. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Permezz tat-tielet motiv tagħha, l-Ungerija tilmenta li l-Parlament mar kontra l-prinċipji ta’ demokrazija u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ kooperazzjoni in bona fide bejn l-istituzzjonijiet, ta’ rispett tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

    63

    Fid-dawl tal-konnessjoni tagħhom, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tielet motiv.

    Fuq l-ewwel u t-tielet motiv, ibbażati fuq ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, tal-Artikolu 178(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, kif ukoll tal-prinċipji ta’ demokrazija u ta’ ugwaljanza fit-trattament

    – L-argumenti tal-partijiet

    64

    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, l-Ungerija ssostni li l-Parlament eskluda, b’mod żbaljat, l-astensjonijiet tal-għadd tal-voti espressi għall-finijiet tal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni kkontestata.

    65

    Skont dan l-Istat Membru, ir-rekwiżit, stabbilit fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, ta’ maġġoranza kkwalifikata bil-għan tal-adozzjoni, mill-Parlament, ta’ proposta motivata skont l-Artikolu 7(1) TUE jixhed l-importanza ta’ tali att. Issa, interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE fis-sens li l-astensjonijiet għandhom jitqiesu bħala voti espressi, b’tali mod li jkun meħtieġ numru ikbar ta’ voti favorevoli għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ dan l-att, tippermetti preċiżament li din l-importanza tittieħed inkunsiderazzjoni.

    66

    Il-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 354 TFUE jimmilita wkoll favur tali interpretazzjoni. Għalhekk, mill-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jirriżulta li, fil-proċedura prevista fl-Artikolu 7(1) TUE, sabiex jiġi stabbilit jekk il-maġġoranza ta’ tmenin fil-mija mill-membri tal-Kunsill intlaħqitx, għandhom jiġu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-voti tal-Istati Membri kollha, minbarra l-Istat Membru kkonċernat, kemm jekk ikun vot favorevoli, vot sfavorevoli jew astensjoni.

    67

    Barra minn hekk, billi jimponi maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi li jirrappreżentaw maġġoranza tal-Membri tal-Parlament, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE jipprevedi maġġoranza speċifika, fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 178(3) tar-Regoli ta’ Proċedura. Issa, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li għalkemm it-Trattati jipprevedu maġġoranza speċifika, kemm il-voti favur u kontra l-proposta mqiegħda għall-vot kif ukoll l-astensjonijiet għandhom jitqiesu bħala voti espressi.

    68

    Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tipprekludi li l-eċċezzjoni li hija tipprevedi fil-każ ta’ maġġoranza speċifika imposta mit-Trattati tiġi interpretata fis-sens li tapplika biss għall-kalkolu tal-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tinkludi oppożizzjoni ċara ħafna bejn is-sitwazzjoni li fiha huma biss il-voti favur u kontra t-test ikkonċernat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tan-numru ta’ voti espressi u s-sitwazzjonijiet li fihom dan it-test jista’ jiġi validament adottat biss permezz ta’ maġġoranza speċifika prevista mit-Trattati.

    69

    Mill-kumplament, fis-seduta plenarja tal-Parlament, il-Membri jesprimu l-vot tagħhom billi jagħżlu bejn il-buttuni “favur”, “kontra” jew “astensjoni”. Minn dan jirriżulta b’mod ċar li l-astensjoni hija waħda mill-forom ta’ espressjoni ta’ vot.

    70

    Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE għandu jinftiehem, fid-dawl tal-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, bħala obbligu li l-astensjonijiet jitqiesu bħala voti espressi. Fil-fatt, l-indikazzjoni, li tinsab fl-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, li, fi ħdan il-Kunsill Ewropew, l-astensjonijiet ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola, fejn għalhekk l-assenza ta’ tali indikazzjoni fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE turi a contrario li l-astensjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta l-Parlament jiddeċiedi għall-finijiet tal-Artikolu 7 TUE.

    71

    Barra minn hekk, skont dan l-Istat Membru, li jitqies li l-aħħar parti tal-Artikolu 178(3) tar-Regoli ta’ Proċedura ġiet introdotta sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-każijiet fejn it-Trattati jipprevedu maġġoranza speċifika, il-maġġoranza sempliċi ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi adottata deċiżjoni huwa illoġiku, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 83(3) tal-imsemmi regolament li jagħmel riferiment espliċitu għall-maġġoranza prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE. Fl-aħħar nett, l-imsemmi Stat Membru jenfasizza li l-Artikolu 180 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi formalment il-possibbiltà li wieħed jastjeni.

    72

    Il-Parlament iqis li, minkejja li l-Artikolu 354 TFUE ma jispeċifikax jekk l-astensjonijiet għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-voti espressi, din id-dispożizzjoni tagħtih il-possibbiltà li jirregola din il-kwistjoni fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Issa, mill-Artikolu 178(3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-astensjonijiet ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-każ, peress li l-eċċezzjoni li tinsab fi tmiem din id-dispożizzjoni hija intiża biss sabiex tidderoga mill-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 231(1) TFUE, li jgħid li l-maġġoranza tinkiseb jekk ikun hemm iktar voti favorevoli milli voti sfavorevoli, u li għandha tiġi interpretata fis-sens li l-voti favur it-test ikkonċernat għandhom ukoll jilħqu l-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament.

    73

    Permezz tat-tielet motiv tagħha, l-Ungerija ssostni, minn naħa, li l-Artikolu 354 TFUE u l-Artikolu 178(3) tar-Regoli ta’ Proċedura kellhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ demokrazija, stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, u jimponu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-astensjonijiet fil-kalkolu tal-voti espressi, peress li tali teħid inkunsiderazzjoni jippermetti li jiġu żgurati bl-aħjar mod il-valuri demokratiċi tal-Unjoni billi tiġi żgurata rappreżentazzjoni popolari sħiħa.

    74

    Il-mod li bih il-Parlament ħa inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, il-voti espressi, iwassal, għall-kuntrarju, sabiex l-astensjoni bħala għażla tal-vot tiġi mxejna minn kull sens. Il-Membri tal-Parlament ma kellhomx għad-dispożizzjoni tagħhom il-possibbiltajiet kollha li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, mingħajr ma din ir-restrizzjoni tkun ibbażata fuq għan leġittimu.

    75

    Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE u tar-Regoli ta’ Proċedura adottata mill-Parlament twassal għal inugwaljanza fit-trattament, li ma tista’ tiġi ġġustifikata minn ebda għan leġittimu, bejn il-Membri tal-Parlament li astjenew waqt il-vot dwar ir-riżoluzzjoni kkontestata u l-Membri tal-Parlament li esprimew vot fil-konfront tagħha.

    76

    Il-Parlament iqis li l-Ungerija biddlet is-sens tat-tielet motiv fir-replika tagħha billi sostniet li l-Parlament kien kiser ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE u l-Artikolu 178(3) tar-Regoli ta’ Proċedura. Dan l-argument ma jistax jinftiehem u huwa, konsegwentement, inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, it-tielet motiv tal-Ungerija ma huwiex fondat.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    77

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu konjizzjoni tal-ewwel motiv sa fejn, permezz tiegħu, l-Ungerija tilmenta li l-Parlament, għall-finijiet tal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni kkontestata, mar kontra l-Artikolu 178(3) tar-Regoli ta’ Proċedura. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tistax titqies bħala regola proċedurali prevista fl-Artikolu 7 TUE, fis-sens tal-Artikolu 269 TFUE, b’differenza minn dawk li jinsabu fl-Artikolu 354 TFUE, li jissemma espressament fl-Artikolu 7(5) TUE.

    78

    It-tieni nett, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament fir-rigward tat-tielet motiv, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ġurisprudenza relatata, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed biex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/13 u EU:C:2015:224, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    79

    F’dan il-każ, mir-rikors promotur jirriżulta li, permezz tat-tielet motiv tagħha, l-Ungerija tikkontesta, essenzjalment, il-konformità tar-riżoluzzjoni kkontestata b’mod partikolari mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ demokrazija u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minħabba li l-astensjonijiet ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-voti espressi.

    80

    Peress li dan l-ilment ġie invokat fl-istadju tar-rikors u peress li ma huwiex ambigwu, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament.

    81

    Barra minn hekk, sa fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, permezz ta’ dan it-tielet motiv, l-Ungerija ma tinvokax b’mod iżolat il-ksur tal-prinċipji ta’ demokrazija u ta’ ugwaljanza fit-trattament, iżda għandha l-intenzjoni li turi li l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni kkontestata kisret b’mod partikolari r-regola proċedurali msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, moqri fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu konjizzjoni ta’ dan it-tielet motiv, kif jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza.

    82

    Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, meta jintalab jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 7 TUE, il-Parlament jiddeċiedi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-Membri tiegħu.

    83

    Peress li t-Trattati ma jiddefinixxux it-tifsira ta “voti espressi”, dan il-kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-regolamentazzjoni li minnha jagħmel parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI, C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    84

    Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 128 sa 130 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “voti espressi” jinkludi biss, fis-sens abitwali tiegħu, il-manifestazzjoni ta’ vot pożittiv jew negattiv dwar proposta partikolari. Peress li l-astensjoni għandha tinftiehem, fis-sens normali tagħha, bħall-fatt li jiġi rrifjutat li tittieħed pożizzjoni dwar proposta partikolari, hija ma tistax tiġi ekwiparata ma’ “vot espress”.

    85

    Madankollu, għandu jitfakkar li r-regola ta’ maġġoranza stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE tinkludi rekwiżit doppju. L-atti adottati mill-Parlament, taħt l-Artikolu 7 TUE, għandhom fil-fatt jiksbu, minn naħa, il-kunsens ta’ żewġ terzi tal-voti espressi u, min-naħa l-oħra, il-kunsens tal-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament.

    86

    Billi imponew li l-atti adottati mill-Parlament skont l-Artikolu 7 TUE jiġbru din il-maġġoranza doppja, l-awturi tat-Trattat FUE enfasizzaw l-importanza ta’ tali atti, kemm fuq il-livell politiku kif ukoll fuq dak kostituzzjonali.

    87

    Għalhekk, għalkemm, għar-raġunijiet esposti fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni l-astensjonijiet sabiex jiġi ddeterminat jekk maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi hijiex miksuba favur l-adozzjoni ta’ tali att, tali astensjonijiet, min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat, kif jirrikjedi r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, li l-voti favorevoli jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-Membri li minnhom huwa kompost il-Parlament. Fil-fatt, konformement ma’ din ir-regola ta’ maġġoranza, proposta motivata tal-Parlament, skont l-Artikolu 7 TUE, ma tistax tiġi adottata jekk in-numru ta’ membri li vvutaw favur din tal-aħħar ma jaqbiżx in-numru li jkun fadal ta’ Membri tal-Parlament, kemm jekk dawn ikunu vvotaw kontra din il-proposta, kif ukoll jekk ikunu astjenew jew jekk kienu assenti waqt il-vot.

    88

    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 84 sa 87 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-Artikolu 7 TUE, l-astensjonijiet waqt il-kalkolu tal-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi.

    89

    Il-fatt li, kif sostniet l-Ungerija, l-astensjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-maġġoranza ta’ tmenin fil-mija mill-membri tal-Kunsill, imsemmija fl-Artikolu 7(1) TUE, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 87 ta’ din is-sentenza, huwa inerenti għal regola ta’ votazzjoni li timponi li jkun hemm maġġoranza tal-membri ta’ istituzzjoni li dawk li jastjenu milli jesprimu l-vot tagħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-maġġoranza tal-membri hijiex miksuba, b’differenza ta’ regola ta’ vot li timponi li jkun hemm il-maġġoranza tal-voti espressi.

    90

    L-argument tar-Repubblika tal-Polonja, ibbażat fuq l-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Għalkemm huwa minnu li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-astensjonijiet tal-membri preżenti jew irrappreżentati fi ħdan il-Kunsill Ewropew ma jipprekludux lil dan tal-aħħar milli jikkonstata, b’mod unanimu, bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) TUE, l-eżistenza ta’ ksur gravi u persistenti, minn Stat Membru, tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, madankollu minn dan ma jirriżultax li, fl-assenza ta’ tali preċiżazzjoni fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, l-astensjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu taż-żewġ terzi tal-voti espressi fi ħdan il-Parlament.

    91

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-preċiżazzjoni dwar l-astensjonijiet li tinsab espliċitament fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE tippermetti li titneħħa kull inċertezza fir-rigward tal-piż tal-astensjonijiet tal-Istati Membri preżenti jew irrappreżentati fi ħdan il-Kunsill Ewropew għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) TUE.

    92

    Għalhekk, billi jipprevedu, fl-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, li l-astensjonijiet ma jostakolawx l-adozzjoni, minn din l-istituzzjoni, tal-konstatazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2) TUE, l-awturi tat-Trattat FUE kellhom l-intenzjoni li jeskludu espressament li l-astensjoni ta’ wieħed biss mill-Istati Membri preżenti jew irrappreżentati fil-Kunsill Ewropew, bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, tista’ tipprekludi lill-imsemmija istituzzjoni milli tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur gravi u persistenti, minn dan l-Istat Membru, tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni.

    93

    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, ma kienx neċessarju li tingħata tali preċiżazzjoni lir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, peress li, kif jirriżulta mill-punt 84 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “voti espressi” jimplika, skont is-sens abitwali tat-termini tagħha, li l-astensjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ tali voti. Għaldaqstant, anki mingħajr preċiżazzjoni bħal dik li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, regola li, bħar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, timponi vot bil-maġġoranza tal-voti espressi, għandha tinftiehem bħala li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-astensjonijiet.

    94

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ demokrazija u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi enfasizzat li dawn iż-żewġ prinċipji jikkostitwixxu valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, konformement mal-Artikolu 2 TUE. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 10 TUE, il-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq demokrazija rappreżentattiva u l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    95

    Minn naħa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ demokrazija, għandu jitfakkar li l-importanza politika u kostituzzjonali ta’ proposta motivata skont l-Artikolu 7(1) TUE, bħar-riżoluzzjoni kkontestata, hija riflessa fil-maġġoranza doppja meħtieġa fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE għall-adozzjoni tagħha.

    96

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, il-Membri tal-Parlament li xtaqu jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom billi astjenew fl-okkażjoni tal-vot fuq ir-riżoluzzjoni kkontestata ma ġewx imċaħħda minn din il-possibbiltà, peress li l-astensjonijiet ittieħdu inkunsiderazzjoni bħala tali, sabiex jiġi vverifikat li l-voti favorevoli ġew espressi minn maġġoranza tal-Membri li minnhom huwa kompost il-Parlament. Barra minn hekk, il-Membri tal-Parlament li ddeċidew li jastjenu, waqt dan il-vot, aġixxew b’għarfien tal-fatti, peress li huwa paċifiku li huma kienu ġew informati minn qabel li l-astensjonijiet ma kinux ser jiġu kkalkolati bħala voti espressi.

    97

    Minn dan isegwi li l-esklużjoni tal-astensjonijiet tal-għadd tal-voti espressi, fis-sens tal-Artikolu 354 TFUE, ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ demokrazija.

    98

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li tiegħu l-Ungerija ssostni wkoll il-ksur, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2010, Chatzi, C‑149/10, EU:C:2010:534, punt 64, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 137).

    99

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Membri kollha tal-Parlament kellhom l-istess għażliet waqt il-vot fuq ir-riżoluzzjoni kkontestata, jiġifieri li jesprimu vot favorevoli jew sfavorevoli għall-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, jew inkella li jastjenu ruħhom fl-okkażjoni ta’ dan il-vot, u li huma kienu kompletament konxji, fil-mument ta’ dan il-vot, tal-konsegwenzi tal-għażla li huma kienu ser jagħmlu f’dan ir-rigward u, b’mod iktar partikolari, tal-fatt li l-astensjonijiet, b’differenza mill-voti favur jew kontra l-imsemmija riżoluzzjoni, ma kinux ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-voti espressi. Għaldaqstant, u fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, il-Membri parlamentari li għażlu li jastjenu f’din l-okkażjoni ma jistgħux jitqiesu li huma f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dawk li esprimew ruħhom favur jew kontra din l-adozzjoni, għall-finijiet tal-għadd tal-voti espressi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE.

    100

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament ma kisirx ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ demokrazija u ta’ ugwaljanza fit-trattament, meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-astensjonijiet bħala voti espressi fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni kkontestata.

    101

    Għalhekk, l-ewwel u t-tielet motiv għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq it-tieni u r-raba’ motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni in bona fide bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fuq l-osservanza tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

    – L-argumenti tal-partijiet

    102

    Permezz tat-tieni motiv tagħha, l-Ungerija ssostni li r-riżoluzzjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, minħabba li din ġiet adottata mingħajr ma l-Parlament kien ikkjarifika minn qabel, billi staqsa lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, l-inċertezza fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 178(3) tar-Regoli ta’ Proċedura.

    103

    Anki jekk l-Artikolu 226 tar-Regoli ta’ Proċedura jħalli lill-President tal-Parlament il-kompitu li jiddeċiedi li jadixxi lil dan il-kumitat, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi kumitat ma jistax jiċċaħħad mill-kompetenzi tiegħu, billi jippermetti li tiġi adottata miżura fuq il-bażi ta’ regola li l-interpretazzjoni tagħha tkun dubjuża.

    104

    Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jinterpreta, fil-futur, b’mod differenti r-Regoli ta’ Proċedura u jqiegħed inkwistjoni a posteriori r-riżultat tal-vot li seħħ fuq ir-riżoluzzjoni kkontestata – li jwassal għal sitwazzjoni inċerta.

    105

    Il-Parlament iqis li dan il-motiv huwa manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

    106

    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, l-Ungerija tqis li r-riżoluzzjoni kkontestata tikser l-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ kooperazzjoni in bona fide bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Dan l-Istat Membru jsostni, f’dan ir-rigward, li, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament ibbaża ruħu, b’mod żbaljat, fuq proċeduri ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni li l-Kummissjoni kienet għalqet jew li fir-rigward tagħhom l-imsemmi Stat Membru u l-Kummissjoni bdew proċess ta’ djalogu. Barra minn hekk, l-Ungerija tirrileva li, minkejja l-eżistenza ta’ tali proċeduri, il-Kummissjoni ma qisitx li kien iġġustifikat li tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE – li jeskludi li dawn il-proċeduri ta’ ksur jistgħu jservu bħala bażi għar-riżoluzzjoni kkontestata.

    107

    Il-Parlament għandu dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv u jqis li, fi kwalunkwe każ, dan huwa infondat.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    108

    Mill-punt 59 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi dwar il-legalità tar-riżoluzzjoni kkontestata biss fir-rigward tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura previsti fl-Artikolu 7 TUE.

    109

    Issa, permezz tat-tieni u r-raba’ motiv tagħha, l-Ungerija ma tinvoka l-ksur ta’ ebda waħda minn dawn ir-regoli ta’ proċedura.

    110

    Minn dan isegwi li t-tieni u r-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda.

    111

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    112

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament.

    113

    Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha bħala intervenjenti fil-kawża.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    L-Ungerija hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew.

     

    3)

    Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top