Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0584

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-30 ta’ April 2020.
    D. Z. vs Blue Air - Airline Management Solutions SRL.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Eparchiako Dikastirio Larnakas.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontroll fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Deċiżjoni Nru 565/2014/UE – Sistema ssemplifikata għall-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni – Ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza temporanja maħruġ minn Stat Membru – Artikolu 3 – Rikonoxximent mill-Bulgarija, mill-Kroazja, minn Ċipru u mir-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom – Invokabbiltà ta’ deċiżjoni kontra Stat – Effett dirett – Rikonoxximent ta’ entità rregolata mid-dritt privat bħala emanazzjoni tal-Istat – Kundizzjonijiet – Regolament (KE) Nru 562/2006 – Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen – Artikolu 13 – Rifjut ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru – Obbligu ta’ motivazzjoni – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza għall-passiggieri tal-ajru fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark – Artikolu 2(j) – Rifjut ta’ imbark ibbażat fuq in-natura allegatament inadegwata tad-dokumenti tal-ivvjaġġar – Artikolu 15 – Obbligi tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tal-passiġġieri – Inammissibbiltà tad-derogi previsti mill-kuntratt ta’ trasport jew minn dokumenti oħra.
    Kawża C-584/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:324

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    30 ta’ April 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontroll fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Deċiżjoni Nru 565/2014/UE – Sistema ssemplifikata għall-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni – Ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza temporanja maħruġ minn Stat Membru – Artikolu 3 – Rikonoxximent mill-Bulgarija, mill-Kroazja, minn Ċipru u mir-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom – Invokabbiltà ta’ deċiżjoni kontra Stat – Effett dirett – Rikonoxximent ta’ entità rregolata mid-dritt privat bħala emanazzjoni tal-Istat – Kundizzjonijiet – Regolament (KE) Nru 562/2006 – Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen – Artikolu 13 – Rifjut ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru – Obbligu ta’ motivazzjoni – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens u assistenza għall-passiggieri tal-ajru fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark – Artikolu 2(j) – Rifjut ta’ imbark ibbażat fuq in-natura allegatament inadegwata tad-dokumenti tal-ivvjaġġar – Artikolu 15 – Obbligi tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tal-passiġġieri – Inammissibbiltà tad-derogi previsti mill-kuntratt ta’ trasport jew minn dokumenti oħra”

    Fil-Kawża C‑584/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Eparchiako Dikastirio Larnakas (il-Qorti Distrettwali ta’ Larnaca, Ċipru), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura

    D. Z.

    vs

    Blue Air – Airline Management Solutions SRL,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal D. Z., minn K. Papantoniou, dikigoros,

    għal Blue Air – Airline Management Solutions SRL, minn N. Damianou, dikigoros,

    għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Neofytou u D. Lysandrou, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn J. Möller, T. Henze u R. Kanitz, sussegwentement minn J. Möller u R. Kanitz bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande, C. Cattabriga, N. Yerrell u G. Wils, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Novembru 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id‑90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 895/2006/KE u Nru 582/2008/KE (ĠU 2014, L 157, p. 23), tal-Artikoli 4 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 225, p. 91) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”), kif ukoll tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Z. u Blue Air – Airline Management Solutions SRL (iktar ’il quddiem “Blue Air”), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tawtorizza lil D. Z. jimbarka fuq titjira li titlaq minn Larnaca (Ċipru) lejn Bukarest (ir-Rumanija).

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-KFS

    3

    Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem, il-“KFS”), tagħmel parti mill-acquis ta’ Schengen.

    4

    L-Artikolu 26(1) u (2) tal-KFS jipprovdi:

    “1.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati tat‑28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal‑31 ta’ Jannar 1967, li jinkorporaw ir-regoli li ġejjin fil-liġi nazzjonali tagħhom:

    (a)

    Jekk aljeni ma jitħallewx jidħlu fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti, it-trasportatur li jkun ġabhom sal-fruntiera esterna bl-ajru, bil-baħar jew fuq l-art għandu jkun obbligat immedjatament li jerġa’ jassumi responsabbilità għalihom. Fuq talba ta’ l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri t-trasportatur huwa obbligat li jieħu lill-aljeni lura lejn l-Istat terz minn fejn ikunu trasportati, jew lejn l-Istat terz li jkun ħareġ id-dokument ta’ l-ivvjaġġar li bih ikunu ivvjaġġaw, jew lejn xi Stat terz ieħor fejn sejrin jitħallew jidħlu żgur.

    (b)

    It-trasportatur huwa obbligat li jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jassigura li aljen li jinġarr bl-ajru jew bil-baħar ikollu fil-pussess tiegħu d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar meħtieġa sabiex jitħalla jidħol fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti.

    2.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mill-isħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati tat‑28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal‑31 ta’ Jannar 1967, u b’mod konformi mal-liġi kostituzzjonali tagħhom, li jimponu penalitajiet fuq trasportaturi li jġorru aljeni li ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa għall-ivvjaġġar bl-ajru jew bil-baħar minn Stat Terz għat-territorji tagħhom.”

    Id-Direttiva 2001/51/KE

    5

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat‑28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplimenta d-disposizzjoni ta’ l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 160).

    “Il-mira ta’ din id-Direttiva hija li tissupplimenta d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 26 tal-[KFS] u li tiddefinixxi ċerti kondizzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tagħhom.”

    6

    Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/51:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-penali li japplikaw għat-trasportaturi skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 26(2) u (3) tal-[KFS] ikunu dissważivi, effettivi u ppoporzjonati […]”

    Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

    7

    L-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kien jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    13)

    ‘gwardja tal-fruntiera’ tfisser kull uffiċjal pubbliku assenjat, skond il-liġi nazzjonali, ma’ xi punt ta’ qsim tal-fruntiera jew matul xi fruntiera jew fil-viċinanza immedjata ta’ dik il-fruntiera li jwettaq, skond dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali, xogħol ta’ kontroll ta’ fuq il-fruntiera;

    […]”

    8

    Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan il-kodiċi:

    “Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum […], il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

    (a)

    ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar li jintitola lid-detentur jaqsam il-fruntiera […]

    (b)

    huma fil-pussess ta’ viża valida, jekk rikjesta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal‑15 ta’ Marzu 2001 [li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65, rettifika fil-ĠU 2011, L 194, p. 39)], ħlief meta jkunu detenturi ta’ permess validu ta’ residenza jew viża valida għal soġġorn fit-tul.

    (ċ)

    jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom jew transitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’posizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment;

    (d)

    ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-[Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS)] sabiex jiġi miċħud id-dħul;

    (e)

    mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.”

    9

    L-Artikolu 7 tal-imsemmi kodiċi kien jipprovdi:

    “1.   Moviment trans-konfini fi fruntieri esterni għandu jkun soġġett għal verifiki mill-gwardji tal-fruntiera. Il-verifiki għandhom jitwettqu skond dan il-kapitolu.

    […]

    3.   Mad-dħul u l-ħruġ, ċittadini ta’ pajjiżi terz għandhom ikunu soġġetti għal verifika bir-reqqa.

    a)

    verifiki bir-reqqa mad-dħul għandhom jinkludu l-verifika tal-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u, fejn hu applikabbli, ta’ dokumenti li jawtorizzaw ir-residenza u l-eżerċizzju ta’ attività professjonali. Dan għandu jinkludi eżami dettaljat ta’ l-aspetti li ġejjin:

    (i)

    il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa fil-pussess ta’ dokument validu biex jaqsam il-fruntiera u li ma jkunx skada, u li d-dokument ikun akkumpanjat, fejn applikabbli, mill-viża jew permess ta’ residenza meħtieġa;

    (ii)

    l-iskrutinju bir-reqqa tad-dokument ta’ l-ivvjaġġar għal sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontrafazzjoni;

    (iii)

    l-eżami tat-timbri tad-dħul u tal-ħruġ fuq id-dokument ta’ l-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat, sabiex ikun verifikat, billi jitqabblu d-dati tad-dħul u tal-ħruġ, li dik il-persuna ma tkunx diġà qabżet it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

    (iv)

    il-verifika dwar il-punti ta’ tluq u destinazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u l-għan tas-soġġorn li bi ħsiebu jagħmel u, jekk meħtieġ, il-verifika tad-dokumenti ta’ sostenn korrispondenti;

    (v)

    il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza għat-tul u l-għan tas-soġġorn li bi ħsiebu jagħmel, għar-ritorn tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew transitu lejn pajjiż terz, li fihom huwa/hija j/tkun ċert/a li se t/jiġi ammess/a jew li jista’/tista’ jikseb dawn il-mezzi b’mod leġittimu;

    (vi)

    il-verifika li ċ-ċitttadin ta’ pajjiż terz konċernat, il-mezz ta’ trasport tiegħu/tagħha u l-oġġetti li jkun qed iġorr ma jkunux ser jipperikolaw il-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe mill-Istati Membri. Verifika bħal din għandha tinkludi konsultazzjoni diretta tad-data u l-allerti dwar persuni u, fejn ikun hemm bżonn, l-oġġetti li jinsabu fl-SIS u fil-fajls nazzjonali tad-data u l-azzjoni li għandha tittieħed, jekk ikun hemm, bħala riżultat ta’ allert;

    […]”

    10

    Skont l-Artikolu 13(2) u (3) tal-istess kodiċi:

    “2.   Id-dħul jista’ jiġi miċħud biss b’deċiżjoni sostanzjata li tagħti r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda. Id-deċiżjoni għandha tittieħed minn awtorità li tingħata s-setgħa mil-liġi nazzjonali. Hi għandha tidħol fis-seħħ immedjatament.

    Id-deċiżjoni sostanzjata li ssemmi r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda tingħata permezz ta’ formola standard, skond fl-Anness V, Parti B, miktuba mill-awtorità li ngħatat is-setgħa mil-liġi nazzjonali biex tiċħad id-dħul. Il-formola standard mimlija għandha tingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, li għandu jirrikonoxxi li jkun irċieva d-deċiżjoni li tiċħad id-dħul permezz ta’ dik il-formola.

    3.   Persuni li jkun mċaħħda d-dħul għandu jkollhom id-dritt ta’ appell. L-appelli għandhom isiru skond il-liġi nazzjonali. Indikazzjoni bil-miktub dwar il-punti ta’ kuntatt li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar rappreżentanti kompetenti biex jaġixxu f’isem iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz skond il-liġi nazzjonali għandha wkoll tingħata liċ-ċittadin ta’ pajiż terz.

    […]”

    11

    L-Artikolu 15(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kien jipprovdi:

    “1.   Il-kontrolli tal-fruntiera previsti fl-Artikoli 6 sa 13 għandhom jitwettqu mill-gwardji nazzjonali skond id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali.

    Fit-twettiq ta’ dawn il-kontrolli fuq il-fruntiera, is-setgħat biex jinbdew proċedimenti kriminali mogħtija lill-gwardji tal-fruntiera mil-liġi nazzjonali u li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx jiġu affettwati.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gwardji tal-fruntiera jkunu professjonisti speċjalizzati u mħarrġa sew, b’kont meħud tal-kurrikuli komuni għall-formazzjoni tal-gwardji tal-fruntiera stabbiliti u żviluppati mill-Aġenżija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 [tas‑26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2006, L 153M, p. 136)]. […]

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ servizzi nazzjonali responsabbli għall-kontrolli fuq il-fruntiera taħt il-liġi nazzjonali tagħhom skond l-Artikolu 34.”

    Ir-Regolament Nru 539/2001

    12

    Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 539/2001:

    “Iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi elenkati fil-lista ta’ l-Anness I għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom il-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.”

    13

    Il-Kazakistan jinsab fil-lista ta’ pajjiżi terzi msemmija f’dan l-anness.

    Id-Deċiżjoni Nru 565/2014

    14

    Il-premessi 5 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 jipprovdu:

    “(5)

    […] Fir-rigward ta’ Ċipru, li implimenta r-reġim komuni stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 895/2006/KE [KE tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 14 ta’ Ġunju 2006 li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mir-Repubblika Ċeka, mill-Estonja, minn Ċipru, mil-Latvja, mil-Litwanja, mill-Ungerija, minn Malta, mill-Polonja, mis-Slovenja u mis-Slovakkja ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għall-finijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom (ĠU 2006, L 167, p. 1),] mill‑10 ta’ Lulju 2006 u fir-rigward tal-Bulgarijia u r-Rumanija, li implimentaw ir-reġim komuni stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 li tintroduċi reġim semplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, minn Ċipru u mir-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għall-finijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom (ĠU 2008, L 161, p. 30),] mit‑18 ta’ Lulju 2008, għandhom jiġu adottati regoli komuni li jawtorizzaw lill-Bulgarija, lil Ċipru, u lir-Rumanija, bħall-Kroazja, sabiex jirrikonoxxu b’mod unilaterali ċerti dokumenti maħruġa mill-Istati Membri li jimplementaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen kif ukoll dokumenti simili maħruġa mill-Kroazja, bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom, u sabiex jistabbilixxu reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni fuq il-bażi ta’ dik l-ekwivalenza unilaterali. […]

    […]

    (7)

    Il-parteċipazzjoni fir-reġim komuni għandha tkun fakultattiva, mingħajr ma jiġu imposti fuq l-Istati Membri obbligi addizzjonali għal dawk stipulati mill-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003, mill-Att ta’ Adeżjoni tal‑2005 jew mill-Att ta’ Adeżjoni tal‑2011.”

    15

    Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014:

    “Din id-Deċiżjoni tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni fejn il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija jistgħu jirrikonoxxu b’mod unilaterali bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorju tagħhom li ma jaqbżux id‑90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ viża skont ir-Regolament [Nru 539/2001].

    L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni m’għandhiex taffetwa l-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri esterni skont l-Artikoli 5 sa 13 u 18 u 19 ta[l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen].”

    16

    L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

    “1.   Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija jistgħu jikkunsidraw bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom, għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorju tagħhom li ma jaqbżux id‑90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, id-dokumenti li ġejjin maħruġa mill-Istati Membri li jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen, irrispettivament min-nazzjonalità tad-detenturi:

    (a)

    ‘viża uniformi’ kif definit fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi dwar il-Vizi, valida għal żewġ entrati jew entrati multipli;

    (b)

    ‘viża għal perjodu twil’ kif imsemmi fl-Artikolu 18 tal-KFS;

    (c)

    ‘permess ta’ residenza’ kif definit fil-punt 15 tal-Artikolu 2 [Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen].

    2.   Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija jistgħu wkoll jikkunsidraw bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom, għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorju tagħhom li ma jaqbżux id‑90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum viżi maħruġa b’validità territorjali limitata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

    3.   Jekk il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru jew ir-Rumanija jiddeċiedu li japplikaw din id-Deċiżjoni, huma għandhom jirrikonoxxu d-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafi 1 u 2, irrispettivament mill-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument, ħlief jekk dawn ikunu mehmuża ma’ dokumenti ta’ vvjaġġar li huma ma jirrikonoxxux jew ma’ dokumenti ta’ vvjaġġar maħruġa minn pajjiż terz li miegħu ma jkollhomx relazzjonijiet diplomatiċi.”

    17

    Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija deċiżjoni:

    “1.   Jekk il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru jew ir-Rumanija jiddeċiedu li japplikaw l-Artikolu 2, huma jistgħu, barra mid-dokumenti imsemmija f’dak l-Artikolu, jirrikonoxxu bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorju tagħhom li ma jaqbżux id‑90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum:

    (a)

    viżi nazzjonali għal permanenza qasira u viżi nazzjonali għal permanenza twila maħruġa mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru jew ir-Rumanija skont il-format uniformi stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 [tad‑29 ta’ Mejju 1985 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 13)];

    (b)

    permessi ta’ residenza maħruġa mill-Bulgarija, l-Kroazja, Ċipru jew ir-Rumanija skont il-format uniformi stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 [tat‑13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3)].

    ħlief jekk il-viżi u l-permessi ta’ residenza jkunu mehmuża ma’ dokumenti ta’ vvjaġġar li dawk l-Istati Membri ma jirrikonoxxux jew ma’ dokumenti ta’ vvjaġġar maħruġa minn pajjiż terz li miegħu ma jkollhomx relazzjonijiet diplomatiċi.”

    18

    L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 jipprovdi:

    “Jekk jiddeċiedu li japplikaw din id-Deċiżjoni il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fi żmien 20 jum ta’ ħidma mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni kkomunikata minn dawn l-Istati Membri f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dawk in-notifiki għandhom jispeċifikaw, fejn ikun rilevanti, dawk il-pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom il-Bulgarija, l-Kroazja, Ċipru u r-Rumanijama japplikawx, fin-nuqqas ta’ relazzjonijiet diplomantiċi, din id-Deċiżjoni f’konfomità mal-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 3(1).”

    19

    Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni:

    “Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Bulgarija, lill-Kroazja, lil Ċipru u lir-Rumanija.”

    20

    Il-punt II tal-Informazzjoni mill-Kummissjoni dwar notifiki mill-Istati Membri ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 565/2014 (ĠU 2014, C 302, p. 1, iktar ’il quddiem il-“punt II tal-Informazzjoni mill-Kummissjoni”), jinkludi s-silta li ġejja:

    “Il-Kummissjoni rċeviet in-notifikazzjonijiet li ġejjin:

    […]

    Ir-Rumanija timplimenta d-Deċiżjoni [565/2014], u skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jirrikonoxxi viżi nazzjonali u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Bulgarija, Ċipru u l-Kroazja elenkati, rispettivament, fl-Anness I, II u III tad-Deċiżjoni, bħala ekwivalenti għal viżi Rumeni.”

    Ir-Regolament Nru 261/2004

    21

    Il-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxu:

    “(1)

    Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

    (2)

    Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.”

    22

    L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hawnhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri meta:

    (a)

    ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom;

    […]”

    23

    L-Artikolu 2(j) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi “il-fatt li persuna ma tħallietx titla”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, bħala “tiċħid għat-trasport ta’ passiġġieri fuq titjira, minkejja li ppreżentaw lilhom infushom biex jitilgħu taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2), ħlief għal fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu, bħal raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtá, jew dokumentazzjoni ta’ l-ivjaġġar mhux xierqa”.

    24

    Skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament, bit-titolu “Skop”:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika:

    (a)

    għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

    […]

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-kondizzjoni li l-passiġġieri:

    (a)

    għandhom reżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira in kwistjoni u. ħlife fil-każ ta’ kanċellazzjoni msejħa fl-Artikolu 5, jippreżentaw lilhom infushom għal check-in,

    kif stabbilit u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi) mil-trasportatur ta’ l-ajru, l-operatur tat-tourjew l-aġent tal-vjaġġ awtorizzat,

    jew, jekk l-ebda ħin hu indikat,

    mhux aktar tard minn 45‑il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat; jew

    […]”

    25

    Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 261/2004:

    “Jekk passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħtihom kumpens minnufih skond l-Artikolu 7 u jassistihom skond l-Artikoli 8 u 9.”

    26

    L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Esklużjoni tar-rinunzja” jipprevedi:

    “1.   Obbligazzjonijiet fir-rigward ta’ passiġġieri skond dan ir-Regolament ma jistgħux jiġu limitati jew irrinunzjati, partikolarment permezz ta’ deroga jew klawżola li tirrestrinġi fil-kuntratt ta’ ġarr.

    2.   Jekk, minkejja dan, din id-deroga jew klawżola li tirrestrinġi hi applikata fir-rigward ta’ passiġġier, jew jekk il-passiġġier mhuwiex informat b’mod korrett tad-drittijiet tiegħu u għal dik ir-raġuni aċċetta kumpens li hu inferjuri għal dak previst f’dan ir-Regolament, il-passiġġier għandu jibqa’ intitolat li jieħu l-proċeduri neċessarji quddiem il-qrati jew organi kompetenti sabiex jikseb kumpens addizzjonali.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    27

    Fis‑6 ta’ Settembru 2015 D. Z. ċittadin tar-Repubblika tal-Kazakistan, mar fl-ajruport ta’ Larnaca sabiex jimbarka fuq titjira tal-kumpannija tal-ajru Rumena Blue Air lejn Bukarest, fejn huwa kien ippreveda li joqgħod sat‑12 ta’ Settembru 2015 sabiex jagħmel xi eżamijiet organizzati mill-Association of Chartered Certified Accountants (Assoċjazzjoni tal-Kontabbilisti Awtorizzati).

    28

    D. Z. ippreżenta għall-kontroll lill-impjegati tal-kumpannija li taġixxi bħala mandatarja ta’ Blue Air fl-ajruport ta’ Larnaca d-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu, il-passaport tiegħu u permess ta’ residenza temporanja maħruġ mir-Repubblika ta’ Ċipru u li l-validità tiegħu kienet tiskadi fis‑6 ta’ April 2016. Huwa ppreżenta wkoll l-applikazzjoni għal visa ta’ dħul fit-territorju Rumen li huwa kien preċedentement ippreżenta online lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Rumanija kif ukoll it-tweġiba tal-imsemmi ministeru, ipprovduta permezz tas-sistema online awtomatizzata tiegħu, li skontha tali viża ma kinitx neċessarja għal soġġorn li ma jeċċedix 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, peress li l-persuna kkonċernata diġà kellha permess ta’ residenza temporanja maħruġ mir-Repubblika ta’ Ċipru.

    29

    Ikkuntattjat mill-impjegati tal-imsemmija kumpannija, il-persunal tal-art ta’ Blue Air fl-ajruport ta’ Bukarest, permezz tat-telefon u ta’ posta elettronika, wieġeb lil dawn tal-aħħar li D. Z. ma setax, fl-assenza ta’ viża jew ta’ permess ta’ residenza għal membru tal-familja maħruġa mill-awtoritajiet Rumeni, jidħol fir-Rumanija. L-imsemmija impjegati għalhekk irrifjutaw li jimbarkaw lil D. Z. fuq it-titjira skedata, minħabba li t-trasport tiegħu kien ikollu bħala konsegwenza r-ritorn immedjat tiegħu f’Ċipru permezz tat-titjira lura tal-ajruplan u kien jinvolvi sanzjonijiet għal Blue Air.

    30

    D. Z. talab, għalxejn, li r-raġunijiet għal dan ir-rifjut jingħatawlu bil-miktub. Barra minn hekk, ebda deċiżjoni bil-miktub dwar rifjut ta’ dħul fit-territorju Rumen ma ġiet ikkomunikata lilu.

    31

    Peress li qies li r-rifjut ta’ imbark deċiż fir-rigward tiegħu kien inġustifikat u kien jikser id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, D. Z. adixxa lill-Eparchiako Dikastirio Larnakas (il-Qorti Distrettwali ta’ Larnaca, Ċipru) b’rikors kontra Blue Air, bil-għan li jiġi kkumpensat għat-telf tal-ammont tal-biljett tal-ajru tiegħu tat-tluq u tar-ritorn, għall-ispejjeż tal-kanċellament tar-riżervazzjoni tiegħu f’lukanda f’Bukarest, għall-ispejjeż relatati mal-eżamijiet li huwa ma setax jagħmel, għall-ammont ekwivalenti għas-salarji li huwa ma rċeviex minħabba leave tal-istudju mogħti mill-persuna li timpjegah sabiex jipprepara ruħu għall-imsemmija eżamijiet u għad-dannu morali li huwa kien qies li kien sostna.

    32

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, Blue Air issostni, b’mod partikolari, li D. Z. żbalja meta ppreżenta r-rikors tiegħu kontriha. Fil-fatt, hekk kif jindikaw il-kundizzjonijiet ta’ trasport li hija tapplika, Blue Air ma hijiex responsabbli għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Istat ta’ destinazzjoni li jirrifjutaw id-dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat lil passiġġier jew għad-dokumenti li dan tal-aħħar huwa obbligat li jkollu fil-pussess tiegħu jew għall-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ destinazzjoni.

    33

    Skont il-qorti tar-rinviju, it-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk D. Z. għandux dritt jinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 fir-rigward ta’ Blue Air. Hija tqis li, kieku r-rikorrent kien ġie awtorizzat jimbarka fuq it-titjira inkwistjoni, huwa kien ikun jista’ jinvoka quddiem qorti Rumena d-dritt tiegħu li jidħol fil-pajjiż bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni.

    34

    Issa, l-uniku att dannuż li D. Z. issubixxa huwa r-rifjut ta’ imbark deċiż fir-rigward tiegħu minn Blue Air. Minn dan, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat sa fejn dan ir-rifjut ta’ imbark nissel fir-rigward ta’ D. Z. dritt li huwa jista’ jinvoka ġudizzjarment kontra Blue Air.

    35

    L-imsemmija qorti tqis, fit-tieni lok, li hija għandha tevalwa jekk rifjut ta’ imbark deċiż f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 u, fl-affermattiv, jekk klawżola tal-kuntratt ta’ trasport tistax madankollu tillimita, jew anki teskludi, ir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru fil-każ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar inadegwati.

    36

    Peress li kienet tqis, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li t-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Eparchiako Dikastirio Larnakas (il-Qorti Distrettwali ta’ Larnaca) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1.

    Id-Deċiżjoni [Nru 565/2014] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipproduċi effetti legali diretti b’mod li toħloq, minn naħa, id-dritt għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ma tkunx meħtieġa viża għall-finijiet tad-dħul tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-obbligu għall-imsemmi Stat Membru ta’ destinazzjoni li ma jeħtieġx tali viża, fil-każ fejn dawn iċ-ċittadini huma detenturi ta’ viża ta’ dħul jew dritt ta’ residenza li jaqa’ taħt il-lista ta’ dokumenti li jibbenefikaw minn rikonoxximent reċiproku skont id-Deċiżjoni [Nru 565/2014], li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni impenja ruħu li jimplimenta?

    2.

    Trasportatur bl-ajru li, huwa stess jew/u permezz tar-rappreżentanti u aġenti tiegħu fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark lil passiġġier billi jinvoka r-rifjut ta’ dħul min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni minħabba allegat nuqqas ta’ viża ta’ dħul, jista’ jitqies li qed jaġixxi u jeżerċita l-awtorità tiegħu bħala waħda mogħtija mill-imsemmi Stat, b’mod li l-passiġġier leż jista’ jopponi kontrih id-Deċiżjoni [Nru 565/2014] quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ tluq, għall-finijiet tat-turija li kien id-detentur ta’ dritt ta’ dħul li ma għandux bżonn viża addizzjonali u tat-talba għal kumpens għall-ksur ta’ dan id-dritt u, konsegwentement, tal-kuntratt tiegħu ta’ trasport?

    3.

    Trasportatur bl-ajru jista’, huwa stess jew/u permezz tar-rappreżentanti u aġenti tiegħu fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark lil ċittadin ta’ pajjiż terz billi jinvoka r-rifjut tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni li jippermettulu d-dħul fit-territorju tiegħu, mingħajr ma deċiżjoni bil-miktub u motivata ta’ rifjut ta’ dħul tkun ġiet adottata u/jew tkun ġiet ikkomunikata minn qabel [ara l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2016/399 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1)], li kien l-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 562/2006], li jipprevedi li d-dħul jista’ biss jiġi rrifjutat permezz ta’ deċiżjoni motivata], li b’hekk tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali u, iktar preċiżament, il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-passiġġier affettwat [ara l-Artikolu 4 tal-imsemmi Regolament 2016/399]?

    4.

    L-Artikolu 2(j) tar-Regolament [Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kull każ ta’ rifjut ta’ imbark ta’ passiġġier deċiż minn trasportatur bl-ajru minħabba, allegatament, ‘dokumenti ta’ vvjaġġar inadegwati’? Tali rifjut ta’ imbark jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament f’każ ta’ deċiżjoni ta’ qorti jew tribunal li tiġġudika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull kawża, li d-dokumenti ta’ vvjaġġar kienu adegwati u li r-rifjut ta’ imbark kien inġustifikat jew illegali inkwantu jmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

    5.

    Passiġġier jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għal kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament [Nru 261/2004] fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ limitazzjoni jew ta’ esklużjoni tar-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru f’każ ta’ dokumenti ta’ vvjaġġar allegatament inadegwati, meta tali klawżola tidher fil-kundizzjonijiet ġenerali, ippubblikati minn qabel, dwar il-modalitajiet ta’ funzjonament u/jew dwar il-provvisti ta’ servizzi tal-imsemmi trasportatur? L-Artikolu 15, moqri flimkien mal-Artikolu 14 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq jipprekludi l-applikazzjoni ta’ tali klawżoli ta’ limitazzjoni u/jew ta’ esklużjoni tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    37

    Blue Air issostni, qabel kollox, li t-tieni u t-tielet domanda preliminari huma inammissibbli minħabba li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma nstemgħux fir-rigward tal-imsemmija domandi qabel ma tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, bi ksur tar-regoli tal-proċedura Ċiprijotti.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jeħtieġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għad-deċiżjoni tal-kawża mressqa quddiemhom. Il-qrati nazzjonali għandhom għalhekk il-possibbiltà u, jekk ikun il-każ, l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari minn meta jikkonstataw, jew ex officio jew fuq talba tal-partijiet, li l-mertu tal-kawża jirrigwarda kwistjoni li għandha tiġi deċiża li taqa’ taħt l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu (sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen‑Düsseldorf, 166/73, EU:C:1974:3, punt 3, kif ukoll tal‑1 ta’ Frar 2017, Tolley, C‑430/15, EU:C:2017:74, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Barra minn hekk, għalkemm jista’ jirriżulta fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li domanda preliminari ssir biss wara trattazzjoni kontradittorja, l-eżistenza ta’ tali trattazzjoni minn qabel ma tinsabx fost il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE (sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Tolley, C‑430/15, EU:C:2017:74, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa n-neċessità eventwali ta’ tali trattazzjoni kontradittorja minn qabel (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 1978, Simmenthal, 70/77, EU:C:1978:139, punt 11).

    40

    Għaldaqstant, il-fatt li l-partijiet f’kawża ma ddiskutewx minn qabel quddiem il-qorti nazzjonali kwistjoni li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li din il-kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Tolley, C‑430/15, EU:C:2017:74, punt 33).

    41

    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ rinviju tteħditx b’konformità mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Benjumea Bravo de Laguna, C‑381/16, EU:C:2017:889, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Sussegwentement, Blue Air issostni li l-qorti tar-rinviju naqset milli tindika l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli u tal-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti, kif ukoll il-punti kollha rilevanti, ta’ fatt u ta’ liġi, li wassluha tqis li dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jistgħu japplikaw f’dan il-każ.

    43

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn hekk tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑375/17, EU:C:2018:1026, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Issa, f’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest ġuridiku u fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, fid-dawl tan-natura u tal-portata tal-atti tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom qiegħda tintalab l-interpretazzjoni, bl-ebda mod ma tostakola li jiġi korrettament mifhum il-kuntest li fih jaqgħu d-domandi tal-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-imsemmija qorti fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi magħmula sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmija tilwima jippermettu li tiġi evalwata l-portata ta’ dawn id-domandi u tingħata risposta utli għalihom, hekk kif jikkonfermaw, barra minn hekk, l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern Ċiprijott, Ġermaniż u dak Olandiż.

    45

    Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż jesprimi dubji dwar ir-rilevanza tar-raba’ u tal-ħames domanda minħabba l-fatt li D. Z. ma jidhirx li ressaq talba għal kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004.

    46

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 31, kif ukoll tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Min-naħa l-oħra, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju indikat, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li d-dritt Ċiprijott jippermettilha tagħti kumpens lil parti anki jekk din ma tkunx talbitu espressament, b’tali mod li hija tkun f’pożizzjoni li tagħti lir-rikorrent fil-kawża prinċipali kumpens abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, sakemm dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħtih dan id-dritt.

    48

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    Fuq l-ewwel domanda

    49

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nr 565/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipproduċi effett dirett u joħloq, għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw kontra l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, b’mod partikolari dak li viża ma tkunx meħtieġa għall-finijiet tad-dħul tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru fil-każ fejn huma jkunu detenturi ta’ viża ta’ dħul jew ta’ permess ta’ residenza li jaqgħu taħt il-lista ta’ dokumenti li jibbenefikaw minn rikonoxximent li l-imsemmi Stat Membru impenja ruħu li japplika b’mod konformi mal-imsemmija deċiżjoni.

    50

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, deċiżjoni tal-Unjoni hija obbligatorja fl-elementi kollha tagħha u, meta din tispeċifika d-destinatarji, din tkun obbligatorja biss fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

    51

    F’dan il-każ, id-Deċiżjoni Nru 565/2014 tindika, fl-Artikolu 8 tagħha, lill-Bulgarija, lill-Kroazja, lil Ċipru u lir-Rumanija bħala d-destinatarji tagħha. Għaldaqstant, din hija obbligatorja biss fir-rigward ta’ dawn l-erba’ Stati Membri.

    52

    Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi essenzjalment li kull wieħed minn dawn l-erba’ Stati Membri jista’ jirrikonoxxi bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tiegħu l-viżi u l-permessi ta’ residenza elenkati fih, maħruġa mill-Istati Membri l-oħra destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

    53

    Fl-ewwel lok, mill-kliem tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, moqri flimkien mal-premessa 7 ta’ din tal-aħħar, għalhekk jirriżulta li r-rikonoxximent tal-viżi u tal-permessi ta’ residenza msemmija f’din id-dispożizzjoni jikkostitwixxi sempliċi possibbiltà għall-Istati Membri kkonċernati.

    54

    Madankollu, meta dawn tal-aħħar jimpenjaw ruħhom li japplikaw id-Deċiżjoni Nru 565/2014 u, skont l-Artikolu 5 tagħha, jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom li jirrikonoxxu bħala ekwivalenti għall-viżi tagħhom stess il-viżi nazzjonali u l-permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri l-oħra destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, inklużi d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija deċiżjoni, hekk kif għamlet ir-Rumanija, kif jirriżulta mill-punt II tal-Informazzjoni mill-Kummissjoni, l-eżerċizzju, minn dawn l-Istati Membri tal-ewwel, tal-possibbiltà li għaldaqstant jagħtihom l-imsemmi Artikolu 3(1) jimplika, għalihom, l-obbligu li jirrikonoxxu d-dokumenti msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni.

    55

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 ma jipprevedix dispożizzjoni ekwivalenti għal dik li tinsab fl-Artikolu 2 tagħha, li l-paragrafu 3 tiegħu jippreċiża espressament li d-deċiżjoni ta’ wieħed mill-erba’ Stati Membri destinatarji tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 li japplikaha tinkludi l-obbligu li jirrikonoxxi, bħala prinċipju, id-dokumenti kollha msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2).

    56

    Fil-fatt, mill-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 jirriżulta li l-Istati Membri destinatarji ta’ din id-deċiżjoni u li għażlu li japplikawha għandhom jirrikonoxxu, bħala prinċipju, id-dokumenti kollha msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tal-istess deċiżjoni, maħruġa mill-Istati Membri li jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen, u dan irrispettivament minn min ikun, fost dawn tal-aħħar, l-Istat Membru ta’ ħruġ.

    57

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza, fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għal dik li tinsab fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-deċiżjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni, li għażlu li japplikaw l-Artikolu 3 tagħha, iżommu l-libertà li jidderogaw, każ b’każ, mis-sistema ta’ rikonoxximent tal-viżi u tal-permessi ta’ residenza li huma aderixxew magħha skont l-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni.

    58

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tal-obbligu previst fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, dan jikkonsisti, għall-Istati Membri kkonċernati, f’li jirrikonoxxu bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom, għall-finijiet ta’ tranżitu permezz tat-territorju tagħhom jew ta’ soġġorni previsti fit-territorju tagħhom li ma jeċċedux 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, il-viżi u l-permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri l-oħra destinatarji tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, hekk kif imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) ta’ din id-deċiżjoni u elenkati fl-annessi tagħha.

    59

    Hekk kif jirriżulta barra minn hekk mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, l-unika deroga possibbli prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni mill-obbligu li dan jipprevedi tirrigwarda l-viżi u l-permessi ta’ residenza mehmuża ma’ dokumenti tal-ivvjaġġar li l-Istati Membri kkonċernati ma jirrikonoxxux jew ma’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn pajjiż terz li miegħu huma ma jkollhomx relazzjonijiet diplomatiċi.

    60

    Minn dan isegwi li, minbarra din id-deroga espliċitament prevista, l-Istati Membri destinatarji tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 u li għażlu li jaderixxu mas-sistema prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 għandhom jikkonformaw mal-imsemmi obbligu ta’ rikonoxximent fil-preżenza ta’ każijiet individwali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    61

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mit-titolu tagħha, fl-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata għall-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni, ibbażata fuq ir-rikonoxximent, mill-Istati Membri parteċipanti, tal-ekwivalenza ta’ ċerti dokumenti tal-ivvjaġġar għall-viżi nazzjonali tagħhom.

    62

    Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, jekk l-Istati Membri destinatarji tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 li għażlu li japplikaw l-Artikolu 3 tagħha kellhom igawdu mill-possibbiltà li jidderogaw, każ b’każ, mis-sistema ssemplifikata għall-kontroll prevista minn din id-deċiżjoni, din is-sistema ma tkunx tista’ tiġi implimentata b’mod effettiv.

    63

    Min-naħa l-oħra, tali possibbiltà ma tkunx konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-pubblikazzjoni, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tad-deċiżjoni tal-Istat Membru kkonċernat li japplika d-Deċiżjoni Nru 565/2014, imwettqa skont l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni, hija intiża li tiffavorixxi.

    64

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-invokabbiltà, kontra l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, tal-obbligu previst fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-partijiet fil-kawża jistgħu jinvokaw, kontra Stat Membru, id-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni tal-Unjoni indirizzata lilu, sa fejn l-obbligi imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet fuq dan l-Istat Membru huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt, C‑156/91, EU:C:1992:423, punti 1213 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, ladarba l-Istat Membru kkonċernat ikun ħa l-impenn imsemmi fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-obbligu previst fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, hekk kif interpretat fil-punti 60 sa 63 ta’ din is-sentenza, jissodisfa dawn il-kriterji ta’ inkundizzjonalità u ta’ preċiżjoni suffiċjenti.

    66

    Din l-evalwazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li, b’mod analogu għall-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu li din id-dispożizzjoni tipprevedi fil-każ fejn il-viżi u l-permessi ta’ residenza jkunu mehmuża ma’ dokumenti li dawn l-Istati Membri ma jirrikonoxxux jew ma’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn Stat terz li miegħu huma ma jkollhomx relazzjonijiet diplomatiċi.

    67

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li deċiżjoni tippermetti lill-Istati Membri li huma d-destinatarji tagħha jidderogaw, taħt ċerti kundizzjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, minn dispożizzjonijiet ċari u preċiżi ta’ din l-istess deċiżjoni ma jistax, fih innifsu, iċaħħad lil dawn id-dispożizzjonijiet minn effett dirett (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Feyrer, C‑374/97, EU:C:1999:397, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Konsegwentement, il-partijiet fil-kawża jistgħu jinvokaw l-obbligu previst fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 kontra Stat Membru destinatarju ta’ din id-deċiżjoni u li ddeċieda li jeżerċita l-possibbiltà prevista minn din id-dispożizzjoni.

    69

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipproduċi effett dirett u joħloq, għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw kontra l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, b’mod partikolari dak li viża ma tkunx meħtieġa għall-finijiet tad-dħul tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru fil-każ fejn dawn iċ-ċittadini jkunu detenturi ta’ viża ta’ dħul jew ta’ permess ta’ residenza li jaqgħu taħt il-lista ta’ dokumenti li jibbenefikaw minn rikonoxximent li l-imsemmi Stat Membru impenja ruħu li japplika b’mod konformi ma’ din id-deċiżjoni.

    Fuq it-tieni domanda

    70

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li trasportatur bl-ajru li, huwa stess jew permezz tar-rappreżentanti u tal-mandatarji tiegħu fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark lil passiġġier billi jinvoka r-rifjut ta’ dħul deċiż fir-rigward ta’ dan tal-aħħar mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu jitqies bħala li qiegħed jaġixxi bħala emanazzjoni tal-imsemmi Stat, b’mod li l-passiġġier leż jista’ jinvoka fir-rigward ta’ dan it-trasportatur bl-ajru d-Deċiżjoni Nru 565/2014 quddiem qorti tal-Istat Membru ta’ tluq sabiex jikseb kumpens għall-ksur tad-dritt tiegħu li jidħol fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni mingħajr ma jkun fil-pussess ta’ viża maħruġa minn dan tal-aħħar.

    71

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet mogħtija fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali rifjut ta’ dħul effettivament ġiex deċiż jew le mill-awtoritajiet Rumeni. Dan premess u peress li t-tieni domanda ġiet ifformulata mill-imsemmija qorti b’riferiment għall-ipoteżi li dan seta’ kien il-każ f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrispondi għaliha billi titlaq minn tali ipoteżi.

    72

    Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill-partijiet fil-kawża mhux biss kontra Stat Membru u l-korpi kollha tal-amministrazzjoni tiegħu, iżda wkoll kontra organi jew entitajiet, anki jekk huma rregolati mid-dritt privat, li jew ikunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll ta’ awtorità pubblika, jew ikunu ġew fdati minn Stat Membru bit-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku u li jkollhom, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi. Fil-fatt, għandu jiġi evitat li l-Istat ikun jista’ jieħu vantaġġ mill-ksur tiegħu tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C‑413/15, EU:C:2017:745, punti 32, 3435).

    73

    Tali ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta b’analoġija għad-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ deċiżjoni tal-Unjoni, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Carp, C‑80/06, EU:C:2007:327, punt 21).

    74

    Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk tistax tiġi invokata d-Deċiżjoni Nru 565/2014 kontra trasportatur bl-ajru minn passiġġier li huwa rrifjuta l-imbark tiegħu minħabba li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni rrifjutawlu d-dħul fit-territorju tagħhom minħabba l-assenza ta’ viża ta’ dħul, għandu jiġi vverifikat jekk dan it-trasportatur għandux jitqies bħala entità bħal dawk imsemmija fil-punt 72 ta’ din is-sentenza.

    75

    B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni dwar jekk trasportatur bl-ajru jew il-mandatarju tiegħu, li jwettqu l-verifika tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ passiġġier, ċittadin ta’ pajjiż terz, fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq għandhomx jitqiesu bħala li ġew inkarigati mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni sabiex jassumu funzjonijiet ta’ kontroll fil-fruntieri skont l-Artikolu 7(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u bħala li għandhom, għal dan il-għan, setgħat adegwati.

    76

    F’dan ir-rigward, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqri flimkien mal-Artikolu 2(13) ta’ dan il-kodiċi, huma biss il-gwardji tal-fruntiera, li għandhom il-kwalità ta’ uffiċjal pubbliku u li huma suġġetti, b’mod partikolari, għar-regoli stabbiliti mill-imsemmi kodiċi, li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ kontroll fil-fruntieri. Skont l-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dawn huma professjonisti speċjalizzati u mħarrġa sew. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(2) ta’ dan il-kodiċi, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-lista tas-servizzi nazzjonali responsabbli għall-kontroll fil-fruntieri.

    77

    Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 7(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirriżulta li l-kontrolli fil-fruntieri li jirrigwardaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonsistu f’verifika fil-fond, li tinkludi, b’mod partikolari, it-tfittxija ta’ indizji ta’ falsifikazzjoni jew ta’ kontrafazzjoni tad-dokument tal-ivvjaġġar, il-verifika li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza, kif ukoll il-verifika li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat, il-mezz ta’ trasport tiegħu u l-oġġetti li huwa jittrasporta ma humiex ta’ natura li jikkompromettu l-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri.

    78

    Issa, fir-rigward tat-trasportaturi bl-ajru, il-kompitu tagħhom huwa manifestament differenti minn dak tal-gwardji tal-fruntiera sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 26(1) (b) tal-KFS, dan jikkonsisti biss fil-verifika li ċ-ċittadini barranin li huma jittrasportaw huma “fil-pussess […] [ta]d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar meħtieġa” għad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

    79

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li trasportatur bl-ajru jew il-mandatarju tiegħu ma jistgħux jitqiesu la bħala li ġew inkarigati, mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni, sabiex jassumu l-funzjonijiet ta’ kontroll fil-fruntieri skont l-Artikolu 7(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u lanqas bħala li għandhom, għal dan il-għan, setgħat adegwati.

    80

    Konsegwentement, ma tistax tiġi invokata d-Deċiżjoni Nru 565/2014 kontra trasportatur bl-ajru minn passiġġier li dan it-trasportatur rrifjuta l-imbark tiegħu minħabba li d-dħul fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni kien jiġi rrifjutat lil dan il-passiġġier mill-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar Stat.

    81

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur bl-ajru li, huwa stess jew permezz tar-rappreżentanti u tal-mandatarji tiegħu fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark lil passiġġier billi jinvoka r-rifjut ta’ dħul deċiż mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma jistax jitqies bħala li qiegħed jaġixxi bħala emanazzjoni tal-imsemmi Stat, b’mod li l-passiġġier leż ma għandux dritt jinvoka kontrih id-Deċiżjoni Nru 565/2014 quddiem qorti tal-Istat Membru ta’ tluq sabiex jikseb kumpens għall-ksur tad-dritt tiegħu li jidħol fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni mingħajr ma jkun fil-pussess ta’ viża maħruġa minn dan tal-aħħar.

    Fuq it-tielet domanda

    82

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li trasportatur bl-ajru jirrifjuta l-imbark lil ċittadin ta’ pajjiż terz billi jinvoka rifjut tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni li jawtorizzaw lil dan tal-aħħar id-dħul fit-territorju tiegħu, mingħajr ma dan ir-rifjut ta’ dħul kien is-suġġett ta’ deċiżjoni bil-miktub u motivata, ikkomunikata minn qabel lill-imsemmi ċittadin.

    83

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, id-dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru jista’ jiġi rrifjutat biss permezz ta’ deċiżjoni motivata li tindika r-raġunijiet preċiżi tar-rifjut, adottata minn awtorità kompetenti awtorizzata f’dan ir-rigward mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u kkomunikata permezz ta’ formola standard mogħtija liċ-ċittadin ikkonċernat, li għandu jikkonferma li jkun irċieva d-deċiżjoni ta’ rifjut permezz tal-imsemmija formola.

    84

    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rifjut ta’ dħul huwa suġġett għal kundizzjonijiet formali partikolarment stretti, li huma b’mod partikolari intiżi li jippreżervaw id-drittijiet tad-difiża, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 13(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jipprovdi li l-persuni li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul għandhom id-dritt jippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni.

    85

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 13(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludi li, fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul adottata u kkomunikata skont l-Artikolu 13(2) ta’ dan il-kodiċi, trasportatur bl-ajru jkun jista’, sabiex jiġġustifika r-rifjut li jimbarka passiġġier, jinvoka kontra dan tal-aħħar kwalunkwe rifjut ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, li mingħajrha tali passiġġier jiġi mċaħħad, b’mod partikolari, mill-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

    86

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li trasportatur bl-ajru jirrifjuta l-imbark lil ċittadin ta’ pajjiż terz billi jinvoka rifjut tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni li jawtorizzaw lil dan tal-aħħar id-dħul fit-territorju tiegħu, mingħajr ma dan ir-rifjut ta’ dħul kien is-suġġett ta’ deċiżjoni bil-miktub u motivata, ikkomunikata minn qabel lill-imsemmi ċittadin.

    Fuq ir-raba’ domanda

    87

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 261/2004, b’mod partikolari l-Artikolu 2(j) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta trasportatur bl-ajru jirrifjuta l-imbark lil passiġġier minħabba li dan ikun ippreżenta dokumenti tal-ivvjaġġar inadegwati, tali rifjut iċaħħad lil dan il-passiġġier mill-protezzjoni prevista mill-imsemmi regolament u jekk hijiex il-qorti kompetenti li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, in-natura raġonevolment iġġustifikata tal-imsemmi rifjut fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.

    88

    F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 huwa ddefinit fl-Artikolu 3 tiegħu, li l-paragrafu 2(a) tiegħu jipprevedi li l-imsemmi regolament japplika, b’mod partikolari, għall-passiġġieri li jkollhom riżervazzjoni kkonfermata għal titjira li titlaq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u li jippreżentaw ruħhom għar-reġistrazzjoni hekk kif speċifikat u fil-ħin indikat jew, fl-assenza ta’ indikazzjoni ta’ ħin, mhux iktar tard minn ħamsa u erbgħin minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat.

    89

    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004, bit-titolu “Passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li t-trasportatur bl-ajru li jirrifjuta l-imbark lil passiġġieri kontra r-rieda tagħhom għandu l-obbligu jikkumpensa lil dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament u joffrilhom assistenza skont l-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmi regolament.

    90

    Fl-aħħar nett, ir-rifjut ta’ imbark huwa ddefinit fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 bħala r-rifjut ta’ trasport ta’ passiġġieri fuq titjira, minkejja li huma jkunu ppreżentaw ruħhom għall-imbark skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, ħlief jekk ikun raġonevolament iġġustifikat li l-imbark jiġi rrifjutat, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ saħħa, ta’ sigurezza jew ta’ sigurtà, jew minħabba dokumenti tal-ivvjaġġar inadegwati.

    91

    Minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet kollha msemmija fil-punti 88 sa 90 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta passiġġier li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jitħalliex jimbarka kontra r-rieda tiegħu, huwa għandu dritt għal kumpens kif ukoll għal assistenza min-naħa tat-trasportatur bl-ajru li jopera, sakemm dan ir-rifjut ma jkunx raġonevolment iġġustifikat, pereżempju minħabba n-natura inadegwata tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu.

    92

    Il-formulazzjoni tal-espressjoni “ħlief għal fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu”, li tinsab fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jirriżerva lit-trasportatur bl-ajru s-setgħa li jevalwa u li jistabbilixxi huwa stess b’mod definittiv in-natura inadegwata tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

    93

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tar-Regolament Nru 261/2004, stabbilit fil-premessa 1 tiegħu, li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri, b’tali mod li d-drittijiet irrikonoxxuti lil dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Rodríguez Cachafeiro u Martínez‑Reboredo Varela‑Villamor, C‑321/11, EU:C:2012:609, punt 25).

    94

    Fil-fatt, peress li r-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż, b’mod partikolari, li jirrimedja għad-diffikultajiet u għall-inkonvenjenzi serji li rifjut ta’ imbark jikkawża lill-passiġġieri, ikun imur kontra l-imsemmi għan, li jimplika protezzjoni għolja għal dawn tal-aħħar, li t-trasportatur bl-ajru kkonċernat jingħata s-setgħa li jevalwa u li jiddeċiedi unilateralment u b’mod definittiv li, f’tali każ inkwistjoni, ir-rifjut huwa raġonevolment iġġustifikat u, konsegwentement, li l-passiġġieri inkwistjoni jiġu mċaħħda mill-protezzjoni li huma meqjusa li jibbenefikaw minnha bis-saħħa tal-imsemmi regolament.

    95

    Għaldaqstant, fil-każ ta’ kontestazzjoni min-naħa tal-passiġġier li kien is-suġġett ta’ rifjut ta’ imbark, hija l-qorti kompetenti li għandha tevalwa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ, in-natura eventwalment inadegwata tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu u, b’mod definittiv, in-natura raġonevolment iġġustifikata ta’ dan ir-rifjut.

    96

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta, fil-mument tal-imbark, mhux biss ir-riżervazzjoni tat-titjira tiegħu, il-passaport tiegħu u l-permess ta’ residenza temporanja Ċiprijott tiegħu li għadu validu, iżda wkoll it-tweġiba bil-miktub għall-applikazzjoni tiegħu għal viża mogħtija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Rumen li tikkonferma li huwa ma kellux bżonn, sabiex jidħol fit-territorju Rumen, tali viża, li fuqha huwa bbaża ruħu in bona fide. Mill-fajl li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha jirriżulta wkoll li r-rifjut ta’ imbark ġie deċiż mingħajr ma t-trasportatur bl-ajru kellu deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fis-sens tal-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew konferma li l-informazzjoni pprovduta mill-persunal tal-art ta’ Blue Air f’Bukarest, li tindika li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jitħalliex jidħol fit-territorju Rumen fil-każ ta’ imbark, kienet toriġina minn awtorità kompetenti sabiex tagħti tali deċiżjoni jew sabiex tipprovdi informazzjoni affidabbli f’dan ir-rigward. Ir-rifjut ta’ imbark jidher ukoll li ġie deċiż mingħajr ma dawn l-elementi kollha ġew ivverifikati b’mod inkroċjat mal-informazzjoni li tinsab fid-databases rilevanti u li tista’ tikkonferma li, skont id-Deċiżjoni Nru 565/2014, l-awtoritajiet Rumeni ma setgħux, fiċ-ċirkustanzi hekk kif jirriżultaw mill-fajl li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jirrifjutaw id-dħul fit-territorju tagħhom lir-rikorrent fil-kawża prinċipali għar-raġuni biss li huwa ma kellux viża nazzjonali.

    97

    Issa, f’tali ċirkustanzi, li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, ma jistax jitqies li r-rifjut ta’ imbark inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ kien ta’ natura raġonevolment iġġustifikata fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li, minn naħa, dan ir-rifjut jidher li huwa bbażat mhux fuq aġir imputabbli lill-passiġġier, iżda fuq komprensjoni żbaljata tat-trasportatur bl-ajru fir-rigward tar-rekwiżiti relatati mad-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għall-vjaġġ inkwistjoni, eventwalment sostnuta minn informazzjoni wkoll żbaljata minn naħa ta’ awtorità mhux identifikata tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, u, min-naħa l-oħra, jidher li dan l-iżball seta’ raġonevolament ġie evitat.

    98

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 261/2004, b’mod partikolari l-Artikolu 2(j) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta trasportatur bl-ajru jirrifjuta l-imbark lil passiġġier minħabba li dan ikun ippreżenta dokumenti tal-ivvjaġġar inadegwati, tali rifjut ma jċaħħadx, fih innifsu, lil dan il-passiġġier mill-protezzjoni prevista mill-imsemmi regolament. Fil-każ ta’ kontestazzjoni min-naħa ta’ dan il-passiġġier, hija, fil-fatt, il-qorti kompetenti li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, in-natura raġonevolment iġġustifikata jew le tal-imsemmi rifjut fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq il-ħames domanda

    99

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 261/2004, b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali, ippubblikati minn qabel, relatati mal-modalitajiet ta’ funzjonament jew mal-provvisti ta’ servizzi ta’ trasportatur bl-ajru, li tillimita jew teskludi r-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark ta’ passiġġier minħabba n-natura allegatament inadegwata tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu, u b’hekk iċċaħħad lill-imsemmi passiġġier mid-dritt eventwali tiegħu għal kumpens.

    100

    L-Artikolu 15, tar-Regolament Nru 261/2004, bit-titolu “Esklużjoni tar-rinunzja”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tal-passiġġieri stabbiliti minn dan ir-regolament ma jistgħux jiġu limitati jew irrinunzjati, partikolarment permezz ta’ deroga jew ta’ klawżola restrittiva inkluża fil-kuntratt ta’ trasport.

    101

    Min-naħa tiegħu l-Artikolu 15(2) tal-imsemmi regolament jippreċiża li, jekk madankollu tali deroga jew tali klawżola restrittiva tiġi applikata fir-rigward ta’ passiġġier, jew jekk passiġġier ma jkunx debitament informat dwar id-drittijiet tiegħu u għaldaqstant jaċċetta kumpens inqas minn dak previst mill-istess regolament, dan il-passiġġier għandu d-dritt jibda l-proċeduri neċessarji quddiem il-qrati jew l-organi kompetenti sabiex jikseb kumpens addizzjonali.

    102

    F’dan ir-rigward, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasportatur bl-ajru, bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, għandhomx jitqiesu bħala li jagħmlu parti mill-kuntratt ta’ trasport, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-użu, f’din id-dispożizzjoni, tal-avverbju “partikolarment” u fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni għolja tal-passiġġieri tal-ajru li fuqu huma bbażati l-imsemmija dispożizzjoni u r-Regolament Nru 261/2004 kollu kemm hu, għandhom jitqiesu bħala inammissibbli mhux biss id-derogi inklużi f’kuntratt ta’ trasport, att ta’ natura sinallagmatika li l-passiġġier issottoskriva għalih, iżda a fortiori, dawk inklużi f’dokumenti oħra ta’ natura unilaterali li joriġinaw mit-trasportatur u li huwa jkollu l-intenzjoni jinvoka fir-rigward tal-passiġġieri kkonċernati.

    103

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 261/2004, b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola applikabbli għall-passiġġieri, li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali, ippubblikati minn qabel, relatati mal-modalitajiet ta’ funzjonament jew mal-provvisti ta’ servizzi ta’ trasportatur bl-ajru, li tillimita jew teskludi r-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark ta’ passiġġier minħabba n-natura allegatament inadegwata tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu, u b’hekk iċċaħħad lill-imsemmi passiġġier mid-dritt eventwali tiegħu għal kumpens.

    Fuq l-ispejjeż

    104

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id‑90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 895/2006/KE u Nru 582/2008/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipproduċi effett dirett u joħloq, għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw kontra l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, b’mod partikolari dak li viża ma tkunx meħtieġa għall-finijiet tad-dħul tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru fil-każ fejn dawn iċ-ċittadini jkunu detenturi ta’ viża ta’ dħul jew ta’ permess ta’ residenza li jaqgħu taħt il-lista ta’ dokumenti li jibbenefikaw minn rikonoxximent li l-imsemmi Stat Membru impenja ruħu li japplika b’mod konformi ma’ din id-deċiżjoni.

     

    2)

    Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur bl-ajru li, huwa stess jew permezz tar-rappreżentanti u tal-mandatarji tiegħu fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark lil passiġġier billi jinvoka r-rifjut ta’ dħul deċiż mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma jistax jitqies bħala li qiegħed jaġixxi bħala emanazzjoni tal-imsemmi Stat, b’mod li l-passiġġier leż ma għandux dritt jinvoka kontrih id-Deċiżjoni Nru 565/2014 quddiem qorti tal-Istat Membru ta’ tluq sabiex jikseb kumpens għall-ksur tad-dritt tiegħu li jidħol fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni mingħajr ma jkun fil-pussess ta’ viża maħruġa minn dan tal-aħħar.

     

    3)

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li trasportatur bl-ajru jirrifjuta l-imbark lil ċittadin ta’ pajjiż terz billi jinvoka rifjut tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni li jawtorizzaw lil dan tal-aħħar id-dħul fit-territorju tiegħu, mingħajr ma dan ir-rifjut ta’ dħul kien is-suġġett ta’ deċiżjoni bil-miktub u motivata, ikkomunikata minn qabel lill-imsemmi ċittadin.

     

    4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, b’mod partikolari l-Artikolu 2(j) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta trasportatur bl-ajru jirrifjuta l-imbark lil passiġġier minħabba li dan ikun ippreżenta dokumenti tal-ivvjaġġar inadegwati, tali rifjut ma jċaħħadx, fih innifsu, lil dan il-passiġġier mill-protezzjoni prevista mill-imsemmi regolament. Fil-każ ta’ kontestazzjoni min-naħa ta’ dan il-passiġġier, hija, fil-fatt, il-qorti kompetenti li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, in-natura raġonevolment iġġustifikata jew le tal-imsemmi rifjut fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    5)

    Ir-Regolament Nru 261/2004, b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola applikabbli għall-passiġġieri, li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali, ippubblikati minn qabel, relatati mal-modalitajiet ta’ funzjonament jew mal-provvisti ta’ servizzi ta’ trasportatur bl-ajru, li tillimita jew teskludi r-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark ta’ passiġġier minħabba n-natura allegatament inadegwata tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu, u b’hekk iċċaħħad lill-imsemmi passiġġier mid-dritt eventwali tiegħu għal kumpens.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Top