Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0142

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-5 ta’ Ġunju 2019.
    Skype Communications Sàrl vs Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT).
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Bruxelles.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikolu 2(c) – Kunċett ta’ ‘servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ – Trażmissjoni ta’ sinjali – Servizz ta’ Voice over Internet Protocol (VoIP) lejn numri tat-telefon fissi jew mobbli – Servizz SkypeOut.
    Kawża C-142/18.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:460

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    5 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikolu 2(c) – Kunċett ta’ ‘servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ – Trażmissjoni ta’ sinjali – Servizz ta’ Voice over Internet Protocol (VoIP) lejn numri tat-telefon fissi jew mobbli – Servizz SkypeOut”

    Fil-Kawża C‑142/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Brussell (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

    Skype Communications Sàrl

    vs

    Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Skype Communications Sàrl, minn E. Valgaeren, advocaat, kif ukoll minn C. Evrard u D. Gillet, avocates,

    għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, P. Cotin u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn S. Depre, P. Vernet u M. Lambert de Rouvrait, avocats,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u S. Eisenberg, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti,

    għall-Gvern Rumen, minn C.‑R. Canţăr, O.‑C. Ichim u R.‑I. Haţieganu, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux, L. Nicolae u G. Braun, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349 u r-Rettifika ĠU 2013, L 241, p. 8), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Skype Communications Sàrl u l-Institut belge des services postaux et des télécommunications (IBPT) fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jimponi multa amministrattiva fuq ir-rikorrenti fil-kawża preliminari talli forniet servizz ta’ komunikazzjoni elettronika mingħajr ma bagħtet notifika minn qabel.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 10 tad-Direttiva Qafas tindika:

    “It-tifsira ta’ ‘servizz tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni’ f’Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 [li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8)] tkopri firxa wiesa’ ta’ attivitajiet elettroniċi li jseħħu on‑line. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-attivitajiet m’humiex koperti bl-iskop ta’ din id-Direttiva għaliex ma jikkonsistux kollha kemm huma jew prinċipalment fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. It-telefonija bil-leħen u s-servizzi ta’ twassil ta’ posta elettronika huma koperti b’din id-Direttiva. […] L-istess impriża, per eżempju provditur ta’ servizzi bl-Internet, jista joffri kemm servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal l-aċċess għall-Internet, u servizzi mhux koperti taħt din id-Direttiva, bħal provista ta’ kontenut web-based.”

    4

    L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas jipprevedi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    c)

    ‘sevizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ tfisser servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir, iżda esklużi servizzi li jipprovdu, b’eżerċizzu ta’ kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi; ma jinkludix servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, kif definiti f’Artikolu 1 tad-[Direttiva 98/34], li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għat-twassil ta’ sinjali b’networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

    5

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Miri politiċi u prinċipji regolatorji”, jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

    Sakemm mhuwiex ipprovdut mod ieħor fl-Artikolu 9 dwar il-frekwenzi tar-radju, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tal-fatt li huwa mixtieq li r-regolamenti li jsiru jkunu newtrali teknoloġikament u għandhom jiżguraw meta jwettqu l-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, b’mod partikolari dawk maħsuba biex jiżguraw il-kompetizzjoni effettiva, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jagħmlu l-istess.

    […]

    2.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

    […]

    b)

    jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, anke fit-trażmissjoni tal-kontenut;

    […]

    4.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea billi fost ħwejjeġ oħra:

    […]

    b)

    jassiguraw livell għoli ta’ protezzjoni ta’ konsumaturi meta jittrattaw mal-provdituri, b’mod partikolari billi jassiguraw id-disponibilità ta’ proċeduri sempliċi u mhux għaljin fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim mwettqa minn korp li jkun indipendenti mill-partijiet involuti;

    c)

    jikkontribwixxu billi jassiguraw livell għoli ta’ protezzjoni tat-tagħrif personali u l-privatezza;

    […]”

    Id-dritt Belġjan

    6

    L-Artikolu 2, 5°, tal-Liġi tat‑13 ta’ Ġunju 2005 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi (Moniteur belge tal‑20 ta’ Ġunju 2005, p. 28070), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LKE”), jipprevedi:

    “Għall-applikazzjoni ta’ din il-liġi:

    […]

    ‘servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ ifisser is-servizz normalment ipprovdut bi ħlas, li jikkonsisti kompletament jew prinċipalment fit-trażmissjoni, inklużi l-bdil u r-routing, ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, minbarra (a) servizzi li jikkonsistu fil-provvista ta’ kontenut (permezz ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi) jew fl-eżerċizzju ta’ responsabbiltà editorjali fuq dan il-kontenut, bl-eċċezzjoni (b) tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tal-Liġi tal‑11 ta’ Marzu 2003 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (Moniteur belge tas‑17 ta’ Marzu 2003, p. 12962) li ma jikkonsistux għalkollox jew prinċipalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u bl-eċċezzjoni (c) tas-servizzi tax-xandir, inkluż ix-xandir televiżiv.”

    7

    L-Artikolu 9(1) tal-LKE jipprovdi:

    “Il-provvista jew il-bejgħ mill-ġdid personalment u għan-nom proprju ta’ servizzi jew netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ tibda, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39, biss wara notifika lill-[IBPT] li tkun tinkludi dan li ġej:

    l-isem, l-indirizz, in-numru ta’ [taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)] u tar-reġistru kummerċjali tal-fornitur jew numru ta’ identifikazzjoni simili li jinkludi validament dan it-tagħrif;

    il-persuna ta’ kuntatt mal-[IBPT];

    deskrizzjoni qasira u preċiża tas-servizz jew netwerk tiegħu;

    id-data li fiha l-attivitajiet huma mistennija li jibdew.

    In-notifika għandha ssir permezz tal-posta rreġistrata.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Il-kumpannija Skype Communications hija l-pubblikatur ta’ softwer ta’ komunikazzjoni, imsejjaħ Skype, li jippermetti lill-utent li jinstallah fuq terminal, jiġifieri kompjuter, tablet jew ukoll smartphone, jibbenefika minn servizz ta’ telefonija vokali u ta’ telekonferenza, minn apparat għal apparat. SkypeOut huwa funzjonalità miżjuda mas-softwer Skype li tippermetti lill-utent tiegħu jagħmel telefonati minn terminal lejn linja tat-telefon fissa jew mobbli, bl-użu tal-Internet Protocol (IP) u, b’mod iktar speċifiku, it-teknika msejħa “Voice over IP” (VoIP). Min-naħa l-oħra SkypeOut ma jippermettix li jiġu rċevuti telefonati minn utenti ta’ numri tat-telefon Belġjani.

    9

    Is-servizz ipprovdut permezz ta’ SkypeOut huwa servizz imsejjaħ “barra mill-offerta tal-fornitur ta’ aċċess għall-Internet (“barra mill-offerta tal-ISP”), jiġifieri servizz disponibbli fuq l-internet mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ operatur ta’ komunikazzjonijiet tradizzjonali.

    10

    Is-servizz SkypeOut huwa għad-dispożizzjoni tal-utenti skont żewġ skemi ta’ tariffi, jiġifieri skema mħallsa minn qabel jew abbonamenti varji li jagħtu dritt għal volum speċifiku ta’ telefonati kull xahar għal prezz rikorrenti.

    11

    L-użu ta’ SkypOut jirrikjedi, teknikament, konnessjoni għall-internet ipprovduta minn fornitur ta’ aċċess għall-internet (iktar ’il quddiem l-“ISP”) u l-intervent ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni debitament awtorizzati jittrażmettu u jitterminaw telefonati lejn il-Public Switched Telephone Network (PSTN), li magħhom Skype Communications ikkonkludiet ftehim u li l-intervent tagħhom huwa rremunerat minnha fil-forma ta’ tariffa ta’ terminazzjoni fissa (fixed termination rate (FTR) jew mobile termination rate (MTR)).

    12

    Permezz ta’ ittri tal‑11 ta’ Mejju u d‑9 ta’ Awwissu 2011, l-IBPT stieden lil Skype Communications tinnotifikalu s-servizzi tagħha konformement mal-Artikolu 9(1) tal-LKE, billi tannetti l-formola ta’ notifika man-notifika.

    13

    Fl‑24 ta’ Awwissu 2011, Skype Communications wieġbet li ma kienet teżerċita ebda attività fil-Belġju u li fi kwalunkwe każ ma kienet tipprovdi ebda servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, hekk kif iddefinit mid-Direttiva Qafas, peress li hija ma kienet tagħmel routing ta’ ebda sinjal minn rajha. Barra minn hekk, hija indikat li għall-funzjonalità SkypeOut, hija kienet tagħmel użu minn operaturi internazzjonali li kienu jibagħtu huma stess is-sinjali.

    14

    Fl‑14 ta’ Awwissu 2013, l-IBPT kiteb mill-ġdid lil Skype Communications, fejn indikalha li ma kinitx qiegħda tosserva l-obbligu ta’ notifika fir-rigward tas-servizz SkypeOut. L-IBPT sostna li SkypeOut effettivament kienet tagħmel parti minn “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-Artikolu 2, 5° tal-LKE. Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li jsir użu minn pjan ta’ numerazzjoni jkun jistabbilixxi li dan huwa servizz li huwa iktar minn applikazzjoni fuq l-internet u li ma jaqax taħt l-eċċezzjoni tal-kontenut hekk kif inhi msemmija fid-definizzjoni ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Min-naħa l-oħra, il-fatt li Skype Communications ma tiżgurax it-trasferiment ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ma jipprekludihiex milli effettivament toffri tali servizzi. Fl-aħħar nett, is-servizz SkypeOut huwa intiż għall-utenti li jirrisjedu fit-territorju Belġjan.

    15

    Fit‑13 ta’ Diċembru 2013 Skype Communications ikkontestat il-pożizzjoni tal-IBPT billi sostniet li minn meta ġie fis-seħħ il-pjan Belġjan ta’ numerazzjoni ebda numru ma kien ġie allokat lilha. Il-fatt li l-komunikazzjonijiet jitterminaw lejn numri li jagħmlu parti mill-imsemmi pjan Belġjan ma jistax raġonevolment jinftiehem bħala li jikkonferixxi l-istatus ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Kull interpretazzjoni oħra tkun tfisser li kwalunkwe operatur tat-telekomunikazzjoni fid-dinja jkun suġġett għas-sistema Belġjana ta’ notifika tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, anki jekk jirrikorri għal operatur terz debitament awtorizzat sabiex jittermina t-telefonati lejn numri mill-pjan Belġjan ta’ numerazzjoni.

    16

    Fit‑23 ta’ Diċembru 2014, l-IBPT ikkomunika lil Skype Communications l-oġġezzjonijiet tiegħu fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 9(1) tal-LKE u fir-rigward tal-miżuri previsti.

    17

    Wara numru ta’ skambji u smigħ, fl‑1 ta’ Ġunju 2016 l-IBPT ikkomunika d-deċiżjoni finali tiegħu lil Skype Communications, adottata fit‑30 ta’ Mejju 2016, li permezz tagħha kkonstata li din tal-aħħar naqset milli tosserva l-Artikolu 9(1) tal-LKE talli pprovdiet servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr ma wettqet in-notifika meħtieġa, fejn ordnalha ttemm il-ksur fi żmien massimu ta’ xahar u imponielha multa ta’ EUR 223454, pagabbli fi żmien 60 jum.

    18

    Fid‑29 ta’ Lulju 2016, Skype Communications adixxiet il-cour d’appell de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) b’talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-IBPT tat‑30 ta’ Mejju 2016, fejn talbitha, inter alia, b’mod partikolari, tiddikjara li SkypeOut ma huwiex servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li għalhekk hija ma hijiex fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Sussidjarjament, hija talbitha tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    19

    Fid‑9 ta’ Ottubru 2017, Microsoft Ireland Operations, li tagħmel parti, bħal Skype Communications, mill-Grupp Microsoft, innotifikat lill-IBPT, fuq il-bażi tal-Artikolu 9 tal-LKE, servizz imsejjaħ “PSTN Calling”, li jippermetti wkoll li jsiru telefonati minn kompjuter u minn konnessjoni internet lejn numri tal-PSTN. Skont Skype Communications, is-servizz “PSTN Calling” għandu differenzi tekniċi importanti bi SkypeOut, liema fatt ikun jiġġustifika n-notifika tiegħu bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

    20

    Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, kuntrarjament għal dak li tallega Skype Communications, din tal-aħħar tipproponi offerta lir-residenti Belġjani, b’tali mod li effettivament teżisti offerta ta’ servizz SkypeOut fil-Belġju. Barra minn hekk hija tinnota li l-partijiet fil-kawża prinċipali huma kontra l-kwistjoni dwar jekk is-servizz ipprovdut minn SkypeOut jikkonsistix kompletament jew prinċipalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat‑30 ta’ April 2014, UPC DTH (C‑475/12, EU:C:2014:285, punt 43) li, “l-fatt li t-trażmissjoni tas-sinjali seħħet permezz ta’ infrastruttura li ma tappartjenix [lill-applikant] huwa irrilevanti għall-klassifikazzjoni tan-natura tas-servizz. Fil-fatt, f’dan ir-rigward huwa biss rilevanti l-fatt li [l-applikant] hija responsabbli lejn l-utenti finali tat-trażmissjoni tas-sinjal li tiżgura li dawn tal-aħħar jirċievu s-servizz li abbonaw ruħhom għalih.”

    21

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-definizzjoni tas-servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif stabbilit [fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas] għandu jinftiehem fis-sens li servizz ta’ voice-over IP, offrut permezz ta’ softwer b’terminazzjoni fuq public switched telephone network lejn numru fiss jew mobbli ta’ pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni (fil-forma E.164) għandu jkun ikklassifikat bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, minkejja l-fatt li s-servizz ta’ aċċess għall-internet li permezz tiegħu utent jaċċedi għall-imsemmi servizz ta’ voice-over IP jikkostitwixxi diġà fih innifsu servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda filwaqt li l-fornitur tas-softwer jipprovdi dan is-servizz għal remunerazzjoni u jidħol fi ftehimiet mal-fornituri ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet debitament awtorizzati li jitrażmettu u jitterminaw sejħiet lejn il-public switched telephone network li jippermettu t-terminazzjoni tas-sejħiet lejn numru fiss jew mobbli ta’ pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni?

    2)

    Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, ir-risposta tibqa’ l-istess jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-funzjonalità tas-softwer li tippermetti li s-sejħiet bil-vuċi hija biss waħda mill-funzjonalitajiet tas-softwer, li jista’ jintuża mingħajr din il-funzjonalità?

    3)

    Jekk l-ewwel [u t-tieni domandi] jingħataw risposta fl-affermattiv, ir-risposta għall-ewwel domanda tibqa’ l-istess jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-fornitur tas-servizz jipprevedi, fil-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu, li ma jassumix responsabbiltà lejn il-klijent aħħari għat-trasmissjoni tas-sinjali?

    4)

    Jekk l-ewwel [it-tieni u t-tielet domandi] jingħataw risposta fl-affermattiv, ir-risposta għall-ewwel domanda tibqa’ l-istess jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-servizz mogħti jissodisfa wkoll id-definizzjoni ta’ ‘servizz tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni’?”

    Fuq id-domandi preliminari

    22

    Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista mill-pubblikatur ta’ softwer ta’ funzjonalità li toffri servizz VoIP, li jippermetti lill-utent li jċempel numru fiss jew mobbli li jaqa’ taħt pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni permezz tal-PSTN ta’ Stat Membru minn terminal, għandux jiġi kkwalifikat bħala “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-provvista tas-servizz imsemmi, minn naħa, tagħti lok għal remunerazzjoni tal-pubblikatur u, min-naħa l-oħra, timplika l-konklużjoni minn dan tal-aħħar ta’ ftehimiet mal-fornituri tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni debitament awtorizzati li jittrażmettu u jitterminaw telefonati lejn il-PSTN.

    23

    F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk kwalifika bħal din għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni minkejja l-fatt li, l-ewwel nett, is-servizz tal-aċċess għall-internet li permezz tiegħu l-utent jaċċedi għas-servizz VoIP minnu nnifsu jikkostitwixxi servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, it-tieni nett, dan is-servizz VoIP jiġi offrut permezz ta’ funzjonalità addizzjonali ta’ softwer li jista’ jintuża mingħajrha, it-tielet nett, il-fornitur tas-servizz jipprevedi fil-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu li ma jassumix ir-responsabbiltà għat-trażmissjoni tas-sinjali lejn il-klijent finali u, ir-raba’ nett, is-servizz ipprovdut jaqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”.

    24

    Qabel kollox, jeħtieġ li jitfakkar li l-kunċett ta’ “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” huwa ddefinit, f’termini pożittivi u negattivi, fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas u din id-definizzjoni tissemma, f’termini ekwivalenti, fil-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas‑16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178) (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, UPC Nederland, C‑518/11, EU:C:2013:709, punti 3637).

    25

    Fil-fatt, l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi, l-ewwel nett, is-servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħala “is-servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir”.

    26

    Din l-istess dispożizzjoni tispeċifika, it-tieni nett, li l-kunċett ta’ “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” jeskludi, minn naħa, “servizzi li jipprovdu, b’eżerċizzu ta’ kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi” u ma jinkludix, min-naħa l-oħra “servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, kif definiti f’Artikolu 1 tad-[Direttiva 98/34], li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għat-twassil ta’ sinjali b’networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

    27

    Il-premessa 5 tad-Direttiva Qafas tesponi f’dan ir-rigward li l-konverġenza tas-setturi tat-telekomunikazzjoni, tal-mezzi tax-xandir u tat-teknoloġija tal-informazzjoni tfisser li n-netwerks kollha ta’ trażmissjoni u s-servizzi assoċjati huma suġġetti għall-istess qafas leġiżlattiv u li, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-imsemmi qafas, huwa meħtieġ li r-regolamentazzjoni dwar it-trażmissjoni tiġi sseparata minn dik relatata mal-kontenut.

    28

    Hekk kif diġà ġie osservat mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-direttivi differenti li jiffurmaw il-qafas leġiżlattiv il-ġdid applikabbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari d-Direttiva Qafas u d-Direttiva 2002/77, jagħmlu għalhekk distinzjoni ċara bejn il-produzzjoni tal-kontenut, li tinvolvi responsabbiltà editorjali, u l-ħruġ tal-kontenut, li jeskludi kull responsabbiltà editorjali, inkwantu l-kontenut u t-trażmissjoni tiegħu jaqgħu taħt regolamentazzjonijiet separati li jkollhom għanijiet speċifiċi għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, UPC Nederland, C‑518/11, EU:C:2013:709, punt 41, u tat‑30 ta’ April 2014, UPC DTH, C‑475/12, EU:C:2014:285, punt 36).

    29

    Il-Qorti ddeċidiet ukoll li, sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, servizz għandu jinkludi t-trażmissjoni ta’ sinjali, peress li l-fatt li t-trażmissjoni tas-sinjal issir permezz ta’ infrastruttura li ma tappartjenix lill-persuna li tipprovdi s-servizzi ma huwiex rilevanti għall-kwalifika tan-natura tas-servizz, peress li f’dan ir-rigward huwa biss il-fatt li din il-persuna li tipprovdi servizz hija responsabbli lejn l-utenti finali tat-trażmissjoni tas-sinjal li jiggarantixxi lil dawn tal-aħħar il-provvista tas-servizz li għalih ikunu abbonaw (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, UPC DTH, C‑475/12, EU:C:2014:285, punt 43).

    30

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni ta’ rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Skype Communications, li hija l-pubblikatur tas-softwer Skype, toffri funzjonalità addizzjonali għal dan is-softwer (SkypeOut) li tippermetti lill-utent tagħha jċempel, minn terminal konness mal-internet bħal kompjuter, smartphone jew tablet, numru fiss jew ċellulari fuq il-PSTN billi juża l-IP u, b’mod iktar speċifiku, it-teknika VoIP.

    31

    Huwa paċifiku li Skype Communications toffri s-servizz VoIP fil-Belġju u li tirċievi remunerazzjoni min-naħa tal-utenti tagħha, peress li l-użu ta’ SkypeOut huwa suġġett għal ħlas bil-quddiem jew għal abbonament.

    32

    Huwa wkoll paċifiku li l-użu ta’ SkypeOut jirrikjedi l-intervent ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, awtorizzati li jittrażmettu u li jitterminaw telefonati lejn in-numri tat-telefon fissi jew sejħiet lil numri fissi jew mobbli permezz tal-PSTN u li Skype Communications ikkonkludiet f’dan is-sens ftehimiet ma’ dawn tal-aħħar, li jirċievu mingħandha remunerazzjoni fil-forma ta’ rati fissi ta’ terminazzjoni (fixed termination rate (FTR)) jew ta’ rati ta’ terminazzjoni mobbli (mobile termination rate (MTR)).

    33

    Minn dan jirriżulta li, minn naħa, il-funzjonalità ta’ SkypeOut tikkonsisti prinċipalment fit-trażmissjoni tas-sinjali tal-vuċi maħruġa mill-utent li jkun qiegħed iċempel lejn l-utent li jirċievi t-telefonata fuq in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jiġifieri qabel kollox fuq l-internet u sussegwentement fuq il-PSTN, u min-naħa l-oħra, li Skype Communications għandha titqies li tassumi r-responsabbiltà, lejn l-utenti tal-funzjonalità SkypeOut, li huma abbonati għal dan is-servizz jew li jkunu ħallsu bil-quddiem għall-użu ta’ dan is-servizz, għat-trażmissjoni tas-sinjali tal-vuċi fuq il-PSTN, fis-sens tas-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, UPC DTH (C‑475/12, EU:C:2014:285, punt 43).

    34

    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, mill-aspett tekniku, ir-routing tat-telefonati bil-vuċi maħruġa permezz ta’ SkypeOut jitwettqu materjalment, fl-ewwel lok, mill-ISPs fuq l-internet, fuq sezzjoni inizjali mill-konnessjoni internet tal-utent li jċempel sal-portal ta’ interkonnessjoni (Gateway) bejn l-internet u l-PSTN, u, fit-tieni lok, mill-fornituri tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fuq il-PSTN, fuq sezzjoni oħra minn dak il-portal ta’ interkonnessjoni sal-punt ta’ konnessjoni mobbli jew fissa tal-utent li jirċievi t-telefonata, jibqa’ l-fatt li din it-trażmissjoni sseħħ skont il-ftehimiet bejn Skype Communications u l-imsemmija fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u ma tistax isseħħ mingħajr il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet.

    35

    Kif argumentaw essenzjalment il-Gvern Belġjan, Ġermaniż, Olandiż u Rumen kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, hija Skype Communications li, permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ interkonnessjoni mal-fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni fuq il-PSTN, tagħmilha teknikament possibbli li jiġu trażmessi sinjali min-netwerk tal-internet lejn il-PSTN u li tiggarantixxi, b’mod definittiv, lill-klijenti u abbonati tagħha s-servizz VoIP li toffri bil-funzjonalità SkypeOut tas-softwer tagħha Skype.

    36

    Il-punti differenti mqajma mill-qorti tar-rinviju fl-erba’ domandi tagħha ma humiex tali li jqiegħdu inkwistjoni l-kwalifika tal-funzjonalità SkypeOut bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas.

    37

    Fil-fatt, l-ewwel nett, iċ-ċirkustanza li l-utent tal-funzjonalità SkypeOut jaċċedi għas-servizz VoIP billi jagħmel użu minn servizz ta’ aċċess għall-internet ipprovdut minn ISP, li min-naħa tiegħu jikkostitwixxi servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ma tfissirx li l-imsemmi servizz VoIP innifsu ma jistax jiġi kkwalifikat, inkwantu tali, bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

    38

    Hekk kif osservaw il-qorti tar-rinviju, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, is-servizz VoIP jimplika, fil-fatt, żewġ servizzi distinti ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fejn l-ewwel wieħed jikkonsisti fir-routing tas-sinjali tal-vuċi tal-utent li jċempel sal-portal tal-internet (Gateway) bejn l-internet u l-PSTN, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-ISP tal-utent li qiegħed iċempel, u t-tieni jikkonsisti fir-routing tal-imsemmija sinjali fuq il-PSTN sat-terminazzjoni fissa jew mobbli, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà konġunta tal-fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni tal-persuni li jirċievu t-telefonota u ta’ Skype Communications, bis-saħħa tal-kuntratti li jivvinkolawhom.

    39

    Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, f’dan l-aħħar rigward, li għalkemm, kif osserva l-Gvern Belġjan, is-servizzi pprovduti minn fornituri tat-telekomunikazzjoni li jiżguraw it-terminazzjoni tat-telefonati mobbli jew fissi fuq il-PSTN jikkostitwixxu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, dawn il-fornituri ma jistgħux, madankollu, jinżammu responsabbli għat-trażmissjoni tas-sinjali bil-vuċi lil utenti tal-funzjonalità SkypeOut, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn l-imsemmija fornituri ma jkollhom ebda relazzjoni kuntrattwali ma’ dawn l-utenti.

    40

    Filwaqt li, għalhekk, dawn l-istess fornituri jkunu kuntrattwalment responsabbli fir-rigward ta’ Skype Communications għar-routing tas-sinjali bil-vuċi maħruġa permezz ta’ SkypeOut fuq il-PSTN, hija Skype Communications li, min-naħa l-oħra, hija responsabbli għas-servizz VoIP, li tagħti lill-klijenti u lill-abbonati tagħha b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni.

    41

    It-tieni nett, il-fatt li SkypeOut hija biss funzjonalità tas-softwer Skype, fejn dan tal-aħħar jista’ jintuża mingħajr l-imsemmija funzjonalità, ma jistax jaffettwa l-klassifikazzjoni tas-servizz VoIP ipprovdut minn Skype Communications bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

    42

    Ċertament, kif sostniet Skype Communications, is-softwer Skype jipprovdi pakkett ta’ servizzi, li ma humiex inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali, b’mod partikolari, minn naħa, servizz li jippermetti lill-utenti tagħha jittrażmettu gratwitament komunikazzjonijiet bl-awdjo u/jew bil-vidjo bejn tagħmir terminali konness mal-internet, u, min-naħa l-oħra, numru ta’ servizzi bħal, b’mod partikolari, servizzi ta’ kondiviżjoni tal-iskrin, ta’ messaġġi testwali istantanji, ta’ kondiviżjoni ta’ fajl jew ta’ traduzzjoni simultanja, li ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” jekk jonqsu milli jikkonsistu kompletament jew prinċipalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali.

    43

    Madankollu, għalkemm l-installazzjoni tal-funzjonalità SkypeOut fuq terminal tirrikjedi l-installazzjoni minn qabel tas-softwer Skype, xorta jibqa’ l-fatt li, kif osservaw b’mod partikolari l-Gvern Belġjan, Ġermaniż, Olandiż u Rumen, is-servizzi rispettivament offruti mis-softwer Skype stess u mill-funzjonalità tagħha SkypeOut huma distinti b’mod ċar fl-għan tagħhom u jibqgħu kompletament awtonomi fit-tħaddim tagħhom.

    44

    It-tielet nett, il-fatt li Skype Communications indikat, fil-kundizzjonijiet ġenerali tagħha, li ma kinitx tassumi responsabbiltà għat-trażmissjoni tas-sinjali lill-utenti mill-funzjonalità SkypeOut mis-softwer tagħha Skype ma jistax ikollu effett fuq il-kwalifika tas-servizz VoIP offrut minn din il-funzjonalità bħala “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

    45

    Fil-fatt, ammissjoni li l-fornitur ta’ servizz li materjalment jaqa’ taħt il-kwalifika ta’ “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” jista’ jevita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Qafas permezz tal-promulgazzjoni, fil-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu, ta’ klawżola ta’ eżenzjoni minn kull responsabbiltà ċċaħħad minn kull portata l-qafas leġiżlattiv ġdid applikabbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li l-għan tiegħu hu li jiġi stabbilit suq intern effettiv tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li fil-kuntest tiegħu dawn tal-aħħar għandhom, ’il quddiem, jiġu rregolati biss mid-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, UPC Nederland, C‑518/11, EU:C:2013:709, punt 45, u tat‑30 ta’ April 2014, UPC DTH, C‑475/12, EU:C:2014:285, punt 44).

    46

    Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, il-fatt li s-servizz VoIP mogħti minn SkypeOut jaqa’ wkoll fi ħdan il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 98/34, b’ebda mod ma jimplika li dan ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

    47

    Fil-fatt, mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tagħha, jirriżulta li huma esklużi mid-definizzjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biss is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, hekk kif inhuma ddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, li ma jikkonsistux kompletament jew prinċipalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    48

    Minn dan isegwi li, kif ġie osservat kemm mill-Gvern Belġjan, Ġermaniż, Olandiż u Rumen kif ukoll mill-Kummissjoni, “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 98/34, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Qafas ġaladarba jikkonsisti kompletament jew prinċipalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    49

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista, mill-pubblikatur ta’ softwer, ta’ funzjonalità li toffri servizz VoIP, li jippermetti lill-utent iċempel numru fiss jew mobbli minn pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni permezz tal-PSTN ta’ Stat Membru minn terminal, jikkostitwixxi “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif il-provvista ta’ dak is-servizz, minn naħa, tagħti lok għar-remunerazzjoni tal-pubblikatur u, min-naħa l-oħra, tinvolvi l-konklużjoni minn dan tal-aħħar ta’ ftehimiet mal-fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni debitament awtorizzati sabiex jittrażmettu u jitterminaw telefonati lejn il-PSTN.

    Fuq l-ispejjeż

    50

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista, mill-pubblikatur ta’ softwer, ta’ funzjonalità li toffri servizz “Voice over Internet Protocol” (VoIP), li jippermetti lill-utent iċempel numru fiss jew mobbli minn pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni permezz tal-Public Switched Telephone Network (PSTN) ta’ Stat Membru minn terminal, jikkostitwixxi “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif il-provvista ta’ dak is-servizz, minn naħa, tagħti lok għar-remunerazzjoni tal-pubblikatur u, min-naħa l-oħra, tinvolvi l-konklużjoni minn dan tal-aħħar ta’ ftehimiet mal-fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni debitament awtorizzati sabiex jittrażmettu u jitterminaw telefonati lejn il-PSTN.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    Top