Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0244

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fl-24 ta’ Ottubru 2019.
    Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Injezzjoni ta’ kapital u garanziji tal-Istat – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Prinċipju ta’ operatur privat – Kriterju ta’ investitur privat – Obbligu tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq eżami diliġenti u imparzjali – Stħarriġ ġudizzjarju – Oneru tal-prova – Kunċett ta’ ‘impriża f’diffikultà’ – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni – Avviż dwar il-garanziji – Qafas temporanju tal‑2011 – Ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata – Obbligi ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandhom.
    Kawża C-244/18 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:896

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SAUGMANDSGAARD ØE

    ippreżentati fl‑24 ta’ Ottubru 2019 ( 1 )

    Kawża C‑244/18 P

    Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    “Appell – Miżuri ta’ appoġġ meħuda mill-awtoritajiet Griegi favur l-appellanti fil-kuntest ta’ programm ta’ privatizzazzjoni tal-impriża – Garanziji tal-Istat – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE – Impriża f’diffikultà – Linji Gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni – Irkupru tal-għajnuna mill-Istat – Iffissar tas-somom tal-għajnuna li għandhom jiġu rkuprati – Ċirkustanzi eċċezzjonali”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Permezz ta’ dan l-appell, Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE (iktar ’il quddiem “Larko” jew l-“appellanti”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Frar 2018, Larko vs Il‑Kummissjoni ( 2 ) (iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2014/539/UE tas‑27 ta’ Marzu 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.34572 (13/C) (ex 13/NN) implimentata mill-Ġreċja għal Larco General Mining & Metallurgical Company S.A ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    2.

    Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiġu limitati għall-analiżi tal-ewwel parti tat-tieni aggravju bbażata, prinċipalment, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “vantaġġ ekonomiku” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u tar-raba’ aggravju, ibbażat, prinċipalment, fuq ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] ( 4 ), dwar l-irkupru tal-għajnuna.

    3.

    Fl-aħħar tal-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel parti tat-tieni aggravju u r-raba’ aggravju bħala infondati.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Ir-Regolament Nru 659/1999

    4.

    L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […].”

    B.   Il-Linji Gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà

    5.

    It-Taqsima 2.1, intitolata “Kunċett ta’ ‘impriża f’diffikultà’” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni”) ( 5 ) tipprovdi fil-punti 9 sa 11 tagħha:

    “9.

    Ma teżistix definizzjoni Komunitarja ta’ x’jikkostitwixxi impriża f’diffikultà. Madankollu, għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni tqis li impriża tkun f’diffikultà meta ma jirnexxilhiex, bir-riżorsi tagħha jew bir-riżorsi li tista’ tieħu mill-proprjetarji/azzjonisti u mill-kredituri tagħha, twaqqaf it-telf li, fin-nuqqas ta’ intervent estern mill-awtoritajiet pubbliċi, iwassalha kważi żgur għall-falliment ekonomiku, f’qasir żmien jew fi żmien medju..

    10.

    Speċifikament, impriża hija, bħala regola u irrispettivament mid-daqs tagħha, meqjusa bħala f’diffikultà għal finijiet ta’ dawn il-linji gwida fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    […]

    11.

    Anki jekk il-kundizzjonijiet tal-punt 10 ma jkunux issodisfatti, impriża tista’ tiġi kkunsidrata f’diffikultà b’mod partikolari meta jkunu preżenti s-sinjali normali ta’ impriża f’diffikultà, bħal żieda fit-telf, tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ, tkabbir fl-inventarju tal-istokk, eċċess ta’ kapaċità, tnaqqis fil-fluss tal-flus, żieda fid-dejn, żieda tal-piżijiet finanzjarji u tnaqqis fil-valur nett tal-assi jew valur nett tal-assi ta’ żero” […]”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

    C.   Il-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji

    6.

    L-Avviż tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2008 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Garanziji”) ( 6 ) jipprovdi fit-tielet paragrafu tal-punt 2.1 tiegħu, relattiv għall-Artikolu 107 TFUE u intitolat “Rimarki ġenerali”:

    “Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju, il-kunċett ta’ riżorsi ta’ l-Istat għandu għalhekk jiġi ċċarat fir-rigward tal-garanziji mill-Istat. Il-benefiċċju ta’ garanzija mill-Istat huwa li r-riskju assoċjat mal-garanzija jittieħed mill-Istat. It-teħid ta’ dan ir-riskju mill-Istat għandu normalment jiġi remunerat bi premium xieraq. Fejn l-Istat iċedi l-premium kollu jew parti minnu, ikun hemm kemm benefiċċju għall-impriża kif ukoll tnaqqis tar-riżorsi ta’ l-Istat. Għalhekk, anke jekk jirriżulta li qatt ma jsir pagament mill-Istat taħt garanzija, xorta waħda jista’ jkun hemm għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. L-għajnuna tingħata fil-mument li ssir il-garanzija, mhux meta l-garanzija tiġi invokata u lanqas meta l-pagamenti jsiru skond it-termini tal-garanzija. Jekk garanzija tikkostitwixxix jew le għajnuna mill-Istat, u, jekk iva, x’jista’ jkun l-ammont ta’ dik l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat fil-mument meta tingħata l-garanzija”.

    7.

    Il-punt 3.2 ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “Garanziji individwali” jipprovdi:

    “Fir-rigward ta’ garanzija individwali mill-Istat, il-Kummissjoni tikkunsidra li biex tiġi eskluża l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat ikun biżżejjed li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Min jissellef ma jkunx f’diffikultà finanzjarja.

    Sabiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk min jissellef ikunx ikkunsidrat f’diffikultà finanzjarja, għandha ssir referenza għad-definizzjoni stabbilita fil-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar […]

    […]

    (d)

    Jitħallas għall-garanzija prezz orjentat għas-suq.

    Kif indikat taħt il-punt 2.1, normalment it-teħid ta’ riskju għandu jitħallas permezz ta’ premium xieraq fuq l-ammont tal-garanzija jew il-kontragaranzija. Meta l-prezz imħallas għall-garanzija jkun mill-anqas għoli daqs il-limitu ta’ premium ta’ garanzija korrispondenti li jkun hemm fis-swieq finanzjarji, il-garanzija ma tkunx tinkludi għajnuna.

    Jekk fis-swieq finanzjarji ma jinstab l-ebda limitu tal-premium tal-garanzija li jikkorrispondi, l-ispiża finanzjarja totali tas-self garantit, inkluż ir-rata ta’ imgħax tas-self u tal-premium tal-garanzija, għandha tiġi mqabbla mal-prezz tas-suq ta’ self simili li m’huwiex garantit.

    […]”

    8.

    Il-punt 4.1 tal-imsemmija komunikazzjoni li jirrigwarda l-aspetti ġenerali tal-garanziji li jinkludu element ta’ għajnuna jindika:

    “Fejn garanzija individwali jew skema ta’ garanzija ma tkunx konformi mal-prinċipju ta’ l-investitur f’ekonomija tas-suq, din tkun meqjusa li tinvolvi l-għajnuna mill-Istat. Għalhekk l-element ta’ għajnuna mill-Istat jeħtieġ li jiġi kkwantifikat sabiex jiġi mistħarreġ jekk l-għajnuna tistax tinstab kompatibbli taħt xi eżenzjoni speċifika ta’ l-għajnuna mill-Istat. Bħala punt ta’ prinċipju, l-element ta’ l-għajnuna mill-Istat jiġi meqjus li jkun id-differenza bejn il-prezz xieraq tas-suq tal-garanzija pprovduta individwalment jew permezz ta’ skema u l-prezz attwalment imħallas għal dik il-miżura.

    L-ekwivalenti f’għotjiet fi flus annwali li jirriżultaw għandhom jiġu mnaqqsa għall-valur preżenti tagħhom bl-użu tar-rata ta’ referenza, u mbagħad magħduda sabiex toħroġ l-ekwivalenti f’għotja totali.

    Fil-kalkolu ta’ l-element ta’ l-għajnuna f’garanzija, il-Kummissjoni ser tiddedika attenzjoni speċjali lill-elementi li ġejjin:

    (a)

    Jekk fil-każ ta’ garanziji individwali min jissellef jinsab f’diffikultà finanzjarja. Jekk fil-każ ta’ skemi ta’ garanzija, il-kriterji ta’ eliġibbiltà ta’ l-iskema jipprevedu għall-esklużjoni ta’ tali impriżi (ara d-dettalji fil-punt 3.2.(a)).

    Il-Kummissjoni tinnota li għal kumpanniji f’diffikultà, garanti tas-suq, jekk ikun hemm, jitlob fiż-żmien meta ssir il-garanzija ħlas ta’ premium għoli meta wieħed iqis ir-rata mistennija ta’ inadempjenza. Jekk il-probabilità li min jissellef ma jkunx kapaċi jħallas lura s-self issir partikolarment kbira, huwa possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti u f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-element ta’ l-għajnuna tal-garanzija jista’ jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn dik il-garanzija;

    […]”

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    A.   Il-fatti li wasslu għall-kawża

    9.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew indikati fid-dettall fis-sentenza appellata, li għaliha jsir riferiment f’dan ir-rigward ( 7 ). Il-fatti essenzjali u neċessarji sabiex jinftiehmu dawn il-konklużjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    10.

    Larko hija impriża speċjalizzata fl-estrazzjoni u fl-ipproċessar tal-minerali tal-laterit, fl-estrazzjoni tal-linjite u fil-produzzjoni ta’ ferronikil u ta’ prodotti sekondarji.

    11.

    Hija nħolqot fl‑1989, fil-forma ta’ impriża ġdida, wara l-istralċ ta’ Hellenic Mining and Metallurgical SA. Fiż-żmien tal-fatti sottostanti għat-tilwima prinċipali, hija kellha tliet azzjonisti: l-Istat Grieg, li kellu 55.2 % tal-azzjonijiet permezz tal-Hellenic Republic Asset Development Fund, istituzzjoni finanzjarja privata, National Bank of Greece SA li kellha 33.4 % tal-azzjonijiet, u l-Public Power Corporation (il-produttur prinċipali tal-elettriku fil-Greċja, li l-Istat huwa l-azzjonist maġġoritarju tiegħu), li kellha 11.4 % tal-azzjonijiet.

    12.

    F’Marzu 2012, il-Hellenic Republic Asset Development Fund informa lill-Kummissjoni bi programm ta’ privatizzazzjoni ta’ Larko.

    13.

    F’April 2012, il-Kummissjoni bdiet, ex officio, eżami preliminari fuq l-imsemmija privatizzazzjoni, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

    14.

    L-eżami kellu bħala għan sitt miżuri, li minnhom it-tieni, ir-raba’ u s-sitt miżura riprodotti iktar ’l isfel biss huma rilevanti għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet peress li dawn it-tliet miżuri biss huma s-suġġett tal-ewwel parti tat-tieni aggravju u tar-raba’ aggravju:

    it-tieni waħda kienet tirrigwarda garanzija relatata ma’ self ta’ EUR 30 miljun mogħti minn ATE Bank lil Larko, garanzija mogħtija mill-Istat Grieg fl‑2008 (iktar ’il quddiem il-“miżura Nru 2” jew il-“garanzija tal‑2008”). Din il-garanzija kienet tkopri 100 % tas-self sa tliet snin u kellha primjum ta’ garanzija ta’ 1 % fis-sena;

    ir-raba’ waħda kienet tirrigwarda garanzija mogħtija mill-Istat fl‑2010, għal żmien indeterminat, sabiex tkopri kompletament ittra ta’ garanzija li National Bank of Greece kellha tipprovdi lil Larko għall-ammont ta’ madwar EUR 10.8 miljuni u tipprevedi primjum ta’ garanzija ta’ 2 % fis-sena (iktar ’il quddiem il-“miżura Nru 4”);

    is-sitt waħda kienet tirrigwarda żewġ garanziji mogħtija mill-Istat fl‑2011 għal żewġ kuntratti ta’ self ta’ EUR 30 miljun u EUR 20 miljun rispettivament, mogħtija minn ATE Bank, garanziji li jkopru 100 % ta’ dan is-self u li jipprevedu primjum ta’ 1 % fis-sena (iktar ’il quddiem il-“miżura Nru 6”).

    15.

    Matul dan l-eżami, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi informazzjoni addizzjonali, li ġiet ipprovduta lilha fl‑2012 u fl‑2013. Inżammu wkoll laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet Griegi.

    16.

    Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2013 ( 8 ) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni tal-ftuħ”) il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

    17.

    Matul l-imsemmija proċedura, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Griegi u lit-terzi interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri msemmija fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet Griegi fit‑30 ta’ April 2013; hija ma rċeviet l-ebda osservazzjoni min-naħa ta’ Larko.

    18.

    Fis-27 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ din id-deċiżjoni u għal dak li jirrigwarda l-miżuri Nri 2, 4 u 6, li l-analiżi tagħhom biss hija rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni qieset li, fiż-żmien li fih kienu ngħataw dawn it-tliet miżuri, Larko kienet impriża f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ( 9 ).

    19.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li dawn il-miżuri kienu ngħataw bi ksur tal-obbligi ta’ notifika u ta’ projbizzjoni ta’ implimentazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 108(3) TFUE u li l-imsemmija miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u suġġetti għal irkupru fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ffissat is-somom li għandhom jiġu rkuprati fir-rigward ta’ din l-għajnuna sal-ammont kollu kopert mill-garanziji ( 10 ).

    B.   Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    20.

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ġunju 2014, Larko ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għar-rimbors, flimkien mal-interessi, ta’ kwalunkwe somma oħra li setgħet ġiet irkuprata, direttament jew indirettament, mingħandha b’-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    21.

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu u kkundannat lil Larko għall-ispejjeż.

    C.   Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    22.

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ April 2018, Larko titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

    23.

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Larko għall-ispejjeż.

    IV. Analiżi

    A.   Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju relattiva għall-miżura Nru 2

    24.

    L-ewwel parti tat-tieni aggravju tqajjem il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-miżura Nru 2 bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u b’mod iktar speċifiku, tal-evalwazzjoni ta’ din il-miżura bħala li tagħti “vantaġġ ekonomiku” lil Larko.

    25.

    Il-Kummissjoni bbażat il-klassifikazzjoni tal-imsemmija miżura bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kontenzjuża fuq il-punt 3.2(a) u (d) tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Garanziji. Peress li Larko targumenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi applikat dan il-punt għall-għajnuna mogħtija, inqis li jkun utli li, qabel xejn, isiru xi osservazzjonijiet preliminari rigward din il-komunikazzjoni (Taqsima 1), qabel nipproċedi bl-analiżi tal-ewwel parti tat-tieni aggravju (Taqsima 2).

    1. Osservazzjonijiet preliminari fuq il-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji

    26.

    Il-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji tippreżenta l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta’ garanziji u l-prinċipji li fuqhom il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikoli 107 u 108 TFUE kif ukoll l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli għall-garanziji pubbliċi.

    27.

    Sabiex tiddetermina jekk garanzija tagħtix vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha, skont il-punt 3.1 ta’ din il-komunikazzjoni, tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq il-prinċipju ta’ investitur li jopera f’ekonomija tas-suq. Għalhekk għandhom jitqiesu l-possibbiltajiet effettivi għal impriża benefiċjarja li tikseb riżorsi finanzjarji ekwivalenti billi tirrikorri għas-suq kapitali ( 11 ).

    28.

    Sabiex ikun jista’ jiġi evalwat aħjar jekk garanzija partikolari tosservax l-imsemmi prinċipju, il-Kummissjoni teħtieġ, fil-punt 3.2 tal-imsemmija komunikazzjoni, it-twettiq ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet sabiex tiġi eskluża l-presenza ta’ għajnuna mill-Istat, fosthom, għal dak li jirrigwarda l-garanziji individwali, minn naħa, il-kundizzjoni li min jissellef ma jkunx f’diffikultà finanzjarja (punt 3.2(a)), u min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni li l-garanzija tagħti lok għall-ħlas ta’ prezz orjentat għas-suq (punt 3.2(d)) ( 12 ).

    29.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest taż-żmien li fih ġew adottati l-miżuri ta’ appoġġ, fatt li jimplika li ma għandha ssir ebda evalwazzjoni oħra bbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti (iktar ’il quddiem “il-kriterju ratione temporis”) ( 13 ).

    30.

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-garanzija tinkludix għajnuna, l-ewwel paragrafu tal-punt 3.2(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji jistabbilixxi bħala kriterju li t-teħid ta’ riskju għandu jiġi rremunerat permezz ta’ primjum xieraq fuq l-ammont tal-garanzija jew tal-kontrogaranzija (iktar ’il quddiem “il-kriterju ta’ remunerazzjoni”). Fil-fatt, meta l-prezz imħallas għall-garanzija jkun mill-inqas għoli daqs il-primjum ta’ garanzija ta’ riferiment korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji, il-garanzija ma tkunx tinkludi għajnuna. Barra minn hekk, il-punt 3.2 jifformula żewġ metodi sabiex jiġi ddeterminat jekk garanzija partikolari tissodisfax dan il-kriterju: għandu jew jitqabbel il-prezz imħallas għall-garanzija mal-primjum ta’ garanzija ta’ riferiment offrut fis-swieq finanzjarji, jew titqabbel l-ispiża finanzjarja totali tas-self iggarantit, inkluża r-rata tal-imgħax u l-primjum imħallas mal-prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit.

    2. L-analiżi

    31.

    Larko ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta hija qieset li l-miżura Nru 2 kienet tagħti lil Larko vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat, minn naħa, il-kriterju ratione temporis billi kklassifikat lil Larko bħala “impriża f’diffikultà” waqt l-għoti tal-miżura Nru 2 (Taqsima a), u min-naħa l-oħra, il-kriterju ta’ remunerazzjoni billi ddeċidiet li l-primjum ta’ 1 % ma kienx jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza għas-self iggarantit kif previst fil-punt 3.2(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji (Taqsima b).

    a) Fuq il-kriterju ratione temporis

    32.

    L-ilment li jirrigwarda l-kriterju ratione temporis huwa indirizzat kontra l-punti 77 sa 80 tas-sentenza appellata u huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    33.

    Preliminarjament nosserva li sabiex, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, tikkonkludi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kklassifikat lil Larko bħala “impriża f’diffikultà” waqt l-għoti tal-miżura Nru 2, il-Qorti Ġenerali tipproċedi f’żewġ stadji. L-ewwel nett, fil-punti 74 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tistabbilixxi li, abbażi tal-fatti li kellha l-Kummissjoni, din tal-aħħar setgħet ġustament tikkonkludi li Larko kienet impriża f’diffikultà. Sussegwentement, fil-punti 83 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji ta’ liġi billi qieset li, fil-mument tal-għoti tal-garanzija tal‑2008, l-Istat Grieg, bħala azzjonist ta’ Larko, kellu jkun jaf bis-sitwazzjoni ta’ diffikultà tagħha.

    34.

    Larko tallega li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 77 sa 80 tas-sentenza appellata hija żbaljata peress li l-fatti li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni huma sussegwenti għall-għoti tal-garanzija li seħħ fit‑22 ta’ Diċembru 2008, għall-kuntrarju ta’ dak li teħtieġ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ). F’dan ir-rigward, Larko tibbaża ruħha fuq it-tliet argumenti li ġejjin.

    35.

    L-ewwel nett, ir-riżultati finanzjarji invokati fl-imsemmija punti jestendu sas-sena 2012 u, fi kwalunkwe każ, sar-riżultati negattivi tas-sena 2009. It-tieni nett, ir-riżultati finanzjarji tas-sena 2008 kienu wkoll sussegwenti għall-għoti tal-garanzija tal‑2008 peress li s-sena finanzjarja kienet għadha mhux magħluqa, ir-rapporti finanzjarji lanqas ma kienu għadhom ġew redatti u għalhekk l-Istat Grieg ma kienx jaf bihom waqt l-għoti ta’ din il-garanzija. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tqiegħed lilha nnifisha fil-kuntest taż-żmien inkwistjoni, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. It-tielet nett, fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li l-informazzjoni tal‑2008 ma kinitx sussegwenti għall-għoti tal-garanzija tal‑2018, f’dan l-istadju din kienet informazzjoni fuq perijodu qasir. F’dan ir-rigward, Larko tallega li mill-punti 9 sa 11 tal-Linji Gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni jirriżulta li l-analiżi tas-sitwazzjoni partimonjali tal-impriża għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni ta’ perijodu ta’ żmien suffiċjenti, u mhux fuq l-immaġini ta’ mument.

    36.

    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

    37.

    Fl-ewwel lok, nirrileva li, peress li l-garanzija kkonċernata kienet ingħatat fit‑22 ta’ Diċembru 2008, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti li seħħew sa din id-data sabiex jiġi evalwat jekk Larko kinitx impriża f’diffikultà waqt l-għoti tal-garanzija.

    38.

    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-ewwel argument ta’ Larko, nirrileva li l-fatt li l-Qorti Ġenerali ssemmi, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, ir-riżultati finanzjarji li jestendu sas-sena 2012 ma jfissirx, fih innifsu, li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq dawn ir-riżultati sussegwenti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Larko fil-mument li fih ingħatat il-garanzija tal‑2008.

    39.

    Fil-fatt, il-fatt li dawn ir-riżultati finanzjarji jissemmew mill-Qorti Ġenerali għandu jinqara fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni wettqet, fid-deċiżjoni kontenzjuża, evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Larko għall-perijodu li matulu ttieħdu l-miżuri kollha kkontestati, jiġifieri s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha mis-sena 2007 sas-sena 2012. Għalhekk, qabel ma tfakkar dawn ir-riżultati finanzjarji fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li “[f]’dan il-każ, fil-premessi 56 sa 66 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni kklassifikat lil Larko bħala ‘impriża f’diffikultà’ waqt l-għoti tal-miżuri [Nri 2, 4 u 6], inklużi l-garanzija tal-2008” ( 15 ).

    40.

    Għalhekk, nikkonstata li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Larko fil-punti 78 sa 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq fatti li seħħew fl‑2008, jiġifieri fuq il-fondi proprji negattivi ta’ Larko, it-tnaqqis kunsiderevoli tad-dħul mill-bejgħ u t-telf sostanzjali akkumulat minn din tal-aħħar fl‑2008 ( 16 ).

    41.

    Minn dan jirriżulta li l-ewwel argument ta’ Larko għandu jiġi miċħud.

    42.

    Fir-rigward tat-tieni argument imressaq minn Larko, dan jinkludi, fil-fehma tiegħi, żewġ elementi: minn naħa l-allegazzjoni li r-riżultati finanzjarji tas‑sena 2008 kienu sussegwenti għall-għoti tal-garanzija tal‑2008 peress li s-sena finanzjarja kienet għadha mhux magħluqa, u min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Istat Grieg ma kienx jaf bl-informazzjoni inkluża fir-riżultati finanzjarji tas-sena 2008.

    43.

    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel element, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif targumenta l-Kummissjoni, ir-rapporti finanzjarji tal‑2008 jiddeskrivu d-data finanzjarja ta’ Larko għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2008 u l‑31 ta’ Diċembru 2008, li fil-parti l-kbira hija preċedenti għall-għoti tal-garanzija fit‑22 ta’ Diċembru 2008. F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-fatti li seħħew matul perijodu partikolari jistgħu, b’mod ġenerali, jiġu pprovati wkoll permezz ta’ dokumenti ulterjuri bbażati fuq dawn il-fatti preċedenti ( 17 ). Għal din ir-raġuni, l-informazzjoni inkluża fir-riżultati finanzjarji tas-sena 2008 ma tistax titqies bħala sussegwenti għall-għoti tal-garanzija tal‑2008.

    44.

    Fir-rigward tat-tielet element, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, “[m]a hemm l-ebda element fil-proċess tal-kawża li juri b’mod ċert li l-Istat Membru kien jaf bis-sitwazzjoni ta’ diffikultà ta’ Larko fil-mument tal-għoti tal-garanzija tal-2008” u li “[g]ħaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni ssodisfatx l-oneru tal-prova billi bbażat ruħha, essenzjalment, fuq il-preżunzjoni li l-Istat Grieg kellu jkun jaf bis-sitwazzjoni ta’ diffikultà ta’ Larko fi tmiem l-2008, waqt l-għoti tal-garanzija”.

    45.

    Filwaqt li l-formulazzjoni użata f’dan il-punt tista’ tagħti l-impressjoni li l-Kummissjoni bbażat ruħha, prinċipalment, fuq in-nuqqas tal-awtoritajiet Griegi li jinformaw ruħhom dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Larko, fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-Qorti Ġenerali riedet tindika li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni li l-Istat Grieg kellu, mill-inqas, ikun jaf bis-sitwazzjoni ta’ diffikultà ta’ Larko waqt l-għoti tal-garanzija.

    46.

    Fil-fatt, tali qari huwa impost fid-dawl tal-punt 89 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li kien raġonevoli min-naħa tal-Kummissjoni li tqis li azzjonist prudenti kien, mill-inqas, informa ruħu dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja attwali tal-impriża qabel ma jagħtiha garanzija bħal dik tal‑2008 ( 18 ).

    47.

    Wara din il-preċiżazzjoni, infakkar li sa fejn Larko, permezz tat-tieni element tat-tieni argument tagħha, tikkontesta l-konoxxenza mill-awtoritajiet Griegi tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Larko fl‑2008, fatt li jirrigwarda l-fatti tal-kawża ( 19 ), il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti.

    48.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa jekk il-Qorti Ġenerali żnaturatx il-portata ta’ deċiżjoni kontenzjuża. Għandu jitfakkar li tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 20 ).

    49.

    F’dan il-każ, minkejja li l-kwistjoni tal-konoxxenza (jew le) mill-awtoritajiet Griegi tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Larko fl‑2008 tirrigwarda l-istabbiliment tal-fatti li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali biss, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali żnaturatx il-portata tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar dan il-punt.

    50.

    Għalkemm din l-aħħar kwistjoni tista’ titqajjem meta prima facie ebda element fid-deċiżjoni kontenzjuża ma jippermetti li jitqies li l-Kummissjoni wkoll adottat l-istess raġunament bħal dak żviluppat mill-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt ( 21 ), madankollu nikkonstata li tali żnaturament ma ġiex invokat minn Larko u li, fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi, il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża ma ġiex żnaturat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

    51.

    Fil-fatt huwa paċifiku li l-konoxxenza mill-awtoritajiet Griegi tas-sitwazzjoni finanzjar ta’ Larko fl‑2008 ma kinitx ikkontestata waqt il-proċedura amministrattiva mill-Istat Grieg innifsu ( 22 ), hekk kif tindika wkoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata ( 23 ) u li jispjega għaliex probabbilment il-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar din il-kwistjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża ( 24 ).

    52.

    Għalhekk, huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li fiċ-ċirkustanzi tal-każ, sabiex jiġi evalwat jekk Larko kinitx f’diffikultà finanzjarja fis-sens tal-punt 3.2(a) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tibbaża ruħha fuq il-premessa li l-Istat Grieg, bħala azzjonist maġġoritarju ta’ Larko, kien jaf bis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar, jew tal-inqas kien imissu kien jaf biha waqt l-għoti tal-garanzija tal‑2008.

    53.

    Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali jidhirli li hija kompletament loġika. Fil-fatt, hekk kif indikat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 86 sa 89 tas-sentenza appellata, investitur privat prudenti ( 25 ) li ta garanzija bħal dik inkwistjoni kien evidentement jinforma ruħu dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Larko fil-mument tal-għoti ta’ din il-garanzija. Għalhekk, sabiex jaġixxu bħal investitur privat prudenti, l-awtoritajiet Griegi kellhom, fi kwalunkwe każ, isiru jafu bis-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża. Dwar dan il-punt, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-Istat Membru nnifsu li għandu jistabbilixxi li aġixxa bħala investitur privat prudenti ( 26 ).

    54.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni argument ta’ Larko għandu jiġi miċħud.

    55.

    Bl-istess mod, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet argument imressaq mill-appellanti, li l-informazzjoni tal‑2008 kienet tirrigwarda perijodu qasir. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Larko bdiet tidher lejn nofs is-sena 2008 ( 27 ) u ebda element ma jippermetti li jiġi indikat li l-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq l-immaġini ta’ mument, hekk kif invokat minn Larko.

    56.

    Minn dan jirriżulta li l-ilment li jirrigwarda l-kriterju ratione temporis fil-kuntest tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà” għandu jiġi miċħud.

    b) Fuq il-kriterju tar-remunerazzjoni

    57.

    L-ilment relattiv għall-kriterju tar-remunerazzjoni huwa indirizzat kontra l-punti 94 sa 98 tas-sentenza appellata u huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 296(2) TFUE.

    58.

    Fil-punti fuq imsemmija, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkonkludi li l-primjum ta’ garanzija annwali ta’ 1 % ma setax jitqies bħala li jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza għas-self iggarantit u li għalhekk il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 3.2(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji ma kinitx issodisfatta.

    59.

    Larko tallega li l-Qorti Ġenerali applikat din il-kundizzjoni b’mod żbaljat sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat hija stess, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma użat ebda wieħed miż-żewġ metodi stabbiliti mill-imsemmija kundizzjoni, jiġifieri jew il-paragun mal-primjum ta’ garanzija ta’ riferiment offrut fis-swieq finanzjarji, jew il-paragun tal-ispiża finanzjarja totali tas-self iggarantit mal-prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit.

    60.

    Għalhekk, meta l-Qorti Ġenerali ddeċidiet madankollu li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba s-sitwazzjoni ta’ diffikultà ekonomika u finanzjarja ta’ Larko u n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi matul il-proċedura amministrattiva, hija warrbet l-applikazzjoni tal-punt 3.2(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji u fl-istess waqt imponiet fuq Larko u l-Istat Grieg l-oneru tal-prova tal-ammont xieraq ta’ dan il-primjum, u b’hekk eżentat lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina hija stess l-ammont xieraq tal-primjum. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 296(2) TFUE, inkwantu ma annullatx id-deċiżjoni kontenzjuża minkejja li din kienet nieqsa minn motivazzjoni.

    61.

    Il-Kummissjoni tqis li dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni għar-raġunijiet segwenti.

    62.

    L-ewwel nett, hekk kif ġustament tqis il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma tbegħditx mill-punt 3.2(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji u ma imponietx fuq Larko l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward. Fil-fatt, dan il-punt jeżiġi biss il-kriterju li l-garanzija tagħti lok għall-ħlas ta’ primjum konformi mal-prezz tas-suq. Hekk kif indikat fil-punti 96 sa 98 tas-sentenza appellata, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ diffikultà ekonomika ta’ Larko u tal-fatt li la l-appellanti u lanqas l-awtoritajiet Griegi ma pproduċew, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, provi ta’ natura li juru li l-primjum inkwistjoni kien jikkorrispondi għal primjum li kien offrut fis-swieq finanzjarji jew għall-prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit, ma kienx neċessarju li l-Kummissjoni tapplika wieħed minn dawn iż-żewġ metodi intiżi sabiex jistabbilixxu l-ammont preċiż ta’ tali primjum sabiex jiġi stabbilit jekk il-garanzija kinitx tissodisfa dan il-kriterju.

    63.

    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 296(2) TFUE, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk dan huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi difett li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dan l-att ( 28 ). F’dan ir-rigward, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi ( 29 ).

    64.

    F’dan il-każ, hekk kif targumenta l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet motivata b’mod sħiħ. Barra minn hekk, nikkonstata li, billi talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, Larko kienet totalment f’pożizzjoni li tikkontesta l-fondatezza tal-motivi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma injoratx l-obbligu li l-Kummissjoni għandha skont l-Artikolu 296(2) TFUE.

    65.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment li jirrigwarda l-kriterju ta’ remunerazzjoni, u għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni aggravju relattiva għall-miżura Nru 2 għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    B.   Fuq ir-raba’ aggravju relattiv għall-miżuri Nri 2, 4 u 6

    66.

    Ir-raba’ aggravju huwa indirizzat kontra l-punti 180 sa 195 tas-sentenza appellata u jirrigwarda l-kwantifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat allokata fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6; dan jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkonkludi, skont il-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, li l-ammont ta’ din l-għajnuna mill-Istat kien ugwali għall-ammont kollu tas-self iggarantit.

    67.

    Preliminarjament, nosserva li, fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-għajnuna, l-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt 4.1 jistabbilixxi li “[b]ħala punt ta’ prinċipju, l-element ta’ l-għajnuna mill-Istat jiġi meqjus li jkun id-differenza bejn il-prezz xieraq tas-suq tal-garanzija pprovduta […] u l-prezz attwalment imħallas għal dik il-miżura”.

    68.

    Mill-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-imsemmi punt 4.1 jirriżulta li, sabiex jiġi kkalkolat l-element ta’ għajnuna ta’ garanzija, il-Kummissjoni għandha tiddetermina b’mod partikolari jekk min jissellef huwiex f’diffikultà finanzjarja. F’dan ir-rigward, għall-impriżi f’diffikultà, garanti tas-suq, jekk ikun hemm, ikun jeżiġi primjum għoli fil-mument tal-għoti tal-garanzija, fid-dawl tar-rata mistennija ta’ inadempjenza. Jekk il-probabbiltà li min jissellef ma jkunx jista’ jirrimborsa s-self issir partikolarment kbira, huwa possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti u li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-element ta’ għajnuna tal-garanzija jista’ jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn dik il-garanzija ( 30 ).

    69.

    Essenzjalment, Larko targumenta li, billi qieset li l-kwantifikazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża tal-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat kienet konformi mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u mal-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, il-Qorti Ġenerali kisret l-imsemmi Artikolu 14(1), kif ukoll l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 296(2) TFUE.

    70.

    Insostenn ta’ dan l-aggravju, Larko tressaq diversi argumenti, li fil-fehma tiegħi, ma tantx jidhru stutturati u ċari. Kif nifhimhom jiena, dawn l-argumenti jirrigwardaw essenzjalment żewġ elementi: minn naħa, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” fis-sens tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni li tipprovdi li l-element ta’ għajnuna tal-garanziji kien ugwali għall-ammont kopert minn dawn il-garanziji, minkejja l-fatt li l-Istat Grieg ma kellux jagħmel ħlasijiet fir-rigward ta’ dawn il-garanziji.

    71.

    Fir-rigward tal-ewwel element, Larko tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi billi qieset, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet tinsab fil-presenza ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” fis-sens tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji ( 31 ).

    72.

    Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li fiha nnifisha kienet ineżistenti jew tal-inqas insuffiċjenti, liema nuqqas kien ġie rrilevat mill-Qorti Ġenerali kemm fil-punt 189 kif ukoll fil-punti 192 u 194 tas-sentenza appellata. Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward hija wkoll kontradittorja u insuffiċjenti, u l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 296(2) TFUE billi ma annullatx id-deċiżjoni kontenzjuża minkejja l-fatt li kienet żbaljata fid-dritt u nieqsa minn motivazzjoni ( 32 ).

    73.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali imponiet fuq Larko l-oneru tal-prova fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali”. L-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi għandha tkun motivata b’mod sħiħ u speċjali mill-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova, u ma tistax tkun ibbażata fuq id-“dubji” tal-Kummissjoni dwar jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna setax, mingħajr il-garanziji, jikseb finanzjament fis-suq. Għalhekk, billi fil-punti 186 sa 188 tas-sentenza appellata qieset li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq kienet suffiċjenti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-livell ta’ prova meħtieġ ( 33 ).

    74.

    Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dawn l-argumenti, għall-kuntrarju ta’ dak li essenzjalment targumenta l-Kummissjoni, jiena ma nqisx li dawn għandhom jiġu miċħuda bħal inammissibbli. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, dawn ma jirrigwardawx l-istabbiliment tal-fatti ( 34 ) iżda jqajmu kwistjonijiet ta’ liġi li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi.

    75.

    Madankollu, fil-fehma tiegħi l-imsemmija argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, hekk kif tipproponi wkoll il-Kummissjoni.

    76.

    Fil-fehma tiegħi, fil-punt 193 tas-sentenza appellata ( 35 ), il-Qorti Ġenerali la żiedet u lanqas issostitwixxiet elementi li ma jirriżultawx mid-deċiżjoni kontenzjuża stess. Fil-fatt, fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali ġustament wettqet qari globali ta’ din id-deċiżjoni billi ddeċidiet, essenzjalment, li minkejja formulazzjoni li tista’ tiġi kkritikata ta’ ċerti premessi tal-imsemmija deċiżjoni, minn din id-deċiżjoni kollha u b’mod partikolari mill-premessi 56 sa 66 jirriżulta li, fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri kontenzjużi, Larko kienet tinsab f’qagħda estremament delikata. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball meta kkonkludiet li jeżistu “ċirkostanzi eċċezzjonali” riflessi minn impossibbiltà għal Larko li tirrimborsa s-self kollu bil-mezzi tagħha stess.

    77.

    F’dan ir-rigward u kif jindika wkoll, essenzjalment, il-punt 191 tas-sentenza appellata, infakkar li l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji hija riflessa preċiżament mill-impossibbiltà għal min jissellef li jirrimborsa s-self kopert mill-garanzija bil-mezzi tiegħu stess.

    78.

    Fir-rigward tal-allegati “dubji” tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ Larko li ssib finanzjament fis-suq fl-assenza ta’ garanziji, il-Qorti Ġenerali, ġustament, ċaħdet dan l-argument tal-appellanti u fil-punti 187 u 188 tas-sentenza appellata qieset li, skont qari tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha, jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li l-Kummissjoni kienet tqis li kien, għall-inqas, ftit probabbli li Larko setgħet tikseb self fis-suq mingħajr l-intervent tal-Istat Grieg.

    79.

    Hekk kif il-Kummissjoni rrepetiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, qari tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha juri din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-miżura Nru 2, il-frażi immedjatament wara dik li tinkludi l-kelma “dubjuż” (“doubtful”) tispeċifika li “[f]i kliem ieħor” (“in other words”), il-Kummissjoni tqis li Larko rċeviet vantaġġ ugwali għall-ammont tas-self iggarantit peress li, mingħajr il-garanzija tal-Istat, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tirċievi ebda garanzija oħra min-naħa tas-suq. Fir-rigward tal-miżura Nru 6, il-frażi li tinkludi l-kelma “dubjuż” tirreferi għall-istess raġunament adottat għall-miżura Nru 2.

    80.

    Barra minn hekk, hekk kif tindika l-Qorti Ġenerali fil-punt 193 tas-sentenza appellata, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali qatt ma kienet ikkontestata la mill-awtoritajiet Griegi u lanqas mill-appellanti, matul il-proċedura amministrattiva.

    81.

    Fil-fehma tiegħi, għar-raġunijiet indikati iktar ’il fuq, huwa ċar li l-Qorti Ġenerali la ssostitwixxiet il-motivazzjoni tal-Kummissjoni u lanqas imponiet fuq l-appellanti l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali”. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt ma hijiex kontradittorja. Fil-fatt, il-fatt li l-Qorti Ġenerali tinvoka ċerti formulazzjonijiet li ma jistgħux jiġu kkritikati u lanqas huma lakuniċi fil-motivazzjoni tal-Kummissjoni ma huwiex f’kontradizzjoni mal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-imsemmija motivazzjoni ma kinitx ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi, u dan minkejja tali formulazzjonijiet.

    82.

    Fir-rigward tal-Artikolu 296(2) TFUE, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet motivata b’mod sħiħ ( 36 ). Bl-istess mod, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar kienet motivata b’mod sħiħ, fatt li barra minn hekk jirriżulta b’mod ċar mid-diversi argumenti mressqa minn Larko fir-rigward tal-fondatezza tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Dwar dan il-punt, il-fatt li fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali wasslet għal konklużjoni differenti minn dik tal-appellanti ma jistax fih innifsu jivvizzja s-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni ( 37 ).

    83.

    Għal dak li jirrigwarda t-tieni element, Larko tressaq essenzjalment, tliet argumenti li jirrigwardaw is-sentenza appellata ( 38 ).

    84.

    L-ewwel nett, filwaqt li fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kien ċar li ebda waħda minn dawn il-garanziji ma kienet ġiet mobilizzata, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni li, mingħajr ma indirizzat lill-awtoritajiet Griegi, ikkonstatat biss li hija ma kellhiex provi li jindikaw li l-imsemmija garanziji kienu ġew mobilizzati ( 39 ). Għalhekk il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta’ fajl fil-kuntest tal-Artikolu 108(2) TFUE.

    85.

    Għall-kuntrarju ta’ dak li tqis il-Kummissjoni, jiena ma nqisx li dan l-argument huwa inammissibbli. Ċertament, dan huwa bbażat fuq l-istabbiliment tal-fatti, li dwarhom il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi ( 40 ). Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni tali informazzjoni hija kwistjoni ta’ liġi.

    86.

    Għalhekk, inqis, bħall-Kummissjoni, li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    87.

    Fil-fatt, l-użu (jew le) tal-garanziji u r-rimbors (jew le) tas-self jirrigwardaw fatti li seħħew wara l-għoti tal-miżuri kontenzjużi u għalhekk ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, la sabiex il-miżuri jiġu kklassifikai bħala għajnuna u lanqas sabiex jiġi kkwantifikat l-element ta’ għajnuna mogħti minnhom. Il-Qorti Ġenerali wasslet b’mod korrett għal din il-konklużjoni billi fakkret il-ġurisprudenza rilevanti fil-punti 181 u 182 tas-sentenza appellata.

    88.

    Barra minn hekk, nikkonstata li l-provi invokati mir-rikorrenti li jirrigwardaw ir-rimbors tas-self u l-assenza ta’ użu tal-garanziji ma kinux ġew prodotti lill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, infakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li din tal-aħħar kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument li fih hija adottat id-deċiżjoni kontenzjuża ( 41 ).

    89.

    It-tieni nett, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-osservazzjonijiet tal-appellanti relattivi, minn naħa, għan-natura totalment vinkolanti tad-deċiżjoni kontenzjuża għal dak li jirrigwarda l-ammont li għandu jiġi rkuprat abbażi tas-sentenza Mediaset ( 42 ), u min-naħa l-oħra, għall-fatt li l-Kummissjoni stess ammettiet l-eżistenza ta’ żbalji f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni tagħha.

    90.

    Fir-rigward ta’ dan il-punt, nirrileva li minkejja li, fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu l-għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali rrispondietx b’mod suffiċjenti fil-liġi għall-argumenti kollha mressqa mill-appellanti, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li hija għandha twieġeb fid-dettall għal kull argument imressaq minn parti ( 43 ), li, fil-fehma tiegħi, huwa l-każ fil-każ inkwistjoni.

    91.

    It-tielet nett, il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-iffissar tal-ammont tal-għajnuna bħala korrispondenti għall-valur kollu tas-self iggarantit meta ma sarx użu mill-garanziji huma kontradittorji mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li abbażi tagħha d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat huma intiżi sabiex jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti u ma jistgħux jikkostitwixxu sanzjoni li tmur lil hinn mill-vantaġġ effettivament riċevut ( 44 ).

    92.

    Barra minn hekk, dwar dan il-punt nirrileva li, minbarra l-argumenti li diġà indikajt fil-punti 87 u 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet u li huma suffiċjenti sabiex it-tielet argument imressaq minn Larko jiġi miċħud, jidhirli li l-allegazzjoni tal-appellanti li hija għandha, biex ngħidu hekk, tħallas l-għajnuna darbtejn hija żbaljata. Fil-fatt, hekk kif tinvoka l-Kummissjoni, jidher li Larko tħawwad żewġ obbligi ta’ ħlas differenti imposti fuq impriża li rċeviet għajnuna fil-forma ta’ garanzija mill-Istat. Minn naħa, l-impriża benefiċjarja għandha tirrimborsa lill-Istat l-ammont tal-għajnuna li hija rċeviet. Min-naħa l-oħra, jibqa’ naturalment l-obbligu li din l-impriża tirrimborsa lill-bank is-self li hija kisbet grazzi għal din il-garanzija tal-Istat.

    93.

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    V. Konklużjoni

    94.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr ma tittieħed deċiżjoni minn qabel fir-rigward tal-fondatezza tal-aggravji l-oħra, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel parti tat-tieni aggravju kif ukoll ir-raba’ aggravju bħala infondati. L-ispejjeż huma rriżervati.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) T‑423/14, EU:T:2018:57.

    ( 3 ) ĠU 2014, L 254, p. 24.

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.

    ( 5 ) ĠU 2004, C 244, p. 2.

    ( 6 ) ĠU 2008, C 155, p. 10.

    ( 7 ) Ara l-punti 1 sa 14 tas-sentenza appellata.

    ( 8 ) ĠU 2013, C 13, p. 27 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34572 (13/C) (ex 13/NN).

    ( 9 ) Dwar it-tifsira tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà” għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, ara l-punti 26 sa 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 10 ) Dan l-ammont huwa ta’ EUR 30 miljun għall-miżura Nru 2, ta’ madwar EUR 10.8 miljuni għall-miżura Nru 4, u ta’ EUR 30 miljun u ta’ EUR 20 miljun għall-miżura Nru 6. Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 11 ) Ara t-tieni paragrafu tal-punt 3.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji.

    ( 12 ) Ara t-tielet paragrafu tal-punt 3.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji.

    ( 13 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 71) kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il‑Kummissjoni (C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 50).

    ( 14 ) Dwar din il-ġurisprudenza ara l-punt 29 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 15 ) Enfasi miżjud minni.

    ( 16 ) Mill-punt 56 tad-deċiżjoni kontenzjuża u mill-punt 77 tas-sentenza appellata jista’ jiġi dedott li tali informazzjoni tirrigwarda s‑sena 2008.

    ( 17 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Jannar 2016, Is‑Slovenja vs Il‑Kummissjoni (T‑507/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:35, punt 180).

    ( 18 ) Tali qari huwa evidenti wkoll fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-Kumissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, minn dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni targumenta prinċipalment li l-awtoritajiet Griegi qatt ma sostnew li kienu injoraw id-diffikultajiet ta’ Larko f’Diċembru 2008. Huwa biss sussidjarjament li l-Kummissjoni tqis li, anki jekk jiġi preżunt li l-Istat Griet kien injora, f’dak iż-żmien, id-diffikultajiet finanzjarji ta’ Larko (li skont il-Kummissjoni ma kienx il-każ), huwa kellu jivverfika li din ma kinitx impriża f’diffikultà.

    ( 19 ) Nippreċiża li, sa fejn jattakka l-punti 77 sa 80 tas-sentenza appellata, l-argument ta’ Larko dwar il-konoxxenza mill-awtoritajiet Griegi tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma jistax jinftiehem bħala indirizzat kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni magħmula fil-punti 83 sa 89 tas-sentenza appellata.

    ( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Iride vs Il‑Kummissjoni (C‑329/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:859, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (C‑358/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:763, punti 4445).

    ( 21 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 22 ) Fil-fatt, matul il-proċedura amministrattiva, billi qieset li Larko kienet impriża f’diffikultà fit‑22 ta’ Diċembru 2008 u li l-kriterju tal-investitur privat jista’ japplika għall-miżura kkonċernata, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi jipprovdulha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverfika jekk dan kienx effettivament il-każ (ara t-Taqsimiet 5.1, 5.2.2 u 6 tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Sussegwentement, l-awtoritajiet Griegi bagħtu osservazzjonijiet, fit‑30 ta’ April 2013 (ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-punt 6 tad-deċiżjoni tal-ftuħ), li minnhom jirriżulta li dawn l-awtoritajiet kkontestaw li Larko kienet impriża f’diffikultà matul is-snin 2008 u 2009, għaliex is-sitwazzjoni ta’ diffikultà kienet ipprovokata minn tnaqqis mhux mistenni fil-prezz tal-ferronikel (ara l-punt 24 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Għalhekk, filwaqt li l-imsemmija awtoritajiet ikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ Larko bħala “impriża f’diffikultà”, madankollu huma la kkontestaw il-konoxxenza tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża bħala tali, u lanqas ir-riżultati finanzjarji ta’ Larko tas‑sena 2008 iċċitati fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

    ( 23 ) Minn dan il-punt, jirriżulta, essenzjalment, li matul il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Griegi ma wrewx li huma ma setgħux ikunu jafu bis-sitwazzjoni ta’ diffikultà finanzjarja li kienet qegħda taffaċċja l-appellanti.

    ( 24 ) F’dan ir-rigward, infakkar li Larko ma ppreżentatx osservazzjonijiet matul il-fażi amministrattiva u li l-kwistjoni tal-konoxxenza mill-awtoritajiet Griegi tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Larko fl‑2008 għaldaqstant tidher li tqajjmet biss quddiem il-Qorti Ġenerali.

    ( 25 ) Hekk kif jirriżulta mill-punt 56 tas-sentenza appellata, infakkar li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali u prudenti li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru kien jagħmel qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C-482/99, EU:C:2002:294, punt 71, u tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 82 sa 84).

    ( 26 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 82 sa 84).

    ( 27 ) Ara f’dan is-sens, il-punt 77 tas-sentenza appellata.

    ( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 49) u tat‑18 ta’ Frar 2016, Il‑Kunsill vs Bank Mellat (C‑176/13 P, EU:C:2016:96, punt 74).

    ( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35), tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill (C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37), kif ukoll tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ sajd tal-pixxispad tal-Mediterran) (C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 48).

    ( 30 ) Bl-istess mod, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta – fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja prekarja ta’ impriża - ebda istituzzjoni finanzjarja ma taċċetta li ssellifha flus mingħajr garanzija tal-Istat, l-ammont totali tas-self iggarantit li hija tikseb għandu jitqies bħala għajnuna (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑288/96, EU:C:2000:537, punt 31).

    ( 31 ) Għalhekk, Larko ma tikkontestax il-punt 4.1 tal-imsemmija komunikazzjoni fih innifsu, iżda l-applikazzjoni ta’ dan il-punt għall-fatti inkwistjoni.

    ( 32 ) Kif nifhem dawn l-argumenti jiena, Larko tinvoka, fil-fatt, ksur kemm tal-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali għandhom, li jikkostitwixxi formalità essenzjali, kif ukoll tal-fondatezza tal-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali u mill-Kummissjoni (ara, dwar din id-distinzjoni, il-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet) Irrid nispeċifika li, filwaqt li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att huwa previst fl-Artikolu 296(2) TFUE, l-obbligu ta’ movitazzjoni tas-sentenzi huwa previst fl-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut.

    ( 33 ) Jiena nifhem dan l-argument relattiv għal-livell tal-prova fis-sens li jirrigwarda, essenzjalment, l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali imponiet fuq Larko l-oneru tal-prova fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali”.

    ( 34 ) B’mod iktar speċifiku, skont il-Kummissjoni, fil-punti 192 sa 194 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali tqis li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet uriet li, waqt l-għoti tal-miżuri kontenzjużi, Larko kienet tinsab f’“qagħda estremament delikata” minħabba t-tnaqqis kostanti tad-dħul mill-bejgħ tagħha u l-eżistenza ta’ fondi proprji negattivi, fatt li ssuġġerixxa li l-kapital azzjonarju kollu tal-impriża kien intilef. Din il-pożizzjoni estremament delikata tal-impriża kient riflessa minn “impossibb[iltà] għal Larko li tirrimborsa s-self kollu bil-mezzi tagħha stess”. Billi tikkontesta dawn l-osservazzjonijiet, l-appellanti tqiegħed inkwistjoni, skont il-Kummissjoni, l-istabbiliment tal-fatti mill-Qorti Ġenerali.

    ( 35 ) Infakkar li l-qorti tal-Unjoni għandha l-obbligu, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, tillimita ruħha għal stħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat. Għaldaqstant, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali tikkumpensa l-eventwali assenza ta’ motivazzjoni jew tikkompleta l-imsemmija motivazzjoni tal-Kummissjoni billi żżid jew tissostitwixxi fiha elementi li ma jirriżultawx mid-deċiżjoni li hija nnifisha hija kkontestata (ara, ukoll, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2006, UFEX et vs Il‑Kummissjoni (T‑613/97, EU:T:2006:150, punt 70) kif ukoll tat‑22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il‑Kummissjoni (T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457, punt 182).

    ( 36 ) Ara għal dak li jirrigwarda l-portata tal-Artikolu 296(2) TFUE, il-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 37 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punti 3536).

    ( 38 ) Nispeċifika li Larko tressaq ukoll diversi argumenti indirizzati kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr madankollu ma tispeċifika kif is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, fatt li ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

    ( 39 ) Fil-fatt, mill-kuntratt ta’ self tal‑2008 (miżura Nru 2) li l-Kummissjoni kellha quddiemha jirriżulta li r-rimbors ta’ dan is-self kellu jsir sal‑31 ta’ Marzu 2012, jiġifieri ferm qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fis‑27 ta’ Marzu 2014. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-provi kollha li jippermettu li jiġi konkluż li l-imsemmi self kien diġà ġie rrimborsat. Fir-rigward tar-rimbors tas-self skont il-kuntratt ta’ self tal‑2010 (miżura Nru 4), dan kellu jsir sa 45 ġurnata wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-imsemmija data, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata li s-self skont il-kuntratt ta’ self tal‑2011 (miżura Nru 6) kien diġà ġie parzjalment irrimborsat.

    ( 40 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 49).

    ( 41 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 168).

    ( 42 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014 (C‑69/13, EU:C:2014:71).

    ( 43 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑197/99 P, EU:C:2003:444, punt 81).

    ( 44 ) Larko tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tas‑17 ta Ġunju 1999, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑75/97, EU:C:1999:311, punt 65).

    Top