Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0202

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2018.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:1030

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2018 ( 1 )

    Kawża C‑202/18

    Ilmārs Rimšēvičs

    vs

    Ir-Repubblika tal-Latvja

    Kawża C‑238/18

    Il‑Bank Ċentrali Ewropew

    vs

    Ir-Repubblika tal-Latvja

    “Rikors ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissospendi lill-gvernatur tal-bank ċentrali nazzjonali mill-funzjonijiet tiegħu”

    Werrej

     

    I. Introduzzjoni

     

    II. Il-kuntest ġuridiku

     

    A. Id-dritt tal-Unjoni

     

    1. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

     

    2. L-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

     

    B. Id-dritt Latvjan

     

    1. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

     

    2. Il-Liġi dwar il-Bank tal-Latvja

     

    3. Il-Liġi dwar l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni

     

    III. Il-kuntest tat-tilwima

     

    IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

     

    V. Evalwazzjoni

     

    A. Fuq il-parametri tar-rikors previst fl-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE

     

    1. Fuq in-natura tar-rikors

     

    a) Formulazzjoni u oriġini

     

    b) Interpretazzjoni sistematika u teleoloġika

     

    2. Fuq il-konvenut fl-azzjoni

     

    3. Konklużjoni intermedja

     

    B. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tal-miżuri restrittivi imposti fuq I. Rimšēvičs mill-KNAB

     

    1. Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

     

    2. Fuq il-miżuri imposti fuq I. Rimšēvičs bħala tneħħija mill-funzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE

     

    C. Fuq il-mertu

     

    1. Fuq il-ksur tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE

     

    a) Osservazzjonijiet preliminari

     

    b) Fuq il-kunċetti ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali u ta’ mġiba serjament ħażina

     

    c) Fuq il-provi meħtieġa sabiex jiġi pprovat li l-kundizzjonijiet sabiex gvernatur jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu huma ssodisfatti

     

    1) Sentenza fuq il-mertu mogħtija minn qorti indipendenti

     

    2) Provi suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizza tiżgura ruħha dwar il-materjalità tal-fatti

     

    d) Konklużjoni intermedja

     

    2. Fuq l-allegat ksur tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea

     

    3. Fuq l-allegat ksur tad-dritt Latvjan

     

    D. Konklużjoni intermedja

     

    VI. Spejjeż

     

    VII. Konklużjoni

    I. Introduzzjoni

    1.

    Liema huma l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jneħħu lill-gvernaturi tal-banek ċentrali tagħhom mill-funzjonijiet tagħhom?

    2.

    Din hija l-kwistjoni li tqum f’dawn il-kawżi fir-rigward ta’ Ilmārs Rimšēvičs, il-Gvernatur ta’ Latvijas Banka (il-Bank tal-Latvja), li ġie sospiż mill-funzjonijiet tiegħu permezz ta’ deċiżjoni tal-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“KNAB”) għaliex huwa ssuspettat li wettaq abbuż mill-influwenza favur il-bank Latvjan Trasta Komercbanka ( 2 ).

    3.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab adita b’din il-kwistjoni, għall-ewwel darba, abbażi tal-ġurisdizzjoni li jagħtiha l-Artikolu 14.2 tal-Protokoll Nru 4 għat-Trattat FUE dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew ( 3 ) (iktar ’il quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE”) sabiex tieħu konjizzjoni tad-deċiżjonijiet li jneħħu lill-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri mill-funzjonijiet tagħhom.

    4.

    Din il-ġurisdizzjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, minkejja li jinħatru u jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom mill-Istati Membri, huma wkoll membri ta’ korp ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Kunsill Regolatorju”). Issa, dan tal-aħħar huwa l-korp deċiżjonali prinċipali tal-BĊE u tal-Eurosistema ( 4 ) u għandu wkoll rwol importanti fis-superviżjoni prudenzjali ta’ stabbilimenti ta’ kreditu fi ħdan l-Unjoni ( 5 ).

    5.

    Bħal dik tal-BĊE, l-indipendenza tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali għalhekk tibbenefika minn protezzjoni partikolari, b’mod partikolari għaliex hija kundizzjoni essenzjali għall-istabbiltà tal-prezzijiet, li hija għan prinċipali tal-politika ekonomika u monetarja tal-Unjoni ( 6 ) li l-importanza tagħha hija enfasizzata bil-fatt li tissemma fl-Artikolu 3 tat-Trattat UE ( 7 ).

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    1.   It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    6.

    L-Artikoli 129 sa 131 TFUE jistabbilixxu:

    “Artikolu 129

    1.   S-SEBC għandha tkun regolata mill-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew li għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.

    2.   L-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE’ huwa stipulat fi Protokoll anness mat-Trattati.

    […]

    Artikolu 130

    Fl-eżerċizzju tas-setgħat u fit-twettiq tal-kompiti u d-dmirijiet tagħhom mgħotija lilhom fit-Trattati u bl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, la l-Bank Ċentrali Ewropew, u lanqas bank ċentrali nazzjonali, jew membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi u organi ta’ l-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet, korpi u organi ta’ l-Unjoni u tal-gvernijiet ta’ Stati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jfittxux li jinfluwenzaw il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-bank ċentrali nazzjonali fil-qadi ta’ dmirijiethom.

    Artikolu 131

    Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inkluż l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, tkun kumpatibbli mat-Trattati u ma’ l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.”

    7.

    L-Artikoli 282 u 283 TFUE jaqraw kif ġej:

    “Artikolu 282

    1.   Il-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali(SEBĊ). Il-Bank Ċentrali Ewropew flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jikkostitwixxu l-Eurosistema, għandhom iwettqu l-politika monetarja ta’ l-Unjoni.

    […]

    Artikolu 283

    1.   Il-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu fih il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    […]”

    2.   L-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

    8.

    L-Artikolu 14 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE huwa intitolat “Banek ċentrali nazzjonali” u jipprovdi:

    “14.1.   Skond l-Artikolu 131 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, ikunu kompatibbli mat-Trattati u ma’ dan l-Istatut.

    14.2.   L-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, jipprovdu li ż-żmien tal-kariga ta’ Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ma jkunx inqas minn ħames snin.

    Gvernatur jista’ jitneħħa mill-inkarigu tiegħu biss jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu jew inkella jekk ikun ħati ta’ mġieba serjament ħażina. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi riferita lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvernatur involut jew mill-Kunsill Regolatorju, bħala ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tal-liġi marbuta ma’ l-applikazzjoni tiegħu.Dawn il-proċeduri għandhom jibdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew min-notifika tagħha lir-rikorrent jew, fin-nuqqas, mill-jum meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skond ma jkun il-każ.

    14.3.   Il-banek ċentrali nazzjonali huma parti integrali mis-SEBĊ u għandhom jaġixxu skond il-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiżgura li l-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE jiġu mħarsa, u għandu jirrikjedi li tingħatalu kull informazzjoni li tkun tinħtieġ.

    […]”

    B. Id-dritt Latvjan

    1.   Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

    9.

    L-Artikolu 249(1) tal-Kriminālprocesa likums (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-Latvja) jaqra kif ġej:

    “(1)   Jekk, waqt li tkun imposta l-miżura restrittiva, il-bażi tagħha ma jkunx għad għandha skop jew jekk il-bażi tagħha tkun inbidlet, jekk il-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni, jekk il-kondotta tal-persuna jkunu nbidlu jew jekk ikunu ġew ikkonstatati ċirkustanzi oħra li kienu ddeterminaw l-għażla tal-miżura restrittiva, il-persuna responsabbli għall-proċedura għandha tieħu d-deċiżjoni li temenda jew li tirtira l-imsemmija miżura.”

    10.

    Il-punti (2) u (3) tal-Artikolu 262(1) u l-Artikolu 262(2) sa (5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jaqraw kif ġej:

    “(1)   Matul il-fażi preliminari tal-kawża, rikors kontra d-deċiżjoni meħuda mill-persuna responsabbli għall-proċedura jista’ jiġi ppreżentat kontra:

    […]

    2)

    il-projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali speċifiċi;

    3)

    il-projbizzjoni milli wieħed iħalli t-territorju nazzjonali;

    […]

    (2)   Rikors kontra d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jista’ jiġi ppreżentat biss jekk il-persuna li fil-konfront tagħha tkun ġiet imposta l-miżura restrittiva tkun f’pożizzjoni li tiġġustifika li t-termini ta’ din il-miżura ma jistgħux jiġu eżegwiti fil-konfront tagħha. Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuna nfisha, mid-difensur tagħha jew mir-rappreżentant tagħha, f’terminu ta’ sebat ijiem mir-riċezzjoni ta’ kopja tad-deċiżjoni li timponi l-miżura restrittiva.

    (3)   Il-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandha teżamina r-rikors, fil-kuntest ta’ proċedura bil-miktub, f’terminu ta’ tlett ijiem ta’ xogħol. Jekk ikun hemm bżonn, il-qorti għandha titlob l-atti tal-proċess u kjarifiki mingħand il-persuna responsabbli għall-investigazzjoni jew mingħand il-persuna li tkun ippreżentat ir-rikors.

    (4)   Meta tadotta deċiżjoni, il-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tista’ tiċħad ir-rikors jew tordna lill-persuna responsabbli għall-investigazzjoni temenda l-miżura restrittiva applikata jew uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha f’terminu ta’ tlett ijiem ta’ xogħol, jew tiffissa l-ammont tal-garanzija.

    (5)   Kopja tad-deċiżjoni adottata mill-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandha tintbagħat lill-persuna responsabbli għall-investigazzjoni, lill-persuna li kienet is-suġġett tal-miżura restrittiva inkwistjoni u lill-persuna li tkun ippreżentat ir-rikors. Din id-deċiżjoni ma hijiex appellabbli.”

    11.

    L-Artikolu 375(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jistipula:

    “(1)   Matul il-proċeduri kriminali, l-atti tal-proċess tal-kawża huma koperti mis-sigriet tal-investigazzjoni u l-membri tal-persunal responsabbli għall-proċeduri kriminali kif ukoll il-persuni li lilhom dawn tal-aħħar juru l-atti inkwistjoni skont il-proċedura prevista minn din il-liġi għandhom ikunu awtorizzati jieħdu konjizzjoni tagħhom.”

    2.   Il-Liġi dwar il-Bank tal-Latvja

    12.

    L-Artikolu 22 tal-Likums par Latvijas Banku (il-Liġi dwar il-Bank tal-Latvja) jistabbilixxi:

    “Il-Gvernatur tal-Bank tal-Latvja għandu jinħatar mill-Parlament, fuq rakkomandazzjoni ta’ mill-inqas għaxra mill-Membri tiegħu.

    Il-Viċi Gvernatur u l-Membri tal-Kunsill tal-Bank tal-Latvja għandhom jinħatru mill-Parlament, fuq rakkomandazzjoni tal-Gvernatur tal-Bank tal-Latvja.

    Il-mandat tal-Gvernatur, tal-Viċi Gvernatur u tal-Membri tal-Kunsill tal-Bank tal-Latvja huwa ta’ sitt snin. Jekk Membru tal-Kunsill jitlaq mill-funzjonijiet tiegħu qabel l-iskadenza tal-mandat tiegħu, għandu jinħatar Membru ġdid tal-Kunsill tal-Bank tal-Latvja għal mandat ta’ tul ta’ sitt snin.

    Il-Parlament jista’ jneħħi lill-Gvernatur, lill-Viċi Gvernatur u lill-Membri tal-Kunsill tal-Bank tal-Latvja mill-funzjonijiet tagħhom qabel l-iskadenza tal-mandat previst fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu biss fil-każijiet li ġejjin:

    1.

    riżenja volontarja;

    2.

    imġiba serjament ħażina fis-sens tal-Artikolu 14.2 [tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE];

    3.

    raġunijiet oħra għat-tneħħija mill-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 14.2 [tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE].

    Fil-każ previst fil-punt 2 tar-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu, il-Parlament jista’ jiddeċiedi li jneħħi lill-Gvernatur, lill-Viċi Gvernatur u lill-Membri tal-Kunsill tal-Bank tal-Latvja mill-funzjonijiet tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tas-sentenza ta’ kundanna.

    Il-Gvernatur tal-Bank tal-Latvja jista’ jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Parlament li huwa jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 14.2 tal-Istatut [tas-SEBĊ u tal-BĊE]. Il-Viċi Gvernatur jew Membru tal-Kunsill tal-Bank tal-Latvja jistgħu jirreferu d-deċiżjoni tal-Parlament li huma jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom lill-qorti prevista mill-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva.”

    3.   Il-Liġi dwar l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni

    13.

    Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tal-Korupcijas novēršanas un apkarošanas biroja likums (il-Liġi dwar l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni):

    “(1)   L-Uffiċċju huwa awtorità tal-amministrazzjoni diretta li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-korruzzjoni previsti minn din il-liġi […]

    (2)   L-Uffiċċju jaqa’ taħt il-kontroll tal-Kunsill tal-Ministri. Il-Kunsill tal-Ministri għandu jeżerċita l-kontroll istituzzjonali permezz tal-Prim Ministru. Il-kontroll jinkludi d-dritt tal-Prim Ministru li jistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet amministrattivi adottati mill-Kap tal-Uffiċċju u li jannulla d-deċiżjonijiet illegali, kif ukoll, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ astensjoni illegali mit-teħid ta’ azzjoni, li jordna t-teħid ta’ deċiżjoni. Id-dritt ta’ kontroll tal-Kunsill tal-Ministri ma jirrigwardax id-deċiżjonijiet meħuda mill-Uffiċċju fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 7, 8, 9 u 91 ta’ din il-liġi.”

    14.

    Il-punt (2) tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni jaqra kif ġej:

    “(1)   Fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-Uffiċċju għandu jeżerċita l-funzjonijiet li ġejjin:

    […]

    2)

    iwettaq investigazzjonijiet u jmexxi attivitajiet operattivi, bil-għan li jinkixfu reati kriminali mwettqa fis-servizz tal-istituzzjonijiet pubbliċi, jekk dawn ir-reati jkunu marbuta mal-korruzzjoni.”

    III. Il-kuntest tat-tilwima

    15.

    Fil-31 ta’ Ottubru 2013, Ilmārs Rimšēvičs inħatar mill-ġdid fil-pożizzjoni ta’ Gvernatur tal-Bank tal-Latvja permezz ta’ deċiżjoni tal-Parlament għal mandat ġdid ta’ 6 snin mill-21 ta’ Diċembru 2013 sal-21 ta’ Diċembru 2019.

    16.

    Fis-17 ta’ Frar 2018, I. Rimšēvičs ġie arrestat wara l-ftuħ, fil-15 ta’ Frar 2018, ta’ investigazzjoni preliminari mibdija mill-KNAB għar-raġuni li huwa ssuspettat li, fil-kwalità tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank tal-Latvja, wettaq reat ta’ talba għal u aċċettazzjoni ta’ tixħim.

    17.

    Fid-19 ta’ Frar 2018, I. Rimšēvičs inħeles mill-arrest kontra l-ħlas ta’ garanzija. Fl-istess jum, l-Assistent Kap tad-Diviżjoni tal-Investigazzjonijiet tal-KNAB adotta deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ I. Rimšēvičs bħala persuna ssuspettata, li tispeċifika l-fatti allegati fil-konfront tiegħu u li telenka l-provi disponibbli, kif ukoll deċiżjoni li timponi fuqu diversi miżuri restrittivi, b’mod partikolari, minbarra l-ħlas tal-garanzija, il-projbizzjoni milli jeżerċita ċerti attivitajiet uffiċjali, b’mod partikolari l-funzjonijiet ta’ Gvernatur tal-Bank tal-Latvja, il-projbizzjoni milli javviċina ċerti persuni u l-projbizzjoni milli jħalli l-pajjiż mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel. Ġie speċifikat li dawn il-miżuri restrittivi kellhom jibqgħu fis-seħħ matul l-investigazzjoni preliminari u sakemm dawn jiġu emendati jew annullati.

    18.

    Fis-27 ta’ Frar 2018, ir-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga, il-Latvja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn I. Rimšēvičs kontra tnejn mill-miżuri restrittivi imposti mill-KNAB, jiġifieri l-projbizzjoni milli jeżerċita ċerti attivitajiet uffiċjali u l-projbizzjoni milli jħalli l-pajjiż mingħajr awtorizzazzjoni.

    19.

    Fl-1 ta’ Ġunju 2018, l-Assistent Kap tad-Diviżjoni tal-Investigazzjonijiet tal-KNAB adotta deċiżjoni ġdida dwar ir-rikonoxximent ta’ I. Rimšēvičs bħala persuna ssuspettata, ikkompletata b’fatti ġodda.

    20.

    Fit-28 ta’ Ġunju 2018, il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja ħa d-deċiżjoni li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali (l-imputazzjoni) ta’ I. Rimšēvičs.

    21.

    Fl-20 ta’ Lulju 2018, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna lir-Repubblika tal-Latvja tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tissospendi, sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm il-Kawża C‑238/18, il-miżuri restrittivi adottati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs, sa fejn dawn il-miżuri jipprekludu lil dan tal-aħħar milli jaħtar sostitut sabiex jissostitwixxih bħala Membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE ( 8 ).

    22.

    Fil-25 ta’ Lulju 2018, il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja adotta deċiżjoni li temenda l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs. Fl-1 ta’ Awwissu 2018, I. Rimšēvičs ippreżenta lment li jikkontesta l-miżuri restrittivi emendati. Fit-22 ta’ Awwissu 2018, il-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme, il-Latvja) laqgħet parzjalment l-ilment ta’ I. Rimšēvičs. Fit-28 ta’ Awwissu 2018, il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja ħa deċiżjoni li temenda mill-ġdid il-miżuri restrittivi adottati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs.

    IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    23.

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Marzu 2018, I. Rimšēvičs ippreżenta r-rikors fil-Kawża C‑202/18.

    24.

    I. Rimšēvičs jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    1.

    Tiddikjara li r-rikorrent tneħħa b’mod illegali mill-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur ta’ Latvijas Banka (il-Bank tal-Latvja) permezz tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni li timponi miżuri restrittivi, adottata f’isem ir-Repubblika tal-Latvja fid-19 ta’ Frar 2018;

    2.

    Tiddikjara illegali l-miżura restrittiva imposta fuq ir-rikorrent permezz tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni li timponi miżura restrittiva, adottata f’isem ir-Repubblika tal-Latvja fid-19 ta’ Frar 2018 (il-projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali speċifiċi, li permezz tagħha r-rikorrent ġie pprojbit milli jeżerċita l-funzjonijiet u l-kompetenzi ta’ Gvernatur ta’ Latvijas Banka (il-Bank tal-Latvja)).

    3.

    Tiddikjara li l-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi ta’ Membru tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni li timponi miżura restrittiva, adottata f’isem ir-Repubblika tal-Latvja fid-19 ta’ Frar 2018, ġew applikati għar-rikorrent b’mod illegali.

    25.

    Fir-risposta tagħha fil-Kawża C‑202/18, ir-Repubblika tal-Latvja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors ta’ I. Rimšēvičs kollu kemm hu.

    26.

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2018, il-BĊE ppreżenta r-rikors fil-Kawża C‑238/18.

    27.

    Il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    1.

    Tordna lir-Repubblika tal-Latvja, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tipproduċi l-informazzjoni kollha rilevanti relatata mal-investigazzjonijiet attwalment mibdija mill-KNAB kontra l-Gvernatur tal-Bank tal-Latvja, u

    2.

    tikkonstata, skont l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, li r-Repubblika tal-Latvja kisret it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn:

    id-detentur tal-pożizzjoni ta’ Gvernatur tal-Bank tal-Latvja tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu fl-assenza ta’ sentenza ta’ kundanna mogħtija minn qorti indipendenti li eżaminat il-każ fir-rigward tal-mertu u,

    jekk hekk jikkonfermaw il-fatti prodotti mir-Repubblika tal-Latvja, ma teżisti ebda ċirkustanza eċċezzjonali li tiġġustifika li l-persuna kkonċernata titneħħa mill-funzjonijiet tagħha f’dan il-każ.

    3.

    Tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.

    28.

    Barra minn hekk, permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum tar-rikors tiegħu, il-BĊE talab lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kawża C‑238/18 tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa skont l-Artikoli 53(4) u 133 tar-Regoli tal-Proċedura, u ressaq talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura, irreġistrata bin-numru C‑238/18 R.

    29.

    Fir-risposta tagħha fil-Kawża C‑238/18, ir-Repubblika tal-Latvja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors tal-BĊE kollu kemm hu.

    30.

    Permezz ta’ digrieti tat-12 ta’ Ġunju 2018, Rimšēvičs vs Il-Latvja ( 9 ) u BĊE vs Il-Latvja ( 10 ), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li l-Kawżi C‑202/18 u C‑238/18 għandhom jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura.

    31.

    Permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji tal-20 ta’ Lulju 2018, BĊE vs Il-Latvja ( 11 ), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna lir-Repubblika tal-Latvja tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tissospendi, sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm il-Kawża C‑238/18, il-miżuri restrittivi adottati fid-19 ta’ Frar 2018 mill-KNAB fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs, sa fejn dawn il-miżuri jipprekludu lil dan tal-aħħar milli jaħtar sostitut sabiex jissostitwixxih bħala Membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE. Il-bqija tat-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

    32.

    Fil-25 ta’ Settembru 2018 inżammet seduta komuni fil-Kawżi C‑202/18 u C‑238/18.

    33.

    Matul is-seduta komuni, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lir-Repubblika tal-Latvja tipproduċilha, f’terminu ta’ tmint ijiem, id-dokumenti kollha neċessarji sabiex tiġġustifika l-miżuri restrittivi imposti fuq I. Rimšēvičs kif ukoll id-deċiżjoni li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali ta’ dan tal-aħħar.

    34.

    Fit-2 ta’ Ottubru 2018, ir-Repubblika tal-Latvja ppreżentat id-deċiżjoni li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali ta’ I. Rimšēvičs tat-28 ta’ Ġunju 2018 kif ukoll 43 dokumenti oħra. Dawn id-dokumenti ġew ikkomunikati lil I. Rimšēvičs u lill-BĊE, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fid-19 ta’ Ottubru 2018.

    V. Evalwazzjoni

    35.

    Dawn il-kawżi huma l-ewwel kawżi li ġew ippreżentati abbażi tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Għalhekk huwa utli li jiġu indirizzati ċerti aspetti relatati mal-parametri tar-rikorsi ppreżentati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (A), qabel ma wieħed idur lejn l-ammissibbiltà (B) u sussegwentement il-mertu (C) tar-rikorsi ppreżentati f’dan il-każ minn I. Rimšēvičs u mill-BĊE.

    A. Fuq il-parametri tar-rikors previst fl-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE

    1.   Fuq in-natura tar-rikors

    36.

    Ir-rimedju ġudizzjarju mogħti fl-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE huwa rimedju sui generis fis-sistema tar-rikorsi quddiem il-qorti tal-Unjoni, għaliex dan joffri lill-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali u lill-BĊE ( 12 ) l-possibbiltà li jirreferi att meħud minn awtorità nazzjonali direttament għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    37.

    Fil-fatt, huwa minnu li l-banek ċentrali nazzjonali għandhom funzjoni essenzjali fi ħdan is-SEBĊ u fl-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni. Madankollu, bħall-korpi l-oħra tal-Istati Membri responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma jibqgħu suġġetti għall-isfera nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tagħhom u r-regoli ta’ funzjonament tagħhom. Għalhekk, fil-qafas stabbilit mill-Artikolu 131 TFUE u mill-Artikolu 14 tal-Istatut tas-SEBC u tal-BĊE, l-istabbiliment u l-applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-ħatra tal-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri fil-funzjonijiet tagħhom u t-tneħħija tagħhom minn dawn il-funzjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

    38.

    Ir-rimedju ġudizzjarju tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE għandu għalhekk jitqies li huwa rikors għal annullament minkejja li, fis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji tat-Trattat FUE, ir-rikors għal annullament huwa bħala prinċipju rriżervat għall-kontestazzjoni tal-atti tal-korpi tal-Unjoni? ( 13 ) Jew għandu jitqies, bħar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li huwa rikors intiż għall-konstatazzjoni li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu minkejja li, bħala regola ġenerali, huma l-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra li għandhom is-setgħa li jressqu rikors għal tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-qorti tal-Unjoni? ( 14 )

    39.

    Minbarra l-kwistjonijiet teoretiċi li tinvolvi, l-implikazzjonijiet prattiċi tat-tweġiba għall-mistoqsija dwar in-natura ta’ dawn ir-rikorsi ma humiex negliġibbli: Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla d-deċiżjoni tal-KNAB li timponi l-miżuri restrittivi kontenzjużi fuq I. Rimšēvičs, dan tal-aħħar ikun jista’ jkompli fil-funzjonijiet tiegħu malli tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tillimita ruħha li tikkonstata li l-miżuri inkwistjoni huma inkompatibbli mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, tkun ir-Repubblika tal-Latvja li jkollha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ordinament ġuridiku intern tagħha.

    40.

    Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tat-talbiet tagħhom, u kif ikkonfermaw waqt is-seduta, I. Rimšēvičs u l-BĊE jfittxu li jiksbu mill-Qorti tal-Ġustizzja sentenza dikjaratorja li tikkonstata li, bil-fatt li imponiet il-miżuri restrittivi kontenzjużi fuq I. Rimšēvičs, ir-Repubblika tal-Latvja kisret l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Sussegwentement għal tali sentenza dikjaratorja min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikunu l-awtoritajiet Latvjani li jkollhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex din tingħata effett fuq livell nazzjonali.

    41.

    Sabiex jiġu ddeterminati n-natura tar-rikors stabbilit mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE u r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja adita abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll l-istruttura u l-kuntest tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha, l-iskopijiet u l-għanijiet li din tal-aħħar tfittex li tilħaq ( 15 ) kif ukoll l-oriġini tagħha ( 16 ).

    a)   Formulazzjoni u oriġini

    42.

    Qabelxejn, il-formulazzjoni tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE ma tispeċifikax in-natura tar-rikors mogħti għall-finijiet tal-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali.

    43.

    Huwa minnu li, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, b’mod partikolari bil-Franċiż, l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jipprevedi rikors “kontra” d-deċiżjoni li gvernatur jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu, bl-istess mod kif ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi rikors “kontra att […]” ( 17 ). Barra minn hekk, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-każ li fih tista’ titressaq azzjoni legali li skontu r-rikors jista’ jiġi ppreżentat għal “ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tal-liġi marbuta ma’ l-applikazzjoni tiegħu” kif ukoll l-aħħar sentenza dwar it-terminu huma prattikament identiċi għat-termini simili tat-tieni u tas-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE.

    44.

    Madankollu, fid-dawl tal-oriġini tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, ma jidhirx li dawn l-elementi terminoloġiċi jirriflettu għażla deliberata tal-leġiżlatur favur il-klassifikazzjoni tar-rikors previst minn din id-dispożizzjoni bħala rikors għal annullament.

    45.

    Għaldaqstant, minn naħa, l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, intiż li jiġi inkorporat fit-Trattat ta’ Maastricht, ġie fformulat mill-Presidenti tal-banek ċentrali nazzjonali bl-Ingliż biss ( 18 ).

    46.

    Issa, il-proposti prodotti f’dan il-kuntest kienu jinkludu biss il-formulazzjoni, li għadha sal-lum dik tal-verżjoni Ingliża, li skontha deċiżjoni li tneħħi lil Gvernatur mill-funzjonijiet tiegħu “may be referred to the Court of Justice” ( 19 ). Dan japplika wkoll għall-proposta tal-Presidenza tal-Konferenza Intergovernattiva dwar l-Unjoni ekonomika u monetarja tat-30 ta’ Ottubru 1991 ( 20 ).

    47.

    Għaldaqstant, il-fatt li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jsemmu rikors “kontra” d-deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet jirriżulta mill-inċertezzi tat-traduzzjoni. Għalhekk dan ma jistax jiżvela deċiżjoni tal-leġiżlatur li jikkonċepixxi r-rikors previst f’din id-dispożizzjoni bħala rikors għal annullament. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-assenza, f’ħafna mill-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, ta’ formulazzjoni li tixbah lir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 21 ).

    48.

    Min-naħa l-oħra, il-verżjoni tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE li tinsab fit-Trattat ta’ Maastricht, adottat matul il-konferenza tal-Kunsill Ewropew f’Maastricht fid-9 sal-11 ta’ Diċembru 1991 u sussegwentement iffirmat fi Frar 1992, tinkludi barra minn hekk il-frażi li r-rikors jista’ jiġi ppreżentat għal “ksur ta’ dan it-Trattat jew ta’ xi regola tal-liġi marbuta ma’ l-applikazzjoni tiegħu”, kif ukoll l-aħħar sentenza dwar it-terminu għall-preżentata tar-rikors.

    49.

    Huwa minnu li dawn iż-żewġ elementi jidhru, anki fil-verżjoni Ingliża tagħhom, li “issellfu” mill-predeċessur tat-tieni u tas-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, il-kummenti annessi mad-diversi verżjonijiet suċċessivi kif ukoll id-diskussjonijiet relatati magħhom ( 22 ) ma jinkludu ebda ħjiel ta’ dibattiti dwar in-natura tar-rikors previst kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali.

    50.

    Għaldaqstant, ma hemm ebda indizju li jippermetti li jiġi dedott li l-introduzzjoni, fl-aħħar minuta ( 23 ), taż-żewġ elementi msemmija fil-punti preċedenti tirrifletti għażla kunċettwali tal-leġiżlatur favur rikors għal annullament mibni fuq dak previst fl-Artikolu 263 TFUE. Jista’ jkun li l-introduzzjoni ta’ terminu pjuttost tikkorrispondi għal xewqa ta’ ħeffa u ta’ ċertezza legali fil-każ ta’ kontestazzjoni tat-tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali.

    51.

    Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-assenza, fl-Artikolu 14 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għal dik tal-Artikolu 264 TFUE, li jiddetermina r-rwol tal-qorti fil-kuntest tar-rikors previst fl-Artikolu 263 TFUE billi jistipula li, jekk l-azzjoni tkun fondata, il-qorti għandha tiddikjara l-att inkwistjoni null.

    b)   Interpretazzjoni sistematika u teleoloġika

    52.

    Sa fejn il-formulazzjoni u l-oriġini tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE ma jistgħux joffru kjarifiki lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura tar-rikors previst f’din id-dispożizzjoni, wieħed għandu jdur lejn l-istruttura u l-kuntest tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha, kif ukoll lejn l-iskopijiet u l-għanijiet li din tal-aħħar tfittex li tilħaq.

    53.

    Issa, fid-dawl tal-arkitettura tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattati, huwa loġiku li r-rimedju ġudizzjarju tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jiġi analizzat mhux bħala rikors għal annullament, iżda bħala rikors għal dikjarazzjoni simili għar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    54.

    Għaldaqstant, is-sistema tar-rimedji ġuridiċi quddiem il-qorti tal-Unjoni tinkludi żewġ sferi tabilħaqq interkonnessi iżda madankollu separati sewwa. L-ewwel waħda hija dik tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, li l-atti tagħhom huma suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità u għas-setgħa ta’ annullament tal-qorti tal-Unjoni. Wara l-implimentazzjoni ta’ din is-setgħa ta’ annullament, l-ordinament ġuridiku tal-isfera tal-atti tal-Unjoni jiġi direttament emendat: l-att annullat jieqaf immedjatament jipproduċi effetti. Il-fatt li l-Artikolu 266 TFUE jipprevedi li l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tista’ tinvolvi miżuri oħra li l-istituzzjoni li minnha joriġina l-att annullat hija marbuta tieħu ma jnaqqas xejn minn din il-konsegwenza essenzjali tar-rikors għal annullament.

    55.

    Min-naħa l-oħra, fit-tieni sfera, li hija dik tal-Istati Membri u tal-korpi u tal-istituzzjonijiet tagħhom, il-qorti tal-Unjoni ma tintervjenix billi tfassal direttament l-ordinament ġuridiku nazzjonali, iżda biss billi tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ att jew ta’ sitwazzjoni legali tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u mal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat skont it-Trattati. Din id-differenza fin-natura tal-intervent tal-qorti tirrifletti d-differenza sistemika bejn l-isfera tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri: filwaqt li l-qorti tal-Unjoni tifforma direttament parti mill-ewwel waħda u tintervjeni fiha bħala istituzzjoni tal-Unjoni, hija tibqa’ esterna għat-tieni waħda li hija sistema speċifika għal kull Stat Membru li fiha l-korpi nazzjonali, inklużi l-qrati, huma responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħha. Fl-isfera tal-Istati Membri, huma dawn tal-aħħar li għandhom jemendaw l-ordinament ġuridiku nazzjonali billi jisiltu l-konsegwenzi mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-eżistenza ġuridika tal-atti tad-dritt nazzjonali inkwistjoni.

    56.

    Barra minn hekk, huwa f’konformità mas-separazzjoni ta’ dawn iż-żewġ sferi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab adita, fil-kuntest tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, bid-deċiżjoni ta’ Stat Membru li gvernatur ta’ bank ċentrali jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu u mhux b’rikors ta’ dan l-Istat Membru intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja stess twettaq tali tneħħija. B’mod differenti minn dak li huwa previst għall-membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi direttament fuq it-tneħħija mill-funzjonijiet tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jinħatru u jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom biss mill-awtoritajiet nazzjonali ( 25 ).

    57.

    Għaldaqstant, huwa wkoll loġiku li l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jipprevedi biss, bħala każ li fih jista’ jiġi ppreżentat ir-rikors, ksur tat-Trattati u ta’ xi dispożizzjoni legali marbuta mal-applikazzjoni tagħhom u mhux ukoll, bħat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, in-nuqqas ta’ kompetenza, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali jew l-użu ħażin ta’ poter. Fil-fatt, dawn it-tliet każijiet tal-aħħar li fihom tista’ titressaq azzjoni legali ma humiex rilevanti għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali. Fir-rigward tal-legalità esterna tagħha u tal-kompetenza tal-awtur tagħha, din id-deċiżjoni taqa’ fl-isfera tal-Istati Membri, jiġifieri tar-regoli tad-dritt nazzjonali u tal-istħarriġ tal-qrati nazzjonali. L-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwarda biss il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE għat-tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur humiex issodisfatti ( 26 ).

    58.

    L-implimentazzjoni ta’ setgħa ta’ annullament tal-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tar-rikors previst fl-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE għalhekk twassal sabiex tirrendi inqas ċara l-isfera tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri.

    59.

    Huwa minnu li l-għoti lill-Qorti tal-Ġustizzja tas-setgħa li tannulla deċiżjoni li gvernatur jitneħħa indebitament mill-funzjonijiet tiegħu jkun arma effettiva ferm għall-finijiet tal-protezzjoni tal-għan tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, jiġifieri s-salvagwardja tal-indipendenza tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali.

    60.

    Madankollu, l-annullament ta’ att meħud minn awtorità nazzjonali jikkostitwixxi ndħil mhux biss inabitwali, iżda wkoll estremament serju fil-qasam ta’ kompetenza u fl-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Issa, fid-dawl tal-importanza kostituzzjonali tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ għoti tal-kompetenzi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 TUE, il-possibbiltà ta’ tali ndħil għandha tkun espliċitament prevista mit-Trattati.

    61.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-qorti tal-Unjoni tintalab biss tagħti deċiżjoni dikjaratorja u mhux deċiżjoni ta’ annullament ma jnaqqas xejn mis-saħħa legali tal-intervent tagħha: bħalma huma l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, l-Istati Membri huma obbligati jikkonformaw ruħhom mas-sentenzi tagħha.

    62.

    Għaldaqstant, jekk, fil-kuntest tar-rikors previst fl-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-inammissibbiltà ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur minflok ma tannullaha, l-Istati Membri xorta waħda jkunu obbligati jagħtu effett immedjatament lid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, il-Kummissjoni tista’ tibda l-proċedura prevista fl-Artikoli 258 sa 260 TFUE, li hija r-rimedju previst mit-Trattati sabiex l-Istati Membri jiġu kostretti jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom.

    2.   Fuq il-konvenut fl-azzjoni

    63.

    L-analiżi tar-rikors previst fl-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE bħala rikors għal dikjarazzjoni ispirat mir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija wkoll loġika fid-dawl tal-implimentazzjoni prattika tiegħu.

    64.

    Għaldaqstant, l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE ma jispeċifikax min huwa l-konvenut fl-azzjoni fil-kuntest tar-rikors li jipprevedi.

    65.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispirazzjoni mir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tippermetti li jitqies li r-rikors li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet tal-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi ppreżentat kontra l-Istat Membru kkonċernat kollu kemm hu, li lilu huma imputabbli l-azzjonijiet tal-korpi u tal-amministrazzjonijiet tiegħu. Għalhekk huwa l-Istat Membru li għandu jiddefendi d-deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet tal-gvernatur tal-bank ċentrali tiegħu kif ukoll li jiżgura l-implimentazzjoni tas-sentenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-relazzjonijiet ġuridiċi interni tiegħu.

    66.

    Barra minn hekk, jidher li huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li l-interlokutur tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunx l-Istat Membru kollu kemm hu iżda tkun l-awtorità fi ħdanu responsabbli għall-adozzjoni tal-miżura kontenzjuża – kif jista’ jkun il-każ f’rikors ispirat mir-rikors għal annullament. Għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tidentifika, fuq livell nazzjonali, l-awtur ta’ deċiżjoni li gvernatur jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu, jew saħansitra li tiddetermina jekk awtorità nazzjonali għandhiex, skont id-dritt nazzjonali, personalità ġuridika tagħha, distinta minn dik tal-Istat Membru, li tippermetti li kawża titressaq kontriha? U x’jiġri jekk id-deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali ma tkunx ittieħdet minn amministrazzjoni, iżda mill-Parlament tal-Istat Membru kkonċernat jew minn qorti nazzjonali? Dawn ir-riflessjonijiet jiżvelaw in-natura ftit li xejn prattikabbli tat-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja direttament kontra awtorità nazzjonali għall-finijiet tal-annullament ta’ wieħed mill-atti tagħha.

    67.

    Minn dan isegwi li I. Rimšēvičs u l-BĊE kellhom raġun jippreżentaw ir-rikorsi tagħhom kontra r-Repubblika tal-Latvja.

    3.   Konklużjoni intermedja

    68.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dawn ir-rikorsi għandhom jitqiesu bħala rikorsi intiżi sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bl-adozzjoni fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs tal-miżuri restrittivi li jipprekluduh milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Latvja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    B. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tal-miżuri restrittivi imposti fuq I. Rimšēvičs mill-KNAB

    1.   Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

    69.

    Peress li l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jirreferi għall-“Qorti tal-Ġustizzja”, ir-rikors stabbilit minn din id-dispożizzjoni jaqa’, fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizja tal-Unjoni Ewropea, taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mhux taħt dik tal-Qorti Ġenerali.

    70.

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 19 TUE, it-termini “Qorti tal-Ġustizzja” u “Qorti Ġenerali” jindikaw iż-żewġ qrati li jikkomponu l-istituzzjoni “Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”. L-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jaqbel ma’ din it-terminoloġija, għaliex l-Artikoli 35 u 36 tiegħu jirreferu, fir-rigward tal-proċeduri tal-BĊE quddiem il-qrati tal-Unjoni barra mill-proċedura prevista fl-Artikolu 14.2 tal-imsemmi statut jew minn proċeduri speċifiċi oħra, għall-“Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”. Konsegwentement, fir-rigward tal-proċeduri ġudizzjarji ġenerali tal-BĊE quddiem il-qrati tal-Unjoni, japplikaw ir-regoli abitwali ta’ tqassim tal-kompetenzi.

    71.

    Barra minn hekk, l-għoti tal-kompetenza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors speċifiku previst fl-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE huwa ġġustifikat fid-dawl tal-importanza kostituzzjonali tal-indipendenza tal-gvernaturi tal-banek ċentrali ( 27 ) u tas-sensittività politika tal-kwistjonijiet marbuta mat-tneħħija tagħhom mill-funzjonijiet. Fl-aħħar nett, in-neċessità li kunflitt dwar id-deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur jinqata’ b’ħeffa sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-SEBĊ u tal-BĊE timmilita kontra l-istabbiliment ta’ grad doppju ta’ protezzjoni ġudizzjarja għar-rikors li jirrigwarda tali deċiżjoni.

    2.   Fuq il-miżuri imposti fuq I. Rimšēvičs bħala tneħħija mill-funzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE

    72.

    Ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, abbażi tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, tal-miżuri restrittivi imposti fuq I. Rimšēvičs mill-KNAB peress li dawn ma jikkostitwixxux tneħħija mill-funzjonijiet fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dawn il-miżuri għandhom biss l-għan li jippermettu l-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni u huma biss ta’ natura provviżorja u japplikaw biss għal tul limitat. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 249(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Latvjan ( 28 ), dawn jistgħu jiġu emendati jew irtirati fi kwalunkwe mument, u skont il-punt 4 tal-Artikolu 389(1) tal-istess kodiċi, ma jistgħux jeċċedu tul ta’ 22 xahar. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ tneħħija mill-funzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jimplika terminazzjoni tar-rabta ġuridika u istituzzjonali bejn il-membru tal-persunal u l-istituzzjoni kkonċernati. Issa, f’dak li jirrigwarda lil I. Rimšēvičs, tali terminazzjoni tista’ titwettaq biss mill-Parlament Latvjan skont l-Artikolu 22 tal-Liġi dwar il-Bank tal-Latvja ( 29 ).

    73.

    Għall-kuntrarju, il-BĊE u I. Rimšēvičs isostnu li l-miżuri restrittivi imposti fuq dan tal-aħħar mill-KNAB effettivament jipprekluduh milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank tal-Latvja u ta’ Membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE. Għaldaqstant, sabiex jingħata effett utli lill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, li l-għan tiegħu huwa li tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali kontra kwalunkwe pressjoni magħmula mill-Istati Membri, għandu jitqies li l-miżuri kontenzjużi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni.

    74.

    L-argument konvinċenti huwa dan tal-aħħar.

    75.

    Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, f’dan il-każ, definizzjoni eżawrjenti tal-kunċett ta’ tneħħija mill-funzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 14.2 tas-SEBĊ u tal-BĊE, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tiċċaħħad mill-effett utli tagħha jekk miżuri bħal dawk li ġew imposti fuq I. Rimšēvičs mill-KNAB permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2018 ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

    76.

    Kif diġà ġie indikat, l-għan tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE huwa li tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali u tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, li huwa l-korp deċiżjonali prinċipali ta’ dan tal-aħħar, bħala kundizzjoni indispensabbli għall-istabbiltà tal-prezzijiet, li hija għan prinċipali tal-politika ekonomika u monetarja tal-Unjoni u tas-SEBĊ ( 30 ). Issa, protezzjoni effettiva tal-indipendenza tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali teħtieġ li l-fondatezza ta’ miżura nazzjonali tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-effett konkret ta’ din il-miżura huwiex li gvernatur jiġi prekluż milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, indipendentement mill-klassifikazzjoni formali tagħha fid-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, konformement ma’ dak li ntqal iktar ’il fuq dwar il-każijiet li fihom jista’ jiġi ppreżentat ir-rikors previst fl-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE ( 31 ), ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina jekk miżura li għandha effett fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali tikkorrispondix formalment għal tneħħija mill-funzjonijiet fid-dritt nazzjonali jew jekk ġewx osservati l-proċeduri previsti għal dan il-għan minn dan tal-aħħar ( 32 ).

    77.

    Mingħajr ma għandu neċessarjament ikun is-suġġett ta’ definizzjoni eżawrjenti, il-kunċett ta’ tneħħija mill-funzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE xorta waħda huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li, għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, huwa marbut mhux mal-forma ta’ miżura u mal-istatus tagħha fid-dritt nazzjonali, iżda mas-sustanza u mal-effetti konkreti tagħha.

    78.

    F’dan ir-rigward, il-verżjoni Franċiża u l-verżjoni Latvjana tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, bħal verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, tabilħaqq jużaw termini li jissuġġerixxu li jiġu tterminati l-eżerċizzju tal-funzjonijiet mill-gvernatur ikkonċernat jew l-okkupazzjoni tal-pożizzjoni jew tal-mandat tiegħu ( 33 ). Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi mmitigata, kif jipproponi l-BĊE, mill-fatt li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-irtirar forzat mill-impjieg tal-membri ta’ ċerti istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni jirreferu għal “riżenja […] imġiegħla” iktar milli għal “tneħħija mill-funzjonijiet”, liema fatt jenfasizza, skont il-BĊE, in-natura iktar ġenerali ta’ dan il-kunċett tal-aħħar ( 34 ). Barra minn hekk, dan l-argument tal-aħħar ma huwiex sostnut mill-verżjonijiet lingwistiċi kollha.

    79.

    Madankollu, in-natura temporanja ta’ miżura jew il-fatt li din ma għandhiex l-effett li tikser b’mod definittiv ir-rabta ġuridika u istituzzjonali bejn il-gvernatur u l-bank ċentrali kkonċernati ma jistgħux jostakolaw il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala tneħħija mill-funzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 14.2 tas-SEBĊ u tal-BĊE, jekk din effettivament ikollha l-konsegwenza li tipprekludi lill-Gvernatur milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Li kieku dan ma kienx il-każ, l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw il-projbizzjoni stabbilita mill-imsemmija dispożizzjoni billi jadottaw miżuri li ma jkunux ikklassifikati formalment bħala tneħħija mill-funzjonijiet iżda fil-prattika jkollhom effett ekwivalenti. Barra minn hekk, kif jindika ġustament il-BĊE, miżura li apparentement tkun provviżorja tista’ tirriżulta li tkun definittiva jekk l-effetti tagħha jkomplu sat-tmiem tal-mandat tal-gvernatur ikkonċernat. Minbarra dan, kif josservaw kemm il-BĊE kif ukoll I. Rimšēvičs, anki impediment temporanju mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jikkostitwixxi pressjoni magħmula fuq il-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali u għalhekk theddida għall-indipendenza ta’ dan tal-aħħar li l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jfittex ġustament li jevita.

    80.

    Minn dan isegwi li l-miżuri restrittivi adottati f’dan il-każ mill-KNAB kontra I. Rimšēvičs permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2018, jiġifieri l-projbizzjoni mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Gvernatur tal-Bank tal-Latvja u l-projbizzjoni milli jħalli l-pajjiż mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel (sa fejn l-effett tagħha huwa li I. Rimšēvičs jiġi prekluż milli jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE), għandhom jiġu kklassifikati bħala tneħħija mill-funzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. F’dan ir-rigward, il-fatt, invokat mir-Repubblika tal-Latvja, li l-projbizzjonijiet imposti fuq I. Rimšēvičs ma ostakolawx il-funzjonament tal-Bank tal-Latvja –jekk dan jitqies li huwa minnu – huwa irrilevanti. L-għan tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE huwa li jiġu protetti l-indipendenza istituzzjonali u personali tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali u l-funzjoni li huma jokkupaw fi ħdan is-SEBĊ u l-BĊE, u mhux biss il-funzjonament tajjeb ta’ kuljum tal-banek ċentrali nazzjonali.

    81.

    Għall-kompletezza, għandu jiġi osservat li r-Repubblika tal-Latvja lanqas ma tista’ tinvoka validament l-Artikolu 276 TFUE sabiex tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ. Skont l-Artikolu 276 TFUE, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha dwar id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 4 (“Koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali”) u 5 (“Koperazzjoni tal-pulizija”) tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tivverifika l-validità jew il-proporzjonalità ta’ operazzjonijiet imwettqa mill-pulizija jew minn servizzi oħra tal-infurzar tal-liġi fi Stat Membru jew sabiex tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna.

    82.

    Issa, kif diġà kkonstata l-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 35 ), il-miżuri inkwistjoni f’dan il-każ la jaqgħu taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri f’materji kriminali u lanqas taħt il-kooperazzjoni mill-pulizija tagħhom. Għaldaqstant, l-Artikolu 276 TFUE ma jipprekludix li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, il-miżuri restrittivi imposti fuq I. Rimšēvičs mill-KNAB fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    83.

    Fl-aħħar nett, l-argumenti tar-Repubblika tal-Latvja intiżi li jallegaw li r-rikonoxximent, f’dan il-każ, tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jammonta għall-għoti ta’ immunità kriminali lill-gvernatur tal-bank ċentrali kkonċernat u għal indħil fil-proċeduri kriminali nazzjonali, għandhom ukoll jiġu miċħuda. Fil-fatt, bl-ebda mod ma huwa l-każ li I. Rimšēvičs qiegħed jingħata immunità kriminali ( 36 ) jew li l-KNAB jew awtorità Latvjana oħra tal-infurzar tal-liġi qegħdin jiġu preklużi milli jmexxu investigazzjoni kriminali. Huwa biss il-każ li jiġi vverifikat jekk il-miżuri restrittivi li ġew imposti fuq I. Rimšēvičs bl-għan iddikjarat li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni tal-KNAB humiex iġġustifikati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    84.

    Huwa minnu li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li dan ma huwiex il-każ, hija għandu mnejn ikollha tikkonstata li miżura imposta sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ investigazzjoni kriminali hija inkompatibbli mal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Madankollu, jista’ raġonevolment jitqies li, jekk ma jiġix ipprovat li l-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew li huwa ħati ta’ mġiba serjament ħażina, investigazzjoni li tirrigwarda fatti oħra ser tkun tista’ titwettaq mingħajr ma jkun neċessarju li l-gvernatur inkwistjoni jiġi prekluż milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi pprovat li l-iżvolġiment tajjeb ta’ investigazzjoni kriminali kontrih jirrikjedi li l-gvernatur ta’ bank ċentrali jiġi prekluż milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, huwa probabbli li jiġi pprovat ukoll li huwa ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew li huwa ħati ta’ mġiba serjament ħażina.

    85.

    Fi kwalunkwe każ, huwa probabbli li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, fatti li jistgħu jipprovaw li gvernatur ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew li huwa ħati ta’ mġiba serjament ħażina huma wkoll rilevanti fir-rigward tad-dritt kriminali nazzjonali. Għaldaqstant, jidher ferm probabbli li investigazzjoni kriminali nazzjonali titwettaq b’mod parallel mal-proċedura tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Dan ikun iktar u iktar il-każ jekk wieħed jitlaq mill-prinċipju li gvernatur għandu jkun jista’ jiġi sospiż mill-funzjonijiet tiegħu saħansitra fl-assenza ta’ kundanna kriminali jekk ikunu jeżistu provi ta’ natura li jipprovaw li l-kundizzjonijiet sabiex huwa jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu huma ssodisfatti ( 37 ).

    86.

    Minn dan isegwi li r-Repubblika tal-Latvja lanqas ma tista’ ssostni li l-komunikazzjoni ta’ atti tal-proċess tal-investigazzjoni kriminali lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-proċedura tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE tostakola l-iżvolġiment tajjeb tal-imsemmija investigazzjoni. Għaldaqstant, huwa minnu li l-Artikolu 375(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Latvjan jipprovdi li l-atti tal-proċess huma koperti mis-sigriet tal-investigazzjoni u ma jistgħux jiġu kkomunikati lil persuni oħra barra minn dawk previsti mill-imsemmi kodiċi ( 38 ). Madankollu, b’interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni li jagħtiha l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE għandha tiġi assimilata ma’ persuna li lilha jista’ jiġi kkomunikat il-proċess tal-investigazzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex xi terz kwalunkwe iżda l-qorti li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mal-imsemmi statut tal-miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jipprekludu lill-gvernatur ta’ bank ċentrali milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Latvja baqgħet ma ssostanzjatx il-punt dwar sa fejn il-komunikazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ atti tal-proċess tal-investigazzjoni kriminali nazzjonali tista’, konkretament, tfixkel l-iżvolġiment tajjeb tal-imsemmija investigazzjoni.

    87.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex, abbażi tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, tieħu konjizzjoni tal-miżuri restrittivi imposti fuq I. Rimšēvičs permezz tad-deċiżjoni tal-KNAB tad-19 ta’ Frar 2018.

    C. Fuq il-mertu

    88.

    Skont l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jista’ jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu biss jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew jekk ikun ħati ta’ mġiba serjament ħażina. Fi kliem ieħor u bil-maqlub, l-Istati Membri ma jistgħux ineħħu lill-gvernatur tal-bank ċentrali tagħhom mill-funzjonijiet tiegħu jekk dawn il-kundizzjonijiet jew tal-inqas waħda minnhom ma jkunux issodisfatti.

    89.

    Minn din ir-regola jirriżultaw kemm il-motivi li jistgħu jitressqu insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tneħħi lil gvernatur mill-funzjonijiet tiegħu kif ukoll ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja adita b’tali rikors.

    90.

    Għaldaqstant, insostenn ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-gvernatur ikkonċernat u l-BĊE għandhom isostnu li l-Istat Membru inkwistjoni ma pprovax li l-kundizzjonijiet sabiex gvernatur jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu kienu ssodisfatti. Konsegwentement, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkonsisti fid-determinazzjoni jekk l-Istat Membru kkonċernat ipprovax b’mod suffiċjenti fid-dritt li dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti.

    91.

    Kif diġà ssemma, huwa minnu li l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jipprovdi li rikors kontra d-deċiżjoni li Gvernatur jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu jista’ jiġi ppreżentat għal “ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tal-liġi marbuta ma’ l-applikazzjoni tiegħu” ( 39 ). Madankollu, jifdal li jiġi stabbilit liema jistgħu jkunu d-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew id-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, barra mill-imsemmi artikolu nnifsu. Barra minn hekk, wieħed jista’ eventwalment jaħseb fid-dispożizzjonijiet, li l-ksur tagħhom huwa effettivament invokat minn I. Rimšēvičs f’dan il-każ, li l-għan tagħhom huwa li l-gvernaturi jiġu protetti minn kwalunkwe pressjoni min-naħa tal-Istati Membri ( 40 ) (peress li t-tneħħija indebita ta’ gvernatur mill-funzjonijiet tiegħu tammonta preċiżament għall-eżerċizzju ta’ tali pressjoni). Bl-istess mod, kif issuġġerit mill-BĊE, wieħed jista’ jaħseb fir-regoli marbuta mal-funzjonament tal-Kunsill Regolatorju u tal-Eurosistema kif ukoll, b’mod ġenerali, fil-prinċipji trażversali tad-dritt tal-Unjoni bħad-dmir ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tagħha u l-Istati Membri.

    92.

    Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li jiġu ddeterminati b’mod eżawrjenti d-dispożizzjonijiet li l-ksur tagħhom jista’ eventwalment jiġi invokat insostenn ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, kemm I. Rimšēvičs kif ukoll il-BĊE jallegaw, essenzjalment, li r-Repubblika tal-Latvja ma pproduċietx il-prova li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjoni għat-tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur kienu ssodisfatti f’dak li jirrigwarda lil I. Rimšēvičs (ara iktar ’il quddiem taħt 1). Għall-kompletezza, għandha tiġi eżaminata r-rilevanza ta’ żewġ leġiżlazzjonijiet oħra li dan tal-aħħar jallega li nkisru, jiġifieri, minn naħa, il-Protokoll Nru 7 tat-TFUE fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ara iktar ’il quddiem taħt 2) u, min-naħa l-oħra, ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Latvjan (ara iktar ’il quddiem taħt 3).

    1.   Fuq il-ksur tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE

    93.

    I. Rimšēvičs u l-BĊE jsostnu li r-Repubblika tal-Latvja ma pproduċietx provi li jistgħu jissostanzjaw il-fatti ta’ korruzzjoni allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Latvja ma pprovatx li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE sabiex gvernatur ta’ bank ċentrali jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu kienu ssodisfatti.

    a)   Osservazzjonijiet preliminari

    94.

    Kif indika l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson ( 41 ), huwa inerenti fil-funzjonijiet tal-membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll fl-ogħla funzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri li d-detenturi tagħhom ma huma suġġetti għal ebda kontroll ġerarkiku u ma jistgħux jitneħħew għal motivi li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, is-setgħa ta’ nfurzar tal-liġi intiża li tissanzjona eventwali abbuż ta’ poter min-naħa tad-detentur ta’ tali funzjoni, bħala regola ġenerali, tingħata jew lill-istituzzjoni li għaliha jappartjeni jew lil istituzzjoni oħra li għandha status ekwivalenti fil-qafas kostituzzjonali.

    95.

    F’dan ir-rigward, diġà ssemma li l-membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom biss mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ (jiġifieri ħlief għall-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea nfisha) fuq talba tal-istituzzjoni tagħhom jew ta’ istituzzjoni li għandha status kostituzzjonali ekwivalenti ( 42 ). Għalkemm l-oneru tal-prova tan-nuqqas tal-persuna kkonċernata li twettaq id-dmirijiet tagħha konsegwentement jaqa’ fuq l-istituzzjoni li tinvokaha, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li, fl-eżerċizzju sħiħ tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, għandha twettaq il-kwalifikazzjoni ġuridika u tistabbilixxi r-realtà materjali tal-fatti inkwistjoni. Għaldaqstant, konstatazzjonijiet magħmula f’sentenza ta’ qorti nazzjonali jistgħu tabilħaqq jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżami tagħha tal-imsemmija fatti, iżda hija ma tistax tkun marbuta bil-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti magħmula f’tali sentenza ( 43 ).

    96.

    Kif osserva l-BĊE, ir-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi direttament dwar it-tneħħija mill-funzjonijiet tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tirrigwarda l-fatt li dawn il-gvernaturi jinħatru u jistgħu jitneħħew biss skont il-proċeduri applikabbli fl-Istati Membri rispettivi tagħhom ( 44 ). Għaldaqstant, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix direttament dwar it-tneħħija ta’ detentur mill-funzjonijiet tiegħu fuq talba ta’ istituzzjoni, iżda teżamina jekk l-Istat Membru kkonċernat kellux raġun ineħħi lill-gvernatur tal-bank ċentrali tiegħu mill-funzjonijiet tiegħu. Madankollu, din id-differenza mill-proċeduri li jippermettu li l-membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom hija biss ta’ natura proċedurali; minn perspettiva materjali, il-kriterji ta’ eżami huma l-istess peress li, fiż-żewġ każijiet, għandu jiġi ddeterminat jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta t-tneħħija mill-funzjonijiet.

    97.

    Għalhekk hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fl-ewwel lok, twettaq il-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti allegati fil-konfront tal-gvernatur ikkonċernat, jiġifieri tiddetermina jekk dawn il-fatti humiex ta’ natura li jistabbilixxu li dan tal-aħħar ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew jikkostitwixxux imġiba serjament ħażina fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE (ara iktar ’il quddiem taħt b). Jekk dan ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fit-tieni lok, fid-dawl tal-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat u, jekk ikun il-każ, permezz tas-setgħat istruttorji li jagħtuha r-Regoli tal-Proċedura, teżamina r-realtà tal-fatti allegati fil-konfront tal-gvernatur inkwistjoni (ara iktar ’il quddiem taħt c).

    b)   Fuq il-kunċetti ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali u ta’ mġiba serjament ħażina

    98.

    L-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jipprovdi li gvernatur ta’ bank ċentrali jista’ jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu biss jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-imsemmija funzjonijiet jew jekk ikun ħati ta’ mġiba serjament ħażina, mingħajr madankollu ma jiddefinixxi dawn il-kunċetti b’mod iktar preċiż.

    99.

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tal-KNAB tad-19 ta’ Frar 2018 dwar ir-rikonoxximent ta’ I. Rimšēvičs bħala persuna ssuspettata ( 45 ) jirriżulta li huwa allegat li dan tal-aħħar talab għal u aċċetta tixħim ta’ mill-inqas EUR 100000 mingħand membru tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ bank u li min-naħa tiegħu ntrabat li ma jostakolax l-attivitajiet ta’ dan il-bank u li jsostnih permezz ta’ pariri u ta’ rakkomandazzjonijiet għall-finijiet tal-kooperazzjoni tiegħu mal-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital Latvjana). Barra minn hekk, huwa allegat li I. Rimšēvičs intrabat li jaġixxi b’dan il-mod fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu u billi juża l-influwenza tiegħu fuq l-attivitajiet tal-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital u l-informazzjoni li huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu minħabba l-funzjonijiet tiegħu.

    100.

    Fid-dawl ta’ tali allegazzjonijiet, ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi b’mod eżawrjenti l-kunċetti ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali jew ta’ mġiba serjament ħażina fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, fi kwalunkwe każ, il-fatti allegati mill-KNAB fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs, jiġifieri atti ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu u l-użu ħażin tal-funzjonijiet tiegħu fl-interess ta’ organu privat, – jekk l-eżistenza tagħhom tiġi stabbilita – mhux biss jikkostitwixxu mġiba serjament ħażina min-naħa tal-gvernatur ikkonċernat, iżda juru wkoll li dan tal-aħħar ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-BĊE, din il-kawża ma taqax biss taħt it-tieni, iżda wkoll taħt l-ewwel, ipoteżi prevista mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    101.

    Minn naħa, anki mingħajr ma wieħed ifittex li jiddefinixxi b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali, għandu jiġi kkonstatat li l-indipendenza tikkostitwixxi fi kwalunkwe każ il-qalba intanġibbli tagħhom ( 46 ). Fil-fatt, kif diġà ssemma darbtejn, l-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali membri tas-SEBĊ kif ukoll tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE bħala l-korp deċiżjonali prinċipali ta’ dan tal-aħħar u tal-Eurosistema hija stabbilita mit-Trattat FUE bħala korollarju indispensabbli għall-istabbiltà tal-prezzijiet, li hija għan prinċipali tal-politika ekonomika u monetarja tal-Unjoni u tas-SEBĊ ( 47 ). Din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jistipulaw espliċitament li, fl-eżerċizzju tas-setgħat u fit-twettiq tal-kompiti u tad-dmirijiet mogħtija lilhom mit-Trattati u mill-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali ma għandhomx jitolbu jew jaċċettaw istruzzjonijiet mingħand kwalunkwe organu jkun liema jkun.

    102.

    Barra minn hekk, l-indipendenza hija l-kwalità ewlenija meħtieġa min-naħa tal-membri tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni ( 48 ). Kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-membri tal-Kummissjoni, fid-dawl tar-responsabbiltajiet għolja li huma fdati lilhom, huwa neċessarju li dawn tal-aħħar josservaw l-iktar standards rigorużi fil-qasam ta’ mġiba, ħaġa li timplika b’mod partikolari li jaġixxu b’indipendenza totali u fl-interess ġenerali tal-Unjoni u li f’kull mument iqiegħdu dan tal-aħħar qabel l-interessi personali ( 49 ).

    103.

    Minn dan isegwi li gvernatur ta’ bank ċentrali li jinstab ħati li wettaq atti bħal dawk li huma allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs f’dan il-każ juri b’dan il-mod li ma għadx għandu l-indipendenza meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

    104.

    Min-naħa l-oħra, kif jispjega ġustament il-BĊE, il-kunċett ta’ mġiba serjament ħażina jindika, fid-dispożizzjonijiet tad-dritt dixxiplinari tal-Unjoni, aġir illegali adottat mid-detentur ta’ funzjoni, li huwa ta’ gravità suffiċjenti sabiex jiġġustifika li min iwettqu jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu ( 50 ).

    105.

    L-atti ta’ korruzzjoni allegati f’dan il-każ fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs, li – jekk l-eżistenza tagħhom tiġi stabbilita – jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 320(4) tal-Kodiċi Kriminali Latvjan, huma, fid-dawl tal-importanza fundamentali tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-gvernaturi tal-banek ċentrali, ta’ gravità suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw it-tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur u sabiex konsegwentement jikkostitwixxu mġiba serjament ħażina fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    106.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li jekk tiġi stabbilita r-realtà tal-fatti allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs, għandu jitqies li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE sabiex huwa jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu huma ssodisfatti. Għalhekk issa għandu jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika tal-Latvja pprovatx b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-realtà tal-fatti li hija tallega fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs.

    c)   Fuq il-provi meħtieġa sabiex jiġi pprovat li l-kundizzjonijiet sabiex gvernatur jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu huma ssodisfatti

    107.

    Kif josserva ġustament il-BĊE, ir-realtà ta’ fatti bħal dawk li tallega r-Repubblika tal-Latvja f’dan il-każ għandha bħala prinċipju tkun ikkonfermata permezz ta’ sentenza fuq il-mertu mogħtija minn qorti indipendenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tqis li dawn il-fatti huma stabbiliti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE (ara iktar ’il quddiem taħt 1). Fl-assenza ta’ tali sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha provi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-konvinzjoni soda li l-fatti allegati fil-konfront tal-gvernatur ikkonċernat seħħew (ara iktar ’il quddiem taħt 2).

    1) Sentenza fuq il-mertu mogħtija minn qorti indipendenti

    108.

    Meta jkun hemm sentenza fuq il-mertu mogħtija minn qorti indipendenti li tikkonferma l-materjalità tal-fatti allegati fil-konfront tal-gvernatur ikkonċernat, dan tal-aħħar għandu jipproduċi provi ta’ natura li jipprovaw li, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru kkonċernat u minħabba s-sitwazzjoni personali tiegħu, jeżistu motivi serji u vverifikati sabiex wieħed jemmen li d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq inkiser u li s-sentenza inkwistjoni hija bbażata fuq konstatazzjonijiet fattwali żbaljati ( 51 ). Fl-assenza ta’ tali provi, konformement mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fir-rispett, mill-Istati Membri kollha, tad-dritt tal-Unjoni u tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt ( 52 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis li l-fatti li r-realtà tagħhom tkun ikkonfermata mis-sentenza huma stabbiliti mingħajr ma twettaq evalwazzjoni tal-provi hija stess.

    109.

    Madankollu, f’dan il-każ, il-fatti allegati mill-KNAB fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs għadhom ma ġewx deċiżi b’sentenza fuq il-mertu mogħtija minn qorti indipendenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat il-punt, li tqajjem mill-BĊE, dwar jekk, għall-finijiet li jiġu stabbiliti fatti mressqa fil-kuntest tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, tistax tkun suffiċjenti sentenza tal-ewwel istanza li tkun għadha ma saritx definittiva.

    110.

    Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, il-miżuri restrittivi imposti fuq I. Rimšēvičs mill-KNAB permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2018 ( 53 ) kienu tabilħaqq is-suġġett ta’ rikors min-naħa ta’ I. Rimšēvičs quddiem il-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) u ta’ deċiżjoni ta’ din tal-aħħar mogħtija fis-27 ta’ Frar 2018 ( 54 ), li tifforma parti mill-atti mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li r-rikors inkwistjoni ġie ppreżentat abbażi tal-Artikolu 262 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Latvjan, li jippermetti l-preżentata ta’ rikors kontra miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ għar-raġuni li huwa impossibbli għall-persuna kkonċernata li tikkonforma ruħha mal-imsemmija miżuri ( 55 ).

    111.

    Madankollu, skont I. Rimšēvičs u l-BĊE, l-eżami tal-qorti adita b’tali rikors jirrigwarda biss l-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi inkwistjoni meta mqabbla mar-reat allegat u tal-għan li jfittxu li jilħqu (jiġifieri, l-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ danni oħra), kif ukoll is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata. Min-naħa l-oħra, ma jiġux eżaminati l-fondatezza tal-akkużi kontra din tal-aħħar jew il-materjalità tal-fatti li fuqhom huma bbażati l-imsemmija akkużi. Fil-fatt, il-motivi tad-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Riga tas-27 ta’ Frar 2018 jirrigwardaw biss il-fondatezza tal-miżuri restrittivi fid-dawl tal-akkużi kontra I. Rimšēvičs, iżda bl-ebda mod ma jirrigwardaw il-fondatezza ta’ dawn l-akkużi fid-dawl ta’ eventwali provi.

    112.

    Huwa minnu li mill-Artikolu 262(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Latvjan jirriżulta li l-qorti responsabbli għall-eżami tar-rikors ippreżentat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tista’ titlob li jintbagħtulha l-atti tal-proċess tal-akkuża kif ukoll spjegazzjonijiet min-naħa tal-persuna responsabbli għall-investigazzjoni jew min-naħa tal-persuna li tkun ippreżentat ir-rikors. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) tas-27 ta’ Frar 2018 tinkludi l-frażi “fid-dawl tal-atti tal-proċess tal-investigazzjoni kriminali Nru […]” ( 56 ). Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li l-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) responsabbli għall-eżami tar-rikors inkwistjoni rat provi li joriġinaw mill-proċess tal-investigazzjoni kriminali.

    113.

    Madankollu, id-deċiżjoni tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) tas-27 ta’ Frar 2018 ma ssemmi ebda evalwazzjoni ta’ provi u lanqas konferma tal-materjalità tal-fatti abbażi ta’ tali provi. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tirreferi biss għal “l-informazzjoni dwar il-fatti li joriġinaw minn dokumenti proċedurali li jinsabu fil-proċess tal-investigazzjoni kriminali” ( 57 ). Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li l-atti tal-proċess tal-investigazzjoni kirminali mibgħuta lill-Qorti Distrettwali ta’ Riga jikkonsistu biss, bħall-atti mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 58 ), f’dokumenti proċedurali mfassla mill-awtoritajiet investigattivi u li jinkludu deskrizzjoni tal-fatti bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe prova li tista’ tikkonferma l-materjalità tal-imsemmija fatti.

    114.

    Barra minn hekk, minkejja li ġiet espliċitament mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Latvja ma pproduċiet ebda prova ta’ natura li tikkonfuta l-allegazzjonijiet ta’ I. Rimšēvičs u tal-BĊE, li skonthom l-isħarriġ tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) responsabbli għall-eżami tal-miżuri restrittivi ma kienx jirrigwarda l-fondatezza tal-akkużi kontra I. Rimšēvičs u l-materjalità tal-fatti li fuqhom huma bbażati dawn l-akkużi. Ir-Repubblika tal-Latvja lanqas ma pproduċiet provi jew tal-inqas ipprovdiet spjegazzjonijiet sabiex tissostanzja l-pożizzjoni tagħha li skontha l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) tas-27 ta’ Frar 2018 bħala li tistabbilixxi r-realtà tal-fatti allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs u konsegwentement tiddispensa ruħha milli tevalwa l-provi u tistabbilixxi l-materjalità ta’ dawn il-fatti hija stess.

    115.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja inqas u inqas tista’ tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) tas-27 ta’ Frar 2018 għall-finijiet li tiġi stabbilita r-realtà tal-fatti allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs peress li dan tal-aħħar isostni li, fil-mument tal-imsemmija deċiżjoni u saħansitra sal-lum, huwa ma kellux aċċess għal provi li jippermettu li jiġġustifikaw l-ilmenti kontrih. Ir-Repubblika tal-Latvja ma kkonfutatx din l-allegazzjoni. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) kellha aċċess għal ċerti provi fil-proċess tal-investigazzjoni kriminali, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk hija evalwathomx matul proċedura kontradittorja adegwata sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża ta’ I. Rimšēvičs.

    116.

    Barra minn hekk, il-miżuri restrittivi imposti fuq I. Rimšēvičs kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme), fit-22 ta’ Awwissu 2018 ( 59 ). Din id-deċiżjoni ngħatat wara lment li permezz tiegħu I. Rimšēvičs kien ikkontesta l-mod kif l-awtoritajiet Latvjani kienu taw effett lid-digriet għal miżuri provviżorji tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Lulju 2018, BĊE vs Il-Latvja ( 60 ). Il-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme),laqgħet parzjalment dan l-ilment billi kkonstatat li minħabba kontradizzjonijiet fit-termini relatati mal-miżuri restrittivi imposti fuq I. Rimšēvičs, dawn tal-aħħar ma setgħux jiġu eżegwiti. Sussegwentement, l-awtoritajiet Latvjani adottaw deċiżjoni ġdida li temenda l-miżuri restrittivi inkwistjoni ( 61 ).

    117.

    Issa, mid-deċiżjoni tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme), tat-22 ta’ Awwissu 2018 jirriżulta li l-istħarriġ li wettqet din tal-aħħar ukoll kien limitat għall-possibbiltà ta’ implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi kontenzjużi. Għaldaqstant, minkejja li dik il-qorti rċeviet atti li joriġinaw mill-proċess tal-investigazzjoni kriminali, ma jidhirx li hija wettqet kwalunkwe stħarriġ tal-fondatezza tal-allegazzjonijiet fattwali tal-akkuża kontra I. Rimšēvičs.

    118.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja la tista’ tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) tas-27 ta’ Frar 2018 u lanqas fuq dik tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme),tat-22 ta’ Awwissu 2018 għall-finijiet li tiġi stabbilita l-materjalità tal-fatti allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs.

    2) Provi suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizza tiżgura ruħha dwar il-materjalità tal-fatti

    119.

    Kif isostni ġustament il-BĊE, sentenza fuq il-mertu mogħtija minn qorti indipendenti ma tistax madankollu tkun l-uniku mezz li jkollu Stat Membru għad-dispożizzjoni tiegħu, fil-kuntest ta’ proċedura abbażi tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, sabiex jipprova l-materjalità tal-fatti li, skontu, jiġġustifikaw it-tneħħija mill-funzjonijiet tal-gvernatur tal-bank ċentrali tiegħu.

    120.

    Għaldaqstant, billi jipprevedi l-possibbiltà li gvernatur ta’ bank ċentrali jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu f’każijiet strettament iddefiniti, l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE ma jipproteġix biss l-indipendenza tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali, iżda wkoll il-funzjonament tajjeb tas-SEBĊ u tal-BĊE. Fil-fatt, il-fatt li gvernatur ta’ bank ċentrali li jkun ħati li wettaq atti bħal dawk allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jkollu aċċess għall-informazzjoni fi ħdan il-bank ċentrali tiegħu, is-SEBĊ u l-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, jikkostitwixxi theddida gravi għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Issa, l-investigazzjoni u l-proċedura li jwasslu għall-għoti ta’ sentenza ta’ kundanna fuq il-mertu minn qorti jistgħu jieħdu żmien kunsiderevoli.

    121.

    Għaldaqstant, sabiex jiġi ppreżervat il-funzjonament tajjeb tas-SEBĊ u tal-BĊE, għandu jkun possibbli li gvernatur jiġi sospiż temporanjament mill-funzjonijiet tiegħu sakemm jintemmu proċeduri kriminali jekk ikunu jeżistu provi adegwati sabiex jipprovaw, fihom infushom u mhux biss permezz ta’ suppożizzjonijiet, l-eżistenza tal-fatti allegati. Tali provi għandhom ikunu suffiċjentement preċiżi u konkordanti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tifforma l-konvinzjoni soda li dawn il-fatti seħħew fir-realtà ( 62 ).

    122.

    Minn dan isegwi li f’ċirkustanzi eċċezzjonali bħal dawk allegati mir-Repubblika tal-Latvja f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonkludi li l-kundizzjonijiet għat-tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali jkunu ssodisfatti jekk l-Istat Membru jipproduċilha provi ta’ natura li jissostanzjaw l-allegazzjoni li dan il-gvernatur huwa ħati li wettaq atti li juru li huwa ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew li huwa ħati ta’ mġiba serjament ħażina fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    123.

    Issa, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Latvja baqgħet ma pproduċietx tali provi. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda prova għad-dispożizzjoni tagħha li tippermettilha tivverifika l-fondatezza tal-allegazzjonijiet fattwali mressqa mill-KNAB fir-rigward ta’ I. Rimšēvičs.

    124.

    Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Latvja, fl-ewwel lok, ma pproduċiet ebda prova insostenn tas-sottomissjonijiet bil-miktub inizjali tagħha fil-Kawżi C‑202/18 u C‑238/18 ( 63 ). Għalhekk, waqt is-seduta komuni fl-imsemmija kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja talbitha tipproduċi, f’terminu ta’ tmint ijiem, id-dokumenti kollha neċessarji sabiex tiġġustifika l-miżuri restrittivi imposti fuq I. Rimšēvičs ( 64 ). Meta fformulat din it-talba, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet speċifikament fuq l-importanza tal-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti li kellhom iservu ta’ motivazzjoni u ta’ prova tal-fondatezza tad-deċiżjoni inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk irrakkomandat lir-Repubblika tal-Latvja tagħżel b’reqqa kbira d-dokumenti li kellha tipproduċilha.

    125.

    Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Latvja bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja 44 dokument li jirrappreżentaw madwar 270 paġna, li jinkludu, minn naħa, sensiela ta’ dokumenti proċedurali relatati mar-rikonoxximent ta’ I. Rimšēvičs bħala persuna ssuspettata, mal-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi kontrih u mal-imputazzjoni tiegħu ( 65 ), u, min-naħa l-oħra, korrispondenza bejn il-KNAB, il-Bank tal-Latvja, il-BĊE u awtoritajiet Ġermaniżi dwar l-attivitajiet ta’ I. Rimšēvičs fi ħdan il-BĊE u deċiżjonijiet ta’ dan tal-aħħar dwar il-bank li għall-benefiċċju tiegħu allegatament aġixxa I. Rimšēvičs. Fost dawn id-dokumenti, ċerti dokumenti pjuttost voluminużi ġew prodotti f’żewġ kopji u f’verżjonijiet lingwistiċi differenti.

    126.

    Għalhekk, minbarra ż-żewġ deċiżjonijiet ġudizzjarji diġà analizzati ( 66 ) u sempliċi dokumenti amministrattivi, id-dokumenti mibgħuta mir-Repubblika tal-Latvja jikkonsistu esklużivament f’dokumenti mfassla minn awtoritajiet amministrattivi dwar ir-rwol u l-allegat aġir ta’ I. Rimšēvičs.

    127.

    Huwa minnu li dawn id-dokumenti jinkludu enumerazzjoni tal-kapijiet ta’ akkuża fformulati mill-awtoritajiet Latvjani u deskrizzjoni tal-fatti allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs. Barra minn hekk, dawn jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-iżvolġiment tal-avvenimenti u tal-proċeduri li seħħew fil-Latvja minn meta I. Rimšēvičs ġie arrestat fis-17 ta’ Frar 2018 kif ukoll il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet investigattivi Latvjani, il-Bank tal-Latvja u l-BĊE, b’livell ta’ dettall li jestendi sal-ittri ta’ trażmissjoni ta’ dokumenti bejn awtoritajiet, sa nota ta’ traduttur u sa diversi talbiet għal traduzzjoni.

    128.

    Madankollu, dawn id-dokumenti ma jinkludu ebda prova fattwali li tista’ tissostanzja l-allegazzjonijiet tal-awtoritajiet Latvjani u, konsegwentement, tistabbilixxi l-materjalità tal-fatti allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs.

    129.

    Skont id-deċiżjoni tal-KNAB tad-19 ta’ Frar 2018 dwar ir-rikonoxximent ta’ I. Rimšēvičs bħala persuna ssuspettata ( 67 ), il-provi li jissostanzjaw il-kapijiet ta’ akkuża fformulati jinkludu reġistrazzjonijiet awdjo u traskrizzjonijiet ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi, xhieda, provi jew dokumenti ssekwestrati u proċessi verbali ta’ spezzjoni. Għandu jiġi kkonstatat li ebda prova ta’ dan it-tip ma ntbagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    130.

    Kif josserva ġustament il-BĊE, id-dokumenti prodotti għalhekk bl-ebda mod ma jippermettu li jiġi konkluż, lanqas permezz ta’ preżunzjonijiet, li l-aġir allegat fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs, miġbur fil-qosor fil-punt 99 iktar ’il fuq, seħħ. Anki jekk jitqies li jeżistu mezzi ta’ prova li jistgħu jikkonfermaw ir-realtà ta’ dawn il-fatti, dawn il-provi ma jinsabux fost id-dokumenti mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-Repubblika tal-Latvja.

    131.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, saħansitra mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ provi jew il-modalitajiet tal-evalwazzjoni tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni għat-tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali humiex issodisfatti. Fl-assenza ta’ kwalunkwe prova, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tistħarreġ ir-realtà tal-allegazzjonijiet fattwali mressqa mir-Repubblika tal-Latvja sabiex tiġġustifika li I. Rimšēvičs huwa ħati ta’ mġiba serjament ħażina u għalhekk ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

    132.

    Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma oħra, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni timplika l-komunikazzjoni tal-motivi ta’ kull deċiżjoni sfavorevoli lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha b’mod sħiħ ( 68 ). Issa, l-effettività ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju timplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ deċiżjoni b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-veradiċità astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni jekk dawn il-motivi humiex issostanzjati ( 69 ).

    133.

    Għaldaqstant, f’dan il-każ, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja kellha tibgħatilha mhux biss dokumenti mfassla mill-awtoritajiet Latvjani għall-finijiet tal-investigazzjoni u tal-akkuża kontra I. Rimšēvičs, iżda provi li jikkonfermaw direttament li l-fatti allegati seħħew. Is-sempliċi eżistenza ta’ proċeduri kriminali pendenti li għadhom ma wasslux għal konstatazzjonijiet fattwali magħmula f’deċiżjoni ġudizzjarja ma jistgħux jiġu assimilati ma’ provi fattwali stabbiliti ( 70 ).

    134.

    Kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fir-rigward ta’ fatti stabbiliti b’sentenza fuq il-mertu mogħtija minn qorti indipendenti ( 71 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ma tistax taċċetta bħala stabbiliti fatti li s-seħħ tagħhom huwa allegat biss minn awtoritajiet amministrattivi. Tali awtoritajiet ma jibbenefikawx mill-istess garanziji ta’ indipendenza organika u funzjonali bħall-qrati u ma jiħdux id-deċiżjonijiet tagħhom fi tmiem proċedura kontradittorja flimkien mal-garanziji ta’ rimedju effettiv ( 72 ). L-aċċettazzjoni tal-fatti allegati minn awtorità amministrattiva bħala stabbiliti mingħajr it-twettiq ta’ stħarriġ dwar il-materjalità tagħhom għalhekk twassal sabiex il-partijiet fil-kawża kkonċernati jiċċaħħdu mid-dritt tagħhom għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u, f’dan il-każ, sabiex jixxejnu s-sustanza u l-effett utli tar-rimedju ġudizzjarju stabbilit mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    135.

    Minkejja li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja tipproduċi provi li jistgħu jikkonfermaw li l-KNAB tgawdi ċerta indipendenza fl-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħha, ma huwiex ikkontestat li l-KNAB jifforma parti mis-setgħa eżekuttiva u bl-ebda mod ma jista’ jiġi assimilat ma’ qorti indipendenti ( 73 ). Ma ġiex ipprovat u lanqas biss ma ġie allegat li dan ma huwiex il-każ ukoll tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja. Barra minn hekk, kif jenfasizza I. Rimšēvičs, dan l-uffiċċju sa issa għadu adotta biss deċiżjoni ta’ imputazzjoni iżda għadu ma għalaqx l-investigazzjoni u għadu ma bagħatx il-kawża quddiem qorti.

    136.

    Għalhekk għandu jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Latvja ma bagħtitx lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex jiġu ġġustifikati l-miżuri adottati kontra I. Rimšēvičs.

    137.

    Barra minn hekk, kif diġà ġie indikat, ir-Repubblika tal-Latvja ma tistax tinvoka l-kunfidenzjalità tal-atti tal-proċess tal-investigazzjoni kriminali sabiex tiġġustifika l-fatt li ma bagħtitx lill-Qorti tal-Ġustizzja provi li jistgħu jissostanzjaw l-allegazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ I. Rimšēvičs ( 74 ). Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat lir-Repubblika tal-Latvja li f’oqsma oħra, teżisti l-possibbiltà, eċċezzjonali u strettament limitata, li provi prodotti quddiem il-qorti tal-Unjoni ma jiġux ikkomunikati lill-persuna kkonċernata ( 75 ). Fl-istess sens, il-BĊE indika li huwa kien lest jirrinunzja għad-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-proċess jekk l-integrità tal-investigazzjoni kriminali kienet teżiġi trattament kunfidenzjali ta’ eventwali informazzjoni li r-Repubblika tal-Latvja tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, ir-Repubblika tal-Latvja ma tat ebda segwitu għal dan ir-riferiment għall-possibbiltà li jintalab trattament kunfidenzjali ta’ eventwali provi li jintbagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u inqas u inqas ma tat raġunijiet imperattivi li jistgħu jiġġustifikaw tali trattament kunfidenzjali.

    138.

    Fl-aħħar nett, huwa minnu li l-Artikolu 24 sa 30 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sensiela sħiħa ta’ miżuri istruttorji, li jinkludu, b’mod partikolari, minbarra t-talba għal informazzjoni u għall-produzzjoni ta’ dokumenti, id-dehra personali tal-partijiet, il-prova permezz ta’ xhieda jew l-aċċess. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun obbligata tirrikorri ex officio għal tali miżuri fl-assenza ta’ kwalunkwe produzzjoni ta’ prova jew saħansitra ta’ kwalunkwe indikazzjoni f’dan is-sens min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat. Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Latvja baqgħet ma ssuġġerietx lill-Qorti tal-Ġustizzja l-utilità ta’ kwalunkwe miżura istruttorja.

    139.

    Barra minn hekk, konformement ma’ dak li ntqal iktar ’il fuq dwar in-natura ta’ dan ir-rikors u l-fatt li l-konvenut huwa l-Istat Membru inkwistjoni kollu kemm hu ( 76 ), il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tista’ tindirizza ruħha direttament lil entitajiet fi ħdan dan l-Istat Membru bħalma huwa, pereżempju, f’dan il-każ, il-KNAB, sabiex titlobhom informazzjoni direttament. Għalhekk, tal-inqas fil-kuntest tal-proċedura abbażi tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, entitajiet infrastatali ma jistgħux jiġu assimilati mal-istituzzjonijiet, mal-korpi jew mal-organi li mingħandhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ titlob l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġa skont l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    d)   Konklużjoni intermedja

    140.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatti allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs, kieku kellu jiġi stabbilit li huma minnhom, jistgħu jipprovaw li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE għat-tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali huma ssodisfatti.

    141.

    Madankollu, ir-Repubblika tal-Latvja ma pproduċiet ebda prova ta’ natura li tikkonferma l-materjalità ta’ dawn il-fatti. Għaldaqstant, huwa impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE sabiex I. Rimšēvičs jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu humiex issodisfatti.

    142.

    Minn dan isegwi li r-Repubblika tal-Latvja kisret l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE billi neħħiet lil I. Rimšēvičs mill-funzjonijiet tiegħu mingħajr ma pprovat li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjoni kienu ssodisfatti. Għalhekk il-motiv ta’ I. Rimšēvičs u tal-BĊE bbażat fuq ksur tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE mir-Repubblika tal-Latvja għandu jintlaqa’.

    2.   Fuq l-allegat ksur tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea

    143.

    I. Rimšēvičs isostni li t-tneħħija tiegħu mill-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank tal-Latvja tikkostitwixxi ksur tal-immunità li huwa jgawdi bħala Membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE abbażi tal-Protokoll Nru 7 fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tiegħu, japplika wkoll għall-BĊE kif ukoll għall-membri tal-korpi tiegħu u għall-persunal tiegħu.

    144.

    Skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7 fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni għandu jkollhom, fit-territorju ta’ kull Stat Membru, immunità minn proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti mwettqa minnhom, fil-kwalità uffiċjali tagħhom, inkluż kliem li jkunu qalu jew kitbu. Minkejja li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għal “immunità minn proċedimenti legali” (“immunité de juridiction”) ( 77 ), ma jistax jiġi eskluż li din l-immunità, tal-inqas f’każijiet li jinvolvu uffiċjali għolja, tiġi interpretata fis-sens li tagħti wkoll immunità minn proċeduri legali (“immunité de poursuites”) lil dawn tal-aħħar ( 78 ). Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza tal-indipendenza tal-membri tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE ( 79 ), jidher loġiku li huma ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ proċeduri legali li jinvolvu miżuri bħal dawk adottati mill-KNAB kontra I. Rimšēvičs, jiġifieri t-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja jew spezzjonijiet ( 80 ), mingħajr l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ immunità mill-Kunsill Regolatorju.

    145.

    Għandha ssir distinzjoni bejn l-immunità mogħtija lill-membri tal-Kunsill Regolatorju mill-Protokoll Nru 7 fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-protezzjoni kontra t-tneħħija mill-funzjonijiet li jibbenefikaw minnha l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali abbażi tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Għaldaqstant, meta gvernatur jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu, l-indipendenza tiegħu hija ggarantita mill-Artikolu 14.2 tal-imsemmi statut, li jieħu preċedenza bħala lex specialis fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Protokoll Nru 7 fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea. Jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE – ħaġa li, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika – gvernatur jista’ għalhekk jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi adottata wkoll deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità tiegħu. Konsegwentement, ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 7 fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ma jistax, bħala tali, jiġi invokat kontra deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    146.

    Madankollu, l-immunità mogħtija mill-Protokoll Nru 7 fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea tipproteġihom kontra proċeduri legali mibdija indipendentement minn deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet, qabel l-adozzjoni tagħha ( 81 ) jew fil-każ li tali deċiżjoni tiġi rtirata wara li tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, tali immunità tista’ tirriżulta li tkun rilevanti fil-kuntest ta’ rikors li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur fil-każ li l-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat insostenn ta’ din id-deċiżjoni kienu nkisbu bi ksur ta’ din l-immunità.

    147.

    F’dan il-każ, tabilħaqq ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ provi eventwalment miksuba bi ksur tal-immunità ta’ I. Rimšēvičs qabel ma tneħħa mill-funzjonijiet peress li, fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Latvja ma pproduċiet ebda prova, b’mod li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ilment ta’ I. Rimšēvičs ibbażat fuq ksur tal-Protokoll Nru 7 fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

    148.

    Min-naħa l-oħra, l-immunità mogħtija lil I. Rimšēvičs tista’ terġa’ ssir rilevanti fil-każ li huwa jiġi stabbilit mill-ġdid fil-funzjonijiet tiegħu wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li l-kundizzjonijiet sabiex huwa jitneħħa minn dawn il-funzjonijiet ma kinux issodisfatti.

    149.

    F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-BĊE jsostni li l-immunità mogħtija lil I. Rimšēvičs mill-Protokoll Nru 7 fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea tirrigwarda biss l-atti mwettqa fil-kwalità tiegħu ta’ Membru tal-Kunsill tal-BĊE, filwaqt li l-atti allegati fil-konfront tiegħu mill-awtoritajiet Latvjani twettqu minn I. Rimšēvičs unikament fil-kwalità tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank tal-Latvja. Għaldaqstant, b’mod partikolari, il-bank li għall-benefiċċju tiegħu allegatament aġixxa I. Rimšēvičs, Trasta Komercbanka, kien suġġett għas-sorveljanza prudenzjali diretta tal-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital Latvjana. Għaldaqstant, dan il-bank ma kien is-suġġett ta’ ebda deċiżjoni prudenzjali min-naħa tal-BĊE, b’eċċezzjoni tad-deċiżjoni dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tiegħu adottata fl-2016. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma ġietx ippreparata mill-Kunsill Regolatorju u ġiet adottata minn dan tal-aħħar biss fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni, li ma teħtieġx kunsens espress min-naħa tal-membri tiegħu ( 82 ).

    150.

    Madankollu, skont ir-Regolament Nru 1024/2013 u minkejja l-oġġezzjoni tal-BĊE rriprodotta fil-punt preċedenti, il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE tal-inqas huwa assoċjat mas-sorveljanza prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu bħal Trasta Komercbanka u huwa responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatti allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs mill-KNAB ( 83 ), ma jistax jiġi eskluż mill-bidu nett li l-investigazzjoni tal-KNAB u issa l-investigazzjoni tal-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja jirrigwardaw ukoll atti mwettqa minn I. Rimšēvičs fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala Membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE.

    3.   Fuq l-allegat ksur tad-dritt Latvjan

    151.

    I. Rimšēvičs isostni li, billi impona fuqu l-miżuri restrittivi kontenzjużi permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2018, il-KNAB kiser il-Liġi dwar il-Bank tal-Latvja u l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Latvjan.

    152.

    Minn naħa, il-KNAB kiser il-Liġi dwar il-Bank tal-Latvja, adottata sabiex tittrasponi d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TFUE, peress li din tal-aħħar tippermetti t-tneħħija mill-funzjonijiet tal-Gvernatur tal-Bank tal-Latvja biss f’ċerti każijiet iddefiniti sewwa u unikament permezz ta’ deċiżjoni adottata mill-Parlament tar-Repubblika tal-Latvja.

    153.

    Min-naħa l-oħra, il-KNAB kiser il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Latvjan peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi, jiġifieri r-riskju li persuna tostakola l-investigazzjoni jew twettaq reati oħra, ma ġewx issodisfatti f’dak li jirrigwarda lil I. Rimšēvičs. Għaldaqstant, I. Rimšēvičs mill-bidu nett ikkoopera attivament mal-investigaturi. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu bħala Gvernatur tal-Bank tal-Latvja, I. Rimšēvičs fi kwalunkwe każ ma kellux is-setgħat neċessarji sabiex, kif inhu allegat fil-konfront tiegħu, jeżerċita influwenza għall-benefiċċju ta’ bank partikolari. Fl-aħħar nett, l-arrest ta’ I. Rimšēvičs kien illegali peress li lanqas il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali sabiex ikun jista’ jitwettaq tali arrest ma ġew issodisfatti.

    154.

    Qabelxejn, għandu jiġi osservat, għall-kompletezza, li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita biss b’miżuri restrittivi imposti mill-KNAB fuq I. Rimšēvičs permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2018, li ma jinkludux l-arrest ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba teżamina r-regolarità tal-arrest ta’ I. Rimšēvičs ( 84 ).

    155.

    Barra minn hekk, l-ilmenti bbażati fuq ksur tad-dritt Latvjan għandhom jiġu miċħuda mingħajr ma huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-fondatezza tagħhom.

    156.

    Fil-fatt, l-ammissibbiltà tat-tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, li għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom ( 85 ).

    157.

    Għaldaqstant, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti – ħaġa li, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika – gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jista’ jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu indipendentement minn eventwali kundizzjonijiet li barra minn hekk ikunu stabbiliti mid-dritt nazzjonali għal tali tneħħija. Għall-kuntrarju, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti, gvernatur ta’ bank ċentrali ma jistax jitneħħa, minkejja li kundizzjonijiet previsti jew proċeduri stabbiliti mid-dritt nazzjonali għal dan il-għan ikunu ġew osservati.

    158.

    Għalhekk il-punt jekk gvernatur ta’ bank ċentrali jitneħħiex mill-funzjonijiet tiegħu permezz tal-proċedura “uffiċjali” prevista għal dan il-għan mid-dritt nazzjonali kkonċernat jew permezz ta’ miżura oħra huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ tali tneħħija mill-funzjonijiet fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Kif diġà ġie indikat ( 86 ), dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-kunċett ta’ tneħħija mill-funzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li huwa marbut mhux mal-forma ta’ miżura jew mal-istatus tagħha fid-dritt nazzjonali, iżda mas-sustanza u mal-effetti konkreti tagħha.

    159.

    Barra minn hekk, kif diġà ġie spjegat ukoll ( 87 ), jekk ikunu jeżistu provi suffiċjenti sabiex jipprovaw li l-kundizzjonijiet materjali stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE għat-tneħħija mill-funzjonijiet ta’ gvernatur huma ssodisfatti, għandu jkun possibbli li tali gvernatur jiġi sospiż temporanjament mill-funzjonijiet tiegħu sakemm jintemmu proċeduri kriminali jew sakemm tiġi implimentata l-proċedura “uffiċjali” ta’ tneħħija mill-funzjonijiet prevista fid-dritt nazzjonali.

    160.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ta’ I. Rimšēvičs ibbażat fuq ksur tal-Liġi dwar il-Bank tal-Latvja u tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Latvjan huwa ineffettiv u konsegwentement għandu jiġi miċħud.

    D. Konklużjoni intermedja

    161.

    Kif diġà ġie indikat ( 88 ), mill-eżami ta’ dawn il-kawżi jirriżulta li r-Repubblika tal-Latvja ma pproduċiet ebda prova ta’ natura li tikkonferma r-realtà tal-fatti allegati fil-konfront ta’ I. Rimšēvičs. Għalhekk huwa impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE sabiex I. Rimšēvičs jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank tal-Latvja humiex issodisfatti.

    162.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement ma’ dak li ġie osservat iktar ’il fuq dwar in-natura ta’ dawn ir-rikorsi ( 89 ), għandu jiġi kkonstatat li billi neħħiet lil I. Rimšēvičs mill-funzjonijiet tiegħu mingħajr ma pprovat li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE kienu ssodisfatti, ir-Repubblika tal-Latvja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-dispożizzjoni.

    VI. Spejjeż

    163.

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    164.

    Mill-motivi esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-Repubblika tal-Latvja hija l-parti li tilfet f’dawn il-kawżi.

    165.

    Barra minn hekk, fil-Kawża C‑238/18, il-BĊE talab li r-Repubblika tal-Latvja tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Latvja għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll l-ispejjeż tal-BĊE fil-Kawża C‑238/18. Dan japplika wkoll għall-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-proċedura għal miżuri provviżorji li wasslet għad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Lulju 2018 (C‑238/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:581), li fih l-ispejjeż ġew irriżervati.

    166.

    Min-naħa l-oħra, fil-Kawża C‑202/18, I. Rimšēvičs ma talabx li r-Repubblika tal-Latvja tiġi kkundannata għall-ispejjeż, bl-istess mod kif ir-Repubblika tal-Latvja ma talbitx li I. Rimšēvičs jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ talbiet dwar l-ispejjeż, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fil-Kawża C‑202/18 ( 90 ).

    VII. Konklużjoni

    167.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej fil-Kawża C‑202/18:

    1.

    Billi pprojbixxiet lil Ilmārs Rimšēvičs milli jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Gvernatur ta’ Latvijas Banka (il-Bank tal-Latvja) permezz tad-deċiżjoni tal-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja) tad-19 ta’ Frar 2018, ir-Repubblika tal-Latvja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14.2 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

    2.

    I. Rimšēvičs u r-Repubblika tal-Latvja għandhom ibatu, kull wieħed u waħda minnhom, l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    168.

    Barra minn hekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej fil-Kawża C‑238/18:

    1.

    Billi pprojbixxiet lil I. Rimšēvičs milli jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Gvernatur ta’ Latvijas Banka (il-Bank tal-Latvja) permezz tad-deċiżjoni tal-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja) tad-19 ta’ Frar 2018, ir-Repubblika tal-Latvja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14.2 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

    2.

    Ir-Repubblika tal-Latvja għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll l-ispejjeż tal-Bank Ċentrali Ewropew, inklużi dawk tal-proċedura għal miżuri provviżorji.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali huma aditi b’diversi kawżi dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ Trasta Komercbanka mill-BĊE fit-3 ta’ Marzu 2016; ara l-Kawżi T‑247/16, Fursin et vs BĊE, u T‑698/16, Trasta Komercbanka et vs BĊE, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T‑247/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:623), u l-appelli mill-imsemmi digriet fil-Kawżi C‑663/17 P, BĊE vs Trasta Komercbanka et, C‑665/17 P, Il‑Kummissjoni vs Trasta Komercbanka et u BĊE, u C‑669/17 P, Trasta Komercbanka et vs BĊE, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 3 ) Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), anness għat-TUE u għat-TFUE (ĠU 2016, C 202, p. 230).

    ( 4 ) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 12.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    ( 5 ) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 26(8) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

    ( 6 ) Ara b’mod partikolari l-Artikoli 119(2) u (3), 127(1), 219(1) u (2) u 282(2) TFUE.

    ( 7 ) Fi kliem l-Avukat Ġenerali Jacobs, l-indipendenza tal-BĊE għalhekk ma hijiex għan aħħari fih innifsu, iżda hija intiża li tippermetti lill-BĊE jfittex li jilħaq l-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet b’mod effettiv; ara l-konklużjonijiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2002:556, punt 150). Dwar ir-rabta bejn l-indipendenza tal-BĊE u l-għan ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, ara wkoll l-Abbozz tat-Trattat li jemenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea sabiex tiġi stabbilita unjoni ekonomika u monetarja, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Awwissu 1990, Il-Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej, Anness 2/91, speċjalment paġni 14, 20 u 58.

    ( 8 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 9 ) C‑202/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:489.

    ( 10 ) C‑238/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:488.

    ( 11 ) C‑238/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:581.

    ( 12 ) Skont l-Artikolu 35.5 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, bħala regola ġenerali, deċiżjoni tal-BĊE sabiex titressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tittieħed mill-Kunsill Regolatorju. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14.2 tal-imsemmi statut jistipula li r-rikors previst f’din id-dispożizzjoni jista’ jiġi ppreżentat mill-gvernatur ikkonċernat jew mill-Kunsill Regolatorju. Madankollu, għandu jitqies li l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jirrifletti biss il-kompetenza interna tal-Kunsill Regolatorju fi ħdan il-BĊE sabiex jiddeċiedi dwar il-preżentata ta’ rikors u ma huwiex intiż li jagħti d-dritt li jiġi ppreżentat rikors lill-Kunsill Regolatorju minflok lill-BĊE kollu kemm hu. Għaldaqstant, il-BĊE aġixxa b’mod korrett f’dan il-każ meta ppreżenta r-rikors fil-Kawża C-238/18 filwaqt li indika li huwa l-Kunsill Regolatorju li ħa d-deċiżjoni li titressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 13 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-5 ta’ Ottubru 1983, Chatzidakis Nevas vs Fond tal-ġuristi f’Ateni (142/83, EU:C:1983:267, punti 34), u s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 12).

    ( 14 ) Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Jannar 1995, Bilanzbuchhalter vs Il‑Kummissjoni (T‑84/94, EU:T:1995:9, punt 26). Dwar is-setgħa speċifika tal-BĊE li jressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kkonstatat li Bank Ċentrali nazzjonali naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 271(d) TFUE, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 15 ) Ara, ex multis, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 61), tal-14 ta’ Jannar 2016, Vodafone (C‑395/14, EU:C:2016:9, punt 40) u tal-25 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑314/16, EU:C:2018:42, punt 47).

    ( 16 ) Ara l-opinjoni tiegħi fil-kawża Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:675, punti 127 sa 131), is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C-370/12, EU:C:2012:756, punt 135), il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:21, punt 32), u s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 5970).

    ( 17 ) Ara, bil-Franċiż, “[u]n recours contre la décision prise à cet effet peut être introduit” (Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE) vs “[t]oute personne […] peut former[…] un recours contre les actes […]” (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE); bl-Olandiż, “[t]egen een besluit daartoe kan de betrokken president of de Raad van bestuur beroep instellen” (Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE) vs “[i]edere natuurlijke of rechtspersoon kan […] beroep instellen tegen handelingen […]” (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE); bil-Ġermaniż, “[g]egen einen entsprechenden Beschluss kann der betreffende Präsident einer nationalen Zentralbank oder der EZB-Rat […] den Gerichtshof anrufen” (Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE) vs “[j]ede […] Person kann […] gegen […] Handlungen […] Klage erheben” (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE); bil-Latvjan, “var apstrīdēt šo lēmumu” (Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE) vs “jebkura […] persona […] var celt prasību par tiesību aktu” (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE).

    ( 18 ) Ara l-proposta tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tas-27 ta’ Novembru 1990, ippubblikata f’Agence Europe, Europe/Documents, Nru 1669/1670, 8 ta’ Diċembru 1990, p. 1, 6 tad-dokument PDF (https://www.ecb.europa.eu/ecb/access_to_documents/document/cog_pubaccess/shared/data/ecb.dr.parcg2007_0005draftstatute.en.pdf?c34e41042567a5832ffd2adb7e5baa48), u l-proposta tagħhom tas-26 ta’ April 1991 (CONF‑UEM 1613/91), p. 1, 12 tad-dokument PDF (https://www.ecb.europa.eu/ecb/access_to_documents/document/cog_pubaccess/shared/data/ecb.dr.parcg2007_0010draftstatute.en.pdf?77031b02df114d03b2da29d4d1ccf33d).

    ( 19 ) Filwaqt li l-verżjoni Ingliża tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tistipula li “[a]ny natural or legal person may[…] institute proceedings against an act […]”.

    ( 20 ) Ara l-proposta tal-Presidenza tal-Konferenza Intergovernattiva dwar l-Unjoni ekonomika u monetarja tat-28 ta’ Ottubru 1991 (SN 3738/91 (UEM 82)), p. 47 tad-dokument PDF (http://ec.europa.eu/dorie/fileDownload.do;jsessionid=Xy2HP92HJVCBrNG02Sws0jJ2QqCrpL968JlDwYGhB2GL1BTJ2Q1V!233738690?docId=409907&cardId=409907).

    ( 21 ) Ara, minbarra l-verżjonijiet Ingliżi (punt 46 u nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-verżjonijiet Spanjoli: “[e]l gobernador afectado o el Consejo de Gobierno podrán recurrir las decisiones al respecto ante el Tribunal de Justicia” (Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE) vs “[t]oda persona […] podrá interponer recurso[…] contra los actos” (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE); il-verżjonijiet Taljani: “[u]na decisione in questo senso può essere portata dinanzi alla Corte di giustizia” (Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE) vs “[q]ualsiasi persona […] può proporre[…] un ricorso contro gli atti” (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE); il-verżjonijiet Portugiżi: “[o] governador em causa ou o Conselho do BCE podem interpor recurso da decisão de demissão para o Tribunal de Justiça” (Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE) vs “[q]ualquer pessoa […] pode interpor[…] recursos contra os atos […]” (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE); jew il-verżjonijiet Daniżi: “[e]n afgørelse om afskedigelse kan af den pågældende centralbankchef eller af Styrelsesrådet indbringes for Domstolen” (Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE) vs “[e]nhver […] person kan […] indbringe klage med henblik på prøvelse af retsakter […]” (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE).

    ( 22 ) Ara Van den Berg, C. C. A., The Making of the Statute of the European System of Central Banks, Amsterdam, 2005, p. 137 et seq. (rakkont fuq id-diskussjonijiet dwar l-Artikoli 14.1 u 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, assenza totali ta’ riferiment għal diskussjonijiet dwar in-natura tar-rikors tal-Artikolu 14.2) u p. 495 sa 497 (f’dawn il-paġni l-awtur jelenka d-dokumenti kollha kkonsultati u jispjega li huwa pparteċipa personalment fil-parti l-kbira tad-diskussjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma (p. 496)); barra minn hekk, l-edizzjonijiet tal-pubblikazzjoni tal-Agence Europe, Bulletin quotidien Europe, tax-xhur ta’ Novembru u Diċembru 1991, li jinkludu, inter alia, informazzjoni dwar id-diskussjonijiet dwar l-Unjoni ekonomika u monetarja fuq livell ministerjali, lanqas ma jinkludu kwalunkwe ħjiel ta’ diskussjoni dwar ir-rikors previst fl-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    ( 23 ) Mid-dati u mid-dokumenti msemmija fil-punti 46 u 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li dawn l-elementi ddaħħlu fil-ftit ġimgħat bejn il-Konferenza Intergovernattiva dwar l-Unjoni ekonomika u monetarja tat-30 ta’ Ottubru 1991 u l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Maastricht matul il-konferenza tal-Kunsill Ewropew fid-9 sal-11 ta’ Diċembru 1991.

    ( 24 ) Ara, b’mod partikolari, għall-Kummissjoni, l-Artikolu 247 TFUE (il-membri jistgħu jiġu ddikjarati rtirati mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni); għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-membri jistgħu jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom fuq ġudizzju unanimu tal-Imħallfin u tal-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja); għall-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, l-Artikolu 11.4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE (il-membri jistgħu jiġu mġiegħla jirtiraw mill-Qorti tal-Ġustizzja wara rikors tal-Kunsill Regolatorju jew tal-Bord Eżekuttiv); għall-Qorti tal-Awdituri, l-Artikolu 286(6) TFUE (il-membri jistgħu jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba tal-Qorti tal-Awdituri); għall-Ombudsman Ewropew, l-Artikolu 228(2) TFUE (huwa jista’ jitneħħa mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba tal-Parlament Ewropew).

    ( 25 ) Kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti), li jinħatru skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE u li għalhekk huwa korp li l-membri tiegħu jaqgħu fl-isfera tal-Unjoni, il-BĊE għalhekk ma jistax jitlob direttament it-tneħħija mill-funzjonijiet tal-gvernaturi tal-banek ċentrali membri tal-Kunsill tal-BĊE. Jekk il-BĊE jqis li l-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali għandu jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu, huwa possibbli li dan jirrikorri għall-Artikolu 271(d) TFUE, li jippermettilu jadixxi l-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra bank ċentrali nazzjonali jekk huwa jqis li dan tal-aħħar naqas milli jwettaq xi wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati.

    ( 26 ) Ara f’dan ir-rigward il-punti 151 sa 160 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 27 ) Ara l-punt 5ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 28 ) Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 29 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 30 ) Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 31 ) Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 32 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punti 151 sa 160 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 33 ) Ara, minbarra l-verżjoni Franċiża (“[u]n gouverneur ne peut être relevé de ses fonctions”) u l-verżjoni Latvjana (“Tikai tad, ja vadītājs vairs neatbilst nosacījumiem, kas vajadzīgi pienākumu veikšanai, vai ir izdarījis smagu pārkāpumu, viņu var atbrīvot no amata”), pereżempju, il-verżjoni Ingliża (“[a] Governor may be relieved from office only”); il-verżjoni Spanjola (“[u]n gobernador sólo podrá ser relevado de su mandato”); il-verżjoni Taljana (“[u]n governatore può essere sollevato dall’incarico solo”); il-verżjoni Ġermaniża (“[d]er Präsident einer nationalen Zentralbank kann aus seinem Amt nur entlassen werden”); il-verżjoni Olandiżae (“[e]n president kan slechts van zijn ambt worden ontheven”); il-verżjoni Daniża (“[e]n centralbankchef kan kun afskediges”); il-verżjoni Portugiża (“[u]m governador só pode ser demitido das suas funções”); jew il-verżjoni Rumena (“[u]n guvernator poate fi eliberat din funcție numai”) tal-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    ( 34 ) Ara, għall-membri tal-Kummissjoni, l-Artikoli 246 u 247 TFUE; għall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, l-Artikolu 11.4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE; għall-Ombudsman Ewropew, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 228(2) TFUE; u għall-membri tal-Qorti tal-Awdituri, l-Artikolu 286(5) TFUE (min-naħa l-oħra, l-Artikolu 286(6) TFUE jirreferi għat-tneħħija mill-funzjonijiet, bħalma jagħmel l-Artikolu 6 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda l-membri ta’ din l-istituzzjoni tal-aħħar).

    ( 35 ) Digriet għal miżuri provviżorji tal-20 ta’ Lulju 2018, BĊE vs Il-Latvja (C‑238/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:581, punt 29).

    ( 36 ) Dwar l-aspett partikolari tal-immunità mogħtija lill-membri tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE mill-Protokoll (Nru 7) tat-TFUE fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE (ĠU 2016, C 202, p. 266), ara l-punti 143 sa 150 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 37 ) Ara l-punti 119 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 38 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 39 ) Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 40 ) Artikolu 130 TFUE u Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

    ( 41 ) C‑432/04, EU:C:2006:140, punt 70.

    ( 42 ) Ara l-punt 56 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punti 120121).

    ( 44 ) Ara l-punti 37 u 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 45 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 46 ) Għal riflessjoni simili dwar l-istandards ta’ kondotta tajba li għandhom jiġu osservati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Kummissarji, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:140, punt 78).

    ( 47 ) Ara l-punti 5 u 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 48 ) Ara b’mod partikolari, għall-membri tal-Kummissjoni, l-Artikoli 17(3) TUE u 245 TFUE kif ukoll, għall-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 19(2) TUE u 253 u 254 TFUE.

    ( 49 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 70).

    ( 50 ) Ara b’mod partikolari, għall-Ombudsman Ewropew, l-Artikolu 228(2) TFUE; għall-membri tal-Kummissjoni, l-Artikolu 247 TFUE; għall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, l-Artikolu 11.4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE; għall-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni, l-Artikolu 86(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikoli 9 u 10 tal-Anness IX tagħhom, u l-Artikolu 49 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

    ( 51 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 79).

    ( 52 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 35 sa 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 53 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 54 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 55 ) Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 56 ) Traduzzjoni libera.

    ( 57 ) Traduzzjoni libera.

    ( 58 ) Ara ftit iktar ’il quddiem il-punti 125 sa 130 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 59 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjoniijiet.

    ( 60 ) C‑238/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:581; ara l-punti 21 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 61 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 62 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni (T‑655/11, EU:T:2015:383, punti 175176, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 63 ) L-uniċi provi prodotti mir-Repubblika tal-Latvja flimkien mar-risposta fil-Kawża C‑238/18 huma Abbozz ta’ Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Bank tal-Latvja, opinjoni tal-BĊE tat-2 ta’ Ottubru 2012 dwar ix-xogħol preparatorju u l-emendi leġiżlattivi neċessarji għall-introduzzjoni tal-euro, u ittra tal-Bank tal-Latvja tat-13 ta’ April 2018 dwar l-informazzjoni neċessarja fil-kuntest tal-Kawża C‑238/18.

    ( 64 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 65 ) Jiġifieri deċiżjonijiet u sottomissjonijiet bil-miktub tal-KNAB u tal-Prosekutur, ilmenti u sottomissjonijiet bil-miktub tal-avukat ta’ I. Rimšēvičs, id-deċiżjonijiet tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) tas-27 ta’ Frar 2018 u lanqas fuq dik tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme) tat-22 ta’ Awwissu 2018 (ara l-punti 110 sa 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet), u dokumenti relatati mad-digriet għal miżuri provviżorji tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Lulju 2018 u mal-eżekuzzjoni tiegħu fil-Latvja (ara l-punti 21 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 66 ) Id-deċiżjonijiet tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga) tas-27 ta’ Frar 2018 u lanqas fuq dik tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme) tat-22 ta’ Awwissu 2018 (ara l-punti 110 sa 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 67 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 68 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, EU:C:1986:206, punt 21), u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 336337, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 69 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (Kawżi magħquda C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119).

    ( 70 ) Ara, mutatis mutandis, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Ottubru 2009, Y vs Il‑Kummissjoni (F‑29/08, EU:F:2009:136, punti 7475).

    ( 71 ) Ara l-punt 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 72 ) Dwar dawn il-kundizzjonijiet, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 38, 42, 4445, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 73 ) Ara d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-KNAB iċċitati fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 74 ) Ara l-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 75 ) F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (Kawżi magħquda C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 125 sa 129), kif ukoll l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, L 105, p. 1), kif emendat fit-13 ta’ Lulju 2016 (ĠU 2016, L 217, p. 72).

    ( 76 ) Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 77 ) B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll jirreferi, fir-rigward tal-membri tal-Parlament Ewropew, għal “immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali”. L-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-membri tal-Parlament Ewropew immunità materjali jew eżenzjoni mir-responsabbiltà għall-opinjonijiet espressi u għall-voti mogħtija fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, filwaqt l-Artikolu 9 tal-imsemmi protokoll jiggarantixxi lilhom immunità proċedurali jew invjolabbiltà kontra l-proċeduri legali; dwar din id-distinzjoni, ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 24), u tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 18), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi magħquda Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:369, punt 13), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:379, punt 3).

    ( 78 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2018, RQ vs Il‑Kummissjoni (T‑29/17, EU:T:2018:717, punti 5 sa 12); dwar l-istess kuntest, ara wkoll id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Lulju 2016, Direttur Ġenerali tal-OLAF vs Il‑Kummissjoni (T‑251/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2016:424, punti 10 sa 16), kif ukoll, f’kuntest ieħor, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il‑Kummissjoni (F‑124/05 u F‑96/06, EU:F:2010:2, punt 60).

    ( 79 ) Ara l-punti 5, 76 u 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 80 ) Ara l-punti 16, 17 u 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 81 ) Għalhekk ma huwiex eskluż li l-KNAB kellu, qabel ma beda l-investigazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ I. Rimšēvičs fil-15 ta’ Frar 2018, qabel ma wettaq spezzjonijiet jew tal-inqas qabel ma arresta lil I. Rimšēvičs fis-17 ta’ Frar 2018 (ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jitlob lill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE jneħħilu l-immunità.

    ( 82 ) Skont l-Artikolu 26(8) tar-Regolament Nru 1024/2013 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 83 ) Ara l-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 84 ) I. Rimšēvičs jindika, mingħajr ma jagħti iktar informazzjoni, li l-arrest tiegħu kien is-suġġett ta’ rikors fuq livell nazzjonali li ġie miċħud għal raġunijiet proċedurali, u li huwa qiegħed jipprepara rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minħabba li ċċaħħad mil-libertà b’mod mhux iġġustifikat.

    ( 85 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 1982, Pabst & Richarz (17/81, EU:C:1982:129, punt 18), tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 40), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus (C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 66).

    ( 86 ) Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 87 ) Ara l-punti 119 sa 122 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 88 ) Ara l-punti 140 sa 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 89 ) Ara l-punti 52 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 90 ) Parti tista’ effettivament tiġi kkundannata għall-ispejjeż biss jekk dawn ikunu ntalbu espressament (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il‑Kummissjoni, C‑30/91 P, EU:C:1992:252, punt 38, u tad-29 ta’ April 2004, Il‑Parlament vs Ripa di Meana et, C‑470/00 P, EU:C:2004:241, punt 86). Għaldaqstant, fil-każ ta’ nuqqas ta’ talbiet dwar l-ispejjeż, il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fl-assenza ta’ rinunzja għall-atti, tapplika b’analoġija l-Artikolu 141(4) (“Spejjeż fil-każ ta’ rinunzja għall-atti”) tar-Regoli tal-Proċedura, li skontu “[f]in-nuqqas ta’ talba dwar l-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha” (ara, f’dak li jirrigwarda t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 69(5) tar-Regoli tal-Proċedura tad‑19 ta’ Ġunju 1991, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Scott vs Il‑Kummissjoni (C‑276/03 P, EU:C:2005:590, punt 39); ara wkoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2015, Comité d’entreprise SNCM vs Il‑Kummissjoni (C‑410/15 P(I), EU:C:2015:669, punt 22)).

    Top