EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0471

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-6 ta’ Settembru 2018.
Kreyenhop & Kluge GmbH & Co. KG vs Hauptzollamt Hannover.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali u tariffa doganali komuni – Nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Instant noodles moqlija – Subintestatura tariffarja 1902 30 10.
Kawża C-471/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:681

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)

6 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali u tariffa doganali komuni – Nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Instant noodles moqlija – Subintestatura tariffarja 19023010”

Fil-Kawża C‑471/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-7 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Kreyenhop & Kluge GmbH & Co. KG

vs

Hauptzollamt Hannover

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),

komposta minn E. Levits, President tal-Awla, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Kreyenhop & Kluge GmbH & Co. KG, minn L. Harings u H. Henninger, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 19023010 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad-9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Kreyenhop & Kluge GmbH & Co. KG u l-Hauptzollamt Hannover (l-Uffiċċju Dognali Prinċipali ta’ Hannover, il-Ġermanja) rigward il-klassifikazzjoni tariffarja tal-instant noodles moqlija fi ħdan in-NM.

Il-kuntest ġuridiku

In-NM

3

In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, imfassla mill-Kunsill ta’ Dwana għal Kooperazzjoni, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-ewwel parti tat-Taqsima IA tagħha, jiddisponu b’mod partikolari:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

5

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi Taqsima I, intitolata “Annimali ħajjin; Prodotti minn annimali”, fejn fin-Nota 2 tagħha tipprovdi:

“Ħlief fejn il-kuntest jitlob mod ieħor, tul in-nomenklatura kwalunkwe referenza għal prodotti “mnixxfin” tkopri ukoll prodotti li kienu ddeidrati, evaporati jew iffriżati u mnixxfin (freeze-dried).”

6

Din it-tieni parti tan-NM tinkludi wkoll Taqsima IV, li fiha hemm, b’mod partikolari, il-Kapitolu 19, intitolat “Preparazzjonijiet ta’ ċereali, dqiq, lamtu jew ħalib; prodotti ta’ koki tal-għaġina”.

7

Il-Kapitolu 19 tan-NM jinkludi l-intestatura 1902, li hija fformulata kif ġej:

“Għaġin, imsajjar jew le jew mimli (bil-laħam jew sustanzi oħrajn) jew preparat mod ieħor, bħal spagetti, imqarrun, taljarini (noodles), lasanji, injokki, ravjul, kannelloni; kuskus, ippreparat jew le.”

8

L-intestatura 1902 ta’ dan il-Kapitolu 19 tinkludi fir-rigward tagħha s-subintestatura li ġejja:

 

“– Għaġin mhux imsajjar, mhux mimli jew ippreparat mod ieħor

1902 11 00

– – Li fih il-bajd

1902 19

– – Oħrajn |

[…]

[…]

1902 20

– Għaġin mimli, imsajjar jew ippreparat mod ieħor jew le |

[…]

[…]

1902 30

– Għaġin ieħor |

1902 30 10

– – Imnixxef

1902 30 90

– – Oħrajn

[…]”

 

Ir-Regolament (KE) Nru 635/2005

9

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 635/2005 tas-26 ta’ April 2005 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, (ĠU L 348M, p. 102, rettifika fil-ĠU L 84M, p. 65), jinkludi, fl-anness tiegħu, tabella bi tliet kolonni fejn l-ewwel waħda tiddeskrivi kull merkanzija kkonċernata, it-tieni waħda tindika l-klassifikazzjoni fin-NM li ġiet attribwita lill-merkanzija u t-tielet kolonna tirrigwarda r-raġunijiet għal din il-klassifikazzjoni.

10

Mill-punt 1 ta’ dan l-anness jirriżulta li prodott li jikkonsisti f’noodles magħmulin minn dqiq tal-qamħ komuni, nixfin u msajrin minn qabel (madwar 80 g) u ħwawar (madwar 11-il g), li jinħareġ għall-bejgħ bl-imnut fi skutella, lest biex jittiekel wara li wieħed jitfa’ l-ħwawar u l-misħun (massimu ta’ 200 m,), kien ikklassifikat fis-subintestatura 19023010 tan-NM. Skont il-motivazzjoni tal-klassifikazzjoni adottata, il-karattru essenzjali tal-prodott kien mogħti min-noodles, minħabba l-proporzjon importanti tagħhom fil-kompożizzjoni ta’ dan il-prodott.

11

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/183 tat-2 ta’ Frar 2015 (ĠU 2015, L 31, p. 5), dan il-punt 1 ġie mħassar.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 767/2014

12

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 767/2014 tal-11 ta’ Lulju 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2014, L 209, p. 11) jinkludi, fl-anness tieħu, tabella bi tliet kolonni, fejn l-ewwel waħda tiddeskrivi kull merkanzija kkonċernata, it-tieni waħda tindika l-klassifikazzjoni fin-NM li ġiet attribwita lill-merkanzija u t-tielet kolonna tirrigwarda r-raġunijiet għal din il-klassifikazzjoni.

13

Minn dan l-anness jirriżulta li prodott, li essenzjalment huwa kkostitwit minn blokka noodles niexfa u msajra minn qabel, jaqa’ taħt is-subintestatura 19023010 għan-NM. Fil-kolonna li tirrigwarda d-deskrizzjoni tal-merkanzija, dan il-prodott huwa deskritt kif ġej:

“Prodott magħmul minn blokka taljarini niexfa u msajra minn qabel (bejn wieħed u ieħor 65 g), qartas bit-taħwir (bejn wieħed u ieħor 3,4 g), qartas b’żejt għall-ikel (bejn wieħed u ieħor 2 g), u qartas bi ħxejjex imnixxfa (bejn wieħed u ieħor 0,8 g).

Il-prodott huwa ppreżentat bħala sett (ippakkjat flimkien) imqiegħed għall-bejgħ bl-imnut għall-preparazzjoni ta’ platt taljarini.

Skont l-istruzzjonijiet stampati fuq l-imballaġġ, ilma jagħli għandu jiġi miżjud qabel il-konsum.”

In-Noti ta’ Spjega għan-NM

14

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea tadotta Noti ta’ Spjega għan-NM (iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega għan-NM”).

15

In-Noti ta’ Spjega għan-NM, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fl-4 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, C 76, p. 1), huma redatti kif ġej f’dak li jikkonċerna s-subintestatura 19023010 għan-NM:

“Imnixxef:

Għall-finijiet ta’ dan is-subtitlu, l-entrata “imnixxef” tirreferi għal prodotti nixfin u mbasktin b’kontenut baxx ta’ umdità (sa madwar 12 %), li jkunu tnixxfu direttament fix-xemx jew għaddew minn proċess industrijali ta’ tnixxif (pereżempju, minn tunnel-drying jew xiwi jew qali).”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Fl-4 ta’ Frar 2013, Kreyenhop & Kluge ddikjarat fid-dwana, taħt il-kodiċi tariffarja 19023090 għan-NM applikabbli għall-għaġin mhux imnixxef, platti differenti ta’ instant noodles li hija kienet importat fit-territorju doganali tal-Unjoni. Dawn kienu platti ppakkjati f’pakketti tal-plastik ta’ 60 gramma, komposti minn blokka ta’ instant noodles moqlija jew minn borża tal-plastik waħda jew iktar li kienu jinkludu ħwar, għaġin, żjut u ingredjenti mnixxfa. In-noddles imsajrin minn qabel kellhom, wara li ġew moqlija, livell ta’ xaħmijiet ta’ madwar 20 %. Skont l-“eżempju ta’ preparazzjoni” li kien jidher fl-imballaġġ, kellu jitferra madwar 320 ml misħun fuq il-kontenut tal-pakkett imqiegħed f’reċipjent. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, anki jekk, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-imballaġġ, in-noodles jiġu ppreparati f’soppa meta jiġi miżjud l-ilma, dawn jistgħu wkoll jiġu kkonsmati mingħajr preparazzjoni supplimentari, bħal ċipps tal-patata.

17

Billi ma aċċettatx il-klassifikazzjoni tariffarja adottata minn Kreyenhop & Kluge, l-amministrazzjoni doganali, permzz ta’ stima ta’ taxxa tas-6 ta’ Frar 2013, stabbilixxiet dazju doganali abbażi tas-subintestatura 21041000 għan-NM, dwar is-“Sopop u brodi u preparazzjonijiet tagħhom”.

18

Kreyenhop & Kluge ressqet ilment kontra dan l-avviż. Matul il-proċedura ta’ lment, il-Kummissjoni adottat, fil-11 ta’ Lulju 2014, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 767/2014, skont liema platti ta’ instant noodles, paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni f’dan il-każ, kienu kklassifikati mhux bħala sopop jew brodi (intestatura 2104 għan-NM), iżda bħala għaġin, li jaqa’ taħt l-intestatura 1902 għan-NM. Fi ħdan din l-aħħar intestatura, dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jikkunsidra dawn l-instant noodles bħala “mnixxfin” li jaqgħu taħt is-subintestatura 19023010 għan-NM. Fi tmiem ta’ diskussjoni li kienet tikkonċerna din il-kwistjoni bejn l-amministrazzjoni doganali Ġermaniża u l-Kummissjoni, din tal-aħħar ippubblikat, fl-4 ta’ Marzu 2015, verżjoni ġdida tan-noti ta’ spjega għan-NM. Minn dawn jirriżulta li l-għaġin moqli għandu wkoll jitqies bħala “mnixxef” fis-sens ta’ din is-subintestatura 19023010.

19

Sussegwentement, l-amministrazzjoni doganali, permezz ta’ stima ta’ taxxa tas-27 ta’ Awwissu 2015, stabbilixxiet dazju doganali għall-prodotti inkwistjoni abbażi tas-subintestatura 19023010 għan-NM.

20

Billi lment kontra din l-istima ġie miċħud, Kreyenhop & Kluge ppreżentat, fis-27 ta’ Novembru 2015, rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż sabiex din tinbidel b’mod li d-dazju doganali jinġabar abbażi tas-subintestatura 19023090 għan-NM.

21

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 635/2005, li permezz tiegħu platt ta’ instant noodles ġie kklassifikat fis-subintestatura 19023010 għan-NM, ma japplikax rationae materiae fin-nuqqas ta’ xebh suffiċjenti tal-prodott ikkonċernat ma’ dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-element determinanti, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-platt ta’ instant noodles li dan ir-regolament jirrigwarda, huwa l-kwantità ta’ ilma li għandha tiżdied man-noodles. Fil-kawża prinċipali, ir-relazzjoni noodles/ilma hija madankollu differenti.

22

Din il-qorti tqis, minbarra dan, li, għalkemm ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 767/2014 kellu jitqies bħala applikabbli rationae materiae, dan ma huwiex rationae materiae, peress li l-importazzjonijiet li huma fl-oriġini tal-istima ta’ taxxa kkontestata seħħew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. L-istess japplika għan-nota ta’ spjega li tikkonċerna s-subintestatura 19023010, li ġiet ippubblikata biss matul is-sena 2015.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tilwima pendenti quddiemha tirrigwarda, skont il-qorti tar-rinviju, unikament il-kwistjoni jekk instant noodles moqlija, bħal dawk inkwistjoni, għandhomx jitqiesu bħala “mnixxfin” fis-sens tas-subintestatura 19023010 għan-NM. Fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ din is-subintestatura, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-espressjoni “imnixxef” ma hijiex iddefinita. Hija tikkunsidra li din tindika, b’mod ġenerali, prodott li tilef l-umdità. Dan ikun ukoll il-każ ta’ għaġin moqli, peress li l-ikel bilfors li jitlef l-ilma meta jinqela.

24

Madankollu, meta tqies li ikel imnixxef ikun ġie suġġett għal proċess ta’ tnixxif, tqum għalhekk il-kwistjoni jekk il-qali jaqax taħt dan il-proċess. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li t-tnixxif ta’ ikel jikkostitwixxi mezz ta’ konservazzjoni, li għandu jiġi distint minn metodi ta’ tisjir bħall-qali.

25

Hija tal-fehma li, minħabba differenzi fundamentali, f’termini ta’ kimika alimentari, bejn il-qali u t-tnixxif, għandha tiġi adottata aċċettazzjoni stretta tal-espressjoni “imnixxef”. Fil-fatt, filwaqt li l-qali huwa proċess ta’ tisjir li jipprovoka, minbarra l-eliminazzjoni inċidentali ta’ ilma, diversi reazzjonijiet kimiċi kumplessi, it-tnixxif huwa proċess ta’ separazzjoni li jwassal biss għal estrazzjoni ta’ umdità. Minbarra dan, in-NM tiddistingwi diversi każijiet ta’ ikel ippreparat minn ikel ikkonservat.

26

Billi għalhekk kellha dubji rigward l-interpretazzjoni tas-subintestatura 19023010 għan-NM, il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“It-taljarini [noodles] moqlija huma għaġin “imnixxef” fis-sens tas-subintestatura 1902 3010 tan-Nomenklatura Magħquda?”

Fuq id-domanda preliminari

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt is-subintestatura 19023010 tagħha platti ta’ instant noodles, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma essenzjalment komposti minn blokka ta’ noodles imsajrin minn qabel u moqlija.

28

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-klassifikazzjoni tariffarja ta’ platti ta’ instant noodles hija s-suġġett kemm tar-Regolament Nru 635/2005 kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 767/2014.

29

Dawn iż-żewġ regolamenti ta’ klassifikazzjoni madankollu ma humiex applikabbli f’dan il-każ.

30

Minn naħa, fir-rigward tar-Regolament Nru 635/2005, minn ġuridprudenza stabbilita jirriżulta li regolament ta’ klassifikazzjoni għandu portata ġenerali sa fejn ma japplikax għal operatur partikolari, iżda b’mod ġenerali għal prodotti identiċi għal dak li jkun ġie eżaminat mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Sabiex, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, il-motivazzjoni tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 635/2005 ma huwiex direttament applikabbli għall-platti ta’ instant noodles inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress illi, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, dawn ma humiex identiċi għall-prodotti indikati minn dan ir-regolament.

32

Ċertament, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm regolament ta’ klassifikazzjoni ma jkunx direttament applikabbli għal prodotti li ma humiex identiċi, iżda biss analogi għall-prodott li huwa s-suġġett ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar huwa applikabbli b’analoġija għal tali prodotti (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Madankollu, sabiex regolament ta’ klassifikazzjoni jiġi applikat b’analoġija, ikun meħtieġ li l-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati u dawk imsemmija minn dan ir-regolament ikunu suffiċjentement simili. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-motivazzjoni tal-imsemmi regolament (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, il-merkanzija inkwistjoni madankollu ma tistax titqies bħala suffiċjentement simili, peress li r-Regolament Nru 635/2005 ma jippreċiżax jekk il-prodott indikat fil-punt 1 ta’ dan tal-aħħar huwiex ikkostitwit minn noodles li ġew moqlija matul il-produzzjoni tagħhom. Issa, hija preċiżament din il-karatteristika li hija determinanti f’dan il-każ.

35

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 767/2014, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-applikabbiltà ratione materiae tiegħu, li dan ġie adottat biss wara l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Issa, regolament ta’ klassifikazzjoni ma jistax jipproduċi effetti retroattivi (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Panasonic Italia et, C‑472/12, EU:C:2014:2082, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Permezz ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi tagħha u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura għan-NM u min-noti ta’ taqsima jew ta’ kapitolu (sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, SAKSA, C‑185/17, EU:C:2018:108, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, huwa ammess li n-noodles inkwistjoni huma għaġin, fis-sens tas-subintestatura 190230 għan-NM. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tas-subintestatura 19023010 għan-NM, noodles imsajrin minn qabel u moqlija jistgħux jitqiesu bħala mnixxfa.

38

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-espressjoni “imnixxef”, kif użata fis-subintestatura 19023010 għan-NM, ma hijiex iddefinita. Ċertament, in-nota ta’ spjega relatata ma’ din is-subintestatura, kif tirriżulta min-noti ta’ spjega għan-NM ippubblikati mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Marzu 2015, tiċċita l-qali bħala eżempju ta’ “proċess industrijali ta’ tnixxif”. Issa, minn naħa, din in-nota ma kinitx applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Ecco Sko, C‑165/07, EU:C:2008:302, punt 40). Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, hija ġurisprudenza stabbilita li n-noti ta’ spjega għan-NM, filwaqt li jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji, ma għandhomx saħħa vinkolanti ta’ liġi (ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, LEK, C‑700/15, EU:C:2016:959, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem, li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni, għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali fil-lingwa ta’ kuljum tagħhom, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, J. D., C‑4/16, EU:C:2017:153, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Il-kelma “imnixxef”, kif użata fis-subintestatura 19023010 għan-NM, hija l-partiċipju passat tal-verb “tnixxef”, li jfisser, b’mod partikolari “li tnixxef” jew “isir niexef”. Skont is-sens abitwali tiegħu fil-lingwa ta’ kuljum, l-aġġettiv “niexef” jindika dak “li ma huwiex jew huwa miżjud bi ftit likwidu”, iżda wkoll dak li huwa “ddeidratat”.

41

Għalhekk, peress li l-produzzjoni ta’ għaġin timplika neċessarjament, fl-ewwel lok, l-użu ta’ likwidu, għaġin li l-umdità tiegħu hija estratta wara proċess ta’ produzzjoni sabiex isir fi stat niexef jista’, ġeneralment, jitqies bħala għaġin imnixxef. Min-naħa l-oħra, ma huwiex determinanti, f’dan ir-rigward, il-proċess li permezz tiegħu dan l-istat kien intlaħaq.

42

F’dak li jikkonċerna n-noodles fil-kawża prinċipali, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn huma noodles li l-ewwel ġew imsajra minn qabel (bil-fwar), wara moqlija. Sussegwentement, dawn in-noddles ġew ippakkjati, fi stat niexef, fil-forma ta’ blokok żgħar. Konsegwentement, peress illi, fit-tmiem tal-proċess ta’ produzzjoni, in-noodles kienu ġew ippakkjati fi stat niexef, hemm lok li jitqiesu bħala għaġin “imnixxef”, fis-sens tas-subintestatura 19023010 għan-NM.

43

Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi aċċettat l-argument, difiż mill-qorti tar-rinviju kif ukoll minn Kreyenhop & Kluge, li l-espressjoni “imnixxef” kif użata fis-subintestatura 19023010 għan-NM, għandha tinftiehem bħala li tiddeskrivi prodott li kien is-suġġett ta’ proċess ta’ tnixxif fis-sens strett tal-kelma. Fil-fehma tagħhom, it-tnixxif ta’ ikel jikkostitwixxi mezz ta’ konservazzjoni, li jwassal biss għall-estrazzjoni ta’ umdità u li għandu jiġi distint mill-metodi ta’ tisjir bħall-qali, li jipprovoka, minbarra l-eliminazzjoni tal-ilma, diversi reazzjonijiet kimiċi kumplessi. Dan huwa rifless fis-subintestaturi differenti għan-NM, li għalhekk tagħmel distinzjonijiet bejn l-ikel ikkonservat u l-ikel ippreparat jew imsajjar.

44

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li din l-interpretazzjoni tal-espressjoni “imnixxef” ma ssibx bażi fil-formulazzjoni tan-NM. Sa fejn il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, f’dan il-kuntest, għan-nota 2 tat-Taqsima 1 tan-NM, għandu jiġi kkonstatat, mingħajr ma jkun neċessarju li tittieħed pożizzjoni fuq il-punt dwar jekk din in-nota tapplikax jew le għan-NM kollha, li, fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi dedott minn din in-nota li għaġin imsajjar minn qabel u moqli ma għandux jitqies bħala mnixxef.

45

Sussegwentement, fir-rigward tal-istruttura tan-NM, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-intestatura 1902 ta’ din in-NM, distinzjoni ssir bejn “Għaġin mhux imsajjar, mhux mimli jew ippreparat mod ieħor” (subintestaturi 190211 u 190219), l-“Għaġin mimli, imsajjar jew ippreparat mod ieħor jew le” (subintestatura 190220) u l-“Għaġin ieħor” (subintestatura 190230). Isegwi li din l-aħħar subintestatura, li taħtha taqa’ s-subintestatura 19023010, bilfors li tirreferi għal għaġin imsajjar u ppreparat mod ieħor li ma jkunx mimli. Dan huwa preċiżament il-każ għan-noodles inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġew imsajra (minn qabel) u moqlija.

46

Fl-aħħar nett, hekk kif issostni l-Kummissjoni, huwa importanti wkoll fl-interess taċ-ċertezza legali u sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Lutz, C‑556/16, EU:C:2017:777, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) li ma tiġix limitata l-portata tas-subintestatura 19023010 għan-NM unikament għall-għaġin li l-istat niexef tiegħu nkiseb minn tekniki li jservu unikament għall-konservazzjoni tiegħu u li jiġbdu biss ilma mill-prodotti pproċessati, mingħajr ma jbiddluhom b’mod ieħor.

47

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-domanda għandha tiġi risposta li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt is-subintestatura 19023010 tagħha platti ta’ instant noodles, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma essenzjalment komposti minn blokka ta’ noodles imsajra minn qabel u moqlija.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad-9 ta’ Ottubru 2012, għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt is-subintestatura 19023010 tagħha platti ta’ instant noodles, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma essenzjalment komposti minn blokka ta’ noodles imsajra minn qabel u moqlija

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top