This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0372
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 13 September 2018.#Vision Research Europe BV v Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond.#Request for a preliminary ruling from the Rechtbank Noord-Holland.#Reference for a preliminary ruling — Common Customs Tariff — Tariff headings — Classification of goods — Volatile-memory camera, meaning that recorded images are deleted when the camera is switched off or when new images are captured — Combined Nomenclature — Subheadings 8525 80 19 and 8525 80 30 — Explanatory Notes — Interpretation — Implementing Regulation (EU) No 113/2014 — Interpretation — Validity.#Case C-372/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-13 ta’ Settembru 2018.
Vision Research Europe BV vs Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Noord-Holland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Kamera li għandha memorja volatili, bil-konsegwenza li r-reġistrazzjoni ta’ immaġni fil-kamera jintilfu meta tittieħed immaġni oħra jew meta l-kamera tintefa – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 8525 80 19 u 8525 80 30 – Noti ta’ spjega – Interpretazzjoni – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 113/2014 – Interpretazzjoni – Validità.
Kawża C-372/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-13 ta’ Settembru 2018.
Vision Research Europe BV vs Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Noord-Holland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Kamera li għandha memorja volatili, bil-konsegwenza li r-reġistrazzjoni ta’ immaġni fil-kamera jintilfu meta tittieħed immaġni oħra jew meta l-kamera tintefa – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 8525 80 19 u 8525 80 30 – Noti ta’ spjega – Interpretazzjoni – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 113/2014 – Interpretazzjoni – Validità.
Kawża C-372/17.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:708
*A9* Rechtbank Noord-Holland, Uitspraak van 15/06/2017 (1052794)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Kamera li għandha memorja volatili, bil-konsegwenza li r-reġistrazzjoni ta’ immaġni fil-kamera jintilfu meta tittieħed immaġni oħra jew meta l-kamera tintefa – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 85258019 u 85258030 – Noti ta’ spjega – Interpretazzjoni – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 113/2014 – Interpretazzjoni – Validità”
Fil-Kawża C‑372/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali tal-Provinċja ta’ Noord‑Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura
Vision Research Europe BV
vs
Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, E. Juhász u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ April 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Vision Research Europe BV, minn N. Ooyevaar u D. van Vliet kif ukoll minn H. Ooyevaar, conseillers fiscaux, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u P. Huurnink kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u P. Vanden Heede, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 85258030 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-[Tariffa Doganali Komuni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1), kif ukoll il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 113/2014 tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2014, L 38, p. 20). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Vision Research Europe BV (iktar ’il quddiem “Vision Research”) u l-Inspecteur van de Belastingdienst/douane kantoor Rotterdam Rijnmond (l-Ispettur tas-servizz tat-taxxa/dwana, uffiċċju ta’ Rotterdam Rijnmond) (iktar ’il quddiem l-“Ispettur”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-kamera bl-isem ta’ “Phantom V7.3”. |
Il-kuntest ġuridiku
In-NM
3 |
Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. Il-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1001/2013. |
4 |
In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni tal-oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tirriproduċi t-titoli u s-sottotitoli tas-SA għal sitt figuri, u s-seba’ u t-tmien figuri biss joħolqu subdiviżjonijiet ulterjuri li huma speċifiċi għaliha. |
5 |
Konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(a), u mal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), il-Kummissjoni Ewropea, assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, tiddeċiedi l-miżuri relatati mal-applikazzjoni tan-NM, li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-oġġetti. Huwa fuq il-bażi tal-ewwel minn dawn id-dispożizzjonijiet li ġie adottat ir-Regolament Nru 113/2014. |
6 |
L-ewwel parti tan-NM tinkludi d-dispożizzjonijiet preliminari, fosthom it-Taqsima 1, intitolat “Regoli ġenerali”, Sezzjoni A “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda”, li tipprovdi: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
[…]
|
7 |
It-tieni parti tan-NM intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi t-Taqsima XVI, li tinkludi l-Kapitolu 85, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. |
8 |
Il-Kapitolu 85 tan-NM jinkludi l-intestaturi u subintestaturi li ġejjin: “8525 Tagħmir ta’ trasmissjoni għax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, kemm jekk fih u kemm jekk ma fihx tagħmir ta’ riċezzjoni jew tagħmir ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni; kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw […] 852580 Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw ‐ ‐ Kameras tat-televiżjoni […] 85258019 – – – Oħrajn 85258030 ‐ ‐ Kameras diġitali ‐ ‐ Vidjowkameras li jirrekordjaw 85258091 – – – Jistgħu jirreġistraw biss ħoss u immaġni meħudin b’telekamera 85258099 – – – Oħrajn”. |
In-noti ta’ spjega tas-SA u tan-NM
9 |
In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8525 jindikaw dan li ġej: “B. Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw Dan il-grupp jinkludi l-kameras għat-teħid tal-immaġni u għall-konverżjoni tagħhom f’sinjal elettroniku li huwa:
Numru ta’ apparati f’din l-intestatura jistgħu jkollhom apparenza li effettivament tixxiebah dik tal-kameras fotografiċi tan-Nru 90.06 jew tal-kameras ċinematografiċi tan-Nru 90.07. L-apparati li jaqgħu taħt in-Nru 85/25 u dawk ikklassifikati fil-Kapitolu 90 jinkludu ġeneralment objettivi li jippermettu li l-immaġni tiġi ffukata fuq midja fotosensittiva kif ukoll ċerti dispożittivi ta’ manipulazzjoni biex tiġi mmodulata l-kwantità ta’ dawl li jidħol fl-apparat. Madankollu, il-kameras fotografiċi u ċinematografiċi tal-Kapitolu 90 juru immaġni fuq films fotografiċi tal-Kapitolu 37, filwaqt li l-apparati li jaqgħu taħt din l-intestatura jirrekordjaw immaġni taħt forma ta’ data analoġika jew diġitali. Il-kameras ta’ din l-intestatura jaqbdu l-immaġni billi jiffukawhom fuq dispożittiv fotosensittiv, pereżempju semikonduttur ta’ ossidu tal-metall kumplimentari (CMOS) jew dispożittiv tat-tip charge-coupled (CCD). Id-dispożittiv fotosensittiv jibgħat rappreżentazzjoni elettrika tal-immaġni, li sussegwentement tiġi kkonvertita f’reġistrazzjoni analoġika jew diġitali ta’ dawn l-immaġni. Il-kameras tat-televiżjoni jistgħu jinkludu dispożittiv inkorporat għall-kmand fuq distanza tal-objettiv u tad-dijaframma kif ukoll għaċ-ċaqliq orizzontali u vertikali ttelekomandat tal-kamera (pereżempju, il-kameras tat-televiżjoni għall-istudjos tat-televiżjoni jew il-kameras ta’ reportage, dawk użati għal finijiet industrijali jew xjentifiċi, għat-televiżjoni f’ċirkwit wieqaf (sorveljanza) jew għas-sorveljanza tat-traffiku). Dawn il-kameras ma jinkludux dispożittiv li jippermetti r-reġistrazzjoni tal-immaġni. Uħud minn dawn il-kameras jistgħu wkoll jintużaw flimkien ma’ magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni (il-webcams, pereżempju). […] L-apparati fotografiċi diġitali u l-vidjokameras jirrekordjaw l-immaġni fuq dispożittiv ta’ ħażna interna jew fuq midja esterni (tejps manjetiċi, midja ottika, midja b’semikonduttur jew midja oħra li taqa’ taħt in-Nru 85.23). Huma jistgħu jinkludu konvertitur analoġiku/diġitali kif ukoll output li l-permezz tiegħu l-immaġni jistgħu jiġu trażmessi lil unitajiet ta’ magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni, bħal stampaturi, televiżjonijiet jew magni oħra li jippermettu li jintwerew immaġni. Ċertu kameras fotografiċi diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw jinkludu inputs għal reġistrazzjoni interna ta’ fajl ta’ immaġni analoġiċi jew diġitali, minn magni esterni msemmija iktar ’il fuq. Dawn l-apparati ġeneralment jinkludu viewfinder ottiku, skrin bi kristalli likwidi (LCD), jew saħansitra t-tnejn. Numru ta’ apparati li jinkludu skrin LCD jistgħu jużaw dan tal-aħħar sew bħala viewfinder għat-teħid tal-immaġni jew inkella bħala skrin li jippermetti li jintwerew l-immaġni rrekordjati. F’ċerti każijiet, l-apparat jista’ jtella’ fuq l-iskrin LCD immaġni provenjenti minn sorsi oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
10 |
In-Noti ta’ Spjega tan-NM (ĠU 2011, C 137, p. 1) jirrigwardaw in-NM fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010 tal‑5 ta’ Ottubru 2010 (ĠU 2010, L 284, p. 1). L-intestatura 8525 kif ukoll is-subintestaturi 85258019, 85258030, 85258091 u 85258099 tan-NM huma fformulati b’mod identiku fil-verżjonijiet li jirriżultaw mir-Regolament Nru 861/2010 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1001/2013. In-Noti ta’ Spjega tan-NM dwar dawn l-intestaturi u subintestaturi jipprovdu kif ġej:
|
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 113/2014
11 |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 jipproċedi għall-klassifikazzjoni fin-NM tal-oġġetti indikati fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tagħha. Fil-kolonna 2 ta’ din it-tabella huma indikati l-kodiċi NM korrispondenti, konformement mal-motivazzjonijiet indikati fil-kolonna 3 tal-imsemmija tabella. Fir-rigward tas-subintestatura 85258019 tan-NM, it-tabella li tinsab fl-anness ta’ dan ir-regolament tipprevedi:
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 |
Fit‑12 ta’ Mejju 2009, Vision Research ressqet quddiem l-Ispettur talba għal informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem l-“ITV”) għall-kamera bl-isem ta’ “Phantom V7.3”. Hija indikat fit-talba tagħha li din il-kamera kellha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 85258030 tan-NM, bħala kamera diġitali. |
13 |
Permezz ta’ ITV mogħtija fis‑7 ta’ Novembru 2014, l-Ispettur madankollu kklassifika l-kamera inkwistjoni taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, bħala “kameras oħrajn ta’ televiżjoni”. F’dan ir-rigward, l-Ispettur ibbaża ruħu fuq ir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, fuq ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, li huwa qies applikabbli b’analoġija għal din il-kamera, kif ukoll fuq il-formulazzjoni tal-intestaturi 8525, 852580 u 85258019 tan-NM. Huwa qies li l-fatt li l-imsemmija kamera tista’ tiġi mqabbda ma’ memorja esterna b’mod fakultattiv kien mingħajr effett fuq il-klassifikazzjoni deċiża, ġaladarba l-ITV kienet intalbet għal apparat li ma kellux din il-memorja fakultattiva. |
14 |
Vision Research ressqet ilment kontra din l-ITV quddiem l-Ispettur, li ċaħdu bħala infondat. Ir-rikorrenti għalhekk ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tal-Ispettur, fejn talbet li l-kamera inkwistjoni tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 85258030 tan-NM. |
15 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-kamera inkwistjoni hija “apparat li jiġbed b’veloċità”. Waqt l-użu tagħha, hija tiġi mqabbda ma’ magna awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjoni li permezz tagħha hija kkmandata. Din il-kamera tieħu numru kbir ta’ ritratti diġitali fis-sekonda. Wara li jkunu ttieħdu, dawn ir-ritratti jiġu rreġistrati fil-memorja, imsejħa “memorja volatili”, tal-imsemmija kamera. Dan ifisser li meta jittieħdu ritratti ġodda jew meta l-kamera tkun mitfija, ir-ritratti rreġistrati jitħassru minn din il-memorja interna. Il-memorja volatili hija ta’ mill-inqas 1496 MB u tista’ wkoll tkun ta’ 8, 16 jew 32 GB. Il-kamera inkwistjoni ma hijiex mogħnija b’dispożittiv, bħal skrin LCD, li jippermetti lil wieħed jara r-ritratti rreġistrati fil-memorja. Għall-importazzjoni ta’ din l-informazzjoni, din il-kamera għandha output li magħha huwa possibbli li titwaħħal, permezz ta’ kejbil, memorja esterna permanenti (non‑volatile flash memory), li fiha r-ritratti jistgħu jinżammu iktar fit-tul. L-imsemmija kamera tista’ tiġi mqabbda wkoll permezz ta’ kejbil ma’ magna awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjon sabiex fiha jiġu rreġistrati r-ritratti. Hija ma toffrix il-possibbiltà li tiddaħħal memory-card jew memory-module (permanenti). |
16 |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tqis li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 jindika, fl-anness tiegħu, taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, oġġett paragunabbli għall-kamera inkwistjoni u li għaldaqstant huwa applikabbli b’analoġija għal dan il-każ. Hija tfakkar li, fil-motivazzjoni tal-klassifikazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni fl-imsemmi regolament, il-Kummissjoni ma tqisx il-ħażna temporanja f’memorja volatili bħala reġistrazzjoni fil-kamera, inkwantu l-immaġni jintilfu meta l-kamera tkun mitfija. Skont dan ir-regolament, il-kamera inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, bħala kamera oħra tat-televiżjoni. |
17 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li, skont in-Noti ta’ Spjega tas-SA u dawk tan-NM relatati mas—subintestatura 85258030 tan-NM, il-kamera inkwistjoni, li għandha b’mod partikolari l-karatteristika li taħżen l-immaġni, anki b’mod temporanju, fil-memorja volatili, għandha tiġi kklassifikata bħala kamera fotografika diġitali u mhux bħala kamera tat-televiżjoni. Skont din il-qorti, minn dawn in-noti ta’ spjega jirriżulta li l-kameras tat-televiżjoni jiddistingwu lilhom infushom mill-kameras fotografiċi diġitali mill-fatt li tal-ewwel ma jippermettux il-ħażna tal-immaġni, b’differenza mit-tieni. Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-imsemmija noti ma jistabbilixxux xi tip ta’ rekwiżit dwar it-tul taż-żamma tal-immaġni rreġistrata fil-kamera. |
18 |
Finalment, fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tqis li ż-żewġ approċċi li hija esponiet ma jistgħux jiġu kkonċiljati. Hija tistaqsi, għalhekk, jekk billi ma tqisx, fil-motivazzjoni tal-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, il-ħażna temporanja fil-memorja volatili bħala reġistrazzjoni fil-kamera, il-Kummissjoni llimitatx il-kamp ta’ applikazzjoni tas-subintestatura 85258030 tan-NM. Fl-affermattiv, il-Kummissjoni tkun marret ukoll lil hinn mill-kompetenza tagħha, mogħtija mill-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, li tikkonsisti f’li jiġi ppreċiżat il-kontenut ta’ intestatura tariffarja iżda mhux li din tiġi mibdula. |
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali tal-Provinċja ta’ Noord Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 113/2014], hekk kif hija tal-fehma ir-[rechtbank Noord-Holland (Qorti Distrettwali tal-Provinċja ta’ Noord Holland)] f’dan l-istadju, is-subintestatura 85258030 [tan-NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li tista’ tiġi kklassifikata fiha il-kamera li għandha memorja volatili, bil-konsegwenza li r-reġistrazzjoni ta’ immaġini fil-kamera jintilfu meta tittieħed immaġni oħra jew meta l-kamera tintefa?” |
Fuq id-domanda preliminari
20 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-subintestatura 85258030 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li kamera, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-kapaċità li tieħu numru kbir ta’ immaġni fotografiċi kull sekonda u li taħżinhom fil-memorja volatili interna tagħha, li minnha dawn jitħassru ladarba l-kamera tkun mitfija, taqa’ taħt l-imsemmija subintestatura, u, fl-affermattiv, jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, sa fejn dan huwa applikabbli b’analoġija għal tali kamera, huwiex validu. |
21 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġu interpretati l-intestaturi u s-subintestaturi tan-NM rilevanti sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tal-kamera inwkwistjoni fin-NM. |
22 |
F’dan ir-rigward, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jitfittex b’mod ġenerali fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C‑51/16, EU:C:2017:298, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li n-Noti ta’ Spjega, elaborati mill-Kummissjoni, fir-rigward tan-NM, u dawk adottati mill-ODD, fir-rigward tas-SA, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tarriffarji madankollu mingħajr ma dawn ikollhom saħħa legali vinkolanti. In-Noti ta’ Spjega tan-NM, li ma jissostitwixxux dawk tas-SA, għandhom jiġu kkunsidrati bħala kumplimentari għal dawn tal-aħħar u għandhom jiġu kkonsultati konġuntament magħhom (sentenza tad‑19 ta’ Frar 2009, Kamino International, C‑376/07, EU:C:2009:105, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi eżaminat, minn naħa, jekk il-karatteristiċi tal-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħal dawk deskritti fid-deċiżjoni ta’ rinviju, jikkorrispondux għall-karatteristiċi tas-subintestatura 85258019 tan-NM jew għal dawk tas-subintestatura 85258030 tan-NM. |
25 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Kapitolu 85 tan-NM jinkludi l-intestatura 8525, intitolata “Tagħmir ta’ trasmissjoni għax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, kemm jekk fih u kemm jekk ma fihx tagħmir ta’ riċezzjoni jew tagħmir ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni; kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw”. Is-subintestatura 852580 tan-NM hija intitolata “Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw”. Il-formulazzjoni tas-subintestatura 85258019 tan-NM fiha biss il-kliem “oħrajn”, filwaqt li l-formulazzjoni tas-subintestatura 85258030 tan-NM tinkludi biss il-kliem “Kameras diġitali”. |
26 |
Fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-konstatazzjonijiet fattwali mwettqa mill-qorti tar-rinviju, bħal dawk imfakkra fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li din il-kamera tieħu numru kbir ta’ ritratti diġitali fis-sekonda. Dawn ir-ritratti jiġu rreġistrati fil-memorja volatili tal-imsemmija kamera u jinżammu, sakemm il-kamera tibqa’ mixgħula jew jittieħdu ritratti ġodda. |
27 |
Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li, bil-kapaċità tagħha li tieħu immaġni fissi, il-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-karatteristika abitwali tal-apparati fotografiċi diġitali. Għalhekk, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ din il-kamera jikkorrispondu għal dawk iddefiniti mill-formulazzjoni tas-subintestatura 85258030 tan-NM. |
28 |
Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li min-Noti ta’ Spjega tan-NM dwar din is-subintestatura jirriżulta li l-kameras diġitali dejjem jippermettu li jiġu rreġistrati immaġni fissi, jew fuq memorja interna jew fuq midja interkambjabbli, filwaqt li n-Noti ta’ Spjega tas-SA jindikaw li l-imsemmija apparati jirreġistraw l-immaġni fuq dispożittiv ta’ ħażna interna jew fuq midja esterni. |
29 |
Fir-rigward tal-kameras tat-televiżjoni, in-Noti ta’ Spjega tan-NM jirreferu għal dawk tas-SA, it-Titolu B tan-Nru 8524, li jesponu li l-kameras li jaqgħu taħt dan il-grupp jistgħu jieħdu immaġni u jikkonvertuhom f’sinjal elettroniku li huwa jew trażmess bħala immaġni vidjo lejn midja esterna għall-kamera sabiex persuna tkun tista’ tarahom jew tirreġistrahom fuq distanza (kameras tat-televiżjoni), jew irreġistrat fil-kamera bħala immaġni fissi jew immaġni animati (kameras diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw, pereżempju). Bl-istess mod, in-Noti ta’ Spjega tas-SA jippreċiżaw li l-kameras tat-televiżjoni ma għandhomx dispożittiv li jippermetti r-reġistrazzjoni tal-immaġni. |
30 |
Għalhekk l-element determinati li jiddifferenzja l-kameras diġitali, li jaqgħu taħt is-subintestatura 85258030 tan-NM, mill-kameras tat-televiżjoni, li jaqgħu taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, jinsab fil-kapaċità li għandhom tal-ewwel li jirreġistraw immaġni fissi fuq memorja jew dispożittiv ta’ ħażna interna. |
31 |
F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat li l-kamera inkwistjoni għandha l-kapaċità li tirreġistra immaġni fuq memorja volatili interna. |
32 |
Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li la n-Noti ta’ Spjega tan-NM u lanqas dawk tas-SA ma għandhom preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-forma, tan-natura jew ta’ karatteristiċi oħra tal-memorja interna jew tad-dispożittiv ta’ ħażna li għalihom huma jirreferu. |
33 |
Fid-dawl tal-assenza ta’ spjegazzjoni dwar, b’mod partikolari, in-natura ta’ ħażna fit-tul jew le ta’ tali memorja interna jew ta’ tali dispożittiv ta’ ħażna, ir-reġistrazzjoni ta’ immaġni mwettqa mill-kamera inkwistjoni fuq memorja volatili għandha għalhekk titqies bħala reġistrazzjoni fis-sens ta’ dawn in-noti ta’ spjega, fejn il-fatt li l-immaġni rreġistrati jitħassru meta l-apparat ikun mitfi jew meta jittieħdu immaġni ġodda ma huwiex rilevanti. |
34 |
Għalhekk mill-kameras, bħall-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-kapaċità li tirreġistra immaġni fuq memorja volatili interna, ma jistgħux jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, bħala “kameras oħrajn ta’ televiżjoni”, ġaladarba dawn tal-aħħar ma għandhomx dispożittiv li jippermetti r-reġistrazzjoni tal-immaġni. |
35 |
Il-Kummissjoni sostniet li l-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala kamera tat-televiżjoni, minħabba li l-immaġni meħuda minnha jistgħu jintwerew bħala film vidjo. |
36 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, fid-dawl tal-analiżi preċedenti, tali klassifikazzjoni hija eskluża. Madankollu, peress li l-elementi li tqiegħdu għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm permezz tal-fażi bil-miktub kif ukoll tal-fażi orali tal-proċedura, ma jippermettux li jiġi eskluż li l-immaġni rreġistrati mill-kamera kkonċernata jistgħu effettivament jintwerew bħala film vidjo, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija kamera għandhiex tiġi kklassifikata fis-subintestaturi 85258091 jew85258099 tan-NM, bħala vidjokamera li tirrekordja. Fil-fatt, minkejja li dawn is-subintestaturi ma humiex imsemmija mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dmir li tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rinviju, dawk l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
F’dan ir-rigward, skont in-Noti ta’ Spjega tan-NM dwar is-subintestaturi 85258091 u 85258099 tan-NM, il-vidjokameras li jirrekordjaw għandhom memorja interna li tippermetti r-reġistrazzjoni, minbarra tas-sekwenzi vidjo, tal-immaġni fissi. |
38 |
Madankollu, skont dawn l-istess noti, il-kameras diġitali huma esklużi minn dawn is-subintestaturi jekk ma jkunux f’pożizzjoni li jirreġistraw mill-inqas 30 minuta ta’ sekwenza vidjo sħiħa. Issa, mill-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex tali kapaċità. Fil-fatt, skont din l-informazzjoni, il-kamera kontenzjuża tista’ tirreġistra sensiela ta’ filmati fil-memorja interna tagħha ta’ tul massimu ta’ 6.12‑il sekonda b’veloċità ta’ 6688 immaġni fis-sekonda, li huwa għalkollox inferjuri għall-imsemmi limitu ta’ 30 minuta ta’ sekwenza vidjo. Għalhekk, hija ma tistax tiġi kklassifikata taħt is-subintestaturi 85258091 u 85258099 tan-NM. |
39 |
Għaldaqstant din il-kamera għandha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 85258030 tan-NM. |
40 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami tal-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, jeħtieġ li jiġi osservat, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, regolament ta’ klassifikazzjoni għandu portata ġenerali inkwantu ma japplikax għal operatur partikolari, iżda għall-ġeneralità tal-prodotti identiċi għal dak li ġie eżaminat mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Sabiex, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, il-motivazzjoni tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
F’dan il-każ, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 għandu bħala għan il-klassifikazzjoni, taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, tal-oġġetti li għandhom numru ta’ karatteristiċi esposti fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tal-imsemmi regolament. L-oġġetti hekk indikati għandhom jinkludu memorja volatili interna ta’ 2 GB li tippermetti li taħżen temporanjament sekwenza ta’ immaġni ta’ tul massimu ta’ 1.54 sekonda b’veloċità ta’ 1000 immaġni fis-sekonda u jkollhom il-kapaċità li jiġbdu sekwenza ta’ immaġni b’rata ta’ għeluq tax-xater inkluża bejn 60 u 1000 immaġni fis-sekonda bir-riżoluzzjoni massima (1024 x 1024 pixel) jew ta’ 109500 immaġni fis-sekonda f’riżoluzzjoni inferjuri (128 x 16-il pixel) u l-miżura ta’ 12 x 12 x 11 cm. |
42 |
Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, mit-talba tal-RTC imressqa minn Vision Research jirriżulta li l-kamera għandha memorja ta’ mill-inqas 1496 MB u li tista’ twettaq sensiela ta’ ritratti, li jammontaw sa 6688 ritratt fis-sekonda bir-riżoluzzjoni massima ta’ 800 x 600 pixel bi profondità ta’ kulur massima ta’ 14-il bit. |
43 |
Mill-paragun tal-karatteristiċi tal-apparati indikati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 u dawk tal-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta li dawn l-apparati ma humiex identiċi u, għalhekk, li l-imsemmi regolament ma huwiex direttament applikabbli għall-kamera kontenzjuża. |
44 |
Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat, min-naħa l-oħra, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk regolament ta’ klassifikazzjoni ma jkunx direttament applikabbli għal prodotti li ma humiex identiċi, iżda biss analogi għall-prodott li huwa s-suġġett ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar huwa applikabbli b’analoġija għal tali prodotti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li l-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati u dawk imsemmija mir-regolament ta’ klassifikazzjoni jkunu suffiċjentement simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, għall-prodotti analogi għal dawk koperti minn dan ir-regolament tiffavorixxi interpretazzjoni koerenti tan-NM kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Anagram International, C‑14/05, EU:C:2006:465, punt 32). |
46 |
Issa, l-apparati indikati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 huma simili fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom għall-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dawn l-apparati, bħall-kamera kkonċernata, għandhom il-kapaċità li jieħdu numru kbir ta’ ritratti diġitali fis-sekonda, huma mgħammra b’sensur CMOS, għandhom memorja volatili interna fejn l-immaġni jintilfu hekk kif l-apparat jintefa u jistgħu jintużaw għall-istudju ta’ fenomeni b’veloċità ultrarapida. |
47 |
Għaldaqstant ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 huwa applikabbli, b’analoġija, għall-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, konsegwentement, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-validità tiegħu. |
48 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li fir-rigward tal-applikazzjoni tan-NM, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta lill-Kummissjoni, li taġixxi b’kooperazzjoni mal-esperti doganali tal-Istati Membri, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tispeċifika l-kontenut tal-intestaturi tariffarji li għandhom jiġu kkunsidrati għall-klassifikazzjoni ta’ oġġetti speċifiċi. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tiddeċiedi l-miżuri msemmija fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, bħall-klassifikazzjoni tal-oġġetti, ma tawtorizzahiex tbiddel il-kontenut tal-intestaturi tariffarji li ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-SA, li ġiet fis-seħħ permezz tal-Konvenzjoni dwar is-SA, li fir-rigward tagħha l-Unjoni impenjat lilha nnifisha, bis-saħħa tal-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar, li ma tbiddilx il-portata tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Raytek u Fluke Europe, C‑134/13, EU:C:2015:82, punt 29). |
49 |
F’dan il-każ, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 tikklassifika taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM il-“kamera b’veloċità għolja”. Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imsemmija klassifikazzjoni huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li “[ħ]ażna temporanja fuq memorja volatili mhijiex meqjusa bħala reġistrazzjoni fil-kamera hekk kif l-immaġnijiet jintilfu wara li tintefa l-kamera”. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 30 u 33 ta’ din is-sentenza, il-kapaċità tal-kameras diġitali li jirreġistraw immaġni fissi fuq memorja interna tikkostitwixxi karatteristika essenzjali tal-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 85258030 tan-NM, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din il-kapaċità ta’ reġistrazzjoni hijiex temporanja jew permanenti. |
50 |
Peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 jeskludi, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mis-subintestatura 85258030 tan-NM, il-kameras li jirreġistraw b’mod temporanju immaġni fuq memorja volatili ta’ din is-subintestatura, u, għalhekk, jipproċedi għall-klassifikazzjoni tal-“kamera b’veloċità għolja” fis-subintestatura 85258019 tan-NM, dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni huwa inkompatibbli mas-subintestatura 85258030 tan-NM. |
51 |
Mill-punti preċedenti jirriżulta li, billi adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, il-Kummissjoni biddlet, billi llimitatha, il-portata tas-subintestatura 85258030 tan-NM. Għalhekk, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi li ngħatawlha mill-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87. |
52 |
Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, sa fejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 huwa applikabbli b’analoġija għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi tal-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ir-regolament huwa invalidu. |
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li s-subintestatura 85258030 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li kamera, bħall-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-kapaċità li tieħu numru kbir ta’ immaġni fotografiċi kull sekonda u li taħżinhom fil-memorja volatili interna tagħha, li minnha dawn jitħassru ladarba l-kamera tkun mitfija, taqa’ taħt l-imsemmija subintestatura, kif ukoll li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, sa fejn dan huwa applikabbli b’analoġija għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi ta’ tali kamera, huwa invalidu. |
Fuq l-ispejjeż
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Is-subintestatura 85258030 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-[Tariffa Doganali Komuni], fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013, tal‑4 ta’ Ottubru 2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li kamera, bħall-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-kapaċità li tieħu numru kbir ta’ immaġni fotografiċi kull sekonda u li taħżinhom fil-memorja volatili interna tagħha, li minnha dawn jitħassru ladarba l-kamera tkun mitfija, taqa’ taħt l-imsemmija subintestatura, kif ukoll li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 113/2014 tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, sa fejn dan huwa applikabbli b’analoġija għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi ta’ tali kamera, huwa invalidu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.