Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0300

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018.
Hochtief AG vs Budapest Főváros Önkormányzata.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Kúria.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri għal tressiq ta’ kawża – Direttiva 89/665/KE – Kawża għad-danni – Artikolu 2(6) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni għad-danni għall-konstatazzjoni preliminari u finali tal-illegalità tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li allegatament ikkawża d-dannu allegat – Rikors għal annullament – Proċedura preċedenti quddiem Kumitat Arbitrali – Stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet mill-Kumitat Arbitrali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-produzzjoni ta’ motivi li ma jkunux tqajmu quddiem il-Kumitat Arbitrali – tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.
Kawża C-300/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:635

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Awwissu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri għal tressiq ta’ kawża – Direttiva 89/665/KE – Kawża għad-danni – Artikolu 2(6) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni għad-danni għall-konstatazzjoni preliminari u finali ta’ l-illegalità tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li allegatament ikkawża d-dannu allegat – Rikors għal annullament – Proċedura preċedenti quddiem Kumitat Arbitrali – Stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet mill-Kumitat Arbitrali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-produzzjoni ta’ motivi li ma jkunux tqajmu quddiem il-Kumitat Arbitrali – tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza”

Fil-Kawża C-300/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Hochtief AG

vs

Budapest Főváros Önkormányzata,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Hochtief AG, minn A. László, ügyvéd, u I. Varga, konzulens,

għall-Gvern Ungeriż, minn M.Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou u D. Tsagkaraki u E. Tsaousi kif ukoll minn K. Georgiadis, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħolijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata permezz tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Hochtief AG u Budapest Fġváros Önkormányzata (il-Gvern Lokali ta’ Budapest, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Kontraenti”) fil-kuntest ta’ talba għad-danni li Hochtief ġarrbet b’riżultat ta’ ksur tar-regoli dwar l-kuntratti pubbliċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1), tad-Direttiva 89/665 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (GU 2014, L 94, p. 65)] jew id-Direttiva [2014/23/UE], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.”

4

L-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, skont regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

5

L-Artikolu 2(1), (2) u (6) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

[…]

b)

jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

ċ)

jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.

2.   Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.

[…]

6.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li fil-każ fejn jiġu mitluba danni minħabba li deċiżjoni kienet meħuda illegalment, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab minn korp li jkollu s-setgħat neċessarji.”

Id-dritt Ungeriż

6

L-Artikolu 108(3) tal-közbeszerzésekrġl szóló 2003 évi CXXIX. törvény (il-Liġi Nru CXXIX tal-2003 dwar il-kuntratti pubbliċi, Magyar Közlöny 2003/157, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi”) jipprevedi:

“[i]l-kandidat jista’ jbiddel it-talba għal parteċipazzjoni tiegħu sa mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-kandidaturi.”

7

L-Artikoli 350 ta’ dan il-liġi jipprevedi:

“Il-possibbiltà li titressaq pretensjoni tad-dritt ċivili f’każ ta’ ksur tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi u l-għoti tal-kuntratti pubbliċi hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-ksur jiġi kkonstatat b’mod definittiv mill-kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew minn qorti – adita b’appell minn deċiżjoni tal-kumitat arbitrali.”

8

L-Artikolu 351 tal-imsemmija liġi huwa redatt kif ġej:

“Jekk l-offerent jitlob mingħand l-awtorità kontraenti kumpens għall-ispejjeż li huwa sostna fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-offerta u tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura tal-għoti tal-kuntratt biss, sabiex jagħmel din it-talba għall-kumpens, huwa suffiċjenti li jipprova li

(a)

l-awtorità kontraenti kisret dispożizzjoni tar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi,

(b)

huwa kellu ċans reali li jingħata l-kuntratt u

(ċ)

il-ksur kellu effett sfavorevoli fuq iċ-ċans tiegħu li jingħata l-kuntratt.”

9

L-Artikolu 339/A Polgári perrendtartásról szóló 1952 évi III. törvény (il-Liġi Nru III tal-1952 li tistabilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili” jipprevedi:

“Ħlief f’każ ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva kuntrarja, qorti għandha tistħarreġ deċiżjoni amministrattiva abbażi tar-regoli legali fis-seħħ meta ttieħdet id-deċiżjoni u tal-elementi fattwali dakinhar eżistenti.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fil-5 ta’ Frar 2005, l-awtorità kontraenti ppubblika sejħa għal parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ta’ ammont li jaqbeż il-limitu previst mid-dritt tal-Unjoni, wara l-proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt. Fit-terminu mogħti kienu rċevuti ħames kandidaturi, li waħda minnhom kienet dik tal-konsorzju HOLI (iktar ’il quddiem il-“konsorzju”), immexxi minn Hochtief.

11

Fid-19 ta’ Lulju 2005, l-awtorità kontraenti informa lill-konsorzju li l-kandidatura tiegħu kienet invalida minħabba inkompatibbiltà u kienet ġiet miċħuda. Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt li l-konsorzju kien innomina bħala kap tal-proġett espert li kien ipparteċipa fil-preparazzjoni tas-sejħa għal offerti f’isem l-awtorità kontraenti.

12

B’deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2005, Döntġbizottság, (il-Kumitat Arbitrali tal-Kuntratti Pubbliċi, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“kumitat arbitrali”) ċaħad ir-rikors ippreżentat mill-konsorzju kontra din id-deċiżjoni. Dan il-kumitat qies li l-ħatra tal-espert fit-talba għal parteċipazzjoni ma setgħetx titqies bħala żball amministrattiv, kif sostniet Hochtief. Jekk dan tal-aħħar qies li, jekk Hochtief kienet awtorizzata li tikkoreġi dan l-iżball, dan jimplika emenda tal-applikazzjoni, eskluża mill-Artikolu 108(3) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Il-Kumitat Arbitrali kkunsidra wkoll li l-awtorità kontraenti ma kinitx aġixxiet b’mod illegali meta segwiet il-proċedura b’żewġ kandidati biss, peress li l-Artikolu 130(7) ta’ din il-liġi li jipprevedi li, jekk kien hemm għadd ta’ kandidati li ressqu talba għal parteċipazzjoni xierqa li jaqgħu fi ħdan l-intervall stabbilit, dawn tal-aħħar kellhom jiġu mistiedna.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2006, il-Fġvárosi Bíróság (il-Qorti ta’ Budapest, l-Ungerija) ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-konsorzju kontra d-deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2005.

14

Permezz ta’ deċiżjoni tas-13 ta’ Frar 2008, il-Fġvárosi Ítélġtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), adita bl-appell ippreżentat mill-konsorzju mis-sentenza tat-28 ta’ April 2006, ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden (C-138/08, EU:C:2009:627).

15

Matul din l-istess sena 2008, il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat, fil-kuntest ta’ l-eżami tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-awtorità kontraenti kienet kisret ir-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, minn naħa, billi ppubblikat avviż ta’ proċedura nnegozjata, u min-naħa l-oħra, billi eskludiet wieħed mill-kandidati matul il-proċedura ta’ preselezzjoni mingħajr ma tagħtu l-possibbiltà, b’konformità mas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C-34/03, EU:C:2005:127), li jipproduċi prova kuntrarja, jiġifieri li jistabbilixxi li l-parteċipazzjoni tal-espert nominat bħala kap tal-proġett ma kinitx ser toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

16

Fl-20 ta’ Jannar 2010, wara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden (C-138/08, EU:C:2009:627), il-Fġvárosi Ítélġtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) tat sentenza li kkonfermat is-sentenza tat-28 ta’ April 2006. Hija indikat b’mod partikolari li hi ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kontraenti, meta kkonkludiet li l-kandidatura tal-konsorzju kienet ivvizzjata b’kunflitt ta’ interess, wettqitx ksur li ma jagħtix lil dan tal-aħħar il-possibbiltà li jiddefendi ruħu, peress li l-imsemmi lment ma kienx inkluż fir-rikors fl-ewwel istanza. Huwa biss fl-istadju tal-appell li Hochtief kienet sostniet, għall-ewwel darba, li l-projbizzjoni li kienet tressqet kontra l-konsorzju kienet tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt tagħha li tippreżenta kandidatura u offerta, bi ksur tal-Artikolu 220 KE, tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/37/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal provvisti pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110) u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17

B’sentenza tas-7 ta’ Frar 2011, il-Legfelsġbb Bíróság (isem preċedenti tal-Qorti Suprema, l-Ungerija) ikkonfermat s-sentenza tal-Fġvárosi Ítélġtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) tal-20 ta’ Jannar 2010.

18

Fil-11 ta’ Awwissu 2011, Hochtief, billi bbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, bdiet proċedura ta’ reviżjoni kontra s-sentenza tal-Fġvárosi Ítélġtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest).

19

Fis-6 ta’ Ġunju 2013, il-Fġvárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) adottat digriet li jiċħad rikors għal reviżjoni, tal-istess sentenza tal-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li tiddeċiedi fl-aħħar istanza.

20

Filwaqt li baqgħet tistrieħ fuq il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, Hochtief għalhekk ippreżentat rikors li bih talbet il-kundanna tal-awtorità kontraenti għal kumpens fl-ammont ta’ HUF 24043685 (madwar EUR 74000), li jikkorrispondi għall-ispejjeż li hija sostniet minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku.

21

Peress li dan ir-rikors ġie miċħud fl-ewwel istanza u fl-appell, Hochtief ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi invokat, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirrelataw mal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315).

22

Il-qorti tar-rinviju, tesponi essenzjalment, li mid-Direttiva 89/665 jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ azzjonijiet għad-danni jista’ jkun suġġett għall-annullament preliminari tad-deċiżjoni kkontestata minn awtorità amministrattiva jew minn qorti (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval, C-166/14, EU:C:2015:779, punt 35), b’tali mod li, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva donnu ma jipprekludix dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali bħall-Artikolu 350 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi u tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, seta’ jkollha l-effett li tostakola l-possibbiltà li kandidat eskluż fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħalma hi Hochtief, tiftaħ kawża għad-danni peress li ma tistax tinvoka deċiżjoni li tikkonstata b’mod definittiv ksur tar-regoli tal-kuntratti pubbliċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jkun iġġustifikat, jew li tiġi prevista l-possibbiltà li tiġi prodotta l-prova ta’ tali ksur permezz ta’ mezzi oħra, jew li tiġi evitata r-regola nazzjonali għall-finijiet tal-prinċipju ta’ effettività, jew, ulterjorment, li tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Id-dritt tal-Unjoni jipprekudi dispożizzjoni proċedurali ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-preżentata ta’ kull talba ċivili bbażata fuq ksur ta’ regola fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għall-kundizzjoni li kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew qorti – adita b’appell mid-deċiżjoni tal-kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi – j/tiddikjara b’mod definittiv li kien hemm ksur ta’ din ir-regola?

2.

Dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi, bħala kundizzjoni preliminari għall-preżentata ta’ talba għad-danni, li kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew qorti – adita b’appell mid-deċiżjoni tal-kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi – j/tiddikjara b’mod definittiv li kien hemm ksur ta’ din ir-regola, tista’ tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni oħra li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jiġifieri, teżisti l-possibbiltà li persuna ppreġudikata tipprova l-ksur tar-regola b’mezzi oħra?

3.

Fil-kuntest ta’ kawża għad-danni, hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-prinċipji ta’ effettività u ta’ ugwaljanza, jew tista’ tippreġudika tali dritt jew tali prinċipji, dispożizzjoni proċedurali ta’ Stat Membru li tipprovdi għall-kontestazzjoni legali ta’ deċiżjoni amministrativa esklużivament abbażi tal-motivi invokati fil-proċedimenti quddiem il-kumitat arbitrali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, anki meta l-persuna ppreġudikata, insostenn tal-imsemmi ksur tar-regola, tkun tista’ tinvoka biss l-illeġittimità tad-deċiżjoni tiegħu tal-esklużjoni tagħha abbażi tal-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tali li twassal għall-esklużjoni tagħha mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku għal raġuni oħra, prevista mill-istess dispożizzjoni proċedurali nnegozjata, jiġifieri t-tibdil tal-applikazzjoni tagħha.”

Fuq it-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

24

Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 u 27 ta’ Lulju 2018, Hochtief talbet li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali jiġi ordnat skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25

Insostenn tat-talba tagħha, Hochtief tinvoka qabelxejn id-domanda preliminari magħmula mis-Székesfehérvári Törvényszék (il-Qorti tas-Székesfehérvár, l-Ungerija), permezz td-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Ġunju 2018 u ġiet irreġistrata bħala in-numru C-362/18. Hija essenzjalment issostni li r-risposta għad-domandi mqajma f’din il-kawża tiddependi fuq ir-risposta għad-domandi magħmula fil-kawża C-362/18 u li, sabiex tiġi żgurata l-unità tal-ġurisprudenza, il-partijiet għandhom jingħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehma tagħhom dwar il-kawża tal-aħħar.

26

Hochtief imbagħad issostni li, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni kwistjonijiet li ma kinux is-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet. Hija tixtieq, b’mod partikolari, li tippreżenta osservazzjonijiet fuq stqarrija magħmula mill-Aġent tal-Gvern Ungeriż matul is-seduta, skont liema s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009Hochtief u Linde-Kca-Dresden, (C‑138/08, EU:C:2009:627), magħmula matul il-proċeduri quddiem il-qrati Ungeriżi, kienet is-suġġett ta’ sentenza minn dawn tal-aħħar. Hija tikkunsidra li hija ta’ importanza deċiżiva, meta twieġeb l-ewwel żewġ domandi mressqa fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li jiġi iddeterminat liema evalwazzjoni għamlu l-imsemmija qrati minn dik is-sentenza.

27

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe ħin, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-parti orali tal-proċedura, b’mod partikolari li ma hijiex informata biżżejjed jew meta parti tkun issottomettiet, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid li x’aktarx jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew meta l-kawża tkun deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex dibattut bejn il-partijiet jew il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

28

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-provi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari u li ma hemm ebda raġuni biex tingħata risposta għal din id-domanda minħabba argument li ma ġiex dibattut quddiemha.

29

Minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni Hochtief, ir-risposta għad-domandi mqajma f’din il-kawża ma tiddependix fuq ir-risposta għad-domandi magħmula fil-Kawża C-362/18. Għalkemm it-tilwim fil-kawża prinċipali f’dan il-każ u fil-Kawża C-362/18 jinsabu f’kuntest simili, xorta jibqa’ l-fatt li d-domandi magħmula fil-kawża C-362/18 li, kif tirrileva Hochtief stess fit-talba tagħha, jirrigwardaw prinċipalment ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwit lil qorti nazzjonali li tiddeċiedi bħala l-aħħar riżorsa, huma differenti minn dawk stabbiliti f’din il-kawża li jirrelataw mal-kondizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ azzjoni għad-danni kontra awtorità kontraenti.

30

Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ element li ma kienx is-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet. B’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden (C-138/08, EU:C:2009:627), invokata minn Hochtief insostenn tat-talba tagħha għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, kienet imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll il-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kellhom l-opportunità li jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom kemm bil-miktub kif ukoll oralment f’dan ir-rigward.

31

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

32

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-possibbiltà li tiġi sostnuta pretensjoni tad-dritt ċivili fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar l-kuntratti pubbliċi u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għall-kundizzjoni li l-ksur ikun ġie kkonstatat b’mod definittiv mill-Kumitat Arbitrali tal-Kuntratti Pubbliċi jew, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ dan il-kumitat arbitrali, minn qorti.

33

Fl-ewwel lok għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li fil-każ fejn jiġu mitluba danni minħabba li deċiżjoni kienet meħuda illegalment, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel annullata minn korp li jkollu s-setgħat neċessarji.

34

Għalhekk, jirriżulta, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, l-għażla li jadottaw dispożizzjoni proċedurali nazzjonali bħall-Artikolu 350 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li tissuġġetta l-possibbiltà li tiġi sostnuta pretensjoni tad-dritt ċivili fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar l-kuntratti pubbliċi u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għall-kundizzjoni li l-ksur ikun ġie kkonstatat b’mod definittiv minn kumitat arbitrali bħal dak fil-kawża prinċipali inkwistjoni jew, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni magħmula minn tali kumitat arbitrali, minn qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval, C-166/14, EU:C:2015:779, punt 36).

35

Għandu jitfakkar fit-tieni lok li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, id-Direttiva 89/665 tistabbilixxi biss il-kundizzjonijiet minimi li għalihom għandhom iwieġbu l-proċeduri legali nazzjonali, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C-439/14 u C-488/14, EU:C:2016:688, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

L-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 tillimita ruħu li jipprevedi tistabbilixxi l-għażla sabiex l-Istati Membri, li jissuġġettaw l-preżentata ta’ rikors għad-danni għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minn korp kompetenti f’dan is-sens, mingħajr l-iċken indikazzjoni fir-rigward tal-eventwali kundizzjonijiet jew il-limiti li jakkumpanjaw, jekk ikun il-każ, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjonijiet tagħha.

37

Minn dan isegwi li, kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punt 39 tal-Konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom ir-regoli nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu applikati fl-ordni legali tagħhom kif ukoll il-limiti, eċċezzjonijiet jew derogi li għandhom jakkumpanjaw, jekk ikun il-każ, lil din l-applikazzjoni.

38

Ċertament, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, huwa f’idejn l-Istati Membri, meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji legali intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti li jkunu ġarrbu ħsara b’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti, jiġi żgurat li la tiġi ppreġudikata l-effettività tad-Direttiva 89/665 u lanqas id-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C-439/14 u C-488/14, EU:C:2016:688, punti 4344).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 ma kinitx mingħajr limiti u baqgħet suġġetta għall-kundizzjoni li r-rikors għal annullament qabel kwalunkwe azzjoni għad-danni jkun effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval, C‑166/14, EU:C:2015:779, punti 36 sa 44). Huma għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal tribunal imparzjali, f’konformità mal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C-439/14 u C-488/14, EU:C:2016:688, punt 46).

40

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà li tiġi sostnuta pretensjoni tad-dritt ċivili fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar l-kuntratti pubbliċi u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għall-kundizzjoni li l-ksur ikun ġie kkonstatat b’mod definittiv minn qabel ma ċċaħħadx l-offerent ikkonċernat mid-dritt għal rimedju effettiv.

41

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola proċedurali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-possibbiltà li tiġi sostnuta pretensjoni tad-dritt ċivili fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar l-kuntratti pubbliċi u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għall-kundizzjoni li l-ksur ikun ġie kkonstatat b’mod definittiv minn kumitat arbitrali tal-Kuntratti Pubbliċi jew, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ dan il-kumitat arbitrali, minn qorti.

Fuq it-tielet domanda

42

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal danni, huwa jipprekludi regola proċedurali nazzjonali li tillimita l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ sentenzi mogħtija minn Kumitat Arbitrali responsabbli fl-ewwel istanza, għall-istħarriġ tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kontraenti fl-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, billi jiġu eżaminati biss il-pretensjonijiet imqajma quddiemha.

43

F’dan ir-rigward, ta’ dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qrati nazzjonali inkarigati mill-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Arbitrali mitluba jeżaminaw fl-ewwel istanza rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti fl-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom, skont l-Artikolu 339/A tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jiċħdu bħala inammissibbli kull pretensjoni ġdida li ma tqajmitx quddiem dan il-kumitat.

44

Huwa b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li l-Fġvárosi Ítélġtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) ċaħdet l-appell imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra s-sentenza tal-Fġvárosi Bíróság (il-Qorti ta’ Budapest) ċaħdet ir-rikors kontra d-deċiżjoni inizjali tal-Kumitat Arbitrali. Huwa wkoll abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-Legfelsġbb Bíróság (isem preċedenti tal-Qorti Suprema) ċaħdet l-appell fil-Kassazzjoni mressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra s-sentenza tal-Fġvárosi Ítélġtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest).

45

Skont il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni kkombinata tal-Artikolu 339/A tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 350 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi tista’ madankollu jkollha effett kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni.

46

Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, b’riferiment għall-punt 39 tas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval, C-166/14, EU:C:2015:779), li l-grad tar-rekwiżit taċ-ċertezza legali dwar il-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet ma huwiex identiku għall-azzjonijiet għal danni u għall-azzjonijiet intiżi li jrendu kuntratt mingħajr effett. Fil-fatt, huwa ġġustifikat, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali li minnhom għandhom jibbenefikaw ir-relazzjonijiet kuntrattwali, ir-rimedji li huma intiżi li jiddikjaraw ineffettivi l-kuntratti konklużi bejn l-awtoritajiet kontraenti u offerenti rebbieħa ta’ kuntratti pubbliċi jiġu fformulati ristrettivament (protezzjoni legali primarja). Madankollu, sa fejn l-azzjonijiet għad-danni (protezzjoni legali sekondarja), fil-prinċipju, ma humiex rilevanti għall-validità ta’ kuntratti diġà konklużi, ma hemmx ġustifikazzjoni għal li dawk l-azzjonijiet jiġu suġġetti għal proċeduri ristrettivi bħal dawk ta’ rikorsi li l-għan tagħhom ikun l-eżistenza stess jew l-implimentazzjoni ta’ tali kuntratti.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punti 41 sa 44, tas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval, C-166/14, EU:C:2015:779), li l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi, f’ċerti ċirkustanzi, li sistema proċedurali nazzjonali tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet għad-danni fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għall-konstatazzjoni preliminari tal-illegalità tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt ikkonċernat.

48

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni f’kuntest speċifiku ħafna, ikkaratterizzat mill-fatt li rikors għall-konstatazzjoni preliminari tal-illegalità tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, ibbażata fuq l-assenza ta’ pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, kienet suġġetta għal terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mill-jum wara d-data tal-għoti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, irrispettivament mill-fatt jekk il-persuna leża kienet f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni tal-eżistenza tal-illegalità li taffettwa din id-deċiżjoni, jew le. Fil-fatt, f’tali kuntest, perijodu ta’ sitt xhur jista’ ma jippermettix lil persuna leża tiġbor l-informazzjoni neċessarja għall-finijiet ta’ rikors li jikkontesta l-legalità tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt ikkonċernat, li b’hekk tostakola il-preżentata ta’ dan ir-rikors u kienu, għaldaqstant, prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni għad-danni.

49

Madankollu, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddistingwi ruħha b’mod ċar minn dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval, C-166/14, EU:C:2015:779).

50

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, b’mod differenti mir-regola ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval (C-166/14, EU:C:2015:779), ir-regola proċedurali prevista fl-Artikolu 339/A tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ma għandhiex taffettwa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 47 sa 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47, tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C-418/11, EU:C:2013:588, punt 87).

51

Jekk, barra minn hekk, huwa veru li din ir-regola proċedurali nazzjonali timponi konformità stretta tal-motivi invokati quddiem il-Kumitat Arbitrali u dawk invokati quddiem il-qrati adita sabiex tistħarreġ id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumitat, b’hekk jeskludu kull possibbiltà li persuna tressaq motiv ġdid fil-mori tal-kawża, huwa minnu wkoll li tikkontribwixxi, kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tippreżerva l-effett utli tad-Direttiva 89/665, li kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa li jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet illegali tal-awtoritajiet kontraenti jistgħu jkunu s-suġġetti għal rimedji effettivi u kemm jista’ jkun mgħaġġla (ara, f’dan is-sens, s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C-439/14 kif ukoll C-488/14, EU:C:2016:688, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju li jgħid li l-inizjattiva ta’ proċess tappartjeni lill-partijiet, li jimplika li l-qorti għandha l-obbligu li żżomm mas-suġġett tal-kawża u li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-fatti li ġew ippreżentati quddiemha u li tastjeni li taġixxi ex officio għajr f’każijiet eċċezzjonali, sabiex tissalvagwardja l-interess pubbliku, u jħares id-drittijiet tad-difiża u jiżgura l-iżvolġiment korrett tal-proċedura, b’mod partikolari, billi jipproteġihom minn dewmien inerenti għall-evalwazzjoni ta’ motivi ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C-430/93 u C-431/93, EU:C:1995:441, punti 2021, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, EU:C:2007:318, punti 3435).

53

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, Hochtief ma tridx tkun prekluża li tippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li telimina tal-proċedura, la quddiem il-kumitat arbitrali u, sussegwentement, quddiem il-qrati nazzjonali inkarigati mill-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni meħuda minn dan il-kumitat.

54

Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat li Hochtief ġiet prekluża milli tqajjem f’waqtha il-motiv ibbażat, essenzjalment, li hija ma kellhiex l-opportunità li tipprova li, f’dan il-każ, l-assistenza tal-espert li hija kienet għażlet bħala amministratur tal-proġett u li kienet intervjeniet flimkien mal-awtorità kontraenti ma kienx probabbli li jgħawweġ il-kompetizzjoni, skont l-insenjament li joħroġ mis-sens tal-punti 33 sa 36, tas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C-34/03, EU:C:2005:127,), mogħtija qabel id-data tal-preżentata tar-rikors inizjali tiegħu quddiem il-Kumitat Arbitrali.

55

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni li jagħtiha l-Artikolu 267 TFUE, hija tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, tiċċara u tippreċiża, jekk hemm bżonn, it-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li ddaħħlet fis-seħħ (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, EU:C:1980:100, punt 16, u tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C-453/00, EU:C:2004:17, punt 21).

56

Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, offerent, bħal Hochtief, setgħet tqajjem l-ilment li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi li d-dritt ta’ il-fatt li hija kienet ħatret bħala maniġer tal-proġett espert li kien ipparteċipa fit-tħejjija tas-sejħa għall-offerti flimkien mal-awtorità kontraenti ma kienx probabbli li jgħawweġ il-kompetizzjoni, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rilevanti f’dan ir-rigward.

57

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C-34/03, EU:C:2005:127) kien biss disponibbli bil-lingwa Ungeriża wara l-preżentata minn Hochtief fil-kawża prinċipali tar-rikors tagħha quddiem il-Kumitat Arbitrali u anki tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar quddiem il-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza, din iċ-ċirkustanza ma tistax madankollu, waħedha, tippermetti jiġi konkluż li din kienet fl-impossibbiltà assoluta li tqajjem tali ilment.

58

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, ma jipprekludix regola proċedurali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn Kumitat Arbitrali responsabbli fl-ewwel istanza mill-istħarriġ tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kontraenti fl-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jiġu eżaminati biss motivi invokati quddiem dan il-kumitat.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħolijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet], kif emendata permezz tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola proċedurali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-possibbiltà li tiġi sostnuta pretensjoni tad-dritt ċivili fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar l-kuntratti pubbliċi u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għall-kundizzjoni li l-ksur ikun ġie kkonstatat b’mod definittiv minn dan il-Kumitat Arbitrali tal-Kuntratti Pubbliċi jew, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ dan il-Kumitat Arbitrali, minn qorti.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2014/23, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, ma jipprekludix regola proċedurali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn Kumitat Arbitrali responsabbli fl-ewwel istanza mill-istħarriġ tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kontraenti fl-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jiġu eżaminati biss motivi invokati quddiem dan il-kumitat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top