Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0514

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2018.
    Marin-Simion Sut.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Liège.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Il-punt 6 tal-Artikolu 4 – Motiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Reat li jwassal għal kundanna għal piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat emittenti u li huwa punibbli biss b’multa fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.
    Kawża C-514/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:672

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fis‑6 ta’ Settembru 2018 ( 1 )

    Kawża C‑514/17

    Ministère public

    vs

    Marin-Simion Sut

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku – Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Il-punt 6 tal-Artikolu 4 – Motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Implimentazzjoni – Reat li jwassal għal piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru emittenti u li huwa punibbli biss b’multa fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 2(4) – Portata tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Artikolu 8(3) – Adattament tal-kundanna”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Il-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI ( 2 ) jista’ jiġi nvokat mill-qorti inkarigata sabiex tiddeċiedi fuq l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta r-reat li dwaru jkun inħareġ dan il-mandat ikun ġie ssanzjonat fl-Istat Membru emittenti b’piena li ċċaħħad il-libertà, filwaqt li, konformement mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, dan ir-reat huwa punibbli biss bil-piena ta’ multa?

    2.

    Din hija, essenzjalment, id-domanda li tagħmel il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju), fuq is-suġġett tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ iktar minn seba’ snin ilu, fis‑26 ta’ Awwissu 2011, mill-awtoritajiet Rumeni kontra Marin-Simion Sut, ċittadin Rumen residenti fil-Belġju, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà għal sena u xahrejn talli saq vettura mingħajr il-liċenzja tas-sewqan.

    3.

    Skont il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà meta l-persuna mfittxija toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, hija ċittadin tiegħu jew tirrisjedi hemmhekk u meta dak l-Istat jintrabat li jeżegwixxi dik is-sentenza skont il-liġi domestika tiegħu.

    4.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni għandha tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li, fil-kuntest tad-diskrezzjoni mogħtija lilha, tevalwa l-punt sa fejn l-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ żżid l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-persuna mfittxija meta tiġi skontata s-sentenza li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata ( 3 ).

    5.

    F’din il-kawża, hemm qbil li l-persuna kkonċernata ma tatx il-kunsens tagħha għall-konsenja u esprimiet ix-xewqa li tiskonta s-sentenza tagħha fil-Belġju. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège) tinnota li M.‑S. Sut għandu rabtiet mal-Belġju b’mod li, meħuda inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni konkreta tiegħu, l-eżekuzzjoni tas-sentenza fuq it-territorju Belġjan tista’ żżid l-opportunitajiet tiegħu ta’ integrazzjoni fis-soċjetà.

    6.

    Madankollu, il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège) qed taffaċċja l-fatt li r-reat li dwaru M.‑S. Sut ġie kkundannat fir-Rumanija huwa suġġett għal piena li ċċaħħad il-libertà, skont l-Artikolu 30(1) tal-loi relative à la police de la circulation routière (il-Liġi dwar il-Pulizija tat-Traffiku) ( 4 ) tas-16 ta’ Marzu 1968, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, hija suġġetta għal multa.

    7.

    Fl-akkuża li huwa ppreżenta quddiem il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège), il-ministère public (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Belġju) iqis li għalhekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex il-possibbiltà li tinvoka l-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv imsemmi fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, billi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 5 ), l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tikkonverti l-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja emittenti f’sanzjoni pekunjarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ministère public (l-Uffiċċju tal-Prosekutur) iqis li għalhekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax timpenja ruħha sabiex teżegwixxi, konformement mad-dritt Belġjan, il-piena li għaliha M.‑S. Sut ġie kkundannat fir-Rumanija.

    8.

    Għaldaqstant il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège), li tiddubita mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni difiża mill-ministère public (l-Uffiċċju tal-Prosekutur) fl-akkuża tiegħu, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni kwadru 2002/584 jista’ jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jiġi applikat għal fatti li għalihom ġiet deċiża piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà minn qorti ta’ Stat emittenti meta dawn l-istess fatti huma punibbli fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni biss b’multa, li jimplika, skont id-dritt intern tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, impossibbiltà li tiġi eżegwita l-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u dan għad-detriment tal-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata u r-rabtiet familjari, soċjali jew ekonomiċi tagħha?”

    9.

    Fl-osservazzjonijiet li huwa ppreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan isostni l-opinjoni difiża mill-ministère public (l-Uffiċċju tal-Prosekutur), għaliex huwa jqis li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni effettivament tinsab imċaħħda mill-possibbiltà li tinvoka l-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv imsemmi fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, billi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, hija ma tistax tikkonverti l-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija mill-Judecătoria Carei (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Carei, ir-Rumanija) f’sanzjoni pekunjarja.

    10.

    Fil-verità, ir-raġunament tal-Gvern Belġjan, kif nifhmu jien, iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jirrikjedi li r-reat li dwaru huwa invokat ikun suġġett għal pieni, jekk mhux identiċi, tal-inqas simili fid-dritt tal-Istat Membru emittenti u ta’ dak tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Il-qorti Belġjan hija għaldaqstant ikkonfrontata minn żewġ diffikultajiet, l-ewwel waħda marbuta mad-diverġenza bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar is-sanzjonijiet applikabbli għar-reati tat-traffiku u t-tieni mal-impossibbiltà li l-piena li ċċaħħad il-libertà “Rumena” tiġi kkonvertita f’piena ta’ multa “Belġjana”.

    11.

    Għaldaqstant din id-domanda tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċiża s-sinjifikat tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku kif ikkonkretizzat bid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584. Hija toffrilha għalhekk wkoll l-opportunità, fil-linja tas-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski ( 6 ), tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg ( 7 ), tal‑11 ta’ Jannar 2017 Grundza ( 8 ), u tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski ( 9 ), li tipprovdi preċiżazzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet li taħthom il-qorti inkarigata sabiex tiddeċiedi fuq l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tinvoka l-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u dwar kif għandu jiġi artikolat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilit b’dik id-deċiżjoni qafas mar-regoli u l-prinċipji previsti bid-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    12.

    F’dawn il-konklużjonijiet, sejjer nispjega r-raġunijiet li għalihom ma naqbilx mal-opinjoni espressa mill-Gvern Belġjan f’din il-kawża.

    13.

    Għalhekk sejjer nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn ir-reat li għalih inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew kien ssanzjonat b’piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru emittenti, il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tivverifika u teżiġi, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit b’din id-dispożizzjoni, li l-fatti li dwarhom inħarġet il-kundanna jkunu ssanzjonati wkoll b’piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    II. Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

    A.   Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584

    14.

    Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandha bħala għan li tneħħi, bejn l-Istati Membri, il-proċedura formali ta’ estradizzjoni stabbilita mid-diversi konvenzjonijiet li fihom huma parti dawn l-Istati Membri u li tissostitwixxiha b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ( 10 ). Hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali, li jikkostitwixxi l-“punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ( 11 ), u fuq “livell għoli ta’ kunfidenza” bejn l-Istati Membri ( 12 ).

    15.

    L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 huwa intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”. Huwa jiddisponi:

    “1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

    […]”

    16.

    Meta mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ordni ta’ kustodja, dan għandu jinħareġ, konformement mal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

    17.

    L-istess Artikolu 2 jipprovdi, fis-subartikolu 2 tiegħu, lista ta’ 32 ksur li minħabba fihom, jekk huma punibbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat b’sentenza ta’ kustodja għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi eżegwit anki jekk il-fatti inkwistjoni ma humiex punibbli fl-Istat Membru li jeżegwixxi.

    18.

    Fir-rigward tal-ksur l-ieħor, il-konsenja tal-persuna milquta bil-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta mill-Istat Membru li jeżegwixxi għall-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tal-atti. Għal dan l-għan, l-Artikolu 2(4) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jiddisponi:

    “Għal reati barra minn dawk koperti mill-paragrafu 2, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-atti li għalihom inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, irrespettivament mill-elementi kostitwenti jew ta’ kif inhu deskritt.”

    19.

    L-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 huma ddedikati, rispettivament, għall-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju u għall-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

    20.

    Il-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas għalhekk jistabbilixxi:

    “L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

    […]

    6. jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu.”

    B.   Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909

    21.

    Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li ġiet adottata wara d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, hija intiża sabiex timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali, stipulat fl-Artikolu 82(1) TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 31 UE li fuq il-bażi tiegħu din id-deċiżjoni qafas ġiet adottata ( 13 ). Konformement mal-Artikolu 3 tagħha, hija intiża sabiex tiżgura r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jimponu piena li ċċaħħad il-libertà fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru emittenti, u dan sabiex tiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna ssentenzjata ( 14 ).

    22.

    L-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Kriminalità doppja”, jipprevedi lista ta’ 32 reat li dwarhom, jekk fl-Istat Membru emittenti huma punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jirrikonoxxi s-sentenza u jeżegwixxi l-kundanna mingħajr verifika tal-kriminalità doppja.

    23.

    Għar-reati l-oħra, l-Artikolu 7(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas jiddisponi:

    “Għal reati oħra barra dawk koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni dwar miżuri ta’ superviżjoni soġġett għall-kondizzjoni li d-deċiżjoni tirrigwarda atti li jikkostitwixxu wkoll reat skont il-liġi tal-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostituttivi jew minn kif inhu deskritt.”

    24.

    L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Rikonoxximent tas-sentenza u infurzar tal-piena”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa […] u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar tal-piena, sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar previsti fl-Artikolu 9.

    […]

    3.   Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’termini tan-natura tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tadattaha għall-piena jew għall-miżura prevista taħt il-liġi tagħha stess għal reati simili. Tali piena jew miżura għandha tikkorrispondi kemm jista’ jkun possibbli mal-piena imposta fl-Istat emittenti u għalhekk il-piena m’għandhiex tiġi konvertita f’sanzjoni pekunjarja.”

    25.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprovdi:

    “Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 […], id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas […].”

    III. Osservazzjonijiet preliminari

    26.

    Qabel l-eżami tad-domanda preliminari magħmula mill-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège), huwa neċessarju li jsir kumment preliminari li jikkonċerna l-emenda li l-leġiżlatur Belġjan reċentement ħafna introduċa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jissanzjonaw ir-reati ta’ ksur tat-traffiku.

    27.

    Fil-fatt, il-loi relative à l’amélioration de la sécurité routière (il-Liġi dwar it-Titjib tas-Sigurtà tat-Traffiku) ( 15 ), tas-6 ta’ Marzu 2018, bidlet profondament il-Liġi dwar it-Traffiku billi ħarxet l-pieni applikabbli għal dawn ir-reati. B’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Liġi dwar it-Titjib tas-Sigurtà tat-Traffiku, l-Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar it-Traffiku issa jipprovdi li huwa punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà minn tmint ijiem sa sentejn u multa ta’ EUR 200 sa 2000 jew waħda biss minn dawn il-pieni, kull min isuq vettura bil-mutur mingħajr ma jkollu l-liċenzja tas-sewqan meħtieġa.

    28.

    Konsegwentement, jidher li, attwalment, ir-reat li għalih inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa punibbli fl-Istat Membru emittenti u fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni b’piena tal-istess natura, jiġifieri piena li ċċaħħad il-libertà, li jimplika li l-ostakolu legali li ffaċċjaw l-awtoritajiet Belġjani għall-eżekuzzjoni, fil-Belġju, tas-sentenza li għaliha M.‑S. Sut kien ikkundannat fir-Rumanija, illum jidher li ġie kompletament eliminat.

    29.

    Madankollu, u billi l-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège) ma rtiratx it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari wara l-emenda leġiżlattiva inkwistjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li xorta waħda tirrispondiha.

    IV. L-analiżi tiegħi

    30.

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ser iżżid l-opportunitajiet tar-reintegrazzjoni soċjali tal-persuna mfittxija, il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tinvoka l-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv msemmi f’dik id-dispożizzjoni u għalhekk tinsab obbligata li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew meta l-fatti li għalihom ingħatat dik il-piena fl-Istat Membru emittenti huma punibbli biss b’multa fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    31.

    Qabel ma nibda l-analiżi ta’ din il-kwistjoni, jeħtieġ li nfakkar punt essenzjali dwar l-artikolazzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet qafas imsemmija mill-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège) fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, jiġifieri, minn naħa, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, li tistabbilixxi l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li hija intiża sabiex tiffavorixxi l-eżekuzzjoni tal-pieni ta’ ċaħda tal-libertà fl-Istat Membru fejn din l-eżekuzzjoni tista’ żżid l-opportunitajiet ta’ reintegrazzjoni soċjali tal-persuna ssentenzjata.

    32.

    Huwa minnu li, konformement mal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, id-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw, mutatis mutandis, għall-eżekuzzjoni tal-pieni fil-każ fejn Stat Membru jintrabat li jeżegwixxi l-piena konformement mal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u sal-punt li dawn huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

    33.

    L-artikulazzjoni prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandha tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-implimentazzjoni ta’ prinċipju fundamentali tal-liġi dwar il-pieni, jiġifieri r-reintegrazzjoni soċjali tal-persuna ssentenzjata permezz ta’ individwalizzazzjoni tas-sentenza, li hawnhekk jikkostitwixxi aspett fundamentali komuni għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet qafas.

    34.

    Madankollu, il-Gvern Belġjan iwettaq żball fil-kuntest tal-interpretazzjoni tiegħu, meta jinvoka d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 sabiex jillimita l-portata tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

    35.

    Fil-fatt, il-Gvern Belġjan ma jieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, bejn dawn iż-żewġ atti, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandha preċedenza fil-konfront tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, saħansitra fi kliem din tal-aħħar li tipprevedi dan espressament fl-Artikolu 25 tagħha.

    36.

    Għalhekk il-leġiżlatur tal-Unjoni indika kjarament il-volontà tiegħu li ma jnaqqasx l-ispirtu u s-saħħa tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilit bid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 billi, fl-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ippreċiża li, “[m]ingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 […], id-dispożizzjonijiet tad-[Deċiżjoni Qafas 2008/909] għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet [tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584] […]” ( 16 ).

    37.

    Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni l-oqsma ta’ applikazzjoni ferm differenti ta’ dawn iż-żewġ atti.

    38.

    Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 hija intiża għall-konsenja obbligatorja minn Stat Membru lil ieħor ta’ persuna akkużata jew issentenzjata maħruba jew li mhux magħruf fejn tinsab, u fejn hemm il-biża’ li hija qegħda tfittex li taħrab mill-konsegwenzi tal-atti tagħha. Għalhekk, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 hija intiża sabiex tevita li din il-persuna tgawdi minn impunità minħabba bogħod ġeografiku.

    39.

    Bil-kuntrarju, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma hijiex ispirata mill-ideja li d-delinkwent, jew is-suspettat, huwa maħrub u għalhekk huwa meħtieġ li tiġi organizzata l-konsenja obbligatorja tiegħu. Hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema armonizzata ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja sabiex tiżgura metodu ta’ eżekuzzjoni klassiku tad-deċiżjonijiet ta’ kundanna, li huwa applikat f’kull Stat Membru, u hekk tiffavorixxi r-reintegrazzjoni soċjali tal-persuna ssentenzjata. Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija, fil-verità, l-estensjoni fi ħdan dan l-ispazju uniku tal-prattiċi ta’ kuljum tal-qrati nazzjonali. F’kull Stat Membru, il-qorti inkarigata mill-eżekuzzjoni tas-sentenza tieħu inkunsiderazzjoni l-personalità tal-persuna ssentenzjata, tas-sitwazzjoni familjari u professjonali tagħha u tal-post ta’ residenza tagħha sabiex tiddetermina l-post fejn għandha tkun detenuta u tevita li l-fatt biss ta’ din il-piena li ċċaħħad il-libertà ma jikkostitwixxix aggravazzjoni tal-iżolament soċjali tagħha. Għalhekk, il-persuna ssentenzjata mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-belt ta’ Brest (Franza), imma stabbilita fil-belt ta’ Strasbourg (Franza), għandha tiskonta l-piena tagħha fi stabbiliment penitenzjarju qrib din tal-aħħar. Billi adotta d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, il-leġiżlatur tal-Unjoni aċċerta li dan jista’ jsir anki jekk din il-persuna hija stabbilita fil-belt ta’ Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja).

    40.

    Għalhekk id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija intiża sabiex tiffavorixxi r-reintegrazzjoni soċjali tal-persuna ssentenzjata għal piena li ċċaħħad il-libertà fi Stat Membru billi tippermettilha tiskonta l-piena tagħha jew il-kumplament tal-piena tagħha fl-ambjent soċjali tal-oriġini tagħha, jiġifieri fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Għalhekk dan huwa każ fejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jeżegwixxi deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, bl-istess mod li din normalment tagħmel dan fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ kundanna tagħha, jiġifieri, billi tiżgura li l-intier tal-miżuri li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni u l-amministrazzjoni ta’ din il-piena jkun individwalizzat ( 17 ).

    41.

    Wara li tfakkar dan il-punt, għandha issa tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali organizzata mit-trattati, imma wkoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja Belġjana kompetenti tistax, jew le, teżegwixxi l-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija mill-Judecătoria Carei (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Carei) kontra M.‑S. Sut.

    42.

    Għar-raġunijiet li sejjer niżviluppa issa, inqis li l-opinjoni difiża mill-Gvern Belġjan hija kontra d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, billi ma tirrispettax id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “rikonoxximent reċiproku” u twassal sabiex tintroduċi sistema li tixbaħ dik tal-estradizzjoni li, madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni korrettament u espressament ried jittermina bejn l-Istati Membri.

    A.   Ir-rikonoxximent reċiproku

    43.

    Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi ħdan l-ispazju kriminali Ewropew tistrieħ, kif jirriżulta kjarament mill-Artikolu 82(1) TFUE, fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Dan il-prinċipju jikkostitwixxi l-“punt ta’ referenza” ta’ din il-kooperazzjoni ( 18 ) u skont il-Qorti tal-Ġustizzja huwa ta’ “importanza fundamentali” fid-dritt tal-Unjoni, peress li jippermetti l-ħolqien jew iż-żamma ta’ żona mingħajr fruntieri interni, flimkien mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu hija bbażata ( 19 ).

    44.

    Bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, meta tittieħed deċiżjoni minn awtorità ġudizzjarja b’mod konformi mad-dritt tal-Istat li fih hija tinsab, hija għandha effett sħiħ u dirett fl-Unjoni kollha, b’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn kollha għandhom jassistu fl-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni bħallikieku tkun ingħatat minn awtorità ġudizzjarja tal-Istat tagħhom stess ( 20 ).

    45.

    Isegwi li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru timpenja ruħha li tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ kundanna li ngħatat mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor, din għandha, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din il-kundanna hekk kif mogħtija minn din il-qorti u bl-istess mod bħallikieku kienet deċiżjoni tagħha stess.

    46.

    Fil-fatt, mis-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge ( 21 ), dwar il-prinċipju ne bis in idem, jirriżulta li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jimplika neċessarjament, indipendentement minn kif tiġi imposta l-piena, li teżisti fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi ta’ ġustizzja penali rispettivi tagħhom u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt penali fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħrajn, anki meta l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu tkun twassal għal soluzzjoni differenti ( 22 ).

    47.

    Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja lanqas ma huwa limitat għat-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat imma jestendi għall-Unjoni kollha.

    48.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu waħdu jippermetti li jiġi ggarantit li s-sentenza mogħtija fit‑8 ta’ Ġunju 2011 mill-Judecătoria Carei (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Carei) tkun irrikonoxxuta u l-piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena u xahrejn li għaliha M.‑S. Sut kien ġie kkundannat eżegwita mit-tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège, il-Belġju) bl-istess mod li kieku dik is-sentenza ingħatat u l-kundanna imposta mit-tribunal de première instance d’Arlon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Arlon, il-Belġju).

    49.

    Issa li dan ġie stabbilit, jeħtieġ li jiġi investigat il-punt sa fejn, fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilit bid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit bil-punt 6 tal-Artikolu 4 tagħha, l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani jistgħu jirrinunzjaw għal dan il-prinċipju minħabba l-assenza ta’ identità tal-elementi li jikkostitwixxu r-reat u, b’mod partikolari, tal-piena bejn id-dritt tal-Istat Membru emittenti u dak tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    B.   It-termini, l-istruttura u l-għanijiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584

    50.

    Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku kif ukoll fuq “livell għoli ta’ kunfidenza” bejn l-Istati Membri ( 23 ). Kif jinsab iddikjarat fil-premessa 6, din hija l-ewwel konkretizzazzjoni, fil-qasam tad-dritt kriminali, tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew, li nżamm f’Tampere fil‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999, rrefera għalih bħala l-“punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

    51.

    Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 espressament għandha l-għan, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 5 u l-Artikolu 31 tagħha, li tneħħi, bejn l-Istati Membri, il-proċedura ta’ estradizzjoni u tissostitwixxiha b’sistema ta’ konsenja, li fil-kuntest tagħha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tipprekludi din il-konsenja biss permezz ta’ deċiżjoni mmotivata b’mod speċjali fuq wieħed mill-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jew fakultattiva enumerati b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    52.

    Skont il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ għalhekk tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà meta l-persuna mfittxija toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, hija ċittadin tiegħu jew tirrisjedi fih u dan l-Istat jintrabat li jeżegwixxi din il-piena konformement mad-dritt intern tagħha.

    53.

    Infakkar li din id-dispożizzjoni għandha tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tevalwa, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni fdat lilha, il-punt sa fejn l-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ser tippermetti li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ reintegrazzjoni soċjali tal-persuna mfittxija fi tmiem is-sentenza li għaliha ġiet ikkundannata ( 24 ). Din id-dispożizzjoni turi perfettament il-mod li bih il-qorti għandha tartikola l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li, bħala prinċipju, jimplika l-konsenja tal-persuna mfittxija, u l-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tas-sentenza, li, bil-kuntrarju, jippostula li, f’ċerti ċirkustanzi, din il-qorti għandha tagħmel eċċezzjoni għall-prinċipju tal-konsenja ta’ din il-persuna b’mod li tiżgura r-reintegrazzjoni soċjali ta’ din tal-aħħar ( 25 ). Għandi nippreċiża li din hija eċċezzjoni għall-prinċipju tal-konsenja tal-persuna kkundannata u mhux eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Fil-fatt, billi timplimenta l-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit bil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrikonoxxi kompletament id-deċiżjoni mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, għaliex hija tipproponi li tiżgura l-applikazzjoni tagħha fil-post tagħha.

    54.

    Ispirata mix-xewqa li tiżgura l-funzjoni ta’ reintegrazzjoni tas-sentenza, din l-atitudni tixhed ir-realtà tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fi ħdanu, inkluż fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u wara li l-impunità tkun evitata bil-fatt tal-arrest tal-persuna ssentenzjata, jiġu implimentati l-prinċipji fundamentali tad-dritt tas-sentenza.

    55.

    Bħal kull eċċezzjoni għall-prinċipju tal-konsenja, il-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandu jiġi interpretat ristrettivament ( 26 ), li jimplika li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tivverifika, sabiex telimina kull riskju ta’ impunità, li hija tista’ verament twettaq l-eżekuzzjoni tal-piena konformement mad-dritt intern tagħha qabel ma tirrifjuta l-konsenja tal-persuna kkonċernata ( 27 ).

    56.

    Fil-kawża prinċipali, il-qorti inkarigata sabiex tiddeċiedi fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tistaqsi dwar jekk tistax verament tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza konformement mad-dritt intern tagħha, billi r-reat li għalih inħareġ dan il-mandat huwa punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena li ċċaħħad il-libertà filwaqt li konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, dan ir-reat huwa punibbli biss b’piena ta’ multa. Din il-qorti tistaqsi jekk, f’dan il-każ, l-assenza ta’ identità tan-natura tas-sentenza mogħtija konformement mad-dritt tal-Istat Membru emittenti u n-natura tas-sentenza prevista mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jikkostitwixxix ostakolu għall-implimentazzjoni tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

    57.

    L-eżami tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-analiżi tal-istruttura u tal-għan ta’ din id-deċiżjoni qafas juri li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn ir-reat li għalih il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ huwa punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena li ċċaħħad il-libertà, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jissottometti l-implimentazzjoni tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għall-kundizzjoni li l-fatti kkonċernati fil-kundanna jkunu punibbli wkoll, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għal piena jekk mhux identika, tal-inqas simili.

    58.

    L-ewwel nett, infakkar li jirriżulta mill-kliem tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 li din tipprevedi motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà jekk il-persuna mfittxija toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew hija ċittadina tiegħu jew tirrisjedi hemm u dan l-Istat jintrabat li jeżegwixxi “s-sentenza” konformement mad-dritt intern tiegħu.

    59.

    Kif jindika l-użu tal-aġġettiv dimostrattiv “din”, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huwa għalhekk obbligat li jeżegwixxi l-piena li ċċaħħad il-libertà li tkun ingħatat mill-Istat Membru emittenti. Fin-nuqqas, l-indikazzjoni tat-tul tal-piena li ċċaħħad il-libertà li tkun ġiet imposta hemm jew tas-sentenza li jkun fadal x’tiġi skontata li għandha tidher fil-punt (c) ta’ dan il-mandat ser tkun imċaħħda minn kull effettività tagħha ( 28 ).

    60.

    Fir-rigward tal-indikazzjoni li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jintrabat li jeżegwixxi din is-sentenza “skond il-liġi domestika tiegħu”, din hija biss traduzzjoni tal-prinċipju li l-miżuri intiżi sabiex jeżegwixxu s-sentenza għandhom ikunu rregolati bid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ( 29 ). Dawn huma miżuri li għandhom jippermettu li jiggarantixxu l-eżekuzzjoni materjali tas-sentenza u jiżguraw ir-reintegrazzjoni soċjali tal-persuna ssentenzjata ( 30 ). Dan il-prinċipju huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġi kriminali, li huwa prinċipju komuni għall-Istati Membri kollha, kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tas-sentenza, li huwa wieħed mill-funzjonijiet infushom tas-sentenza.

    61.

    Din l-indikazzjoni hija intiża għalhekk sabiex tirregola l-kunflitti tal-liġijiet u tal-kompetenzi li jistgħu jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat tal-kundanna u għalhekk hija ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tadatta jew tikkonverti l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta mill-Istat Membru emittenti b’mod li din tkun tikkorrispondi għall-piena li setgħet tkun mogħtija għall-istess reat skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    62.

    It-tieni nett, kif innotajt, l-opinjoni difiża mill-Gvern Belġjan twassal sabiex tintroduċi mill-ġdid proċedura ispirata minn dik tal-estradizzjoni.

    63.

    Madankollu, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 timmarka kjarament l-abbandun tal-proċedura ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri, li kienet tippermettilhom, minħabba n-nuqqas ta’ kunfidenza li seta’ jkollhom fir-rigward tas-sistema kriminali barranija, li, għall-finijiet tal-estradizzjoni, jeżiġu mhux biss li l-fatt li għalihom din intalbet jikkostitwixxu reat fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru mitlub, imma wkoll li l-elementi kostituttivi tar-reat ikunu identiċi.

    64.

    Bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, la darba tkun ittieħdet deċiżjoni minn awtorità ġudizzjarja skont id-dritt tal-Istat Membru li fih hija tinsab, hija għandha effett sħiħ u dirett fl-Unjoni kollha, b’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn kollha għandhom jassistu fl-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni bħallikieku tkun ingħatat minn awtorità ġudizzjarja tal-Istat tagħhom stess. Kif jirriżulta għal darba oħra mis-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge ( 31 ), il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jimplika neċessarjament li teżisti fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġustizzja kriminali u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra

    65.

    Fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, din il-fiduċja hija espressa fir-rinunzja mill-Istati Membri milli jipproċedu għal stħarriġ tal-kriminalità doppja tal-fatt fir-rigward tat-32 reat imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ( 32 ).

    66.

    Barra minn hekk, din il-verifika għandha tkun limitata ħafna fir-rigward tal-“offiżi barra minn dawk” imsemmija fl-Artikolu 2(4) ta’ din id-deċiżjoni qafas, fosthom ir-reat inkwistjoni f’din il-kawża. F’dan il-każ, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tivverifika biss li “l-atti għal liema l-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ jikkostitwixxu offiża taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li jesegwixxih, irrespettivament ta’ l-elementi kostitwenti jew ta’ kif hu deskritt”.

    67.

    Imma l-piena tidħol fl-elementi kostituttivi tar-reat.

    68.

    Ir-reat jirrinvija għal att li l-liġi tiddefinixxi u tipprojbixxi bl-applikazzjoni ta’ pieni kriminali. Għaldaqstant, ir-reat jinvolvi żewġ elementi. Minn naħa, l-inkriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-piena. L-inkriminazzjoni hija d-deskrizzjoni tal-imġiba pprojbita. Min-naħa tagħha, il-piena hija dik marbuta mat-twettiq tal-att ipprojbit. Din hija r-raġuni li għaliha, għall-finijiet tal-promulgazzjoni tar-regoli tad-dritt kriminali, u fir-rispett tal-prinċipju fundamentali tal-legalità tar-reati u l-pieni, il-liġi li tissanzjona għandha tiddeskrivi b’mod preċiż in-natura tal-att ipprojbit, inkluż id-dimensjoni intellettwali tiegħu, jiġifieri dik intenzjonali, bħan-natura u l-gravità tal-piena marbuta mal-ksur tal-liġi.

    69.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-portata tal-istħarriġ tal-kriminalità doppja previst għal dawn l-“offiżi barra minn dawk koperti bil-paragrafu 2” fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 fis-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Grundza ( 33 ), u jidhirli li din l-analiżi hija kompletament applikabbli fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

    70.

    Fil-fatt, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li ġiet adottata wara d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, tittrasponi fl-Artikolu 7(3) tagħha, f’termini perfettament identiċi, il-kliem tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, li juri l-volontà ħarxa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita, sakemm possibbli u konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, kull approċċ komparattiv li tista’ tieħu l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, kemm jekk dan ikun fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll ta’ dak stabbilit bid-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    71.

    Fil-punti 33 sa 38 tas-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Grundza ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tkun limitata għall-verifika li l-elementi fattwali li huma l-bażi tar-reat, kif riflessi fis-sentenza mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti, humiex ukoll, bħala tali, punibbli b’sanzjoni kriminali f’dan it-territorju, fil-każ li jkunu twettqu fit-territorju ta’ dan l-Istat. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din hija kundizzjoni “neċessarja u suffiċjenti” għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja, u għaldaqstant ma hijiex meħtieġa korrispondenza perfetta bejn l-elementi kostituttivi tar-reat – li minnhom il-piena tifforma parti – lanqas tad-denominazzjoni jew tal-klassifika ta’ dan ir-reat skont id-drittijiet nazzjonali rispettivi.

    72.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja li għaliha jirreferi l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ma tistax tiġi interpretata li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tivverifika u tirrikjedi, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, li l-fatti li huma kkonċernati bil-kundanna fl-Istat Membru emittenti huma punibbli b’piena, jekk mhux identika, tal-inqas simili, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. L-approċċ komparattiv li tadotta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni huwa limitat u ma jistax jestendi għan-natura tas-sentenza imposta fl-Istat Membru emittenti u fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    73.

    F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, l-eżiġenza ta’ din l-identità tkun tikser manifestament it-termini tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    74.

    Barra minn hekk, li Stat Membru jiġi permess jeżiġi li l-fatti kkonċernati bil-kundanna fl-Istat Membru emittenti jkunu ssanzjonati b’piena jekk mhux identika, tal-inqas simili fid-dritt tiegħu jkun jirriduċi manifestament l-effettività tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, għaliex din l-atitudni ser twassal sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid proċedura ispirata minn dik tal-estradizzjoni. Imma, din l-atitudni tkun manifestament tmur kontra l-volontà ddikjarata kjarament mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jissostitwixxi l-proċedura tal-estradizzjoni li kienet teżisti bejn l-Istati Membri bi proċedura ta’ konsenja bbażata fuq il-fiduċja reċiproka bejniethom.

    75.

    Imbagħad, interpretazzjoni bħal dik difiża mill-Gvern Belġjan ser twassal sabiex iċċaħħad għal kollox l-effettività tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jikkonċerna reat li huwa punibbli biss b’multa fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. Din is-sitwazzjoni tista’ tqum ta’ spiss, b’mod partikolari meta r-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jidħolx fil-lista tat-32 reat serji msemmija fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas u li dwarhom il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali huma differenti minħabba l-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Issa, billi tirriduċi b’mod sinjifikattiv il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-motiv, dan l-approċċ neċessarjament għandu impatt negattiv fuq l-għan ta’ reintegrazzjoni soċjali mfittex mil-leġiżlatur fil-kuntest tal-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    76.

    Fl-aħħar nett, li Stat Membru jkun permess li jissuġġetta l-implimentazzjoni tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għall-kundizzjoni li r-reat ikun issanzjonat fl-Istati Membri emittenti u ta’ eżekuzzjoni b’piena, jekk mhux identika, tal-inqas simili ser iwassal sabiex jippreġudika l-armonizzazzjoni tal-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jirrifletti l-kunsens li waslu għalih l-Istati Membri kollha fuq is-suġġett tal-portata li għandha tingħata lill-għan ta’ reintegrazzjoni soċjali tal-persuna ssentenzjata. Issa, dan l-approċċ ġie formalment ipprojbit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni ( 35 ), fuq is-suġġett tan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment stabbilit fl-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

    77.

    Fil-verità, hawnhekk qegħdin f’sitwazzjoni li timponi li jingħata l-istess effett lil deċiżjoni barranija bħal dak li jingħata lil deċiżjoni nazzjonali, anki jekk id-dritt nazzjonali kien iwassal għal soluzzjoni differenti, u dan konformement mal-forza tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u mal-formulazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja akkordatlu permezz ta’ dak li hija adottat għall-prinċipju ne bis in idem fis-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge ( 36 ).

    78.

    Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jien inħoss li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn ir-reat li għalih inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie ssanzjonat fl-Istat Membru emittenti b’piena li ċċaħħad il-libertà, il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tivverifika u teżiġi, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit f’dik id-dispożizzjoni, li l-fatti kkonċernati bil-kundanna jkunu punibbli wkoll b’piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    79.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi u billi l-eżekuzzjoni tal-kundanna imposta mill-awtorità ġudizzjarja Rumena tikkonċerna fatti li jikkostitwixxu reat skont id-dritt Belġjan, xejn ma jipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja Belġjan tintrabat li tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din il-kundanna billi tinvoka l-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 jekk hija tiddeċiedi li, meħuda inkunsiderazzjoni r-rabtiet li M.‑S. Sut għandu mal-Belġju, l-eżekuzzjoni tas-sentenza fuq it-territorju ta’ dan l-istat tista’ żżid l-opportunitajiet tar-reintegrazzjoni soċjali tiegħu.

    C.   Fuq il-portata u l-limiti tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909

    80.

    Id-dispożizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jimmodifikaw din l-interpretazzjoni tal-kliem tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

    81.

    Fl-ewwel lok, infakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni indika kjarament il-volontà tiegħu li ma jaffettwax l-ispirtu u lanqas inaqqas il-forza tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew billi adotta d-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    82.

    Minn naħa, għalkemm, konformement mal-Artikolu 25 tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-eżekuzzjoni tal-kundanni fil-każi fejn Stat Membru jintrabat li jeżegwixxi l-kundanna skont il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, il-leġiżlatur tal-Unjoni espressament ippreveda li dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli biss “sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet [ta’ din tal-aħħar]”.

    83.

    Għaldaqstant, l-ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma tista’ taffettwa la l-portata u lanqas il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u l-ebda dispożizzjoni ta’ dan l-att ma tista’ tiġi interpretata f’sens kuntrarju għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

    84.

    Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni integra fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 dispożizzjonijiet simili għal dawk previsti fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, u b’hekk ittraduċa x-xewqa tiegħu li jiggarantixxi li l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew li jkun kontradett u lanqas imdgħajjef.

    85.

    Fit-tieni lok, u fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tikkunsidra li l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 huwa dispożizzjoni rilevanti hawnhekk, għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Belġjan dwar il-portata tiegħu.

    86.

    L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jittratta, kif jindika t-titolu tiegħu, il-prinċipju ta’ rikonoxximent tas-sentenza u tal-eżekuzzjoni tal-kundanna mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, skont il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

    87.

    Għaldaqstant, l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jeskludi kull adattament tal-kundanna imposta mill-awtorità ġudizzjarja emittenti ( 37 ). Fis-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov ( 38 ), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-termini ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li din tistabbilixxi obbligu ta’ prinċipju, billi l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija, fil-fatt, obbligata li tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trażmessa lilha u li teżegwixxi l-kundanna li t-tul u n-natura tagħha jkunu jikkorrispondu għal dawk previsti fis-sentenza mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja emittenti ( 39 ). Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tipproċedi għal adattament tal-kundanna imposta mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, u dan saħansitra anki jekk l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkollu jwassal għall-impożizzjoni ta’ piena ta’ tul u ta’ natura differenti.

    88.

    Kif innotat il-Kummissjoni fir-rapport tagħha fuq l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 “[b]illi d-deċiżjonijiet qafas huma bbażati fuq fiduċja reċiproka fir-rigward tas-sistemi legali tal-Istati Membri l-oħra, id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti fi Stat Membru għandha tiġi osservata u, bħala prinċipju, ma għandux jkun la reviżjoni u lanqas adattament ta’ din id-deċiżjoni” ( 40 ).

    89.

    F’dawn il-kundizzjonijiet, għaldaqstant, jidhirli li huwa evidenti li r-rikors għall-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.

    90.

    Jekk huwa meħtieġ iktar konvinċiment, inżid li l-Gvern Belġjan jagħti interpretazzjoni ħażina anki tal-portata u s-sens tal-limitu li l-leġiżlatur tal-Unjoni impona fuq il-poter ta’ adattament tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    91.

    Infakkar li l-Gvern Belġjan jibbaża ruħu fuq it-termini ta’ din id-dispożizzjoni sabiex isostni li, meħuda inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Traffiku li jimponu piena ta’ multa fuq is-sewqan ta’ vettura mingħajr il-liċenzja tas-sewqan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija mċaħħda minn kull possibbiltà li tadatta l-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, b’mod li hija ma tistax għalhekk tintrabat li teżegwixxi realment il-piena li għaliha ġie kkundannat M.‑S. Sut.

    92.

    Fl-Artikolu 8(3), tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, il-leġiżlatur jipprojbixxi espressament li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonverti piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja emittenti f’sanzjoni pekunjarja, sabiex jiggarantixxi li l-piena ġeneralment iżżomm il-koerenza li kellha dakinhar li ngħatat il-piena u, b’mod partikolari, li hija tibqa’ proporzjonata u tikkostitwixxi soluzzjoni adegwata fir-rigward tad-diżordni li kienet ikkawżat lill-ordni pubbliku tal-Istat Membru emittenti u hekk jiżgura l-fiduċja reċiproka li għandha tintuża mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

    93.

    Madankollu, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għall-finijiet tal-adattament tal-kundanna huma applikabbli biss fejn il-kundanna mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja emittenti hija, minħabba n-natura tagħha, “inkompatibbli mal-liġi tal-Istat ta’ esekuzzjoni”. Hekk kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov ( 41 ), il-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-finijiet tal-adattament tas-sentenza huma għaldaqstant partikolarment “stretti” ( 42 ).

    94.

    Imma huwa ċar li l-Gvern Belġjan hawnhekk jipparaguna n-natura tas-sentenza mogħtija mill-Judecătoria Carei (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Carei) mhux fir-rigward tas-sistema legali tiegħu, ikkonċepita bħala unità sħiħa, imma fir-rigward tal-Artikolu 30 tal-Liġi dwar it-Traffiku, jiġifieri, tal-leġiżlazzjoni li tissanzjona speċifikament ir-reat tat-traffiku inkwistjoni. Billi jagħmel dan il-paragun u hekk jevalwa l-ordni pubbliku Rumen fir-rigward tiegħu stess – li, kif enfasizzajt, inbidel sabiex isir iktar jixbah dak tar-Rumanija –, il-Gvern Belġjan għal darb’oħra jirraġuna b’assimilazzjoni mal-liġi tal-estradizzjoni u għalhekk joħroġ barra mill-qafas tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 kif ukoll minn dak tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

    95.

    Id-dritt Belġjan jirrikonoxxi l-piena li ċċaħħad il-libertà – u għalhekk in-natura tal-kundanna imposta mill-awtoritajiet Rumeni fir-rigward ta’ M.‑S. Sut ma tistax titqies bħala inkompatibbli mad-dritt Belġjan – u l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani jirrikonoxxu l-prinċipju ta’ reintegrazzjoni soċjali, li korrettament wassal għad-domanda tal-qorti tar-rinviju.

    96.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u billi l-awtorità ġudizzjarja inkarigata sabiex tiddeċiedi fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra M.‑S. Sut għandha tikkunsidra li dan jippreżenta rabtiet suffiċjenti mal-Belġju, sabiex l-eżekuzzjoni tas-sentenza fuq it-territorju Belġjan tkun tista’ żżid l-opportunitajiet tiegħu ta’ reintegrazzjoni soċjali, jien ma rridx inkun ta’ ostakolu sabiex din tintrabat li teżegwixxi l-piena li għaliha ġiet ikkundannata l-persuna kkonċernata fir-Rumanija.

    97.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jien inqis li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn ir-reat li għalih inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew kien ikkundannat fl-Istat Membru emittenti għal piena li ċċaħħad il-libertà, il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tivverifika u teżiġi, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit f’din id-dispożizzjoni, li l-fatti li għalihom ġiet deċiża dik il-piena jkunu punibbli wkoll b’piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    V. Konklużjoni

    98.

    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda magħmula mill-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju) bil-mod li ġej:

    F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, fejn ir-reat li għalih inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew kien ikkundannat fl-Istat Membru emittenti għal piena li ċċaħħad il-libertà, il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tivverifika u teżiġi, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit f’din id-dispożizzjoni, li l-fatti li għalihom ġiet deċiża dik il-piena jkunu punibbli wkoll b’piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

    ( 3 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski (C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 45), tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616, punti 6267), tal‑21 ta’ Ottubru 2010, B. (C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 52), tal‑5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 32), u tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 21).

    ( 4 ) Moniteur belge tas‑27 ta’ Marzu 1968, p. 3146, iktar ’il quddiem l-“Liġi dwar it-Traffiku”.

    ( 5 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2008/909”).

    ( 6 ) C‑66/08, EU:C:2008:437.

    ( 7 ) C‑123/08, EU:C:2009:616.

    ( 8 ) C‑289/15, EU:C:2017:4.

    ( 9 ) C‑579/15, EU:C:2017:503.

    ( 10 ) Ara l-premessi 1 u 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    ( 11 ) Ara l-premessa 6 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    ( 12 ) Ara l-premessa 10 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

    ( 13 ) Ara l-premessi 1, 2 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    ( 14 ) Ara l-premessa 9 u l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    ( 15 ) Moniteur belge tal-15 ta’ Marzu 2018, p. 23236.

    ( 16 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 17 ) Ikun żball serju jekk jiġi mmaġinat li, fi ħdan kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor teħtieġ il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali.

    ( 18 ) Ara l-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    ( 19 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36), u Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 49).

    ( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas‑26 ta’ Lulju 2000 fuq ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet finali fil-qasam kriminali (COM(2000) 495 finali, b’mod partikolari p. 8).

    ( 21 ) C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87. Ara, ukoll, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165), tat‑28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:614), tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C‑467/04, EU:C:2006:610), tat‑18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink (C‑367/05, EU:C:2007:444), u tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683).

    ( 22 ) Ara l-punt 33 ta’ din is-sentenza.

    ( 23 ) Ara l-premessa 10 ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    ( 24 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski (C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 45), tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg (C‑123/08, EU:C:2009:616, punti 6267), tal‑21 ta’ Ottubru 2010, B. (C‑306/09, EU:C:2010:626, punt 52), tal‑5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 32), u tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 21).

    ( 25 ) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata hawn fuq, l-istess bħala dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara b’mod partikolari, QEDB, tat‑30 ta’ Ġunju 2015, Khoroshenko vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2015:0630JUD004141804, punt 121), tenfasizza l-importanza li għandha tingħata lill-għan ta’ riabilitazzjoni soċjali tal-persuna ssentenzjata fil-kuntest mhux biss tal-evalwazzjoni individwali tal-qorti tal-mertu tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, imma wkoll tal-politika kriminali tal-Istati Membri, billi l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat riċentement, fis-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata), li r-riabilitazzjoni soċjali taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru fejn huwa verament integrat hija fl-interess mhux biss ta’ dan tal-aħħar imma wkoll tal-Unjoni inġenerali.

    ( 26 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud) (C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 22).

    ( 28 ) Ara l-format standard tal-mandat ta’ arrest Ewropew li jidher fl-anness għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584.

    ( 29 ) Dan il-prinċipju jissemma wkoll fl-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li kien is-suġġett ta’ sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835).

    ( 30 ) Fil-punti 70 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:319), jien ippreċiżajt li, f’dan il-kuntest, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti huma mitluba sabiex jiffissaw il-modalitajiet dwar l-iżvolġiment tal-piena u l-amministrazzjoni tagħha billi jiddeċiedu, pereżempju, fuq il-kollokament fl-estern, il-permessi tal-ħruġ, is-semi libertà, it-tqassim u s-sospensjoni tal-piena, miżuri ta’ liberazzjoni bikrija jew kundizzjonata tal-priġunier jew it-tqegħid taħt sorveljanza elettronika. Indikajt ukoll li d-dritt tal-eżekuzzjoni tal-pieni jkopri, barra minn hekk, il-miżuri li jistgħu jiġu adottati wara l-liberazzjoni tal-persuna kkundannata, bħalma huma t-tqegħid tagħha taħt sorveljanza ġudizzjarja jew anki l-parteċipazzjoni tagħha fi programmi ta’ riabilitazzjoni, jew miżuri ta’ kumpens favur il-vittmi.

    ( 31 ) C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87.

    ( 32 ) F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiżgura l-eżekuzzjoni tal-piena li għaliha l-persuna kkonċernata ġiet ikkundannata, anki jekk il-fatti inkwistjoni ma humiex punibbli fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Id-definizzjoni ta’ dawn ir-reati u l-pieni applikabbli huma, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, dawk li jirriżultaw mill-liġi tal-Istat Membru emittenti, billi d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma hijiex intiża sabiex tarmonizza r-reati kriminali inkwistjoni fir-rigward tal-elementi kostituttivi tagħhom jew tal-pieni applikabbli għalihom. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, EU:C:2007:261, punti 5253).

    ( 33 ) C‑289/15, EU:C:2017:4.

    ( 34 ) C‑289/15, EU:C:2017:4.

    ( 35 ) C‑399/11, EU:C:2013:107.

    ( 36 ) C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87.

    ( 37 ) Il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda żewġ eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu ta’ prinċipju. B’applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-possibbiltà li tadatta t-tul jew in-natura tal-kundanna imposta mill-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tal-kundanna skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

    ( 38 ) C‑554/14, EU:C:2016:835.

    ( 39 ) Ara l-punt 36 ta’ din is-sentenza.

    ( 40 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal‑5 ta’ Frar 2014 dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909/ĠAI, 2008/947/ĠAI u 2009/829/ĠAI dwar ir-rikonoxximent ta’ sentenzi dwar pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà, dwar sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi u dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja (COM(2014) 57 finali, b’mod partikolari punt 4.2, p. 7 u 8).

    ( 41 ) C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 36.

    ( 42 ) L-ipoteżijiet li fihom il-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti hija ta’ natura li tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huma, fil-fehma tiegħi, rari billi għalkemm ma kinitx oġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni, madankollu s-sistema tal-pieni tippreżenta xebh kbir bejn l-Istati Membri.

    Top