This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CC0399
Opinion of Advocate General Wahl delivered on 15 November 2018.#European Commission v Czech Republic.#Failure of a Member State to fulfil obligations — Regulation (EC) No 1013/2006 — Shipment of waste — Refusal of the Czech Republic to ensure the take-back of the mixture TPS-NOLO (Geobal) shipped from that Member State to Poland — Existence of waste — Burden of proof — Proof.#Case C-399/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Trasferiment ta’ skart – Rifjut tar-Repubblika Ċeka li tiżgura t-teħid lura tat-taħlita TPS-NOLO (Geobal) ttrasferita minn dan l-Istat Membru lejn il-Polonja – Eżistenza ta’ skart – Oneru tal-prova – Prova.
Kawża C-399/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Trasferiment ta’ skart – Rifjut tar-Repubblika Ċeka li tiżgura t-teħid lura tat-taħlita TPS-NOLO (Geobal) ttrasferita minn dan l-Istat Membru lejn il-Polonja – Eżistenza ta’ skart – Oneru tal-prova – Prova.
Kawża C-399/17.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:922
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2018 ( 1 )
Kawża C‑399/17
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Ċeka
“Ksur — Artikolu 258 TFUE — Regolament (KE) Nru 1013/2006 — Vjeġġi ta’ skart — Sustanza magħrufa bħala TPS-NOLO (Geobal) — Trasferiment ta’ vjeġġ illegali ta’ skart — Kwistjonijiet ta’ klassifikazzjoni — Artikolu 28 — Sustanza li għandha tiġi ttrattata bħala skart f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar kwistjonijiet ta’ klassifikazzjoni — Ammissibbiltà”
|
1. |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet imsejħa tiddeċiedi jekk ir-Repubblika Ċeka naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart”). B’mod iktar speċifiku, il-kwistjoni hija dwar jekk ir-Repubblika Ċeka kisritx id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament billi rrifjutat li tieħu lura sustanza magħrufa bħala TPS-NOLO (jew Geobal) li ġiet mibgħuta lejn il-Polonja mingħajr ma ġew osservati l-formalitajiet meħtieġa tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. |
|
2. |
Il-mistoqsija mressqa tqajjem numru ta’ kwistjonijiet: il-kunċett wiesa’ u fluwidu ta’ skart fid-dritt tal-Unjoni, l-ambitu tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart u r-rekwiżiti sabiex titressaq azzjoni skont l-Artikolu 258 TFUE. Dawn huma lkoll kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu solvuti faċilment. |
|
3. |
Il-konstatazzjoni li f’din il-kawża ma kienx hemm ksur tista’ potenzjalment iddgħajjef l-effettività u l-infurzabbiltà tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart, li l-għan u l-komponent prinċipali u predominanti tiegħu huwa l-protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, il-qrati huma ggwidati, l-ewwel u qabel kollox, minn prinċipji proċedurali li jiżguraw proċess dovut f’kull każ individwali. Dawn il-prinċipji ma jistgħux jiġu ssagrifikati għal kawża ikbar, tkun kemm tkun nobbli. |
I. Qafas legali
A. Ir-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart
|
4. |
Skont l-Artikolu 1 (intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”), ir-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart “jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll għall-vjeġġi ta’ l-iskart, skond l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjaġġ, it-tip ta’ skart trasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu”. |
|
5. |
L-Artikolu 2 (intitolat “Definizzjonijiet”) jipprovdi:
[…]
[…]” |
|
6. |
L-Artikolu 3 tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart jittratta l-qafas proċedurali ġenerali għal vjeġġi ta’ skart u jipprovdi dan li ġej: “1. Il-vjeġġi tat-tipi ta’ skart li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel kif stabbilit bid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu:
[…]” |
|
7. |
L-Artikolu 24 tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart jipprovdi għal teħid lura meta vjeġġ ikun illegali u jipprovdi: “1. Fejn xi awtorità kompetenti tiskopri vjeġġ li hija tikkunsidra bħala vjeġġ illegali, hija għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn konċernati. 2. Jekk ir-responsabbiltà ta’ vjeġġ illegali tkun tan-notifikatur, l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ għandha tiżgura li l-iskart in kwistjoni jiġi:
[…] Dan it-teħid lura, rimi jew irkupru għandu jseħħ fi żmien 30 jum, jew f’perjodu ieħor li jista’ jiġi miftiehem bejn l-awtoritajiet kompetenti konċernati, minn meta l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ issir taf jew kienet avżata bil-miktub mill-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni jew transitu bil-vjeġġ illegali u tiġi informata bir-raġuni(jiet) għalih. […] L-ebda awtorità kompetenti ma għandha topponi jew toġġezzjona għar-ritorn ta’ skart minn vjeġġ illegali. […] […] 7. Fejn jiġi skopert skart ta’ vjeġġ illegali fi Stat Membru, l-awtorità kompetenti b’ġurisdizzjoni fiż-żona fejn l-iskart kien skopert għandha tkun responsabbli sabiex tiżgura li jsiru arranġamenti għad-depożitu protettiv ta’ l-iskart sakemm isir ir-ritorn tiegħu jew sa l-irkupru jew rimi mhux temporanju b’mod alternattiv.” |
|
8. |
L-Artikolu 28 tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart (intitolat “Nuqqas ta’ ftehim dwar kwistjonijiet ta’ klassifikazzjoni”) jaqra: “1. Jekk l-awtoritajiet kompetenti tad-dispaċċ u tad-destinazzjoni ma jistgħux jaqblu dwar il-klassifikazzjoni fir-rigward tad-distinzjoni bejn dak li huwa skart u dak li mhuwiex skart, il-materja in kwistjoni għandha tiġi trattata bħallikieku kienet skart. Dan għandu jkun bla preġudizzju għad-dritt tal-pajjiż tad-destinazzjoni li jittratta l-materjal trasportat skont il-liġi nazzjonali tiegħu, wara l-wasla tal-materjal trasportat, u fejn tali liġi tikkonforma mal-liġi Komunitarja jew internazzjonali. […] 4. Il-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, u għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-partijiet interessati li jirrisolvu kull tilwima konnessa ma’ dawn il-kwistjonijiet quddiem qorti jew tribunal.” |
B. Id-Direttiva 2008/98/KE (iktar ’il quddiem “id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart”) ( 3 )
|
9. |
Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ssostitwixxiet id-Direttiva 2006/12/KE ( 4 ) u tipprovdi, fl-Artikolu 3 tagħha, definizzjoni ta’ “skart” u ta’ “skart perikoluż” għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. |
|
10. |
L-Artikolu 3 jiddefinixxi “skart” bħala “kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”. Iktar minn hekk “skart perikoluż” huwa ddefinit bħala “skart li jkollu waħda jew aktar mill-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III”. |
|
11. |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart min-naħa tiegħu jispeċifika ċ-ċirkustanzi meta l-iskart ma jibqax skart: “1. Ċertu skart speċifikat m’għandux jibqa’ kunsidrat skart fis-sens tal-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:
[…] 4. Fejn il-kriterji ma ġewx stabbiliti fil-livell Komunitarju taħt il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart ma baqax ikun skart b’kont meħud tal-każistika applikabbli. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar tali deċiżjonijiet […]” |
|
12. |
Skont l-Artikolu 40, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart kellha tiġi trasposta fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri sat-12 ta’ Diċembru 2010. |
C. Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”) ( 5 )
|
13. |
Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament REACH ifittex “li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni”. |
|
14. |
L-Artikolu 2(2) tar-Regolament REACH jipprovdi li “[l]-iskart kif definit fid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, mhuwiex sustanza, taħlita jew oġġett fis-sens ta’ l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament”. |
|
15. |
L-Artikolu 128 tar-Regolament jipprovdi wkoll li: “1. Suġġett għall-paragrafu 2, l-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu l-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza, waħidha, fi preparat jew f’oġġett, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u, fejn ikun il-każ, ma’ l-atti Komunitarji adottati fl-implementazzjoni ta’ dan ir-Regolament. 2. Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jimpedixxi l-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu regoli nazzjonali sabiex jipproteġu lill-ħaddiema, lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent li japplikaw fil-każijiet fejn dan ir-Regolament ma jarmonizzax ir-rekwiżiti dwar il-manifattura, t-tqegħid fis-suq jew l-użu.” |
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
|
16. |
Fit-3 ta’ Diċembru 2010 Jiří Paškůj, persuna taħt il-ġurisdizzjoni tal-liġi Ċeka, u l-kumpanija Biuro Rozwoju Gospodarczego Sp.z.o.o. (iktar ’il quddiem “BRG”), bis-sede tagħha f’Sosnowiec fil-Polonja, ikkonkludew kuntratt għal konsenja ta’ 58000 tunnellata ta’ TPS-NOLO (Geobal) għall-użu fil-produzzjoni tas-siment. |
|
17. |
Skont il-Kummissjoni, madwar 20000 tunnellata ta’ TPS-NOLO (Geobal) u magħmula minn aċidu tal-qatran, li huwa fdal wara r-raffinar taż-żejt (kodiċi 05 01 07* tal-katalogu Ewropew tal-iskart) ta’ trab tal-karbonju u ta’ ossidu tal-kalċju ġew ittrasportati mill-operatur Ċek għal porzjon ta’ art fi Triq Karol Woźniak f’Katowice, mikrija minn BRG, fi tmiem l-2010 u fil-bidu tal-2011. F’xi żmien bejn il-bidu tal-2011 u l-11 ta’ Settembru 2011 is-sustanza ġiet skoperta mill-awtorità Pollakka kompetenti. |
|
18. |
Fil-11 ta’ Settembru 2011, l-awtoritajiet Pollakki kompetenti nnotifikaw lill-awtorità Ċeka kompetenti dwar is-sustanza skoperta, li l-awtoritajiet Pollakki qiesu li ġiet illegalment ittrasportata lejn il-Polonja skont it-tifsira tal-Artikolu 2(35)(a) tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart, billi la l-fornitur u lanqas ir-riċevitur ma informaw lill-awtoritajiet Pollakki kompetenti dwar vjeġġ ta’ skart kif previst fl-Artikolu 3 tal-istess regolament. Peress li qiesu s-sustanza bħala skart perikoluż ikklassifikat fl-Anness IV tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart (“Fdalijiet ta’ skart imċappas bil-qatran (minbarra siment ta’ l-asfalt) li jiġu minn raffinar, distillazzjoni jew kwalunkwe trattament pirolitiku ieħor ta’ materjali organiċi”), l-awtoritajiet Pollakki sostnew li l-vjaġġ ta’ dik is-sustanza kien jeħtieġ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel. |
|
19. |
Matul il-proċedura amministrattiva, iċ-ċittadin Ċek responsabbli għall-vjaġġ lejn il-Polonja ppreżenta l-istandards adottati mill-kumpannija kif ukoll prova li s-sustanza inkwistjoni kienet irreġistrata skont ir-Regolament REACH u li kienet użata bħala fjuwil. |
|
20. |
Wara rifjut mill-awtoritajiet Ċeki kompetenti, matul il-proċedura amministrattiva, li jġiegħlu liċ-ċittadin Ċek jieħu lura s-sustanza lejn ir-Repubblika Ċeka, minkejja d-dipendenza tal-awtoritajiet Pollakki fuq l-Artikolu 28 tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart, li jipprovdi li s-sustanza għandha titqies bħala skart f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, fl-4 ta’ Frar 2014 tressaq ilment privat quddiem il-Kummissjoni. |
|
21. |
Fit-12 ta’ Ġunju 2014 il-Kummissjoni ddeċidiet li ssegwi l-ilment u fetħet investigazzjoni (każ tal-EU Pilot Nru 6603/14/ENVI). Fit-tweġiba tagħha għat-talba tal-EU Pilot, ir-Repubblika Ċeka ddikjarat li TPS-NOLO (Geobal) kien ġie rreġistrat taħt ir-Regolament REACH u li għalhekk ma kienx jikkostitwixxi skart. Għaldaqstant, ir-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart ma kienx japplika. |
|
22. |
Wara li eżaminat it-tweġiba mir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni kkonkludiet li din kienet kisret id-dritt tal-Unjoni billi naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont ir-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Konsegwentement, fl-20 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ċeka. Ir-Repubblika Ċeka wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni fl-istess jum billi essenzjalment tenniet l-argumenti li pprovdiet fit-tweġiba għat-talba tal-EU Pilot. |
|
23. |
Wara li ġiet informata mill-ispettur Pollakk għall-protezzjoni tal-ambjent li s-sustanza inkwistjoni kienet għadha ma tteħditx lura fir-Repubblika Ċeka u wara li eżaminat l-argumenti ppreżentati mir-Repubblika Ċeka fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni, b’ittra tat-22 ta’ Ottubru 2015, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Ċeka fejn stqarret ir-raġunijiet għaliex ma setgħetx taċċetta l-argumenti tal-awtoritajiet Ċeki li hija ma kinitx naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont ir-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart, b’mod partikolari l-Artikoli 24(2) u 28(1) tiegħu. |
|
24. |
Ir-Repubblika Ċeka rrispondiet permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru 2015, fejn stqarret li l-pożizzjoni legali tagħha kienet fis-sens li hija ma kinitx naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawk id-dispożizzjonijiet billi s-sustanza inkwistjoni ma kinitx skart fiż-żmien li din intbagħtet lejn il-Polonja. |
|
25. |
Wara li eżaminat is-sottomissjonijiet tar-Repubblika Ċeka bi tweġiba għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur kien għadu jippersisti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ġietx informata b’miżuri meħuda mir-Repubblika Ċeka sabiex tikkonforma mal-obbligi skont l-Artikoli 24(2) u 28(1) tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. |
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
26. |
Permezz ta’ rikors tat-3 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
27. |
Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
28. |
Kemm il-Gvern Ċek kif ukoll il-Kummissjoni għamlu t-trattazzjonijiet tagħhom fis-seduta tal-20 ta’ Settembru 2018. |
IV. Analiżi
|
29. |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li, billi naqset milli tiżgura r-ritorn lejn ir-Repubblika Ċeka ta’ TPS-NOLO (Geobal) mibgħut mir-Repubblika Ċeka lejn Katowice, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 28(1) tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. |
|
30. |
F’dan li ġej, ser inressaq l-ewwel l-argumenti tal-partijiet u mbagħad ser nanalizza r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni. |
A. L-argumenti tal-partijiet
|
31. |
Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa nieqes minn struttura, u dan jagħmilha diffiċli li wieħed jifhem b’mod ċar l-argumenti tal-Kummissjoni. Madankollu, fis-sommarju tal-motivi u l-argumenti prinċipali sottomessi, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija ppreżentata kif ġej. |
|
32. |
Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li t-TPS-NOLO (Geobal) li kien ġie ttrasportat mir-Repubblika Ċeka lejn il-Polonja u li oriġina minn skart perikoluż ta’ sit għar-rimi tal-iskart (l-għadajjar tat-tailing f’Ostramo) huwa maħżun f’sit ieħor għar-rimi tal-iskart fit-territorju Ċek u huwa kklassifikat bħala residwi tal-iskart li jirriżulta mir-raffinar, id-distillazzjoni u kull trattament pirolitiku ta’ materjali organiċi. Barra minn hekk, is-sustanza hija meqjusa mill-awtoritajiet Pollakki bħala skart fis-sens tal-Anness IV tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. |
|
33. |
It-tieni nett, peress li r-Repubblika Ċeka tikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ din is-sustanza bħala skart billi tibbaża ruħha fuq ir-reġistrazzjoni tas-sustanza taħt ir-Regolament REACH, tqum kwistjoni ta’ klassifikazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li għalhekk is-sustanza tiġi ttrattata bħala skart. |
|
34. |
Madankollu, it-tielet nett, skont il-Kummissjoni, ir-Regolament REACH bl-ebda mod ma jiggarantixxi li l-użu ta’ sustanza ma jkollux effetti ta’ ħsara fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem, jew li sustanza awtomatikament tieqaf milli tkun skart. Fl-assenza ta’ deċiżjoni nazzjonali li tikkonferma li sustanza waqfet milli tkun skart, ma huwiex possibbli li r-reġistrazzjoni skont ir-Regolament REACH titqies valida, skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament. |
|
35. |
Fl-aħħar nett, peress li s-sustanza inkwistjoni qasmet il-fruntieri mingħajr notifika, din il-konsenja għandha tkun ikkunsidrata illegali fis-sens tal-Artikolu 2(35)(a) tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. F’dan il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ huma informati bil-vjeġġ sabiex dawn jiżguraw ir-ripatrijazzjoni tas-sustanza inkwistjoni skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. Ir-Repubblika Ċeka rrifjutat li tagħmel dan. Reġistrazzjoni taħt ir-Regolament REACH li jiggarantixxi fl-Artikolu 3 iċ-ċirkulazzjoni libera ta’ sustanzi, taħlitiet jew oġġetti ma tbiddilx dan l-obbligu peress li l-iskart huwa espressament eskluż mill-ambitu ta’ applikazzjoni tar-Regolament REACH. |
|
36. |
Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ċek jargumenta li s-sustanza ma kinitx, fiż-żmien rilevanti għal din il-kawża, skart fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart peress li hija rreġistrata taħt ir-Regolament REACH u tintuża bħala fjuwil. Barra minn hekk, dan il-gvern isostni li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 28(1) tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. Jekk l-Artikolu 28(1) jista’ jiġi applikat intenzjonalment minn Stat Membru, mingħajr ma jkun hemm indikazzjoni oġġettiva li sustanza hija tabilħaqq skart, dan ikun jikkostitwixxi ksur serju tal-moviment liberu tal-merkanzija. L-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jinterferixxu mal-importazzjoni ta’ prodotti tal-ikel minn Stati Membri oħra. |
|
37. |
Il-Gvern Ċek essenzjalment jargumenta li l-Kummissjoni naqset milli tipprova li l-vjeġġ inkwistjoni kien vjeġġ skont it-tifsira tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart u li għalhekk ma kienx jikkostitwixxi vjeġġ illegali għall-finijiet ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, il-Gvern Ċek jikkunsidra l-azzjoni tal-Kummissjoni manifestament infondata. |
|
38. |
Madankollu il-partijiet jaqblu li sar vjeġġ ta’ TPS-NOLO (Geobal) mir-Repubblika Ċeka għall-Polonja. |
|
39. |
Fid-dawl tan-nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors tal-Kummissjoni, għandha l-ewwel tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. |
B. Ammissibbiltà
|
40. |
Ir-Repubblika Ċeka ma invokatx eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 258 TFUE sabiex jitressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu humiex issodisfatti, u jekk it-talba mressqa tissodisfax ir-rekwiżiti proċedurali rilevanti. ( 6 ) |
|
41. |
Mill-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li rikors għandu jiddikjara s-suġġett tal-proċedimenti u sommarju tal-motivi li fuqhom huwa bbażat r-rikors, u li din id-dikjarazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq r-rikors. Minn dan isegwi li l-punti essenzjali tal-liġi u tal-fatti li fuqhom hija bbażata din l-azzjoni għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u intelliġibbli fir-rikors innifsu. ( 7 ) L-ilmenti għandhom jiġu stabbiliti mingħajr ambigwità sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq xi wieħed minnhom. ( 8 ) |
|
42. |
B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tal-motivi li wassluha għall-konklużjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati. ( 9 ) Barra minn hekk, l-ispjegazzjoni tat-talba għandha tkun konsistenti mat-talba. ( 10 ) |
|
43. |
F’din il-kawża, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, billi rrifjutat li tiżgura t-teħid lura lejn ir-Repubblika Ċeka tat-TPS-NOLO (Geobal) li kien ġie kkonsenjat mir-Repubblika Ċeka lejn Katowice fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 28(1) tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. |
|
44. |
Madankollu, ma huwiex ċar mis-sottomissjonijiet magħmula fil-korp tar-rikors tal-Kummissjoni, jew mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Qorti waqt is-seduta, fuq liema bażi il-Kummissjoni tibbaża t-talba tagħha. ( 11 ) L-obbligi li ġejjin miż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti ma humiex iddefiniti b’mod koerenti. |
|
45. |
Minn naħa, il-Kummissjoni tidher li targumenta li r-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart jistabbilixxi bħala obbligu assolut u kategoriku fuq l-Istati Membri li jiżguraw ir-ripatrijazzjoni ta’ ċerti vjeġġi li Stat Membru ieħor iqis li jkun fihom l-iskart. Hija targumenta li dan l-obbligu jippersisti irrispettivament miċ-ċirkustanzi ta’ każ, u minn jekk sustanza jew oġġett ikunx, fil-fatt, skart jew le. L-Istat Membru suġġett għall-obbligu f’dak il-każ ma jistax iressaq difiża sabiex jevita li jieħu lura l-vjeġġ inkwistjoni. |
|
46. |
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni donnha timplika li l-obbligu li jittieħed lura vjeġġ ma jkunx jeżisti meta sustanza jew oġġett ma jkunx, fil-fatt, skart. Għalhekk, il-Kummissjoni tuża partijiet kbar mir-rikors tagħha sabiex tistabbilixxi li s-sustanza inkwistjoni hija, fil-fatt, skart, b’mod li donnha ddaħħal il-kunċett ta’ obbligu kkundizzjonat fuq is-sustanza inkwistjoni li hija, fil-fatt, skart. |
|
47. |
Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu rrikonċiljati. |
|
48. |
B’xi mod, jidher illi l-Kummissjoni kkombinat żewġ argumenti alternattivi f’linja waħda ta’ argument. Dan jista’ jkun għaliex l-argumenti mressqa jidhru li huma konfużi u inkoerenti. |
|
49. |
Il-mod, mhux tas-soltu, li bih ġie abbozzat ir-rikors ikompli jżid mal-konfużjoni. Minflok ma ppreżentat il-każ tagħha, il-Kummissjoni jidher li pjuttost ippreżentat risposta għall-argumenti tar-Repubblika Ċeka bi tweġiba għall-opinjoni motivata. Dan jagħmilha diffiċli ħafna għall-Qorti tal-Ġustizzja li tidentifika l-argumenti tal-Kummissjoni fil-kawża ineżami peress li l-qarrej għandu jibni mill-ġdid il-każ minn dawn l-argumenti kontradittorji. |
|
50. |
F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġi rrilevat li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tieħu post ir-rikorrent, jew l-avukat tiegħu, billi tipprova tidentifika dawk l-argumenti ta’ rikors li tista’ tqis bħala li jsostnu l-pretensjonijiet tal-parti. ( 12 ) |
|
51. |
Barra minn hekk, ninsab imħasseb li l-Kummissjoni donnha qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur li jista’ fil-futur ma jkun ksur xejn. M’iniex ċert jekk dan it-tip ta’ ksur pro tempore kundizzjonali huwiex kopert mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 258 TFUE. ( 13 ) Fi kwalunkwe każ, jekk il-Kummissjoni tabilħaqq qiegħda tfittex li tressaq l-argument ta’ dan il-ksur, hija naqset milli tissostanzja l-argument tagħha bir-raġunijiet li wassluha sabiex tikkonkludi li kien hemm ksur. |
|
52. |
Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ċarezza fit-talba tal-Kummissjoni affettwa r-risposta tar-Repubblika Ċeka għal din it-talba. Billi l-Kummissjoni ma pprovdietx definizzjoni ċara tal-obbligi tal-Istati Membri taħt l-Artikoli 24(2) u 28(1) tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart, ir-Repubblika Ċeka ma kinitx f’pożizzjoni li tirrispondi b’mod estensiv. |
|
53. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni biżżejjed sabiex tkun tista’ tevalwa l-ksur tad-dritt tal-Unjoni imputat lir-Repubblika Ċeka u b’hekk tiddetermina jekk hemmx ksur tal-obbligi kif allegat mill-Kummissjoni. ( 14 ) |
|
54. |
Minkejja dan, nista’ nara għaliex il-Kummissjoni x’aktarx sabet diffikultajiet sabiex tipprovdi r-raġunijiet sottostanti għat-talba tagħha b’mod koerenti. Speċjalment fir-rigward tal-Artikolu 28 tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart jidher diffiċli li l-formulazzjoni tal-paragrafi differenti ta’ din id-dispożizzjoni tiġi rrikonċiljata ma’, minn naħa, il-kumplament ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, il-prinċipji ta’ interpretazzjoni involuti. |
|
55. |
Madankollu, nikkonkludi li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
V. Konklużjoni
|
56. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006 L 190, p. 1).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008 L 312, p. 3).
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006 L 114, p. 9).
( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, Evalwazzjoni, Awtorizzazzjoni u Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU 2006 L 396, p. 1).
( 6 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-34/11, EU:C:2012:712, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-233/14, EU:C:2016:396, punt 33; sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja, C-185/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:43, punti 28 sa 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; u sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-195/04, EU:C:2007:248, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 7 ) Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑233/14, EU:C:2016:396, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza C‑178/00, punt 6, u s-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑195/04, EU:C:2007:248, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 8 ) Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑233/14, EU:C:2016:396, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 9 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑233/14, EU:C:2016:396, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 10 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-55/03, mhux ippubblikata, EU:C:2004:628, punti 28 u 29, u tas-26 ta’ Jannar 2012, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja, C-185/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:43, punti 30 sa 33.
( 11 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑195/04, EU:C:2007:248, punti 28 sa 30.
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-178/00, EU:C:2002:541, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 13 ) Ara, b’analoġija, id-digriet tat-13 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑341/97, EU:C:2000:434, punti 9 sa 10 u 18 sa 21, u sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2009Il-Kummissjoni vs Il-ĠermanjaC‑424/07, EU:C:2009:749, punti 25 sa 31.
( 14 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-195/04, EU:C:2007:248, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.