This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CC0379
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 20 June 2018.#Proceedings brought by Società Immobiliare Al Bosco Srl.#Request for a preliminary ruling from the Bundesgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling — Judicial co-operation in civil matters — Regulation (EC) No 44/2001 — Recognition and enforcement of decisions in civil and commercial matters — Time limit laid down in the law of the Member State addressed for enforcing a preventive attachment order — Applicability of that time limit to a preventive attachment instrument obtained in another Member State and declared enforceable in the Member State in which enforcement is sought.#Case C-379/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-20 ta’ Ġunju 2018.
Kawża mressqa mis-Società Immobiliare Al Bosco Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Terminu previst fid-dritt tal-Istat Membru mitlub sabiex jiġi eżegwit digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju – Applikabbiltà ta’ dan it-terminu għal strument li jordna s-sekwestru kawtelatorju miksub fi Stat Membru ieħor u ddikjarat eżekuttiv fl-Istat Membru mitlub.
Kawża C-379/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-20 ta’ Ġunju 2018.
Kawża mressqa mis-Società Immobiliare Al Bosco Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Terminu previst fid-dritt tal-Istat Membru mitlub sabiex jiġi eżegwit digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju – Applikabbiltà ta’ dan it-terminu għal strument li jordna s-sekwestru kawtelatorju miksub fi Stat Membru ieħor u ddikjarat eżekuttiv fl-Istat Membru mitlub.
Kawża C-379/17.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:472
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl-20 ta’ Ġunju 2018 ( 1 )
Kawża C-379/17
Società Immobiliare Al Bosco Srl
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi – Terminu ta’ eżekuzzjoni previst fid-dritt tal-Istat mitlub għas-sekwestru ta’ beni – Applikabbiltà ta’ dan it-terminu għal strument adottat fi Stat Membru ieħor u ddikjarat eżekuttiv fl-Istat mitlub”
I. Introduzzjoni
1. |
Fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ), sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija fi Stat Membru tista’, bħala regola, tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor wara li tkun ġiet iddikjarata eżekuttiva f’dan tal-aħħar. Madankollu, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju għandhom differenzi sostanzjali. Għalhekk, ma huwiex faċli li jiġu stabbiliti liema dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Istat Membru li fih tintalab l-eżekuzzjoni huma applikabbli fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin. Din il-kawża taqa’ f’dan il‑kuntest. |
2. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ser jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-punt jekk, taħt is-sistema tar-Regolament Nru 44/2001, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih tintalab l-eżekuzzjoni, li tistabbilixxi t-terminu li fih kreditur għandu jipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju, tapplikax għal tali sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra. |
3. |
B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l‑applikabbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż, jiġifieri l‑Artikolu 929(2) taż-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iż-“ZPO”), fil-kuntest tal-kawża prinċipali li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija minn awtoritajiet Taljani ( 3 ). |
4. |
Madankollu, ir-rilevanza tas-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti f’din il-kawża tmur lil hinn mill-kuntest tal-Istati msemmija f’din il-kawża. Fil-fatt, din hija kwistjoni potenzjalment sinjifikattiva għall‑Istati Membri kollha li d-dritt nazzjonali tagħhom jipprevedi terminu sabiex titressaq talba għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s‑sekwestru kawtelatorju. Barra minn hekk, din il-kwistjoni tqum ukoll fil‑kuntest tar‑Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 4 ), li ssostitwixxa r‑Regolament Nru 44/2001. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament Nru 44/2001
5. |
Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001, li jinkludi l‑Artikoli 32 sa 58 ta’ dan ir-regolament, essenzjalment jirregola r‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri, inkluż il-proċedura ta’ eżekuzzjoni. |
6. |
Skont l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001: “Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.” |
2. Ir-Regolament Nru 1215/2012
7. |
Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1215/2012 jinkludi l‑Artikoli 36 sa 57 u jirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri. Madankollu, waqt l‑adozzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jintroduċi s-sistema tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni awtomatiċi. Għal dan il-għan, l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi li s-sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra jistgħu jiġu eżegwiti mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà. |
8. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi dan li ġej: “Soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima, il-proċedura għall‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru indirizzat. Sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli fl-Istat Membru indirizzat għandha tiġi eżegwita hemmhekk taħt l-istess kondizzjonijiet bħal sentenza mogħtija fl-Istat Membru indirizzat.” |
B. Id-dritt Ġermaniż
9. |
L-Artikolu 929(2) taż-ZPO jipprevedi: “L-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ sekwestru ma hijiex awtorizzata wara l‑iskadenza ta’ terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mid-data li fiha l-ordni tkun ingħatat jew ġiet innotifikata lill-parti li fuq it-talba tagħha tkun inħarġet.” |
10. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 932(1) u (3) taż-ZPO: “(1) L-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ sekwestru ta’ immobbli […] iseħħ permezz ta’ reġistrazzjoni ta’ ipoteka li tiggarantixxi l-kreditu […]. […] (3) It-talba għar-reġistrazzjoni tal-ipoteka għandha titqies, fis-sens tal-Artikolu 929(2) u (3), bħala l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ sekwestru.” |
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali
11. |
Fid-19 ta’ Novembru 2013, Società Immobiliare Al Bosco Srl, kumpanija rregolata mid-dritt Taljan, kisbet ordni ta’ sekwestru kawtelatorju (sequestro conservativo) quddiem it-Tribunale di Gorizia (il-Qorti ta’ Gorizia, l-Italja) fl-ammont ta’ miljun ewro fuq il-beni mobbli u immobbli ta’ Gunter Hober (iktar ’il quddiem il-“konvenut”). |
12. |
Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Awwissu 2014, il-qorti kompetenti ddikjarat is-sentenza bħala eżekuttiva fil-Ġermanja. |
13. |
Iktar minn tmien xhur wara, fit-23 ta’ April 2015, ir-rikorrenti talbet, bħala garanzija tal-kreditu tagħha, ir-reġistrazzjoni ta’ ipoteka fuq proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja u li tappartjeni lill-konvenut. |
14. |
Din it-talba għal reġistrazzjoni ġiet miċħuda mill-qorti tal-ewwel istanza. |
15. |
Sussegwentement, il-qorti tal-appell ċaħdet l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra din is-sentenza. Din il-qorti qieset li l-ipoteka ma kellhiex tiġi rreġistrata minħabba l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx osservat it‑terminu ta’ xahar stabbilit fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO. |
16. |
Skont il-qorti tal-appell, in-natura eżekuttiva mogħtija mill‑Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001 lil sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tikkorrispondi, essenzjalment, għan-natura eżekuttiva mogħtija lil sentenza nazzjonali ekwivalenti. Barra minn hekk, l‑eżekuzzjoni nnifisha tas-sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra hija suġġetta għall-lex fori. |
17. |
Barra minn hekk, skont il-qorti tal-appell, is-sekwestru kawtelatorju skont id‑dritt Taljan (sequestro conservativo) u s-sekwestru kawtelatorju skont id-dritt Ġermaniż huma simili. Għalhekk, minħabba din is-similarità, fil‑kawża prinċipali għandhom jiġu osservati d-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli għal din it-tip ta’ sentenza u, konsegwentement l‑Artikolu 929(2) taż-ZPO. |
18. |
Permezz tal-appell tagħha fuq punt ta’ liġi awtorizzat mill-qorti tal-appell u ppreżentat quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal‑Ġustizzja, il-Ġermanja), ir-rikorrenti ssostni t-talba tagħha għal reġistrazzjoni tal-ipoteka bħala garanzija tal-kreditu. |
IV. Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja
19. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal‑Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda segwenti: “Huwa kompatibbli mal-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru [44/2001], il-fatt li terminu, li huwa stabbilit fid-dritt tal-Istat fejn tintalab l‑eżekuzzjoni u li fuq il-bażi tiegħu strument ma jkunx jista’ jiġi eżegwit wara l-iskadenza ta’ perijodu partikolari, jiġi applikat ukoll għal strument komparabbli minn aspett funzjonali maħruġ fi Stat Membru ieħor u rrikonoxxut u ddikjarat bħala li jista’ jiġi eżegwit fl-Istat fejn tintalab l‑eżekuzzjoni?” |
20. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2017. |
21. |
Kienet il-Kummissjoni biss li ppreżentat sottomissjonijiet bil‑miktub. Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fis-seduta li nżammet fil-11 ta’ April 2018. |
V. Analiżi
22. |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-applikazzjoni ta’ terminu previst fid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li abbażi tiegħu sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju ma tistax tiġi eżegwita iktar wara li jiskadi ċertu żmien, fir-rigward ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija fi Stat Membru ieħor hijiex konformi mal-Artikolu 38(1) tar‑Regolament Nru 44/2001. |
23. |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari kif magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit, essenzjalment, jekk dispożizzjoni tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li abbażi tagħha sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju ma tistax tiġi eżegwita iktar wara li jiskadi ċertu żmien, hijiex marbuta man-natura eżekuttiva tas‑sentenza, li hija rregolata bid-dritt tal-Istat Membru li fih din is‑sentenza ngħatat (l‑Istat Membru ta’ oriġini), jew jekk din id‑dispożizzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata bħala regola, marbuta mal‑eżekuzzjoni nnifisha, tad-dritt tal-Istat Membru li fih l-eżekuzzjoni tas-sentenza ntalbet (l-Istat Membru mitlub). |
24. |
Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li s-sekwestru kawtelatorju Taljan għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-funzjoni tiegħu, bħala sekwestru kawtelatorju fid-dritt Ġermaniż. F’dan il-kuntest, il-qorti tar‑rinviju għandha dubji dwar jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet tal‑eżekuzzjoni tas-sentenza Taljana fil-Ġermanja humiex irregolati minn dispożizzjonijiet Ġermaniżi fil-qasam tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju. |
25. |
Il-qorti tar-rinviju tindika, minn naħa, li mill-perspettiva tat-teknika ġuridika, it-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO ma huwiex marbut – kuntrarjament, pereżempju, għal dispożizzjoni dwar il‑preskrizzjoni ta’ drittijiet mogħtija b’sentenza – mad-dritt sostantiv. F’din il-perspettiva, dan it-terminu jidher li jista’ jaqa’ taħt id-dritt fil‑qasam ta’ eżekuzzjoni nnifisha, li ma huwiex irregolat bir-Regolament Nru 44/2001. |
26. |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li l-applikazzjoni tat‑terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO għandu bħala konsegwenza li n-natura eżekuttiva tal-istrument tintemm meta jiskadi ċertu żmien. L-effett ta’ dan it-terminu ma huwiex, finalment, differenti minn dak ta’ annullament ta’ strument fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali limitazzjoni rationae temporis ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju skont id-dritt tal-Istat Membru mitlub tistax tkun inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex tqiegħed inkwistjoni l‑prinċipji stabbiliti bir-Regolament Nru 44/2001. |
A. Il-pożizzjonijiet tal-partijiet
27. |
Il-Gvern Ġermaniż jindika, fl-ewwel lok, li r-Regolament Nru 44/2001 jirrigwarda biss il-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Min-naħa l‑oħra, l-eżekuzzjoni nnifisha tas-sentenzi ma hijiex irregolata b’dan ir‑regolament. Għalhekk, is-sentenzi li jaqgħu fir-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu eżegwiti skont id-dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru mitlub, bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO. |
28. |
Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż jirreferi għas-sentenzi Apostolides ( 5 ) u Prism Investments ( 6 ) u jfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li ma hemm l-ebda raġuni sabiex sentenza, fil-mument tal-eżekuzzjoni tagħha, tingħata effetti li sentenza tal-istess tip, mogħtija direttament fl‑Istat Membru mitlub, ma tipproduċix. Dan il-Gvern iqis li, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, hemm lok li jiġi applikat it-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO għas-sentenza li tordna s‑sekwestru kawtelatorju mogħtija fl-Italja minħabba l-fatt li sentenza simili, adottata fil-Ġermanja, ma tistax tiġi eżegwita wara l-iskadenza tat‑terminu ta’ xahar. |
29. |
Finalment, fit-tielet lok, il-Gvern Ġermaniż, filwaqt li jinvoka d‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, iqis li l-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament jikkorrobora l‑pożizzjoni ppreżentata hawn fuq. |
30. |
Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li raġunament essenzjalment ibbażat fuq is-sentenza Prism Investments ( 7 ) ma jikkunsidrax debitament in-natura transkonfinali tal-kawża prinċipali. |
31. |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil‑ġurisprudenza tagħha li d-distinzjoni bejn il-proċedura ta’ eżekuzzjoni u l-eżekuzzjoni nnifisha ma għandhiex tikser prinċipji fundamentali tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod partikolari dak tal-moviment liberu tas-sentenzi. Għalhekk, anki jekk il-proċedura ta’ eżekuzzjoni prevista bir-Regolament Nru 44/2001 kellha bħala effett li tintegra sentenza barranija fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub, applikazzjoni “għamja” tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru ma tiħux inkunsiderazzjoni l-oriġini tal-istrument li għandu jiġi eżegwit. F’dan il-każ, jista’ jiġri li, minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 929(2) taż-ZPO fil-mument tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tad‑dritt Taljan, l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ma tkunx iktar possibbli fl-Istat Membru mitlub, minkejja li tkun eżekuttiva fl-Istat Membru ta’ oriġini. |
32. |
Fid-dawl ta’ dawn id-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju u tal‑argumenti mressqa mill-partijiet, qabel xejn ser nanalizza jekk regola li tistabbilixxi terminu sabiex titressaq it-talba għal eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorja, bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO, għandhiex tiġi kklassifikata bħala dispożizzjoni proċedurali tal-lexi fori tal-Istat Membru mitlub. Sussegwentement, ser nerġa’ neżamina mill-ġdid it-tagħlimiet misluta minn dan l-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni fid-dawl tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-effetti prodotti mis‑sentenzi barranin fis-sistema tar-Regolament Nru 44/2001 fil-qasam tal-eżekuzzjoni. Finalment, ser inqabbel l-argumenti preċedenti mas‑soluzzjonijiet adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar‑Regolament Nru 1215/2012. |
B. Fuq l-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni
1. Osservazzjonijiet preliminari
33. |
Infakkar, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-kuntest tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell ( 8 ), li din il-konvenzjoni tirregola biss il‑proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ strumenti eżekuttivi barranin u ma tirregolax l‑eżekuzzjoni nnifisha, li tibqa’ suġġetta għad-dritt nazzjonali tal-qorti adita ( 9 ). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li din il‑ġurisprudenza kienet trasponibbli għar-Regolament Nru 44/2001 inkwantu dan kien jipprevedi wkoll il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ( 10 ). |
34. |
F’dan il-kuntest ġurisprudenzjali, il-Gvern Ġermaniż jindika, bħall-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 929(2) taż-ZPO huwa kklassifikat, skont id-dritt Ġermaniż, bħala dispożizzjoni tad-dritt proċedurali. Konsegwentement, tal-anqas skont il-qorti tar-rinviju, it-terminu previst minn din id-dispożizzjoni jista’ jaqa’ fl-ambitu tad-dritt fil-qasam ta’ eżekuzzjoni nnifisha, li ma hijiex irregolata bir-Regolament Nru 44/2001. |
35. |
F’dan ir-rigward, nosserva li l-maġġoranza tal-kunċetti użati mil‑leġiżlatur tal-Unjoni fl-atti li jaqgħu fil-kooperazzjoni ġudizzjarja fil‑qasam ċivili, inkluż ir-Regolament Nru 44/2001, għandhom natura awtonoma ( 11 ). Konsegwentement, il-klassifikazzjoni ta’ regoli bħall‑Artikolu 929(2) taż-ZPO fil-kuntest nazzjonali ma għandhiex tkun deċiżiva sabiex tiġi solvuta l-problema ġuridika mqajma fil-kuntest tad‑domanda preliminari. |
36. |
Barra minn hekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, il-klassifikazzjoni awtonoma bħala “regola tad-dritt proċedurali” li tingħata lill-Artikolu 929(2) taż-ZPO lanqas ma hija deċiżiva fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li d-dritt Taljan jipprevedi wkoll terminu sabiex titressaq talba għal eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju. Xejn ma jindika li dispożizzjoni li tipprevedi tali terminu ma tistax tiġi kklassifikata wkoll bħala “regola tad-dritt proċedurali”, l-istess bħall-Artikolu 929(2) taż‑ZPO. Fil-fatt, dak li huwa deċiżiv, huwa jekk, skont il‑klassifikazzjoni awtonoma, din id-dispożizzjoni taż-ZPO għandhiex tiġi applikata fil-mument tal-eżekuzzjoni fil-Ġermanja tas-sentenzi li jordnaw is‑sekwestru kawtelatorju mogħtija fi Stati Membri oħra ( 12 ). |
37. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li ma hemmx lok li tiġi eżaminata l‑kwistjoni dwar jekk id-dritt Taljan jipprevedix ukoll terminu sabiex titressaq it-talba għal eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju. |
38. |
B’mod iktar speċifiku, din il-qorti ssostni li, fil-kuntest tal-proċedura prinċipali, l-awtorità Ġermaniża inkarigata miż-żamma tar-Reġistru Pubbliku tal-Artijiet ma għandiex tiddetermina jekk id-dritt tal-Istat Membru li fih ingħatat is-sentenza jipprevedix terminu ta’ eżekuzzjoni, lanqas il-modalitajiet ta’ din l-eżekuzzjoni, u lanqas ma hija awtorizzata tapplika regola ta’ dritt barrani. Fir-rigward tal-proċedura segwita minn din l-awtorità, l-uniku element rilevanti huwa dak dwar jekk l-Artikolu 929(2) taż-ZPO għandux jiġi applikat jew le. Finalment, jekk, minħabba l-iskadenza tat-terminu previst fid-dritt Taljan, l-istrument ma jibqax iktar eżegwibbli b’mod furzat, id-debitur madankollu għandu jsostni dan l-aspett permezz ta’ rikors ippreżentat kontra d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni. |
39. |
B’hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, barra mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni, it-terminu previst fid-dritt Taljan huwa applikabbli wkoll għas-sentenza li tagħha ntalbet l-eżekuzzjoni fil-proċedura prinċipali. Minn dan isegwi li, fit-territorju Ġermaniż, sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija barra mill-pajjiż hija suġġetta għaż-żewġ sistemi stabbiliti, minn naħa, mill-Istat Membru ta’ oriġini u, min-naħa l-oħra, mill-Istat Membru mitlub. |
40. |
F’dan il-kuntest, nistaqsi jekk l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit doppju mill-kreditur jurix il-punt dgħajjef tal-interpretazzjoni li l‑Artikolu 929(2) taż-ZPO għandu jiġi applikat bħala regola tal-lexi fori fil-qasam tal-eżekuzzjoni nnifisha tas-sentenzi barranin li jordnaw is‑sekwestru kawtelatorju. F’dan il-każ, minn naħa, id‑dispożizzjoni tad‑dritt Ġermaniż li tipprevedi terminu sabiex titressaq it-talba għal eżekuzzjoni hija applikata bħala dispożizzjoni li tirregola l‑eżekuzzjoni nnifisha. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini li tistabbilixxi terminu simili hija applikata bħala regola li tistabbilixxi n-natura eżekuttiva ta’ deċiżjoni barranija ( 13 ). |
41. |
Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, għandi dubji, fl-ewwel lok, dwar l-artikolazzjoni bejn, minn naħa, in-natura eżekuttiva ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju, evalwata fid-dawl ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini li tipprevedi terminu sabiex titressaq it-talba għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, limitazzjoni tal-eżekuzzjoni effettiva permezz ta’ terminu simili, prevista minn dispożizzjoni tal-Istat Membru mitlub. |
42. |
Fit-tieni lok, nistaqsi dwar il-punt jekk, f’perspettiva sistematika, dispożizzjoni bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO tistax tiġi applikata b’mod iżolat, irrispettivament mill-kuntest transkonfinali u mill-oriġini tas‑sentenza li tagħha ntalbet l-eżekuzzjoni fil-Ġermanja. |
43. |
Finalment, fit-tielet lok, nistaqsi dwar jekk l-għan ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż jistax jiġi rrikonċiljat mal‑applikazzjoni tiegħu, li ma jikkunsidrax il-kuntest transkonfinali u l-oriġini ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju. |
2. L-artikolazzjoni bejn in-natura eżekuttiva u limitazzjoni tal‑eżekuzzjoni effettiva
44. |
Skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, għalkemm, fid-dritt Ġermaniż, is-sekwestru kawtelatorju jitlef il-validità ġuridika tiegħu minħabba l-iskadenza ta’ terminu, dan ma huwiex il-każ fid-dritt Taljan, li jipprevedi li huwa biss l-annullament formali ta’ dan is-sekwestru kawtelatorju li jneħħilu kull validità ġuridika. Barra minn hekk, filwaqt li, skont id-dritt Ġermaniż, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu għandu jitqajjem ex officio, skont id-dritt Taljan, għandu jkun il-konvenut stess li jinvoka l-iskadenza ta’ dan it-terminu. L-eżekuzzjoni ta’ sekwestru kawtelatorju tad-dritt Taljan tibqa’ għalhekk bħala regola possibbli anki wara l-iskadenza tat-terminu. |
45. |
Għalhekk, huwa possibbli li l-forza eżekuttiva tas-sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju, li, skont it-termini tal-Artikolu 38 tar‑Regolament Nru 44/2001, tikkostitwixxi kundizzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat Membru mitlub ( 14 ), tkun kompromessa inkwantu kreditur ma jkunx jista’ jeżegwixxiha fil‑Ġermanja, irrispettivament min-natura eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini. |
46. |
Din l-osservazzjoni tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni tal-fatt li l‑Artikolu 929(2) taż-ZPO ma jirrigwardax l-eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorja, iżda pjuttost il-forza eżekuttiva tagħha, u dan tal-anqas bl-istess mod bħal dispożizzjoni simili tad‑dritt Taljan. |
3. Ir-relazzjoni bejn il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru kawtelatorju u t-terminu għat-tressiq ta’ talba għal eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ sekwestru
47. |
Sekwestru kawtelatorju jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li abbażi tagħha huma biss id-deċiżjonijiet li jittieħdu fit-tmiem tal-proċedura dwar il-mertu u li jsiru finali jistgħu jkunu s-suġġett tal-eżekuzzjoni forzata. Għalhekk, minkejja l-fatt li, minħabba n-natura eċċezzjonali tiegħu, sekwestru kawtelatorju ma jissodisfax lill‑kreditur ( 15 ), dan jista’ jiġi ordnat biss jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. |
48. |
Huwa veru li, fil-maġġoranza tas-sistemi ġuridiċi, huwa l-fatt li l‑eżekuzzjoni ulterjuri ta’ sentenza dwar il-mertu tkun impossibbli li jikkostitwixxi tali kundizzjoni bażika. Madankollu, skont analiżi komparattivi, filwaqt li l-għan essenzjali tas-sekwestru kawtelatorju jiddetermina din il-kundizzjoni ġenerali, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali huma differenti f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet iddettaljati li fihom sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tista’ tiġi adottata ( 16 ). |
49. |
Fil-fatt, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru kawtelatorju huma stabbiliti mill-għażliet leġiżlattivi magħmula mill‑Istati Membri fit-tfittxija tagħhom tal-ekwilibriju bejn l-interessi ta’ kredituri u dawk tad-debituri. L-istabbiliment ta’ terminu għat-tressiq tat-talba għall-eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorja mill-kreditur huwa wkoll effett ta’ din it-tfittxija. |
50. |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-għan li jrid jintlaħaq mill-Artikolu 929(2) taż-ZPO huwa l-protezzjoni tad-debitur. B’mod iktar speċifiku, skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprekludi li sentenzi adottati wara proċedura ta’ miżuri provviżorji sommarja jibqgħu eżegwibbli u, għalhekk, jistgħu jkunu suġġetti għal eżekuzzjoni forzata matul perijodu relattivament twil u minkejja eventwali bidliet tas-sitwazzjoni. Bl-istess mod, il-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta indika li t-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO huwa intiż sabiex jipprekludi li sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tista’ tiġi eżegwita wara l-iskadenza ta’ xahar anki jekk iċ‑ċirkustanzi jkunu nbidlu kunsiderevolment. |
51. |
Barra minn hekk, anki l-parti tad-duttrina li tqis li fuq kollox huma l-effetti tal-miżuri kawtelatorji li huma differenti ħafna, filwaqt li l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom huma ħafna iktar simili ( 17 ), tqis li dawn il-kundizzjonijiet joħorġu mill-ġdid il-fatt li l-miżuri kawtelatorji huma marbuta b’mod profond mal-proċeduri li fihom ingħataw ( 18 ). Għalhekk jista’ jsir l-argument li, fil-kuntest transkonfinali, tali rabta teżisti bejn sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju u leġiżlazzjonijiet tal-Istat Membru ta’ oriġini. |
52. |
Qabel xejn, f’din il-perspettiva, l-istabbiliment ta’ terminu minn leġiżlatur bħal dak previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO huwa b’xi mod komparabbli mas-sitwazzjoni li fiha l-qorti tispeċifika fis-sentenza tagħha t-terminu li matulu għandhom isiru azzjonijiet speċifiċi mill‑kreditur. Jekk sentenza jkun fiha tali spjegazzjoni, din bla dubju tkun element intrinsiku ta’ din is-sentenza. |
53. |
Konsegwentement, inqis li terminu bħal dak li huwa previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO ma għandux jiġi sseparat mill‑kundizzjonijiet li fihom ordni ta’ sekwestru kawtelatorju tista’ tingħata u, b’mod ġenerali, mid-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini. Għalhekk, tali terminu ma għandux jiġi applikat bħala regola ta’ eżekuzzjoni nnifisha tal-lex fori fil‑kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi barranin fil-Ġermanja ( 19 ). |
4. L-għan ta’ dispożizzjoni li tipprevedi terminu għat-tressiq tat-talba għall-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ sekwestru
54. |
Infakkar li, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-għan prinċipali tal-Artikolu 929(2) taż-ZPO huwa li jiżgura li miżura kawtelatorja ma tiġix eżegwita wara perijodu relattivament twil u minkejja tibdil fis-sitwazzjoni. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda s-sentenzi barranin, mid-digriet tar-rinviju, kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, jirriżulta li dan it-terminu huwa kkalkolat b’effett mid-data tan-notifika ta’ dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni lil kreditur. |
55. |
Madankollu, kreditur ma huwiex obbligat iressaq talba għal eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju immedjatament wara l-kisba ta’ din is-sentenza fl-Istat Membru ta’ oriġini. Huwa jista’ għalhekk jipposponi li jressaq tali talba, minkejja eventwali bidla fiċ‑ċirkustanzi li sseħħ wara l-għoti tas-sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju. |
56. |
B’hekk, is-soluzzjoni li l-Artikolu 929(2) taż-ZPO japplika bħala regola tal-lex fori tal-Istat Membru mitlub u li tipprevedi li t-terminu previst minn din id-dispożizzjoni huwa kkalkolat b’effett mid-data tan-notifika ta’ dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tippermetti lil kreditur li b’mod sistematiku ma jikkunsidrax tali bidla fiċ-ċirkustanzi u jipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorja. |
57. |
Għalhekk, inqis li l-applikazzjoni tal-Artikolu 929(2) taż-ZPO fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi barranin ma tistax tkun irrikonċiljata mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, kif spjegat mill‑qorti tar-rinviju u l-Gvern Ġermaniż. |
58. |
Minn din l-analiżi jirriżulta, fl-ewwel lok, li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO tirrigwarda iktar l-forza eżekuttiva ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju milli l‑eżekuzzjoni nnifisha. Fit-tieni lok, tali terminu ma għandux jiġi applikat b’mod iżolat, indipendentement mill-oriġini ta’ sentenza li tagħha ntalbet l-eżekuzzjoni. Fit-tielet lok, kieku kellna naqblu mal-perspettiva tal‑qorti tar-rinviju u tal-Gvern Ġermaniż dwar l-għan tal‑Artikolu 929(2) taż-ZPO, din id-dispożizzjoni ma tkunx tista’ tissodisfa r-rwol tagħha li kieku kellha tiġi applikata għas-sentenzi barranin li l‑eżekuzzjoni tagħhom intalbet fil-Ġermanja. |
59. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu għat-tressiq tat-talba għal eżekuzzjoni mill-kreditur, bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO, ma għandhiex tkun ikklassifikata bħala regola ta’ proċedura li hija applikabbli fil-kuntest tal-eżekuzzjoni fil-Ġermanja ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija fi Stat Membru ieħor. |
C. Fuq l-ekwivalenza tal-effetti tas-sentenzi nazzjonali u barranin
60. |
Hija ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, li ma hemm l‑ebda raġuni għalfejn sentenza mogħtija fi Stat Membru, waqt l‑eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor, tingħata drittijiet li ma japplikawx għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini ( 20 ). Dan huwa dak li ġeneralment tissejjaħ id‑duttrina tal-“estensjoni tal-effetti” ( 21 ). Mis‑sentenza Health Service Executive ( 22 ), mogħtija fil-kuntest tar‑Regolament (KE) Nru 2201/2003 ( 23 ) iżda li, fl-opinjoni tiegħi, tista’ tiġi trasposta għar-Regolament Nru 44/2001, jirriżulta li din il-limitazzjoni għandha tiġi mifhuma b’mod partikolari fis-sens li sentenza barranija tista’ biss isservi bħala bażi għall-eżekuzzjoni fl-Istat Membru mitlub fil-limitazzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza stess. |
61. |
Minn naħa l-oħra, ma teżisti l-ebda raġuni għalfejn tali sentenza għandha tingħata effetti li sentenza tal-istess tip mogħtija direttament fl‑Istat Membru mitlub ma tipproduċix ( 24 ). Din il-limitazzjoni fir-rigward tal-effetti ta’ sentenzi eżegwiti fl-Istat Membru mitlub hija msejħa “duttrina tal-ekwivalneza tal-effetti” ( 25 ). |
62. |
Filwaqt li jispira ruħu minn din il-ġurisprudenza, il-Gvern Ġermaniż iqis li, sabiex tkun żgurata l-ekwivalenza fit-trattament tas-sentenzi barranin u nazzjonali, l-Artikolu 929(2) taż-ZPO għandu jkun applikat fil-mument tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju taħt id-dritt Taljan fil-Ġermanja. |
63. |
Jiena ma naqbilx ma’ din l-opinjoni. Inqis, bħall‑Kummissjoni, li l-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti aspetti tan-natura transkonfinali tal-kawża prinċipali u tal-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 929(2) taż-ZPO fil-kuntest ta’ tali kawża. Barra minn hekk, inqis li din il‑pożizzjoni hija bbażata fuq qari inkomplet tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
1. Fuq l-eventwali nuqqas ta’ koerenza bejn ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru mitlub
a) L-identifikazzjoni tal-problematika
64. |
Mid-digriet tar-rinviju, kif ukoll mill-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż li tressqet waqt is-seduta, jirriżulta li fis-sitwazzjonijiet nazzjonali, meta jkunu l-awtoritajiet Ġermaniżi li jagħtu sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju u sussegwentement jeżegwixxu din is‑sentenza, il-kreditur li ma jkunx osserva t-terminu previst fl‑Artikolu 929(2) taż-ZPO, jista’ jikseb mill-ġdid, mingħajr terminu, ordni ta’ sekwestru kawtelatorju. |
65. |
Madankollu, jekk, f’kuntest transkonfinali, l-Artikolu 929(2) taż-ZPO jiġi applikat bħala regola tal-lex fori tal-Istat Membru mitlub, ma hemmx risposta ċara għad-domanda dwar kif il-kreditur għandu jipproċedi meta ma jkunx osserva t-terminu previst minn din id‑dispożizzjoni. |
66. |
Jidhirli li huwa sintomatiku li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il‑Gvern Ġermaniż ma ressqu l-argument li l-kreditur seta’ jressaq mill‑ġdid talba għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni fil-Ġermanja sabiex jerġa’ jiftaħ it-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO. Nistaqsi jekk tali soluzzjoni hijiex konformi mal-ispirtu tal-Artikolu 929(2) taż-ZPO. Fi kwalunkwe każ, it-tiġdid tat-talba jippermetti li tiġi posposta b’mod indefinit id-data tar-reġistrazzjoni tal-ipoteka li tiggarantixxi l-kreditu abbażi tal-istess sentenza. Jidhirli li tali possibbiltà tmur kontra l-loġika ta’ din id-dispożizzjoni. |
67. |
Nosserva li, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula waqt is‑seduta, il-Gvern Ġermaniż iddikjara li kreditur jista’ jitlob mill-ġdid sekwestru kawtelatorju fl-Istat Membru ta’ oriġini, anki meta t-termini previsti f’dan l-Istat Membru jkunu skadew. Għall-kuntrarju, il‑Kummissjoni indikat li, f’dan il-każ, il-kreditur ma setax jitlob sentenza oħra fl-Italja, peress li s-sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju mogħtija inizjalment mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru kienet għadha eżekuttiva għar-raġunijiet esposti fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
68. |
Minn dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li kreditur li ma jkunx osserva t-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO għandu probabbilment jindirizza ruħu lill-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, f’dan il-każ il-qrati Taljani, sabiex jikseb tieni sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju. |
b) L-artikulazzjoni bejn ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru ta’ oriġini u dawk tal-Istat Membru mitlub
69. |
Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li l-analiżi relatata mad-domanda preliminari rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tkun limitata għall-kuntest ta’ din il-kawża. F’dan il-każ, is‑sentenza li tagħha ntalbet l-eżekuzzjoni fil-Ġermanja ngħatat skont id‑dritt Taljan li jipprevedi terminu kważi simili għal dak previst fl‑Artikolu 929(2) taż-ZPO. Madankollu, inqis li l-istess dubji dwar l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni fil-kuntest tal‑eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorju, iddikjarata eżekuttiva fil‑Ġermanja, japplikaw fir-rigward ta’ kwalunkwe sentenza li tordna s‑sekwestru kawtelatorju mogħtija fi Stati Membri oħra. |
70. |
Għalhekk, mingħajr ma rrid niddeċiedi dwar is-sitwazzjoni reali tar‑rikorrenti fir-rigward tad-dritt Taljan, jidhirli li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-kreditur, bħala regola, ikun mitlub li juri mill‑ġdid, insostenn tat-tieni talba tiegħu mressqa quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini, tal-anqas, il-plawżibbiltà taċ-ċirkustanzi li fihom sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tista’ tingħata. Għalhekk, ma hijiex tieni deċiżjoni tal-istess sentenza, iżda l-adozzjoni ta’ sentenza ġdida abbażi ta’ evalwazzjoni ġdida tal-kundizzjonijiet kollha li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi ordnat sekwestru kawtelatorju. |
71. |
Barra minn hekk, ma tistax tiġi eskluża qabel xejn il-possibbiltà li d-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini ma jipprevedix, għal raġunijiet differenti, il-fakultà li titressaq effettivament talba ġdida għal sentenza. Pereżempju, fil‑perspettiva tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini, talba ġdida tista’ tkun inammissibbli sakemm is-sentenza preċedenti ma tkunx ġiet annullata jew ma tkunx tilfet il-validità ġuridika tagħha għal raġunijiet oħra ( 26 ). |
72. |
F’ċerti każijiet, jista’ jiġri li l-applikazzjoni tal-modalitajiet stabbiliti fl-Istat Membru mitlub, jiġifieri, f’dan il-każ, it‑terminu previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO, waqt l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor twassal għal diffikultajiet. B’mod partikolari, il-kreditur li ma osservax it-terminu previst f’din id‑dispożizzjoni ma jistax jipproċedi iktar għall-eżekuzzjoni ta’ din is‑sentenza fil-Ġermanja u, fl-istess ħin, ma jistax jitlob sentenza ġdida quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini. |
2. Fuq il-preżervazzjoni tal-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001
a) Tfakkir tal-ġurisprudenza dwar il-preżervazzjoni tal-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001
73. |
Infakkar li, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l‑applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Istat Membru mitlub ma għandhiex tippreġudika l-effett utli tas-sistema prevista minn din il-konvenzjoni ( 27 ). Fis-sentenzi li jaqgħu f’din il-prattika ġurisprudenzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll, fir-rigward b’mod iktar preċiż tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-eżekuzzjoni fiha nnifisha, li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Istat Membru mitlub fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ma għandhiex tippreġudika l-effett utli tas-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-qasam tal-eżekuzzjoni billi ma tapplikax il-prinċipji stabbiliti f’dan il-qasam, kemm jekk b’mod espress jew impliċitu, permezz tar‑Regolament Nru 44/2001 stess ( 28 ). Konsegwentement, il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonfermat it-transponabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza għar‑Regolament Nru 44/2001 ( 29 ). |
74. |
Barra minn hekk, nosserva li din il-loġika ispirat ukoll il‑ġurisprudenza relatata mal-ordnijiet li jipprojbixxu lil parti milli tressaq jew tkompli kawża quddiem qorti statali. Fil-fatt, il-Qorti tal‑Ġustizzja qieset li tali ordnijiet jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u jneħħu l-effett utli tal-mekkaniżmi speċifiċi previsti f’każ ta’ lis pendence u ta’ konnessjoni ( 30 ). Sussegwentement, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi jostakolaw il-qorti ta’ Stat Membru ieħor fl-eżerċizzju tas-setgħat li jagħtiha r-Regolament Nru 44/2001, tali ordnijiet, mogħtija fil-kuntest ta’ arbitraġġ, jagħlqu l‑aċċess ta’ rikorrent għall-qorti statali li huwa jkun ippreżenta rikors quddiemha skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament u jċaħħdu għalhekk lil dan ir-rikorrent minn forma ta’ protezzjoni ġudizzjarja li għandu dritt għaliha ( 31 ). |
b) Applikazzjoni konkreta tal-ġurisprudenza relatata mal-preżervazzjoni tal-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001
75. |
F’dak li jirrigwarda l-miżuri kawtelatorji, inqis li l-fatt li l‑applikazzjoni ta’ regola, bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO, għas‑sentenzi barranin li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju tista’ twassal għal diffikultajiet, kif ġie espost fil-punti 71 u 72 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, jista’ jippreġudika l-effett utli tas‑sistema tar-Regolament Nru 44/2001. |
76. |
Ċertament, bħall-Kummissjoni, inqis li ma għandux jiġi eskluż li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-kreditur jista’ jitlob, skont l-Artikolu 31 ( 32 ) tar-Regolament Nru 44/2001, miżura kawtelatorja quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub. Madankollu, dan il-kreditur isib ruħu f’sitwazzjoni sfavorevoli inkwantu jkun obbligat jirrikorri għall-qrati ta’ Stat Membru ieħor, bil‑konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn dan ( 33 ). Fl-opinjoni tiegħi, dan jikkonferma l-possibbiltà li tinħoloq diffikultà minħabba l-applikazzjoni tal‑Artikolu 929(2) taż-ZPO fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza barranija. |
77. |
F’dan il-każ, minn naħa, jista’ jiġri li l-qrati ta’ Stat Membru, li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-mertu, ma jistgħux jiżguraw lil kreditur il-protezzjoni ġudizzjarja li għaliha għandu dritt fil-fażi tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni tas-sentenza finali. Min-naħa l-oħra, il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il‑qrati bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 tiġi ppreġudikata jekk kreditur kien obbligat jirrikorri għall-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex iressaq talba għal sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju filwaqt li huwa kien jixtieq, korrettament, iressaq din it-talba quddiem il‑qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu. |
78. |
Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata mal‑preżervazzjoni tal-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001, inqis li regola tal-Istat Membru mitlub, bħall‑Artikolu 929(2) taż-ZPO, ma tistax tiġi applikata fil-mument tal‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju li ġejjin minn Stati Membri oħra. |
c) Konklużjoni intermedjarja
79. |
Infakkar li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dispożizzjoni bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala regola fil-qasam tal-eżekuzzjoni nnifisha tas-sentenzi barranin taħt is-sistema tar-Regolament Nru 44/2001 ( 34 ). |
80. |
Anki jekk kellu jitqies li din id-dispożizzjoni kellha tiġi kklassifikata bħala dispożizzjoni fil-qasam tal-eżekuzzjoni nnifisha tal‑lex fori tal-Istat Membru mitlub, hija ma għandhiex tiġi applikata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin fil-Ġermanja inkwantu hija tippreġudika l-effett utli ta’ dan ir-regolament. |
81. |
Qabel xejn, fl-opinjoni tiegħi, il-loġika u l-effetti tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza relatata mal-preżervazzjoni tal-effett utli tar‑Regolament Nru 44/2001 ifakkru s-soluzzjoni reċentement adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata mar-Regolament (UE) Nru 650/2012 ( 35 ). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-klassifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu fir-Regolament Nru 650/2012 ma għandhiex tostakola t-twettiq tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tiegħu ( 36 ). Konsegwentement, l-effett utli ta’ att tad‑dritt tal-Unjoni li jirrigwarda l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili jista’ jkollu effett fuq il-klassifikazzjoni awtonoma, magħmula għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-att, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Bl-istess mod, l‑Artikolu 929(2) taż-ZPO lanqas ma għandu jiġi kklassifikat bħala regola fil-qasam tal-eżekuzzjoni nnifisha inkwantu dan jista’ jippreġudika l‑effett utli tar-Regolament Nru 44/2001. |
D. Fuq l-effett tat-tneħħija tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni taħt is‑sistema tar-Regolament Nru 1215/2012 fuq il-kunsiderazzjonijiet preċedenti
82. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda biss ir‑Regolament Nru 44/2001. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li din id-domanda preliminari tqum bl-istess mod fil-kuntest tar‑Regolament Nru 1215/2012. Barra minn hekk, il-partijiet invokaw ukoll dan ir-regolament fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati waqt is-seduta. |
83. |
F’dan ir-rigward, inqis li t-tagħlimiet misluta mir‑Regolament Nru 1215/2012 ma jistgħux jikkontestaw il‑kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq. |
84. |
L-ewwel nett, għalkemm ir-Regolament Nru 44/2001 ma jirregolax b’mod espliċitu l-kwistjoni tar-rwol tal-lex fori tal-Istat Membru mitlub fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi barranin, ir‑Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi minn naħa tiegħu, fl-Artikolu 41(1), b’mod partikolari, li s-sentenzi barranin għandhom jiġu eżegwiti fl-Istat Membru mitlub fl-istess kundizzjonijiet bħal sentenza mogħtija f’dan l-Istat Membru ( 37 ). |
85. |
Madankollu, minkejja t-tneħħija tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni taħt is-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012, id-distinzjoni bejn il-forza eżekuttiva u l-eżekuzzjoni nnifisha, irregolata bil-lex fori tal-Istat Membru mitlub, inżammet mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ dan ir-regolament ( 38 ). |
86. |
Hija wkoll l-interpretazzjoni mressqa mill-Gvern Ġermaniż li, filwaqt li twassal għal konklużjonijiet differenti, tikkonstata li t-tieni sentenza tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 tistabbilixxi l-prinċipji li kienu ġew applikati fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk, ċerti awturi jqisu li din id-dispożizzjoni tar‑Regolament Nru 1215/2012 tikkodifika l-prinċipji stabbiliti mill‑Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata mar‑Regolament Nru 44/2001 ( 39 ). |
87. |
Konsegwentement, xejn ma jindika li d-dħul fis-seħħ tar‑Regolament Nru 1215/2012 jista’ jkollu effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO. |
88. |
It-tieni nett, inqis li, taħt is-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012, il-problema ta’ diffikultà maħluqa bl-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali, bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO, bħala regola tal‑Istat Membru mitlub tqum bl-istess mod. Għaldaqstant, il‑ġurisprudenza relatata mal-preżervazzjoni tal-effett utli tas-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012 hija intiża li tapplika ( 40 ). |
89. |
Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li la t-tagħlimiet misluta mit‑tneħħija tal-eżekuzzjoni u lanqas dawk misluta mill-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jistgħu jiġġustifikaw l-argument li, taħt is-sistema tar-Regolament Nru 44/2001, dispożizzjoni bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO tista’ tiġi applikata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin fil-Ġermanja. |
90. |
Sabiex nikkonkludi, dispożizzjoni, l-ewwel nett, li ma taqax taħt l‑eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija iżda iktar taħt il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ( 41 ) u, it-tieni nett, li l-applikazzjoni tagħha fil-mument tal-eżekuzzjoni tippreġudika l-effett utli tas-sistema tar-Regolament Nru 44/2001 ma tikkostitwixxix regola tal-lex fori tal-Istat Membru mitlub fil‑qasam ta’ eżekuzzjoni ( 42 ). Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhomx jiġu kkontestati mit-tagħlimiet misluta mill-analiżi tar-Regolament Nru 1215/2012. Dan ir-regolament la biddel il-loġika u lanqas il-prinċipji li jirregolaw il-limitazzjonijiet tal-applikazzjoni tal-lex fori tal-Istat Membru mitlub. |
VI. Konklużjoni
91. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposta segwenti għad-domanda magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, Ġermanja): Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u b’mod partikolari l-Artikolu 38(1) tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Istat Membru mitlub, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi terminu għat-tressiq tat-talba għal eżekuzzjoni ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni nnifisha ta’ sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju li ngħatat minn Stat Membru ieħor. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).
( 3 ) Sa fejn naf jien, din il-kawża tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex għat-tieni darba tinterpreta regoli fil-qasam tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin fil-kuntest ta’ kawża li fiha jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet taż-ZPO li jirrigwardaw is-sekwestru kawtelatorju. Ara s-sentenza tal-10 ta’ Frar 1994, Mund & Fester (C‑398/92, EU:C:1994:52).
( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il‑ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).
( 5 ) Sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271).
( 6 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653).
( 7 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C-139/10, EU:C:2011:653).
( 8 ) Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas‑sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32).
( 9 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1985, Deutsche Genossenschaftsbank (148/84, EU:C:1985:280, punt 19); tat‑3 ta’ Ottubru 1985, Capelloni u Aquilini (119/84, EU:C:1985:388, punt 16); u tal‑4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 27), u tad‑29 ta’ April 1999, Coursier (C‑267/97, EU:C:1999:213, punt 28).
( 10 ) Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 69), u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 40).
( 11 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2017:965, punt 32). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Hőszig (C‑222/15, EU:C:2016:224, punti 31 u 47).
( 12 ) F’dan ir-rigward nosserva li d-duttrina ma hijiex unanima fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu terminu sabiex titressaq talba għal eżekuzzjoni ta’ miżura kawtelatorja fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin. Ċerti awturi jippreferu jqisu li tali dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati f’dan il-każ. Ara, b’mod partikolari, Kropholler, J., von Hein, J., Europäisches Zivilprozessrecht: Kommentar zu EuGVO, Lugano-Übereinkommen, id-9 Edizzjoni, Verlag Recht und Wirtschaft, C.H. Beck, Frankfurt am Main, 2011, p. 615 u 616, punt 10. Ara, għall-kuntrarju, Schack, H., Internationales Zivilverfahrensrecht mit internationalem Insolvenz- und Schiedsverfahrensrecht, C.H. Beck, München, 2014, punt 1066.
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-forza eżekuttiva ta’ sentenza li tagħha tintalab l-eżekuzzjoni taħt is-sistema tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653, punti 37 u 39).
( 14 ) F’dak li jirrigwarda n-natura eżekuttiva ta’ sentenza barranija, ara s-sentenzi tad‑29 ta’ April 1999, Coursier (C‑267/97, EU:C:1999:213, punt 23), u tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punti 65 u 66). Nirrileva li, fid-duttrina, ġie sottomess ukoll li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad‑dritt Spanjol, li tipprevedi terminu simili għal dak previst fl-Artikolu 929(2) taż-ZPO, fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija ma hijiex konformi mal‑Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001 inkwantu sentenza ma tistax tiġi eżegwita fl-Istat Membru mitlub irrispettivament min-natura eżekuttiva ta’ din is-sentenza skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini. Ara Steinmetz, A., “Anwendbarkeit der Ausschlussfrist in der spanischen ZPO auch auf ausländische Vollstreckungstitel?”, Recht der internationalen Wirtschaft, Nru°5, 2009, p. 304.
( 15 ) Fil-fatt, inqis li sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju, bħal dik li tagħha ntalbet l-eżekuzzjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi “miżura kawtelatorja” fis-sens tal‑Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001. Għalhekk din hija miżura intiża sabiex iżomm sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ dritt sabiex jiġu ssalvagwardjati drittijiet li r‑rikonoxximent tagħhom ġie wkoll mitlub mill-qorti adita mill-mertu. Ara s‑sentenza tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 34).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, Goldstein S., “Recent Developments and Problems in the Granting of Preliminary Relief: a Comparative Analysis”, Revue hellénique de droit international, 1987‑1988, l-40 u l-41 sena, p. 13. Jidhirli li l-kundizzjonijiet li fihom sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tista’ tingħata jippreżentaw differenzi ta’ opinjonijiet, b’mod partikolari, tan-natura u l-gravità tat-theddida maħluqa minħabba n-nuqqas ta’ sekwestru. Ara, pereżempju, fid-dritt Ġermaniż, l-Artikolu 917 taż-ZPO, li jipprevedi li sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju tista’ tingħata meta l-eżekuzzjoni tas-sentenza finali hija impossibbli jew diffiċli ferm, fejn din l‑aħħar kundizzjoni hija deskritta mid-duttrina bħala kundizzjoni “ħafna iktar speċifika”. Ara Cuniberti, G., Les mesures conservatoires portant sur des biens situés à l’étranger, LGDJ, Pariġi, 2000, p. 267. Kundizzjoni simili hija prevista, pereżempju, fid-dritt Pollakk, fl-Artikolu 7301(2) tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tas-17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. de 2014, pożizzjoni 101). F’dak li jirrigwarda d-dritt Taljan, l-Artikolu 671 tal-codice di procedura civile (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jipprevedi li sekwestru kawtelatorju jista’ jiġi awtorizzat meta jkun hemm riskju fir-rigward tal-ġbir tal-kreditu (periculum in mora). B’hekk, l-Artikolu 671 ta’ dan il-kodiċi ma jsemmix espliċitament il-każijiet li fihom in-nuqqas ta’ sekwestru jista’ joħloq diffikultajiet fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali. Fuq is-sekwestru kawtelatorju tad-dritt Taljan, ara, ukoll, Crisofaro, M., “National Report – Italy”, in Harsági, V., Kengyel, M. (taħt id-direzzjoni ta’), Grenzüberschreitende Vollstreckung in der Europäischen Union, Sellier, München, 2011, p. 119. Madankollu, jiena konxju li hemm bżonn li jiġi kkunsidrat il-fatt li l‑kundizzjonijiet tal-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru li jissemmew fit-testi ġuridiċi huma suġġetti għal żviluppi ġurisprudenzjali li jistgħu jkabbru jew jillimitaw id-differenzi bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri.
( 17 ) Cuniberti, G., Les mesures conservatoires portant sur des biens situés à l’étranger, LGDJ, Pariġi, 2000, p. 267
( 18 ) Cuniberti, G., op. cit. p. 255. F’dak li jirrigwarda l-miżuri kawtelatorji b’mod ġenerali, mingħajr ma tissemma l-kwistjoni tad-diversità tal-kundizzjonijiet għall-għoti, ara, f’dan is-sens, Hess, B., “The Brussels I Regulation: Recent Case Law of the Court of Justice and the Commission’s Proposed Recast”, Common Market Law Review 2012, p. 1098.
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, Wittmann, J., “BGH, 11.05.2017 - V ZB 175/15: Anwendbarkeit der Vollziehungsfrist aus § 929 Abs. 2 ZPO bei Vollstreckung ausländischer Titel nach Maßgabe der EuGVVO”, Zeitschrift für Internationales Wirtschaftsrecht 2018, Nru 1, p. 42, li madankollu jenfasizza l-fatt li l-limitazzjoni rationae temporis imposta bl-Artikolu 929(2) taż-ZPO, ma hijiex ibbażata fuq il-proċedura ta’ eżekuzzjoni nnifisha, iżda fuq il-proċedura ta’ urġenza li twassal għall-eżekuzzjoni.
( 20 ) Ara, f’dan is-sens, taħt is-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 11). F’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 44/2001, ara s-sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 66); tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 40), u tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 34).
( 21 ) Ara, f’dan is-sens, Miguel Asensio, P.A., “Recognition and Enforcement of Judgments in Intellectual Property Litigation: the Clip Principles”, f’Basedow, J., Kono, T., u Metzger, A. (taħt id-direzzjoni ta’), Intellectual Property in the Global Arena – Jurisdiction, Applicable Law, and the Recognition of Judgments in Europe, Japan and the US, Mohr Siebeck, Tübingen, 2010, p. 251; Requejo Isidro, M., “The Enforcement of Monetary Final Judgments Under the Brussels Ibis Regulation (A Critical Assessment”, f’V. Lazić, Stuij S. (taħt id-direzzjoni ta’), Brussels Ibis Regulation: Changes and Challenges of the Renewed Procedural, Springer, Den Haag, 2017, p. 88.
( 22 ) Sentenza tas‑26 ta’ April 2012, Health Service Executive (C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punti 141 u 143).
( 23 ) Regolament tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).
( 24 ) Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C-420/07, EU:C:2009:271, punt 66), u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C-139/10, EU:C:2011:653, punt 40). Għandu jiġi rrilevat li din il-limitazzjoni fir-rigward tal-effetti mogħtija lil sentenza barranija ġiet introdotta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha ħafna iktar tard mill-ewwel limitazzjoni, relatata mad-duttrina tal-estensjoni tal‑effetti, li kienet diġà ġiet stabbilita bis-sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 11). Nosserva li, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, l-Avukat Ġenerali Darmon kien ikkunsidra wkoll din it-tieni limitazzjoni. Huwa qies li din il-limitazzjoni kienet spjegata bil-ħtieġa li jiġu armonizzati l-interpretazzjonijiet u x-xewqa li ma jkunx hemm użu eċċessiv tal-klawżola ta’ ordni pubbliku. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Hoffmann (145/86, mhux ippubblikati, EU:C:1987:358, punt 20). Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex riflessi fis-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja.
( 25 ) Ara l-pubblikazzjonijiet ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21.
( 26 ) Qabel xejn, jista’ jkun li l-adozzjoni ta’ tieni sentenza li tordna s-sekwestru kawtelatorju fl-Istat Membru ta’ oriġini twassal għall-annullament tas-sentenza preċedenti. B’hekk, fis-sitwazzjoni li fiha kreditur ikun preċedentement iffriża assi tad-debitur li jinsabu fl-Istat Membru ta’ oriġini abbażi ta’ din is-sentenza, l-adozzjoni ta’ tieni sentenza tkun tista’ tannulla l-effetti ta’ dan l-iffriżar.
( 27 ) Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw il-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Kassazzjoni, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee (288/82, EU:C:1983:326, punti 13 u 14). Fir-rigward tar-regoli proċedurali relatati mal-ammissibbiltà tat-talbiet, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1990, Hagen (C‑365/88, EU:C:1990:203, punti 21 u 22).
( 28 ) Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 1985, Capelloni u Aquilini (119/84, EU:C:1985:388, punt 21), u tal‑4 ta’ Frar 1988, Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 29).
( 29 ) Sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 69).
( 30 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2004, Turner (C‑159/02, EU:C:2004:228, punti 29 u 30).
( 31 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69, punt 31).
( 32 ) Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, il-miżuri provviżorji jew kawtelatorji previsti mil-liġi ta’ Stat Membru jistgħu jintalbu lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat, anki jekk, skont dan ir-regolament, qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu.
( 33 ) Fi kwalunkwe każ, din hija talba ġdida, ibbażata fuq iċ-ċirkustanzi attwali u eżaminata mill-ġdid mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, huma biss il‑miżuri previsti bil-liġi ta’ dan l-Istat Membru li jistgħu jintalbu. Barra minn hekk, il-kreditur huwa obbligat isegwi l-proċedura stabbilita mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont l-Istati Membri kontraenti tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell, ir-regoli li jorganizzaw il-proċeduri nazzjonali għal miżuri provviżorji jistgħu jvarjaw iktar minn dawk li jorganizzaw il-proċeduri fuq il-mertu. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Italian Leather (C‑80/00, EU:C:2002:342, punt 42).
( 34 ) Ara l-punti 33 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il‑ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l‑aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107).
( 36 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2018:138). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2017:965, punti 101 u 102). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 56).
( 37 ) Qabel xejn, fid-duttrina ġie sostnut li r-riferiment għall-“istess kondizzjonijiet”, fl‑Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament, ma jkoprix biss ir-rwol tal-lexi fori, iżda jistabbilixxi wkoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tas-sentenzi barranin. Ara, f’dan is-sens, Grzegorczyk, P., “Wykonywanie w Polsce orzeczeń pochodzących z państw członkowskich Unii Europejskiej objętych reżimem automatycznej wykonalności”, f’Marciniak, A. (taħt id-direzzjoni ta’), Egzekucja sądowa w świetle przepisów z zakresu międzynarodowego postępowania cywilnego, Currenda, Sopot, 2015, p. 142. Barra minn hekk, riferiment għall-“istess kondizzjonijiet” jinsab ukoll fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 2201/2003. Fis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Povse (C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan ir‑riferiment kellu jiġi interpretat b’mod ristrett. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-riferiment għandu jkopri biss il-modalitajiet proċedurali li skonthom l-eżekuzzjoni għandha sseħħ. Barra minn hekk, dan ir-riferiment ma jista’ fl-ebda każ jipprovdi motiv sostantiv sabiex jopponi għad-deċiżjoni inkwistjoni minħabba l-fatt li ċ-ċirkustanzi nbidlu wara l-adozzjoni tagħha. Ir-raġuni msemmija kienet għalhekk ibbażata fuq l‑istess loġika bħall-Artikolu 929(2) taż-ZPO, jiġifieri, skont il-qorti tar-rinviju u l‑Gvern Ġermaniż, li tiġi prekluża l-eżekuzzjoni minħabba bidla potenzjali taċ‑ċirkustanzi.
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, Cuniberti, G., Rueda, I., “European Commentaries on Private International Law”, Vol. I, Brussels Ibis Regulation, Magnus, U., u Mankowski, P. (taħt id-direzzjoni ta’), Otto Schmidt, Köln, 2016, p. 846; Hartley, T., Civil Jurisdiction and Judgments in Europe. The Brussels I Regulation, the Lugano Convention, and the Hague Choice of Court Convention, Oxford University Press, Oxford, 2017, p. 302; Kramer, X., “Cross-Border Enforcement and the Brussels I‑bis Regulation: Towards a New Balance between Mutual Trust and National Control over Fundamental Rights”, Netherlands International Law Review, 2013, Nru 60(3), p. 360; Nuyts, A., “La refonte du règlement Bruxelles I”, Revue critique de droit international privé, 2013, Nru°1, p. 1. et seq., punt 15.
( 39 ) Kramer, X., op. cit., p. 360.
( 40 ) Ara l-punti 73 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 41 ) Ara l-punti 33 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 42 ) Ara l-punti 75 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.