Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0759

    Kawża T-759/16: Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Ottubru 2016 – Campailla vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 78, 13.3.2017, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 78/33


    Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Ottubru 2016 – Campailla vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża T-759/16)

    (2017/C 078/46)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Massimo Campailla (Holtz, il-Lussemburgu) (rappreżentant: F. Rollinger, avukat)

    Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 112 202 476,69 lir-rikorrent, flimkien mal-penalitajiet konvenzjonali u inerenti, mensili u kumulattivi ta’ 1,83 % mix-xaħar ta’ Diċembru 1994 sal-ħlas tal-bilanċ, bħala kumpens għad-danni morali u materjali mġarrba mir-rikorrenti kif stabbilit fir-rikors fil-Kawża T-429/09, Campailla vs Il-Kummissjoni, diġà fil-pussess tal-Qorti Ġenerali;

    tikkonstata li r-rikorrent qiegħed jitlob espressament li tinżamm seduta sabiex ir-rikorrent ikun jista’ jesponi oralment l-allegazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tal-ispejjeż kollha tal-proċedura, inklużi l-onorarji tal-avukat, li l-intervent tiegħu kien neċessarju minħabba l-konvenuta stess, u li ser jiġu kkwantifikati fl-aħħar tal-proċedura;

    tirriżerva lir-rikorrent kull dritt, ammont dovut, motiv u azzjoni ulterjuri.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi, li jikkorrispondu għall-fatti imputabbli lill-konvenuta u li jwasslu għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-aċċettazzjoni mingħajr ebda riżerva mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tar-rikors li r-rikorrent kien ippreżenta direttament mingħajr ma kien irrappreżentat minn avukat.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas li tinformah dwar l-eżistenza ta’ problema eventwali dovuta għall-preżentata ta’ rikors mingħajr ir-rappreżentanza ta’ avukat, kif ukoll fuq it-trattament distint li r-rikorrent ingħata meta mqabbel ma’ persuni oħra li kienu jinsabu f’sitwazzjoni identika.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq is-sanzjoni li ġiet applikata fil-konfront tar-rikorrent mingħajr ebda bażi legali, sa fejn l-appell tiegħu ġie ddikjarat inammissibbli.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, b’mod partikolari fuq il-fatt li huwa ġie mċaħħad mill-ġustizzja li għaliha huwa kellu dritt, li jikkostitwixxi ċaħda tad-dinjità tal-bniedem bi ksur tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal smigħ xieraq sa fejn il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrent u għalhekk astjeniet milli tadotta miżuri li jiggarantixxulu r-rispett ta’ dawn id-drittijiet.

    6.

    Is-sitt motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-konvenuta billi tat b’mod unilaterali d-digriet tagħha li permezz tiegħu ċaħdet l-appell tar-rikorrent fil-Kawża C-265/11 P.

    7.

    Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent sa fejn it-tilwima li tat lok għall-azzjoni mressqa kontra l-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kellha bħala għan li jiġi rrikonoxxut id-dritt tiegħu għall-proprjetà sabiex jinkiseb kumpens. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jilmenta li, permezz taċ-ċaħda tal-appell tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat u għamlet definittiva d-deċiżjoni żbaljata li ngħatat fl-ewwel istanza mill-Qorti Ġenerali permezz tad-digriet tagħha fil-Kawża T-429/09.


    Top