This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016TN0165
Case T-165/16: Action brought on 18 April 2016 — Ryanair and Airport Marketing Services v Commission
Kawża T-165/16: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ April 2016 – Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni
Kawża T-165/16: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ April 2016 – Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni
ĠU C 222, 20.6.2016, p. 24–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
20.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 222/24 |
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ April 2016 – Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-165/16)
(2016/C 222/30)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda), Airport Marketing Services Ltd (Dublin) (rappreżentanti: G. Berrisch, E. Vahida u I. Metaxas Maragkidis, avukati, u B. Byrne, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
— |
tannulla l-Artikoli 1(4), u 2 sa 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/287, tal-15 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.26500 (2012/C) (ex 2011/NN, ex CP 227/2008) mogħtija mill-Ġermanja lil Flughafen Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair Ltd. (ĠU 2016, L 59, p. 22); u |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni naqset milli tippermetti lir-rikorrenti aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni u li tqegħdhom f’pożizzjoni fejn effettivament setgħu jagħtu l-fehmiet tagħhom. |
2. |
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi selettività. |
3. |
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-ftehimiet bejn l-ajruport u r-rikorrenti jagħtu vantaġġ lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni b’mod żbaljat irrifjutat li taċċetta l-analiżi komparattiva proposta mir-rikorrenti u manifestament wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni u naqset milli tagħti motivazzjoni fl-analiżi tal-profittabbiltà tagħha, billi naqset milli tattribwixxi valur xieraq għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni konklużi taħt il-ftehimiet tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni; tiċħad b’mod żbaljat ir-raġunament wara d-deċiżjoni tal-ajruport li jixtru servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni; b’mod żbaljat tiċħad il-possibbiltà li parti mis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni setgħu inxtraw għal skopijiet ta’ interess ġenerali; ibbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq data li ma hijiex kompluta, affidabbli u xierqa sabiex tikkalkola l-profittabbiltà; u b’mod żbaljat injorat il-benefiċċji usa tal-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport ma’ Ryanair. |
4. |
Ir-raba’ motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq l-allegat ksur tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-għajnuna lil Ryanair u AMS kien ekwivalenti għat-telf marġinali akkumulat tal-ajruport (kif ikkalkolat mill-Kummissjoni) minflok il-benefiċċju attwali lil Ryanair u AMS. Il-Kummissjoni kien imissha eżaminat sa liema punt l-allegat benefiċċju kien effettivament ġie mgħoddi lill-passiġġieri ta’ Ryanair. Barra minn hekk, hija naqset li tikkwantifika kwalunkwe vantaġġ kompetittiv li Ryanair gawdiet permezz tal-allegata għajnuna, u hija naqset milli tispjega kif suppost għalfejn l-irkupru tal-ammont ta’ għajnuna speċifikata fid-deċiżjoni kienet neċessarja sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni qabel l-għoti tal-għajnuna. |