Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0211

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal-15 ta’ Marzu 2018.
    Caviro Distillerie Srl et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Dumping – Importazzjoni ta’ aċidu tartariku li joriġina miċ-Ċina u prodott minn Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co., Ltd – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/176 – Assenza ta’ impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv – Artikolu 3(2), (3) u (5), u Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Teħid ta’ kampjuni – Assenza ta’ dannu materjali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Determinazzjoni tad-dannu – Profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.
    Kawża T-211/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:148

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

    15 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

    “Dumping – Importazzjoni ta’ aċidu tartariku li joriġina miċ-Ċina u prodott minn Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co., Ltd – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/176 – Assenza ta’ impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv – Artikolu 3(2), (3) u (5), u Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Teħid ta’ kampjuni – Assenza ta’ dannu materjali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Determinazzjoni tad-dannu – Profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni”

    Fil-Kawża T‑211/16,

    Caviro Distillerie Srl, stabbilita f’Faenza (l-Italja),

    Distillerie Bonollo SpA, stabbilita f’Formigine (l-Italja),

    Distillerie Mazzari SpA, stabbilita f’Sant’Agata sul Santerno (l-Italja),

    Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA, stabbilita f’Borgoricco (l-Italja),

    irrappreżentati minn A. Bochon, avukat, u R. MacLean, solicitor,

    rikorrenti,

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u A. Demeneix, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/176 tad-9 ta’ Frar 2016 li ttemm il-proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li huwa prodott minn Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co. Ltd (ĠU 2016 L 33, p. 14)

    IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u R. da Silva Passos (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, Caviro Distillerie Srl, Distillerie Bonollo SpA, Distillerie Mazzari SpA u Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA, huma kumpanniji li jipproduċu aċidu tartariku fl-Unjoni Ewropea, fejn jirrappreżentaw iktar minn 25% tal-produzzjoni totali.

    2

    Fit-30 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż ta’ ftuħ ta’ proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2004, C 267, p. 4). Din il-proċedura wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 130/2006 tat-23 ta’ Jannar 2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 334M, 2008, p. 755). Skont l-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, kien ġie stabbilit dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li jaqa’ taħt il-kodiċi ex29181200 (kodiċi TARIC 2918120090) u li joriġina fiċ-Ċina, li jipprovdi għal rata li tiżdied minn 0 % sa 34.9 %. F’dak ir-regolament, Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co., Ltd (iktar ’il quddiem “Hangzhou Bioking”) ingħatat l-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Ġiet applikata rata ta’ dazju żero għall-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku prodott minn Hangzhou Bioking.

    3

    Skont ir-rapport tal-korp tal-appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) intitolat “Il-Messiku - Miżuri anti-dumping definittivi fuq il-Laħam taċ-Ċanga u r-Ross” (WT/DS 295/AB/R, 29 ta’ Novembru 2005, AB-2005-6), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 332/2012 tat-13 ta’ April 2012 li jemenda r-Regolament Nru 130/2006 (ĠU 2012, L 108, p. 1) eskluda lil Hangzhou Bioking mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri definittivi u, b’mod partikolari, mill-proċeduri ta’ reviżjoni wara l-miżuri stabbiliti bir-Regolament Nru 130/2006.

    4

    Il-miżuri inizjali deskritti fil-punt 2 iktar ’il fuq kienu sussegwentement is-suġġett ta’ diversi proċeduri ta’ reviżjoni, b’tal-aħħar tat lok għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 349/2012 tas-16 ta’ April 2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2012, L 110, p. 3). Skont dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, kienu nżammew il-miżuri antidumping kollha fir-rigward tal-importaturi Ċiniżi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Hangzhou Bioking.

    5

    Fil-15 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti u l-ħames impriża, Comercial Quimica Sarasa SL, ressqu lment antidumping skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”), li jirrigwarda unikament l-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku prodott minn Hangzhou Bioking. Fid-29 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, avviż ta’ ftuħ ta’ proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitata għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, Hangzhou Bioking (ĠU 2011, C 223, p. 11). Wara l-irtirar ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2012/289/UE tal-4 ta’ Ġunju 2012 li ttemm il-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitat għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, Hangzhou Bioking (ĠU 2012, L 144, p. 43), temmet din il-proċedura mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping.

    6

    B’mod parallel, fid-29 ta’ Lulju 2011, fuq talba tal-istess ħames lanjanti, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni oħra kontra żewġ produtturi Ċiniżi ta’ aċidu tartariku bil-għan ta’ reviżjoni provviżorja parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku u dwar il-marġni ta’ dumping ta’ dawn iż-żewġ produtturi, li l-lanjanti jqisu li ġew ikkalkolati f’livell baxx wisq (ĠU 2011, C 223, p. 16).

    7

    Fil-21 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti ressqu lment antidumping ġdid quddiem il-Kummissjoni, wara li din l-istituzzjoni ppubblikat, fl-4 ta’ Diċembru 2014, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, avviż ta’ ftuħ ta’ proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitata għal produttur-esportatur Ċiniż, Hangzhou Bioking (ĠU 2014, C 434, p. 9).

    8

    Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dumping u tad-dannu, il-Kummissjoni studjat il-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2013 u t-30 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). Fir-rigward tal-eżami tat-tendenzi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu, il-Kummissjoni analizzat id-data relatata mal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sat-30 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”).

    9

    Fl-avviż ta’ ftuħ tal-4 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni informat li kienet għażlet, konformement mal-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku, kampjun provviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni barra minn hekk spjegat li l-kampjun inkwistjoni kien intgħażel fuq il-bażi tal-ikbar volum ta’ bejgħ ġewwa l-Unjoni u li kien kompost minn tliet produtturi tal-Unjoni magħżula minn fost is-seba’ impriżi li kienu kkooperaw fl-investigazzjoni, li t-tlieta jirrappreżentaw 56 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ aċidu tartariku u jinsabu fl-Italja u fi Spanja, jiġifieri ż-żewġ Stati Membri fejn kienu stabbiliti l-produtturi tal-Unjoni. It-tliet produtturi li ġew inklużi fil-kampjun provviżorju kienu tnejn mir-rikorrenti, jiġifieri, Caviro Distillerie u Distillerie Mazzari, stabbiliti fl-Italja, u kumpannija Spanjola, Comercial Quimica Sarasa.

    10

    Billi ICV ma tidhirx f’dan il-kampjun provviżorju, hija sostniet li dan ma kienx jirrappreżenta biżżejjed is-sitwazzjoni ta’ produtturi żgħar tal-Unjoni. L-assoċjazzjoni kummerċjali Taljana Associazione Nazionale Industriali Distillatori di Alcoli e Acquaviti (AssoDistil, Assoċjazzjoni Nazzjonali tad-Distillaturi Industrijali tal-Alkoħol u tal-Ispirti) ikkontestat ukoll il-kompożizzjoni ta’ dan il-kampjun. Il-Kummissjoni madankollu qieset li, billi l-produtturi tal-Unjoni ta’ aċidu tartariku huma kollha impriżi żgħar u medji, iż-żieda ta’ produttur żgħir tal-Unjoni fil-kampjun ma kinitx se tbiddel b’mod fundamentali r-rappreżentattività tiegħu u ma kinitx ser ikollha effett sinjifikattiv fuq l-indikaturi ta’ dannu eżaminati abbażi tad-data tal-kampjun. Hija qieset li, fi kwalunkwe każ, il-fatturi makroekonomiċi, bħall-volum tal-bejgħ, kienu bbażati fuq id-data tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, jiġifieri l-produtturi kollha tal-Unjoni, inkluż il-produttur tal-Unjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonfermat il-kampjun li hija kienet għażlet provviżorjament.

    11

    Matul l-investigazzjoni, it-tliet kumpanniji inklużi fil-kampjun kienu suġġetti għal verifiki fl-istabbilimenti tagħhom, kif sar ukoll għal Hangzhou Bioking.

    12

    Fl-14 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni indirizzat dokument ta’ informazzjoni ġenerali lir-rikorrenti fejn ikkonkludiet li, minkejja l-eżistenza ta’ marġni ta’ dumping ta’ 42.8 %, l-importazzjonijiet minn Hangzhou Bioking ma kkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ dan id-dokument. Barra minn hekk, huma talbu smigħ, li seħħ fit-13 ta’ Jannar 2016.

    13

    Wara l-investigazzjoni relatata mad-dumping, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/176 tad-9 ta’ Frar 2016 li ttemm il-proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li huwa prodott minn Hangzhou Bioking (ĠU 2016 L 33, p. 14, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), li fiha kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma sofriet l-ebda dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Bażiku.

    14

    Fil-fatt fil-premessi 140 u 141 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-indikaturi relatati mad-dannu, bħall-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq, kienu juru tendenzi negattivi matul il-perijodu kkunsidrat, iżda li dawn it-tendenzi ma kellhomx effett negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tal-industrija tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni qieset li matul il-perijodu kkunsidrat, ċerti indikaturi, bħall-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, il-fluss ta’ likwidità, ir-rendiment fuq l-investimenti u l-livell ta’ impjiegi kellhom tendenza pożittiva. Il-Kummissjoni sostniet, filwaqt li ammettiet li l-industrija tal-Unjoni kienet, sa ċertu punt, affettwata b’mod negattiv mill-importazzjonijiet ta’ dumping ta’ Hangzhou Bioking, li l-investigazzjoni ma ppermettietx li jiġi stabbilit li l-industrija tal-Unjoni kienet ġarrbet dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Bażiku. Għaldaqstant, permezz tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet temmet il-proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ aċidu tartariku prodott minn Hangzhou Bioking.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    15

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

    16

    B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid, sedenti fid-Disa’ Awla.

    17

    Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

    18

    Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tad-19 ta’ Lulju 2017, il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 89(3)(a), tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, talbet lill-partijiet iwieġbu oralment, matul is-seduta, għal xi mistoqsijiet.

    19

    Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Settembru 2017. Waqt din is-seduta, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li hija ma kinitx fil-pożizzjoni li tiżvela lir-rikorrenti ċerta informazzjoni mitluba minħabba n-natura kunfidenzjali tagħha. Skont l-Artikolu 91(b), l-Artikolu 92(3) u l-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, id-Disa’ Awla talbet lill-Kummissjoni tipproduċi din l-informazzjoni, filwaqt li ppreċiżat li, f’dan l-istadju, ma kinitx ser tiġi kkomunikata lir-rikorrenti. Wara li eżaminat din l-informazzjoni, il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, ikkonkludiet li din kienet rilevanti sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima u li ma kellhiex tibqa’ kunfidenzjali għar-rikorrenti. Peress li l-Kummissjoni ma talbitx it-trattament kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni fir-rigward tal-pubbliku, il-Qorti Ġenerali għamlet din l-informazzjoni pubblika u d-Disa’ Awla semgħet l-osservazzjonijiet tal-partijiet dwarha.

    20

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors ammissibbli;

    tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż li huma sostnew fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

    21

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala infondat;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    22

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-għażla tal-kampjun tal-produtturi u fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament Bażiku, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-għażla tal-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni

    23

    Ir-rikorrenti jsostnu li, meta l-Kummissjoni għażlet il-kampjun inkwistjoni, hija ma ssodisfatx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku, b’mod partikolari dak li tiġi żgurata r-rappreżentattività tal-kampjun magħżul. Dan il-ksur kellu l-effett li jiżnatura l-konstatazzjonijiet relatati mal-indikaturi mikroekonomiċi, bħall-prezz tal-bejgħ, il-profittabbiltà għal kull unità, il-flussi ta’ likwidità, l-investimenti u r-rendiment fuq l-investimenti, sabiex jiġi eżaminat id-dannu, b’mod li dan l-eżami ma kienx oġġettiv fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Bażiku.

    24

    Mingħajr ma titpoġġa fid-dubju l-inizjattiva stess tal-Kummissjoni li tieħu l-kampjuni, kif ġie kkonfermat fis-seduta, ir-rikorrenti jsostnu li l-użu tat-teħid tal-kampjuni jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ eżami tad-data tal-produtturi kollha. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti qalu wkoll li r-rekwiżit tar-rappreżentattività previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku ma kienx ifisser li l-kampjun għandu jkopri l-ikbar volum ta’ bejgħ, iżda li l-għażla kellha tkun fost produtturi li l-volumi ta’ bejgħ tagħhom kienu jirrappreżentaw is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Skont ir-rikorrenti, tali rekwiżit jirriżulta mill-punt 90 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen‑Zentrum Deutschland (C‑687/13, EU:C:2015:573).

    25

    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, meta l-Kummissjoni ħadet il-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni, billi użat tliet produtturi biss fost l-ikbar produtturi li għandhom l-ogħla volumi ta’ bejgħ fl-Unjoni, hija ma għamlitx eżami adegwat u oġġettiv tad-data. Fil-fatt, dan il-kampjun ma kienx rappreżentattiv tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, peress li kien jinkludi kontribuzzjoni sproporzjonata tal-ikbar produttur tal-Unjoni inkwistjoni, jiġifieri Distillerie Mazzari.

    26

    Minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li Distillerie Mazzari hija esterna għall-kampjun inkwistjoni, peress li “l-volum tal-produzzjoni totali tagħha kien stabbilit għal madwar 30 % ta’ dak tat-totalità tal-industrija tal-Unjoni”. Min-naħa l-oħra, il-volum ta’ bejgħ tat-tliet produtturi inklużi fil-kampjun jirrappreżenta madwar 56 % tal-produzzjoni tal-aċidu tartariku totali tal-Unjoni, li minnha madwar 29 % ta’ Distillerie Mazzari, is-sitt produtturi tal-Unjoni l-oħra jirrappreżentaw biss 44 % tal-produzzjoni li jifdal, jew medja ta’ 7.3 % kull wieħed. Issa, l-esklużjoni tal-produtturi l-oħra jkollha l-effett li l-kampjun ma jkunx rappreżentattiv, peress li jkun imxaqleb għall-benefiċċju tal-ikbar produttur.

    27

    Barra minn hekk, l-ewwel nett, miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżulta li din il-kawża ma hijiex ta’ “daqs kbir” fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku, peress li hemm inkwistjoni esportatur Ċiniż, disa’ produtturi tal-Unjoni u importatur tal-Unjoni. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, xejn ma kien jipprekludi milli jsir użu minn kampjun ikbar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet għażlet kampjun ikbar fi proċeduri antidumping oħrajn. It-tieni nett, il-kontroll tat-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun tlesta fl-ewwel erba’ xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni, għalkemm il-Kummissjoni ma kienet taħt l-ebda pressjoni ta’ żmien. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti kienu indikaw sa mill-bidu tal-investigazzjoni li l-kampjun magħżul ma kienx jippermetti li ssir evalwazzjoni suffiċjentement rappreżentattiva.

    28

    It-tieni nett, teżisti korrelazzjoni bejn l-għażla tal-kampjun u d-determinazzjoni tad-dannu. F’dan ir-rigward, mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Marine Harvest Norway u Alsaker Fjordbruk vs Il‑Kunsill (T‑113/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:135, punti 72 sa 74) jirriżulta li żball fid-determinazzjoni tal-kampjun ikun jikkostitwixxi żball fid-determinazzjoni tad-dannu. Għalhekk, f’dan il-każ, il-profitti ġġenerati minn Distillerie Mazzari kienu biżżejjed sabiex ipaċu t-telf imġarrab, b’mod konġunt, miż-żewġ parteċipanti l-oħra inklużi fil-kampjun kemm għas-sena 2013 kif ukoll matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, b’tali mod li l-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni ma huwiex rappreżentattiv tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-profittabbiltà ta’ Caviro Distillerie għaddiet minn 3 % fl-2011 għal – 1.62 % fl-2013, u għal – 1.73 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Comercial Quimica Sarasa, il-kumpannija l-oħra inkluża fil-kampjun, kienet irrapportat l-istess tendenza bejn l-2011 u l-2013 kif ukoll matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li l-livell ta’ profitabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni, li kien ta’ 17.6 % fl-2010, niżel għal 2 % fl-2011. Skont ir-rikorrenti, tali tnaqqis jikkonferma l-effett dannuż tad-dumping li Hangzhou Bioking kienet ipprattikat matul dak il-perijodu.

    29

    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kellha, matul il-proċedura amministrattiva, tieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib ta’ AssoDistil fir-rigward tar-rappreżentattività tal-kampjun propost. Għalkemm, ċertament, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku kien jawtorizza lill-Kummissjoni biex tagħżel produtturi tal-Unjoni għas-sempliċi raġuni li huma wettqu l-ikbar volum ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ fl-Unjoni, hija kellha, madankollu, tagħżel kampjun rappreżentattiv b’mod oġġettiv. F’dan ir-rigward, huwa impossibbli li jsir eżami oġġettiv, meta l-kampjun ma jirriflettix b’mod xieraq is-sitwazzjoni usa’ tal-industrija tal-Unjoni inġenerali. Minn dan jirriżulta ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku minħabba li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni.

    30

    Għalhekk, fid-dawl tal-informazzjoni li kellha permezz tal-ilment kif ukoll tat-tweġibiet li kienet irċeviet sussegwentement mingħand il-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kellha tkun taf li kien neċessarju kampjun ikbar.

    31

    Barra minn hekk, il-proposta ta’ AssoDistil li tiġi inkluża ICV fil-kampjun kellha bħala għan biss biex jintwera kif il-kampjun seta’ jsir rappreżentattiv biżżejjed sa fejn seta’ kien hemm dubju dwar tali rappreżentattività f’dan il-każ.

    32

    Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li kienu r-rikorrenti li kellhom jindikaw il-kampjun li, fil-fehma tagħhom kien adegwat, qabelxejn ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-għażla tal-kampjun hija f’idejn il-Kummissjoni. Sussegwentement, huma għandhom id-dritt li jikkontestaw il-validità tal-kampjun propost. Fl-aħħar nett, huma ma kinux sostnew li Distillerie Mazzari, l-ikbar produttur tal-aċidu tartariku, kellha tiġi eskluża. Skont dawn, l-inklużjoni ta’ din tal-aħħar kellha tiġi paċuta permezz tal-inklużjoni ta’ numru ikbar ta’ produtturi żgħar.

    33

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    34

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, b’mod partikolari fil-qasam ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li għandhom jeżaminaw (ara s-sentenza tal-11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals u Alloys, C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għaldaqstant għandha importanza iktar fundamentali u, fost dawn il-garanziji, hemm, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-istituzzjoni kompetenti, li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ (ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill, T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Minn dan isegwi li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jirrigwarda mhux biss l-eżistenza eventwali ta’ żbalji ta’ liġi, iżda wkoll l-osservanza tar-regoli tal-proċedura, l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-assenza ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Dan jgħodd, b’mod partikolari, għalhekk fir-rigward tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, li tippreżupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, BricmateC‑569/13, EU:C:2015:572, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Għalhekk, għalkemm, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ u, b’mod partikolari, tal-miżuri antidumping, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tintervjeni fl-evalwazzjoni rriżervata għall-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni, hija għandha madankollu tiżgura ruħha li l-istituzzjonijiet ikunu ħadu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u li jkunu evalwaw l-elementi tal-proċess bid-diliġenza kollha meħtieġa (ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012, Since Hardware (Guangzhou) vs Il‑Kunsill, T‑156/11, EU:T:2012:431, punt 184 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku, id-determinazzjoni ta’ dannu hija bbażata fuq provi pożittivi u għandha tkun akkumpanjata minn “eżaminazzjoni objettiva” tal-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni u tal-effett tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni.

    39

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament Bażiku jirriżulta li d-determinazzjoni tad-dannu għandha ssir fil-livell tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Transnational Company Kazchrome u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, C-10/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:865, punti 5051).

    40

    Madankollu, skont l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Bażiku, il-Kummissjoni hija awtorizzata, fil-kawżi ta’ daqs kbir, li tillimita l-investigazzjoni għal numru raġonevoli ta’ partijiet, billi tuża l-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku jistabbilixxi żewġ metodi ta’ teħid ta’ kampjuni. Fil-fatt, investigazzjoni tista’ tiġi limitata kemm għal numru raġonevoli ta’ partijiet, ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet, statistikament rappreżentattivi skont l-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-għażla, kif ukoll għall-volum ikbar ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ esportazzjonijiet li l-investigazzjoni tista’ raġonevolment tirrigwarda, b’kunsiderazzjoni taż-żmien disponibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2015, Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 86, u tal-15 ta’ Ġunju 2017, T.KUP, C‑349/16, EU:C:2017:469, punt 30).

    41

    Minn dan isegwi li, meta jagħżlu t-tieni metodu ta’ teħid ta’ kampjuni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ċerta diskrezzjoni, rigward l-evalwazzjoni prospettiva ta’ dak li huwa raġonevolment possibbli għalihom li jwettqu fit-terminu mogħti lilhom sabiex jagħmlu l-investigazzjoni tagħhom (sentenza talt-15 ta’ Ġunju 2017, T.KUP, C‑349/16, EU:C:2017:469, punt 31). Barra minn hekk, mill-Artikolu 17(2) ta’ dak ir-regolament jirriżulta li l-għażla finali tal-partijiet taqa’ taħt il-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet rigward it-teħid ta’ kampjuni (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 87).

    42

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

    43

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li hija applikat it-tieni metodu previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Bażiku li l-investigazzjoni tista’ tkun limitata għall-ikbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ esportazzjonijiet li l-investigazzjoni tista’ raġonevolment tirrigwarda, b’kunsiderazzjoni taż-żmien disponibbli. Fil-fatt, mill-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni għażlet il-kampjun provviżorju tal-Unjoni “abbażi tal-akbar volum tal-bejgħ fl-Unjoni”.

    44

    F’dak li jirrigwarda r-rappreżentattività tal-kampjun, għandu jiġi rrilevat li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura l-preżenza ta’ bosta fatturi bħal, b’mod partikolari, il-proporzjon tal-produzzjoni totali tal-Unjoni u t-tqassim ġeografiku tal-produtturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punti 9091). Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku, sabiex tikseb rappreżentazzjoni affidabbli tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, l-analiżi tal-Kummissjoni għandha tkun ibbażata fuq l-industrija kollha kemm hi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2015, Yuanping Changyuan Chemicals vs Il‑Kunsill, T‑310/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:295, punt 115).

    45

    F’dan il-każ, mill-premessi 92 u 94 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “tliet produtturi [minn disa’] tal-Unjoni ntgħażlu fil-kampjun, li jirrappreżentaw madwar 56 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili”. Matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontradetta, li l-kampjun magħżul kien kompost mill-ikbar tliet produtturi, f’termini ta’ volumi ta’ bejgħ, fost dawk li aċċettaw li jikkooperaw.

    46

    Barra minn hekk, il-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li l-Kummissjoni, minn naħa, “bbażat ruħha fuq l-informazzjoni kollha disponibbli li tikkonċerna l-industrija tal-Unjoni, bħall-ilment, informazzjoni riċevuta minn Assoċjazzjoni Nazzjonali tad-Distillaturi Industrijali u Spirti fl-Italja (Assodistil) u produtturi oħrajn magħrufin li jieħdu sehem fl-eżerċizzju permanenti skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku” u, min-naħa l-oħra, “għażlet il-kampjun […] filwaqt li żgurat li ż-żewġ Stati Membri produtturi, l-Italja u Spanja, kienu rrappreżentati f’dak il-kampjun.”

    47

    Ċertament, il-Kummissjoni setgħet ukoll, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti, tinkludi, fil-kampjun inkwistjoni, ukoll produtturi oħra tal-industrija tal-Unjoni li l-volum ta’ bejgħ tagħhom huwa allegatament inqas għoli. Huwa minnu wkoll li, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Bażiku, għandha tingħata preferenza għall-għażla ta’ kampjun f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati jew bil-kunsens tagħhom.

    48

    Madankollu, minn naħa, hekk kif tfakkar fil-punt 41 iktar ’il fuq, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-għażla finali tal-partijiet, tat-tipi ta’ prodotti jew tat-tranżazzjonijiet finalment taqa’ taħt il-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet relatati mat-teħid ta’ kampjuni.

    49

    Min-naħa l-oħra, huma r-rikorrenti li għandhom jipproduċu l-provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni, minħabba l-kompożizzjoni tal-kampjun tal-industrija tal-Unjoni magħżul, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kunsiderazzjoni tad-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012, Since Hardware (Guangzhou) vs Il‑Kunsill, T‑156/11, EU:T:2012:431, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, peress li r-rikorrenti, li kkontestat ir-rappreżentattività tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni, ma kienet tat ebda indizju li l-prezzijiet ipprattikati fl-Italja u fi Spanja mill-produtturi Franċiżi, Ġermaniżi u Brittaniċi kienu differenti minn dawk ipprattikati minn dawn l-istess produtturi fi Franza, fil-Ġermanja jew fir-Renju Unit, hija ma kinitx stabbilixxiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu wettqu żball manifest meta llimitaw l-analiżi tagħhom tad-dannu subit mill-produzzjoni tal-Unjoni f’termini ta’ differenzi fil-prezzijiet għal Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1995, Koyo Seiko vs Il‑Kunsill, T‑166/94, EU:T:1995:140, punt 59).

    50

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-allegat nuqqas ta’ rappreżentattività tal-kampjun inkwistjoni vvizzja l-affidabbiltà ta’ diversi indikaturi makroekonomiċi użati mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni inkwistjoni, li wassal biex din twettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u tikser l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Bażiku. Għalhekk huma żbaljati l-indikaturi li jirrigwardaw il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-Unjoni, il-profittabbiltà għal kull unità ta’ bejgħ fl-Unjoni, il-flussi ta’ likwidità, l-investimenti u r-rendiment fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni.

    51

    L-ewwel nett, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati rigward l-għażla tal-kampjun, konformement mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Bażiku. Barra minn hekk, mill-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-finijiet tal-analiżi tad-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn il-fatturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi. Fir-rigward tal-fatturi makroekonomiċi, bħall-volum ta’ bejgħ, dawn kienu bbażati fuq id-data tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, jiġifieri l-produtturi kollha tal-Unjoni. L-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-teħid ta’ kampjuni għalhekk ma humiex ta’ natura li jpoġġu fid-dubju l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dannu fil-livell makroekonomiku.

    52

    Fir-rigward tad-data fuq il-qasam mikroekonomiku, minn din il-premessa 109 jirriżulta li din ġiet analizzata fuq il-bażi tad-data meħuda mit-tweġibiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni. Fir-rigward ta’ din id-data, hemm lok li jiġi osservat li, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, sabiex tasal għal ċifra waħda għal kull indikatur mikroekonomiku, hija għamlet kalkolu tal-medja mwieżna, sabiex jitqies is-sehem mis-suq effettiv, f’termini ta’ volumi ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ ta’ kull produttur fil-kampjun. Issa, wara kalkolu tal-medja sempliċi, kull wieħed minn dawn it-tliet produtturi ngħata piż identiku, jiġifieri 33 %, irrispettivament mis-sehem mis-suq effettiv tiegħu f’termini ta’ volumi ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ, li ma jirriflettix il-piż relattiv reali tad-diversi produtturi tal-industrija tal-Unjoni. Sa fejn, permezz tal-kalkolu tal-medja mwieżna, ġie attribwit piż relattiv għad-data ta’ kull produttur inkluż fil-kampjun, għandu jiġi konkluż li l-metodu applikat fir-rigward tad-data mikroekonomika kien xieraq.

    53

    It-tieni nett, mill-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li produttur tal-Unjoni li ma kienx inkluż fil-kampjun provviżorju, sostna, l-istess bħal AssoDistil, li l-kampjun ma kienx jirrappreżenta biżżejjed is-sitwazzjoni ta’ produtturi żgħar tal-Unjoni, peress li l-effett dannuż tal-importazzjonijiet ta’ Hangzhou Bioking li kienu s-suġġett ta’ dumping affettwa fil-parti l-kbira l-impriżi żgħar.

    54

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat, kif dan huwa spjegat fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żieda ta’ produttur żgħir tal-Unjoni fil-kampjun ma kienx ikollha effett sinjifikattiv fuq l-indikaturi ta’ dannu eżaminati abbażi ta’ data tal-kampjun. Fil-fatt, miċ-ċifri mressqa mill-Kummissjoni jirriżulta li l-inklużjoni ta’ ICV fil-kampjun kif ġiet issuġġerita mil-lanjanti waqt il-proċedura amministrattiva, emendat biss bi ftit il-marġni ta’ profitt medju mwieżen tal-kampjun, li għalhekk ġie stabbilit fl-2014 għal ċifra ogħla minn 9.5 % minflok ta’ 10 %. Fir-rigward tal-evoluzzjoni ta’ dan il-marġni, dan ikun għadda, fil-każ ta’ inklużjoni tal-imsemmi produttur, minn perċentwali ogħla minn 5 % fl-2011 għal perċentwali ogħla minn 9 % fl-2014 minflok jgħaddi minn 2 % għal 10 %, matul dawn l-istess snin, skont il-kampjun magħżul mill-Kummissjoni.

    55

    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova sabiex juru li l-inklużjoni ta’ produttur ieħor kienet tbiddel il-konklużjoni dwar l-assenza ta’ dannu li għaliha waslet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement jallegaw li kampjun bi produttur ferm iktar importanti li jagħmel profitti għoljin iwassal għall-konklużjoni li ma kienx hemm dannu, “filwaqt li t-tużżana, żewġ tużżani, tliet tużżani jew iktar ta’ produtturi iżgħar oħra kollha għamlu t-telf”. Madankollu, dan l-argument ma jirriflettix ir-realtà tal-industrija tal-Unjoni, peress li din tikkonsisti, f’dan il-każ, minn disa’ produtturi li minnhom sebgħa kkooperaw. Barra minn hekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar is-sitwazzjoni ta’ telf tal-produtturi ż-żgħar ma hija sostnuta minn ebda prova u, fi kwalunkwe każ, ma tispeċifikax jekk din is-sitwazzjoni setgħetx tiġi osservata diġà matul il-perijodu kkunsidrat.

    56

    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tuża kampjun ikbar, kif għamlet fi proċeduri antidumping oħrajn, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti stess jirrikonoxxu, inkluż waqt is-seduta, li huma ma għandhom l-ebda prova li turi li ż-żieda ta’ produttur ieħor tal-Unjoni, wieħed iżgħar, kienet tkun ta’ natura li tibdel il-konklużjoni dwar id-dannu tal-industrija tal-Unjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni.

    57

    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-profitti kbar li għamlet Distillerie Mazzari kienu “paċuti fil-parti l-kbira mit-telf imġarrab fl-2013 kif ukoll matul il-perijodu ta’ investigazzjoni miż-żewġ kumpanniji l-oħra inklużi fil-kampjun”, peress li l-profittabbiltà ta’ Caviro Distillerie għaddiet minn 3 % fl-2011 għal – 1.62 % fl-2013 u għal – 1.73 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u li dik ta’ Comercial Quimica Sarasa kellha l-istess tendenza bejn l-2011 u l-2013 kif ukoll matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jiġi rrikonoxxut it-tnaqqis fil-profittabbiltà matul il-perijodi msemmija iktar ’il fuq, il-fatt li nżammew fil-kampjun inkwistjoni kumpanniji li għaddew minn tnaqqis ta’ profittabbiltà juri li l-Kummissjoni wettqet eżami oġġettiv tal-fatti fid-deċiżjoni kkontestata.

    58

    Għaldaqstant, anki jekk il-Kummissjoni kienet bidlet il-kompożizzjoni tal-kampjun inkwistjoni, ebda element ma kien iwassal sabiex wieħed jaħseb li l-konklużjoni dwar il-profittabbiltà u d-dannu kienet tinbidel f’dan il-każ.

    59

    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li t-tnaqqis sostanzjali fil-profittabbiltà bejn l-2010 u l-2011 jikkonferma l-“effett dannuż tad-dumping li Hangzhou Bioking kienet ipprattikat matul dan il-perijodu”, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas atti oħra tal-Unjoni ma jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dumping min-naħa ta’ Hangzhou Bioking matul dak il-perijodu. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, “[l-]investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kopriet il-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2013 u t-30 ta’ Settembru 2014”.

    60

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti naqsu milli jipproduċu provi suffiċjenti sabiex jistabbilixxu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-għażla tal-kampjun tal-industrija tal-Unjoni li hija adottat.

    61

    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament Bażiku, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali

    62

    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 3(2), (3) u (5), tar-Regolament Bażiku, meta kkonkludiet, fil-premessi 140 sa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-industrija tal-aċidu tartariku tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali matul il-perijodu kkunsidrat.

    63

    Fl-osservazzjonijiet preliminari, ir-rikorrenti jsostnu li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu tirrikjedi eżami oġġettiv tal-fatturi rilevanti kollha li għandhom influwenza fuq is-sitwazzjoni tal-industrija inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, ebda eżami oġġettiv tal-indikaturi tad-dannu ma seta’ jwassal għall-konklużjoni li l-importazzjonijiet suġġett ta’ dumping ma kkawżaw l-ebda dannu lill-industrija tal-aċidu tartariku tal-Unjoni. Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, fil-konklużjonijiet dwar l-assenza ta’ dannu li jidhru fil-premessi 140 u 141 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatturi li kellhom tendenza pożittiva, iżda ma ħaditx inkunsiderazzjoni suffiċjentement il-fatturi li kellhom tendenzi negattivi.

    64

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tendenzi relatati mal-importazzjonijiet f’termini ta’ volumi u prezzijiet, qabelxejn, ir-rikorrenti jsostnu li ġie kkonstatat, fil-premessi 41 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li Hangzhou Bioking eżerċitat l-attività tagħha barra mill-kundizzjonijiet ekonomiċi normali tas-suq u bbenefikat minn prezzijiet ta’ materji primi artifiċjalment baxxi u distorti, sabiex jitnaqqsu l-prezzijiet finali b’mod inġust għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Imbagħad ir-rikorrenti jqisu li l-marġni ta’ dumping ipprattikat, ta’ 42.8 %, kif huwa indikat fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa għoli. Issa, skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, il-kobor tal-marġni reali ta’ dumping jikkostitwixxi fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi evalwat id-dannu. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-marġni ta’ twaqqigħ medju mwieżen tal-prezzijiet għall-importazzjonijiet ta’ Hangzhou Bioking li huma s-suġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni, li jitla’ għal 10.3 %, hekk kif jirriżulta mill-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa sinjifikattiv.

    65

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-volumi tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping matul il-perijodu kkunsidrat, l-esportatur inkwistjoni kien żied b’25 % l-volumi tiegħu li huma s-suġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni, u laħqu quċċata ta’ żieda ta’ 36 % għas-sena 2013. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jindikaw li din iż-żieda kostanti tal-volumi li huma s-suġġett ta’ dumping seħħet fil-kuntest ta’ tnaqqis globali tal-konsum tal-aċidu tartariku fl-Unjoni, peress li, fit-tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni, dan naqas bi 11 %.

    66

    Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fl-Unjoni, ir-rikorrenti jsostnu li, jekk huwa minnu li l-esportatur Hangzhou Bioking żied il-prezzijiet tiegħu bi 35 % matul il-perijodu kkunsidrat, hekk kif jirriżulta mill-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa’ l-fatt li dawn iż-żidiet fil-prezz ġew applikati fil-bidu f’livell bażiku baxx ħafna. Dan jispjega l-eżistenza ta’ marġni ta’ twaqqigħ medju mwieżen ta’ 10.3 % għall-importazzjonijiet ta’ Hangzhou Bioking li kienu s-suġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni, kif ġie rrilevat fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, bejn l-2013 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni naqsu b’56 %, kif kien ġie indikat fil-premessi 124 u 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prezzijiet ta’ Hangzhou Bioking naqsu biss bi 8 %, hekk kif jirriżulta mill-premessa 105 ta’ din id-deċiżjoni.

    67

    Bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li jenfasizza li ż-żieda ta’ 35 % fil-prezz medju tal-importazzjonijiet fid-dawl tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni tikkostitwixxi fatt pożittiv, ir-rikorrenti jsostnu li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-prezzijiet effettivi tal-importazzjonijiet u mhux it-tendenza. Għalkemm, kif jissuspettaw ir-rikorrenti, il-prezz tal-importazzjonijiet kien baxx ħafna fl-2011, iż-żieda relattiva sussegwenti ma hijiex rilevanti, u dan partikolarment fid-dawl tal-konstatazzjoni, fi tmiem l-investigazzjoni, ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet b’10 %. Jirriżulta, barra minn hekk, minn informazzjoni pprovduta fl-ilment li t-twaqqigħ tal-prezzijiet minn Hangzhou Bioking kien ferm ogħla qabel il-perijodu ta’ investigazzjoni.

    68

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, bi ksur tar-regola li tgħid li l-ebda wieħed jew diversi minn dawn il-fatturi ma jikkostitwixxi neċessarjament gwida deċiżiva, ma tatx biżżejjed importanza, matul l-investigazzjoni, għall-fatturi l-oħra previsti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, jiġifieri l-effett tal-importazzjonijiet fuq il-volumi ta’ bejgħ u l-partijiet mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, ikkonċentrat wisq fuq it-tendenzi tal-profittabbiltà għal kull unità kif ukoll fuq il-kriterji marbuta mal-flussi ta’ likwidità u mar-rendiment fuq l-investimenti. Meta għamlet dan, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    69

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni jew analiżi dwar il-mod kif it-tnaqqis fil-prestazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni kien ġie paċut minn titjib fil-profittabbiltà ġenerali. Issa, fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni esprimiet ruħha b’mod ċar u b’mod ferm iktar konċiż fir-rigward ta’ dawn l-elementi.

    70

    Għalhekk, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma tatx biżżejjed importanza, matul l-investigazzjoni, għall-volumi ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, li, matul il-perijodu kkunsidrat, naqsu bi 30 %, kif kien ġie kkonstatat fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan it-tnaqqis fil-volumi kien kważi tliet darbiet iktar mit-tnaqqis fil-konsum fl-Unjoni matul il-perijodu kkunsidrat. Issa, billi l-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu, kien l-obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi u teżamina bir-reqqa l-benefiċċji realment imwettqa, peress li dan huwa fattur rilevanti tal-eżami globali tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. B’hekk, fir-realtà, id-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tispjega l-interazzjoni tad-diversi elementi essenzjali.

    71

    Imbagħad, ir-rikorrenti jikkunsidraw li t-tnaqqis ta’ 21 %, matul il-perijodu kkunsidrat, tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, ikkonstatat fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, kien ukoll allarmanti, filwaqt li l-“importazzjonijiet minn Bioking [kienu] żdiedu b’25 % fil-volum u [li] s-sehem mis-suq korrispondenti [ta’ dik il-kumpannija] [kien] żdied b’41 %” matul l-istess perijodu, skont il-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li ż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ ipprattikati mill-industrija tal-Unjoni segwiet l-iżvilupp tal-prezz tal-materji primi, jitpoġġa fid-dubju mill-fatt li, mill-2012, l-industrija tal-Unjoni tilfet malajr volumi ta’ bejgħ u partijiet mis-suq.

    72

    F’dan il-kuntest, it-tkabbir tal-industrija tal-Unjoni kien negattiv ħafna, hekk kif jirriżulta mill-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, l-industrija kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Distillerie Mazzari, ġarrbet telf matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

    73

    Barra minn hekk, fl-affermazzjonijiet tagħhom ibbażati fuq statistika tal-esportazzjoni miksuba mingħand dwana Ċiniża, l-applikanti stmaw li Hangzhou Bioking kienet wettqet volumi ta’ bejgħ ta’ madwar 9700 tunnellata fl-2013 u ta’ 8925 tunnellata matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Importazzjonijiet li oriġinaw minn esportaturi Ċiniżi oħrajn saru wkoll matul il-perijodu kkunsidrat. Issa, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, Hangzhou Bioking żiedet is-sehem mis-suq tagħha minn 25 % għal 35 %, b’dan is-sehem li huwa ta’ esportatur Ċiniż wieħed.

    74

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma kienet tat ebda importanza għall-espansjoni imminenti fil-volumi ta’ produzzjoni ta’ Hangzhou Bioking, hekk kif jirriżulta mill-premessi 165 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-effetti tagħhom fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Issa, skont ir-rikorrenti, huwa probabbli li din il-profittabbiltà kif ukoll l-indikaturi finanzjarji pożittivi oħrajn jiħżienu fi żmien qasir u fil-futur qrib biex b’hekk jiġu fix-xejn l-aħħar indikaturi ekonomiċi pożittivi tal-industrija adottati mill-Kummissjoni biex tevalwa d-dannu mġarrab mill-industrija tal-aċidu tartariku fl-Unjoni. Peress li l-Kummissjoni kienet taf dan il-fatt, imma ma tatu ebda importanza fl-eżami tad-dannu, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    75

    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq fatturi marbuta mal-profittabbiltà, mal-flussi ta’ likwidità u mal-profittabbiltà tal-investimenti, li wrew tendenzi pożittivi, sabiex jiġi konkluż li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali, filwaqt li fatturi ekonomiċi oħra jixhdu, fl-opinjoni tar-rikorrenti, li l-industrija tal-Unjoni kienet qed tegħreq taħt il-piż ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. B’dan il-mod, il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

    76

    B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, ir-rikorrenti jqisu li dan il-fattur huwa l-uniku fattur ekonomiku essenzjali li ġie meqjus bħala li għandu tendenza pożittiva, hekk kif jirriżulta mill-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li jeżistu numru ta’ fatturi oħra li għandhom tendenzi negattivi. Issa, il-punt 4.5.4 tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-konklużjonijiet li jikkonċernaw id-dannu ma jipprovdi l-ebda spjegazzjoni jew analiżi dwar il-mod kif il-profittabbiltà paċiet l-effett ta’ elementi oħra, filwaqt li r-rikorrenti kienu kritiċi f’dan ir-rigward matul il-proċedura amministrattiva. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma spjegatx l-interazzjoni tad-diversi elementi essenzjali u, b’mod partikolari, kif it-titjib tal-livelli ta’ profittabbiltà jistgħu jirrimedjaw id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni.

    77

    Fir-raba’ lok, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-industrija tal-Unjoni kienet ġiet eskluża minn segmenti tas-suq inqas profittabbli permezz tal-prezzijiet ta’ dumping ipprattikati minn Hangzhou Bioking u, minħabba dan il-fatt, kellha tnaqqis fil-volumi ta’ bejgħ tagħha. Ir-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jsostnux li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq segment tal-industrija tal-Unjoni magħżul minnhom. Ir-rikorrenti jsostnu li, meqjusa fl-intier tagħhom, it-totalità tal-indikaturi ekonomiċi juru li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping min-naħa ta’ Hangzhou Bioking ikkawżaw dannu.

    78

    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi naqset milli tqis kif jixraq l-importanza tal-istrateġija difensiva tal-industrija tal-Unjoni fil-ġlieda kontra d-dumping. Għalhekk, fi proċeduri antidumping oħra, il-Kummissjoni injorat iż-żieda fil-profittabbiltà għal kull unità minħabba li l-industrija tal-Unjoni kienet tilfet parti mill-volumi tal-bejgħ u partijiet mis-suq tagħha. L-istess sitwazzjoni kienet teżisti fil-kuntest tal-proċedura preżenti u għalhekk il-Kummissjoni kellha tqis il-fatt li l-industrija tal-Unjoni kienet iddeċidiet, bejn l-2012 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni, li ma setgħetx tidħol għal kompetizzjoni aggressiva fuq il-prezzijiet minħabba l-volumi tal-bejgħ miksuba minn Hangzhou Bioking u, minflok, kellha tikkonċentra l-isforzi kummerċjali tagħha fuq il-klijenti li kienu lesti jħallsu prezz ogħla għall-prodott ta’ kwalità aħjar tagħha.

    79

    Fis-sitt lok, billi ddikjarat, fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[i]l-marġini ta’ dumping ta’ produttur esportatur mhijiex fiha nnifisha indikatur ekonomiku konklussiv ta’ dannu”, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, li bis-saħħa tiegħu din l-istituzzjoni hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-“kobor tal-marġini attwali tax-dumping”. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk, f’dan il-każ, dan il-marġni ta’ dumping kienx determinanti jew le, imma jekk ingħatax importanza suffiċjenti jew anki importanza xierqa matul il-proċess ta’ evalwazzjoni tad-dannu. Skont ir-rikorrenti, ir-Regolament Bażiku jobbliga lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ dumping u dan għandu dejjem jiġi kkalkolat fuq perijodu iqsar. B’hekk, ebda evalwazzjoni ta’ “tendenzi maż-żmien” ma hija meħtieġa sabiex jiġi evalwat il-kobor tad-dumping fil-kuntest tar-regolament antidumping bażiku.

    80

    Barra minn hekk, l-istess raġunament japplika għal dak li jikkonċerna t-twaqqigħ tal-prezzijiet, li għandu jiġi evalwat skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Bażiku. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel ebda riferiment għal dan l-element, ħlief fil-premessi 141 u 150, li fihom dan l-element jiġi miċħud mingħajr kunsiderazzjoni serja tal-effett tiegħu, u dan minkejja li l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet kien ġie stabbilit għal 10.3 %.

    81

    Fis-seba’ lok, il-Kummissjoni ma kinitx eżaminat l-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping min-naħa ta’ Hangzhou Bioking fuq il-volumi ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Il-pressjoni tal-prezzijiet eżerċitata permezz tal-importazzjonijiet suġġett ta’ dumping tat lok għal tnaqqis fil-prezzijiet ta’ 76 % bejn l-2013 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni kif ukoll għal tnaqqis kbir fil-volumi ta’ bejgħ u partijiet mis-suq. Bl-istess mod, l-iżvilupp fil-volumi ta’ bejgħ fuq l-importazzjoni mwettqa minn Hangzhou Bioking kien l-oppost ta’ dak tal-konsum tal-Unjoni. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, bejn is-snin 2011 u 2014, għalkemm il-konsum tal-Unjoni naqas bi 11 %, l-importazzjonijiet ta’ Hangzhou Bioking żdiedu f’termini assoluti b’25 %, li juri li din il-kumpannija setgħet tisfida l-liġijiet tas-suq. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, fi tmiem il-perijodu kkunsidrat, il-volumi ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu bi 30 %, filwaqt li l-konsum naqas bi 11 %. Għalhekk, id-19 % tal-volumi ta’ bejgħ li jifdal kienu ntilfu direttament għall-benefiċċju ta’ Hangzhou Bioking.

    82

    Fit-tmien u l-aħħar lok, fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, ir-rikorrenti jammettu li l-volumi tal-produzzjoni naqsu b’14 % waqt li t-talba naqset bi 11 %. Madankollu, peress li l-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżomm jew ittejjeb il-volumi ta’ bejgħ fuq l-esportazzjoni tagħha, il-waqa’ fil-livelli tal-produzzjoni kienet inqas sinjifikattiva. Skont ir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu miċħuda l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-livell ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-konsum fl-Unjoni, billi dawn iż-żewġ fatturi ma humiex ikkorrelati, peress li tal-ewwel kien naqas b’mod regolari matul il-perijodu kkunsidrat kollu filwaqt li t-tieni żied bejn is-snin 2011 u 2013 qabel ma naqas mill-ġdid fil-perijodu ta’ wara.

    83

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    84

    Preliminarjament, kif tfakkar fil-punt 38 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku, l-eżami oġġettiv tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni għandu jirrigwarda, minn naħa, il-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u l-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili fis-suq tal-Unjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq l-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

    85

    Fir-rigward tal-volum ta’ dawn l-importazzjonijiet u tal-effetti tagħhom fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Bażiku jipprovdi l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan l-eżami, filwaqt li jippreċiża li wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jistgħux jikkostitwixxu waħedhom bażi għal deċiżjoni determinanti.

    86

    L-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku jippreċiża, fir-rigward tiegħu, li l-eżami tal-effett tal-importazzjonijiet suġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kkonċernata jinkludi evalwazzjoni tal-fatturi u tal-indizji ekonomiċi rilevanti kollha li jinfluwenzaw fuq is-sitwazzjoni ta’ din l-industrija. Din id-dispożizzjoni tinkludi lista ta’ fatturi differenti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u tippreċiża li din il-lista ma hijiex eżawrjenti u li fattur wieħed jew diversi minn dawn il-fatturi ma jikkostitwixxux neċessarjament bażi determinanti ta’ evalwazzjoni (sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2013, CHEMK u KF vs Il‑Kunsill, C‑13/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:780, punt 56; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Transnational Company Kazchrome u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, C‑10/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:865, punt 20, u tal-16 ta’ April 2015, TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 32). Din id-dispożizzjoni għalhekk tagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-eżami u fl-evalwazzjoni tal-indizji varji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 61).

    87

    Għalhekk, bil-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li ma kienx hemm dannu materjali kkawżat lill-industrija tal-Unjoni.

    88

    L-ewwel nett, rigward l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kkonċentrat wisq fuq l-elementi ekonomiċi relatati mas-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali, bħall-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, il-fluss ta’ likwidità u r-rendiment fuq l-investimenti, ir-rikorrenti jqisu li l-fatturi determinanti huma l-volumi ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, il-livelli ta’ produzzjoni u r-rata ta’ użu tal-kapaċità fl-Unjoni. Huma jirreferu wkoll għal fatturi oħra, bħalma huma l-ammont tad-dumping, it-twaqqigħ tal-prezzijiet minn Hangzhou Bioking, iż-żieda fil-volumi fuq l-importazzjoni f’kwantitajiet assoluti, il-livelli ta’ ħażna, il-produttività, it-tkabbir, is-salarji u l-investimenti, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni.

    89

    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 4.5.2 u 4.5.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, fir-rigward tal-fatturi makroekonomiċi, mill-premessi 111 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni analizzat il-produzzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni, l-użu tal-kapaċitajiet, il-volum ta’ bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, l-importanza tal-marġni ta’ dumping u l-istabbiliment mill-ġdid sussegwentement għal prattiki ta’ dumping preċedenti. Fir-rigward tal-fatturi mikroekonomiċi ġew eżaminati l-prezzijiet unitarji medji, l-ispiża għal kull unità, l-ispejjeż tax-xogħol, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss ta’ likwidità, l-investimenti, ir-rendiment fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

    90

    Huwa għalhekk li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata li l-“[i]ndikaturi tad-dannu oħrajn bħall-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq urew tendenzi negattivi matul il-perjodu kkunsidrat”, fejn ma’ dawn it-tendenzi, madankollu, “ma kellhomx impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tal-industrija tal-Unjoni”. Din il-premessa żżid li “[g]ħall-kuntrarju, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni uriet tendenza pożittiva kostanti matul il-perjodu kkunsidrat u anke qabżet il-profitt fil-mira matul il-perjodu tal-investigazzjoni”. Barra minn hekk, skont dik il-premessa “indikaturi finanzjarji oħrajn bħal fluss tal-flus u redditu fuq l-investiment żdiedu wkoll matul il-perijodu kkunsidrat”. Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni sostniet, matul is-seduta, dawn l-indikaturi relatati mad-dannu kienu eżaminati wkoll fil-punt 4.5.5 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn fih il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u li dan jifforma parti integrali tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    91

    Għalhekk, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tad-data ekonomika, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni eżaminat ir-rilevanza tal-fatturi kollha u bbilanċjat it-tendenzi pożittivi u negattivi tal-fatturi inkwistjoni.

    92

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjonijiet relatati mat-tendenzi li jikkonċernaw l-importazzjonijiet f’termini ta’ volumi u ta’ prezz, hemm lok li jiġi rrilevat, hekk kif enfasizzaw ir-rikorrenti, li d-deċiżjoni kkontestata tindika, fil-premessa 47, li s-suq intern Ċiniż tal-anidride malejku huwa meqjus bħala wieħed globalment distort. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-marġni ta’ dumping stabbilit kien ta’ 42.8 % u b’hekk qabeż il-livell de minimis, hekk kif jirriżulta mill-premessi 88 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, huwa minnu li marġni ta’ twaqqigħ medju mwieżen tal-prezzijiet kien ta’ 10.3 %, kif jirriżulta mill-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata.

    93

    Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, tali konstatazzjonijiet ma jippermettux madankollu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Bażiku.

    94

    Fil-fatt, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-importanza tal-marġni ta’ dumping, din tista’, ċertament, tittieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatturi u indizji ekonomiċi rilevanti kollha li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni enfasizzat ġustament, fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-marġni ta’ dumping ta’ produttur ma kienx jikkostitwixxi fih innifisu indikatur ekonomiku konklużiv ta’ dannu. Hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-ebda fattur elenkat f’din id-disposizzjoni ma huwa fih innifsu deċiżiv fl-eżami globali tad-dannu mwettaq mill-Kummissjoni.

    95

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ kull fattur ekonomiku meħud waħdu, f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-prezzijiet, mit-Tabella 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prezz medju tal-importazzjonijiet tal-prodott li huma s-suġġett ta’ dumping żdied bi 35 % matul il-perijodu kkunsidrat. Issa, it-Tabella 7 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li, matul il-perijodu kkunsidrat, il-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ unitajiet medji tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b’19 %. Minn dan jirriżulta li l-prezzijiet ta’ Hangzhou Bioking żdiedu iktar milli l-prezzijiet ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, għalkemm id-differenza bejn dawn iż-żewġ prezzijiet naqas. Bl-istess mod, hemm lok li jiġi rrilevat, kif jirriżulta mit-Tabella 7 u mill-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, li, matul il-perijodu kkunsidrat, iż-żieda fil-prezzijiet ta’ bejgħ medji għal kull unità tal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri 19 %, kienet iktar evidenti miż-żieda tal-ispiża ta’ produzzjoni tagħha ta’ 9 %, fir-rigward tagħha. F’dan ir-rigward, hekk kif il-Kummissjoni enfasizzat ġustament, tali konstatazzjoni għandha t-tendenza li tikkorrobora l-assenza ta’ pressjoni eżerċitata fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet ta’ Hangzhou Bioking.

    96

    Fir-rigward, barra minn hekk, tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li żieda relattiva fil-prezzijiet hija irrilevanti, għandu jiġi rrilevat li l-prezz jikkostitwixxi fattur li jidher fl-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament Bażiku, għad-determinazzjoni tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni. Issa, il-Kummissjoni ssostni li l-marġni ta’ twaqqigħ naqas qabel u wara l-perijodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni ġustament qieset li tali tnaqqis jikkostitwixxi tendenza pożittiva li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tad-dannu.

    97

    Fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet inkwistjoni u tal-evoluzzjoni tal-partijiet mis-suq, ovvjament, l-importazzjonijiet minn Hangzhou Bioking żdiedu b’25% matul il-perijodu kkunsidrat, minkejja li, wara li jiġi kkunsidrat it-tnaqqis ta’ 11 % tal-konsum totali fl-Unjoni matul dan l-istess perijodu (Tabella 1 tad-deċiżjoni kkontestata), is-sehem mis-suq ta’ Hangzhou Bioking żdied b’41% (ara l-premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sehem mis-suq u l-volumi ta’ importazzjonijiet ma kinux l-uniċi elementi li kienu ġew analizzati sabiex jiġi eżaminat jekk l-industrija tal-Unjoni kinitx sofriet jew le dannu materjali. Għal dak il-għan, hekk kif jirriżulta mit-Tabella 2 u mill-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, il-volum ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li huwa s-suġġett ta’ dumping min-naħa ta’ Hangzhou Bioking żdied b’25 % matul il-perijodu kkunsidrat, filwaqt li t-Tabella 10 tindika li l-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni żdiedet b’mod kunsiderevoli matul il-perijodu kkunsidrat, u laħqet 10 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. F’dan il-kuntest, minkejja ż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet ta’ Hangzhou Bioking, il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni żdiedet.

    98

    Barra minn hekk, fir-rigward tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, l-iżvilupp tiegħu mingħajr dubju jikkostitwixxi fattur ta’ importanza sinjifikattiva sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ dannu materjali għad-dannu tal-industrija msemmija (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il‑Kunsill, T‑107/04, EU:T:2007:85, punt 65). Issa, f’dan il-każ, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’21 % tul il-perijodu kkunsidrat u stabbilixxa ruħu għal 44 % fi tmiem dan il-perijodu, kif jirriżulta mill-miżura istruttorja adottata mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 19 iktar ’il fuq). Għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx validament tikkunsidra, fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan is-sehem mis-suq kien baqa’ f’livell relattivament għoli matul il-perijodu kkunsidrat.

    99

    F’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma tat ebda piż għall-effett tal-espansjoni imminenti fil-volumi tal-produzzjoni ta’ Hangzhou Bioking fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll fuq indikaturi finanzjarji oħrajn, li ser jeħżienu fil-futur qrib, hemm lok li jitfakkar li d-determinazzjoni tad-dannu wara l-ftuħ ta’ proċedura tippreżupponi, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Bażiku, li jiġi pprovat li teżisti “ħsara materjali lill-industrija tal-[Unjoni], theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-[Unjoni] jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija [tal-Unjoni]”. Peress li l-ilment imressaq mill-produtturi tal-Unjoni kien ibbażat fuq l-eżistenza, diġà murija fil-fehma tagħhom, ta’ dannu materjali kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk tali dannu setax jiġi stabbilit matul il-perijodu kkunsidrat. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessi 6 u 141 tad-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda biss id-dannu materjali kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u mhux dwar il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-esportaturi Ċiniżi fil-futur. Issa, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq l-espansjoni futura possibbli tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, li hija rilevanti fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tikkonċerna “theddida ta’ ħsara materjali” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Bażiku. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-analiżi prospettiva tal-industrija tal-Unjoni huma, f’dan il-kuntest, ineffettivi.

    100

    Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni bbażat ruħha unikament fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, il-flussi ta’ likwidità u r-rendiment tal-industrija fuq l-investimenti, mill-fatt li dawn l-indikaturi kienu l-uniċi li jippreżentaw tendenza pożittiva, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, hekk kif ġie konkluż fil-punt 91 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, id-data rilevanti kollha fil-kuntest tal-analiżi tagħha. Imbagħad, kif targumenta l-Kummissjoni, il-profittabbiltà hija wieħed mill-fatturi determinanti fl-analiżi tad-dannu. Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-“profittabbiltà [tal-industrija tal-Unjoni] żdiedet sostanzjalment matul il-perjodu kkunsidrat, laħqet 10 % matul il-perijodu tal-investigazzjoni, u b’hekk qabżet it-8 % tal-profitt fil-mira ta’ din l-industrija”. Issa, huwa importanti li wieħed jinnota li, minn naħa, din iż-żieda hija sinjifikattiva u li, min-naħa l-oħra, ma tistax titqies waħedha, iżda fil-kuntest ta’ indikaturi ekonomiċi pożittivi oħra, bħall-flussi ta’ likwidità, ir-rendiment fuq l-investimenti u l-livell tal-impjieg, hekk kif jirriżulta mill-premessi 119 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata.

    101

    Sa fejn ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni naqset milli timmotiva suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-ispjegazzjoni dwar kif it-tnaqqis fir-riżultati tal-industrija tal-Unjoni kien paċut minn titjib fil-profittabbiltà b’mod ġenerali, l-argument tar-rikorrenti huwa intiż, fir-realtà, li jikkontesta l-evalwazzjoni stess imwettqa mill-Kummissjoni tad-data ekonomika. Issa, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-eżami tal-premessi 119 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi.

    102

    Għall-kompletezza għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 75).

    103

    Dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat skont ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att issodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 76).

    104

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-istituzzjonijiet ma humiex marbuta li jieħdu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemhom mill-persuni kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, C‑404/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:6, punt 30).

    105

    F’dan il-każ, ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li ċerti indikaturi ta’ dannu ma kellhomx effett negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tal-industrija tal-Unjoni, filwaqt li indikaturi oħra kellhom żvilupp pożittiv, jidhru fil-premessi 140, 141 u 148 sa 160 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni hemmhekk esponiet b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex hija qieset li l-industrija tal-Unjoni ma sofriet l-ebda dannu materjali mill-fatt tal-importazzjonijiet minn Hangzhou Bioking. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt f’dan ir-rigward.

    106

    Fir-raba’ lok, f’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni eżaminat biss segment wieħed tal-industrija tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment diġà ġie eżaminat fil-kuntest tal-ewwel motiv. Fil-fatt, mill-punt 60 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma wrewx kif il-kampjun meħud mill-Kummissjoni wassalha biex twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

    107

    Fil-ħames lok, għalkemm huwa minnu li l-industrija tal-Unjoni implementat strateġija difensiva għall-ġlieda kontra d-dumping, xorta jibqa’ l-fatt li l-effetti ta’ din l-istrateġija wasslu b’mod partikolari għal żieda tal-livell ta’ profittabbiltà tal-produtturi kkonċernati. Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni din l-istrateġija ma jippermettux li tiġi kkontestata l-fondatezza tal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-assenza ta’ dannu materjali.

    108

    Fis-sitt lok, fir-rigward tal-argument dwar l-insuffiċjenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-marġni ta’ dumping, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 94 iktar ’il fuq, għalkemm huwa minnu, ċertament, li dan il-marġni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, xorta jibqa’ l-fatt li fuq kollox dan jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-eżistenza tad-dumping, li hija kundizzjoni distinta minn dik dwar l-istabbiliment tad-dannu fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping.

    109

    F’dak li għandu x’jaqsam mat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet fir-rigward ta’ dawk tal-industrija tal-Unjoni, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“prezz medju tal-importazzjoni minn [Hangzhou] Bioking tal-prodott ikkonċernat [kien] żdied b’35 % waqt il-perijodu kkunsidrat”, li “żdied bi 43 % bejn l-2011 u l-2013, iżda mbagħad [kien] naqas bi 8 %, bejn l-2013 u l-perijodu tal-investigazzjoni”. Il-Kummissjoni, sussegwentement stabbilixxiet marġni ta’ twaqqigħ medju mwieżen ta’ 10.3 % għall-importazzjonijiet ta’ Hangzhou Bioking li kienu s-suġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, b’riferiment espliċitu għat-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, fil-premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx seħħ dannu materjali. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dan il-fattur. Sa fejn ir-rikorrenti jikkontestaw l-importanza mogħtija lil dan il-fattur, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, fattur wieħed jew iktar mid-diversi fatturi li jidhru f’din id-dispożizzjoni ma jikkostitwixxux neċessarjament bażi ta’ evalwazzjoni determinanti. Għaldaqstant, il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet ma jikkostitwixxix fih innifsu indikatur ekonomiku konklużiv ta’ dannu determinanti.

    110

    Fis-seba’ lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-prezzijiet kienu naqsu “b’76 % bejn l-2013 u l-perijodu ta’ investigazzjoni”, huma stess jagħmlu riferiment għal tnaqqis tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ta’ 56 %. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prezz medju ta’ bejgħ għal kull unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kien, ċertament, naqas b’56 % bejn l-2013 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan żdied b’19 % matul il-perijodu kkunsidrat. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata u kif irrilevat fil-punt 95 iktar ’il fuq, iż-żieda fil-prezz medju ta’ bejgħ ta’ unità ta’ 19 % matul il-perijodu kkunsidrat kienet iktar qawwija milli ż-żieda fl-ispiża tal-produzzjoni ta’ 9 % matul l-istess perijodu, u dan jindika li l-pressjoni eżerċitata fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet ta’ Hangzhou Bioking ma waqqfitx iż-żieda fil-prezz tal-bejgħ ta’ unità tal-industrija tal-Unjoni.

    111

    Fit-tmien lok, fir-rigward tat-tnaqqis tal-volum ta’ produzzjoni, għandu jiġi osservat li dan il-volum effettivament naqas b’16 % matul il-perijodu kkunsidrat, iżda stabbilizza ruħu bejn l-2013 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni, kif muri fit-Tabella 4 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, kif ġustament osservat il-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-tnaqqis fil-konsum ta’ 11 % fuq il-perijodu kkunsidrat, hekk kif dan ġie indikat fil-punt 97 iktar ’il fuq. F’dawk iċ-ċirkustanzi, jista’ jitqies li l-parti l-kbira tat-tnaqqis fil-volum ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, matul il-perijodu kkunsidrat, kien dovut għat-tnaqqis fil-konsum.

    112

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma pproduċewx provi li jippermettu li titqiegħed f’dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni rigward l-assenza ta’ dannu materjali kkawżat lill-industrija tal-Unjoni abbażi tal-fatturi rilevanti kollha. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni, minkejja l-evalwazzjoni tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni li hija wettqet (ara l-punt 98 iktar ’il fuq), ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kunsiderazzjoni globali tagħha tal-eżistenza ta’ dannu materjali abbażi tal-fatturi kollha invokati fil-kuntest tat-tieni motiv.

    113

    Għalhekk, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    114

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL‑QORTI ĠENERALI (Id‑Disa’ Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Caviro Distillerie Srl, Distillerie Bonollo SpA, Distillerie Mazzari SpA u Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA huma kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea minbarra l-ispejjeż tagħhom stess.

     

    Gervasoni

    Madise

    da Silva Passos

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Marzu 2018.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top