EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0249

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) tal-10 ta' Marzu 2009.
Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT) u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT) vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Dumping - Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja, mir-Rumanija, mir-Russja u mill-Ukrajna - Kalkolu tal-valur normali - Kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja - Aġġustament - Funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjoni - Entità ekonomika waħda - Żball manifest ta’ evalwazzjoni - Offerta ta’ impenn - Drittijiet tad-difiża - Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-249/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:62

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Marzu 2009 ( *1 )

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja, mir-Rumanija, mir-Russja u mill-Ukraina — Determinazzjoni tal-valur normali — Kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja — Aġġustament — Funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni — Entità ekonomika waħda — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Offerta ta’ impenn — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T-249/06,

Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT), preċedentement Nikopolsky Seamless Tubes Plant “Niko Tube” ZAT, stabbilita f’Nikopol (l-Ukraina),

Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT), preċedentement Nizhnedneprovsky Tube-Rolling Plant VAT, stabbilita f’Dnipropetrovsk (l-Ukraina),

irrappreżentati inizjalment minn H.-G. Kamann u P. Vander Schueren, sussegwentement minn P. Vander Schueren, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

konvenut,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn H. van Vliet u T. Scharf, sussegwentement minn M. van Vliet u K. Talabér-Ricz, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna, li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukraina (ĠU Ħarġa Speċjali bil-Malti L 294 M),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikolu 2(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol., 10, p. 45-64) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150-158, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), jistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom l-istituzzjonijiet għandhom iwettqu paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Huwa jipprovdi:

“Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari fejn jidħlu tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Fejn il-kondizzjonijiet speċifikati huma milħuqa, il-fatturi li għalihom jista’ jsir aġġustament huma mniżżla kif ġej:

[…]

i)

Il-kummissjonijiet [kommissjonijiet]

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fejn jidħol il-bejgħ taħt kunsiderazzjoni. Il-kelma ‘kummissjonijiet’ għandha tinftiehem li tinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew prodott simili jekk il-funzjonijiet [inkarigi] ta’ dak in-negozjant huma simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni.

[…] ”

2

L-Artikolu 3 tar-regolament bażiku jirrigwarda l-kwistjoni kif tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ħsara. Huwa jipprovdi:

“[…]

2.   Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’ (a) il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet mibjugħin taħt il-prezz fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemm (b) l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

3.   Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet mix-xiri taħt il-prezz ta’ l-importazzjonijiet [fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping] meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta’ importazzonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

[…]

5.   L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ xiri taħt il-prezz [dumping] jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz [ta’ dumping], it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji, effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, [mhijiex eżawrjenti] u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.

6.   Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta[r]-regolament [bażiku]. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragradfu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.

7.   Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom [ta’ dumping], tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija Komunitarja.

[…] ”

3

L-Artikolu 5 tar-regolament bażiku huwa intitolat “Il-bidu tal-proċeduri”. Fil-paragrafu 4 tiegħu, huwa jipprovdi:

“Investigazzjoni ma għandhiex tinbeda skond il-paragrafu 1 sakemm ma tkunx ġiet stabbilita, fuq il-bażi ta’ eżaminazzjoni dwar il-livell ta’ appoġġ għal, jew oppożizzjoni għall-ilment espress mill-produtturi Komunitarji ta’ l-istess prodott, li l-ilment sar minn jew għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja. L-ilment għandu jiġi kkunsidrat li jkun ġie magħmul minn jew għan-nom ta’ l-industrija Komunitarja jekk ikun appoġġjat minn dawk il-podutturi Komunitarji li produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi iktar minn 50% tal-produzzjoni totali ta’ l-istess prodott, prodott minn dak il-porzjon ta’ l-industrija Komunitarja li jappoġġja jew jopponi lill-ilment. Madanakollu, ebda investigazzjoni ma għandha tinbeda meta produtturi Komunitarji li espressament jappoġġjaw l-ilment jammontaw għal inqas minn 25% tal-produzzjoni totali tal-prodott simili prodott mill-industrija Komunitarja.”

4

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku jipprovdi kif ġej:

“Jekk jiġi kkunsidrat li talba għall-kunfidenzjalità mhix garantita [ġustifikata] u jekk il-fornitur ta’ l-informazzjoni huwa jew mhux lest li jagħmel l-informazzjoni disponibbli jew li jawtorizza t-tagħrif tagħha taħt forma ġeneralizzata jew f’taqsira, informazzjoni bħal din tista’ tiġi injorata sakemm ma jistax jintwera b’mod soddisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta […]”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Ir-rikorrenti, Nikopolsky Seamless Tubes Plant “Niko Tube” ZAT, li saret Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT) (iktar ’il quddiem “Niko Tube”), u Nizhnedneprovsky Tube-Rolling Plant VAT, li saret Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT) (iktar ’il quddiem “NTRP”), huma kumpanniji Ukrajini produtturi ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi. Ir-rikorrenti huma konnessi ma’ żewġ kumpanniji li jieħdu ħsieb il-bejgħ: SPIG Interpipe, stabbilita fl-Ukraina, u Sepco SA, stabbilita fl-Isvizzera.

6

Wara lment ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2005, mill-Kumitat għad-difiża tal-industrija tal-pajpijiet tal-azzar mingħajr saldaturi tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni fetħet proċeduri antidumping dwar l-importazzjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw, mill-Kroazja, mir-Rumanija, mir-Russja u mill-Ukraina, skont l-Artikolu 5 tar-regolament bażiku. Il-Kummissjoni fetħet ukoll żewġ reviżjonijiet interim, skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, dwar id-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, mir-Russja u mir-Rumanija, u mill-Kroazja u mill-Ukraina. L-avviż tal-bidu ta’ dawn il-proċeduri ġie ppubblikat fil- (ĠU C 77, p. 2).

7

L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara riżultanti minnu kopriet il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l- (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi sabiex issir l-evalwazzjoni tal-ħsara kopra l-perijodu mill- sal-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

8

Minħabba n-numru kbir ta’ produtturi Komunitarji, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 tar-regolament bażiku, għażlet kampjun ta’ ħames produtturi Komunitarji sabiex issir l-investigazzjoni. Inizjalment il-kampjun kien jinkludi l-ħames produtturi Komunitarji li ġejjin: Dalmine SpA, Benteler Stahl/Rohr GmbH, Tubos Reunidos SA, Vallourec & Mannesmann France SA (iktar ’il quddiem “V & M Franza”), V & M Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “V & M Ġermanja”). Meta Benteler Stahl/Rohr iddeċidiet li ma tikkooperax, il-Kummissjoni ssostitwietha b’Rohrwerk Maxhütte GmbH.

9

Permezz ta’ ittri tas-6 ta’ Ġunju u tal-14 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti kif ukoll SPIG Interpipe u Sepco bagħtu r-risposti tagħhom għall-kwestjonarju antidumping lill-Kummissjoni. Iż-żjajjar ta’ verifika fl-istabbilimenti tar-rikorrenti u ta’ SPIG Interpipe saru mis- sas-.

10

Fis-27 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali li elenka l-fatti u r-raġunijiet li abbażi tagħhom hija kienet qed tipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping definittivi. Permezz ta’ ittra tat-, ir-rikorrenti uffiċjalment ikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, kif esposti fl-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali. Huma sostnew li l-Kummissjoni inkludiet b’mod żbaljat informazzjoni dwar prodotti li ma kinux immanifatturati minnhom, li l-Kummissjoni kienet ipparagunat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni f’livell kummerċjali differenti, li huwa inkompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, u li billi qieset lil Sepco bħala importatur u billi ħolqot il-prezz tal-esportazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku.

11

Fl-24 ta’ Marzu 2006, ġiet organizzata seduta mill-Kummissjoni, fil-preżenza tar-rikorrenti, sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping kif ukoll l-offerta tagħhom ta’ impenn għal prezz. Fit- saret seduta oħra dwar il-ħsara.

12

Permezz ta’ faks tat-3 ta’ April 2006, ir-rikorrenti talbu informazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja fl-investigazzjoni.

13

Fl-24 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dokument ta’ informazzjoni finali. F’dan id-dokument, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-esklużjoni mid-determinazzjoni tal-valur normali ta’ ċerti prodotti mhux immanifatturati mir-rikorrenti, jiġifieri l-prodotti li jaqgħu taħt in-numru tal-kontroll tal-prodotti (iktar ’il quddiem “NKP”) KE4. Hija għamlet aġġustament tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ Sepco, mhux iktar abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku, iżda skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Finalment, f’dan id-dokument, il-Kummissjoni tat informazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja.

14

Permezz ta’ faks tas-26 ta’ April 2006, ir-rikorrenti fakkru lill-Kummissjoni li l-informazzjoni mogħtija bħala risposta għall-kwestjonarju antidumping u vverifikata mill-uffiċjali tal-Kummissjoni, kienet turi li l-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 ma kinux immanifatturati minnhom.

15

Ir-rikorrenti ppreżentaw is-sottomissjonijiet kompleti tagħhom fuq it-tieni dokument ta’ informazzjoni finali lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Mejju 2006.

16

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni spjegat lir-rikorrenti r-raġunijiet għalfejn hija ma kinitx aċċettat l-offerta ta’ impenn tagħhom ippreżentata fit-.

17

Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni adottat u ppubblikat il-proposta tagħha għal regolament tal-Kunsill li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja, mir-Rumanija, mir-Russja u mill-Ukraina, li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, mir-Russja u mir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, mir-Russja u mir-Rumanija u mill-Kroazja u mill-Ukraina.

18

Permezz ta’ faks li waslet għand ir-rikorrenti fis-26 ta’ Ġunju 2006 f’19.06, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-faks tas- u fl-ittra tal-, bl-eċċezzjoni tal-argument dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-industrija Komunitarja. Permezz ta’ ittra mibgħuta lir-rikorrenti fis-, u li waslet għandhom fis-, il-Kummissjoni rrispondiet għall-kummenti tar-rikorrenti dwar il-parteċipazzjoni tal-industrija Komunitarja fil-proċedura.

19

Fis-27 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill adotta r-Regolamenti (KE) Nru 954/2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukraina, li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97, u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukraina (ĠU L 175, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

20

Permezz tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill impona dazji antidumping ta’ 25.1% fuq l-importazzjonijiet tar-rikorrenti ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti bdew din il-proċedura.

22

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru fl-1 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tas-, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċetta dan l-intervent. Permezz ta’ ittra tas-, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kienet qed tirrinunzja milli tippreżenta nota ta’ intervent iżda li kienet se tieħu sehem fis-seduta.

23

Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla u għalhekk il-kawża preżenti ġiet assenjata lilha.

24

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla r-regolament ikkontestat safejn jikkonċernahom;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

25

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

26

Insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegaw li meta, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, ikkunsidra ċerta informazzjoni dwar il-pajpijiet li ma kinux immanifatturati minnhom, il-Kunsill ikkommetta żball manifest ta’ evalwazzjoni u kiser il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, billi sabiex jiddetermina l-ħsara, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq informazzjoni relatata mal-ħames produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun, filwaqt li dawn il-produtturi ma kinux ikkooperaw b’mod sħiħ u komplet, huwa kiser l-Artikolu 3(2), (3), (5), (6) u (7) u l-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jallegaw li, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni sħiħa u kompleta tal-produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun, il-livell ta’ sostenn għall-ilment kien inqas mill-minimu speċifikat fir-regolament ta’ 25% tal-produzzjoni Komunitarja. B’hekk il-Kunsill kiser l-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku, billi ma temmx il-proċeduri antidumping. Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jallegaw illi bit-tnaqqis mill-prezz tal-bejgħ ta’ Sepco ta’ ammont korrispondenti għall-kommissjoni li aġent, li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni, kien jirċievi, bħala aġġustament, fil-kuntest tal-paragun tal-prezz normali mal-prezz tal-esportazzjoni, il-Kunsill ikkommetta żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku. Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċirkustanzi taċ-ċaħda tal-Kunsill tal-offerta ta’ impenn tagħhom jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fl-aħħar nett, is-sitt motiv huwa maqsum f’ħames partijiet, ibbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u/jew tal-obbligu ta’ motivazzjoni, rispettivament, fil-kuntest tat-trattament tal-pajpijiet allegatament mhux immanifatturati mir-rikorrenti għall-finijiet ta’ determinazzjoni tal-valur normali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-allegat nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-industrija Komunitarja, fil-kuntest tal-aġġustament magħmul fuq il-prezz tal-esportazzjoni fatturat minn Sepco, fil-kuntest taċ-ċaħda tal-offerta ta’ impenn tar-rikorrenti u fil-kuntest tat-trattament tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u ta’ spejjeż oħra ġenerali ta’ SPIG Interpipe.

27

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-eżami ta’ dawn is-sitt motivi għandu jiġi mqassam skont il-fatti li magħhom huma relatati.

Fuq id-determinazzjoni tal-valur normali

28

Fil-kuntest tal-ewwel motiv kif ukoll ta’ parti mis-sitt motiv, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq fatt identiku, jiġifieri, li l-Kummissjoni, fid-determinazzjoni tagħha tal-valur normali inkludiet informazzjoni dwar xi prodotti — ċerti pajpijiet atomiċi — li r-rikorrenti ma jimmanifatturawx.

29

Skont ir-rikorrenti dan il-fatt wassal għal:

żball manifest ta’ evalwazzjoni (l-ewwel motiv);

ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (l-ewwel motiv);

ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni (is-sitt motiv).

Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

— L-argumenti tal-partijiet

30

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jħossu li l-Kunsill ikkommetta żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ssuġġerixxa li l-informazzjoni dwar il-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE 4 u l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001 ma ġietx ivverifikata u għalhekk ma kinitx tagħti livell ta’ garanzija biżżejjed sabiex l-imsemmija pajpijiet jiġu esklużi mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. B’dan il-mod, il-Kunsill naqas kemm mill-obbligu ta’ diliġenza tiegħu kif ukoll mill-obbligu li jiffissa l-valur normali b’mod raġonevoli.

31

Ir-risposti għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni mogħtija mir-rikorrenti kienu jinkludu, fil-fatt, l-informazzjoni kollha li tipprova li huma ma kinux jimmanifatturaw l-imsemmija pajpijiet. Din l-informazzjoni kienet ivverifikata matul iż-żjajjar ta’ verifika fl-istabbilimenti tar-rikorrenti u kienet aċċettata mingħajr riżerva mill-uffiċjali tal-Kummissjoni.

32

Skont il-Kunsill, minkejja li huwa legalment aċċettabbli li d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar prodotti li mhumiex immanifatturati mill-partijiet li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, ir-rikorrenti għandhom żball meta jallegaw li l-Kunsill kiser din ir-regola fil-kawża preżenti. Il-Kunsill jargumenta, fil-fatt, li l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li l-informazzjoni kollha rilevanti dwar it-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4 kienet diġà ntbagħtet fir-risposta tagħhom għall-kwestjonarju, hija falza. Sabiex tittieħed deċiżjoni li dawn it-tranżazzjonijiet jiġu esklużi mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping kienet tkun meħtieġa żjara oħra ta’ verifika fuq il-post.

33

Għalhekk, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda raġuni għalfejn kellha tikkunsidra li l-listi ta’ bejgħ ta’ SPIG Interpipe kienu jinkludu tranżazzjonijiet relatati ma’ prodotti oħra minbarra l-prodott ikkonċernat. B’mod partikolari, ir-riferiment għal standard ta’ manifattura Ukranjan, mhux magħruf mill-Kummissjoni u li dwaru ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni, ma servietx ta’ twissija lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li l-pajpijiet atomiċi inkwistjoni fil-kawża ma kinux il-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, l-informazzjoni li allegatament kellha tindika li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma kinux relatati mal-prodott ikkonċernat kienet indikata biss f’sitt linji minn total ta’ iktar minn 16000 linja ta’ informazzjoni dwar il-bejgħ, u kienet tidher biss f’sitt każelli minn iktar minn 600000 każella fit-tabelli mimlija mir-rikorrenti.

34

Fit-tieni lok, minkejja li l-Kummissjoni kienet effettivament ivverifikat b’mod ġenerali l-listi ta’ bejgħ mogħtija mir-rikorrenti, hija ma vverifikatx jekk il-bejgħ kienx verament relatat mal-prodott ikkonċernat, peress li dan l-obbligu ma kienx jaqa’ fuqha. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001 kienu relatati mal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, matul iż-żjara ta’ verifika, il-Kummissjoni ma qajmitx il-kwistjoni tal-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE 4, peress li r-rikorrenti kienu għadhom ma għamlux it-talba tagħhom għall-esklużjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping.

35

Fit-tielet lok, l-iżball kien dovut għal SPIG Interpipe nfisha, li ma tatx kas is-sistema ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni stabbilita mill-Kummissjoni, jiġifieri l-NKP b’sitt simboli, u li ddeċidiet li tinkludi informazzjoni li ma setgħetx tiġi interpretata ħlief fid-dawl ta’ standard ta’ manifattura Ukranjana li ma kinitx magħrufa mill-Kummissjoni u li ma setgħetx tissostitwixxi nofs l-NKP.

36

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ma ppreżentawx il-provi li jistabbilixxu b’mod ċar li s-sitt tranżazzjonijiet kienu verament relatati mal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi oħra li ma kinux il-prodott ikkonċernat, li dawn il-pajpijiet ma kinux immanifatturati minnhom u li kienu nxtraw mingħand terza persuna indipendenti.

37

Fil-ħames lok, il-Kunsill josserva li, fil-lista ta’ fornituri mogħtija fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju, SPIG Interpipe semmiet biss fornitur wieħed għall-prodott li jaqa’ fl-NKP KE4, jiġifieri waħda mir-rikorrenti, NTRP.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

38

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, T-413/03, Ġabra p. II-2243, punt 61; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 240/84, Ġabra p. 1809, punt 19).

39

Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, punt 38 iktar ’il fuq, punt 19, u tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C-16/90, Ġabra p. I-5163, punt 12; sentenza Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, punt 38 iktar ’il fuq, punt 62).

40

Madankollu, għandu jitfakkar li, billi l-istituzzjonijiet Komunitarji jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar fundamentali u li, fost dawn il-garanziji, hemm, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-istituzzjoni kompetenti, li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14; sentenza Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, punt 38 iktar ’il fuq, punt 63).

41

F’dan il-kuntest, għalkemm, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali u, b’mod partikolari, tal-miżuri antidumping, il-qorti Komunitarja ma tistax tintervjeni fl-evalwazzjoni rriżervata għall-awtoritajiet Komunitarji, hija għandha madankollu tiżgura li l-istituzzjonijiet ikunu ħadu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u li huma evalwaw il-provi tal-proċess bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-valur normali ġie stabbilit b’mod raġonevoli (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ottubru 1999, Acme vs Il-Kunsill, T-48/96, Ġabra p. II-3089, punt 39, u Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, punt 38 iktar ’il fuq, punt 64; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Nölle, punt 39 iktar ’il fuq, punt 13).

42

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat jekk, kif jallegaw ir-rikorrenti, il-Kunsill ikkommettix żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ssuġġerixxa li l-informazzjoni dwar il-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u immanifatturati skont l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001 ma kinitx ġiet ivverifikata u li għalhekk ma kinitx tipprovdi livell ta’ garanzija biżżejjed sabiex l-imsemmija pajpijiet atomiċi jiġu esklużi mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping.

43

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li mhuwiex ikkontestat li d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni relatata ma’ prodotti li ma ġewx immanifatturati mill-partijiet li huma s-suġġett tal-investigazzjoni.

44

Fit-tieni lok, għandu jiġi stabbilit jekk il-provi ppreżentati mir-rikorrenti lill-Kummissjoni, matul l-investigazzjoni, kinux biżżejjed sabiex jiġi konkluż li huma ma kinux jimmanifatturaw il-pajpijiet atomiċi inkwistjoni, b’tali mod li hija naqset milli teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti għall-każ inkwistjoni u kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ddeċidiet li dawn l-elementi kellhom ikunu suġġett ta’ żjara oħra ta’ verifika fl-istabbilimenti tar-rikorrenti.

45

Mill-proċess jirriżulta li l-listi ta’ bejgħ nazzjonali u Ewropew ippreżentati mir-rikorrenti fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju, li huma intitolati “DMsales” u “ECsales” rispettivament, jinkludu, kif mitlub mill-Kummissjoni, kolonna intitolata “Standard”. Ir-rikorrenti sistematikament niżżlu l-ispeċifikazzjoni eżatta tal-istandard tekniku ta’ kull mudell ta’ pajp jew tubu f’din il-kolonna. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-istandard TU 14-3P-197-2001 ma deher imkien f’din il-kolonna, li hija indikazzjoni li r-rikorrenti ma bigħux l-imsemmija pajpijiet atomiċi, lanqas lill-kumpannija assoċjata tagħhom li tieħu ħsieb il-bejgħ, SPIG Interpipe.

46

Barra minn hekk, mill-eżami tal-listi tal-ispejjez ta’ produzzjoni tar-rikorrenti għall-prodotti maħsuba għas-suq nazzjonali u dak Ewropew rispettivament, liema listi huma intitolati “DMcop” u “ECcop ”, jirriżulta li r-rikorrenti ma jimmanifatturawx dawn il-pajpijiet atomiċi. Għalhekk, dawn il-listi juru li l-ebda prodott imsemmi fil-listi “DMcop” u “ECcop ” ma ġie mmanifatturat skont l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001.

47

Madankollu, mill-proċess jirriżulta wkoll li l-lista ta’ bejgħ fis-suq nazzjonali, intitolata “DMsales”, ippreżentata minn SPIG Interpipe fil-kuntest tar-risposta tagħha għall-kwestjonarju, kienet tirreferi għal sitt tranżazzjonijiet li jikkonċernaw pajpijiet li jaqgħu fl-NKP KE4 u mmanifatturati skont l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001.

48

Barra minn hekk, il-lista ta’ fornituri u ta’ xiri ta’ SPIG Interpipe semmiet biss fornitur wieħed għall-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4, jiġifieri waħda mir-rikorrenti, NTRP. F’dawn ir-rigward, mill-ispjegazzjonijiet u mid-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li l-kwestjonarju li SPIG Interpipe kellha timla’ kien jikkonċerna biss il-bejgħ fil-Komunità u li l-lista “DMsales”, li kienet tikkonċerna l-bejgħ għas-suq Ukranjan, ġiet ippreżentata biss b’mod purament volontarju. Konsegwentement, fil-lista ta’ fornituri u ta’ xiri ta’ SPIG Interpipe kellhom jidhru biss il-fornituri li l-prodotti tagħhom inbigħu mill-ġdid fil-Komunità. Sa fejn il-provi fil-proċess jikkonfermaw li l-pajpijiet li jaqgħu taħt il-kodiċi NKP KE4 u taħt l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001 kienu nbigħu mill-ġdid fis-suq nazzjonali Ukranjan u li l-pajpijiet kollha li jaqgħu taħt il-kodiċi NKP KE4, iżda li ma jaqgħux taħt l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001, immanifatturati minn NTRP, inbigħu fis-suq Komunitarju minn SPIG Interpipe, għandu jiġi kkunsidrat li SPIG Interpipe ma kkommettiet l-ebda żball billi, fil-lista tagħha ta’ fornituri u ta’ xiri, ma semmiet l-ebda fornitur ieħor ħlief NTRP.

49

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt, minn naħa waħda, li l-lista “DMsales”, ippreżentata minn SPIG Interpipe, kienet issemmi tranżazzjonijiet li jikkonċernaw pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001 u, min-naħa l-oħra, li l-lista ta’ fornituri u ta’ xiri ta’ SPIG Interpipe kienet tagħmel riferiment biss għal fornitur wieħed tal-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4, seta’ kkawża konfużjoni għall-uffiċjali tal-Kummissjoni inkarigati mill-investigazzjoni.

50

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, wara evalwazzjoni diliġenti tar-risposti għall-kwestjonarju tar-rikorrenti u tal-kumpannija assoċjata magħhom li tieħu ħsieb il-bejgħ, SPIG Interpipe, il-Kummissjoni kellha informazzjoni kuntradittorja jew, tal-inqas, informazzjoni li l-validità tagħha setgħet tiġi kkontestata.

51

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li r-rikorrenti ma ppruvawx inaqqsu d-dubju tal-Kummissjoni fid-dawl ta’ dawn il-kuntradizzjonijiet. Fil-fatt, mis-sottomissjonijiet bil-miktub jirriżulta li, wara l-adozzjoni tal-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali, waqt seduta tal-24 ta’ Marzu 2006, ir-rikorrenti pprovdew lill-Kummissjoni diversi dokumenti miktuba bl-Ukrain, dokumenti li suppost kienu l-irċevuti relatati mas-sitt tranżazzjonijiet imsemmija bi żball fil-lista ta’ bejgħ ta’ SPIG Interpipe. Minkejja li waqt is-seduta kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, dwar jekk il-Kummissjoni kinitx talbet, fis-seduta tal-, traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti, għandu jiġi kkonstatat li kienu r-rikorrenti li kellhom iġibu l-prova ta’ dak li kienu qed jallegaw, jiġifieri li s-sitt tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu jikkonċernaw xiri minn SPIG Interpipe ta’ pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001 mingħand fornitur indipendenti. Barra minn hekk, wara t-tieni dokument ta’ informazzjoni finali, tal-, ir-rikorrenti reġgħu sostnew it-talba tagħhom għall-esklużjoni ta’ informazzjoni relatata mal-imsemmija pajpijiet atomiċi, filwaqt li reġgħu naqsu milli jippreżentaw l-iċken prova li dawn il-pajpijiet atomiċi inkwistjoni kienu nxtraw mingħand terza persuna indipendenti.

52

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-informazzjoni kuntradittorja li tinsab fir-risposti għall-kwestjonarji u fin-nuqqas ta’ prova li l-pajpijiet atomiċi inkwistjoni kienu nxtraw mingħand terza persuna independenti, kien jeżisti dubju dwar l-affidabbiltà ta’ din l-informazzjoni. Barra minn hekk, minn dak li ntqal preċedentement, jirriżulta li l-Kummissjoni użat id-diliġenza kollha meħtieġa fl-eżami tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, u li għalhekk affermat korrettament, fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali, li ma setgħetx tikkunsidra din l-informazzjoni ġdida u mhux ivverifikata.

53

Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni osservat l-obbligu tagħha li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, il-fatturi kollha tal-każ inkwistjoni u li kkonkludiet, abbażi ta’ dan l-eżami, li l-informazzjoni li tikkonċerna l-imsemmija pajpijiet atomiċi ma pprovdietx livell ta’ garanzija biżżejjed sabiex jiġu esklużi mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, fin-nuqqas ta’ verifika ġdida. Għalhekk jirriżulta li l-valur normali ġie ffissat b’mod raġonevoli, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 40 u 41 hawn fuq, u li l-Kunsill ma kkommetta l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

54

M’għandhomx jitqajmu dubji dwar din il-konklużjoni minħabba l-fatt, irrilevat mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika fl-istabbilimenti tar-rikorrenti u ta’ SPIG Interpipe, li timplika, skont huma, li l-informazzjoni kollha msemmija hawn fuq għandha tiġi kkunsidrata bħala vverifikata u approvata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, peress li l-imsemmija informazzjoni hija kuntradittorja, ma tippermettix li jiġi stabbilit b’ċertezza, li r-rikorrenti ma kinux jimmanifatturaw il-pajpijiet atomiċi inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-mument tal-verifika, ir-rikorrenti kienu għadhom ma informawx lill-Kummissjoni li kien sar żball minn SPIG Interpipe, fil-lista “DMsales ” tagħha. Kien biss wara l-adozzjoni tal-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali li r-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni b’dan l-iżball u nnotifikawha formalment li huma ma kinux jimmanifatturaw il-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001. Konsegwentement, ma jistax jiġi affermat li l-verifika setgħet tikkjarifika l-kuntradizzjonijiet fir-risposti għall-kwestjonarju mibgħuta lill-Kummissjoni mir-rikorrenti u minn SPIG Interpipe.

55

Għalhekk il-parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

— Argumenti tal-partijiet

56

Skont ir-rikorrenti, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi aċċetta li jeskludi mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping il-prodotti kollha mhux immanifatturati mir-rikorrenti li jaqgħu taħt in-NKP AB2, AC4, BD3, BD4, BE3, CC6, EA1, EA2, EB1, GE5, HD1, HE1 u ID4, iżda rrifjuta li jagħmel l-istess fir-rigward tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001, filwaqt li bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-istess informazzjoni debitament ivverifikata dwar l-ispejjeż u l-bejgħ. Iċ-ċirkustanzi li kienu jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-ewwel sensiela ta’ tranżazzjonijiet kienu eżattament l-istess bħal dawk li jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001.

57

Il-Kunsill jiddikjara li l-Kummissjoni aċċettat it-talba tar-rikorrenti għall-esklużjoni tal-ewwel sensiela ta’ tranżazzjonijiet, għaliex dawn tal-aħħar ma kienu indikaw l-ebda produzzjoni ta’ dawn il-prodotti u l-ebda spejjeż tal-produzzjoni relatati. Barra minn hekk, SPIG Interpipe ma kinitx indikat xiri ta’ dawn il-prodotti mingħand ir-rikorrenti. L-istituzzjonijiet għalhekk ħassew li setgħu jilqgħu din it-talba, mingħajr il-ħtieġa ta’ verifika ġdida fuq il-post, għaliex setgħu jikkunsidraw b’mod raġonevoli li l-pajpijiet inkwistjoni ma kinux ġew immanifatturati mir-rikorrenti, kuntrarjament għall-pajpijiet li kienu jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

58

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprojbixxi, minn naħa waħda, li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti, u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament bħal dan (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2005, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, C-422/02 P, Ġabra p. I-791, punt 33).

59

Għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, iċ-ċirkustanzi relatati mal-esklużjoni tal-pajpijiet li jaqgħu taħt in-NKP AB2, AC4, BD3, BD4, BE3, CC6, EA1, EA2, EB1, GE5, HD1, HE1 u ID4 huma differenti miċ-ċirkustanzi relatati mat-talba għall-esklużjoni tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001. Għandu jiġi kkonstatat b’mod partikolari li, filwaqt li l-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4 kienu mmanifatturati minn waħda mir-rikorrenti, jiġifieri NTRP, il-pajpijiet li jaqgħu taħt NKP oħra ma kienu jidhru imkien fil-listi ta’ bejgħ u ta’ spejjeż ta’ produzzjoni tar-rikorrenti.

60

Barra minn hekk, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 48 hawn fuq, il-lista ta’ fornituri u ta’ xiri ta’ SPIG Interpipe kienet korrettament issemmi fornitur wieħed biss għall-pajpijiet li jaqgħu taħt l-NKP KE4, jiġifieri waħda mir-rikorrenti, NTRP. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li kien partikolarment diffiċli biex wieħed jifhem il-provi fil-proċess li jikkonċernaw il-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001, ħaġa li ma kinitx il-każ tal-provi relatati mal-prodotti li l-Kummissjoni kienet aċċettat li teskludi mid-determinazzjoni tal-valur normali. Minn dan jirriżulta li, filwaqt li kien jeżisti dubju dwar l-affidabbiltà tal-informazzjoni relatata mal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001, ir-rikorrenti ma ppruvawx li tali dubju kien jeżisti wkoll fir-rigward tal-pajpijiet li jaqgħu taħt NKP oħra.

61

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, il-parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

— L-argumenti tal-partijiet

62

Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jallegaw ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, il-Kummissjoni bagħtitilhom provi ġodda fattwali kif ukoll raġunament ġuridiku ġdid, fis-27 ta’ Ġunju 2006, jiġifieri l-jum meta r-regolament ikkontestat ġie adottat. Barra minn hekk, il-Kunsill kiser l-Artikolu 253 KE li jimponi fuqu l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn ir-regolament ikkontestat ma kien jipprovdi l-ebda risposta xierqa għall-argumenti tar-rikorrenti dwar l-iffissar tal-valur normali.

63

Fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-Kunsill isostni li l-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet dwar l-iffissar tal-valur normali fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali, tal-24 ta’ April 2006, u li r-rikorrenti rrispondewhom f’komunikazzjoni tas-. Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Kunsill jiddikjara li din kienet kwistjoni preċiża ħafna li tikkonċerna kumpannija u li ma kellhiex, konsegwentement, tiġi ttrattata espliċitament fir-regolament ikkontestat. Fi kwalunkwe każ, skont il-Kunsill, din il-kwistjoni ġiet ittrattata fl-ittra tas- u matul is-seduti tal-24 u tat-.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

64

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżiġenzi li joħorġu mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu osservati mhux biss fil-kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jinvolvu sanzjonijiet, iżda wkoll fil-proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l-adozzjoni ta’ regolamenti antidumping, li jistgħu jaffettwaw l-impriżi kkonċernati b’mod dirett u individwali u jinvolvu konsegwenzi sfavorevoli għalihom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C-49/88, Ġabra p. I-3187, punt 15). B’mod partikolari, l-impriżi kkonċernati għandhom jitpoġġew f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi allegati u dwar il-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha (sentenza Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17). Dawn ir-rekwiżiti ġew ukoll speċifikati fl-Artikolu 20 tar-regolament bażiku, li l-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi li min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni “jistgħu jitolbu żvelar finali tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi”.

65

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtorità Komunitarja, li wettqet l-att ikkontestat, b’mod li jippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u lill-qorti Komunitarja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ottubru 1999, Acme Industry vs Il-Kunsill, T-48/96, Ġabra p. II-3089, punt 141). Min-naħa l-oħra, il-Kunsill mhux marbut iwieġeb, fil-motivazzjoni tar-regolament, għall-punti kollha ta’ fatt u tad-dritt invokati mill-partijiet ikkonċernati matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 94). Barra minn hekk, mhuwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-aspetti kollha fattwali jew ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni jekk ir-rekwiżiti tal-motivazzjoni ġewx sodisfatti għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest tal-att u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, Ferchimex vs Il-Kummissjoni, T-164/94, Ġabra p. II-2681, punt 118).

66

Huwa fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement li għandu jiġi stabbilit jekk il-Kunsill effettivament kisirx id-drittijiet tad-difiża u naqasx mill-obbligu ta’ motivazzjoni.

67

Fir-rigward, min-naħa, tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi rrilevat, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar in-natura essenzjali tal-kunsiderazzjonijiet relatati mal-esklużjoni tal-pajpijiet atomiċi li jaqgħu taħt l-NKP KE4 u l-istandard tekniku TU 14-3P-197-2001 mid-determinazzjoni tal-valur normali, li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-ebda fatt ġdid jew motivazzjoni ġdida ma ġiet ikkomunikata lilhom permezz tal-ittri li huma effettivament irċevew fis-27 ta’ Ġunju 2006, jiġifieri l-jum meta r-regolament ikkontestat ġie adottat. Ir-rikorrenti jsostnu, fil-fatt, li l-Kummissjoni ddikjarat, għall-ewwel darba f’dawn l-ittri, li l-pajpijiet atomiċi ma setgħux jiġu esklużi mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, għaliex l-informazzjoni li hija kellha ma kinitx toffri livell ta’ garanzija biżżejjed fin-nuqqas ta’ verifika oħra. Madankollu, fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali, tal-, il-Kummissjoni kienet diġà ddikjarat li, peress li l-uffiċjali tagħha ma setgħux jagħmlu verifika tal-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti, hija ma setgħetx tilqa’ t-talba tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti rrispondew għal dan il-kumment tal-Kummissjoni fil-faks tagħhom tas- u għalhekk eżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom fuq dan il-punt.

68

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-regolament ikkontestat ma jagħmel l-ebda riferiment għall-kwistjoni tal-prodotti li jaqgħu taħt l-NKP KE4, dan huwa għaliex din il-kwistjoni hija partikolari għar-rikorrenti. Għalhekk, peress li t-tieni dokument ta’ informazzjoni finali, tal-24 ta’ April 2006, kienu juri b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma jistgħux jakkużaw lill-Kunsill li naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

69

Minn dan jirriżulta li s-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti li jitnisslu mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn jikkonċerna l-iffissar tal-valur normali, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ risposti għall-kwestjonarju mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji

70

Fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motivi kif ukoll ta’ parti mis-sitt motiv, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq fatt identiku, jiġifieri li kull wieħed mill-ħames produtturi Komunitarji ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, li l-Kummissjoni inkludiet fil-kampjun li fuqu hija bbażat l-investigazzjoni tagħha, kienu assoċjati ma’ kumpanniji li ma rrispondewx il-kwestjonarju.

71

Skont ir-rikorrenti, dan il-fatt wassal għal:

ksur tal-Artikolu 3(2), (3), (5), (6) u (7) tar-regolament bażiku (it-tieni motiv);

ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (it-tieni motiv);

ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku (it-tieni motiv);

ksur tal-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku (it-tielet motiv);

ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni (is-sitt motiv).

Fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2), (3), (5), (6) u (7) tar-regolament bażiku

— L-argumenti tal-partijiet

72

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, sa fejn kull wieħed mill-ħames produtturi Komunitarji ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi magħżula fil-kampjun huma assoċjati ma’ kumpannija waħda jew iktar li jieħdu ħsieb il-produzzjoni jew il-bejgħ li ma ppreżentawx risposta separata għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, dawn il-ħames produtturi ma jistgħux jitqiesu bħala li kkooperaw kompletament. Skont ir-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat huwa bbażat fuq allegata kooperazzjoni totali tal-industrija Komunitarja. Minn dan ir-rikorrenti jikkonkludu li l-evalwazzjoni tal-ħsara tikser l-Artikolu 3(2), (3), (5), (6) u (7) tar-regolament bażiku.

73

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jirrilevaw li huwa impossibbli li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku iċċitati iktar ’il fuq, jekk l-entitatjiet kollha assoċjati mal-produtturi Komunitarji u involuti fil-produzzjoni u fil-bejgħ tal-prodott inkwistjoni ma jintalbux jikkooperaw b’mod sħiħ u komplet fl-investigazzjoni.

74

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti josservaw li l-ksur tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ma jistax ikun iġġustifikat, kif il-Kummissjoni tidher li qed tagħmel fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2006, bil-fatt li l-kooperazzjoni parzjali ta’ grupp, li għalih jappartjeni produttur Komunitarju, m’għandux impatt sinjifikattiv fuq l-iffissar tal-ħsara subita minn dan il-produttur jew mill-industrija Komunitarja kollha kemm hi. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni b’hekk qed tistrieħ fuq il-“prinċipju tal-iżball li ma jagħmilx ħsara”.

75

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tallegax li l-prinċipju tal-iżball li ma jagħmilx ħsara japplika għall-produtturi-esportaturi inkwantu huma wkoll ikunu awtorizzati jikkooperaw biss parzjalment fl-investigazzjoni.

76

It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, in-nuqqas ta’ informazzjoni kompleta fuq il-produzzjoni tal-produtturi kollha assoċjati u fuq il-bejgħ lill-ewwel klijenti mhux assoċjati magħhom mhuwiex żball li ma jagħmilx ħsara. Minn naħa, il-prezzijiet ta’ bejgħ bejn membri tal-istess grupp mhumiex affidabbli u, min-naħa l-oħra, li tingħata eżenzjoni lin-negozjanti assoċjati kollha mill-obbligu li jirrispondu għall-kwestjonarju jagħti lill-produtturi Komunitarji l-libertà kollha li tippermettilhom jagħżlu l-informazzjoni li huma jridu jibagħtu, b’tali mod li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-ħsara.

77

It-tielet nett, ir-rikorrenti jargumentaw li l-approċċ tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impatt sinjifikattiv tal-kooperazzjoni parzjali ta’ grupp ta’ kumpanniji huwa sempliċistiku wisq u għalhekk inkorrett. Fil-fatt, sempliċi kooperazzjoni parzjali ta’ ċerti entitajiet tal-grupp tagħti stampa parzjali u sfigurata tal-grupp inkwistjoni jew tal-industrija Komunitarja fit-totalità tagħha.

78

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-adozzjoni tal-prinċipju tal-iżball li ma jagħmilx ħsara bħala linja ta’ difiża ma tiskużax id-diversi vjolazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-regolament bażiku.

79

Il-ħames nett, ir-rikorrenti josservaw li, jekk il-Kummissjoni ma rċevietx informazzjoni kompleta u ma setgħetx tivverifika din l-informazzjoni, hija ma tistax tafferma b’ċertezza li l-ammont tal-volum u tal-valur tal-produzzjoni u l-bejgħ li ma ġiex ikkomunikat lilha kien żgħir biżżejjed li ma kellux effett fuq l-evalwazzjoni tal-ħsara.

80

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kawża preżenti, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni kompleta u sħiħa tal-produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun kellu impatt sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tal-ħsara subita minn dawn il-produtturi u mill-industrija Komunitarja kollha kemm hi. Partikolarment, il-Kummissjoni bbażat il-kalkoli tagħha tal-marġni ta’ ħsara kważi esklużivament fuq il-prezz ta’ bejgħ mitlub mill-produtturi Komunitarji. Dan il-metodu wassal għal esaġerazzjoni sinjifikattiva tal-marġni ta’ ħsara.

81

Bħala risposta għall-argumenti tar-rikorrenti, il-Kunsill isostni li l-istituzzjonijiet ikkunsidraw, korrettament, bħala li kkooperaw, lill-produtturi Komunitarji kollha li kienu jagħmlu parti mill-kampjun.

82

Fil-fatt, il-Kunsill isostni li l-kunċett ta’ kooperazzjoni m’għandux jinftiehem letteralment bħala li jimplika li għandhom jingħataw risposti kompleti u eżatti għall-mistoqsijiet kollha magħmula mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni dejjem tevalwa jekk u sa fejn il-fatt li ma ngħatatx ċerta informazzjoni kkomprometta l-investigazzjoni. Dan japplika kemm għall-esportaturi kif ukoll għall-produtturi Komunitarji, minkejja li l-Kummissjoni tista’ tapplika kriterji differenti għall-esportaturi u għall-produtturi Komunitarji, peress li dawn iż-żewġ gruppi ta’ kumpanniji jagħtu informazzjoni għal għanijiet differenti. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrileva, barra minn hekk, li huwa qatt ma kellu l-ħsieb li juża l-eżistenza ta’ żball li ma jagħmilx ħsara sabiex jiġġustifika l-ksur allegat.

83

Skont il-Kunsill, f’dan il-każ il-Kummissjoni kienet korretta, fid-dawl tal-fatti li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, li ma teskludi l-ebda kumpannija li kienet tagħmel parti mill-kampjun mill-industrija Komunitarja.

84

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara kien ġie mgħawweġ minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kunsill ifakkar li l-Kummissjoni għandha bżonn il-prezzijiet tal-bejgħ lill-ewwel xerrej mhux assoċjat sabiex tistabbilixxi l-prezzijiet ta’ bejgħ medji tal-produtturi Komunitarji kollha u l-medja differenzjata tal-marġni ta’ twaqqigħ ta’ prezz. F’din il-kawża, il-medja differenzjata tal-marġni ta’ twaqqigħ ta’ prezz kienet ta’ 32%. Skont il-Kunsill, bl-inklużjoni tal-informazzjoni nieqsa dwar il-bejgħ minn ċerti kumpanniji assoċjati, dan il-marġni kien forsi jkun ta’ 30%, ta’ 32% jew ta’ 35%, li ma kien bl-ebda mod ibiddel il-konklużjoni li kien hemm twaqqigħ ta’ prezz sinjifikattiv u li l-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping ikkawżaw ħsara lill-industrija Komunitarja. Il-Kunsill isostni wkoll li r-riferiment li sar mir-rikorrenti għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara huwa irrilevanti f’dan il-kuntest. Il-marġni ta’ ħsara huwa rilevanti biss sabiex tiġi applikata r-regola ta’ dazju inqas, skont liema d-dazju stabbilit għandu jkun ugwali għall-marġni ta’ dumping jew għall-marġni ta’ ħsara, jekk dan ikun inqas għoli. F’din il-kawża, l-inklużjoni tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat magħmul minn Vallourec & Mannesmann Oil & Gas Ltd (iktar ’il quddiem “VMOG Renju Unit”) u minn Productos Tubolares, li flimkien kienu jirrapreżentaw inqas minn 8% tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat magħmul mill-industrija Komunitarja, qatt ma setgħet tirriżulta fi tnaqqis tal-marġni ta’ ħsara, stmat għal 57%, għal livell inqas minn dak tal-marġni ta’ dumping, stmat għal 25.7%.

85

Il-Kunsill isostni, imbagħad, li r-rikorrenti jassumu li l-produtturi Komunitarji li bdew l-ilment u li kienu parti mill-kampjun ma kkooperawx. Peress li n-nuqqas ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ ċerti kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji ma kellux impatt sinjifikattiv fuq l-analiżi tal-ħsara u fuq ir-rabta ta’ kawżalità, din l-assunzjoni hija żbaljata u l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 3 3(2), (3), (5), (6) u (7) tar-regolament bażiku għandha tiġi miċħuda.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

86

Kif diġà ġie rrilevat fil-punti 38 u 39 hawn fuq, peress li fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjoni wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li għandhom jeżaminaw, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti li abbażi tagħhom saret l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

87

Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li filwaqt li fil-kuntest tar-regolament bażiku, hija l-Kummissjoni, bħala awtorità investigatriċi, li għandha tistabbilixxi jekk il-prodott ikkonċernat bil-proċedura antidumping huwiex is-suġġett ta’ dumping u li jikkawża ħsara jekk jitħalla għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità, u mhijiex għaldaqstant din l-istituzzjoni, f’dan il-kuntest, li għandha tittrasferixxi fuq parti l-oneru tal-prova li għandha f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1997, EFMA vs Il-Kunsill, T-121/95, Ġabra p. II-2391, punt 74, u Acme vs Il-Kunsill, punt 41 iktar ’il fuq, punt 40), xorta jibqa’ l-fatt li r-regolament bażiku ma jagħti lill-Kummissjoni l-ebda setgħa ta’ investigazzjoni li tippermettilha ġġiegħel xi kumpanniji jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew li jagħtu xi informazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddependu mill-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet biex jipprovdulhom l-informazzjoni neċessarja fit-termini stipulati. Ir-risposti ta’ dawn il-partijiet għall-kwestjonarju previst fl-Artikolu 6(2) tar-regolament bażiku huma għalhekk essenzjali għall-iżvolġiment tal-proċedura antidumping (sentenza Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, punt 38 iktar ’il fuq, punt 65).

88

Madankollu, mill-Artikolu 18 tar-regolament bażiku, intitolat “Nuqqas ta’ koperazzjoni”, u b’mod partikolari, mill-paragrafu 3 tiegħu, jirriżulta li “[f]ejn l-informazzjoni sottomessa minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madankollu tiġi injorata, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġonevoli [diffikultà eċċessiva sabiex jintlaħqu konklużjonijiet raġjonevolment preċiżi] u li l-informazzjoni tiġi sottomessa kif xieraq f’qasir żmien [fi żmien xieraq] u li din [tkun] tista’ tiġi vverifikata, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’”.

89

Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi eżaminat, jekk, kif qed jippretendu r-rikorrenti, il-fatt li l-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun ma ppreżentawx risposta għall-kwestjonarju jimplika, min-naħa tal-produtturi, nuqqas ta’ kooperazzjoni li żnaturat l-analiżi tal-ħsara, bi ksur tal-Artikolu 3(2), (3), (5), (6) u (7) tar-regolament bażiku.

90

Minkejja li l-partijiet fi proċedura antidumping, bħala regola, jintalbu, skont l-Artikolu 6(2) tar-regolament bażiku, jippreżentaw risposta għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, mill-kliem tal-Artikolu 18(3) tal-istess regolament jirriżulta li l-informazzjoni ppreżentata taħt forma oħra jew fil-kuntest ta’ dokument ieħor m’għandhiex tiġi injorata sakemm l-erba’ kundizzjonijiet elenkati f’dan l-Artikolu ikunu sodisfatti.

91

Għalhekk, meta parti tkun naqset milli tippreżenta risposta għall-kwestjonarju, iżda tkun issottomettiet informazzjoni fil-kuntest ta’ dokument ieħor, ma tistax tiġi akkużata b’nuqqas ta’ kooperazzjoni, jekk l-ewwel nett, l-eventwali nuqqasijiet ma jikkawżawx diffikultà eċċessiva sabiex jintlaħqu konklużjonijiet raġonevolment preċiżi, it-tieni nett, l-informazzjoni tiġi sottomessa fil-ħin, it-tielet nett, tista’ tiġi vverifikata u, ir-raba’ nett, il-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

92

Jirriżulta li, bil-kontra tal-allegazzjoni tar-rikorrenti, in-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, minn kumpannija assoċjata mal-produttur Komunitarju, mhux neċessarjament timplika li dan il-produttur għandu jitqies li ma kkooperax. Għalhekk, l-imsemmi produttur ma jitqiesx li ma kkooperax jekk in-nuqqasijiet fil-produzzjoni tal-informazzjoni ma jkollhomx impatt sinjifikattiv fuq il-mod kif tiżvolġi l-investigazzjoni.

93

F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni fformulat u bagħtet lil kull produttur Komunitarju kwestjonarju speċifiku għall-kumpanniji assoċjati li jieħdu ħsieb il-produzzjoni u l-bejgħ. Dawn il-produtturi għalhekk kienu obbligati jippreżentaw risposta għal dan il-kwestjonarju għal kull waħda minn dawn il-kumpanniji assoċjati. Minkejja dan, mill-provi mressqa mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-ebda risposta għal dan il-kwestjonarju ma ġiet ippreżentata għall-kumpanniji assoċjati li ġejjin:

Vallourec Mannesmann Oil & Gas Germany GmbH (iktar ’il quddiem “VMOG Ġermanja”), kumpannija li tieħu ħsieb il-produzzjoni u l-bejgħ assoċjata ma’ V & M Ġermanja;

Productos Tubulares, SA, kumpannija li tieħu ħsieb il-produzzjoni u l-bejgħ assoċjata ma’ Tubos Reunidos;

Acecsa-Aceros Calibrados, SA (iktar ’il quddiem “Acecsa ”), kumpannija li tieħu ħsieb il-produzzjoni u l-bejgħ assoċjata ma’ Tubos Reunidos;

Almesa Almacenes Metalurgicos (iktar ’il quddiem “Almesa”, kumpannija b’kummerċ internazzjonali (trading company) assoċjata ma’ Tubos Reunidos;

Dalmine Benelux BV, Dalmine France SARL, Dalmine Deutschland GmbH, Tenaris Global Services (UK), Eurotube Ltd, Quality Tubes Ltd, kumpanniji ta’ kummerċ jew li jieħdu ħsieb il-bejgħ mill-ġdid-distribuzzjoni assoċjati ma’ Dalmine;

Tenaris West Africa Ltd, kumpannija assoċjata ma’ Dalmine li inizjalment kienet tieħu ħsieb l-ipproċessar ta’ tubi, u sussegwentement xi xogħol amministrattiv.

94

Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li kumpannija li tieħu ħsieb il-produzzjoni u l-bejgħ, VMOG Renju Unit, assoċjata ma’ V & M Ġermanja u ma’ V & M Franza, ippreżentat ir-risposta tagħha għall-kwestjonarju wara l-iskadenza tat-terminu. Il-Kummissjoni għalhekk ma ħadithiex inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-ħsara.

95

Għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk, għal dawn il-kumpanniji, l-erba’ kundizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku ġewx sodisfatti, b’tali mod li l-Kunsill ma jkunx jista’ jiġi akkużat li kkommetta żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju, mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji, ma xekkilx l-iffissar tal-ħsara u lanqas id-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara.

96

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-iffissar tal-ħsara, għandha ssir analiżi, għal kull kumpannija assoċjata, tal-informazzjoni li kellhom il-Kunsill u l-Kummissjoni, sabiex jiġi vverifikat jekk in-nuqqasijiet min-naħa ta’ dawn il-kumpanniji, minħabba li ma ppreżentawx risposti għall-kwestjonarju, għamlux dan l-iffissar eċċessivament diffiċli. Fir-rigward tal-kumpanniji assoċjati li jieħdu ħsieb il-produzzjoni u l-bejgħ, għandha tingħata attenzjoni partikolari għan-nuqqasijiet ta’ informazzjoni relatata mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-kumpanniji assoċjati u l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-iffissar tal-ħsara. Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni li kellhom il-Kunsill u l-Kummissjoni kinitx tissodisfa l-aħħar tliet kundizzjonijiet rikjesti mill-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku.

97

F’dak li jirrigwarda VMOG Ġermanja, mir-risposti għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-provi li ġejjin sabiex jevalwa l-impatt tan-nuqqas ta’ preżentata ta’ risposta għall-kwestjonarju minn din il-kumpannija: il-lista ta’ tranżazzjoni wara l-oħra tal-bejgħ ta’ V & M Ġermanja, it-tabella li turi l-volum tal-produzzjoni ta’ V & M Ġermanja u t-tabella li turi l-volum u l-valur tal-bejgħ ta’ V & M Ġermanja. Dawn id-dokumenti ġew iddepożitati minn V & M Ġermanja fil-ħin u ġew ivverifikati mill-Kummissjoni.

98

Peress li, kif huwa kkorroborat mid-dokumenti prodotti mill-Kunsill, iċ-ċifri tal-bejgħ u tal-produzzjoni ta’ VMOG Ġermanja kienu inklużi fir-risposta għall-kwestjonarju ta’ V & M Ġermanja, ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-iffissar tal-ħsara. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kkommettiex żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma talabx lil VMOG Ġermanja tippreżenta risposta għall-kwestjonarju u billi ddeċieda li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju min-naħa ta’ VMOG Ġermanja ma żnaturatx l-iffissar tal-ħsara.

99

F’dak li jirrigwarda Productos Tubulares, mir-risposti għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-provi li ġejjin sabiex jevalwa l-impatt tan-nuqqas ta’ preżentata ta’ risposta għall-kwestjonarju minn din il-kumpannija: il-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ qabel it-teħid tal-kampjun ta’ Productos Tubulares u anness kunfidenzjali mal-ilment li jinkludi l-istima tal-kapaċità ta’ produzzjoni u tal-produzzjoni tal-produtturi Komunitarji li ma kinux jappoġġjaw l-ilment. L-informazzjoni ġiet ippreżentata minn Productos Tubulares fil-ħin.

100

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li Productos Tubulares, kuntrarjament għal Tubos Reunidos, ma kinitx tappoġġja l-ilment. Konsegwentement, l-informazzjoni li tikkonċernaha ma kellhiex, bħala regola, tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tas-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja, li tinsab fil-premessi 155 sa 176 tar-regolament ikkontestat, analiżi li kienet essenzjali sabiex tiġi ffissata l-ħsara, sakemm dan in-nuqqas ma kienx żnatura din l-analiżi. F’din l-aħħar ipoteżi, kien jaqbel jew li din l-informazzjoni tiġi kkunsidrata jew li tiġi eskluża l-informazzjoni relatata ma’ Tubos Reunidos. F’dan il-każ, mill-qari tad-dokumenti prodotti mill-Kunsill, jidher li l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ Productos Tubulares kienu jirrappreżentaw inqas minn 3% tat-total tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Dan jimplika li, jekk in-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju min-naħa ta’ Productos Tubulares kellu impatt fuq l-iffissar tal-ħsara u fuq ir-rabta ta’ kawżalità, dan l-impatt ma setax kien sinjifikattiv. Barra minn hekk, minkejja li l-Kunsill ma kellu l-ebda informazzjoni dwar il-perijodu qabel il-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri dak li jkopri s-snin 2001 sa 2003, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar dan il-perijodu ma jaffettwax l-iffissar tal-ħsara, billi l-informazzjoni nieqsa setgħet, l-iktar, twassal lill-Kunsill sabiex jevalwa inqas il-ħsara u mhux li jevalwaha iktar. Barra minn hekk, il-Kunsill kien ivverifika, ma’ Tubos Reunidos, li ma kien sar l-ebda bejgħ bejn din l-aħħar kumpannija u Productos Tubulares.

101

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma kkommettiex żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma talabx lil Productos Tubulares tippreżenta risposta għall-kwestjonarju u billi ddeċieda li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju min-naħa ta’ din il-kumpannija ma żnaturax l-iffissar tal-ħsara.

102

Fir-rigward ta’ Acecsa, mill-atti ppreżentati mill-Kunsill jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, din il-kumpannija ikkuntentat ruħha li tixtri volum żgħir tal-prodott ikkonċernat mingħand Tubos Reunidos, volum intiż sabiex jiġi pproċessat fi prodott ieħor differenti mill-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, mill-proċess, b’mod partikolari mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ Tubos Reunidos, jirriżulta li dan il-volum ma kienx jirrapreżenta, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, iktar minn 4% tal-bejgħ ta’ Tubos Reunidos u mhux iktar minn 1% tat-total tal-bejgħ tal-produtturi Komunitarji li appoġġjaw l-ilment. Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, in-nuqqas ta’ preżentata ta’ risposta għall-kwestjonarju minn Acecsa ma setax żnatura b’mod sinjifikattiv, l-informazzjoni użata għall-iffissar tal-ħsara. Iktar minn hekk, bħal fil-każ ta’ Productos Tubulares, minkejja li l-Kunsill ma kellu l-ebda informazzjoni dwar il-perijodu qabel il-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri dak li jkopri s-snin 2001 sa 2003, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar dan il-perijodu ma taffettwax l-iffissar tal-ħsara, billi l-informazzjoni nieqsa setgħet, l-iktar, twassal lill-Kunsill sabiex jevalwa inqas il-ħsara u mhux li jevalwaha iktar. Barra minn hekk, ir-risposta għall-kwestjonarju ta’ Tubos Reunidos ġiet ippreżentata fil-ħin u kienet is-suġġett ta’ verifika mid-dipartimenti tal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kkommettiex żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma talabx lil Acecsa tippreżenta risposta għall-kwestjonarju fid-debita forma.

103

Fir-rigward ta’ Almesa, mill-atti ppreżentati mill-Kunsill jirriżulta li din il-kumpannija kienet waħda ta’ kummerċ. Il-volum ta’ bejgħ ta’ din il-kumpannija għalhekk ittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-ħsara, permezz tal-bejgħ ta’ Tubos Reunidos li sar lilha. Barra minn hekk, mill-proċess, b’mod partikolari mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ Tubos Reunidos, jirriżulta li, tal-inqas, il-prezzijiet fatturati minn Tubos Reunidos lil Almesa kienu ogħla mill-prezzijiet fatturati lil klijenti indipendenti. Dan ifisser li ċ-ċifra li ttieħdet inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-valur tal-bejgħ ma ġietx evalwata inqas u konsegwentement ma żnaturatx l-iffissar tal-ħsara. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kkommettiex żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma talabx lil Almesa tippreżenta informazzjoni supplimentari, taħt il-forma ta’ risposta għall-kwestjonarju fid-debita forma.

104

Fir-rigward ta’ Dalmine Benelux, Dalmine France, Dalmine Deutschland, Eurotube, Tenaris Global Services (UK) u Quality Tubes, mill-atti ppreżentati mill-Kunsill jirriżulta li Dalmine ma għamlet l-ebda bejgħ lil Dalmine Benelux, lil Dalmine Deutschland u lil Eurotube matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Fir-rigward ta’ Quality Tubes u ta’ Tenaris Global Services (UK), il-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ Dalmine kienet tinkludi l-lista, tranżazzjoni wara l-oħra, tal-bejgħ tagħhom, li jimplika li din l-informazzjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-ħsara. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ Dalmine France, il-bejgħ tagħha fil-Komunità kien neċessarjament marġinali, peress li t-total ta’ bejgħ ta’ Dalmine lil dawn is-sitt kumpanniji assoċjati jirrappreżenta inqas minn 4% tat-total tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat mill-industrija Komunitarja, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

105

Fi kwalunkwe każ, mill-proċess u, b’mod partikolari mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ Dalmine — verżjoni li ġiet ippreżentata fil-ħin u vverifikata mid-dipartimenti tal-Kummissjoni — jirriżulta li Dalmine Benelux, Dalmine France, Dalmine Deutschland, Eurotube, Tenaris Global Services (UK) u Quality Tubes huma attivi jew fil-kummerċ jew fil-bejgħ mill-ġdid u distribuzzjoni. Minn dan jirriżulta li l-volum ta’ bejgħ ta’ dawn il-kumpanniji ttieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-ħsara, permezz tal-bejgħ li sar lilhom minn Dalmine.

106

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kkommettiex żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma talabx lil Dalmine Benelux, Dalmine France, Dalmine Deutschland, Eurotube, Tenaris Global Services (UK) u Quality Tubes jippreżentaw informazzjoni supplimentari, taħt il-forma ta’ risposta għall-kwestjonarju fid-debita forma, u billi kkunsidra lil Dalmine bħala li kkooperat fl-investigazzjoni.

107

Fir-rigward ta’ Tenaris West Africa, mill-atti ppreżentati mill-Kunsill jirriżulta li din il-kumpannija ma interveniet la fil-produzzjoni u lanqas fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, mir-risposti għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq messaġġ elettroniku ta’ Dalmine lill-Kummissjoni, tal-24 ta’ Mejju 2006, sabiex jevalwa l-impatt tan-nuqqas ta’ preżentata ta’ risposta għall-kwestjonarju minn din il-kumpannija. Peress li dan il-messaġġ elettroniku ntbagħat fil-ħin, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kkommettiex żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma talabx lil din il-kumpannija tippreżenta informazzjoni supplimentari, taħt il-forma ta’ risposta għall-kwestjonarju fid-debita forma, u billi kkunsidra lil Dalmine bħala li kkooperat fl-investigazzjoni.

108

Finalment, fir-rigward ta’ VMOG Renju Unit, għandu jiġi rrilevat li, peress li din il-kumpannija ppreżentat ir-risposta tagħha għall-kwestjonarju wara l-iskadenza tat-terminu, l-informazzjoni tagħha ma setgħetx tintuża fil-kuntest tal-iffissar tal-ħsara. Fi kwalunkwe każ, mill-proċess jirriżulta li din il-kumpannija ma kinitx tappoġġja l-ilment. L-informazzjoni li tikkonċernaha għalhekk, bħala regola, ma kellhiex tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-analiżi tas-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja sabiex tiġi ffissata l-ħsara, sakemm dan in-nuqqas ma kienx żnatura dan l-iffissar. F’din l-aħħar ipoteżi, kien jaqbel jew li din l-informazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni, jew li tiġi eskluża l-informazzjoni relatata ma’ V & M Ġermanja u ma’ V & M Franza. Sabiex jiġi evalwat jekk l-analiżi kinitx se tkun żnaturata, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq id-dokumenti li ġejjin: it-tabella li turi l-volum ta’ produzzjoni ta’ VMOG Renju Unit, it-tabella li turi l-volum u l-valur tal-bejgħ ta’ VMOG Renju Unit u l-lista, tranżazzjoni wara l-oħra, tal-bejgħ ta’ V & M Franza.

109

Hekk kif id-dokumenti prodotti jikkorroboraw, il-Kunsill seta’ jiffissa, abbażi tar-risposta ppreżentata tardivament, li l-bejgħ ta’ VMOG Renju Unit ma kienx jirrappreżenta, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, iktar minn 3% tal-volum totali tal-bejgħ tal-produtturi Komunitarji li minnhom oriġina l-ilment. Issa, il-fatt li dawn it-3% ma tteħdux inkunsiderazzjoni ma setax kellu influwenza deċiżiva fuq l-iffissar tal-ħsara. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni li fuqha bbaża ruħu l-Kunsill sabiex jiffissa s-sehem tal-bejgħ ta’ din il-kumpannija mill-bejgħ tal-industrija Komunitarja ġiet ippreżentata fil-ħin, skont l-Artikolu 18(3) tar-regolament bażiku.

110

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kkommettiex żball manifest ta’ evalwazzjoni billi mid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja, ma eskludiex lil V & M Ġermanja u lil V & M Franza, il-produtturi Komunitarja magħżula fil-kampjun assoċjati ma’ VMOG Renju Unit.

111

Fir-rigward, imbagħad, tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill, li skont l-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku, li jistabbilixxi r-regola ta’ dazju inqas, il-marġni ta’ ħsara jintuża sabiex tiġi ffissata r-rata tad-dazju antidumping biss meta l-marġni ta’ dumping ikun ogħla minnu. F’dan il-każ, ir-rata tad-dazju antidumping imposta fuq ir-rikorrenti kienet ibbażata fuq il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti, jiġifieri 25.7%, u mhux fuq il-marġni ta’ ħsara ta’ 57%. Li kieku l-marġni ta’ ħsara kien ibbażat fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ applikati mill-produtturi Komunitarji fir-rigward ta’ VMOG Renju Unit, ta’ Productos Tubulares u tal-kumpanniji assoċjati ma’ Dalmine, il-bejgħ lil dawn il-kumpannija kien jirrappreżenta, l-iktar, 10% tal-bejgħ totali tal-industrija Komunitarja. Għalhekk, kien ikun meħtieġ, kif jirrileva l-Kunsill, li l-prezzijiet tal-bejgħ applikati minn dawn il-kumpanniji assoċjati jkunu totalment sporporzjonati meta mqabbla ma’ dawk ta’ bejgħ ieħor meħud inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara sabiex dan tal-aħħar jitpoġġa f’livell inqas minn dak tal-marġni ta’ dumping.

112

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kkommetta l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li n-nuqqas ta’ preżentata ta’ risposta għall-kwestjonarju, mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji, la żnatura l-iffissar tal-ħsara u lanqas id-determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara, u ma kisirx l-Artikolu 3(2), (3), (5), (6) u (7) tar-regolament bażiku.

113

Minn dan jirriżulta li l-parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2), (3), (5), (6) u (7) tar-regolament bażiku, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

— L-argumenti tal-partijiet

114

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-investigazzjoni, kienet talbet li l-kumpanniji kollha assoċjati ma’ produtturi-esportaturi tal-prodott ikkonċernat jirrispondu l-kwestjonarju tagħha, hija m’għamlitx talba simili fil-konfront tal-kumpanniji li jieħdu ħsieb il-bejgħ assoċjati mal-produtturi Komunitarji.

115

Ir-rikorrenti jħossu li l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni ma tiġġustifikax it-trattament diskriminatorju. L-ewwel nett, għalkemm huwa minnu li marġni ta’ dumping huwa kkalkolat għal kull grupp ta’ produtturi-esportaturi assoċjati minkejja li l-ħsara subita mill-industrija Komunitarja hija ffissata fuq il-livell tas-settur kollu, mhuwiex veru li ż-żewġ operazzjonijiet jirrikjedu grad ta’ kooperazzjoni differenti mill-kumpanniji kkonċernati. Skont ir-rikorrenti, bl-istess mod kif il-marġni ta’ dumping jista’ jiġi żnaturat jekk grupp ta’ produtturi assoċjati jipprovdi risposta għan-nom ta’ wieħed biss minnhom li ma jipprattikax id-dumping filwaqt li ieħor jipprattikah, l-iffissar tal-ħsara jkun żnaturat, bl-istess mod, jekk produttur Komunitarju li jopera f’żewġ stabbilimenti ta’ produzzjoni differenti, li fosthom wieħed isofri ħsara u l-ieħor le, jippreżenta risposta abbażi tal-istabbiliment li jkun sofra ħsara.

116

It-tieni nett, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-proċedura ta’ determinazzjoni tal-marġni ta’ ħsara tirrikjedi li l-produtturi-esportaturi u l-produtturi Komunitarji joffru l-istess grad ta’ kooperazzjoni, b’tali mod li kull diskriminazzjoni bejniethom mhijiex ġustifikata.

117

It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li t-test tal-kwestjonarju nnifsu jimponi espliċitament lill-produtturi Komunitarji l-obbligu li jippreżentaw informazzjoni mhux biss għal kull kumpannija produttriċi assoċjata, iżda wkoll għal kull kumpannija assoċjata li tieħu ħsieb il-bejgħ. Fi kliem ieħor, huwa jimponi fuqhom l-istess rekwiżiti bħal dawk tal-produtturi-esportaturi.

118

Il-Kunsill jikkontesta l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Konsegwentement, huwa jsostni li r-rikorrenti fl-ebda mument ma jippruvaw juru li l-fatt li esportatur ma jirrispondix kwestjonarju għal kumpanniji assoċjati u l-fatt li produttur Komunitarju ma jirrispondihx huma sitwazzjonijiet simili. Skont il-Kunsill, l-allegata differenza ta’ trattament hija ġġustifikata mill-użu differenti li għalih l-informazzjoni mitluba hija intiża, jiġifieri l-iffissar tal-ħsara, fir-rigward tal-informazzjoni ppreżentata mill-produtturi Komunitarji, u d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, fir-rigward tal-informazzjoni ppreżentata mill-produtturi-esportaturi. Ir-rikorrenti lanqas ma juru li l-Kummissjoni verament ittrattat b’mod differenti lill-esportaturi u lill-produtturi Komunitarji.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

119

Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 hawn fuq li għandu jiġi eżaminat l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Skont din il-ġurisprudenza, ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni ħlief jekk is-sitwazzjoni tal-produtturi Komunitarji u dik tal-produtturi-esportaturi huma, f’dan il-każ, simili u ħlief jekk tal-ewwel kienu suġġetti għal trattament differenti minn dak riservat għat-tieni grupp min-naħa tal-Kummissjoni.

120

Jeħtieġ jiġi rrilevat mal-ewwel, mingħajr ma ssir referenza għall-każ inkwistjoni, li s-sitwazzjoni tal-produtturi-esportaturi fir-rigward tal-obbligu li jirrispondu l-kwestjonarju tal-Kummissjoni u dik tal-produtturi Komunitarji fir-rigward tal-istess obbligu, m’humiex, bħala regola, simili. Għalhekk, kif il-Kunsill irrileva fl-atti ppreżentati minnu, ir-risposta għall-kwestjonarju li l-produtturi-esportaturi għandhom jippreżentaw għandha l-għan li jiġi ffissat il-marġni ta’ dumping, li huwa bbażat fuq informazzjoni speċifika għal kull kumpannija. Għall-kuntrarju, ir-risposta għall-kwestjonarju li l-produtturi Komunitarji għandhom jippreżentaw għandha bħala għan l-iffissar tal-ħsara, li huwa bbażat fuq analiżi tal-industrija Komunitarja kollha.

121

Madankollu, f’din il-kawża, ma jistax jiġi eskluż li ċ-ċirkustanzi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi dwar il-ħtieġa, għall-produtturi-esportaturi, li jippreżentaw risposta għall-kwestjonarju għall-kumpanniji assoċjati kollha tagħhom kienu simili għal dawk li wassluha tikkonkludi li ma kienx hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi Komunitarji msemmija fil-punti 93 u 94 hawn fuq fil-każ ta’ nuqqas ta’ preżentata ta’ tali risposta.

122

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ppruvaw juru li fit-teorija s-sitwazzjoni tal-produtturi-esportaturi u tal-produtturi Komunitarji kienet paragunabbli iżda bl-ebda mod ma ppruvaw li kienet hekk f’dan il-każ.

123

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ressqux l-iċken prova li l-produtturi-esportaturi u l-produtturi Komunitarji kienu effettivament ġew ittrattati b’mod differenti mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fl-atti ppreżentati minnhom, huma jiddikjaraw biss li l-Kummissjoni tammetti li ma tirrikjedix lill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji li jirrispondu l-kwestjonarju. Madankollu, huma ma jippruvawx li tali rekwiżit ġie impost fuq il-produtturi-esportaturi.

124

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti bl-ebda mod ma ressqu l-prova tan-natura allegatament diskriminatorja tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma titlobx lill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji li jippreżentaw risposta għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni.

125

Għaldaqstant, il-parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non-diskiminazzjoni, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq il-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku

— L-argumenti tal-partijiet

126

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti josservaw li, kieku, kif jallega l-Kunsill, il-fajl tal-investigazzjoni jinkludi informazzjoni li turi li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju min-naħa tal-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji ma kellux impatt sinjifikattiv fuq l-iffissar tal-ħsara subita mill-produtturi Komunitarji, il-Kunsill ma jistax, skont l-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, juża din l-informazzjoni b’mod korrett, għaliex il-fajl mhux kunfidenzjali tal-investigazzjoni ma fih l-ebda informazzjoni ta’ dan it-tip.

127

Il-Kunsill jiddikjara li l-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku ma jipprovdix li l-informazzjoni li tagħha l-ebda taqsira mhux kunfidenzjali ma ngħatat għandha dejjem tiġi injorata, iżda li l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, sakemm ma jistax jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li hija korretta. L-obbligu impost fuq il-partijiet f’investigazzjoni antidumping, skont l-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, li jagħtu taqsira mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni li huma jissottomettu lill-Kummissjoni, huwa intiż sabiex jipproteġi d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet l-oħra. Minn dan il-Kunsill jikkonkludi li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw, bħala raġuni għall-annullament ta’ miżura antidumping, l-użu mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni li tagħha ma ġiet ippreżentata l-ebda taqsira mhux kunfidenzjali, ħlief jekk jistgħu juru li l-użu ta’ din l-informazzjoni kkawżat ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża. Dan mhux il-każ f’din il-kawża.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

128

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku tqajjem l-ewwel darba fir-replika tagħhom. Il-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul il-kawża hija, bħala regola, ipprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, Ġabra p. II-669, punt 60).

129

F’dan il-każ, kien bħala risposta għall-informazzjoni kkomunikata, għall-ewwel darba, mill-Kunsill fil-punti 52, 53, 55, 59, 60 u 64 kif ukoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 31 tar-risposta, li r-rikorrenti qajmu dan l-ilment ġdid. Għalhekk l-ilment il-ġdid tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku huwa bbażat fuq elementi ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura. Minn dan jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

130

Dwar il-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-kliem tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku jagħti biss lill-Kummissjoni sempliċi possibbiltà li tinjora informazzjoni kunfidenzjali li tagħha l-ebda taqsira mhux kunfidenzjali mhija disponibbli.

131

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-għan tal-Artikolu 19 tar-regolament bażiku huwa li jipproteġi mhux biss is-sigriet kummerċjali, iżda wkoll id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet l-oħra fil-proċedura antidumping. Dan jimplika, hekk kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza, li, fil-kuntest ta’ proċedura antidumping, xi irregolaritajiet fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-taqsiriet mhux kunfidenzjali mhumiex ta’ natura tali li jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet proċedurali, b’mod li jiġġustifika l-annullament tar-regolament li jistabbilixxi d-dazji antidumping, ħlief jekk il-persuna kkonċernata ma kellhiex konoxxenza biżżejjed tal-essenzjal tal-kontenut tad-dokument jew dokumenti inkwistjoni u, minħabba f’hekk, ma setgħetx tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod validu fuq ir-realtà jew ir-rilevanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88, tal-11 ta’ Lulju 1988, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 209, p. 1), li l-kontenut leġiżlattiv tiegħu huwa, essenzjalment, identiku għal dak tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, T-2/95, Ġabra p. II-3939, punt 137). Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li l-użu mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni li tagħha l-ebda taqsira mhux kunfidenzjali ma ġiet ippreżentata ma jistax jiġi invokat, bħala motiv ta’ annullament ta’ miżura antidumping, mill-partijiet fi proċedura antidumping, ħlief jekk huma jistgħu juru li l-użu ta’ din l-informazzjoni kkostitwiet ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża.

132

Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni u l-Kunsill kisrux l-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jiddikjara, fil-kuntest tar-risposti tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li, sabiex jiġi vverifikat li n-nuqqas ta’ preżentata ta’ risposti għall-kwestjonarju, mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji, ma kellux impatt fuq l-evalwazzjoni tal-ħsara, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dokumenti li ġejjin:

għal VMOG Ġermanja: il-lista ta’ tranżazzjoni wara l-oħra tal-bejgħ ta’ V & M Ġermanja, it-tabella li turi l-volum tal-produzzjoni ta’ V & M Ġermanja u t-tabella li turi l-volum u l-valur tal-bejgħ ta’ V & M Ġermanja; fi kliem ieħor, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq elementi li jinsabu fir-risposta għall-kwestjonarju ta’ V & M Ġermanja, li tagħha verżjoni mhux kunfidenzjali kienet ġiet ippreżentata;

għal VMOG Renju Unit: it-tabella li turi l-volum ta’ produzzjoni ta’ VMOG Renju Unit, it-tabella li turi l-volum u l-valur tal-bejgħ ta’ VMOG Renju Unit u l-lista ta’ tranżazzjoni wara l-oħra tal-bejgħ ta’ V & M Franza; filwaqt li din l-aħħar lista kienet tinsab fil-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ V & M Franza, li tagħha kien hemm verżjoni mhux kunfidenzjali, l-ewwel żewġ tabelli kienu jinsabu fil-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ VMOG Renju Unit, li tagħha ma kinitx teżisti verżjoni mhux kunfidenzjali;

għal Productos Tubulares: il-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ qabel it-teħid tal-kampjun ta’ Productos Tubulares u anness kunfidenzjali mal-ilment li kien jinkludi l-istima tal-kapaċità ta’ produzzjoni u tal-produzzjoni tal-produtturi Komunitarji li ma kinux jappoġġjaw l-ilment; filwaqt li kienet teżisti verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dan l-aħħar dokument, ma kienx hemm waħda tal-ewwel dokument;

għal Acecsa: it-taqsima D.2 tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ Tubos Reunidos, kwestjonarju li tiegħu kienet teżisti verżjoni mhux kunfidenzjali;

għal Almesa: il-lista ta’ tranżazzjoni wara l-oħra tal-bejgħ ta’ Tubos Reunidos; din il-lista kienet tinsab fil-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ din il-kumpannija, li tagħha kien hemm ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali;

għal Dalmine Benelux, Dalmine Franza, Dalmine Ġermanja, Eurotube, Tenaris Global Services (UK) u Quality Tubes: elementi li jinsabu fil-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ Dalmine, li tagħha kien hemm verżjoni mhux kunfidenzjali;

għal Tenaris West Africa: messaġġ elettroniku ta’ Dalmine lill-Kummissjoni, tal-24 ta’ Mejju 2006, li tiegħu ma kienx hemm verżjoni mhux kunfidenzjali.

133

Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk il-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ VMOG Renju Unit, il-verżjoni kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ qabel it-teħid tal-kampjun ta’ Productos Tubulares u l-messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Mejju 2006, mingħajr ma kien hemm il-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti, ikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża.

134

Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq li għandha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ tali ksur. Skont din il-ġurisprudenza, il-partijiet interessati għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jressqu b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom fuq il-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u ta’ ħsara riżultanti minnha. Madankollu, fir-rigward ta’ ksur tad-dritt ta’ aċċess għal fajl tal-investigazzjoni, għandu jiġi rrilevat li tali ksur ma jistax iwassal għal annullament totali jew parzjali tar-regolament ikkontestat ħlief jekk l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni, kellu l-possibbiltà, anki jekk żgħira, li l-proċedura amministrattiva twassal għal riżultat differenti fl-ipoteżi li l-impriża kkonċernata setgħet tieħu vantaġġ minnha matul il-kors tal-imsemmija proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Jannar 2008, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, T-206/07, Ġabra p. II-1, punt 71).

135

F’dan il-każ, ir-rikorrenti jiddikjaraw li huma kellhom bżonn ta’ dawn id-dokumenti sabiex jippruvaw li n-nuqqas ta’ risposta għall-kwestjonarju minn VMOG Renju Unit, Tubos Reunidos u Tenaris West Africa żnatura l-analiżi tal-ħsara. Issa, ġie kkonstatat, fil-punti 101, 108 u 107 iktar ’il fuq rispettivament, li l-Kunsill ma kkommetta l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li n-nuqqas ta’ preżentata jew tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-risposti għall-kwestjonarju ta’ Productos Tubulares, VMOG Renju Unit u Tenaris West Africa ma kellux effett fuq l-iffissar tal-ħsara. Konsegwentement, l-iżvelar lir-rikorrenti tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ VMOG Renju Unit, tar-risposta għall-kwestjonarju ta’ qabel it-teħid tal-kampjun ta’ Productos Tubulares u tal-messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Mejju 2006 ma kellu l-ebda possibbiltà li jwassal il-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti.

136

Minn dan jirriżulta li l-parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq il-ksur tal-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku

— L-argumenti tal-partijiet

137

Insostenn tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li billi ma temmx il-proċedura minkejja li l-livell ta’ appoġġ għall-ilment kien inqas mill-minimu speċifikat fir-regolament ta’ 25% tal-produzzjoni Komunitarja, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja, il-Kunsill kiser l-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku.

138

Il-Kunsill ifakkar li dan il-motiv jistrieħ fuq l-allegazzjoni li l-produtturi Komunitarji li minnhom oriġina l-ilment u magħżula fil-kampjun ma kkooperawx. Skont il-Kunsill, peress li din l-allegazzjoni hija żbaljata, għar-raġunijiet imsemmija fil-kuntest tat-tieni motiv, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

139

Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku ma jimponi l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex ittemm proċedura antidumping pendenti meta l-livell ta’ appoġġ għall-ilment ikun inqas mill-minimu ta’ 25% tal-produzzjoni Komunitarja. Fil-fatt, dan l-artikolu jikkonċerna biss il-grad ta’ appoġġ meħtieġ għall-ilment sabiex il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tibda proċedura. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tal-Artikolu 9(1) tar-regolament bażiku, li “[f]ejn l-ilment jiġi rtirat, il-proċediment [proċedura] jista’ jiġi mitmum [tista’ tiġi mitmuma] sakemm terminazzjoni bħal din ma tkunx kontra l-interess Komunitarju”. Għalhekk, anki jekk l-ilment jiġi rtirat mill-industrija Komunitarja, il-Kummissjoni m’għandhiex obbligu li ttemm il-proċedura iżda għandha sempliċi possibbiltà li tagħmel dan.

140

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-livell ta’ appoġġ rikjest intlaħaq fil-ftuħ tal-proċedura antidumping iżda allegatament niżel għal inqas mill-minimu ta’ 25% matul il-proċedura, meta l-Kummissjoni talbet lill-produtturi Komunitarji jirrispondu l-kwestjonarju tagħha. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat bi ksur tal-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku.

141

Sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk l-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku kien impona, fuq il-Kummissjoni, obbligu li ttemm il-proċedura meta l-livell ta’ appoġġ għall-ilment kien inqas mill-minimu ta’ 25% matul il-proċedura, tali ksur ma jeżistix f’dan il-każ. Fil-fatt, fil-punt 112 iktar ’il fuq, ġie konkluż li l-Kunsill ma kkommettiex żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li n-nuqqas ta’ preżentata ta’ risposti għall-kwestjonarju, mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji, ma kellux impatt fuq l-analiżi tal-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja. Dan ifisser li l-produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun għandhom jitqiesu bħala li kkooperaw, li jfisser li ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda nuqqas fil-livell ta’ appoġġ għall-ilment.

142

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

— L-argumenti tal-partijiet

143

Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jallegaw li d-drittijiet tagħhom tad-difiża ġew miksura. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-fatt li l-Kunsill ikkunsidra li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni sħiħa u kompleta ta’ ċerti produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun ma kellux impatt sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tal-ħsara subita minn dawn il-produtturi u mill-industrija Komunitarja fit-totalità tagħha, ġie kkomunikat lilhom biss fil-jum meta r-regolament ikkontestat ġie adottat. Il-Kunsill naqas ukoll mill-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li r-regolament ikkontestat ma kienx jagħti risposta xierqa għall-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja.

144

Il-Kunsill ifakkar li r-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja f’żewġ ittri tat-3 ta’ April u tal-4 ta’ Mejju 2006 u rċevew risposta tal-Kummissjoni fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali. Għal dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-regolament ikkontestat jiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-industrija Komunitarja li minnha oriġina l-ilment u l-għażla tal-kampjun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrispondiet għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali, fir-risposta għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali u fl-ittra tagħha tas-.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

145

Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq li għandu jiġi evalwat is-sitt motiv, dedott mir-rikorrenti mill-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-ħsara,.

146

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li, kif imsemmi fil-punt 64 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jagħti lill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari lill-esportaturi, bis-saħħa tal-Artikolu 20(2) tar-regolament bażiku, dritt li jkunu mgħarrfa bil-fatti prinċipali u bil-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom ikun qed jiġi maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping definittivi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Novembru 1998, Champion Stationery et vs Il-Kunsill, T-147/97, Ġabra p. II-4137, punt 55), il-Kummissjoni mhijiex obbligata tinforma lill-partijiet ikkonċernati bl-elementi kollha differenti ta’ fatt jew ta’ dritt rilevanti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ferchimex vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 118).

147

F’dan il-każ, ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li l-fatt li l-Kunsill informahom tardivament bir-raġunijiet partikolari għalfejn huwa kkunsidra li l-produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun bħala li kkooperaw b’mod korrett fl-investigazzjoni huwa ksur tad-drittijiet tad-difiża.

148

Għandu jiġi osservat li, minkejja li mistoqsijiet dwar id-definizzjoni tal-industrija Komunitarja u l-validità tal-kampjun tal-produtturi Komunitarji magħżul mill-Kummissjoni huma essenzjali għall-iffissar tal-ħsara, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-dettalji tal-evalwazzjoni tal-imsemmija ħsara. B’mod partikolari, il-fatt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li mhuwiex meħtieġ li ċerti kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji jippreżentaw risposta għall-kwestjonarju tagħha, inkwantu r-risposti li dawn il-kumpanniji setgħu jippreżentaw ma kellhomx impatt fuq l-analiżi tal-ħsara, ma kienx kunsiderazzjoni essenzjali għall-iffissar tal-ħsara li l-Kummissjoni kienet obbligata ssemmi fid-dokument ta’ informazzjoni finali.

149

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali, tas-27 ta’ Frar 2006, kien fih, fil-punt 1.4.2 tiegħu, motivazzjoni globali tal-għażla tal-kampjun tal-produtturi Komunitarji kif ukoll, fil-punt 4.1 tiegħu, deskrizzjoni ġenerali tal-produtturi Komunitarji li appoġġjaw l-ilment u li kienu kkunsidrati bħala li jifformaw l-industrija Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku, għall-ħtiġijiet tal-investigazzjoni u, b’mod partikolari, tal-iffissar tal-ħsara. Il-punt 1.4.2 kien jirreferi għal produttur Komunitarju, inizjalment magħżul sabiex jagħmel parti mill-kampjun, li naqas li jikkoopera u li għalhekk ġie sostitwit minn produttur ieħor Komunitarju.

150

Wara dan l-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2006, ir-rikorrenti talbu spjegazzjonijiet iktar dettaljati dwar il-kompożizzjoni tal-kampjun, b’mod iktar partikolari, dwar l-identità tal-produttur Komunitarju li rrifjuta li jikkoopera, dwar id-data tal-preżentata tar-risposti għall-kwestjonarju ta’ VMOG Renju Unit u ta’ Rohrwerk Maxhütte, dwar il-kooperazzjoni ta’ VMOG Renju Unit, kif ukoll dwar l-appoġġ ta’ Productos Tubulares għall-ilment.

151

Il-Kummissjoni rrispondiet għal kull waħda minn dawn it-talbiet ta’ spjegazzjoni fil-punti 3 u 6 tal-anness C tat-tieni dokument ta’ informazzjoni finali, tal-24 ta’ April 2006. Ir-rikorrenti, imbagħad, għamlu osservazzjonijiet oħrajn fuq dawn il-punti differenti, fl-ittra tagħhom tal-. Il-Kummissjoni rrispondiethom f’ittra tas-, li waslet għand ir-rikorrenti fis-, kif juru d-dokumenti prodotti mir-rikorrenti.

152

Minkejja li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, bħala risposta għall-ittra tal-4 ta’ Mejju 2006, waslu għand ir-rikorrenti biss fis-, jiġifieri l-jum meta r-regolament ikkontestat ġie adottat, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti mhux biss tqiegħdu f’pożizzjoni li juru b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-industrija Komunitarja u l-validità tal-kampjun, iżda effettivament esprimew il-pożizzjoni tagħhom fuq dawn il-kwistjonijiet. Fil-fatt, l-ittra tas- kienet sussegwenti għal skambju ta’ osservazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, skambju li ġie deskritt fil-punti 149 sa 151 iktar ’il fuq.

153

Għaldaqstant, il-parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn tirrigwarda l-kwistjoni tal-kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja, għandha tiġi miċħuda.

154

Fir-rigward, imbagħad, tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, il-Kunsill mhuwiex obbligat jirrispondi, fil-motivazzjoni tar-regolament, għall-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt invokati mill-persuni kkonċernati matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, dejjem skont l-istess ġurisprudenza, skont il-kuntest, mhuwiex mitlub li l-motivazzjoni ssemmi l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt kollha rilevanti.

155

Kif ġie rrilevat fil-punt 148 iktar ’il fuq, il-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li huwa meħtieġ li ċerti kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji jippreżentaw risposta għall-kwestjonarju tagħha, inkwantu r-risposti li dawn il-kumpanniji setgħu jippreżentaw ma kellhomx impatt fuq l-analiżi tal-ħsara, ma kienx kunsiderazzjoni essenzjali għall-iffissar tal-ħsara li l-Kummissjoni kienet obbligata tispeċifika fir-regolament ikkontestat. Il-kunsiderazzjonijiet essenzjali għall-iffissar tal-ħsara li l-Kunsill kien obbligat isemmi fir-regolament ikkontestat huma dawk dwar id-definizzjoni tal-industrija Komunitarja kif ukoll dwar il-validità tal-kampjun tal-produtturi Komunitarji.

156

Peress li r-regolament ikkontestat fih, fil-premessa 12 tiegħu, motivazzjoni globali tal-għażla tal-kampjun tal-produtturi Komunitarji kif ukoll, fil-premessa 14 tiegħu, deskrizzjoni ġenerali tal-kwestjonarji mibgħuta, aċċettati u vverifikati, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

157

Iktar minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ittra tas-16 ta’ Ġunju 2006, li waslet għand ir-rikorrenti fis-, kien fiha l-elementi essenzjali tar-raġunament tal-Kummissjoni li wassluha sabiex tiddeċiedi li ma kienx meħtieġ li ċerti kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji jippreżentaw risposta għall-kwestjonarju tagħha, inkwantu r-risposti li dawn il-kumpanniji setgħu jippreżentaw ma kellhomx impatt fuq l-analiżi tal-ħsara.

158

Minn dan jirriżulta li l-parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn tikkonċerna l-kwistjoni tal-kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-aġġustament li sar fuq il-prezz ta’ bejgħ ta’ Sepco

159

Fil-kuntest tar-raba’ motiv kif ukoll ta’ parti mis-sitt motiv, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq fatt identiku, jiġifieri l-fatt li l-Kunsill naqqas ammont korrispondenti għal kommissjoni mill-prezz tal-bejgħ fatturat minn Sepco lill-importaturi mhux assoċjati fil-Komunità, mingħajr ma wera li l-inkarigi ta’ Sepco kienu simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni.

160

Skont ir-rikorrenti, dan il-fatt wassal, min-naħa tal-Kunsill, għal:

żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku (ir-raba’ motiv);

żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku (ir-raba’ motiv);

ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni (is-sitt motiv).

Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku

— L-argumenti tal-partijiet

161

Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li bit-tnaqqis ta’ ammont korrispondenti għal kommissjoni mill-prezz tal-bejgħ fatturat minn Sepco lill-importaturi mhux assoċjati fil-Komunità, mingħajr ma wera li l-inkarigi ta’ Sepco kienu simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni, il-Kunsill ikkommetta żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. B’mod iktar partikolari, il-Kunsill ma ssodisfax l-oneru tal-prova impost fuqu la fir-regolament ikkontestat u lanqas fil-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006.

162

Fir-rigward tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill sempliċement iddikjara fih, fil-premessa 132 tiegħu, li l-prezz tal-esportazzjoni kien is-suġġett ta’ aġġustament minħabba l-kommissjonijiet bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku peress li l-bejgħ kien sar permezz ta’ negozjanti assoċjati, għaliex dawn kienu jeżerċitaw inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni.

163

F’dak li jirrigwarda l-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti jfakkru li, f’din il-faks, il-Kummissjoni kkunsidrat l-elementi segwenti:

ir-rikorrenti għamlu bejgħ dirett tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità;

il-kumpannija li tieħu ħsieb il-bejgħ assoċjata mar-rikorrenti fl-Ukrajina, jiġifieri SPIG Interpipe, intervjeniet bħala aġent ta’ bejgħ għall-bejgħ li sar minn Sepco;

ir-rabtiet ta’ Sepco mar-rikorrenti ma kinux biżżejjed u ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li hija taħt il-kontroll tagħhom jew ta’ SPIG Interpipe, kif kien ikun il-każ, fil-fatt u fid-dritt, kieku Sepco kien dipartiment ta’ esportazzjoni integrat.

164

Ir-rikorrenti jikkunsidraw li dawn il-fatti mhumiex rilevanti.

165

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma kkunsidratx, f’din il-faks, ħlief fatti indiretti li ma għandhom ebda rabta mal-inkarigi ta’ Sepco u li bl-ebda mod m’huma biżżejjed sabiex juru li Sepco intervjeniet bħala aġent.

166

It-tieni nett, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, għalkemm huma effettivament għamlu bejgħ dirett fil-Komunità, huma komplew tali bejgħ lejn Stati Membri ġodda f’fażi ta’ tranżizzjoni. Iktar minn hekk, ir-rwol ta’ Sepco ma jistax ikun dak ta’ dipartiment kummerċjali tar-rikorrenti għaliex il-kumpannija kummerċjali Ukranjana SPIG Interpipe kompliet teżerċita ċerti inkarigi intermedjarji bejn Sepco u r-rikorrenti.

167

It-tielet nett, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni ma tinvoka l-ebda dispożizzjoni insostenn tal-opinjoni tagħha li, sakemm kumpanniji ma jkollhomx l-istess benefiċjarji finali b’tali mod li jaqsmu kontroll konġunt, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati, fil-fatt u fid-dritt, bħala li jifformaw parti minn entità ekonomika waħda b’tali mod li l-kumpanniji kummerċjali jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jeżerċitaw l-inkarigi ta’ dipartiment ta’ esportazzjoni integrat. Tali kontroll konġunt jeżisti de facto. Dan il-kontroll kellu jkun magħruf mill-Kummissjoni, peress li r-rappreżentanti tar-rikorrenti kienu preżenti waqt iż-żjajjar ta’ verifika fl-istabbilimenti ta’ Sepco u peress li ċerta informazzjoni riveduta mitluba mill-Kummissjoni kienet intbagħtet lilha mir-rappreżentanti ta’ Sepco.

168

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li s-sitwazzjoni ta’ Sepco mhijiex differenti minn dik tal-kumpanniji li jieħdu ħsieb il-bejgħ li l-profitti tagħhom huma kkonsolidati ma’ dawk tal-produtturi assoċjati tagħhom sabiex jiġi stabbilit il-valur normali fil-kumpannija ta’ esportazzjoni. Huma jirrilevaw li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma huma qed jippruvaw jiskopru jekk il-kumpanniji għandhomx l-istess benefiċjarji finali jew kontroll konġunt. Is-sempliċi fatt li minimu ta’ 5% tal-kapital jinżamm direttament jew indirettament jitqies bħala biżżejjed sabiex il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fil-livell tal-entità ekonomika waħda magħmula mill-produttur u mill-kumpanniji assoċjati li jieħdu ħsieb il-bejgħ, li huma kkunsidrati bħala li joperaw fil-kwalità ta’ dipartiment kummerċjali tal-kumpannija kkonċernata.

169

Għall-argumenti tar-rikorrenti, il-Kunsill jirrispondi li Sepco ma kinitx id-dipartiment integrat ta’ bejgħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità tar-rikorrenti, iżda negozjant li l-inkarigi tagħha kienu simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni.

170

Fl-ewwel lok, il-Kunsill isostni li, għalkemm jinvokaw il-kwistjoni tal-oneru tal-prova meta jagħmlu l-allegazzjonijiet dwar l-inkarigu ta’ Sepco, ir-rikorrenti fir-realtà qed jikkontestaw il-konklużjoni tal-istituzzjonijiet li Sepco kienet negozjant li l-inkarigi tagħha kienu simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni. Il-kwistjoni rilevanti hija għalhekk jekk l-istituzzjonijiet ibbażawx ruħhom fuq elementi li jistgħu juru, jew li jippermettu li jiġi dedott, li l-inkarigi ta’ Sepco kienu dawk ta’ negozjant li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni u li kienu ta’ natura li jaffettwaw il-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Il-Kunsill u l-Kummissjoni wrew dawn l-elementi.

171

Fit-tieni lok, il-Kunsill jiddikjara li r-rikorrenti ma ressqux l-iċken prova li l-konklużjonijiet tiegħu huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

172

L-ewwel nett, ir-rikorrenti żbaljatament isostnu li l-fatt li Sepco kienet kumpannija indipendenti ma kellu l-ebda importanza. Barra minn hekk huma qatt ma ressqu l-prova li huma stess — jew il-kumpannija parent komuni, Allied Steel Holding BV, fil-każ ta’ Sepco u ta’ NTRP — kienu jeżerċitaw kontroll fuq Sepco.

173

It-tieni nett, huwa wkoll żbaljat li r-rikorrenti jissuġġerixxu li s-sempliċi fatt li għandha 5% tal-kapital konġunt huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li Sepco kienet id-dipartiment ta’ esportazzjoni integrat tagħhom.

174

It-tielet nett, ir-rikorrenti ma kkunsidrawx il-fatt li r-relazzjoni tagħhom ma’ Sepco kienet dik ta’ xerrej u ta’ bejjiegħ.

175

Ir-raba’ nett, billi r-rikorrenti ma jikkontestawx li huma t-tnejn għamlu bejgħ dirett lil klijenti indipendenti, fil-Komunità jew f’pajjiżi terzi, dan il-bejgħ juri biċ-ċar li huma kellhom id-dipartimenti tagħhom stess integrati ta’ bejgħ għall-esportazzjoni.

176

Il-ħames nett, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti żbaljatament jallegaw li l-preżenza ta’ rappreżentanti tar-rikorrenti waqt iż-żjajjar ta’ verifika fl-istabbilimenti ta’ Sepco u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni kellhom iwasslu sabiex l-istituzzjonijiet jikkonkludu li, minkejja l-personalità ġuridika distinta tagħha, Sepco kienet fil-fatt id-dipartiment ta’ esportazzjoni tar-rikorrenti. Fir-realtà, l-unika ħaġa li l-istituzzjonijiet setgħu jikkonkludu kienet li billi Sepco u r-rikorrenti kienu kumpanniji assoċjati, huma kkooperaw fil-kuntest tal-investigazzjoni.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

177

Skont ġurisprudenza kostanti li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur normali, iżda applikabbli b’analoġija għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, id-diviżjoni tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ fi grupp ifformat minn kumpanniji ġuridikament distinti ma jista’ bl-ebda mod ibiddel il-fatt li l-grupp huwa entità ekonomika waħda li b’dan il-mod torganizza numru ta’ attivitajiet imwettqa, f’każijiet oħra, minn entità li hija waħda anki mill-perspettiva ġuridika (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1988, Brother Industries vs Il-Kunsill, 250/85, Ġabra p. 5683, punt 16; tal-, Matsushita Electric vs Il-Kunsill, C-175/87, Ġabra p. I-1409, punt 12, u tat-, Matsushita Electric Industrial vs Il-Kunsill, C-104/90, Ġabra p. I-4981, punt 9).

178

Għandu jiġi rrilevat li, meta jiġi kkonstatat li produttur jassenja inkarigi li normalment jaqgħu taħt dipartiment ta’ bejgħ lil kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu li huwa jikkontrolla ekonomikament u li magħha huwa jifforma entità ekonomika waħda, il-fatt li l-istituzzjonijiet jibbażaw ruħhom fuq il-prezzijiet imħallsa mill-ewwel xerrej indipendenti lid-distributur assoċjat, huwa ġġustifikat. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet tad-distributur assoċjat jippermetti li jiġi evitat li xi spejjeż, li huma manifestament inklużi fil-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott meta dan il-bejgħ isir minn dipartiment ta’ bejgħ integrat fl-organizzazzjoni tal-produttur, ma jibqgħux daqshekk inklużi meta l-istess attività ta’ bejgħ tiġi eżerċitata minn kumpannija ġuridikament distinta, minkejja li ekonomikament ikkontrollata mill-produttur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 1992, Canon vs Il-Kunsill, C-171/87, Ġabra p. I-1237, punti 9 sa 13).

179

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li entità ekonomika waħda teżisti meta produttur jassenja inkarigi li normalment jingħataw lil dipartiment ta’ bejgħ intern lil kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu li huwa jikkontrolla ekonomikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Canon vs Il-Kunsill, punt 178 iktar ’il fuq, punt 9). Barra minn hekk, l-istruttura tal-kapital hija indikatur rilevanti tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali C. O. Lenz fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 1994, Gao Yao vs Il-Kunsill, C-75/92, Ġabra p. I-3141, I-3142, punt 33). Iktar minn hekk, ġie deċiż li entità ekonomika waħda tista’ teżisti meta l-produttur jassumi parti mill-inkarigi ta’ bejgħ komplementari għal dawk ta’ kumpannija distributriċi tal-prodotti tagħha (sentenza Matsushita Electric Industrial vs Il-Kunsill, punt 177 iktar ’il fuq, punt 14).

180

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bl-istess mod li meta parti li titlob aġġustamenti, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, sabiex il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni jsiru paragunabbli sabiex jiġi ffissat il-marġni tad-dumping, għandha tipprova li t-talba tagħha hija ġġustifikata, l-istituzzjonijiet, meta jiddeċiedu li għandu jsir aġġustament, għandhom jibbażaw ruħhom fuq provi, jew għall-inqas fuq indikazzjonijiet, li juru l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu jsir l-aġġustament u li jistabbilixxu l-effett tiegħu fuq il-paragun tal-prezzijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il-Kunsill, T-88/98, Ġabra p. II-4897, punt 96).

181

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti li għandu jiġi vverifikat jekk l-istituzzjonijiet ressqux il-prova, jew għall-inqas l-indikazzjonijiet, li l-inkarigi ta’ Sepco mhumiex dawk ta’ dipartiment ta’ bejgħ intern, iżda huma simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni.

182

Fil-faks mibgħuta lir-rikorrenti fis-26 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni elenkat tliet elementi li fuqhom ibbażat ruħha sabiex tikkonkludi li Sepco eżerċitat inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni. L-ewwel nett, ir-rikorrenti għamlu bejgħ dirett tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità. It-tieni nett, SPIG Interpipe, il-kumpannija assoċjata fl-Ukrajina li tieħu ħsieb il-bejgħ, intervjeniet bħala aġent ta’ bejgħ għall-bejgħ tar-rikorrenti lil Sepco. Fit-tielet lok, ir-rabtiet ta’ Sepco mar-rikorrenti mhumiex biżżejjed u ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li hija taħt il-kontroll tagħhom jew li kien hemm kontroll konġunt bejn Sepco u r-rikorrenti.

183

Ir-rikorrenti, min-naħa tagħhom, fakkru fin-natura tal-inkarigi ta’ Sepco, f’żewġ ittri mibgħuta lill-Kummissjoni, fit-22 ta’ Marzu u fl-4 ta’ Mejju 2006. F’dawn l-ittri huma spjegaw li l-inkarigi ta’ Sepco huma s-segwenti: Sepco tiżgura l-kuntatt ta’ kuljum mal-klijenti eżistenti u potenzjali; Sepco tippreżenta l-karatteristiċi tekniċi u l-użu tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi immanifatturati mir-rikorrenti; Sepco tiffissa l-prezzijiet ta’ bejgħ u l-politika li s-suq u l-klijenti kkonċernati jistgħu jifilħu għalihom; Sepco titlob u tirċievi l-ordnijiet; Sepco toħroġ il-fatturi kif ukoll id-dokumenti kollha ta’ bejgħ; Sepco tieħu ħsieb is-servizz ta’ wara l-bejgħ. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-elementi mhuwa sostnut bl-iċken prova.

184

Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 180 iktar ’il fuq, l-oneru tal-prova tal-bidu jaqa’ fuq l-istituzzjoni li tqis li għandu jsir aġġustament u mhux fuq il-parti kkonċernata affettwata minn dan l-aġġustament. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 177 u 178 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-provi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-aġġustament li sar skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku mhumiex suffiċjentement konvinċenti u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala indikazzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu sar l-aġġustament u li jistabbilixxu l-effett tiegħu fuq il-paragun tal-prezzijiet.

185

Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti għamlu bejgħ dirett tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 179 iktar ’il fuq, li entità ekonomika waħda tista’ teżisti meta l-produttur jassumi parti mill-inkarigi ta’ bejgħ komplementari għal dawk tal-kumpannija distributriċi tal-prodotti tagħha. Issa, kif juru d-dokumenti ppreżentati mill-partijiet, il-bejgħ dirett fil-Komunità, li sar mir-rikorrenti, kompla lejn Stati Membri ġodda f’fażi ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, fis-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw li l-volum ta’ bejgħ dirett kien jirrappreżenta madwar 8% tal-volum totali tal-bejgħ tar-rikorrenti fil-Komunità u għalhekk kien marġinali. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti assumew biss inkarigi ta’ bejgħ komplementari għal dawk ta’ Sepco u għal perijodu tranżitorju biss.

186

It-tieni nett, fir-rigward tal-fatt li SPIG Interpipe, il-kumpannija assoċjata fl-Ukrajina li tieħu ħsieb il-bejgħ, intervjeniet bħala aġent ta’ bejgħ għall-bejgħ li sar mir-rikorrenti lil Sepco, il-Kunsill bl-ebda mod ma jispjega kif il-fatt li SPIG Interpipe tirċievi kommissjoni mill-bejgħ tar-rikorrenti lil Sepco juri li Sepco eżerċitat inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni jew jostakola r-rikonoxximent tal-istatus tagħha ta’ dipartiment ta’ bejgħ intern tar-rikorrenti.

187

It-tielet nett, fir-rigward tal-allegata insuffiċjenza tar-rabtiet ta’ Sepco mar-rikorrenti, rabtiet li ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li hija taħt il-kontroll tagħhom, jew li jeżisti kontroll konġunt bejnha u r-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess jirriżulta li Sepco u NTRP huma assoċjati permezz tal-istess kumpannija parent, Allied Steel Holding, li kellha 100% tal-kapital ta’ Sepco u 24% tal-kapital ta’ NTRP, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, kien hemm il-fatt li, kieku kien ikkorroborat minn provi oħra rileventi, seta’ jikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit li kien hemm kontroll konġunt bejn Sepco u NTRP u li, fi kwalunkwe każ, ma jurix l-insuffiċjenza tar-rabtiet bejn Sepco u NTRP. Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata bl-affermazzjoni tal-Kunsill li r-rikorrenti naqsu milli jippreżentaw informazzjoni sodisfaċenti dwar l-identità tal-benefiċjarji tal-ishma ta’ Niko Tube, ta’ SPIG Interpipe u ta’ 76% tal-kapital ta’ NTRP. Bl-istess mod, il-fatt li r-relazzjoni bejn Sepco u NTRP hija dik ta’ bejn xerrej u bejjiegħ m’għandu l-ebda rilevanza sabiex juri li dawn tal-aħħar ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda jew li Sepco teżerċita inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni.

188

Għall-kuntrarju, il-provi tal-proċess ma jippermettux li jintwera li Sepco hija taħt il-kontroll ta’ Niko Tube jew li jeżisti kontroll konġunt bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Mistoqsija waqt is-seduta dwar l-eżistenza ta’ tali kontroll, ir-rikorrenti spjegaw li r-rabta bejn Niko Tube u Sepco kienet riżultanti, minn naħa waħda, mill-fatt li Niko Tube u NTRP għandhom tliet azzjonisti komuni u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li Allied Steel Holding għandha 24% tal-ishma ta’ NTRP u 100% tal-ishma ta’ Sepco.

189

Għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-provi ma jippermettux li jiġi stabbilit li Sepco hija taħt il-kontroll ta’ Niko Tube jew li jeżisti kontroll konġunt bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Jippermettu biss li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.

190

Għaldaqstant, il-parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, inkwantu l-Kunsill għamel aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li jikkonċernaw it-tubi mmanifatturati minn NTRP, għandha tintlaqa’. Il-kumplament ta’ din l-istess parti hija miċħuda, jiġifieri inkwantu tikkonċerna l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li jikkonċernaw it-tubi mmanifatturati minn Niko Tube.

Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku

— L-argumenti tal-partijiet

191

Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jħossu li l-Kunsill ikkommetta żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, fis-sens li t-tnaqqis mill-prezz ta’ bejgħ ta’ Sepco ta’ ammont korrispondenti għall-kommissjoni li kien jirċievi aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni, jimplika nuqqas ta’ simetrija funzjonali bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, nuqqas ta’ simetrija li taffettwa l-paragun tal-prezzijiet.

192

Il-Kunsill jiddikjara li r-rikorrenti ma jsemmu xejn fuq il-fatt li huma stess spjegaw li SPIG Interpipe kienet tirċievi kommissjoni għall-bejgħ kollu li jsir permezz ta’ Sepco. Peress li SPIG Interpipe kienet assoċjata kemm fir-rigward tal-bejgħ nazzjonali kif ukoll tal-bejgħ għall-esportazzjoni u l-aġġustament kien ikopri biss il-parteċipazzjoni supplimentari ta’ Sepco fil-bejgħ għall-esportazzjoni, l-operazzjoni kienet toħloq simetrija u mhux nuqqas ta’ simetrija.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

193

Għandu jiġi kkunsidrat li l-parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala parti awtonoma meta mqabbla mal-parti tal-istess motiv ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. F’dan il-każ, ir-rikorrenti jallegaw li l-aġġustament, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, mhuwiex iġġustifikat, għaliex mhux talli ma jrendix il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni paragunabbli, talli joħloq nuqqas ta’ simetrija funzjonali. Tali aġġustament għalhekk joħloq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku.

194

Skont il-ġurisprudenza, jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali jista’ jsir biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u għalhekk il-paragun tagħhom (sentenza Kundan u Tata vs Il-Kunsill, punt 180 iktar ’il fuq, punt 94). Fi kliem ieħor, u biex tintuża t-terminoloġija użata mir-rikorrenti, ir-raġuni għall-aġġustament hija li tiġi stabbilita mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

195

Għalhekk, jekk l-aġġustament ikun sar korrettament, dan jimplika li jkun stabbilixxa mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk l-aġġustament ma jkunx sarx korrettament, dan jimplika li huwa jkun żamm, jew saħansitra ħoloq nuqqas ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

196

F’dan il-każ, il-parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku intlaqgħet inkwantu l-Kunsill għamel aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li jikkonċernaw tubijiet immanifatturati minn NTRP, iżda ġiet miċħuda inkwantu tikkonċerna l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li jikkonċernaw tubijiet immanifatturati minn Niko Tube (ara l-punt 190 iktar ’il fuq). Minn dan jirriżulta li għandu jiġi konkluż li jeżisti żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, inkwantu sar aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonjiet li jikkonċernaw tubijiet immanifatturati minn NTRP u li m’hemmx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, inkwantu sar aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonjiet li jikkonċernaw tubijiet immanifatturati minn Niko Tube.

197

Għaldaqstant, il-parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, inkwantu l-Kunsill għamel aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonjiet li jikkonċernaw tubijiet immanifatturati minn NTRP, għandha tintlaqa’. Il-kumplament ta’ din l-istess parti huwa miċħud, jiġifieri dak li jikkonċerna l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonjiet li jikkonċernaw tubijiet immanifatturati minn Niko Tube.

Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

— L-argumenti tal-partijiet

198

Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jallegaw li d-drittijiet tagħhom tad-difiża nkisru, inkwantu l-ittra tas-16 ta’ Ġunju 2006 u l-faks tas-, li t-tnejn li huma waslu effettivament fis-, kien fihom elementi ġodda ta’ fatt sabiex juru li Sepco ma kienx dipartiment ta’ esportazzjoni tar-rikorrenti. L-Artikolu 253 KE inkiser ukoll, peress li r-regolament ikkontestat ma kienx jipprovdi risposta xierqa għall-argumenti tar-rikorrenti dwar din il-kwistjoni.

199

Il-Kunsill isostni li l-Kummissjoni tat spjegazzjonijiet fir-rigward tal-aġġustament inkwistjoni fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali tagħha, tal-24 ta’ April 2006. Ir-rikorrenti, li jallegaw li l-ittra tas- u l-faks tas- kien fihom elementi ġodda ta’ fatt, ma speċifikawx liema kienu dawn l-elementi ta’ fatt u lanqas b’liema mod kienu ġodda. Finalment, fir-rigward tal-ksur allegat tal-Artikolu 253 KE, il-kwistjoni tat-tnaqqis ta’ ammont korrispondenti għal kommissjoni mill-prezz ta’ bejgħ ta’ Sepco ġiet ittrattata fir-regolament ikkontestat, iktar b’mod partikolari fil-premessa 132, kif ukoll fl-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali, tas-, fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali, tal- u fil-faks tas-.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

200

Fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 64 u 146 iktar ’il fuq li dan l-ilment għandu jiġi eżaminat. Skont din il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ proċeduri antidumping, il-partijiet ikkonċernati għandhom dritt li jkunu informati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-adozzjoni ta’ dazji antidumping definittivi. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu informati f’data li tippermettilhom li jesprimu l-opinjoni tagħhom b’mod validu qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Champion Stationery et vs Il-Kunsill, punt 146 iktar ’il fuq, punt 83, u tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T-35/01, Ġabra p. II-3663, punt 330).

201

F’dan il-każ, ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li huma ġew mgħarrfa tardivament bir-raġunijiet għalfejn sar aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku. Issa, għandu jiġi kkunsidrat li l-partijiet ikkonċernati fi proċedura antidumping għandhom dritt li jiġu informati mhux biss li sar aġġustament, fil-kuntest ta’ paragun bejn valur normali u prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku, imma wkoll bir-raġunijiet għalfejn sar l-aġġustament. Fil-fatt, l-informazzjoni dwar l-aġġustament u dwar ir-raġunijiet għalfejn sar l-aġġustament hija essenzjali, inkwantu tali aġġustament jaffettwa direttament il-livell tad-dazju antidumping. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi komunikazzjoni lill-partijiet ikkonċernati li sar aġġustament, mingħajr spjegazzjoni tar-raġunijiet, m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala biżżejjed fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 64 u 146 iktar ’il fuq. Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-istituzzjonijiet Komunitarji huma obbligati jagħtu, lill-impriżi kkonċernati, indikazzjonijiet utli għad-difiża tal-interessi tagħhom (sentenza Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, punt 64 iktar ’il fuq, punt 17). Li jiġi indikat biss lir-rikorrenti li sar aġġustament, mingħajr ma jissemmew ir-raġunijiet li jiġġustifikaw, skont Kummissjoni, tali aġġustament, ma jippermettilhomx jiddefendu l-interessi tagħhom, b’mod partikolari sabiex jispjegaw b’liema mod dawn ir-raġunijiet mhumiex validi.

202

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li tagħmel aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat mill-importaturi assoċjati — importaturi li minnhom Sepco kienet tifforma parti — fl-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali, tas-27 ta’ Frar 2006. Kif jirriżulta mill-kliem ta’ dan l-aħħar dokument, dan l-aġġustament sar skont l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku u kien jikkonsisti fit-tnaqqis tal-ispejjeż kollha li saru bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid kif ukoll ta’ marġni ta’ profitt.

203

Fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali, tal-24 ta’ April 2006, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, fir-rigward tal-bejgħ fil-Komunità li għalih kienet intervjeniet Sepco, l-aġġustament magħmul fil-fatt kien sar skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, u mhux skont l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku, kif kien issemma’ bi żball fl-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali. Ġie speċifikat li l-ammont tat-tnaqqis li sar ma kienx inbidel. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tat l-ebda ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ kif l-Artikolu 2(10)(i) kien applikabbli, f’dan il-każ.

204

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni li huma kienu jqisu li kien essenzjali li hija turi li l-attivitajiet ta’ Sepco kienu simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni.

205

Kien biss fil-faks tagħha tas-26 ta’ Ġunju 2006 li l-Kummissjoni spjegat għaliex hija tqis li dawn l-inkarigi kienu simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni u li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku kienu għalhekk iġġustifikat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni elenkat tliet elementi msemmija fil-punt 182 iktar ’il fuq. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif il-Kunsill ikkonferma fis-seduta, il-Kummissjoni ma kinitx ikkomunikat l-iċken informazzjoni dwar ir-raġunijiet għalfejn hija ħasset li aġġustament, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku kien iġġustifikat, qabel il-faks tagħha tas-.

206

Mill-proċess jirriżulta li din il-faks waslet għand ir-rikorrenti fis-19:06, fis-26 ta’ Ġunju 2006, jiġifieri, kif irrilevaw ir-rikorrenti, wara l-ħinijiet tal-uffiċċju. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti saru jafu b’dan id-dokument fis-, jiġifieri l-jum meta r-regolament ikkontestat ġie adottat.

207

Minn dan jirriżulta li għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma setgħux isiru jafu bil-provi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-aġġustament li sar, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, f’data li tippermettilhom li jesprimu l-opinjoni tagħhom b’mod validu f’dan ir-rigward, qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat mill-Kunsill.

208

Madankollu, tali irregolarità min-naħa tal-Kummissjoni ma twassalx għal ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod li jiġġustifika l-annullament tar-regolament ikkontestat, ħlief jekk ir-rikorrenti jistabbilixxu, mhux li l-imsemmi regolament kien ikollu kontenut differenti, iżda li huma setgħu jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom li kieku ma kienx hemm din l-irregolarità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, punt 134 iktar ’il fuq, punt 71). F’dan il-każ, għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti wrewx li komunikazzjoni preċedenti tal-provi inklużi fil-faks tas-26 ta’ Ġunju 2006 setgħetx tagħtihom l-opportunità, anki jekk żgħira, li jirnexxielhom jiggwidaw il-proċedura amministrattiva lejn eżitu differenti.

209

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif issemma’ fil-punt 182 iktar ’il fuq, fil-faks indirizzata lir-rikorrenti fis-26 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni elenkat tliet elementi li fuqhom ibbażat ruħha sabiex tikkonkludi li Sepco eżerċitat inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni. Issa, fil-punti 185 sa 188 iktar ’il fuq intwera, abbażi tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li dawn it-tliet elementi ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi stabbilit, minn naħa waħda, li Sepco eżerċitat inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjoni u, min-naħa l-oħra, li Sepco u NTRP mhumiex entità ekonomika waħda. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti stabbilixxew li komunikazzjoni preċedenti tal-provi inklużi fil-faks tas- kienet tippermettilhom juru dan, qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, u, b’hekk, isostnu l-affermazzjoni li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda prova tanġibbli sabiex tagħmel l-aġġustament ikkontestat.

210

Għalhekk, fin-nuqqas tal-irregolarità kommessa mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienu jistgħu jsostnu, fil-ħin, argumenti li huma ma setgħux iressqu minħabba d-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tikkomunikalhom l-informazzjoni inkwistjoni. Għalhekk huma kienu jistgħu jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom u, jekk ikun il-każ, jirnexxielhom jiggwidaw il-proċedura amministrattiva lejn riżultat differenti.

211

Għalhekk is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, inkwantu jikkonċerna l-aġġustament li sar skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, għandu jintlaqa’.

212

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tali lment ma jistax jirnexxi f’dan il-każ. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 65 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kunsill mhuwiex obbligat jirrispondi, fil-motivazzjoni ta’ regolament, għall-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt invokati mill-persuni kkonċernati matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, mhuwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha differenti ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, peress li r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni għandhom jiġu evalwati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest tal-att.

213

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm il-motivazzjoni tal-aġġustament li sar skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku ssemmiet biss fil-qosor mill-Kummissjoni fil-premessa 132 tar-regolament ikkontestat, minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-faks tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Ġunju 2006, kien fiha motivazzjoni ddettaljata tar-raġunijiet għalfejn kien sar dan l-aġġustament.

214

Għalhekk, is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, inkwantu jikkonċerna l-aġġustament li sar skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-offerta ta’ impenn tar-rikorrenti

215

Il-ħames motiv kif ukoll parti mis-sitt motiv jikkonċernaw il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat l-offerta ta’ impenn tar-rikorrenti.

216

Skont dawn tal-aħħar, dan ir-rifjut wassal għal, min-naħa tal-Kunsill:

ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (il-ħames motiv);

ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (is-sitt motiv).

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

— L-argumenti tal-partijiet

217

Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jsostnu li huma sofrew diskriminazzjoni.

218

Id-diskriminazzjoni tirriżulta mill-fatt li, minkejja li l-Kummissjoni kienet ħadet sehem f’negozjati separati mal-produtturi-esportaturi Rumeni sabiex jaslu għal offerta ta’ impenn aċċettabbli, jiġifieri li tirrigwarda numru limitat ta’ prodotti u li ma taqbiżx ċertu massimu, hija ma informatx lill-produtturi-esportaturi l-oħra bil-possibbiltà li jissottomettu tali offerta ta’ impenn limitata u li ma taqbiżx ċertu massimu simili.

219

Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni tirriżulta mill-fatt li r-regolament ikkontestat jikkonstata, fil-premessa 248 tiegħu, l-eżistenza ta’ problemi ġeneriċi marbuta mal-offerti ta’ impenn, iżda wara jiddikjara, fil-premessa 251 tiegħu, li dawn il-problemi ġeneriċi ma jikkonċernawx il-produtturi Rumeni. Huma josservaw, f’dan ir-rigward, li r-riferiment għan-natura temporanja tal-impenji f’dak li jirrigwarda l-produtturi Rumeni bl-ebda mod ma jispjega għaliex offerta ta’ impenn li tirrigwarda perijodu limitat ma setgħetx tiġi aċċettata għar-rikorrenti, peress li l-portata u l-perijodu limitat tal-impenn setgħu jevitaw ċerti problemi ġeneriċi.

220

Bħala risposta għall-argumenti tar-rikorrenti, il-Kunsill jiddikjara li huma jikkontestaw il-fatt li l-Kummissjoni aċċettat l-offerti ta’ impenn tal-esportaturi Rumeni u jallegaw li dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

221

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-aċċettazzjoni allegatament illegali tal-offerti ta’ impenn tal-esportaturi Rumeni, il-Kunsill isostni li l-legalità tar-rifjut tal-offerta ta’ impenn tar-rikorrenti mhijiex kompromessa bl-aċċettazzjoni allegatament illegali tal-offerti ta’ impenn tal-esportaturi Rumeni.

222

Fit-tieni lok, il-Kunsill jikkontesta l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. L-ewwel nett, ir-rikorrenti kellhom l-opportunità jippreżentaw impenn li jirrigwarda numru limitat ta’ prodotti. Peress li r-rikorrenti ma ppreżentawx tali offerta u lanqas offerta ta’ impenn li tinkludi prezz minimu tal-esportazzjoni għoli biżżejjed, l-offerta tagħhom kienet intrinsikament differenti minn kull offerta li tippreżenta prezz minimu tal-esportazzjoni għoli biżżejjed jew li jissodisfa kundizzjoni oħra bħal dik tal-perijodu limitat jew tan-numru limitat tal-prodotti kkonċernati.

223

Fit-tieni lok, il-Kunsill jallega li l-Kummissjoni kkonkludiet, ġustament, li s-sitwazzjoni partikolari tal-esportaturi Rumeni kienet biżżejjed sabiex tirrimedja l-problemi ġeneriċi tal-impenji.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

224

Skont l-Artikolu 8(3) tar-regolament bażiku, “[l]-attivitajiet [impenji] offruti ma għandhomx jiġu aċċettati jekk l-aċċettazzjoni tagħhom tkun meqjusa bħal mhux prattika, jekk bħal meta n-numru ta’ esportaturi attwali jew potenzjali huwa kbir wisq, jew għal raġunijiet oħra, inklużi r-raġunijiet ta’ polza [politika] ġenerali”. Minn dan l-Artikolu għalhekk jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra kull tip ta’ ċirkustanzi fattwali fl-evalwazzjoni tal-offerta ta’ impenn.

225

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ebda dispożizzjoni tar-regolament bażiku ma tobbliga lill-istituzzjonijiet Komunitarji jaċċettaw proposti ta’ impenn fir-rigward ta’ prezzijiet stabbiliti mill-operaturi ekonomiċi involuti f’investigazzjoni li saret qabel ma ġew stabbiliti d-dazji antidumping. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmi regolament jirriżulta li l-n-natura aċċettabbli ta’ tali impenji hija ddefinita mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom [ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3017/79, tal-20 ta’ Diċembru 1979, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (JO L 339, p. 1), li l-kontenut leġiżlattiv tiegħu huwa, essenzjalment, identiku għal dak tal-Artikolu 8 tar-regolament bażiku, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-, Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill, 255/84, Ġabra p. 1861, punt 42].

226

Madankollu, għandu jitfakkar li, meta l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ir-rispett tal-garanziji kkonferiti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi għandu importanza iktar fundamentali u li, fost dawn il-garanziji, hemm b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, punt 38 iktar ’il fuq, punt 63).

227

Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill, T-118/96, Ġabra p. II-2991, punt 96).

228

Peress li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex taċċetta jew tirrifjuta impenn ta’ prezz u tista’ tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jiċċirkundaw tali offerta, dawn iċ-ċirkustanzi fattwali għandhom ikunu paragunabbli strettament sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li jeżisti ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

229

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-validità tal-impenji offruti mill-produtturi-esportaturi Rumeni u aċċettati mill-Kummissjoni. Madankollu, huma jsostnu li huma sofrew diskriminazzjoni, inkwantu t-trattament mogħti lilhom kien differenti minn dak mogħti lill-produtturi-esportaturi Rumeni. Minkejja dan, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fl-ebda ħin ma spjegaw kif is-sitwazzjoni tagħhom kienet paragunabbli ma’ dik tal-produtturi-esportaturi Rumeni, iżda ddeskrivew biss il-fatti li, skont huma, kienu jikkostitwixxu tali diskriminazzjoni.

230

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 8(1) tar-regolament bażiku, kundizzjoni fundamentali għall-Kummissjoni sabiex taċċetta offerta ta’ impenn hija li “offerti ta’ garanziji [impenn] volontarji sodisfaċenti sottomessi minn esportatur[i] biex jirrevedi[u] l-prezzijiet tiegħu [tagħhom] jew biex iwaqqaf [iwaqqfu] l-esportazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ prezzijiet bid-dumping”. Issa, mill-proċess jirriżulta li l-ewwel raġuni għalfejn il-Kummissjoni ċaħdet l-offerta ta’ impenn tar-rikorrenti kienet li l-prezzijiet minimi tal-importazzjoni proposti minn dawn tal-aħħar ma kinux biżżejjed sabiex jeliminaw l-effett dannuż tad-dumping. Bil-kontra, mill-atti ppreżentati mill-Kunsill jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-prezzijiet minimi tal-importazzjoni proposti mill-produtturi-esportaturi Rumeni kienu biżżejjed sabiex jeliminaw l-effett dannuż tad-dumping.

231

Għalhekk, kif għamel il-Kunsill, għandu jiġi konkluż li peress li r-rikorrenti ma ppreżentawx offerta ta’ impenn bi prezz minimu tal-importazzjoni għoli biżżejjed, l-offerta tagħhom kienet intrinsikament differenti minn kull offerta oħra li tippreżenta prezz minimu tal-importazzjoni għoli biżżejjed. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti, b’mod partikolari, bl-argumenti dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tissuġġerixxi lil dawn tal-aħħar li jagħmlu offerta ta’ impenn limitata fiż-żmien u li ma taqbiżx ċertu massimu.

232

Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

— L-argumenti tal-partijiet

233

Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat ma fihx motivazzjoni xierqa b’risposta għall-argumenti tagħhom dwar it-trattament diskriminatorju dwar l-impenn ta’ prezz.

234

Skont il-Kunsill, din il-kwistjoni hija ttrattata fir-regolament ikkontestat, fit-tieni dokument ta’ informazzjoni finali tal-24 ta’ April 2006 u fl-ittra tat- u fil-faks tas-.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

235

Għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat, fil-premessi 246 sa 257, fih spjegazzjoni tar-raġunijiet għalfejn l-offerta ta’ impenn tal-produtturi-esportaturi Rumeni ġiet aċċettata filwaqt li dik ta’ kumpanniji oħra, inklużi tar-rikorrenti, ġiet miċħuda.

236

Iktar minn hekk, il-Kummissjoni, kienet diġà parzjalment iġġustifikat il-pożizzjoni tagħha fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Mejju 2006 u fil-faks tagħha tas-.

237

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn jikkonċerna l-offerta ta’ impenn tar-rikorrenti, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-trattament tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u ta’ spejjeż oħra ġenerali ta’ SPIG Interpipe

L-argumenti tal-partijiet

238

Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jallegaw li r-regolament ikkontestat ma fihx motivazzjoni biżżejjed fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u l-ispejjeż ta’ bejgħ ta’ SPIG Interpipe.

239

Il-Kunsill josserva li peress li r-rikorrenti ma esponewx x’kienet il-kwistjoni hawnhekk, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward mhuwiex sostnut biżżejjed.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

240

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, u l-Artikolu 44(1)(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika l-oġġett tal-kwistjoni, it-talbiet tar-rikorrent u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar ir-rikors. Sabiex ikunu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-anqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Mejju 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T-195/95, Ġabra p. II-679, punt 20, u tat-, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-315, punt 64).

241

Issa, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li r-rikorrenti ma esponewx b’mod ċar u preċiż biżżejjed l-argument dwar it-tnaqqis tal-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u l-ispejjeż ta’ bejgħ ta’ SPIG Interpipe, li ma ngħatax risposta għalih.

242

Għalhekk, għandu jiġi ddikjarat li s-sitt motiv huwa inammissibbli inkwantu jikkonċerna t-trattament tal-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż oħra ġenerali ta’ SPIG Interpipe.

243

Minn dak li ntqal preċedentement, u b’mod partikolari mill-konklużjonijiet li saru fil-punti 190, 197 u 211 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat parzjalment, inkwantu l-istituzzjonijiet ikkonċernati għamlu aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ Sepco.

Fuq l-ispejjeż

244

Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

245

F’dan il-każ, it-talbiet għal annullament tar-rikorrenti ġew iddikjarati parzjalment fondati. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li tagħmel apprezzament ġust taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi tiddeċiedi li l-Kunsill ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll kwart ta’ dawk sostnuti mir-rikorrenti u li dawn tal-aħħar ibatu tliet kwarti mill-ispejjeż tagħhom.

246

Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regola tal-Proċedura, il-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukraina, li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukraina, huwa annullat, inkwantu d-dazju antidumping iffissat għall-esportazzjoni lejn il-Komunità Ewropea ta’ prodotti mmanifatturati minn Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT) u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT) jeċċedi dak li kien ikun applikabbli li kieku ma sarx aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni minħabba kommissjoni, meta l-bejgħ sar minn intermedjarju ta’ negozjant assoċjat, Sepco SA.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u kwart ta’ dawk sostnuti mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Marzu 2009.

Firem

Werrej.

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq id-determinazzjoni tal-valur normali

 

Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ risposti għall-kwestjonarju mill-kumpanniji assoċjati mal-produtturi Komunitarji

 

Fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2), (3), (5), (6) u (7) tar-regolament bażiku

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-ksur tal-Artikolu 19(3) tar-regolament bażiku

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-ksur tal-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-aġġustament li sar fuq il-prezz ta’ bejgħ ta’ Sepco

 

Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-offerta ta’ impenn tar-rikorrenti

 

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq it-trattament tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u ta’ spejjeż oħra ġenerali ta’ SPIG Interpipe

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top