This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0643
Judgment of the Court (First Chamber) of 7 February 2018.#American Express Co. v The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury.#Request for a preliminary ruling from the High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court).#Reference for a preliminary ruling — Directive (EU) 2015/2366 — Payment services in the internal market — Article 35(1) — Obligation to provide authorised or registered payment service providers with access to payment systems — Point (b) of the first subparagraph of Article 35(2) — Inapplicability of that obligation to payment systems composed exclusively of payment service providers belonging to a group — Applicability of that obligation to three party payment card schemes that have entered into co-branding or agency arrangements — Validity.#Case C-643/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Frar 2018.
American Express Co. vs The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2366 – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Artikolu 35(1) – Rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess għal fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas awtorizzati jew irreġistrati għas-sistemi ta’ ħlas – Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) – Inapplikabbiltà ta’ dawn ir-rekwiżiti għas-sistemi ta’ ħlas magħmulin esklużivament minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jappartjenu lil grupp – Applikabbiltà tal-imsemmija rekwiżiti għal skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludew ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija – Validità.
Kawża C-643/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Frar 2018.
American Express Co. vs The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2366 – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Artikolu 35(1) – Rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess għal fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas awtorizzati jew irreġistrati għas-sistemi ta’ ħlas – Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) – Inapplikabbiltà ta’ dawn ir-rekwiżiti għas-sistemi ta’ ħlas magħmulin esklużivament minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jappartjenu lil grupp – Applikabbiltà tal-imsemmija rekwiżiti għal skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludew ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija – Validità.
Kawża C-643/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:67
*A9* High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court), Order of 19/10/2016 (CO/I084/2016)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
7 ta’ Frar 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2366 – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Artikolu 35(1) – Rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess għal fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas awtorizzati jew irreġistrati għas-sistemi ta’ ħlas – Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) – Inapplikabbiltà ta’ dawn ir-rekwiżiti għas-sistemi ta’ ħlas magħmulin esklużivament minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jappartjenu lil grupp – Applikabbiltà tal-imsemmija rekwiżiti għal skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludew ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija – Validità”
Fil-Kawża C‑643/16
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Amministrattiva), ir-Renju Unit), permezz tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura
The Queen, fuq it-talba ta’:
American Express Company,
vs
The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury,
fil-preżenza ta’:
Diners Club International Limited,
MasterCard Europe SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal American Express Company, minn J. Turner, QC, J. Holmes, QC, L. John, barrister, kif ukoll minn I. Taylor u H. Ware, solicitors, |
– |
għal MasterCard Europe SA, minn P. Harrison u S. Kinsella, solicitors, kif ukoll minn S. Pitt u J. Bedford, advocates, |
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn D. Robertson, bħala aġent, assistit minn G. Facenna, QC, |
– |
għall-Parlament Ewropew, minn R. van de Westelaken u A. Tamás, bħala aġenti, |
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Bauerschmidt, I. Gurov u E. Moro, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u J. Samnadda, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn American Express Company u Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury (il-Lords Kummissarji tat-Teżor, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“awtorità nazzjonali”), dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni fir-rigward tal-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet tar-regoli li jirregolaw l-aċċess tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas awtorizzati jew irreġistrati għas-sistemi ta’ ħlas. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (UE) Nru 2015/751
3 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard (ĠU 2015, L 123, p. 1), intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
[…]” |
Id-Direttiva 2015/2366
4 |
Il-premessi 2, 6, 49, 50 u 52 tad-Direttiva 2015/2366 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
|
5 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Suġġett”, li jinsab taħt it-Titolu I ta’ din id-direttiva, huwa stess intitolat “Suġġett, Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1: “Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li skonthom l-Istati Membri għandhom jiddistingwu bejn is-sitt kategoriji li ġejjin ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament:
|
6 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]” |
7 |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Għoti ta’ awtorizzazzjoni”, jinsab taħt il-Kapitolu 1, intitolat “Istituzzjonijiet ta’ pagament”, tat-Titolu II tad-Direttiva 2015/2366, huwa stess intitolat “Fornituri ta’ Servizzi ta’ Pagament”. Dan l-artikolu jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-impriżi għajr dawk imsemmija fil-punti (a), (b), (c), (e) u (f) tal-Artikolu 1(1) u għajr persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 32 jew 33, li biħsiebhom jipprovdu servizzi ta’ pagament, jiksbu awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ pagament qabel jibdew jipprovdu servizzi ta’ pagament. […]” |
8 |
L-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva, intitolat “Aċċess għas-sistemi ta’ pagament”, jinsab taħt il-Kapitolu 2 ta’ dan it-Titolu II, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”. Dan l-artikolu jiddisponi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar l-aċċess ta’ fornituri ta’ servizz ta’ pagament awtorizzati jew reġistrati li huma persuni ġuridiċi għal sistemi ta’ pagament huma oġġettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati u li huma ma jxekklux l-aċċess aktar milli jkun meħtieġ għas-salvagwardja kontra riskji speċifiċi bħar-riskju ta’ saldu, ir-riskju operazzjonali u r-riskju tan-negozju u għall-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u operazzjonali tas-sistema ta’ pagament. Is-sistemi ta’ pagament ma għandhom jimponu l-ebda waħda mir-rekwiżiti li ġejjin fuq fornituri tas-servizzi ta’ pagament, fuq utenti tas-servizzi ta’ pagament jew fuq sistemi oħra ta’ pagament:
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal: […]
[…]” |
9 |
L-Anness I tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Servizzi ta’ Pagament”, jelenka l-attivitajiet imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u kkunsidrati għalhekk bħala “servizz ta’ pagament” fis-sens tal-imsemmija direttiva. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li American Express hija kumpannija ta’ servizzi internazzjonali li tipprovdi, flimkien mas-sussidjarji kkonsolidati tagħha, servizzi ta’ ħlas, ta’ vjaġġar, ta’ kambju u ta’ pjattaforma ta’ lealtà lill-konsumaturi u lill-impriżi. Hija teżerċita wkoll attivitajiet ta’ ħruġ ta’ kards u ta’ xiri fid-dinja kollha, inkluż fl-Unjoni Ewropea. American Express tuża, flimkien mas-sussidjarji tagħha, l-iskema ta’ kards ta’ ħlas American Express (iktar ’il quddiem “Amex”), li hija skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet. Din l-iskema kkonkludiet ftehimiet ta’ co-branding u ta’ provvista ta’ servizzi fl-Unjoni, li jista’ jkollu bħala konsegwenza, skont ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għad-domanda dwar l-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366, li jissuġġettawha għall-obbligi fil-qasam tal-aċċess, previsti fl-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva. |
11 |
L-awtorità nazzjonali tidderiġi l-Her Majesty’s Treasury (it-Teżor Pubbliku, ir-Renju Unit). Dan tal-aħħar għandu r-responsabbiltà finali tal-eżekuzzjoni tal-obbligi imposti fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni, l-eżekuzzjoni u kwalunkwe forma oħra ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2015/2366. |
12 |
American Express talbet lill-qorti tar-rinviju l-awtorizzazzjoni li tippreżenta rikors intiż għall-istħarriġ tal-legalità (judicial review) tal-“intenzjoni u/jew [ta]l-obbligu tal-[awtorità nazzjonali] li tapplika, teżegwixxi jew li timplementa l-implementazzjoni tal-Artikolu 35(1) [tad-Direttiva 2015/2366] sa fejn jipprovdi l-kundizzjoni tal-co-branding u/jew l-aġenzija”. Din il-qorti tat l-awtorizzazzjoni mitluba. |
13 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366 jekk dan għandux jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludiet ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija hijiex eżenti mir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva għal dak li jirrigwarda l-qasam tal-aċċess. B’mod partikolari, skont il-qorti tar-rinviju, il-premessa 52 tal-imsemmija direttiva ma tippermettix li tingħata risposta ċara għal din id-domanda. |
14 |
Barra minn hekk, skont din il-qorti, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li dawn ir-rekwiżiti huma applikabbli għall-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludew ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija, ikun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argument imressaq minn American Express, jiġifieri li l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2015/2366 huwa invalidu minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Amministrattiva), ir-Renju Unit), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
16 |
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli fl-intier tagħha minħabba, l-ewwel nett, li ma teżisti l-ebda tilwima reali bejn il-partijiet, it-tieni nett, li l-qorti nazzjonali ma tipprovdix il-minimu tal-elementi neċessarji fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha peress li ma tesponix il-punti ta’ fatt rilevanti u lanqas ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, it-tielet nett, li l-preżentata tar-rikors fil-kawża prinċipali intiż għall-istħarriġ tal-legalità tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-awtorità nazzjonali li tapplika jew li timplementa dawn id-dispożizzjonijiet tikkostitwixxi mezz sabiex tiġi evitata s-sistema ta’ mezzi ta’ rikors stabbilita mit-Trattat FUE, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
17 |
Qabel xejn, jeħtieġ li jitfakkar illi hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24). |
18 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25). |
19 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-natura reali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, permezz tar-rikors tagħha, American Express titlob li l-qorti tar-rinviju tistħarreġ il-legalità tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-awtorità nazzjonali li tapplika jew li timplementa d-dispożizzjonijiet kontenzjużi. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar il-fondatezza tar-rikors. Peress li l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwar dan in-nuqqas ta’ qbil u peress li din tqis li hemm kontestazzjoni reali bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati ta’ din id-din id-direttiva, ma jidhirx b’mod manifest li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex reali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 36 u 38, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 17). |
20 |
Barra minn hekk, l-argumenti intiżi sabiex tintwera n-natura artifiċjali tat-tilwima fil-kawża prinċipali u bbażati fuq il-fatt li ma jeżisti ebda att jew ommissjoni ta’ amministrazzjoni nazzjonali li jista’ jagħti lok għal rikors għall-istħarriġ tal-legalità huma bbażati fuq kritika tal-ammissibbiltà tar-rikors inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tal-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-qorti tar-rinviju għall-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tista’ la tikkontesta din l-evalwazzjoni, li taqa’, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali, u lanqas tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx skont ir-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarja. Dawn l-argumenti għalhekk lanqas ma jistgħu jirribattu l-preżunzjoni ta’ rilevanza invokata fil-punt 18 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 26). |
21 |
It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argument li l-qorti tar-rinviju ma esponiet la l-fatti rilevanti u lanqas ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi “espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi”. |
22 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li s-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali għall-ordni ġuridiku tal-Unjoni jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri u persuni oħra interessati jkunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura quddiem din tal-aħħar (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Amex hija komposta esklużivament minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jappartjenu lil grupp, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366, u għalhekk tista’ taqa’ taħt l-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. Issa, jirriżulta wkoll minn din id-deċiżjoni li Amex kkonkludiet numru ta’ ftehimiet ta’ co-branding u ta’ provvista ta’ servizzi fl-Unjoni li, suġġetti għad-domanda ta’ interpretazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jċaħħduha mill-benefiċċju tal-imsemmija dispożizzjoni, f’liema każ tkun suġġetta għar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess, previsti fl-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva. |
24 |
Għalhekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi, b’mod qasir iżda preċiż, l-oriġini u n-natura tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li hija tqis li r-riżultat tagħha jiddependi mill-interpretazzjoni u l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali u ġuridiku li taqa’ taħtu t-talba tagħha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija talba (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Genentech, C‑567/14, EU:C:2016:526, punt 27). |
25 |
Fir-rigward, minn naħa, tal-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju esponietx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, effettivament mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jiggwida l-funzjonament tar-rinviju għal domanda preliminari jirriżulta li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-raġunijiet preċiżi li għalihom hija tikkunsidra li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Għaldaqstant huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu. Tali rekwiżit jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
F’dan il-każ, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju indikat, billi rriproduċiet parti mill-argumenti magħmula minn American Express u MasterCard Europe SA f’dan ir-rigward, li l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/2366 hija inċerta. Barra min hekk, hija tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tasal, skont l-interpretazzjoni li ser tagħti lil dawn id-dispożizzjonijiet, biex tiddeċiedi dwar il-motivi ta’ invalidità invokati minn American Express. |
28 |
Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra mhux biss li l-argumenti magħmula mill-partijiet fil-kawża prinċipali jqajmu kwistjoni ta’ interpretazzjoni li r-risposta għaliha hija inċerta, iżda wkoll li l-motivi ta’ invalidità invokati minn American Express u riprodotti mid-deċiżjoni tar-rinviju jistgħu jintlaqgħu. |
29 |
F’dak li jikkonċerna, it-tielet nett, l-argument li l-preżentazzjoni tar-rikors fil-kawża prinċipali, intiż għall-istħarriġ tal-legalità tal-“intenzjoni u/jew [tal-]obbligu” tal-awtorità nazzjonali li tapplika jew li timplementa d-Direttiva 2015/2366, tikkostitwixxi mezz ta’ kif tiġi evitata s-sistema ta’ mezzi ta’ rikors stabbilita mit-Trattat FUE f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ebda miżura ma ġiet meħuda minn din l-awtorità kontra Amex u fejn dik l-awtorità llimitat ruħha li ssostni li hija ma tikkontestax l-introduzzjoni tar-rikors fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat ammissibbli diversi talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni u/jew il-validità ta’ atti ta’ dritt sekondarju fformulati fil-kuntest ta’ tali rikors intiż għall-istħarriġ tal-legalità, b’mod partikolari fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741), tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312), tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419), tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324), kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325). |
30 |
Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-individwi li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali l-invalidità ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-imsemmi att diġà kien effettivament is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati skont id-dritt nazzjonali. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li l-qorti nazzjonali tkun adita b’tilwima reali li fiha tqum, b’mod inċidentali, il-kwistjoni tal-validità ta’ tali att. Din il-kundizzjoni hija bla dubju ta’ xejn issodisfatta fil-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta mill-punti 14, 19, 20, 27 u 28 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 40; tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 29; tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 19, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 35). |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li rikors bħal dak fil-kawża prinċipali huwa intiż li jkun mezz ta’ kif tista’ tiġi evitata s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattat FUE. |
32 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq l-ewwel domanda
33 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366 għandux jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludiet ftehim ta’ co-branding ma’ sieħeb ta’ co-branding, li huwa nnifsu ma jipprovdix servizzi ta’ ħlas fl-imsemmija skema f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ co-branding, jew li jagħmlu użu minn aġent għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas, hija mċaħħda mill-benefiċċju ta’ din l-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, hija suġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva. |
34 |
Għandu l-ewwel nett jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2015/2366, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar l-aċċess ta’ fornituri ta’ servizz ta’ pagament awtorizzati jew reġistrati li huma persuni ġuridiċi għal sistemi ta’ pagament huma oġġettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati u li huma ma jxekklux l-aċċess aktar milli jkun meħtieġ għas-salvagwardja kontra riskji speċifiċi bħar-riskju ta’ saldu, ir-riskju operazzjonali u r-riskju tan-negozju u għall-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u operazzjonali tas-sistema ta’ pagament.” It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi barra minn hekk ir-rekwiżiti li s-sistemi ta’ ħlas taħt l-ebda ċirkustanza ma jistgħu jimponu fuq fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, fuq utenti ta’ servizzi ta’ ħlas jew fuq sistemi oħra ta’ ħlas. |
35 |
Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366, dan jiddisponi li l-Artikolu 35(1) ta’ dan ma japplikax għal “sistemi ta’ pagament magħmulin esklużivament minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jappartjenu lil grupp”. Il-kunċett ta’ “grupp” huwa ddefinit fil-punt 40 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva bħala “grupp ta’ impriżi li huma marbuta flimkien permezz ta’ relazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1), (2) jew (7) tad-Direttiva [2013/34] jew impriżi kif iddefiniti fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 tar-Regolament ta’ Delega [Nru 241/2014], li huma marbuta flimkien permezz ta’ relazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) jew fl-Artikolu 113(6) jew (7) tar-Regolament […] Nru 575/2013”. |
36 |
Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet bħal Amex hija komposta esklużivament minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jappartjenu lil grupp, fis-sens tal-punt preċedenti. |
37 |
Minn dan jirriżulta li, bħala prinċipju, tali skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ma hijiex suġġetta għar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess previsti fl-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2015/2366, sakemm din ma tkunx tinvolvi terz fl-operat tagħha b’tali mod li hija ma tistax tiġi iktar ikkunsidrata li hija komposta esklużivament minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jappartjenu lil grupp, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ din id-direttiva. |
38 |
F’dan il-każ, American Express issostni li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludiet ftehimiet ta’ co-branding u ta’ aġenzija ma għandux bħala effett li jissottomettih għar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess. Fil-fatt, fir-rigward tal-ftehimiet ta’ co-branding li fil-kuntest tagħhom is-sieħeb ta’ co-branding ma jipprovdi ebda servizz ta’ ħlas, l-iskema tibqa’ l-unika emittenti ta’ kards u l-unika xerrejja ta’ tranżazzjonijiet imwettqa permezz ta’ dawn il-kards. Bl-istess mod, l-użu ta’ aġent għall-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas ma jibdilx l-identità tal-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas fi skema ta’ kards ta’ ħlas. Konsegwentement, huwa biss fil-każ fejn sistema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet tagħti liċenzja lil fornitur tas-servizzi ta’ ħlas supplimentari fi ħdan din is-sistema li r-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess ikunu applikabbli għal dik is-sistema. |
39 |
Min-naħa l-oħra, MasterCard Europe ssostni li s-sempliċi fatt li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet tuża sieħeb ta’ co-branding jew aġent għandu l-effett li jissuġġettaha għar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess, peress li, f’dan il-każ, din is-sistema ma tistax tibqa’ titqies bħala li taqa’ taħt l-esklużjoni prevista fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366. |
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑616/15, EU:C:2017:721, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-formulazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366 li l-parteċipazzjoni, għall-istess sistema ta’ ħlas, ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li ma jappartjenux għall-istess grupp għandha bħala konsegwenza li ċċaħħad din is-sistema mill-benefiċċju ta’ esklużjoni previst f’din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, li jiġi suġġett għar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess, stabbiliti fl-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva. |
42 |
Jirriżulta mill-punt 11 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 li fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas huwa ddefinit bħala “korp imsemmi fl-Artikolu 1(1) [ta’ din id-direttiva] jew persuna fiżika jew ġuridika li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 32 jew 33 [ta’ din]”. L-imsemmi Artikolu 1(1) jiddistingwi sitt kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, jiġifieri ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110, l-istituzzjonijiet ta’ kontijiet postali awtorizzati mid-dritt nazzjonali sabiex jipprovdu servizzi ta’ ħlas, l-istituzzjonijiet ta’ ħlas, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali meta ma jkunux qed jaġixxu bħala awtorità monetarja jew awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll l-Istati Membri jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali tagħhom meta ma jkunux qed jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta’ awtoritajiet pubbliċi. Fir-rigward tal-Artikoli 32 u 33, dawn jinkludu eżenzjonijiet għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jipprovdu ċerti servizzi ta’ ħlas. |
43 |
F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk sieħeb ta’ co-branding jew aġent jaqax taħt il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas” kif imfakkar fil-punt preċedenti, huwa veru, l-ewwel nett, li fir-rigward tal-kelma “co-branding”, dan ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2015/2366. Madankollu, mill-premessa 2 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-eżami mill-ġdid taħt il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni dwar is-servizzi ta’ ħlas, li ta lok għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva, kien ikkompletat bir-Regolament 2015/751. Barra minn hekk, mill-premessa 6 ta’ din l-istess direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li tiġi ggarantita applikazzjoni koerenti tal-kuntest leġiżlattiv dwar is-servizzi ta’ ħlas ġewwa l-Unjoni kollha. |
44 |
Issa, skont il-punt 32 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, co-branding huwa ddefinit bħala “l-inklużjoni ta’ mill-inqas marka waħda ta’ pagament u mill-inqas marka waħda mhux ta’ pagament fuq l-istess strument ta’ pagament permezz ta’ kard”. Il-kliem “marka ta’ pagament” huma ddefiniti kemm fil-punt 30 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament kif ukoll fil-punt 47 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 bħala “kwalunkwe isem, terminu, sinjal, simbolu jew taħlita tagħhom, li kapaċi tindika taħt liema skema ta’ pagament b’kard isiru t-tranżazzjonijiet ta’ pagament b’kard”. |
45 |
It-tieni nett, fir-rigward tat-terminu “aġent”, dan huwa ddefinit fil-punt 38 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 bħala “persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isem istituzzjoni ta’ pagament fil-forniment ta’ servizzi ta’ pagament”. Hekk kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-istituzzjonijiet ta’ ħlas huma waħda mis-sitt kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas elenkati fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva. |
46 |
Għalhekk, ma jistax jiġi dedott mid-definizzjonijiet rilevanti tat-termini “co-branding” u “aġent” li sieħeb ta’ co-branding jew aġent huwa neċessarjament fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366. |
47 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax espressament mill-kliem tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366 li l-fatt li sistema ta’ ħlas magħmula esklużivament minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jappartjenu lil grupp li jagħmlu użu minn sieħeb ta’ co-branding jew aġent għandu neċessarjament bħala konsegwenza li jċaħħad l-imsemmija sistema mill-benefiċċju tal-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. Issa, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex dan ikun il-każ, huwa seta’ jipprevedi dan espressament (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑275/07, EU:C:2009:169, punt 99). |
48 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366, għandu jitfakkar li l-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva għandu bħala għan, hekk kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li jirregola, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas awtorizzati jew irreġistrati f’sistemi ta’ ħlas. Issa, tali għan huwa rrikonċiljabbli mal-interpretazzjoni tal-imsemmi punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2), li jipprovdi li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li tagħżel li tibda l-operat tagħha billi tinvolvi fornitur ta’ servizz ta’ ħlas li ma huwiex parti mill-grupp hija suġġetta għar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess stabbiliti fl-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva. |
49 |
Huwa ċertament minnu li l-premessa 52 tad-Direttiva 2015/2366 tipprevedi għal sistemi fejn fornitur uniku ta’ servizzi ta’ ħlas jiżgura l-implementazzjoni u l-funzjonament ta’ “[…]sistemi [li] jinkludu skemi ta’ tliet partijiet, bħal skemi ta’ kards ta’ tliet partijiet, sal-punt li huma qatt ma joperaw bħala skemi de facto ta’ kards ta’ erba’ partijiet, pereżempju billi jserrħu fuq detenturi tal-liċenzja, aġenti jew sħab konġunti tal-marka”. |
50 |
Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni MasterCard Europe, din il-premessa ma tistax tiġġustifika l-interpretazzjoni li tipprovdi li kwalunkwe kuntratt ta’ co-branding jew ta’ aġenzija konkluż minn skema ta’ ħlas ta’ kards ta’ tliet partijiet għandu neċessarjament bħala konsegwenza li toħroġ din l-iskema mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366. |
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li premessa ta’ att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni, li tiċċara l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil regola tad-dritt, ma tistax tikkostitwixxi, fiha innifisha, regola bħal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989, Casa Fleischhandel, 215/88, EU:C:1989:331, punt 31). |
52 |
Fi kwalunkwe każ, hekk kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, ma hemm xejn fil-premessa 52 tad-Direttiva 2015/2366, u lanqas fid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, li jipprekludi li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ din id-direttiva jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn skema ta’ kards ta’ ħlas tagħmel użu minn sieħeb ta’ co-branding jew minn aġent, li huwa meħtieġ li s-sieħeb ta’ co-branding jew l-aġent ikun fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jew li r-rwol tiegħu fi ħdan din l-iskema jista’ jixxebbah mal-attività ta’ tali fornitur, sabiex l-imsemmija skema ma tibqax titqies bħala esklużivament magħmula minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jappartjenu lil grupp, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. |
53 |
Fil-fatt, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-premessa 52 ta’ din id-direttiva tipprevedi, fl-ewwel sentenza tagħha, li d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-sistemi ta’ ħlas ma għandhomx japplikaw għas-sistemi ta’ ħlas “mħaddma minn fornitur uniku ta’ servizzi ta’ pagament”, u b’hekk tqajjem mistoqsijiet dwar in-numru ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas involuti fit-tħaddim tas-sistema kkonċernata. |
54 |
Min-naħa l-oħra, jekk mill-imsemmija premessa jirriżulta li skemi ta’ kards li jinvolvu msieħba ta’ co-branding jew aġenti jistgħu jiġu kkunsidrati li joperaw bħal skemi ta’ kards ta’ ħlas li de facto jinvolvu erba’ partijiet, għandu jitfakkar ukoll li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet hija ddefinita fil-punt 17 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 bħala skema “li fiha l-pagamenti jsiru mill-kont ta’ pagament ta’ pagatur fil-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju permezz tal-intermedjazzjoni tal-iskema, emittent (min-naħa tal-pagatur) u akkwirent (min-naħa tal-benefiċjarju)”. |
55 |
Konsegwentement, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet klassiku fis-sens tad-Direttiva 2015/2366 huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta’ fornituri differenti ta’ servizzi ta’ ħlas, li jwettqu s-servizzi ta’ “akkwirent” u “emittent” fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard. |
56 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, l-eżempji, esposti fil-premessa 52 tad-Direttiva 2015/2366, ta’ sitwazzjonijiet li fihom skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ikkonkludew ftehimiet ma’ aġenti jew ma msieħba ta’ co-branding, sempliċement juru kif dawn l-iskemi jistgħu jorganizzaw ir-relazzjonijiet operazzjonali tagħhom b’tali mod li jkunu jistgħu jaġixxu fil-prattika bħala skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess previsti minn din id-direttiva. |
57 |
Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2015/2366, li minnhom jiffurmaw parti d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 49 ta’ din id-direttiva, “[h]uwa essenzjali għal kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jkollu aċċess għas-servizzi ta’ infrastrutturi tekniċi tas-sistemi ta’ pagament”, u li “[b]iex tkun żgurata l-ugwaljanza fi trattament fl-Unjoni kollha bħal dak bejn il-kategoriji differenti ta’ fornituri awtorizzati ta’ servizzi ta’ pagament, skont it-termini tal-liċenzja tagħhom, huwa neċessarju li jiġu ċċarati r-regoli dwar l-aċċess għal sistemi ta’ pagament”. |
58 |
Bl-istess mod, il-premessa 50 tad-Direttiva 2015/2366 tenfasizza li “[g]ħandu jkun hemm dispożizzjoni għat-trattament nondiskriminatorju ta’ istituzzjonijiet ta’ pagament u istituzzjonijiet tal-kreditu awtorizzati sabiex kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jikkompeti fis-suq intern ikun jista’ juża s-servizzi tal-infrastrutturi tekniċi ta’ dawk is-sistemi ta’ pagament bl-istess kundizzjonijiet”. Din il-premessa żżid tgħid li “[h]uwa xieraq li jkun hemm dispożizzjoni għal trattament differenti għal fornituri ta’ servizzi ta’ pagament awtorizzati u għal dawk li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont din id-Direttiva kif ukoll mill-eżenzjoni skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva [2009/110], minħabba d-differenzi fil-qafas prudenzjali rispettiv tagħhom”. |
59 |
Fl-aħħar nett, il-premessa 52 tad-Direttiva 2015/2366 tistabbilixxi, b’mod partikolari, li, sabiex tiġi stimulata l-kompetizzjoni li s-sistemi magħluqin, bħall-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li qatt ma jaħdmu bħala skemi ta’ kards li jirrikjedu de facto erba’ partijiet, jistgħu jipprovdu b’differenza mis-sistemi ta’ ħlas stabbiliti tradizzjonali, ma jkunx xieraq li terzi jingħataw aċċess għal dawn is-sistemi ta’ ħlas magħluqin għall-kont proprju. |
60 |
Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 57 sa 59 ta’ din is-sentenza li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2015/2366 għandu l-għan li jiżgura li, bħala prinċipju, kull fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikollu aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura teknika tas-sistemi ta’ ħlas sabiex tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, l-ugwaljanza fit-trattament ta’ kategoriji differenti ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta wkoll minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiżgura li kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jista’ jagħmel użu minn tali servizzi bl-istess kundizzjonijiet sabiex tinżamm kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-ħlas. |
61 |
Madankollu, mill-istess kunsiderazzjonijiet jirriżulta, b’mod partikolari minn dawk esposti fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, li għalkemm, bħala prinċipju, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess, previsti fl-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2015/2366, għandhom jippermettu lil kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jkollu aċċess, taħt il-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi, għas-sistemi ta’ ħlas, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni wkoll li jipprovdi trattament differenti bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas meta d-differenzi bejn dawn jiġġustifikawh. |
62 |
B’mod iktar partikolari, fir-rigward tas-sistemi ta’ ħlas ta’ tliet partijiet magħluqin, jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien xieraq li jeżentahom mir-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess sabiex iżid il-kompetizzjoni bejn is-sistemi ta’ ħlas. Madankollu, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 54 sa 56 ta’ din is-sentenza, meta skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet tiddeċiedi li tiftaħ lilha nfisha, bl-involviment ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas estern għall-grupp, l-operat tagħha huwa komparabbli ma’ skema ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet klassiku, b’tali mod li n-neċessità li tiġi stimulata l-kompetizzjoni li hija toħloq fis-suq ma għadhiex tiġġustifika li tiġi eżentata mir-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess. |
63 |
Fil-fatt, jista’ jkun diffiċli li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2015/2366, b’mod partikolari dak tal-Artikolu 35(1) ta’ din tal-aħħar li jiżgura kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali fil-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas, jekk skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li tagħmel użu minn terz li għandu l-kwalità ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, jew ir-rwol ta’ liema jista’ jiġi assimilat ma’ tali fornitur, ma kienx suġġett għar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas għal sistemi ta’ ħlas, previsti fl-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva. |
64 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li tali rekwiżiti huma applikabbli għal skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludiet ftehim ta’ co-branding, fis-sens tal-punt 32 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, meta s-sieħeb ta’ co-branding ikkonċernat huwa fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, u dan minkejja li l-imsemmi sieħeb ma jipprovdix huwa stess, fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, servizz ta’ ħlas fir-rigward ta’ prodotti ta’ co-branding. |
65 |
Bl-istess mod, meta skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ikkonkludiet ftehim ma’ aġent, fis-sens tal-punt 38 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess huma neċessarjament applikabbli għal din l-iskema. Fil-fatt, peress li, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, aġent huwa ddefinit fil-punt 38 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva bħala “persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isem istituzzjoni ta’ pagament fil-forniment ta’ servizzi ta’ pagament”, u dan anki meta aġent ma huwiex neċessarjament huwa stess fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, ir-rwol tiegħu għandu jiġi assimilat f’kull każ, fir-rigward tan-natura tiegħu, ma’ dak ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas. |
66 |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument imressaq minn MasterCard Europe, li s-sitwazzjonijiet li fihom skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet hija suġġetta għar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess għandhom ikunu l-istess bħal dawk li taħthom tali sistema hija suġġetta għall-obbligi dwar it-tariffi tal-interkambju skont l-Artikolu 1(5) u l-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, li l-portata u l-validità tiegħu kienu s-suġġett ta’ domandi preliminari fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-lum, American Express (C‑304/16). |
67 |
F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat, minn naħa, li l-ifformular kemm tal-Artikolu 1(5) kif ukoll tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, sitwazzjonijiet li fihom l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-obbligi previsti minn dan ir-regolament, inklużi dawk li jikkonċernaw il-limiti tat-tariffi tal-interkambju, huma differenti, f’diversi aspetti, mill-ifformular tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366. |
68 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li l-għanijiet taż-żewġ kategoriji ta’ rekwiżiti li għalihom issir referenza fil-punt 66 ta’ din is-sentenza jikkoinċidu billi t-tnejn ifittxu, b’mod partikolari, li jiggarantixxu ugwaljanza fit-trattament bejn il-kompetituri u kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-ħlas, xorta jibqa’ l-fatt li kemm in-natura ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ rekwiżiti kif ukoll l-att leġiżlattiv li fih kull waħda minnhom jaqa’ huma differenti. |
69 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366 għandu jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludiet ftehim ta’ co-branding ma’ sieħeb ta’ co-branding ma huwiex imċaħħad mill-benefiċċju tal-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni u għaldaqstant ma huwiex suġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva fil-każ fejn dan is-sieħeb ta’ co-branding ma jkunx fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u ma jipprovdix servizzi ta’ ħlas f’din l-iskema f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ co-branding. Min-naħa l-oħra, skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li tagħmel użu minn aġent għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas hija mċaħħda mill-benefiċċju ta’ din l-esklużjoni u, għaldaqstant, hija suġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu 35(1). |
Fuq it-tieni domanda
70 |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2015/2366 huwiex invalidu peress li jipprevedi rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess applikabbli għal skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludiet ftehim ta’ co-branding ma’ sieħeb ta’ co-branding li, huwa stess, ma jipprovdix servizzi ta’ ħlas fl-imsemmija skema għal dak li jikkonċerna l-prodotti ta’ co-branding, jew li jagħmel użu minn aġent għall-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas. |
71 |
Għandu qabel kollox jiġi osservat li l-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2015/2366, kif esposta fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, ma tikkorrispondix għalkollox, fir-rigward tal-kuntratti ta’ co-branding, għal dik li fuq il-bażi tagħha l-qorti tar-rinviju qed tagħmel it-tieni domanda preliminari. |
72 |
Għaldaqstant, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda biss sa fejn hija intiża li tiddetermina jekk l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2015/2366 huwiex invalidu minħabba li r-rekwiżiti previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huma applikabbli għal skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li tagħmel użu minn aġent għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas. |
Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
73 |
Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni meħtieġa mill-Artikolu 296(2) TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att inkwistjoni b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha, ma huwiex madankollu meħtieġ li hija tispeċifika l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha rilevanti. L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li japplikaw fil-qasam ikkonċernat (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
74 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li, jekk mill-att ta’ portata ġenerali joħroġ l-għan essenzjali li jrid jintlaħaq mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għall-għażliet tekniċi differenti li jkunu saru (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑26/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:132, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
75 |
F’dan il-każ, il-premessi 49, 50 u 52 tad-Direttiva 2015/2366 juru b’mod ċar il-loġika wara l-applikazzjoni tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva għall-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li jagħmlu użu minn fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas estern għall-grupp fl-operat tal-iskema jew terz li r-rwol tiegħu jista’ jiġi mqabbel ma’ dak ta’ fornitur. B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ din is-sentenza, dawn il-premessi jenfasizzaw li l-imsemmi Artikolu 35 huwa intiż, bħala prinċipju, sabiex jiggarantixxi li kull fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jista’ jkollu aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura teknika tas-sistemi ta’ ħlas sabiex tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, l-ugwaljanza fit-trattament tal-kategoriji differenti ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas u għalhekk tinżamm kompetizzjoni effettiva fi swieq tal-ħlas. |
76 |
Barra minn hekk, minn dawn l-istess premessi jirriżulta li għalkemm, bħala prinċipju, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess għandhom jippermettu lil kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jkollu aċċess, taħt il-kundizzjonijiet iffissati mid-Direttiva 2015/2366, għas-servizzi ta’ infrastrutturi tekniċi tas-sistemi ta’ ħlas, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jipprovdi wkoll trattament differenti bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas meta d-differenzi bejn dawn tal-aħħar jiġġustifikawh. Għalhekk, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien xieraq li jeżenta skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet magħluqin minn dawn ir-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess sabiex tiġi stimulata l-kompetizzjoni bejn sistemi ta’ ħlas, huwa min-naħa l-oħra kkunsidra li, fil-każ li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet tiddeċiedi li tiftaħ, permezz tal-involviment ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas estern għall-grupp jew terz, bħal aġent, li r-rwol tiegħu jista’ jiġi mqabbel ma’ dak ta’ tali fornitur, it-tħaddim ta’ din is-sistema joqrob lejn sistema ta’ erba’ partijiet klassiku, b’tali mod li n-neċessità li tiġi stimulata l-imsemmija kompetizzjoni ma għadhiex tiġġustifika li jkun eżenti minn dawn ir-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess. |
77 |
Barra minn hekk, il-premessa 52 tad-Direttiva 2015/2366 tenfasizza d-differenzi li jeżistu bejn l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet magħluqin għall-kont proprju u s-sistemi ta’ ħlas stabbiliti tradizzjonali, differenzi li jispjegaw li l-applikazzjoni lill-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet tar-rekwiżiti ta’ aċċess huwa biss iġġustifikat fejn it-tħaddim ta’ dawn l-iskemi għandu bħala konsegwenza li jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ din id-direttiva. |
78 |
Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/2366 li jirreferi għalihom il-punt 75 ta’ din is-sentenza jesponu s-sitwazzjoni ġenerali li wasslet lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiddeċiedi li jissuġġetta lill-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludew kuntratti ta’ aġenzija għar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess previsti fl-Artikolu 35(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-għanijiet ġenerali li din id-deċiżjoni tfittex li tilħaq, u għalhekk jippermettu kemm lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 ta’ din is-sentenza. |
79 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza esposta fil-punti 73 u 74 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx obbligat li jesponi fid-Direttiva 2015/2366, b’mod partikolari, ir-raġunijiet li għalihom, f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet ikkonċernati, skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet għandha tkun suġġetta għar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess. |
80 |
Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2015/2366 hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, ta’ natura li jwassal għall-invalidità tal-Artikolu 35 tiegħu. |
Fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni
81 |
Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-validità tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2015/2366 hija kkontestata fil-kawża prinċipali għar-raġuni li huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn ir-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandhom japplikaw għal skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li kkonkludew ftehim ta’ aġenzija, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax raġonevolment jadotta dispożizzjoni ta’ tali portata. |
82 |
Madankollu, mill-elementi mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma jirriżultax li l-leġiżlatur tal-Unjoni, għal din ir-raġuni, ivvizzja bi żball manifest ta’ evalwazzjoni l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2015/2366. |
83 |
B’mod partikolari, l-ebda element prodott lill-Qorti tal-Ġustizzja ma huwa ta’ natura li juri li sar żball mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta dan ikkunsidra li l-inklużjoni ta’ tali sistema fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2015/2366 għandha tgħin sabiex ikun żgurat li jintlaħqu l-għanijiet imfakkra fil-punti 57 sa 63 ta’ din is-sentenza. |
Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
84 |
Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
85 |
Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjonijiet tiegħu jimplikaw għażliet ta’ natura kemm politika, kemm ekonomika u kemm soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, il-kwistjoni ma tirrigwardax li jsir magħruf jekk miżura deċiża f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha fil-konfront tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li tista’ tolqot il-validità ta’ miżura bħal din (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
86 |
F’dan il-każ, l-ebda element prodott lill-Qorti tal-Ġustizzja ma huwa ta’ natura li juri li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2015/2366 ma huwiex xieraq sabiex jilħaq l-għanijiet leġittimi mfittxija, kif esposti fil-punti 57 sa 62 ta’ din is-sentenza. |
87 |
Għall-kuntrarju, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punti 63 u 65 ta’ din is-sentenza, jista’ jkun diffiċli li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2015/2366, b’mod partikolari dak tal-Artikolu 35 ta’ din tal-aħħar li jikkonsisti fil-fatt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali fil-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas, jekk skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li tagħmel użu minn aġent ma kinitx suġġetta għar-rekwiżiti fil-qasam tal-aċċess, ma kienx manifestament inapproprjat, fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, li tali skema wkoll tkun suġġetta għal dawn ir-rekwiżiti. |
88 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2015/2366. |
Fuq l-ispejjeż
89 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.