This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0358
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 13 September 2018.#UBS Europe SE and Alain Hondequin and Others v DV and Others.#Request for a preliminary ruling from the Cour administrative (Luxembourg).#Reference for a preliminary ruling — Approximation of laws — Directive 2004/39/EC — Article 54(1) and (3) — Scope of the obligation of professional secrecy on national financial supervisory authorities — Finding of the absence of good repute — Cases covered by criminal law — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Articles 47 and 48 — Rights of the defence — Access to the file.#Case C-358/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Settembru 2018.
UBS Europe SE u Alain Hondequin et consorts vs DV et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour administrative (Luxembourg).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2004/39/KE – Artikolu 54(1) u (3) – Portata tal-obbligu tas-sigriet professjonali impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza finanzjarja – Deċiżjoni li tikkonstata t-telf tar-reputazzjoni tajba – Każ li jaqa’ taħt id-dritt kriminali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl.
Kawża C-358/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Settembru 2018.
UBS Europe SE u Alain Hondequin et consorts vs DV et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour administrative (Luxembourg).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2004/39/KE – Artikolu 54(1) u (3) – Portata tal-obbligu tas-sigriet professjonali impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza finanzjarja – Deċiżjoni li tikkonstata t-telf tar-reputazzjoni tajba – Każ li jaqa’ taħt id-dritt kriminali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl.
Kawża C-358/16.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:715
*A9* Cour administrative, Jugement du 21/06/2016 (37084C ; 7602C)
*P1* Cour administrative, Arrêt du 28/02/2019 (37084CA; 37602CA)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2004/39/KE – Artikolu 54(1) u (3) – Portata tal-obbligu tas-sigriet professjonali impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza finanzjarja – Deċiżjoni li tikkonstata t-telf tar-reputazzjoni tajba – Każ li jaqa’ taħt id-dritt kriminali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl”
Fil-Kawża C‑358/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura
UBS Europe SE, li kienet UBS (Luxembourg) SA,
Alain Hondequin u oħrajn
fil-preżenza ta’:
DV,
EU,
Commission de surveillance du secteur financier (CSSF),
Ordre des avocats du barreau de Luxembourg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, E. Levits, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal UBS Europe SE, aventi kawża ta’ UBS (il-Lussemburgu) SA, minn M. Elvinger u L. Arpetti, avocats, |
– |
għal Hondequin u oħrajn, minn V. Hoffeld, P. Urbany, u E. Fronczak, avocats, |
– |
għal DV u EU, minn J.-P. Noesen, avocat, |
– |
għall-Commission de Surveillance du Secteur Financier (CSSF), minn A. Rodesch u P. Sondhi, avocats, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis u Z. Chatzipavlou, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci, J. Rius u I.V. Rogalski, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54(1) u (3) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), moqri flimkien mal-Artikoli 41, 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri għal oppożizzjoni ta’ terzi ppreżentati minn UBS Europe SE (iktar ’il quddiem “UBS”), kif ukoll minn Alain Hondequin u oħrajn, kontra s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2014 tal-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu), li ddeċidiet fuq l-appell ippreżentat minn DV u EU kontra s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014 tat-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu), rigward ir-rifjut tal-Commission de surveillance du secteur financier (l-Awtorità Lussemburgiża ta’ Sorveljanza tas-Settur Finanzjarju, iktar ’il-quddiem is-“CSSF”) li tikkomunika ċerti dokumenti fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn DV u s-CSSF wara d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-onorabbiltà professjonali tiegħu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 2 u 63 tad-Direttiva 2004/39 jgħidu:
[…]
|
4 |
Taħt it-Titolu II rigward il-“Kondizzjonijiet għall-Awtorizzazzjoni u l-Operat għad-Ditti ta’ l-Investiment”, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/39, intitolat “L-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt (ċ), li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni lil kull impriża ta’ investiment li ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet li fihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni. |
5 |
Taħt l-istess Titolu II, l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-Persuni li effettivament jidderieġu l-kummerċ”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi l-persuni li jmexxu l-kummerċ ta’ ditta ta’ l-investiment b’mod dirett ikollhom fama tajba u esperjenza biżżejjed sabiex jiżguraw il-ġestjoni soda u prudenti tad-ditta ta’ l-investimant. […] 3. L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta awtorizzazzjoni jekk ma tkunx sodisfatta illi l-persuni li jridu jidderieġu l-kummerċ tad-ditta ta’ l-investiment b’mod effettiv ikollhom il-fama tajba u l-esperjenza biżżejjed, jew jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi u li jistgħu jintwerew sabiex temmen illi l-bidliet proposti għall-amministrazzjoni tad-ditta joħolqu tehdida għall-ġestjoni soda u prudenti tagħha. […]” |
6 |
L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-Obbligu ġenerali rigward is-sorveljanza kontinwa”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-attivitajiet tad-ditti ta’ l-investiment sabiex jistmaw il-konformità mal-kondizzjonijiet operattivi pprovvduti f’din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jkunu fil-post miżuri approprjati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti jiksbu t-tagħrif meħtieġ sabiex jistmaw il-konformità tad-ditti ta’ l-investiment ma’ dawn l-obbligi.” |
7 |
L-Artikolu 50 tad-Direttiva 2004/39, intitolat “Il-Poteri li jridu jsiru disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti”, jipprevedi: “1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw il-poteri kollha tas-sorveljanza u l-investigazzjoni li jkunu meħtieġa għall-eżeċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. […] 2. Il-poteri riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu eżerċitati skond il-liġijiet nazzjonali u għandhom mill-inqas jinkludi d-drittijiet li:
[…]
[…]” |
8 |
L-Artikolu 51 ta’ din id-direttiva, intitolat “Is-Sanzjonijiet amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għall-proċeduti għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom, illi jkunu jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi appoprjati jew ikunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli, meta ma jitħarsux id-dispożizzjonijiet adottati sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawn il-miżuri jkunu effettivi, ipproporzjonati u dissważivi.” |
9 |
L-Artikolu 52 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-Dritt ta’ l-appell”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull deċiżjoni meħuda skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva ikunu rraġunati kif jixraq u bla ħsara għad-dritt għall-applikazzjoni quddiem il-qrati. […]” |
10 |
Skont l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39, intitolat “Is-Segretezza professjonali”: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, il-persuni kollha li jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti skond l-Artikolu 48(2), kif ukoll l-awdituri u l-esperti mogħtija struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, jkunu marbuta l-obbligu tas-segretezza professjonali. Ma jista’ jiġi żvelat l-ebda tagħrif li […] jirċievu fil-kors tad-dmirijiet tagħhom lill-ebda persuna jew awtorità, ikunu xi jkunu, għajr f’għamla sommarja u aggregata hekk li d-ditti individwali tal-investiment jew kull persuna oħra ma jistgħux jiġu identifikati, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali jew bid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva. 2. Meta ditta ta’ l-investment, operatur tas-suq jew suq irregolat ikunu ġew iddikjarati falluti, jew jagħlqu l-kummerċ bil-fors, jista’ jiġi żvelat it-tagħrif kunfidenzali li ma jirrigwardax lil partijiet terzi fil-proċedimenti ċivili jew kummerċjali jekk meħtieġ sabiex jitwettaq il-proċediment. 3. Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali, l-awtoritajiet kompetenti, il-korpi jew il-persuni naturali jew legali għajr l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu tagħrif kunfidenzali skont din id-Direttiva jistgħu jużawh biss fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom u għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, fil-każ tal-awtoritajiet kompetenti, gewwa l-iskop ta’ din id-Direttiva jew, fil-każ tal-awtoritajiet, il-korpi jew il-persuni naturali u legali l-oħra bil-għan li għalih dan it-tagħrif ikun ġie pprovvdut lilhom u/jew fil-kuntest ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji li jkollhom x’jaqsmu b’mod speċifiku mal-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet. Madankollu, meta l-awtorità kompetenti jew kull awtorità, korp jew persuna oħra li jikkomunikaw it-tagħrif jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan, l-awtorità li tirċievi t-tagħrif tista’ tużah għal għanijiet oħra. 4. Kull tagħrif kunfidenzali rċevut, skambjat jew trasmess skond din id-Direttiva għandu jkun bla ħsara għall-kondizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabbiliti f’dan l-Artikolu. Madankollu, dan l-Artikolu ma għandux jipprevjieni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu tagħrif kunfidenzali skond din id-Direttiva u d-Direttivi l-oħra li japplikaw għad-ditti ta’ l-investment, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-fondi tal-pensjonijiet, l-UCITS, l-intermedjarji ta’ l-assigurazzjoni u ta’ l-assigurazzjoni mill-ġdid, l-impriżi ta’ l-asikurazzjoni, is-swieq irregolati jew l-operaturi tas-suq jew inkella bil-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti jew awtorità jew korp jew persuna naturali jew legali oħra li jkunu kkomunikaw dan it-tagħrif. 5. Dan l-Artikolu ma għandux jippevjieni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu skond il-liġijiet nazzjonali, it-tagħrif kunfidenzali li ma jkunx ġie rċevut minn għand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.” |
11 |
L-Artikolu 56 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Obbligu tal-koperazzjoni”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri differenti għandhom jikkoperaw ma’ xulxin kulmeta meħtieġ bil-għan li jwettqu d-dmirijiet tagħhom u jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom skond din id-Direttiva sewwa jekk iddikjarati f’din id-Direttiva jew fil-liġijiet nazzjonali u sewwa jekk le. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu assistenza lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra. B’mod partikolari, għandhom jiskambjaw it-tagħrif u jikkoperaw f’kull investigazzjoni jew attivitajiet tas-sorveljanza. […]” |
Id-dritt Lussemburgiż
12 |
L-Artikolu 19 tal-Liġi tal-5 ta’ April 1993 dwar is-settur finanzjarju (Mémorial A Nru 27 tal-10 ta’ April 1993, p. 462), intitolat “Ir-reputazzjoni tajba u l-esperjenza professjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Għall-ksib tal-awtorizzazzjoni, il-persuni fiżiċi u, fil-każ tal-persuni ġuridiċi, il-membri tal-korpi ta’ amministrazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ sorveljanza kif ukoll l-azzjonisti jew soċji previsti fl-artikolu preċedenti, għandhom jagħtu prova tar-reputazzjoni tajba tagħhom. Ir-reputazzjoni tajba tiġi evalwata abbażi tar-rekords kriminali u tal-elementi kollha li jistgħu jistabbilixxu li l-persuni previsti għandhom reputazzjoni tajba u jippreżentaw il-garanziji kollha ta’ attività mhux mittiefsa.” |
13 |
L-Artikolu 32 tal-Liġi tat-13 ta’ Lulju 2007 dwar is-swieq ta’ strumenti finanzjarji u li jirrigwarda t-traspożizzjoni b’mod partikolari tad-Direttiva 2004/39 (Mémorial A Nru 116 tas-16 ta’ Lulju 2007, p. 2076), intitolat “Is-sigriet professjonali tas-CSSF”, jipprevedi: “(1) Il-persuni kollha li jeżerċitaw jew li eżerċitaw attività għas-[CSSF], kif ukoll l-awdituri ta’ kumpanniji awtorizzati jew esperti mqabbda mis-[CSSF], huma marbuta bis-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 16 tal-liġi emendata tat-23 ta’ Diċembru 1998 dwar il-ħolqien ta’ awtorità ta’ sorveljanza tas-settur finanzjarju. Dan is-sigriet jimplika li l-informazzjoni kunfidenzjali li huma jirċievu fuq bażi professjonali ma tistax tiġi żvelata lil kwalunkwe persuna jew awtorità, ħlief taħt forma sommarja jew awtorizzata b’mod li l-ebda operatur tas-suq, suq irregolat, [sistema multilaterali ta’ negozjazzjoni (MTF)] jew kwalunkwe persuna oħra kkonċernata jew kwalunkwe sistema oħra kkonċernata ma jkunu jistgħu jiġu identifikati, bla ħsara għall-każijiet li jaqgħu taħt id-dritt kriminali jew taħt dispożizzjonijiet oħra ta’ dan it-titolu. […] (3) Bla ħsara għall-każijiet li jaqgħu taħt id-dritt kriminali, is-[CSSF] tista’ tuża l-informazzjoni kunfidenzjali rċevuta skont dan it-titolu biss għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilha taħt dan it-titolu jew fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji speċifikament marbuta mal-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2010, is-CSSF ordnat lil DV jirriżenja mill-funzjonijiet kollha tiegħu mill-iktar fis, għaliex ma kienx għadu affidabbli u għaliex, għalhekk, ma kienx għadu adatt sabiex jeżerċita fi ħdan entità ssorveljata funzjoni ta’ amministratur jew funzjoni oħra li l-eżerċizzju tagħha huwa suġġett għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni. Is-CSSF immotivat id-deċiżjoni tagħha, fost l-oħrajn, bir-rwol li DV kellu fl-istabbiliment u fil-funzjonament tal-kumpannija Luxalpha Sicav (iktar ’il quddiem “Luxalpha”). |
15 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fis-26 ta’ Frar u fil-31 ta’ Marzu 2010 quddiem it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu), DV ippreżenta rikors intiż għall-bdil jew, fin-nuqqas ta’ dan, għall-annullament tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq tas-CSSF. |
16 |
Fil-11 ta’ Novembru 2010, DV talab lis-CSSF, fil-kuntest tal-imsemmija tilwimiet bħalissa pendenti, il-komunikazzjoni ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2009 indirizzata minn UBS lis-CSSF, wara talba għal tagħrif ta’ din tal-aħħar, tal-31 ta’ Diċembru 2008, fil-kuntest tal-“kawża Madoff”. Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2010, is-CSSF irrifjutat li tilqa’ din it-talba. Fl-10 ta’ Jannar 2011, DV ippreżenta rikors intiż għall-bdil jew, fin-nuqqas ta’ dan, għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tas-CSSF. Fil-15 ta’ Diċembru 2011, it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu) ordna lis-CSSF tikkomunikalu l-imsemmija ittra. Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Lulju 2012, it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu) iddikjara r-rikors ippreżentat minn DV bħala parzjalment fondat u, għaldaqstant, annulla d-deċiżjoni tas-CSSF, tat-13 ta’ Diċembru 2010, li għandha bħala suġġett ir-rifjut tal-komunikazzjoni tal-ittra tas-27 ta’ Jannar 2009 imsemmija hawn fuq, bl-eċċezzjoni ta’ ċerta informazzjoni. |
17 |
Fis-26 ta’ Frar 2013, DV talab lis-CSSF, dejjem fil-kuntest tat-tilwimiet prinċipali, il-komunikazzjoni ta’ diversi dokumenti, inkluża l-“ittra tas-CSSF tal-31 ta’ Diċembru 2008 lil [UBS] u l-kwestjonarju tagħha” kif ukoll “l-integralità tal-investigazzjonijiet u/jew miżuri istruttorji mmexxija mis-CSSF fil-kuntest tal-kawża Madoff, b’riferiment għal Luxalpha, u d-dokumenti kollha rċevuti minnha f’din l-okkażjoni”. Skont DV, dawn id-dokumenti jixħtu dawl fuq ir-rwol ta’ UBS fl-istabbiliment u t-twaqqif ta’ Luxalpha, raġuni għalfejn huma indispensabbli sabiex jinftiehem ir-rwol tad-diversi persuni involuti fl-okkażjoni tal-istabbiliment ta’ din il-kumpannija. |
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ April 2013, is-CSSF irrifjutat il-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba, b’mod partikolari minħabba li dawn ma kinux jinsabu fil-fajl amministrattiv li jirrigwarda lil DV, li kienu koperti mill-obbligu tas-sigriet professjonali impost fuqha, li fl-ebda mument tal-proċedura amministrattiva fir-rigward ta’ DV ma kienet invokat id-dokumenti mitluba u li t-talba ta’ DV ma kinitx preċiża biżżejjed. |
19 |
Fil-5 ta’ Ġunju 2013, DV ippreżenta rikors intiż prinċipalment għall-annullament u sussidjarjament għall-bdil tad-deċiżjoni tas-CSSF imsemmija hawn fuq. B’att ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2013 quddiem it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu), EU ddikjara li xtaq jintervjeni volontarjament fl-istanza minħabba li, bħal DV, kien is-suġġett ta’ proċedura amministrattiva li tissanzjonah, fost l-oħrajn, għar-rwol tiegħu fl-istabbiliment u fil-funzjonament ta’ Luxalpha. EU spjega wkoll li ppreżenta rikors kontenzjuż kontra d-deċiżjoni tas-CSSF li tikkonstata t-telf tar-reputazzjoni tajba tiegħu u li għandu bżonn, fil-kuntest tal-imsemmija kawża kontenzjuża, diversi dokumenti li s-CSSF tirrifjuta l-komunikazzjoni tagħhom. |
20 |
Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu), wara li laqa’ l-intervent volontarju ta’ EU fl-istanza, ordna lis-CSSF tikkomunikalu l-ittra indirizzata fil-31 ta’ Diċembru 2008 lil UBS fil-kuntest tal-“kawża Madoff” u ċaħad il-kumplament tar-rikors għal annullament ippreżentat minn DV. |
21 |
B’att ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2014, DV u EU appellaw mill-imsemmija sentenza tat-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu) quddiem il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu). |
22 |
Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2014, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu) iddikjarat l-appell ta’ DV u EU parzjalment fondat u kkundannat lis-CSSF tippreżenta, fil-kuntest tat-tilwimiet prinċipali, l-integralità tal-investigazzjonijiet u miżuri istruttorji mmexxija mis-CSSF fil-kuntest tal-“kawża Madoff”, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-aspett li jikkonċerna lil Luxalpha, u d-dokumenti kollha li hija rċeviet f’din l-okkażjoni. |
23 |
F’din is-sentenza, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu) osservat, b’mod partikolari, li, fi proċedura li tirrigwarda sanzjoni amministrattiva, speċjalment meta hija tkun tixbah proċedura ta’ natura kriminali fid-dawl tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ebda sigriet, fil-prinċipju, ma jista’ jiġi invokat kontra l-persuna li tiddefendi ruħha mill-akkuża jew li teżerċita rikors kontra s-sanzjoni ddikjarata fir-rigward tagħha. B’dan il-mod, jekk l-amministrazzjoni bbażat ruħha fuq dokument li jikkonċerna wkoll terz, hija tista’ tinvoka s-sigriet professjonali kontra l-persuna li fuqha ġiet imposta s-sanzjoni biss f’limiti stretti ħafna, inkella tkun tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ dik il-persuna. Il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu) enfasizzat ukoll li hija l-amministrazzjoni, li fil-prinċipju għandha tissottometti fil-fajl ippreżentat quddiemha l-fajl amministrattiv komplet bil-provi kollha li jirrigwardaw l-att ikkontestat, li għandha tesponi l-motivi li għalihom dokument mitlub mid-difiża ma huwiex rilevanti. F’dan il-każ, is-CSSF sempliċement invokat is-sigriet professjonali mingħajr ma esponiet, b’mod iddettaljat, ir-raġunijiet imperattivi li jimpedixxuha milli tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ DV id-dokumenti kollha li a priori jidhru utli għad-difiża kontra s-sanzjoni imposta fir-rigward tagħha. |
24 |
B’atti ppreżentati fit-23 ta’ Ottubru 2015 u fit-3 ta’ Marzu 2016 quddiem il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu), rispettivament, UBS kif ukoll Alain Hondequin u oħrajn, li aġixxew fil-kwalità tagħha ta’ membri preċedenti tal-bord tad-diretturi ta’ Luxalpha, ippreżentaw oppożizzjoni ta’ terzi kontra l-imsemmija sentenza. UBS ikkritikat lill-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu), essenzjalment, talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39. |
25 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha quddiemha żewġ tipi ta’ mistoqsijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39. Hija tistaqsi, fl-ewwel lok, x’inhu kopert, fid-dawl tal-Artikolu 41 tal-Karta, bl-eċċezzjoni ta’ “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”, li tinsab fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu 54. Hija tistaqsi, fit-tieni lok, kif għandhom jiġu kkonċiljati r-rekwiżiti u l-garanziji li jirriżultaw mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta kif ukoll mill-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB mal-obbligu li jinżamm is-sigriet professjonali stabbilit fl-imsemmi Artikolu 54. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
27 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54(1) u (3) tad-Direttiva 2004/39, moqri flimkien mal-Artikolu 41 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni mill-obbligu tas-sigriet professjonali, previst f’din id-dispożizzjoni u rigward il-“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”, tapplika f’sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri sabiex jaqdu l-funzjonijiet previsti minn din id-direttiva (iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet kompetenti”) jadottaw miżura, jew saħansitra sanzjoni, koperta mid-dritt amministrattiv nazzjonali. Jekk ir-risposta għal dan hija fin-negattiv, hija tistaqsi sa fejn dan l-obbligu tas-sigriet professjonali jinsab f’kull każ ristrett mir-rekwiżiti tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq kif ukoll mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB. |
28 |
Fl-ewwel lok, rigward is-sitwazzjonijiet li hemm riferiment għalihom permezz tal-kliem “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”, fis-sens tal-Artikolu 54(1) u (3) tad-Direttiva 2004/39, moqri flimkien mal-Artikolu 41 tal-Karta, għandu jiġi osservat li mill-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta biċ-ċar li hija indirizzata mhux għall-Istati Membri, iżda biss għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 83 u, tad-9 ta’ Marzu 2017, Doux, C‑141/15, EU:C:2017:188, punt 60). Għaldaqstant l-Artikolu 41 tal-Karta ma huwiex rilevanti fil-kawża prinċipali. |
29 |
Għandu jiġi osservat ukoll li la l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din ma jinkludu definizzjoni tal-kliem “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”, li jinsab fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-artikolu. |
30 |
Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 kif ukoll l-għanijiet segwiti permezz ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 2015, Drukarnia Multipress, C‑357/13, EU:C:2015:253, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Għandu jitfakkar li mill-premessa 2 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din hija intiża sabiex tilħaq il-livell ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex l-investituri jiġu offruti livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex l-impriżi ta’ investiment ikunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Unjoni kollha abbażi tas-sorveljanza eżerċitata fl-Istat Membru ta’ oriġini (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 26). |
32 |
Mit-tieni sentenza tal-premessa 63 tad-Direttiva 2004/39 jirriżulta wkoll li, f’kuntest ta’ attività transkonfinali dejjem tiżdied, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni neċessarja għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva ta’ din id-direttiva (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 27). |
33 |
Għalhekk, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2004/39, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkontrollaw b’mod kontinwu l-attività tal-impriżi ta’ investiment sabiex jiżguraw li dawn josservaw l-obbligi tagħhom (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 28). |
34 |
L-Artikolu 50(1) u (2) tal-istess direttiva jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddisponu mis-setgħat kollha tagħhom ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jkollhom aċċess għal kull dokument u li jitolbu informazzjoni minn kwalunkwe persuna (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 29). |
35 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2004/39 jiddisponi li kull awtorità kompetenti għandha tagħti l-assistenza tagħha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u li, b’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet jew ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 30). |
36 |
Il-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment, ibbażata fuq sorveljanza eżerċitata fi ħdan Stat Membru u fuq l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ diversi Stati Membri, hekk kif deskritt fil-qosor fil-punti preċedenti, jeħtieġ li kemm l-impriżi ssorveljati kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu ċerti li l-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta żżomm bħala regola n-natura kunfidenzjali tagħha (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 31). |
37 |
Bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-aħħar sentenza tal-premessa 63 tad-Direttiva 2004/39, l-assenza ta’ tali fiduċja hija ta’ natura li tikkomprometti t-trażmissjoni mingħajr problemi tal-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività ta’ sorveljanza (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 32). |
38 |
Huwa għalhekk sabiex jiġu protetti mhux biss l-interessi speċifiċi tal-impriżi direttament ikkonċernati, iżda wkoll l-interess ġenerali marbut mal-funzjonament normali tas-swieq ta’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni, li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 jimponi, bħala regola ġenerali, l-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 33). |
39 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 joħloq prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti u jistipula b’mod eżawrjenti l-każijiet speċifiċi li fihom din il-projbizzjoni ġenerali ma hijiex, eċċezzjonalment, ta’ ostakolu għall-komunikazzjoni jew użu tagħha (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 38). |
40 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 54(1) u (3) tad-Direttiva 2004/39 jipprevedi li l-obbligu tas-sigriet professjonali impost fuq l-awtoritajiet kompetenti huwa applikabbli “mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”. |
41 |
Peress li dan huwa eċċezzjoni mill-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti, il-kliem “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”, użat fl-Artikolu 54(1) u (3) tad-Direttiva 2004/39, għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑346/08, EU:C:2010:213, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 50(2)(l) tad-Direttiva 2004/39, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom id-dritt li jirreferu materji għal prosekuzzjoni kriminali. |
43 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 51(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, bla ħsara għall-proċeduri għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni u bla ħsara għad-dritt tagħhom li japplikaw sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, li miżuri jew sanzjonijiet amministrattivi xierqa jkunu jistgħu, rispettivament, jittieħdu jew jiġu applikati fir-rigward tal-persuni responsabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet adottati b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
44 |
F’dan il-kuntest, għandu jitqies, kif l-Avukat Ġenerali osservat essenzjalment fil-punti 47 u 48 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Artikolu 54(1) u (3) tad-Direttiva 2004/39, meta jipprevedi li l-obbligu tas-sigriet professjonali jista’, b’mod eċċezzjonali, jiġi injorat fil-“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”, jirreferi għat-trażmissjoni jew għall-użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali għal finijiet ta’ proċeduri kif ukoll għal finijiet ta’ sanzjonijiet rispettivament immexxija jew imposti skont id-dritt kriminali nazzjonali. |
45 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 76(1) u (3) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349), li rriformulat id-Direttiva 2004/39, li issa jippreċiża li l-obbligu tas-sigriet professjonali huwa applikabbli “[m]ingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tad-dritt kriminali […] nazzjonali”. |
46 |
Għandu jiġi osservat ukoll li, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom taħt id-dritt nazzjonali, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju, il-miżuri li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu wara li jiġi kkonstatat li persuna ma għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ reputazzjoni tajba previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/39, jagħmlu parti mill-“proċeduri għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni” li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 51(1) ta’ din id-direttiva, mingħajr ma jikkostitwixxu, madankollu, sanzjonijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u mingħajr ma l-applikazzjoni tagħhom tkun tgħodd għal każijiet li jaqgħu taħt id-dritt kriminali fis-sens tal-Artikolu 54(1) u (3) tal-imsemmija direttiva. |
47 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-eċċezzjoni mill-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti relatata mal-“każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” ma tapplikax f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
48 |
Għandu madankollu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, sa fejn l-obbligu tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 jinsab f’kull każ ristrett mir-rekwiżiti tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq kif ukoll mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB. |
49 |
B’mod preliminari, sa fejn il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, għandu jitfakkar li, filwaqt li, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni inkwantu prinċipji ġenerali u, filwaqt li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprevedi li d-drittijiet li jinsabu fiha, li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet magħha, strument ġuridiku formalment integrat fl-ordinament ġuridiku ta’ din (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Mill-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw il-Karta, li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47), jirriżulta li l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta jiżguraw, fid-dritt tal-Unjoni, il-protezzjoni mogħtija permezz tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB. Għaldaqstant, għandu jsir riferiment biss għall-imsemmija artikoli tal-Karta. |
51 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi sabiex jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni u li l-applikabbiltà ta’ dan id-dritt timplika dik tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Fil-kawża prinċipali, mill-provi sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjonijiet tas-CSSF inkwistjoni huma bbażati fuq dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi sabiex jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Għaldaqstant id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma applikabbli f’tali kawża. |
53 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqiegħedx inkwistjoni l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta (sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 48). |
54 |
F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, id-dritt għal rimedju effettiv, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura, għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu. |
55 |
Sabiex jiġi ggarantit ir-rispett fi ħdan l-Unjoni ta’ dan id-dritt fundamentali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li huma jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 78). |
56 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-eżistenza ta’ dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni kontra interventi tal-awtoritajiet pubbliċi fl-isfera privata ta’ persuna fiżika jew ġuridika, li jkunu arbitrarji jew sproporzjonati, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Din il-protezzjoni tista’ tiġi invokata minn persuna kontra att li jikkawżalha preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 51 u 52). |
57 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-dritt għal rimedju effettiv huwa affermat mill-ġdid mid-Direttiva 2004/39 innifisha, li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tagħha tipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull deċiżjoni meħuda skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva ikunu rraġunati kif jixraq u bla ħsara għad-dritt għall-applikazzjoni quddiem il-qrati”. |
58 |
Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-kawża prinċipali, id-deċiżjonijiet tas-CSSF inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju sabiex tiġi eżaminata l-legalità tagħhom. |
59 |
It-tieni nett, fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi osservat li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrappreżenta aspett partikolari tad-dritt għal smigħ xieraq (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, l-1 ta’ Ġunju 2010, Gäfgen vs Il-Ġermanja, ECLI:CE:ECHR:2010:0601JUD002297805, § 169, kif ukoll is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48). Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 48(2) tal-Karta. |
60 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu rrispettati f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 9; tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il-Kummissjoni, C‑176/99 P, EU:C:2003:524, punt 19, u tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 83). |
61 |
Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jikkostitwixxi, min-naħa tiegħu, il-korollarju neċessarju għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 316, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 22). |
62 |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jkollhom restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-miżura inkwistjoni u ma jimplikawx, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 63, kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 84). |
63 |
Tali restrizzjonijiet jistgħu, b’mod partikolari, ikunu intiżi sabiex jipproteġu r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità jew ta’ sigriet professjonali, li jistgħu jiġu miksura bl-aċċess għal ċerta informazzjoni u għal ċerti dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Ispas, C‑298/16, EU:C:2017:843, punt 36). |
64 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-obbligu tas-sigriet professjonali li huwa impost fuq l-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, għandu jitfakkar, kif ġie osservat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li dan l-obbligu huwa intiż sabiex jipproteġi mhux biss l-interessi speċifiċi tal-impriżi direttament ikkonċernati, iżda wkoll l-interess ġenerali marbut mal-funzjonament normali tas-swieq ta’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni. |
65 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-projbizzjoni ġenerali ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali stabbilita fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 tkopri l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti li, l-ewwel nett, ma hijiex ta’ natura pubblika u li, it-tieni nett, l-iżvelar tagħha għandu mnejn jippreġudika l-interessi tal-persuna fiżika jew ġuridika li pprovdietha jew ta’ terzi, jew il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa meta adotta d-Direttiva 2004/39 (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 35). |
66 |
Minbarra dan, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan jimplika li l-persuna li hija s-suġġett ta’ att li jikkawżalha preġudizzju għandu jkollha l-possibbiltà li teżamina t-totalità tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-każ li għandhom mnejn ikunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn tal-aħħar jinkludu kemm id-dokumenti inkriminanti kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bl-eċċezzjoni tas-sigrieti kummerċjali li jikkonċernaw persuni oħra, dokumenti interni tal-awtorità li adottat l-att u informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 68, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punt 49). |
67 |
Fir-rigward tad-dokumenti li għandhom jiġu inklużi fil-fajl tal-każ, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, minkejja li ma tistax tkun biss l-awtorità li tinnotifika l-ilmenti u tieħu d-deċiżjoni li timponi sanzjoni, li tistabbilixxi d-dokumenti li huma utli għad-difiża tal-persuni kkonċernati, huwa madankollu permess li jiġu esklużi mill-proċedura amministrattiva l-provi li ma għandhomx x’jaqsmu mal-allegazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li ma huma, għaldaqstant, tal-ebda rilevanza għall-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C 217/00 P u C 219/00 P, EU:C:2004:6, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li d-dritt għall-iżvelar tad-dokumenti rilevanti għad-difiża ma huwiex illimitat u assolut. Bil-kontra, kif l-Avukat Ġenerali osservat essenzjalment fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tagħha, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali li hija imposta fuq l-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 għandha tiġi ggarantita u implimentata b’mod li tiġi kkonċiljata mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. |
69 |
B’dan il-mod, fil-każ ta’ kunflitt bejn, minn naħa, l-interess tal-persuna li hija s-suġġett ta’ att li jikkawżalha preġudizzju li tiddisponi mill-informazzjoni neċessarja sabiex tkun f’pożizzjoni li teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interessi marbuta maż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali, huma l-awtoritajiet jew il-qrati kompetenti li għandhom ifittxu li joħolqu bilanċ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, bejn dawn l-interessi opposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, EU:C:2008:91, punti 51 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
70 |
Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk awtorità kompetenti tinvoka l-obbligu tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 sabiex tirrifjuta l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li hija fil-pussess tagħha u li ma tinsabx fil-fajl li jikkonċerna l-persuna li hija s-suġġett ta’ att li jikkawżalha preġudizzju, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tivverifika jekk din l-informazzjoni għandhiex rabta oġġettiva mal-ilmenti kkunsidrati fir-rigward tagħha u, fl-affermattiv, li tqiegħed f’bilanċ l-interessi osservati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, qabel ma tiddeċiedi dwar il-komunikazzjoni ta’ kull wieħed mill-elementi ta’ informazzjoni mitluba. |
71 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq l-ispejjeż
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.