Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0349

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2017.
    T.KUP SAS vs Belgische Staat.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dumping – Regolament (KE) Nru 1472/2006 – Importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam – Validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1294/2009 – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ miżuri antidumping li ser jiskadu – Importaturi indipendenti – Teħid ta’ kampjuni – Interess tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-349/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:469

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    15 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dumping — Regolament (KE) Nru 1472/2006 — Importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam — Validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1294/2009 — Proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ miżuri antidumping li ser jiskadu — Importaturi indipendenti — Teħid ta’ kampjuni — Interess tal-Unjoni Ewropea”

    Fil-Kawża C‑349/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

    T.KUP SAS

    vs

    Belgische Staat,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal T.KUP SAS, minn A. Tallon u D. Geernaert, avukati,

    għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn H. Marcos Fraile, bħala aġent, assistita minn N. Tuominen, avukat,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.‑F. Brakeland u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 1294/2009 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni [eżami mill-ġdid] tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU 2009, L 352, p. 1), fid-dawl tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 11(2), (5) u (9), tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 10, p. 45), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku antidumping”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn T.KUP SAS u l-Istat Belġjan dwar ir-rimbors ta’ dazji antidumping li hija ħallset fuq l-importazzjoni ta’ xedd tas-saqajn li joriġina miċ-Ċina u mill-Vjetnam.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    L-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku antidumping jipprevedi li:

    “Għajr fiċ-ċirkustanzi li jipprevedi għalihom l-Artikolu 18, l-informazzjoni li tiġi fornuta mill-partijiet interessati u li fuqha huma bbażati s-sejbiet għandha tiġi eżaminata għall-preċiżjoni sakemm ikun possibbli.”

    4

    L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li:

    “[…]

    2.   Miżura definittiva kontra l-bejgħ taħt il-prezz [antidumping] għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-iktar reviżjoni [eżami mill-ġdid] riċenti li kopriet kemm il-bejgħ taħt il-prezz [dumping] u l-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. Reviżjoni ta’ skadenza bħal din għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta’, produtturi Komunitarji, u l-miżura għandha tibqa’ infurzata fl-istennija tar-riżultat ta’ reviżjoni bħal din.

    Reviżjoni ta’ skadenza għandha tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri kienu x’aktarx jirriżultaw f’kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. Probabbiltà bħal din tista’, per eżempju, tiġi indikata b’evidenza ta’ bejgħ taħt il-prezz u ħsara kontinwa jew evidenza li t-tneħħija tal-ħsara hija parzjali jew ikkawżata biss mill-eżistenza ta’ miżuri jew evidenza li ċ-ċirkustanzi ta’ l-esportaturi, jew il-kondizzjonijiet tas-suq, huma tali li kienu jindikaw il-probabbilità ta’ aktar bejgħ taħt il-prezz b’dannu.

    Fit-twettiq ta’ l-investigazzjonijiet taħt dan il-paragrafu l-esportaturi, l-importaturi, ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni u l-produtturi tal-Komunità għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li jamplifikaw, jopponu jew jikkummentaw fuq il-kwistjonijiet stabbiliti fit-talba tar-reviżjoni, u għandhom isiru konklużjonijiet, filwaqt li tingħata l-attenzjoni mistħoqqa għall-evidenza rilevanti u dokumentata ppreżentata fejn għandha x’taqsam il-kwistjoni dwar jekk l-iskadenza tal-miżuri twassalx għall-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u tal-ħsara.

    Notifika ta’ l-iskadenza pendenti għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-[Unjoni Ewropea] fi żmien xieraq fis-sena tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri finali kif definiti f’dan il-paragrafu. Minn hemm, il-produtturi tal-Komunità għandhom, mhux iktar tard minn tlett xhur qabel l-aħħar tal-perjodu ta’ ħames snin, ikunu intitolati li jagħmlu talba ta’ reviżjoni skond it-tieni sub-paragrafu. Notifika li tħabbar l-iskadenza attwali tal-miżuri skond dan il-paragrafu għandha wkoll tiġi ppubblikata.

    […]

    5.   Id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament rigward proċeduri u t-twettieq ta’ investigazzjonijiet, ħlief dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ limiti ta’ żmien, jgħoddu għal kull reviżjoni li titwettaq skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu. Ir-reviżjonijiet li jitwettqu skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom jitwettqu malajr u normalment għandhom jintemmu fi 12-il xahar mill-bidu tar-reviżjoni. F’kull ċirkostanza, reviżjonijiet skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom f’kull każ jintemmu fi 15-il xahar minn meta jinbdew. Reviżjonijiet skond il-paragrafu 4 għandhom f’kull każ jintemmu fi żmien disa’ xhur mid-data ta’ meta jinbdew. Jekk tinbeda reviżjoni skond il-paragrafu 2 waqt li tkun għaddejja reviżjoni skond il-paragrafu 3 fl-istess proċediment, ir-reviżjoni skond il-paragrafu 3 għandha tintemm fl-istess ħin kif stabbilit hawn fuq għar-reviżjoni skond il-paragrafu 2.

    Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta għal azzjoni lill-Kunsill mhux aktar tard minn xahar qabel l-iskadenza tat-termini perentorji fuq imsemmija.

    Jekk l-investigazzjoni ma tintemmx fit-terminu perentorju fuq imsemmi, il-miżura għandha:

    tiskadi f’investigazzjonijiet skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu,

    tiskadi fil-każ ta’ investigazzjonijiet imwettqa skond il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu b’mod parallel, fejn jew l-investigazzjoni skond il-paragrafu 2 kienet inbdiet waqt li kienet għaddejja reviżjoni skond il-paragrafu 3 fl-istess proċediment jew fejn dawn ir-reviżjonijiet inbdew fl-istess ħin, jew

    tibqa’ l-istess f’investigazzjonijiet skond il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

    Avviż li jxandar l-iskadanza fattwali jew iż-żamma tal-miżuri skond dan il-paragrafu għandu imbagħad jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    […]

    9.   Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni jew ta’ rifużjoni imwettqa skond dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-Artikolu 2, u b’mod partikolari għall-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u għall-Artikolu 17.

    […]”

    5

    Skont l-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament:

    “F’każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet [tranżazzjonijiet] huma kbar, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transizzjonijiet bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla, jew għall-akbar volum ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.”

    6

    L-Artikolu 21 tal-istess regolament jipprevedi li:

    “1.   Għandu jkun stabbilit jekk l-interess Komunitarju jitlobx intervent fuq il-bażi ta’ apprezzament ta’ l-interessi varji kollha meħuda globalment, inklużi l-interessi ta’ l-industrija u dawk fl-użu u l-konsumaturi domestiċi; u dan l-istabbiliment skond dan l-Artikolu għandu biss isir fejn il-partijiet kollha ġew mogħtija l-opportunità li jagħmlu l-opinjonijiet tagħhom magħrufa skond il-paragrafu 2. F’eżaminazzjoni bħal din, il-bżonn illi tiġi eliminata l-ħsara li jikkawża l-bejgħ taħt il-prezz [dumping] u li jreġġa’ l-kompetizzjoni effettiva għandu jiġi mogħti kunsiderazzjoni speċjali. Miżuri, kif stabbiliti fuq il-bażi tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara misjuba, ma jistgħux jiġu applikati fejn l-awtoritajiet, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni sottomessa, jistgħu jikkonkludu b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Komunità li jiġu applikati miżuri bħal dawn.

    2.   Sabiex tiġi mogħtija bażi soda li fuqha l-awtoritajiet jistgħu jagħtu kas ta’ l-opinjonijiet u l-informazzjoni kollha fid-deċiżjoni ta’ jekk l-impożizzjoni tal-miżuri hiex fl-interess tal-Komunità jew le, min jagħmel l-ilmenti, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, dawk ir-rappreżentanti fl-użu u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jistgħu, fi żmien il-limiti ta’ żmien speċifikati fin-notifikazzjoni ta’ l-bidu [fl-avviż ta’ tnedija] ta’ l-investigazzjoni ta’ kontra l-bejgħ taħt il-prezz [antidumping], jagħmlu lilhom infushom magħrufa u jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni. Informazzjoni bħal din, jew ġabriet fil-qosor xierqa, għandhom jiġu magħmula disponibbli lill-partijiet l-oħra speċifikati f’dan l-Artikolu, u għandhom ikunu intitolati li jirrispondu għal informazzjoni bħal din.

    3.   Il-partijiet li aġixxew f’konformità mal-paragrafu 2 jistgħu jitolbu li jiġu mismugħa. Talbiet bħal dawn għandhom jiġu mogħtija meta jiġu ppreżenatati fi żmien il-limiti ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 2, u meta jistabbilixxu raġunijiet, f’termini ta’ l-interess Komunitarju, għalfejn il-parti għandha tiġi mismugħa.

    4.   Il-partijiet li aġġixxew f’konformità mal-paragrafu 2 jistgħu jipprovdu kummenti fuq l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dazji proviżjonali imposti. Kummenti bħal dawn għandhom jiġu riċevuti fi żmien xahar mill-applikazzjoni ta’ miżuri bħal dawn jekk għandu jingħata kas tagħhom u dawn, jew taqsiriet xierqa tagħhom, għandhom jiġu magħmula disponibbli lill-partijiet l-oħra li għandhom ikunu intitolati li jirrispondu għal kummenti bħal dawn.

    5.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni li tiġi sottomessa kif suppost u l-punt ta’ kemm tkun rappreżentattiva u r-riżultati ta’ analiżi bħal din, flimkien ma’ opinjoni fuq il-meriti tagħha, għandhom jiġu trasmessi lill-Kumitat Konsultattiv. Il-Kummisjoni għandha tagħti kas tal-bilanċ ta’ l-opinjonijiet imfissra fil-Kumitat waqt kwalunkwe proposta magħmula skond l-Artikolu 9.

    6.   Il-partijiet li aġġixxew f’konformità mal-paragrafu 2 jistgħu jitolbu l-fatti u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom x’aktarx li jittieħdu d-deċiżjonijiet finali biex jiġu magħmula disponibbli għalihom. Informazzjoni bħal din għandha tiġi magħmula disponibbli sa dak il-punt possibbli u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti meħudha mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill.

    7.   Informazzjoni għandha tiġi meqjusa biss fejn tkun appoġġata minn evidenza attwali li tissostanzja l-validità tagħha.”

    7

    Skont il-premessi 12, 13, 34 sa 38, 489, 490 u 502 tar-Regolament Nru 1294/2009:

    “(12)

    Minħabba n-numru kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati, ta’ produtturi tal-Unjoni u ta’ importaturi involuti fl-investigazzjoni, l-applikazzjoni tat-teħid ta’ kampjuni ġiet prevvista fin-Notifika tal-bidu [fl-avviż ta’ tnedija] skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku [antidumping].

    (13)

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid ta’ kampjuni, u, jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-prodotturi esportaturi u r-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, il-produtturi u l-importaturi tal-Unjoni ġew mitluba li jippreżentaw lilhom infushom u li jipprovdu l-informazzjoni kif speċifikat fin-Notifika tal-bidu.

    […]

    (34)

    Skont l-informazzjoni disponibbli, ġew ikkuntattjati 139 importatur. 22 importatur mhux relatati wieġbu l-formola tat-teħid tal-kampjuni, li minnhom 21 qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Skont id-dejta sottomessa, dawn il-21 importatur kienu jammontaw għal 12 % tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-[Repubblika Popolari taċ-Ċina] u 40 % ta’ dawk l-importazzjonijiet mill-Vjetnam ([fil-perijodu ta’ investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid]).

    (35)

    L-ikbar ħames importaturi (Adidas, Clarks, Nike, Puma u Timberland) kienu jammontaw għal madwar 18 % tal-importazzjonijiet ikkonċernati għax kollha rrappurtaw importazzjonijiet konsiderevoli miż-żewġ pajjiżi. Għaldaqstant ġie meqjus li kampjun li jkun magħmul minn dawn il-ħames kumpaniji jkun rappreżentattiv fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku [antidumping], i.e. f’termini tal-volum tal-importazzjonijiet.

    (36)

    Madankollu, sabiex tiġi riflessa aħjar il-firxa ġeografika tal-importaturi u d-differenzi fit-tipi ta’ xedd tas-saqajn importati, ġew magħżula tliet importaturi oħra. F’dan ir-rigward, mir-ritorni tal-kampjuni, kien jidher li ħafna mill-importaturi li wieġbu kienu joperaw fuq skala iżgħar f’termini ta’ volum u li kienu importaw żraben tad-ditta inqas magħrufa/tal-moda jew żraben ta’ valur ogħla. Il-mudell tan-negozju u s-setturi tal-prodott innegozjat ta’ dawn l-importaturi iżgħar dehru li huma distinti mill-akbar importaturi u dawn l-importaturi iżgħar setgħu flimkien jammontaw għal sehem importanti tal-importazzjonijiet ikkonċernati. Għaldaqstant ġie meqjus importanti li dawn l-importaturi jiġu rappreżentati wkoll, għax ir-realtà ekonomika ta’ dawn il-kumpaniji tista’ tkun differenti minn dawk tal-importaturi l-kbar imsemmija fil-premessa (35) t’hawn fuq.

    (37)

    Fuq dawn il-bażijiet, ġie magħżul kampjun li jikkonsisti fi tmien importaturi inklużi l-akbar ħames importaturi u tliet importaturi iżgħar. Dawn irrappreżentaw madwar 10 % tal-importazzjonijiet mir-[Repubblika Popolari taċ-Ċina] u madwar 34 % tal-importazzjonijiet mill-Vjetnam.

    (38)

    L-importaturi kollha li kkooperaw li kienu wrew ix-xewqa li jikkooperaw ingħataw l-opportunità li jikkumentaw dwar l-għażla tal-kampjun. Intbgħatu kwestjonarji biex jimtlew mill-kumpaniji inklużi fil-kampjun. Sebgħa mill-importaturi inklużi fil-kampjun wieġbu fil-limitu taż-żmien stipulat. Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħu, it-tmien importatur inkluż fil-kampjun kellu jiġi eskluż mill-kampjun.

    […]

    (489)

    Min-naħa l-oħra, l-impatt tad-dazji anti-dumping mill-2006 sal-RIP fuq l-importaturi, bejjiegħa bl-imnut/distributuri u konsumaturi ma kienx sproporzjonat. Jekk ikomplu l-miżuri u fuq il-preżunzjoni li d-domanda tal-konsumaturi għandha tkompli tbatti u fid-dawl tal-kriżi ekonomika, l-impatt tad-dazji anti-dumping fuq il-parteċipanti kollha f’kull probabbiltà jkun ogħla milli fil-passat. Madankollu, meta wieħed iqis l-istat ġeneralment b’saħħtu u l-flessibbiltà pruvata tal-importaturi u l-pożizzjoni fis-suq ġeneralment b’saħħitha tal-bejjiegħa bl-imnut/distributuri li jistgħu jiddiversifikaw it-taħlita tal-prodott tagħhom konsiderevolment, tista’ ssir preżunzjoni li dawn l-operaturi m’għandhomx isofru sproporzjonalment fit-terminu qasir sa medju. Fir-rigward tal-konsumaturi, ma kienx hemm żieda notevoli fil-prezz meta wieħed iqis l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping u, anke meta wieħed iqis ir-riżultati tal-analiżi ta’ wara l-[perijodu ta’ investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid], m’hemmx indikazzjonijiet li l-prezzijiet tal-konsumatur għandhom jiżdiedu sproporzjonalment fil-futur.

    (490)

    Bħala konklużjoni, l-investigazzjoni tar-reviżjoni [tal-eżami mill-ġdid] ma żvelatx raġunijiet konvinċenti għala m’għandhomx jinżammu l-miżuri anti-dumping.

    […]

    (502)

    Ġie ddikjarat li analiżi tal-benefiċċji potenzjali tas-sospensjoni tal-miżuri għall-importaturi kienet nieqsa. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li fuq il-bażi tat-test tal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku dwar l-anti-dumping, għandu jiġi analizzat jekk hemmx raġunijiet konvinċenti biex ma jiġux imposti l-miżuri anti-dumping. Fil-qafas ta’ reviżjoni ta’ skadenza dan ifisser li għandu jiġi analizzat jekk jeżistux raġunijiet konvinċenti biex ma jinżammux il-miżuri, i.e. għandhom jiġu identifikati l-effetti negattivi ta’ titwil ta’ dawk il-miżuri u dawn l-effetti għandhom jiġu bbilanċjati mal-benefiċċji tal-industrija tal-Unjonibiex jiġi vvalutat jekk dawk l-effetti negattivi humiex sproporzjonati. Għaldaqstant, mil-lat legali, ix-xenarju oppost, i.e. li l-miżuri jitħallew jiskadu, irid biss jiġi analizzat aktar jekk hemm indikazzjonijiet speċifiċi fil-każ li dan ikun jikkostitwixxi piż sproporzjonat għall-importaturi, il-bejjiegħa bl-imnut jew il-konsumaturi. Ma nstabux indikazzjonijiet bħal dawn. Madankollu, u għas-saħħa tal-argument biss, dan li ġej jista’ jintqal dwar l-effetti probabbli fuq l-importaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi jekk il-miżuri jiskadu. Fir-rigward tal-importaturi, l-investigazzjoni wriet li parti tat-telf tagħhom ta’ profitabbiltà mill-2005 sal-[perijodu ta’ investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid] tista’ tkun attribwita għad-dazji anti-dumping imħallsa. Jekk il-miżuri jiskadu u l-ispejjeż l-oħra jibqgħu stabbli, dawn l-ispejjeż jgħibu u f’dan ir-rigward, il-livelli ta’ profitt jistgħu jiżdiedu għal livell ogħla minn dak ta’ madwar 20 % li nstab matul l-investigazzjoni. Għall-bejjiegħa bl-imnut, mhuwiex ċar mill-informazzjoni fil-fajl jekk dawn jibbenefikawx minn skadenza tal-miżuri, għax l-importaturi inklużi fil-kampjun mhux dejjem adattaw il-prezzijiet tagħhom ta’ bejgħ mill-ġdid f’każ li l-prezzijiet tal-importazzjoni jaqgħu, kif jista’ jidher minn tqabbil tal-prezz tal-importazzjoni medju aritmetiku u l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid medju aritmetiku mill-2007 sal-[perijodu ta’ investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid].

    Fir-rigward tal-effett fuq il-konsumaturi, hu saħansitra inqas probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal tnaqqis fil-prezzijiet, billi l-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut baqgħu fil-biċċa l-kbira stabbli minkejja ċ-ċaqliq fil-prezzijiet fil-livell ta’ importazzjoni mill-2005 sal-[perijodu ta’ investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid]. Barra minn hekk, x’aktarx ukoll li l-konsumaturi ma jibbenefikawx permezz ta’ għażla akbar billi ma hemm l-ebda evidenza fil-fajl li turi li l-għażla għall-konsumaturi ġiet affettwata mill-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping. F’kull każ, dan kollu ma jistax ibiddel il-konklużjonijiet globali li ma hemmx raġunijiet konvinċenti biex ma jinżammux il-miżuri.”

    8

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1294/2009 jipprevedi li:

    “Qed jiġi hawnhekk impost dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tax-xedd tas-saqajn bil-partijiet ta’ fuq tal-ġilda jew ġilda komposta, minbarra xedd tas-saqajn sportiv, xedd tas-saqajn li jinvolvi teknoloġija speċjali, papoċċi u xedd tas-saqajn ieħor ta’ ġewwa u xedd tas-saqajn b’maskaretta protettiva, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Vjetnam u li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM: 6403 20 00, ex 6403 51 05, ex 6403 51 11, ex 6403 51 15, ex 6403 51 19, ex 6403 51 91, ex 6403 51 95, ex 6403 51 99, ex 6403 59 05, ex 6403 59 11, ex 6403 59 31, ex 6403 59 35, ex 6403 59 39, ex 6403 59 91, ex 6403 59 95, ex 6403 59 99, ex 6403 91 05, ex 6403 91 11, ex 6403 91 13, ex 6403 91 16, ex 6403 91 18, ex 6403 91 91, ex 6403 91 93, ex 6403 91 96, ex 6403 91 98, ex 6403 99 05, ex 6403 99 11, ex 6403 99 31, ex 6403 99 33, ex 6403 99 36, ex 6403 99 38, ex 6403 99 91, ex 6403 99 93, ex 6403 99 96, ex 6403 99 98 u ex 6405 10 00 […]”

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    T.KUP, li s-sede tagħha jinsab f’Toulouse (Franza), importat, matul il-perijodu bejn it-28 ta’ Ġunju 2006 sal-24 ta’ Jannar 2011, permezz tal-port ta’ Antwerpen (il-Belġju), 26 kunsinna ta’ xedd tas-saqajn prodotti fiċ-Ċina, akkwistati mid-distributur Tajwaniż Eastern Shoes Collection Co. Ltd, li fuqhom ġew imposti dazji antidumping bir-rata ta’ 16.5 %, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 553/2006, tat-23 ta’ Marzu 2006, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Vjetnam (ĠU 2006, L 98, p. 3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006, tal-5 ta’ Ottubru 2006, [li] jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn [xedd tas-saqajn] bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU 2006, L 275, p. 1), u r-Regolament Nru 1294/2009.

    10

    Fis-27 ta’ Ġunju 2012, T.KUP ressqet quddiem l-ispettorat doganali ta’ Antwerpen (il-Belġju) talba għar-rimbors tad-dazji hekk imposti, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53).

    11

    Fl-14 ta’ Settembru 2012, din it-talba kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda. Fil‑25 ta’ Frar 2013, T.KUP ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem id-direttorat reġjonali tad-dwana u tas-sisa ta’ Antwerpen (il-Belġju). Fit-18 ta’ April 2013, l-imsemmi direttorat informa lil T.KUP bl-intenzjoni tiegħu li jiċħad it-talba tagħha.

    12

    Fis-7 ta’ Ġunju 2013, dan l-istess direttorat informa lil T.KUP li huwa kien ser jissospendi d-deċiżjoni tiegħu sakemm jiġu riżolti numru ta’ każijiet pilota.

    13

    Fl-24 ta’ Ottubru 2013, T.KUP ippreżentat appell amministrattiv kontra l-assenza ta’ deċiżjoni fit-terminu previst, u sussegwentement, fit-2 ta’ Settembru 2014, ressqet azzjoni kontra l-assenza ta’ deċiżjoni fuq l-imsemmi appell amministrattiv quddiem il-qorti tar-rinviju.

    14

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fid-dawl tal-ksur tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku antidumping, ir-Regolament Nru 1294/2009 huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur bħal dak inkwistjoni meta, minkejja l-fatt li kien jaqbel li jiġi eżaminat numru maniġġabbli ta’ wieħed u għoxrin importatur, fl-eżami mill-ġdid tagħha l-Kummissjoni użat sistema ta’ teħid ta’ kampjuni, liema sistema barra minn hekk kienet tirrigwarda biss tmien importaturi?

    2)

    Fid-dawl tal-ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku antidumping, ir-Regolament Nru 1294/2009 huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur bħal dak inkwistjoni sa fejn, fl-eżami mill-ġdid tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-provi ppreżentati billi fit-teħid ta’ kampjuni hija inkludiet ħames importaturi kbar fil-konfront ta’ tliet importaturi żgħar biss u billi ħadet prinċiplament inkunsiderazzjoni, barra minn hekk, data ppreżentata minn dawk il-ħames importaturi kbar?

    3)

    Fid-dawl tal-ksur tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku antidumping jew tal-Artikolu 11(2), (5) u (9) ta’ dan l-istess regolament, ir-Regolament Nru 1294/2009 huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur bħal dak inkwistjoni, meta fl-eżami mill-ġdid tagħha l-Kummissjoni kellha elementi insuffiċjenti sabiex tiddetermina li għad hemm importazzjoni suġġetta għal dumping u li minnha jirriżulta dannu?

    4)

    Fid-dawl tal-ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku antidumping, ir-Regolament Nru 1294/2009 huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur, bħal dak inkwistjoni, meta fl-eżami mill-ġdid tagħha l-Kummissjoni teħtieġ li jkun hemm elementi speċjali li jindikaw li l-estensjoni tikkostitwixxi oneru sproporzjonat għal importatur?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    15

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jsostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li t-talba għal deċiżjoni preliminari kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma kinitx wettqet stħarriġ awtonomu tal-validità tar-Regolament Nru 1294/2009, u rrepetiet biss id-dubji espressi minn T.KUP f’dan ir-rigward.

    16

    Għandu jitfakkar li mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi għaliex hija tqis li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima (sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 24, u tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    17

    Għaldaqstant huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu. Tali rekwiżit jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 25, u tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u mir-rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2012, C 338, p. 1, punt 22) (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Jannar 2017, Boudjellal, C‑508/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:6, punt 22).

    18

    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati oħra li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, fid-dawl tal-fatt li, skont dan l-artikolu, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, bl-esklużjoni tal-fajl nazzjonali li eventwalment jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 26, u tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, fil-qosor iżda xorta waħda b’mod ċar, li l-qorti tar-rinviju eżaminat il-motivi mressqa minn T.KUP dwar l-invalidità tar-Regolament Nru 1472/2006 u tar-Regolament Nru 1294/2009. Minn naħa, hija ċaħdet bħala infondati l-argumenti bbażati fuq l-invalidità tar-Regolament Nru 1472/2006 mressqa b’mod prinċipali u rrifjutat konsegwentement li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari mitluba minn T.KUP. Għall-kuntrarju u min-naħa l-oħra, hija eżaminat l-argumenti dwar l-invalidità tar-Regolament Nru 1294/2009 mressqa b’mod sussidjarju u qieset li dawn kienu irrilevanti.

    20

    Barra minn hekk, kemm il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Gvern Belġjan kellhom l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-domandi tal-qorti tar-rinviju.

    21

    Minn dan jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    Fuq l-ewwel tliet domandi

    22

    Permezz tal-ewwel tliet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1294/2009 huwiex invalidu, għar-raġuni li l-kompożizzjoni tal-kampjun ta’ importaturi magħżul mill-istituzzjonijiet ma kienx suffiċjentement rappreżentattiv fid-dawl tar-rekwiżiti tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku antidumping, b’tali mod li huma ma għandhomx elementi suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jikkonstataw l-eżistenza ta’ dumping u għalhekk ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 1294/2009, fl-avviż ta’ tnedija ġie previst li tintuża t-teknika ta’ teħid ta’ kampjuni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku antidumping, minħabba n-numru kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati, ta’ produtturi tal-Unjoni u ta’ importaturi involuti fl-investigazzjoni.

    24

    It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku antidumping jipprevedi żewġ metodi ta’ teħid ta’ kampjuni. Fil-fatt, investigazzjoni tista’ tkun limitata jew għal numru raġonevoli ta’ partijiet, ta’ prodotti, jew ta’ tranżazzjonijiet li huma statistikament rappreżentattivi abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla, jew inkella għall-ikbar volum ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ esportazzjonijiet li jistgħu b’mod raġonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 86).

    25

    F’dan il-każ, mill-premessi 34 sa 37 tar-Regolament Nru 1294/2009 jirriżulta li, minn 139 importatur ikkuntattjati abbażi tal-informazzjoni disponibbli u minn 22 importatur indipendenti li wieġbu għall-formola ta’ teħid ta’ kampjuni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħżel kampjun kompost mill-ħames importaturi indipendenti l-iktar importanti, jiġifieri Adidas, Clarks, Nike, Puma u Timberland, li jirrappreżentaw 18 % tal-importazzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll tliet importaturi oħra, sabiex tiġi riflessa aħjar il-firxa ġeografika tal-importaturi u d-differenzi fit-tipi ta’ xedd tas-saqajn importati. Dan il-kampjun kien jirrappreżenta 10 % tal-importazzjonijiet miċ-Ċina u madwar 34 % tal-importazzjonijiet mill-Vjetnam. Il-premessa 38 tar-Regolament Nru 1294/2009 tindika, madankollu, li sebgħa biss mit-tmien importaturi magħżula wieġbu għall-kwestjonarju li kien ġie indirizzat lilhom, b’tali mod li t-tmien wieħed fl-aħħar ġie eskluż mill-kampjun.

    26

    Hekk kif il-Kunsill u l-Kummissjoni semmew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-kampjun ta’ importaturi ġie kkostitwit abbażi tat-tieni metodu ta’ teħid ta’ kampjuni previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku antidumping, peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq il-volum ta’ importazzjonijiet sabiex tikkostitwixxi l-kampjun, billi għażlet li tinkudi fih il-ħames importaturi prinċipali, hekk kif jirriżulta mill-premessa 35 tar-Regolament Nru 1294/2009. Madankollu, fil-premessa 36 tal-imsemmi regolament hemm ippreċiżat li l-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tikkompleta din l-għażla inizjali billi tieħu inkunsiderazzjoni tliet importaturi addizzjonali, sabiex tiġi riflessa aħjar il-firxa ġeografika tagħhom u l-varjetà tal-importazzjonijiet tagħhom.

    27

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla li jużaw it-teħid ta’ kampjuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 93), b’tali mod li l-qorti tal-Unjoni għandha, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha, tillimita ruħha li tivverifika li l-imsemmija għażla ma tkunx ibbażata fuq fatti materjalment mhux eżatti jew ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm in-numru ta’ 21 importatur indipendenti li kienu lesti li jkunu parti mill-kampjun, minn total ta’ 139 importatur ikkuntattjati, ma jidhirx, f’termini assoluti, li huwa għoli ħafna, jibqa’ l-fatt li T.KUP ma pproduċiet l-ebda element li jwassal għall-konklużjoni li, billi ddeċiedew jużaw it-teħid ta’ kampjuni, l-istituzzjonijiet eċċedew manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

    29

    Madankollu, T.KUP tikkontesta l-kompożizzjoni tal-kampjun iktar milli l-għażla li jintuża t-teħid ta’ kampjuni, għaliex hija tqies li l-kampjun huwa essenzjalment insuffiċjentement rappreżentattiv.

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku antidumping, fil-każijiet fejn in-numru ta’ lanjanti, ta’ esportaturi jew ta’ importaturi, ta’ tipi ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet huma kbar, il-kompożizzjoni ta’ kampjun tista’ tiġi ddeterminata abbażi ta’ żewġ metodi alternattivi. Fil-fatt, l-investigazzjoni tista’ tiġi llimitata għal numru raġonevoli ta’ partijiet, ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet billi jintużaw kampjuni li huma statistikament rappreżentattivi abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Madankollu, hija tista’ wkoll tiġi llimitata, fid-diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet, għall-ikbar volum ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ esportazzjonijiet li jistgħu b’mod raġonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

    31

    Minn dan jirriżulta li, meta jagħżlu t-tieni metodu ta’ teħid ta’ kampjuni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ċerta diskrezzjoni, fir-rigward tal-evalwazzjoni prospettiva ta’ dak li huwa raġonevolment possibbli li jwettqu fit-terminu impost fuqhom għall-investigazzjoni tagħhom.

    32

    Issa, l-investigazzjonijiet dwar l-eżami mill-ġdid ta’ miżuri antidumping għandhom, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku antidumping, jitwettqu malajr u normalment għandhom jintemmu fi tnax-il xahar mill-bidu tagħhom, fejn huwa ppreċiżat li l-istituzzjonijiet huma obbligati barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku antidumping, li jivverifikaw sa fejn ikun possibbli l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati u li fuqha huma jibbażaw is-sejbiet tagħhom.

    33

    Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-kampjun magħżul mill-Kummissjoni, minkejja li huwa kompost minn tmien importaturi biss, kien jirrappreżenta 10 % tal-importazzjonijiet miċ-Ċina u 34 % tal-importazzjonijiet mill-Vjetnam, li jidher li huma sinjifikattiv. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fil-fatt fuq informazzjoni li tirrifletti terz mill-importazzjonijiet mill-Vjetnam. Barra minn hekk, għalkemm ir-rata ta’ 10 % tal-importazzjonijiet miċ-Ċina tista’ prima facie tidher baxxa, din għandha titqiegħed fil-kuntest tal-volum tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina f’dan is-settur. Minbarra dan, il-Kunsill u l-Kummissjoni għażlu l-ikbar ħames importaturi kif ukoll tliet importaturi oħra sabiex tiġi riflessa aħjar il-firxa ġeografika tagħhom u l-varjetà ta’ xedd tas-saqajn importata.

    34

    Fl-aħħar nett, la l-qorti tar-rinviju u lanqas T.KUP ma ressqu l-iċken element li jistabbilixxi li l-integrazzjoni ta’ importaturi oħra fil-kampjun kien indispensabbli sabiex dan tal-aħħar jitqies bħala effettivament rappreżentattiv mill-perspettiva tal-firxa ġeografika tal-importaturi jew tal-varjetà ta’ xedd tas-saqajn importata.

    35

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-istituzzjonijiet ikkonċernati kisru, fil-kuntest tal-kompożizzjoni tal-kampjun ta’ importaturi, ir-regoli ta’ dritt li japplikaw għalihom jew eċċedew il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom minn tali regoli.

    36

    Konsegwentement, mill-eżami tal-ewwel tliet domandi ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 1294/2009.

    Fuq ir-raba’ domanda

    37

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1294/2009 huwiex ivvizzjat b’illegalità, sa fejn il-Kummissjoni allegatament talbet, bi ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku antidumping, li l-importaturi indipendenti, bħal T.KUP, juru, permezz ta’ provi iktar b’saħħithom, li l-estensjoni tad-dazji antidumping tikkostitwixxi piż sproporzjonat għalihom.

    38

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, T.KUP ippreċiżat li l-premessi 406, 458 u 502 tar-Regolament Nru 1294/2009, b’mod partikolari, juru li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-interess tal-Unjoni fiż-żamma tal-miżuri, il-Kummissjoni kienet tat inqas importanza lill-importaturi milli lill-produtturi, u b’hekk ħolqot inugwaljanza fit-trattament li tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku antidumping.

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li l-Kunsill u l-Kummissjoni eżaminaw il-kwistjoni tal-interess tal-Unjoni fil-premessi 388 sa 490 tar-Regolament Nru 1294/2009 u l-interess tal-importaturi fil-premessi 408 sa 458 tiegħu. Dawn l-istituzzjonijiet ikkonstataw, fil-premessa 489 ta’ dan ir-regolament, li l-effett tad-dazji antidumping fuq l-importaturi, b’mod partikolari, bejn id-data tal-impożizzjoni tagħhom u l-perijodu ta’ investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid, ma kienx sproporzjonat. Huma kkonkludew, fil-premessa 490 tal-istess regolament, li l-investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid ma żvelat ebda raġuni konvinċenti għalfejn il-miżuri antidumping ma għandhomx jinżammu.

    40

    L-imsemmija istituzzjonijiet, barra minn hekk, eżaminaw l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet, wara l-komunikazzjoni tal-konklużjonijiet, fil-premessi 497 sa 504 tar-Regolament Nru 1294/2009.

    41

    Il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreċiżaw, fil-premessa 502 ta’ dan ir-regolament, li, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku antidumping, huma għandhom l-obbligu li janalizzaw, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid dwar l-iskadenza tal-miżuri, jekk jeżistux raġunijiet konvinċenti sabiex ma jinżammux il-miżuri, u għalhekk li jidentifikaw l-effetti negattivi ta’ estensjoni ta’ dawn il-miżuri u li jibbilanċjaw dawn l-effetti mal-benefiċċji li jirriżultaw minn tali żamma għall-industrija tal-Unjoni, biex b’hekk jiġi evalwat jekk dawn l-effetti negattivi humiex sproporzjonati. Għaldaqstant, ix-xenarju oppost, jiġifieri l-analiżi tal-kwistjoni dwar jekk it-tneħħija tal-miżuri għandhiex tiġi awtorizzata, japplika biss jekk ikunu jeżistu “indikazzjonijiet speċifiċi” fil-fajl li juru li ż-żamma tal-miżuri tkun tikkostitwixxi “piż sproporzjonat” għall-importaturi. Issa, f’dan il-każ, ma nstabet l-ebda indikazzjoni bħal din. L-imsemmija premessa tindika barra minn hekk li, fi kwalunkwe każ, l-investigazzjoni kienet uriet li t-telf ta’ qligħ tal-importaturi setgħet tiġi attribwita, parzjalment, għad-dazji antidumping imħallsa u li jekk il-miżuri jitneħħew, il-profitti setgħu jeċċedu l-livell ta’ madwar 20 % stabbilit matul l-investigazzjoni.

    42

    Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku antidumping jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mitluba sabiex jiddeterminaw jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu adottati jew estiżi miżuri antidumping, l-obbligu li jevalwaw l-interessi kollha involuti meħuda fl-intier tagħhom, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll dawk tal-utenti u tal-konsumaturi, billi jagħtu attenzjoni partikolari għan-neċessità li jiġu eliminati l-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni minn dumping dannuż u li tiġi stabbilita mill-ġdid kompetizzjoni effettiva. Tali determinazzjoni tista’ ssir biss jekk il-partijiet kollha jkunu ngħataw l-possibbiltà li jesprimu l-opinjoni tagħhom, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

    43

    L-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku antidumping jipprevedi għalhekk id-dritt tad-diversi partijiet, fosthom l-importaturi, minn naħa, li jesprimu l-opinjoni tagħhom u li jagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-informazzjoni mogħtija mill-partijiet l-oħra. L-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi wkoll id-dritt tal-partijiet kollha li, fuq talba tagħhom u taħt ċerti kundizzjonijiet, jinstemgħu mill-Kummissjoni.

    44

    L-eżami tal-interess tal-Unjoni fl-adozzjoni jew fiż-żamma ta’ miżura antidumping jikkostitwixxi għalhekk operazzjoni proċedurali stretta ħafna li tirrikjedi l-ibbilanċjar tal-interessi tal-partijiet kollha u l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li jimplikaw stħarriġ limitat tal-qorti tal-Unjoni.

    45

    Madankollu, fil-kawża prinċipali ma huwiex ikkontestat li l-istituzzjonijiet ikkonċernati osservaw il-varji drittijiet proċedurali mogħtija lill-partijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2) u (3) tar-Regolament bażiku antidumping, fosthom b’mod partikolari l-importaturi, billi tawhom l-opportunità li jiddefendu l-interessi tagħhom fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni fiż-żamma tal-miżuri antidumping.

    46

    Ir-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju, li ġiet iċċarata permezz tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ T.KUP, ma tirrigwardax l-osservanza tar-rekwiziti ta’ natura proċedurali imposti fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda tirrigwarda n-natura tal-eżami mwettaq minnhom sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni fiż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, b’mod iktar preċiż, l-oneru tal-prova li huma imponew fuq l-importaturi li jkunu qed jipprovaw jiksbu r-rikonoxximent tal-interess tagħhom fit-tneħħija ta’ dawn il-miżuri.

    47

    Madankollu għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, għalkemm l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi kollha involuti, billi jiżguraw li l-partijiet jingħataw il-possibbiltà li jesprimu l-opinjoni tagħhom, huma dawn tal-aħħar li għandhom jipproduċu l-provi insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom. L-Artikolu 21(7) tar-Regolament bażiku antidumping jipprevedi għalhekk li informazzjoni għandha tiġi kkunsidrata biss meta din tkun sostnuta minn provi konkreti li jissostanzjaw il-validità tagħha.

    48

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu kkritikati talli qiesu, fil-premessa 502 tar-Regolament Nru 1294/2009, li, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet speċifiċi li juru li ż-żamma tal-miżuri antidumping tkun tikkostitwixxi piż sproporzjonat għall-importaturi, huma ma kellhomx l-obbligu li jeżaminaw fid-dettall jekk kellhomx jawtorizzaw l-iskadenza tagħhom.

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li la l-qorti tar-rinviju fid-deciżjoni tar-rinviju u lanqas T.KUP fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ma ressqu l-iċken element li jistabbilixxi li l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ piż sproporzjonat għall-importaturi kienet ibbażata fuq konstatazzjonijiet materjalment mhux eżatti.

    50

    Minn dan isegwi li mill-eżami tar-raba’ domanda ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 1294/2009.

    Fuq l-ispejjeż

    51

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Mill-eżami tad-domandi magħmula ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 1294/2009 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni [eżami mill-ġdid] tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top