Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0196

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Lulju 2017.
    Comune di Corridonia et vs Provincia di Macerata u Provincia di Macerata Settore 10 – Ambiente.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 85/337/KEE – Direttiva 2011/92/UE – Possibbiltà li ssir, a posteriori, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija mill-bijogass f’servizz għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġdida.
    Kawżi magħquda C-196/16 u C-197/16.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:589

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    26 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 85/337/KEE – Direttiva 2011/92/UE – Possibbiltà li ssir, a posteriori, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija mill-bijogass f’servizz għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġdida”

    Fil-Kawżi magħquda C‑196/16 u C‑197/16,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (qorti amministrattiva għar-reġjun tal-Marche, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑22 ta’ Marzu 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 u fit‑8 ta’ April 2016, rispettivament, fil-proċeduri

    Comune di Corridonia (C‑196/16),

    Comune di Loro Piceno (C‑197/16),

    Marcello Bartolini (C‑197/16),

    Filippo Bruè (C‑197/16),

    Sergio Forti (C‑197/16),

    Stefano Piatti (C‑197/16),

    Gaetano Silvetti (C‑197/16),

    Gianfranco Silvetti (C‑197/16),

    Rocco Tirabasso (C‑197/16),

    Sante Vagni (C‑197/16),

    Albergo Ristorante Le Grazie Sas di Forti Sergio & Co. (C‑197/16),

    Suolificio Elefante Srl (C‑197/16),

    Suolificio Roxy Srl (C‑197/16),

    Aldo Alessandrini (C‑197/16)

    vs

    Provincia di Macerata,

    Provincia di Macerata Settore 10 – Ambiente,

    fil-preżenza ta’:

    VBIO1 Società Agricola Srl (C‑196/16),

    Regione Marche,

    Agenzia Regionale per la Protezione Ambientale delle Marche – (ARPAM) – Dipartimento Provinciale di Macerata

    ARPAM,

    VBIO2 Società Agricola Srl (C‑197/16) ,

    Azienda Sanitaria Unica Regionale – Marche (ASUR Marche) (C‑197/16),

    ASUR Marche – Area Vasta 3 (C‑197/16) ,

    Comune di Colmurano (C‑197/16) ,

    Comune di Loro Piceno (C‑197/16),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Marzu 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Comune di Corridonia, minn L. Forte, avukat,

    għall-Comune di Loro Piceno, minn L. Forte u A. Alessandrini, avukati,

    għal M. Bartolini et, minn A. Alessandrini u G. Contaldi, avukati,

    għall-Provincia di Macerata, minn S. Sopranzi u F. Gentili, avukati,

    għal VBIO1 Società Agricola Srl, minn A. Piccinini u A. Santarelli, avukati,

    għar-Regione Marche, minn P. De Bellis, avukat,

    għal VBIO2 Società Agricola Srl, minn A. Piccinini, avukat,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra u L. Pignataro-Nolin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Marzu 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 191 TFUE u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1).

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn il-Comune di Corridonia (muniċipalità ta’ Corridonia, l-Italja) u l-Comune di Loro Piceno (muniċipalità ta’ Loro Piceno, l-Italja), kif ukoll Marcello Bartolini u individwi oħrajn (iktar ’il quddiem “M. Bartolini et”), minn naħa, u l- Provincia di Macerata (provinċja ta’ Macerata, l-Italja), min-naħa l-oħra, dwar deċiżjonijiet li permezz tagħhom din il-muniċipalità ddeċidiet li l-impjanti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-bijogass ta’ VBIO1 Società Agricola Srl (iktar ’il quddiem “VBIO1”) u ta’ VBIO2 Società Agricola Srl (iktar ’il quddiem “VBIO2”) kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti ambjentali, wara proċeduri ta’ evalwazzjoni magħmula wara l-istabbiliment u d-dħul fis-servizz ta’ dawn l-impjanti u wara l-annullament tal-ewwel awtorizzazzjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Is-sitt premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas‑27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2009/31/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 114) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”), tistipula:

    “[K]unsens għal żvilupp għal proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent għandu jingħata biss wara li stima minn qabel tkun saret ta’ l-effetti sinifikanti probabbli ambjentali ta’ dawn il-proġetti; […]”

    4

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 huwa fformulat kif ġej:

    “Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4”.

    5

    L-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi mal-Arikoli 5 sa 10.

    2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

    a)

    eżami każ b’każ,

    jew

    b)

    livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,

    jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).

    3.   Meta jitwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-livelli jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III.”

    6

    Id-Direttiva 2011/92, li ssostitwixxiet id-Direttiva 85/337, tipprevedi dispożizzjonijiet essenzjalment identiċi għal dawk iċċitati fil-punti preċedenti.

    Id-dritt Taljan

    7

    L-Artikolu 29 tad-decreto legislativo n. 152 – Norme in materia ambientale (Digriet Leġiżlattiv Nru 152 dwar standards ambjentali), tat‑3 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 88, tal‑14 ta’ April 2006), jipprevedi:

    “1.   L-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għall-proġetti ta’ xogħlijiet u ta’ intervenzjonijiet li d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet japplikaw għalihom, hija prerekwiżit jew tagħmel parti integrali mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ approvazzjoni. Id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u ta’ approvazzjoni adottati fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent meta din hija meħtieġa, jistgħu jiġu annullati għal ksur tal-liġi.

    […]

    4.   Fil-każ ta’ xogħlijiet u ta’ intervenzjonijiet imwettqa mingħajr il-proġett ma jkun ġie suġġett, minn qabel, għal verifika preliminari jew għal evalwazzjoni, bi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan it-Titolu III, u fil-każ ta’ anomaliji ta’ applikazzjoni bħalma jipprevedu d-deċiżjonijiet finali, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa l-grad tad-dannu ambjentali kkawżat u dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tas-sanzjoni, u wara għandha tordna s-sospensjoni tax-xogħlijiet u eventwalment it-twaqqigħ u r-riabilitazzjoni tal-istat oriġinali taż-żona u tas-sitwazzjoni ambjentali bi spejjeż tal-persuna responsabbli, li hija għandha tiddetermina t-termini u l-modalitajiet tagħhom. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, l-awtorità kompetenti għandha tiddeterminahom ex officio bi spejjeż tal-persuna inadempjenti. Ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż iseħħ skont il-modalitajiet u l-effetti previsti biss bil-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-irkupru tad-dħul kapitali tal-Istat approvat bid-Digriet Irjali Nru 639, tal‑14 ta’ April 1910, dwar l-irkupru tad-dħul kapitali tal-Istat.

    5.   Fil-każ ta’ annullament minn qorti ġenerali jew tal-irtirar mill-amministrazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-approvazzjoni li ngħataw wara t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew jekk tiġi annullata l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet ambjentali, il-kompetenzi previsti fil-paragrafu 4 jiġu eżerċitati biss wara li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-effetti fuq l-ambjent.

    […]”

    Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

    Il-Kawża C‑196/16

    8

    Fid‑19 ta’ Ottubru 2011, VBIO1 talbet lir- Regione Marche (reġjun tal-Marche, l-Italja) għall-awtorizzazzjoni sabiex tistabbilixxi u topera impjant għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-bijogass permezz tad-dekompożizzjoni anerobika tal-bijomassa fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Corridonia.

    9

    Konformement mal-legge Regione Marche n. 7/2004 (Liġi tar-reġjun tal-Marche Nru 7/2004), VBIO1 kienet ukoll issuġġettat dan il-proġett għall-p rovinċja ta’ Macerata, fl‑4 ta’ Ottubru 2011, sabiex din tal-aħħar twettaq eżami preliminari tal-ħtieġa ta’ evalwazzjoni ambjentali.

    10

    Din il-proċedura madankollu ngħalqet fis‑26 ta’ Jannar 2012, wara l-emenda tal-Liġi tar-reġjun tal-Marche Nru 7/2004, bil-legge Regione Marche n. 20/2011 (Liġi tar-reġjun tal-Marches Nru 20/2011), li daħlet fis-seħħ fid‑9 ta’ Novembru 2011, li permezz tagħha l-proġetti li ma jilħqux ċertu livell ta’ enerġija termali ma kinux għadhom suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

    11

    Konsegwentement, ir-reġjun tal-Marche awtorizza, permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2012, l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ dan l-impjant fil-muniċipalità ta’ Corridonia, li kkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (qorti amministrattiva għar-reġjun tal-Marche, l-Italja).

    12

    Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, dik il-qorti annullat l-imsemmija deċiżjoni minħabba l-inapplikabbiltà tal-Liġi tar-reġjun tal-Marche Nru 20/2011 u, fi kwalunkwe każ, minħabba l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-liġi mad-Direttiva 2011/92. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat, l-Italja).

    13

    Bħala konsegwenza ta’ dan l-annullament, VBIO1 waqqfet l-impjant ikkonċernat u ppreżentat, mal-provinċja ta’ Macerata, talba għall-eżami preliminari tal-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effett ta’ dan l-impjant fuq l-ambjent.

    14

    Fil‑15 ta’ Novembru 2013, il-provinċja ta’ Macerata ddeċidiet li tali evalwazzjoni kienet meħtieġa u, wara tali evalwazzjoni, hija qieset, fis‑7 ta’ Lulju 2014, li l-imsemmi impjant kien jissodisfa r-rekwiżiti ambjentali.

    15

    Il-muniċipalità ta’ Corridonia ppreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet quddiem it-Tribunal amministrativo regionale per le Marche (qorti amministrattiva għar-reġjun tal-Marche), billi argumentat li l-evalwazzjoni mwettqa la kienet konformi mal-Artikolu 191 TFUE u lanqas mal-Artikolu 2(1) sa (3) tad-Direttiva 85/337, issostitwita bid-Direttiva 2011/92, peress li twettqet wara l-istabbilment tal-impjant ikkonċernat.

    Il-Kawża C‑197/16

    16

    Fis‑16 ta’ Diċembru 2011, VBIO2 talbet lir-reġjun tal-Marche għall-awtorizzazzjoni sabiex tistabbilixxi u topera, fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Loro Piceno, impjant għall-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-istess tip bħal dak inkwistjoni fil-Kawża C‑196/16.

    17

    Din l-awtorizzazzjoni ngħatat lil VBIO2, fid‑29 ta’ Ġunju 2012, mingħajr ma kien hemm evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ dan l-impjant fuq l-ambjent.

    18

    Il-muniċipalità ta’ Loro Piceno kif ukoll M. Bartolini et ikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (qorti amminstrattiva għar-reġjun tal-Marche).

    19

    Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2013 (Nru 93/2013), il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali, l-Italja) qieset li l-legge Regione Marche n. 3/2012 (Liġi tar-reġjun tal-Marche Nru 3/2012), li tħassar il-Liġi tar-reġjun tal-Marche Nru 7/2004 fl‑20 ta’ April 2012, mingħajr madankollu ma temenda l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-proġetti suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, kienet antikostituzzjonali minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn hija ma kinitx teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92, konformement mal-Artikolu 4(3) ta’ din tal-aħħar.

    20

    Fl‑10 ta’ Ottubru 2013, it-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (qorti amministrattiva għar-reġjun tal-Marche) annullat l-awtorizzazzjoni mogħtija lil VBIO2, li min-naħa tagħha appellat quddiem il-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat).

    21

    VBIO2 talbet lill-muniċipalità ta’ Macerata sabiex hija twettaq eżami preliminari tal-ħtieġa li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-impjant ikkonċernat.

    22

    Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2013, il-provinċja ta’ Macerata ddeċidiet li kien meħtieġ li ssir tali evalwazzjoni.

    23

    Il-muniċipalità ta’ Loro Piceno kif ukoll M. Bartolini et adixxew lit-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (qorti amministrattiva għar-reġjun tal-Marche) b’talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll għas-sospensjoni tagħha bħala miżura provviżorja.

    24

    Dik il-qorti ċaħdet din it-talba għal sospensjoni għar-raġuni li s-sempliċi fatt li l-impjant ikkonċernat ikun suġġett għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma kienx iwassal għal dannu gravi u irreparabbli għall-individwi li jirrisjedu fiż-żona kkonċernata.

    25

    L-awtoritajiet kompetenti tal-muniċipalità ta’ Macerata adottaw, fl‑10 ta’ Frar 2015, deċiżjoni li tikkonstata li l-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien konformi mar-rekwiżiti ambjentali.

    26

    Il-provinċja ta’ Loro Piceno kif ukoll M. Bartolini et adixxew lit-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (qorti amministrattiva għar-reġjun tal-Marche) b’talba għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni.

    27

    Fil-Kawżi C‑196/16 u C‑197/16, it-Tribunal amministrativo regionale per le Marche (qorti amministrattiva għar-reġjun tal-Marche) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 191 TFUE u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2011/92], huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-fatt li ssir verifika sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (u eventwalment li ssir tali evalwazzjoni tal-effetti) wara l-kostruzzjoni tal-impjant, meta l-awtorizzazzjoni tkun ġiet annullata mill-qorti nazzjonali għar-raġuni li l-proġett ma kienx is-suġġett ta’ verifika sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, peress li tali verifika kienet ġiet eskluża abbażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiksru d-dritt tal-Unjoni?”

    Fuq id-domanda preliminari

    28

    F’dawn iż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 191 TFUE u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/92 jipprekludux, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett ta’ impjant meħtieġ mid-Direttiva 85/337 tkun irregolarizzata, wara l-annullament tal-awtorizzazzjoni maħruġa għal dan l-impjant, bit-twettiq ta’ tali evalwazzjoni, wara l-kostruzzjoni u d-dħul fis-servizz ta’ dan l-impjant.

    29

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 191 TFUE, li l-paragrafu 2 tiegħu jistabbilixxi għanijiet ġenerali fil-qasam tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et, C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula.

    30

    Barra minn hekk, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq il-premessa li ż-żewġ impjanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

    31

    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk għandhiex, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva 85/337, fis-seħħ fi żmien l-ewwel talba għal awtorizzazzjoni ta’ VBIO1 u ta’ VBIO2, jew id-Direttiva 2011/92, fis-seħħ fi żmien it-tieni talba tagħhom, wara l-annullament tal-ewwel awtorizzazzjoni li kienet ingħatatilhom, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ direttivi, li huma jew li jistgħu jkunu rilevanti, u b’mod partikolari l-Artikoli 2(1) tagħhom, huma, fi kwalunkwe każ, essenzjalment identiċi.

    32

    Fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi rregolarizzata a posteriori l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett meħtieġa mid-Direttiva 85/337, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 4 tagħha, moqri flimkien mal-Anness I jew II ta’ din l-istess direttiva, ikunu suġġetti għal din l-evalwazzjoni qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 42).

    33

    Bħalma enfasizzat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li tali evalwazzjoni għandha ssir qabel huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li, fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni, l-awtorità kompetenti tqis kemm jista’ jkun kmieni l-effetti fuq l-ambjent tal-proċessi tekniċi ta’ ppjanar u ta’ teħid ta’ deċiżjoni kollha sabiex jiġi evitat, sa mill-bidu nett, il-ħolqien ta’ tniġġis jew ta’ inkonvenjenzi iktar milli sabiex sussegwentement jiġu miġġielda l-effetti tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 58).

    34

    Min-naħa l-oħra, la d-Direttiva 85/337 u lanqas id-Direttiva 2011/92 ma jipprevedu dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jittieħdu minn ksur ta’ dan l-obbligu ta’ evalwazzjoni minn qabel.

    35

    Skont il-prinċipju ta’ koperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4 TUE, l-Istati Membri huma marbuta madankollu li jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma għalhekk obbligati li jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jirrimedjaw għall-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, pereżempju billi jirtiraw jew jissospendu awtorizzazzjoni diġà mogħtija, sabiex titwettaq tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 6465 u tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 59, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 424346).

    36

    Bl-istess mod, l-Istat Membru kkonċernat huwa marbut li jikkumpensa kull dannu kkawżat bl-omissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meħtieġ bid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 66).

    37

    Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li regoli nazzjonali jippermettu, f’ċerti każijiet, li jiġu rregolarizzati operazzjonijiet jew atti irregolari fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 57; tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 87, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustad, C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 36).

    38

    Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li tali possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni kellha tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li hija ma toffrix lill-individwi l-possibbiltà li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li jaħarbu milli japplikawhom u li din tibqa’ eċċezzjonali (sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 57; tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 87, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt, C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 36).

    39

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni li tagħti permess ta’ regolarizzazzjoni, li jista’ jingħata anki mhux f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-istess effetti bħal dawk marbuta ma’ permess għal żvilupp minn qabel, tikser ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 61; u tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt, C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 37).

    40

    Dan japplika wkoll għal miżura leġiżlattiva li tippermetti, mingħajr ma timponi evalwazzjoni ulterjuri, u f’nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali partikolari, li proġett li kellu jkun issuġġettat għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, jitqies li kien ġie ssuġġettat għal tali evalwazzjoni, u dan anki jekk din il-miżura kienet tkopri biss il-proġetti li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma kinitx għadha esposta għal rikors ġudizzjarju dirett minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt, C‑348/15, EU:C:2016:882, punti 3843).

    41

    Barra minn hekk, evalwazzjoni magħmula wara l-istabbiliment u t-tpoġġija fis-servizz ta’ impjant ma tistax tkun limitata għall-effetti futuri tiegħu fuq l-ambjent, iżda għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ambjentali li seħħew sa mill-istabbiliment tiegħu.

    42

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti. Għandu madankollu jiġi indikat lilha li l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati għamlu l-preparamenti meħtieġa sabiex, jekk ikun il-każ, jagħmlu evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett tagħhom fuq l-ambjent, li r-rifjut tal-awtoritajiet kompetenti li jaċċedu għal dawn it-talbiet kien ibbażat fuq dispożizzjonijiet nazzjonali li ġew iddikjarati kontra d-dritt tal-Unjoni biss sussegwentement, b’sentenza tal-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) u li l-attività tal-impjanti kkonċernati ġiet sospiża huwa pjuttost ta’ natura li juri li r-regolarizzazzjonijiet magħmula ma kinux permessi bid-dritt nazzjonali f’kundizzjonijiet simili għal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 61), u ma kellhomx l-intenzjoni li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

    43

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, fil-każ ta’ ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent meħtieġa mid-Direttiva 85/337, id-dritt tal-Unjoni, minn naħa, jeżiġi li l-Istati Membri jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ din l-ommissjoni u, min-naħa l-oħra, ma jipprekludix li ssir evalwazzjoni ta’ dawn l-effetti bħala regolarizzazzjoni, wara l-kostruzzjoni u t-tpoġġija fis-servizz tal-impjant ikkonċernat, sakemm:

    ir-regoli nazzjonali li jippermettu din ir-regolarizzazzjoni ma joffrux lill-individwi l-possibbiltà li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li jonqsu milli japplikawhom u

    l-evalwazzjoni magħmula bħala regolarizzazzjoni ma tirrigwardax biss l-effetti futuri ta’ dan l-impjant fuq l-ambjent, iżda tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-effetti ambjentali li seħħew sa mill-istabbiliment tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    44

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Fil-każ ta’ ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent meħtieġa mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 85/337/KEE, tas‑27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2009/31/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2009, id-dritt tal-Unjoni, minn naħa, jeżiġi li l-Istati Membri jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ din l-ommissjoni u, min-naħa l-oħra, ma jipprekludix li ssir evalwazzjoni ta’ dawn l-effetti bħala regolarizzazzjoni, wara l-kostruzzjoni u t-tpoġġija fis-servizz tal-impjant ikkonċernat, sakemm:

     

    ir-regoli nazzjonali li jippermettu din ir-regolarizzazzjoni ma joffrux lill-individwi l-possibbiltà li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li jonqsu milli japplikawhom u

     

    l-evalwazzjoni magħmula bħala regolarizzazzjoni ma tirrigwardax biss l-effetti futuri ta’ dan l-impjant fuq l-ambjent, iżda tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-effetti ambjentali li seħħew sa mill-istabbiliment tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top