This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0046
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 9 November 2017.#Valsts ieņēmumu dienests v "LS Customs Services", SIA.#Request for a preliminary ruling from the Augstākā tiesa.#Reference for a preliminary ruling — Customs union — Regulation (EEC) No 2913/92 — Community Customs Code — Non-Community goods — External Community customs transit procedure — Unlawful removal from customs supervision of goods liable to import duties — Determination of the customs value — Article 29(1) — Conditions for the application of the transaction value method — Articles 30 and 31 — Choice of the method for determining the customs value — Obligation imposed upon the customs authorities to state reasons for the chosen method.#Case C-46/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2017.
Valsts ieņēmumu dienests vs "LS Customs Services", SIA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Merkanzija mhux Komunitarja – Sistema doganali tat-tranżitu Komunitarju estern – Tneħħija tal-merkanzija li taqa’ taħt id-dazji fuq l-importazzjoni mis-sorveljanza doganali – Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali – Artikolu 29(1) – Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni – Artikoli 30 u 31 – Għażla tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali – Obbligu tal-awtoritajiet doganali li jimmotivaw il-metodu magħżul.
Kawża C-46/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2017.
Valsts ieņēmumu dienests vs "LS Customs Services", SIA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Merkanzija mhux Komunitarja – Sistema doganali tat-tranżitu Komunitarju estern – Tneħħija tal-merkanzija li taqa’ taħt id-dazji fuq l-importazzjoni mis-sorveljanza doganali – Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali – Artikolu 29(1) – Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni – Artikoli 30 u 31 – Għażla tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali – Obbligu tal-awtoritajiet doganali li jimmotivaw il-metodu magħżul.
Kawża C-46/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:839
*A9* Augstākā tiesa, Administratīvo lietu departaments, Lēmums 21/01/2016 (A420681111)
*P1* Augstākā tiesa, Administratīvo lietu departaments, Spriedums 16/01/2018 (SKA-4/2018)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)
9 ta’ Novembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Merkanzija mhux Komunitarja – Sistema doganali tat-tranżitu Komunitarju estern – Tneħħija tal-merkanzija li taqa’ taħt id-dazji fuq l-importazzjoni mis-sorveljanza doganali – Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali – Artikolu 29(1) – Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni – Artikoli 30 u 31 – Għażla tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali – Obbligu tal-awtoritajiet doganali li jimmotivaw il-metodu magħżul”
Fil-Kawża C‑46/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (qorti suprema, il‑Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura
Valsts ieņēmumu dienests
vs
“LS Customs Services” SIA
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal “LS Customs Services” SIA, minn D. Plotovs, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u A. Bogdanova kif ukoll minn I. Kalniņš, bħala aġenti, |
– |
għall‑Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u L. Grønfeldt, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 29(1), kif ukoll tal-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 955/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 221, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “LS Customs Services” SIA (iktar ’il quddiem “LSCS”) u l-Valsts ieņēmumu dienests (servizz nazzjonali tat-taxxi, il-Latvja), rigward il-metodu applikabbli sabiex jiġi stabbilit il-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija li illegalment tneħħiet mis-sorveljanza doganali filwaqt li kienet tinsab fi tranżitu fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Kodiċi Doganali
3 |
L-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi: “Deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet doganali bil-miktub li jew jiċħdu talbiet jew huma detrimentali għall-persuni li lilhom huma indirizzati għandhom jagħtu r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Għandhom jagħmlu referenza għad-dritt ta’ appell li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 243.” |
4 |
L-Artikolu 14 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali, kull persuna involuta direttament jew indirettament fil-ħidmiet imsemmija għall-iskop ta’ kummerċ f’merkanzija għandha tipprovdi lill-awtoritajiet doganali bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa, jkun x’ikun il-mezz użat, u l-għajnuna kollha meħtieġa skond it-talba tagħhom u fit-terminu ta’ żmien preskritt.” |
5 |
Skont l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali: “Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33, sakemm:
|
6 |
L‑Artikolu 30 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi: “1. Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment minn subparagrafi (a), (b), (ċ) u (d) tal-paragrafu 2 għall-ewwel subparagrafu li taħtu jista’ jiġi stabbilit, bla ħsara għall-kondizzjoni li l-ordni ta’ l-applikazzjoni tas-subparagrafi (ċ) u (d) għandu jinqaleb jekk min ikun għamel id-dikjarazzjoni jitlob hekk; huwa biss meta tali valur ma jistax jiġi stabbilit taħt subparagrafu partikolari li jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu li jkun imiss f’sekwenza stabbilita bis-saħħa ta’ dan il-paragrafu. 2. Il-valur doganali kif stabbilit taħt dan l-Artikolu għandu jkun:
|
7 |
L‑Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi: “1. Fejn il-valur doganali ta’ merkanzija importata ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikoli 29 jew 30, għandu jiġi stabbilit, skont il-bażi ta’ data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali ta’:
2. Ebda valur doganali m’għandu jiġi stabbilit taħt il-paragrafu 1 skond il-bażi ta’:
|
8 |
Skont l-Artikolu 91(1) tal-Kodiċi Doganali: “Il-proċess ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:
[…]” |
9 |
L-Artikolu 96 tal-Kodiċi Doganali jipprevedi: “1. Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:
2. Minkejja l-obbligazzjonijiet tal-prinċipal skond il-paragrafu 1, min iġorr jew jircevi merkanzija u jaċċetta merkanzija meta jkun jaf li qegħda tiċċaqalaq taħt transitu tal-Komunità għandu wkoll ikun responsabbli għall-produzzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni.” |
10 |
L-Artikolu 192(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi: “Fejn il-leġislazzjoni doganali tagħmilha mandatorja li tkun provduta sigurtà, u suġġett għad-dispożizzjonijiet speċifiċi preskritti għal transitu skond il-proċedura tal-kumitat, l-awtoritajiet doganali għandhom jiffisaw l-ammont ta’ dik is-sigurtà f’livell ugwali għal:
[…]” |
11 |
Skont l-Artikolu 203(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali: “1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
[…] 3. Id-debituri għandhom ikunu:
|
12 |
L‑Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi: “Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.” |
Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni
13 |
L‑Artikolu 147(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/95, tad-19 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 5, p. 422) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”), jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi [Doganali], il-fatt li l-merkanzija li hija s-suġġett ta’ bejgħ hija dikjarati għal ċirkolazzjoni libera għandu jitqies bħala indikazzjoni adegwata li inbiegħet għal esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità. Fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv qabel l-istima, l-aħħar bejgħ biss, li wassal għall-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, jew bejgħ li sar fit-territorju doganali tal-Komunità qabel id-dhul għal ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija għandu jikkostitwixxi dik l-indikazzjoni. Meta prezz ikun dikjarat li jirrelata għall-bejgħ li jsir qabel l-aħħar bejgħ li abbażi tiegħu l-merkanzija kienet introdotta fit-territorju doganali tal-Komunità, għandu jintwera għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritajiet doganali li dan il-bejgħ seħħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali in kwistjoni. […]” |
14 |
L‑Artikolu 150 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi: “1. Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi [Doganali] (il-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija identika), il-valur doganali għandu jiġi determinat b’referenza għall-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija identika f’ bejgħ bl-istess livell kummerċjali u f’ sostanzjalment l-istess kwantità bħall-merkanzija li qiegħda tiġi valutata. t Meta ma jinstab ebda bejgħ ta’ dan it-tip, mil-valur ta’ l-operazzjoni ta’ merkanzija identika mibjugħa f’livell kummerċjali differenti u/jew fi kwantitajiet differenti, aġġustat biex jieħu kont tad-differenzi attribwibbli għal livell kummerċjali u/jew kwantità, għandu jiġi wżat, sakemm dawn l-aġġustamenti jistgħu isiru a bażi tal-prova dimostrata li tistabilixxi b’mod ċar ir-raġunevolezza u l-eżattezza ta’ l-aġġustament, sew jekk l-aġġustament iwassal għal żieda u sew jekk għal tnaqqis fil-valur. […] 4. Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, valur ta’ operazzjoni għal merkanzija prodotta minn pġersuna differenti għandu jitqies biss meta ebda valur ta’ operazzjoni ma jista’ jinstab taħt il-paragrafu 1 għal merkanzija identika prodotta mill-istess persuna bħall-merkanzija li qiegħda tiġi vvalutata. […]” |
15 |
L‑Artikolu 151 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni huwa fformulat kif ġej: “1. Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi [Doganali] (il-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija simili), il-valur doganali għandu jiġi determinat b’referenza għall-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija simili fl-istess livell kummerċjali u f’sostanzjalment l-istess kwantità bħall-oġġetti li jkunu qegħdin jiġu vvalutati. Meta ma jinstab l-ebda bejgħ bħal dan, il-valur ta’ l-operazzjoni ta’ merkanzija simili mibjugħa f’livelli kummerċjali differenti u/jew fi kwantitajiet differenti, aġġustati biex jittieħed kont tad-differenzi attribwibbli għal livell kummerċjali u/jew għall-kwantità, għandhom jintużaw, sakemm dawn l-aġġustamenti jistgħu isisru biss a bażi ta’ prova li tintwera li tistabilixxi b’mod l-aktar ċar ir-raġjonevolezza u l-eżattezza ta’ l-aġġustamenti sew jekk l-aġġustament iwassal għal żieda u sew għal tnaqqis fil-valur. […] 3. Jekk, fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, jinsab aktar minn valur wieħed ta’ operazzjoni ta’ merkanzija simili, il-valur l-aktar baxx għandu jintuża biex jiddetermina l-valur doganali għall-merkanzija importata. […] 5. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija simili importata tfisser il-valur doganali li jkun ġie determinat preċedentement skond l-Artikolu 29 tal-Kodiċi [Doganali], aġġustat skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1(b) u 2 ta’ dan l-Artikolu.” |
16 |
Skont l-Artikolu 153(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni: “Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 30(2)(d) tal-Kodiċi [Doganali] (valur ikkalkolat), l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jeħtieġu jew jisfurzaw lil xi persuna mhux residenti fil-Komunità li tippreżenta għall-kontroll, jew li tippermetti l-aċċes għal, xi fattura jew reġistru ieħor għall-iskopijiet li jiġi determinat dan il-valur. Madankollu, l-informazzjoni fornita mill-produttur tal-merkanzija għall-iskopijiet li jiġi determinat il-valur doganali skond dan l-Artikolu tista’ tiġi verifikata f’pajjiż li mhuwiex Komunitarju bl-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru bi ftehim tal-produttur u sakemm dawn l-awtoritajiet jagħtu avviż kmieni biżżejjed lill-awtoritajiet tal-pajjiż in kwistjoni u dawn ta’ l-aħħar ma joġġezjonawx għal din l-investigazzjoni.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 |
Fit-2 ta’ Ġunju 2011, LSCS, fil-kwalità ta’ prinċipal obbligat, ippreżentat f’punt ta’ kontroll doganali li jinsab fil-Latvja, dikjarazzjoni ta’ tranżitu doganali għat-trasport ta’ merkanzija ta’ provenjenza miċ-Ċina u għal destinazzjoni lejn ir-Russja li jgħaddi mit-territorju tal-Unjoni. |
18 |
Fl-assenza ta’ prova tal-ikkompletar tat-tranżitu, is-servizz nazzjonali tat-taxxi, permezz ta’ deċiżjoni inizjali tat-12 ta’ Settembru 2011 u ta’ deċiżjoni finali tat-8 ta’ Novembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), impona fuq LSCS l-obbligu li tħallas dazji doganali, dazji antidumping u t-taxxa fuq il-valur miżjud relatati mal-merkanzija kkonċernata. |
19 |
Għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali tagħhom, dan is-servizz applika l-metodu ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali billi bbaża ruħu fuq id-data disponibbli fl-Unjoni. |
20 |
Fil-fatt is-servizz nazzjonali tat-taxxi kkunsidra li din il-merkanzija kienet inbiegħet għall-esportazzjoni b’destinazzjoni lejn ir-Russja u li, konsegwentement, l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali ma kienx applikabbli. Minbarra dan, dan qies li ma kellux informazzjoni li kienet tippermettilu japplika l-metodi ta’ evalwazzjoni previsti fl-Artikolu 30(2)(a) sa (d) tal-Kodiċi Doganali. |
21 |
LSCS ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem l-administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali, il-Latvja), li ddeċidiet, fit-23 ta’ Awwissu 2012, li din id-deċiżjoni ma kinitx immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt. |
22 |
Adita bl-appell, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali, il‑Latvja) ikkonfermat din id-deċiżjoni b’sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2014. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li d-deċiżjoni inizjali tat-12 ta’ Settembru 2011 u d-deċiżjoni kontenzjuża naqsu milli jindikaw fuq il-bażi ta’ liema informazzjoni kien ġie kkalkolat il-valur għal skopijiet doganali, kif ukoll ir-raġuni għaliex ma kienx possibbli li tinkiseb l-informazzjoni li kienet tippermetti li jiġi applikat metodu ieħor differenti minn dak previst fl-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali, li kien ipprekluda lil LSCS li ssostni għalkollox id-drittijiet tagħha fil-kuntest tar-rikors amministrattiv u tar-rikors kontenzjuż ippreżentati minnha. |
23 |
Is-servizz nazzjonali tat-taxxi ppreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem l-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja), li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
25 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali previst f’din id-dispożizzjoni huwa applikabbli fir-rigward ta’ merkanzija mibjugħa għall-esportazzjoni b’destinazzjoni lejn Stat terz li kienet tneħħiet mis-sorveljanza doganali minkejja li kienet taqa’ taħt is-sistema ta’ tranżitu estern. |
26 |
Skont dan l-artikolu, “[i]l-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità”. |
27 |
Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta, u b’mod partikolari mill-espressjoni “tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità”, li l-valur ta’ tranżazzjoni għandu jikkorrispondi ma’ prezz ta’ esportazzjoni b’destinazzjoni lejn l-Unjoni. Għalhekk għandu jiġi stabbilit, fil-mument tal-bejgħ, li l-merkanzija, li toriġina minn Stat terz, tkun ittrasportata sad-destinazzjoni tat-territorju doganali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 1990, Unifert, C‑11/89, EU:C:1990:237, punt 11, u tat-28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati, C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 28). |
28 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 147(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, dwar il-bejgħ suċċessiv, li minnu jirriżulta li prezz relatat ma’ merkanzija ddesintata għat-territorju tal-Unjoni biss jista’ jintuża għall-evalwazzjoni doganali prevista fl-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali. |
29 |
Minbarra dan, ikun kontra l-għan tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam ta’ valur għal skopijiet doganali li jiġi aċċettat prezz ta’ bejgħ għall-esportazzjoni b’destinazzjoni lejn Stat terz inkwantu valur ta’ tranżazzjoni fis-sens tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali. |
30 |
Fil-fatt, il-valur għal skopijiet doganali għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Issa, kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tagħha, il-prezz ta’ merkanzija f’żona doganali partikolari jikkorrispondi mas-sitwazzjoni tas-suq f’din iż-żona. Konsegwentement, prezz għall-esportazzjoni ta’ merkanzija b’destinazzjoni lejn Stat terz ma jikkorrispondix neċessarjament mal-prezz li kien ġie stabbilit għall-esportazzjoni tal-istess merkanzija b’destinazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni. |
32 |
Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Artikolu 31(2)(ċ) u (e) tal-Kodiċi Doganali jipprevdi li l-valur għal skopijiet doganali stabbilit skont l-Artikolu 31 ta’ dan il-kodiċi ma jistax ikun ibbażat fuq il-prezz tal-merkanzija fis-suq intern tal-pajjiż ta’ esportazzjoni u lanqas fuq il-prezz għall-esportazzjoni b’destinazzjoni lejn pajjiż mhux inkluż fit-territorju doganali tal-Unjoni. |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, prezz li jikkorrispondi mal-bejgħ ta’ merkanzija ddestinata lejn Stat terz meta din kienet tneħħiet mis-sorveljanza doganali matul it-tranżitu tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni ma jirriflettix il-valur ekonomiku reali tal-merkanzija. |
34 |
Għandu jingħad ukoll li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prinċipal obbligat ma jistax jinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi jsostni li huwa seta’ leġittimament jistenna li l-ammont tad-dejn doganali jikkorrispondi mal-ammont tal-garanzija li ġiet ipprovduta waqt it-tqegħid tal-merkanzija taħt is-sistema tat-tranżitu estern. |
35 |
F’dan ir-rigward, fil-fatt, għandu jitfakkar li huwa biss operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu awtorità nazzjonali kellha aspettattivi fondati minħabba assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti pprovduti lilu minn sorsi awtorizzati u affidabbli li għandu d-dritt li jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 39, u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 77). |
36 |
Issa, bħalma indikat l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 sa 64 tal-konklużjonijiet tagħha, l-aċċettazzjoni tal-ammont tal-garanzija mill-awtoritajiet doganali, sa fejn hija bl-ebda mod ma tippreġudika l-ammont tad-dejn doganali futur, ma tistax tiġi assimilata ma’ tali assigurazzjonijiet. |
37 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel domanda tiġi risposta li l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali previst f’din id-dispożizzjoni ma huwiex applikabbli fir-rigward ta’ merkanzija li ma tkunx inbiegħet għall-esportazzjoni b’destinazjoni lejn l-Unjoni. |
Fuq it-tieni u l-ħames domandi
38 |
Permezz tat-tielet u tal-ħames domandi, li għandhom jiġu risposti flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali għandhom l-obbligu li jindikaw, fid-deċiżjoni tagħhom li tistabbilixxi l-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni dovuti, ir-raġunijiet li wassluhom sabiex ma japplikawx il-metodi ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali previsti fl-Artikoli 29 u 30 ta’ dan il-kodiċi, qabel ma setgħu jiddeċiedu li japplikaw il-metodu previst fl-Artikolu 31 tiegħu, kif ukoll id-data disponibbli fl-Unjoni li fuq il-bażi tagħha huma kkalkolaw il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija inkwistjoni. |
39 |
L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, inkwantu jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jinkludi rekwiżiti li huma l-Istati Membri li għandhom josservaw meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50). |
40 |
Fost dawn ir-rekwiżiti, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali għandu importanza għalkollox partikolari, peress li jagħmel id-destinatarju tagħhom fil-pożizzjoni li jiddefendi d-drittijiet tiegħu fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti jekk huwiex utli li jippreżenta rikors kontra tagħhom. Dan l-obbligu huwa wkoll neċessarju sabiex il-qrati jkunu jistgħu jeżerċitaw l-istħarriġ tal-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punt 15). |
41 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali, l-Artikolu 6(3) tal-Kodiċi Doganali jfakkar l-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq dawn tal-aħħar meta jadottaw deċiżjonijiet meħuda bil-miktub li għandhom konsegwenzi sfavorevoli għall-persuni li lilhom huma indirizzati. |
42 |
Minbarra dan, konformement mal-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali, il-komunikazzjoni tal-ammont tad-dazji għandha tiggarantixxi informazzjoni adegwata tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u li din il-persuna tkun tista’ tiżgura, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, id-difiża tad-drittijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 54). |
43 |
Hemm lok, fl-aħħar nett, li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-metodi ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali previsti fl-Artikoli 29 sa 31 tal-Kodiċi Doganali jippreżentaw rabta ta’ sussidjarjetà bejniethom. Fil-fatt, huwa biss meta l-valur għal skopijiet doganali ma jistax jiġi stabbilit permezz ta’ applikazzjoni ta’ metodu partikolari li hemm lok li jsir riferiment għall-metodu li jiġi immedjatament warajh fl-ordni stabbilita minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 43). |
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq l-awtoritajiet doganali fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu, minn naħa, jippermetti li jintwerew b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunijiet li wasslu lil dawn sabiex ma japplikawx metodu wieħed jew iktar ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali. |
45 |
Min-naħa l-oħra, dan l-obbligu jimplika li dawn l-awtoritajiet huma obbligati li jesponu fid-deċiżjoni tagħhom li tistabbilixxi l-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni dovuti d-data li abbażi tagħha l-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija ġie kkalkolat, kemm biex id-destinatarju tiegħu jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti jekk huwiex utli li jippreżenta rikors kontra tiegħu, kif ukoll sabiex il-qrati jkunu jistgħu jeżerċitaw l-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni. |
46 |
Għandu jingħad ukoll, bħalma għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tagħha, li huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tagħhom, il-konsegwenzi ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-awtoritajiet doganali u li jipprevedu jekk u sa fejn regolarizzazzjoni hijiex possibbli fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 57). |
47 |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tieni u l-ħames domandi jiġu risposti li l-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 6(3) ta’ dan il-kodiċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali huma obbligati li jindikaw, fid-deċiżjoni tagħhom li tistabbilixxi l-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni dovuti, ir-raġunijiet li wassluhom sabiex ma japplikawx il-metodi ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali previsti fl-Artikoli 29 u 30 ta’ dan il-kodiċi, qabel ma setgħu jiddeċiedu li japplikaw il-metodu previst fl-Artikolu 31 tiegħu, kif ukoll id-data li abbażi tagħha l-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija jkun ġie kkalkolat, u dan sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tevalwa l-fondatezza tagħha u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti jekk huwiex utli li jiġi ppreżentat rikors kontra tagħha. Huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tagħhom, il-konsegwenzi ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-awtoritajiet doganali u li jipprevedu jekk u sa fejn regolarizzazzjoni hijiex possibbli fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
Fuq it-tielet domanda
48 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma tkun tista’ ma tapplikax il-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali previst f’din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti hija obbligata li titlob lill-produttur li jressaq quddiemha l-informazzjoni neċessarja għall-applikazzjoni ta’ dan il-metodu jew jekk huwiex suffiċjenti li din l-awtorità tindika li hija ma għandhiex pussess ta’ din l-informazzjoni. |
49 |
Skont l-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, il-valur għal skopijiet doganali huwa stabbilit permezz tal-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija identika, mibjugħa għall-esportazzjoni b’destinazzjoni lejn l-Unjoni u esportata fl-istess mument jew madwar l-istess mument tal-merkanzija li għandha tiġi evalwata. L‑Artikolu 150(4) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jippreċiża, f’dan ir-rigward, li valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija prodotta minn persuna differenti ma huwiex meħud inkunsiderazzjoni ħlief jekk ebda valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija identika, prodotta mill-istess persuna bħall-merkanzija li għandha tiġi evalwata, ma jista’ jiġi kkonstatat. |
50 |
L-applikazzjoni tal-metodu ddefinit fl-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali teħtieġ, konsegwentement, fl-ewwel lok li jkun hemm għarfien tal-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija identika prodotta mill-istess persuna u mibjugħa għall-esportazzjoni b’destinazzjoni lejn l’Unjoni b’mod bejn wieħed u ieħor simultanju. |
51 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, konformement ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 30(1) tal-Kodiċi Doganali, huwa biss meta l-valur għal skopijiet doganali ma jistax jiġi stabbilit bl-applikazzjoni tal-Artikolu 30(2)(a) ta’ dan il-kodiċi li huwa possibbli li jiġi implementat l-Artikolu 30(2)(b) ta’ dan il-kodiċi. |
52 |
Fid-dawl ta’ din ir-rabta ta’ sussidjarjetà li teżisti bejn il-metodi ta’ determinazzjoni differenti tal-valur għal skopijiet doganali previsti fl-Artikolu 30(2) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom jipproduċu prova ta’ diliġenza fl-implementazzjoni ta’ kull wieħed mill-metodi suċċessivi previsti f’din id-dispożizzjoni qabel ma jkunu jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawhiex. |
53 |
Għal dan il-għan, dawn l-awtoritajiet jistgħu, konformement mal-Artikolu 14 tal-Kodiċi Doganali, jitolbu lil kull persuna direttament jew indirettament ikkonċernata mit-tranżazzjonijiet ikkonċernati li tikkomunikalhom informazzjoni. |
54 |
Madankollu, la l-Kodiċi Doganali u lanqas ir-Regolament ta’ Implementazzjoni ma jimponu fuq l-awtoritajiet doganali l-obbligu li jindirizzaw ruħhom lill-produttur tal-merkanzija inkwistjoni sabiex tinkiseb id-data neċessarja għall-applikazzjoni tal-metodu bbażat fuq il-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija identika previst fl-Artikolu 30(2)(a) ta’ dan il-kodiċi. |
55 |
Konsegwentement, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jevalwaw, skont ċirkustanzi ta’ kull każ u fid-dawl tad-dmir ta’ diliġenza tagħhom, imfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, hekk huwiex rilevanti li jindirizzaw ruħhom direttament lill-produtur tal-merkanzija inkwistjoni sabiex tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali previst fl-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali. |
56 |
Min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ dan l-obbligu ta’ diliġenza li huwa impost fuqhom fl-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet doganali huma obbligati li jikkonsultaw kull sors ta’ informazzjoni u d-databases li jkunu fil-pussess tagħhom. Minbarra dan huwa xieraq li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tikkomunikalhom kwalunkwe informazzjoni li hija jista’ jkollha u li tkun tista’ tikkontribwixxi għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija skont din id-dispożizzjoni. |
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tielet domanda tiġi risposta li l-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma tkun tista’ ma tapplikax il-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali previst f’din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti ma hijiex obbligata li titlob lill-produttur li jressqilha l-informazzjoni neċessarja għall-applikazzjoni ta’ dan il-metodu. Madankollu din l-awtorità hija obbligata li tikkonsulta s-sorsi ta’ informazzjoni u d-databases kollha li jkunu fil-pussess tagħha. Hija għandha wkoll tippermetti lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati li jikkomunikawlha l-informazzjoni kollha li tista’ tikkontribwixxi għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija skont din id-dispożizzjoni. |
Fuq ir-raba’ domanda
58 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 30(2) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali huma obbligati li jimmotivaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-metodi previsti f’din id-dispożizzjoni taħt (ċ) u (d), sa fejn jistabbilixxu l-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija abbażi tal-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija simili konformement mal-Artikolu 151(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. |
59 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 151(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa dispożizzjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. |
60 |
Issa, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-relazzjoni ta’ sussidjarjetà eżistenti bejn il-metodi ta’ determinazzjoni differenti tal-valur għal skopijiet doganali previsti fl-Artikoli 29 sa 31 ta’ dan il-kodiċi, u mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok, għall-awtoritajiet doganali, li jimmotivaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-metodi elenkati wara dak li dawn adottaw. |
61 |
Għaldaqstant, peress li hija fil-pożizzjoni li tiddetermina l-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija kkonċernata skont l-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, l-awtorità doganali ta’ Stat Membru ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-metodi previsti fl-Artikolu 30(2)(ċ) u (d) ta’ dan il-kodiċi. |
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-raba’ domanda tiġi risposta li l-Artikolu 30(2) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali ma humiex obbligati li jimmotivaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-metodi previsti f’din id-dispożizzjoni, taħt (ċ) u (d), fil-każ fejn dawn jiddeterminaw il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija abbażi tal-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija simili konformement mal-Artikolu 151(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.