EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0187

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati l-20 ta’ Lulju 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Stamperija tal-Istat – Produzzjoni ta’ dokumenti tal-identità u dokumenti uffiċjali oħrajn – Ikkummissjonar ta’ impriża tad-dritt privat mingħajr proċedura preċedenti ta’ sejħa għal offerti – Miżuri tas-sigurtà speċjali – Ħarsien tal-interessi vitali tal-Istati Membri.
Kawża C-187/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:578

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-20 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

Kawża C‑187/16

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Direttivi 92/50/KEE, 2004/18/KE u 2009/81/KE – Artikolu 346 TFUE – Ħtieġa ta’ miżuri tas-sigurtà speċjali – Ħarsien tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat – Produzzjoni ta’ dokumenti tal-identità u dokumenti uffiċjali oħrajn – Ikkummissjonar tal-Österreichische Staatsdruckerei mingħajr proċedura preċedenti ta’ sejħa għal offerti”

I. Introduzzjoni

1.

Hija xi ħaġa ovvja li dokumenti uffiċjali bħal passaporti bijometriċi, karti ta’ identità, liċenzji tas-sewqan u permessi ta’ residenza jridu jiġu prodotti taħt rekwiżiti tas-segretezza u tas-sigurtà speċjali. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ dokumenti bħal dawn huwa espressjoni tal-konjizzjoni ta’ funzjonijiet statali fundamentali. L-użu tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum huwa normalissimu u l-fiduċja li kulħadd għandu fil-ġenwinità u l-korrettezza tagħhom ma għandhiex tiġi ssottovalutata. Konsegwentement, is-sigurtà tal-provvista, is-sigurtà kontra l-falsifikazzjoni kif ukoll il-ġestjoni responsabbli ta’ dawn id-dokumenti, inkluża d-data pproċessata waqt il-produzzjoni tagħhom, għandhom jingħataw l-ogħla prijorità u l-abbuż għandu jiġi evitat b’mod effettiv ( 2 ).

2.

Madankollu, f’din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiċċara jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet jiġġustifikawx li l-produzzjoni ta’ dokumenti bħal dawn tiġi fdata esklużivament lil impriża speċifika meqjusa partikolarment affidabbli, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

3.

Speċifikament, il-Kummissjoni Ewropea qed tilmenta lir-Repubblika tal-Awstrija li din tal-aħħar qed tinjora r-regoli stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi billi tirriżerva l-produzzjoni ta’ dokumenti relatati mas-sigurtà esklużivament għall-Österreichische Staatsdruckerei GmbH, li qabel kienet tal-gvern u li llum hija pprivatizzata.

4.

Lil hinn mill-każ inkwistjoni, din il-kawża hija ta’ importanza wkoll għax il-Qorti tal-Ġustizzja ser tiċċara għal darba oħra l-marġni ta’ diskrezzjoni li fadlilhom l-Istati Membri sabiex jidderogaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea meta jinvokaw l-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 346(1) TFUE. Fi żminijiet li fihom it-theddida mit-terroriżmu internazzjonali u l-kriminalità organizzata kif ukoll il-kwistjoni tal-kontroll effettiv ta’ flussi ta’ migrazzjoni jinsabu fil-qofol tal-interess pubbliku kullimkien, dan il-każ bilkemm seta’ jkun iktar attwali.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

Il-kuntest tad-dritt tal-Unjoni għal dan il-każ huwa, minn naħa, stabbilit permezz tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Artikoli 49, 56 u 346(1)(a) TFUE (li qabel kienu l-Artikoli 43, 49 u 296(1)(a) KE), u min-naħa l-oħra permezz ta’ xi dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju skont id-Direttivi 92/50/KEE ( 3 ) u 2004/18/KE ( 4 ), fejn id-direttiva tal-ewwel hija rilevanti għall-perijodu sal-31 ta’ Jannar 2006, u dik tal-aħħar għall-perijodi segwenti kollha.

Id-direttivi għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi

6.

Għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi li jirrigwardaw “Servizzi ta’ ppubblikar u stampar fuq bażi ta’ miżata jew kuntratt”, kemm id-Direttiva 92/50 kif ukoll id-Direttiva 2004/18 bħala prinċipju jippreskrivu li għandhom isiru proċeduri ta’ sejħa għal offerti skont regoli stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni. Dan jirriżulta mill-Artikolu 3(1), l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 8 u l-Artikolu 15(2) flimkien mal-punt 15 tal-Anness IA tad-Direttiva 92/50 u mill-Artikolu 20 moqri flimkien mal-punt 15 tal-Anness II, Parti A, tad-Direttiva 2004/18.

Eċċezzjonijiet mill-obbligu li ssir proċedura ta’ sejħa għal offerti

7.

Madankollu, kemm id-Direttiva 92/50 kif ukoll id-Direttiva 2004/18 jeżentaw mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kuntratti sigrieti u kuntratti li jeħtieġu miżuri speċjali ta’ sigurtà.

Fil-każ tad-Direttiva 92/50, dan jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tagħha li jaqra kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal servizzi li huma ddikjarati sigrieti jew li l-eżekuzzjoni tagħhom għandu jkollha magħha miżuri ta’ sigurtà speċjali skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat jew meta l-protezzjoni ta’ l-interessi bażiċi [vitali] tas-sigurtà ta’ dak l-Istat jitolbu hekk.”

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18 jinkludi dispożizzjoni li essenzjalment għandha kontenut identiku:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi meta dawn huma dikjarati bħala sigrieti, meta t-twettiq tagħhom għandu jkun imsieħeb minn miżuri speċjali ta’ sigurtà skond il-liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat, jew meta l-ħarsien ta’ l-interessi essenzali [vitali] ta’ dak l-Istat Membru jitlob hekk.”

8.

Ir-raġuni għalfejn dawn il-kuntratti pubbliċi għal servizzi huma eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni, hija spjegata għall-ewwel darba fl-erbatax-il premessa tad-Direttiva 92/50:

“Billi, fil-qasam tas-servizzi, l-istess derogi bħal fid-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE għandhom japplikaw fir-rigward tas-sigurtà jew is-segretezza ta’ l-Istat u l-prijorità ta’ regoli oħrajn ta’ akkwist bħal dawk skond il-ftehim internazzjonali, dawk li jikkonċernaw l-istazzjonar tat-truppi, jew ir-regoli ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali”.

9.

Fil-premessa 22 tad-Direttiva 2004/18, din l-eċċezzjoni għas-sigurtà u s-segretezza tal-Istat hija affermata kif ġej:

“Disposizzjonijiet għandhom isiru għal-każijiet fejn ikun possibli li toqgħod lura milli tapplika l-miżuri għall-kordinament tal-proċeduri fuq bażi relatata ma’ sigurtà jew sigriet Statali, jew minħabba regoli speċifiċi fuq l-għoti ta’ kuntratti li joħorġu mill-ftehim internazzjonali, relatati ma’ l-istazzjonar ta’ truppi, jew li huma speċifiċi għall-organizzazzjonijiet internazzjonali li jkunu applikabbli.”

10.

Addizzjonalment għandu jsir riferiment għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 kif emendat permezz tad-Direttiva 2009/81/KE ( 5 ) għal “Kuntratti fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà”:

“Suġġett għall-Artikolu [346 TFUE], din id-Direttiva għandha tapplika għall-kuntratti pubbliċi mogħtija fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti li għalihom tapplika d-Direttiva 2009/81/KE […]

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti li għalihom id-Direttiva 2009/81/KE ma tapplikax taħt l-Artikoli 8, 12 u 13 tagħha.”

11.

Kif jidher mill-Artikolu 13(a) tagħha li jinsab taħt it-titolu “Esklużjonijiet speċfiċi”, id-Direttiva 2009/81 min-naħa tagħha finalment ma tapplikax għal “kuntratti li għalihom l-applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-Direttiva tobbliga Stat Membru li jgħaddi informazzjoni li l-iżvelar tagħha hu jqis kuntrarju għall-interessi essenzjali [vitali] tas-sigurtà tiegħu”.

12.

Konformement mal-Artikolu 72(1) tagħha, it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/81 skada fil-21 ta’ Awwissu 2011.

Regoli speċjali stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni għal passaporti u karti ta’ identità

13.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-passaporti u l-karti ta’ identità speċifikament għandu jsir riferiment ukoll għar-Regolament Nru 2252/2004 ( 6 ). Fl-ewwel lok għandha tingħata ħarsa lejn il-premessa 4 li tikkonċerna s-suġġett tar-Regolament u li tinkludi l-ispjegazzjonijiet segwenti:

“Dan ir-Regolament huwa limitat għall-armonizzazzjoni tal-karatteristiċi ta’ sigurtà inklużi identifikaturi bijometriċi għall-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ l-Istati Membri. L-għażla ta’ l-awtoritajiet u l-korpi awtorizzati li jkollhom aċċess għad-data li tinsab fil-mezz ta’ ħażna tad-dokumenti hija kwistjoni ta’ leġislazzjoni nazzjonali, bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjonijiet rilevanti ta’ liġi Komunitarja, liġi ta’ l-Unjoni Ewropea jew ftehim internazzjonali.”

14.

Imbagħad l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2252/2004 jirregola dan li ġej:

“1.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2) [ ( 7 )] jista’ jiġi deċiż li l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 [ ( 8 )] għandhom ikunu sigrieti u ma għandhomx jiġu ppubblikati. F’dak il-każ, għandhom jitpoġġew għad-disposizzjoni biss tal-korpi magħżula mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-istampar u tal-persuni awtorizzati kif dovut minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.

2   Kull Stat Membru għandu jagħżel korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar tal-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar. Għandu jikkomunika l-isem ta’ dak il-korp lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-istess korp jista’ jiġi magħżul minn żewġ Stati Membri jew iktar. Kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jbiddel il-korp magħżul tiegħu. Għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan.”

B.   Id-dritt nazzjonali

15.

L-Österreichische Staatsdruckerei ( 9 ) hija organizzata mid-dritt privat fil-forma ta’ Gesellschaft mit beschränkter Haftung (kumpannija b’responsabbiltà limitata, iktar ’il quddiem il-“GmbH”). L-Österreichische Staatsdruckerei Holding AG hija l-unika azzjonista ta’ din il-GmbH u l-ishma tagħha huma kkwotati fil-borża u miżmuma minn persuni privati.

16.

Skont is-sitwazzjoni fattwali u legali fl-Awstrija fit-12 ta’ Settembru 2014 ( 10 ), il-produzzjoni ta’ passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti ta’ identità, liċenzji tas-sewqan fil-forma ta’ kard bankarja, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni (għal vetturi bil-mutur) fil-forma ta’ kard bankarja u permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar hija fdata lill-iStaatsdruckerei.

17.

Konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 1a u mal-Artikolu 2(2)(1) tal-iStaatsdruckereigesetz 1996 (att dwar l-istamperija tal-Gvern tal-1996) ( 11 ), l-iStaatsdruckerei għandha twettaq b’mod partikolari “l-produzzjoni ta’ prodotti stampati għas-servizzi federali li waqt il-proċess ta’ produzzjoni tagħhom hija meħtieġa s-segretezza jew il-konformità ma’ dispożizzjonijiet tas-sigurtà (sigurtà fl-istampar)”. L-Artikolu 2(3) tal-iStaatsdruckereigesetz 1996 jistipula wkoll li l-istituzzjonijiet federali għandhom “jafdaw biss [lill-iStaatsdruckerei]” bil-produzzjoni tal-imsemmijin prodotti stampati ( 12 ).

18.

Barra minn hekk, taħt it-titolu “Monitoraġġ tas-sigurtà fl-istampar”, l-Artikolu 6(1) tal-iStaatsdruckereigesetz 1996 jiddisponi li l-proċessi tan-negozju u l-operazzjonijiet li jikkonċernaw il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tas-sigurtà fl-istampar huma suġġetti għall-monitoraġġ mill-ministru federali kompetenti għas-sigurtà fl-istampar inkwistjoni. Konformement mal-Artikolu 6(2) tal-istess att, l-iStaatsdruckerei għandha tieħu l-miżuri tas-sigurtà kollha meħtieġa sabiex jiġi evitat l-abbuż fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tal-istampar tas-sigurtà. Finalment, skont l-Artikolu 6(3) tal-imsemmi att, l-iStaatsdruckerei għandha tipprovdi aċċess, sal-grad meħtieġ għall-monitoraġġ, lill-ministru federali kompetenti għas-sigurtà fl-istampar inkwistjoni, għall-ispazji kummerċjali u aċċess għad-dokumenti kummerċjali kkonċernati.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

19.

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tas-6 ta’ April 2011, il-Kummissjoni għarrfet lill-Awstrija bit-tħassib tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għoti dirett ta’ ċerti kuntratti għal servizzi relatati mal-istampar ta’ dokumenti uffiċjali lill-iStaatsdruckerei mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE kif ukoll tad-Direttivi 92/50 u 2004/18. Speċifikament, dak iż-żmien kienu kkonċernati passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti ta’ identità, liċenzji tas-sewqan fil-forma ta’ kard bankarja, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fuq karta jew fil-forma ta’ kard bankarja, permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar, ċertifikati tal-boatmasters, formoli għal dokumenti tas-sigurtà, vinjetti għan-narkotiċi u liċenzji għal mopeds.

20.

Fir-risposta tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2011 l-Awstrija invokat il-protezzjoni ta’ interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali tagħha. Il-preservazzjoni ta’ informazzjoni sigrieta, l-iżgurar tal-awtentiċità u l-korrettezza tad-dokumenti inkwistjoni, is-sigurtà tal-provvista u l-iżgurar tal-protezzjoni ta’ data sensittiva jiġġustifikaw li l-kuntratti tal-istampar jingħataw biss lill-iStaatsdruckerei. Fil-fatt hija l-iStaatsdruckerei biss li toffri l-miżuri tas-sigurtà organizzazzjonali, tekniċi u strutturali xierqa sabiex jiġu eżegwiti dawn il-kuntratti. Bl-ittri tas-17 ta’ Lulju 2012 u tat-28 ta’ Marzu 2013 l-Awstrija ssupplimentat l-ispjegazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

21.

Fl-10 ta’ Lulju 2014 il-Kummissjoni ppreżentat opinjoni motivata. Fiha l-Kummissjoni enfasizzat li huwa assolutament possibbli li sejħa għal offerti titfassal b’tali mod li tkun tapplika biss għal impriżi li huma speċjalizzati fil-produzzjoni ta’ dokumenti li jirrikjedu rekwiżiti tas-sigurtà speċjali u li jsirilhom monitoraġġ b’mod korrispondenti.

22.

Fl-10 ta’ Settembru 2014 l-Awstrija rreaġixxiet għall-opinjoni motivata. Essenzjalment, l-Istat Membru mill-ġdid invoka l-interessi tas-sigurtà nazzjonali tiegħu u enfasizza li l-eżekuzzjoni tal-kuntratti tal-istampar hija marbuta mill-qrib mal-ordni pubbliku u mal-funzjonament istituzzjonali tal-Istat. L-għoti dirett tagħhom lill-iStaatsdruckerei huwa ġġustifikat minħabba n-neċessità ta’ garanzija tal-provvista u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tal-produzzjoni li jiggarantixxu l-ħarsien ta’ rekwiżiti tas-segretezza u tas-sigurtà speċjali. Fil-konfront ta’ impriżi oħrajn għajr l-iStaatsdruckerei l-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tista’ tiġi infurzata biss b’mezzi tad-dritt ċivili, filwaqt li bil-liġi l-awtoritajiet statali tal-Awstrija għandhom setgħat ta’ kontroll speċjali fil-konfront tal-iStaatsdruckerei.

23.

Matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni ftit ftit bdiet twaqqa’ l-ilmenti tagħha fir-rigward tal-liċenzji għal mopeds, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fuq karta, ċertifikati tal-boatmasters, formoli għal dokumenti tas-sigurtà u vinjetti għan-narkotiċi kemm peress li dawn id-dokumenti kienu ġew eliminati parzjalment kemm għaliex il-produzzjoni ta’ oħrajn ġiet issuġġetta għal sejħa għal offerti ( 13 ). Madankollu, mill-bqija hija baqgħet issostni l-ilmenti tagħha u fakkret li l-Awstrija trid tipprova n-neċessità ta’ għoti dirett tal-kuntratti tal-istampar ikkontestati lill-iStaatsdruckerei.

IV. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE. Hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

tikkonstata li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 u 56 TFUE jew taħt l-Artikolu 4 flimkien mal-Artikoli 11 sa 37 tad-Direttiva 92/50/KEE kif ukoll l-Artikoli 14, 20 u 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18/KE,

billi tat direttament kuntratti għal servizzi għall-produzzjoni ta’ dokumenti partikolari bħal passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti ta’ identità, permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar, liċenzji tas-sewqan fil-forma ta’ kard bankarja u ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-forma ta’ kard bankarja, taħt jew ogħla mil-livell applikabbli għad-Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE fil-perijodu qabel u wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE lil Österreichische Staatsdruckerei GmbH, u

billi żammet id-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tal-Bundesgesetz zur Neuordnung der Rechtsverhältnisse der Österreichischen Staatsdruckerei (liġi federali dwar ir-riorganizzazzjoni tar-relazzjonijiet tal-Österreichische Staatsdruckerei), li jobbligaw lill-awtoritajiet kontraenti li jagħtu dawn il-kuntratti għal servizzi esklużivament lil Österreichische Staatsdruckerei GmbH;

2)

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

25.

Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni; u

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26.

Ir-rikors tal-Kummissjoni ta lok, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għal osservazzjonijiet bil-miktub u seduta għas-sottomissjonijiet orali li nstemgħat fis-7 ta’ Ġunju 2017.

V. Evalwazzjoni

27.

F’dan il-mument is-suġġett tal-kawża ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa limitat biss għall-produzzjoni ta’ passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, karti ta’ identità, permessi ta’ residenza, liċenzji tas-sewqan fil-forma ta’ kard bankarja, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-forma ta’ kard bankarja u permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar. Min-naħa l-oħra, matul il-proċedura prekontenzjuża extraġudizzjarja l-Kummissjoni diġà waqqgħet l-ilmenti tagħha fir-rigward tal-produzzjoni ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fuq karta, ċertifikati tal-boatmasters, vinjetti għan-narkotiċi, formoli għal dokumenti tas-sigurtà u liċenzji għal mopeds.

28.

Ir-rikors tal-Kummissjoni jista’ jitqies bħala fondat meta u sakemm, skont id-dritt tal-Unjoni, ikunu jeżistu ċerti rekwiżiti għall-għoti tal-kuntratti tal-istampar kontenzjużi (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima A hawn taħt) li l-Awstrija ma osservatx u li ma setgħetx taħrab minnhom billi tinvoka interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima B iktar ’l isfel).

29.

Għal finijiet ta’ kompletezza biss għandu jiġi rrimarkat li f’dan il-każ ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar għoti “in house” ( 14 ), peress li r-Repubblika tal-Awstrija ma għadhiex tikkontrolla l-iStaatsdruckerei bħala dipartiment proprju. Għall-kuntrarju, din hija impriża purament privata li hija kompletament il-proprjetà ta’ persuni privati.

A.   L-obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi minn organi tal-Istati Membri

30.

B’mod mhux ikkontestat, il-kuntratti tal-istampar kontenzjużi jirrigwardaw kuntratti pubbliċi għal servizzi konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li kienu japplikaw fiż-żmien li fih seħħew il-fatti. Speċifikament, għaż-żmien sal-31 ta’ Jannar 2006 dan kien jirriżulta mill-punt 15 tal-Anness IA tad-Direttiva 92/50 u għaż-żmien ta’ wara, mill-punt 15 tal-Anness II, Parti A tad-Direttiva 2004/18 fejn is-“Servizzi ta’ ppubblikar u stampar fuq bażi ta’ miżata jew kuntratt” huma kull darba attribwiti lill-qasam tas-servizzi prijoritarji. Għal dawn is-servizzi ż-żewġ direttivi jistabbilixxu regoli ddettaljati għall-awtoritajiet kontraenti dwar il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti li għandhom jiġu applikati.

1. L-obbligu taħt id-dritt sekondarju li ssir proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-istampar tad-dokumenti kollha għajr il-permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar

31.

Il-partijiet jaqblu li l-kuntratti tal-istampar kollha inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tal-kuntratt għall-produzzjoni ta’ permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar, għandhom valur li jaqbeż il-limiti għal kuntratti pubbliċi għal servizzi stabbiliti fiż-żewġ Direttivi 92/50 u 2004/18.

32.

Għaldaqstant – bla ħsara għall-kwistjoni li għandha tiġi diskussa iktar ’l isfel dwar il-ħarsien ta’ interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali ( 15 ) – għal dawn il-kuntratti kollha bħala prinċipju kien jeżisti l-obbligu li ssir proċedura ta’ sejħa għal offerti skont ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Dan jirriżulta mill-Artikolu 3(1), mill-Artikolu 11(1), mill-Artikolu 8 u mill-Artikolu 15(2) moqri flimkien mal-punt 15 tal-Anness IA tad-Direttiva 92/50 kif ukoll mill-Artikolu 20 moqri flimkien mal-punt 15 tal-Anness II, Parti A tad-Direttiva 2004/18.

2. L-assenza ta’ obbligu li tirriżulta mid-dritt primarju għall-ħolqien ta’ livell minimu ta’ pubbliċità għall-kuntratt tal-istampar ta’ permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar

33.

Min-naħa l-oħra, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kuntratt għall-istampar ta’ permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar, li l-valur stmat tiegħu kien ta’ EUR 56000 biss, u li għalhekk kien sew inqas mil-limiti tad-Direttivi 92/50 jew 2004/18 għal kuntratti pubbliċi għal servizzi, ma kien hemm l-ebda obbligu abbażi tad-dritt sekondarju li ssir proċedura ta’ sejħa għal offerti.

34.

Huwa minnu li dan ma jfissirx li kuntratti pubbliċi bħal dawn huma esklużi kompletament mid-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, skont ġurisprudenza stabbilita ( 16 ), il-libertajiet fundamentali tas-suq intern Ewropew – f’dan il-każ il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (jiġifieri l-Artikoli 43 u 49 KE għaż-żmien qabel l-1 ta’ Diċembru 2009 kif ukoll l-Artikoli 49 u 56 TFUE sa mill-1 ta’ Diċembru 2009) – u partikolarment l-obbligu tat-trasparenza li jista’ jiġi dedott minn dawn il-libertajiet fundamentali, jitolbu li anki qabel l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi li jinsabu taħt il-limitu għandu jiġi żgurat livell xieraq ta’ pubbliċità jekk il-kuntratt inkwistjoni ikun ta’ interess transkonfinali ċert.

35.

Madankollu, f’dan il-każ il-Kummissjoni u l-Awstrija ma jaqblux dwar jekk kienx effettivament jeżisti tali interess transkonfinali ċert fir-rigward tal-kuntratt inkwistjoni għall-istampar ta’ permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar.

36.

Kif l-Awstrija tenfasizza korrettament, il-valur baxx ta’ kuntratt ifisser indikazzjoni li ma hemmx interess transkonfinali ċert. Bħalma ssostni l-Kummissjoni, huwa minnu li l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ interess transkonfinali bħal dan ma tistax tiġi ddeterminata biss abbażi tal-valur tal-kuntratt; għall-kuntrarju, hija indispensabbli evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali inkwistjoni ( 17 ). Iżda, fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ lanqas evalwazzjoni globali bħal din ma twassal għal interess transkonfinali ċert.

37.

Ċertament, kollox ma’ kollox, is-suq għall-produzzjoni ta’ dokumenti li ma jistgħux jiġu ffalsifikati huwa kkaratterizzat minn livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni u involviment internazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi ma jistax jiġi eskluż li anki kuntratti żgħar ta’ xi Stat Membru jistgħu jqajmu interess transkonfinali qawwi fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Madankollu, f’dan il-każ il-Kummissjoni naqset milli tispjega b’mod suffiċjenti kemm jeżisti interess transkonfinali ċert proprju fl-istampar ta’ permessi Awstrijaċi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar li, skont id-data ppreżentata mill-Awstrija u li ma hijiex ikkontestata, jiġu prodotti fi kwantità ta’ madwar 400 fis-sena u bi prezz ta’ EUR 35 għal kull wieħed.

38.

F’dan il-kuntest, il-fatt invokat mill-Kummissjoni, li l-iStaatsdruckerei min-naħa tagħha ġiet fdata minn diversi Stati barranin bil-produzzjoni ta’ viżi u passaporti, ma tantx huwa indikattiv. Dan minħabba li l-viżi u l-passaporti huma stampati fi kwantitajiet sostanzjalment ikbar u skont regoli uniformi stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni, kuntrarjament għal permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar. Għaldaqstant, l-interess transkonfinali f’kuntratti tal-istampar għall-viżi u passaporti huwa sostanzjalment ogħla u ma huwiex komparabbli mal-interess f’kuntratti tal-istampar ta’ permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar.

39.

Għalhekk, kollox ma’ kollox, il-fatti sottomessi mill-Kummissjoni ma jindikawx b’ċertezza l-eżistenza ta’ interess transkonfinali fil-kuntratt għall-istampar ta’ permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova ( 18 ). Konsegwentement, hawnhekk ma jistax jiġi preżunt li, minħabba d-dritt primarju, l-Awstrija kellha d-dmir toħloq livell minimu ta’ pubbliċità qabel l-għoti tal-kuntratt għall-istampar tal-permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar. Għalhekk, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, l-Awstrija setgħet tagħti l-kuntratt inkwistjoni direttament lill-iStaatsdruckerei mingħajr ma qabel tqis impriżi oħrajn bħala kuntratturi.

B.   L-eċċezzjonijiet mill-obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni

40.

Fir-rigward ta’ dik il-parti tar-rikors tal-Kummissjoni li ma tikkonċernax il-permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar għad irid jiġi diskuss jekk u sa fejn in-natura, mingħajr dubju ta’ xejn sensittiva, tal-kuntratti tal-istampar kontenzjużi tistax twassal sabiex l-Awstrija, b’deroga mill-obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni li għadni kemm semmejt, setgħet tagħti dawn il-kuntratti direttament lill-iStaatsdruckerei mingħajr ma tikkunsidra, b’xi mod jew ieħor, impriżi oħrajn bħala kuntratturi.

41.

F’dan ir-rigward l-Awstrija tindika l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18. L-Awstrija hawnhekk ma hijiex tinvoka l-Artikolu 346(1)(a) TFUE [li kien l-Artikolu 296(1)(a) KE] li wkoll ġie diskuss b’mod intensiv bejn il-partijiet. Dan ġie ċċarat fis-seduta ( 19 ). Fl-istess waqt, nemmen li jagħmel sens li fil-punti segwenti jiġi diskuss l-Artikolu 346(1)(a) TFUE, peress li, fl-aħħar mill-aħħar, id-dispożizzjonijiet kollha tad-direttivi msemmija huma dderivati minn din il-leġiżlazzjoni u huma marbuta mill-qrib magħha.

1. Osservazzjonijiet ġenerali

42.

Fil-livell tad-dritt primarju, l-Artikolu 346(1)(a) TFUE jiċċara li l-ebda Stat ma jkun obbligat jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu jkun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu. Kuntrarjament għall-punt (b) tal-istess artikolu, il-punt (a), kif jindika diġà t-test tiegħu, ma huwiex limitat għall-oqsma tal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra, iżda jipproteġi, b’mod ġenerali għall-aħħar, l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istati Membri u għaldaqstant jista’ jiġi applikat ukoll fil-każ ta’ proċessi ta’ akkwist mhux militari bħall-kuntratti tal-istampar inkwistjoni hawnhekk ( 20 ). Jekk Stat Membru jirrifjuta li joħroġ sejħa għal offerti jew milli jħabbar kuntratt pubbliku b’xi mod ieħor, dan fl-aħħar mill-aħħar ikun qed iżomm lura informazzjoni rilevanti mill-pubbliku interessat, dwar proġett ta’ akkwist imminenti. Għalhekk, skont l-Artikolu 346(1)(a) TFUE, dan ikun qed jidderoga mill-obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni tiegħu li jeżisti f’dan is-settur, jiġifieri dak tal-provvista ta’ informazzjoni.

43.

Mil-lat tad-dritt sekondarju, il-possibbiltà, espressa fl-Artikolu 346(1)(a) TFUE, ta’ deroga mill-obbligi abbażi tad-dritt tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda d-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi, minn naħa qed tiġi speċifikata fl-Artikolu 13(a) tad-Direttiva 2009/81 u min-naħa l-oħra fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 kif ukoll fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18. Iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar jipprovdu, b’formulazzjonijiet li essenzjalment huma l-istess, li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi ma japplikawx għal kuntratti pubbliċi

iddikjarati li huma sigrieti jew

meta t-twettiq tagħhom għandu jkun jirrikjedi miżuri speċjali tas-sigurtà, konformement mal-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat,

jew meta l-ħarsien tal-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dak l-Istat Membru jitlob hekk.

44.

F’dan ir-rigward l-Awstrija tinvoka biss l-aħħar żewġ alternattivi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18, jiġifieri ċ-ċirkustanza li l-kuntratti tal-istampar kontenzjużi fil-fehma tagħha jeħtieġu miżuri speċjali tas-sigurtà (li hija t-tieni alternattiva) u l-ħarsien tal-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat (it-tielet alternattiva). Min-naħa l-oħra, l-Awstrija ma hijiex tinvoka l-ħtieġa eventwali tas-segretezza tal-kuntratti tal-istampar (l-ewwel alternattiva).

45.

Fil-qofol tagħhom, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18 u l-Artikolu 346(1)(a) TFUE kollha kemm huma jesprimu l-istess kunċett legali, jiġifieri li l-Istati Membri għandhom id-dritt jidderogaw mill-obbligi li attwalment huma suġġetti għalihom abbażi tad-dritt tal-Unjoni jekk dan ikun għall-finijiet tal-ħarsien ta’ interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali. Għaldaqstant, huwa rrakkomandat li dawn l-eċċezzjonijiet kollha jiġu analizzati flimkien, filwaqt li l-ġurisprudenza estensiva stabbilita fuq l-Artikolu 346(1) TFUE – preċiżament dwar il-punt (b) tiegħu – tista’ sservi bħala gwida għall-fehim tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18.

2. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom

46.

L-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali jikkostitwixxu kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu. Huwa jkopri kemm is-sigurtà esterna kif ukoll is-sigurtà interna tal-Istati Membri ( 21 ).

47.

Huwa rrikonoxxut li kull Stat Membru għandu jingħata diskrezzjoni wiesgħa fid-definizzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu ( 22 ); dan jintwera mill-użu tal-kliem “li jikkunsidra meħtieġa” fl-Artikolu 346(1) TFUE.

48.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni intiżi għall-finijiet tal-ħarsien ta’ interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali ma jistgħux jiġu interpretati bħala setgħa mogħtija lill-Istati Membri li jidderogaw mill-obbligi tagħhom abbażi tad-dritt tal-Unjoni bis-sempliċi invokazzjoni ta’ dawn l-interessi ( 23 ). Għall-kuntrarju, l-Istati Membri huma obbligati juru b’mod issostanzjat liema interessi tas-sigurtà nazzjonali huma milquta eżattament u kemm il-konformità ma’ ċerti obbligi tad-dritt tal-Unjoni tkun tippreġudika b’mod konkret dawn l-interessi tas-sigurtà.

49.

F’dan il-każ, l-Awstrija targumenta li l-ħruġ tad-dokumenti uffiċjali inkwistjoni jirrigwarda funzjonijiet fundamentali tal-Istat ( 24 ). Pereżempju, il-passaporti u l-karti ta’ identità jservu bħala prova tal-identità, taċ-ċittadinanza u tal-età tal-persuni. Fil-prattika, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti bħal dawn tiggarantixxi, mhux l-inqas, id-dritt tad-detenturi tagħhom biex jipparteċipaw f’elezzjonijiet, il-libertà li jivvjaġġaw, id-dritt li jirresjedu fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea jew fi Stati kontraenti oħrajn taż-ŻEE u li possibbilment jistudjaw jew jaħdmu f’dak l-Istat. Liċenzja tas-sewqan tipprovdi informazzjoni dwar id-dritt tad-detentur tagħha sabiex isuq vetturi bil-mutur u għalhekk li jipparteċipa b’mod attiv fit-traffiku tat-toroq; f’ċerti ċirkustanzi din tista’ tiġi rrikonoxxuta wkoll bħala prova tal-identità.

50.

Kif l-Awstrija tenfasizza korrettament, waqt l-istampar ta’ dawn id-dokumenti u oħrajn simili għandha tingħata attenzjoni li l-ewwel nett ikunu ggarantiti l-awtentiċità u s-sigurtà tagħhom kontra l-falsifikazzjoni, li t-tieni nett l-ebda persuna mhux awtorizzata ma tikseb tagħrif dwar l-arranġamenti tas-sikurezza fil-produzzjoni tagħhom, it-tielet nett li tkun żgurata l-provvista affidabbli lill-organi pubbliċi bid-dokumenti kkonċernati u li r-raba’ nett ikun iggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali pproċessata waqt il-produzzjoni tad-dokumenti.

51.

Anki jekk wieħed jaqbel mal-Kummissjoni u jiddubita kemm l-aspett tal-protezzjoni tad-data, imsemmi l-aħħar, b’mod partikolari jista’ jitqies bħala kwistjoni tas-sigurtà nazzjonali ( 25 ), xorta waħda ma huwiex kontestabbli li, fi kwalunkwe każ, l-aspetti l-oħrajn kollha elenkati – l-awtentiċità u s-sigurtà kontra l-falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali, il-ħarsien tal-arranġamenti tas-sikurezza fil-produzzjoni tagħhom u s-sigurtà tal-provvista – jistgħu jaffettwaw interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali.

52.

Għalhekk, bħala prinċipju, l-Awstrija tista’ tinvoka l-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali tagħha u l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tagħhom kif enfasizzati fl-Artikolu 346(1)(a) TFUE, fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18. Iżda l-kwistjoni deċiżiva għas-soluzzjoni ta’ dan il-każ hija jekk dawn l-interessi u miżuri tas-sigurtà jistgħux jiġġustifikaw li jiġu rrinunzjati kompletament il-proċeduri preskritti bid-dritt tal-Unjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Din il-kwistjoni ser nindirizzaha issa.

3. In-natura eċċezzjonali ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

53.

Peress li l-Artikolu 346(1)(a) TFUE jippermetti derogi mil-libertajiet fundamentali, li huma ta’ importanza fundamentali fis-sistema tat-trattati, hija kkonċernata dispożizzjoni ta’ deroga li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta ( 26 ). L-istess japplika għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/18 li min-naħa tagħhom jipprevedu eċċezzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, ukoll jipprovdu għal eċċezzjonijiet mil-libertajiet fundamentali mħaddna fit-trattati ( 27 ).

54.

Meta jinvoka dawn id-dispożizzjonijiet ta’ deroga, l-Istat Membru kkonċernat, anki jekk jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa fi kwistjonijiet tas-sigurtà, ma huwiex assolutament liberu iżda huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istat Membru għandu partikolarment jipproduċi prova li l-miżuri adottati minnu huma meħtieġa sabiex iħares l-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali tiegħu ( 28 ). Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, l-Istat Membru kkonċernat irid ikun suġġett għal stħarriġ tal-proporzjonalità.

55.

Hawnhekk l-Awstrija essenzjalment tibbaża fuq tliet argumenti sabiex tiġġustifika għalfejn għandu jiġi ġġustifikat għoti dirett tal-kuntratti tal-istampar kontenzjużi lill-iStaatsdruckerei: l-ewwel nett, il-ħarsien tal-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali jirrikjedi l-eżekuzzjoni ċentralizzata tal-kuntratti tal-istampar permezz tal-ikkummissjonar ta’ impriża waħda biss, it-tieni nett huma neċessarji kontrolli amministrattivi effettivi waqt l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti tal-istampar relatati mas-sigurtà, u t-tielet nett il-kuntrattur inkwantu tali jrid ikun affidabbli. Kif ser nispjega hawn taħt, f’dan il-każ speċifiku l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jiflaħ għal eżami iktar mill-qrib.

a) Fuq il-ħtieġa tal-eżekuzzjoni ċentralizzata tal-kuntratti tal-istampar

56.

Fl-ewwel lok, l-Awstrija tinvoka n-neċessità ta’ eżekuzzjoni ċentralizzata tal-kuntratti tal-istampar kontenzjużi minn impriża waħda biss. B’dan il-mod huwa ffaċilitat il-kontroll tal-awtoritajiet Awstrijaċi fir-rigward tal-eżekuzzjoni kif suppost tal-kuntratti, b’konformità mal-arranġamenti tas-segretezza u tas-sigurtà meħtieġa. Barra minn hekk, jitnaqqas ir-riskju li persuni mhux awtorizzati jiksbu tagħrif dwar dawn l-arranġamenti tas-sigurtà jew li persuni mhux awtorizzati jakkwistaw materjal sensittiv (pereżempju formoli għall-passaporti jew permessi ta’ residenza).

57.

Huwa minnu li f’każ bħal dan iċ-ċentralizzazzjoni fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt tista’ titqies bħala kontribut għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali – u possibbilment anki bħala kontribut għall-protezzjoni tad-data – minħabba r-raġunijiet imsemmija mill-Awstrija. Madankollu, l-argument taċ-ċentralizzazzjoni jservi biss biex jispjega għalfejn hija fdata dejjem impriża waħda biss (u mhux ħafna f’daqqa) bil-kuntratti tal-istampar kontenzjużi. Min-naħa l-oħra, l-invokazzjoni tal-ħtieġa taċ-ċentralizzazzjoni ma tissostanzjax b’mod plawżibbli għalfejn għandu jkun neċessarju, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali, li tiġi fdata dejjem l-istess impriża – jiġifieri l-iStaatsdruckerei.

58.

Lanqas l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2252/2004 invokat mill-Awstrija ma jwassal għal evalwazzjoni differenti. Huwa minnu li l-imsemmija dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jaħtru organu kompetenti għall-istampar tal-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar. Madankollu, id-dispożizzjoni ma tispeċifikax kif l-organu kompetenti għandu jintgħażel mill-Istati Membri. B’mod partikolari, bl-ebda mod ma tipprekludi proċedura preċedenti ta’ sejħa għall-offerti konformement mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Ħarsa lejn il-kuntest globali li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni tikkonferma dan. Fil-fatt, kif jidher mill-premessa 4 tiegħu, ir-Regolament Nru 2252/2004 huwa limitat għall-armonizzazzjoni tal-karatteristiċi ta’ sigurtà għall-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar, filwaqt li l-ħatra, mill-Istati Membri, tal-awtoritajiet u tal-organu kompetenti għandha ssir espressament bla ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li l-osservazzjoni tagħhom ma hijiex affettwata mir-Regolament Nru 2252/2004, jinkludu, mhux l-inqas, id-dritt tal-kuntratti pubbliċi kif jirriżulta mid-drittijiet fundamentali kif ukoll mid-Direttivi 92/50 u 2004/18.

b) Fuq il-ħtieġa ta’ kontrolli amministrattivi effettivi

59.

Fit-tieni lok, l-Awstrija ssemmi l-importanza ta’ kontrolli amministrattivi effettivi b’rabta mal-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni. Għal din ir-raġuni wkoll, huwa ġġustifikat li l-iStaatsdruckerei tiġi fdata bil-kuntratti tal-istampar kontenzjużi.

60.

F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li n-natura sensittiva ta’ dawn il-kuntratti tal-istampar bla ebda dubju tista’ tirrikjedi li jsiru kontrolli amministrattivi stretti, anki mingħajr avviż, fuq l-impriża kkummissjonata. Madankollu, b’rabta ma’ dan l-Awstrija tista’ tieħu biss dawk il-miżuri li huma attwalment meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-effettività ta’ dawn il-kontrolli. Approċċ li jwassal biex l-offerenti potenzjali l-oħrajn kollha għajr l-iStaatsdruckerei jiġu esklużi mill-bidu nett mill-għoti tal-kuntratt imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan leġittimu ta’ kontrolli effettivi.

61.

L-Awstrija toġġezzjona li skont is-sitwazzjoni legali eżistenti – preċiżament skont l-Artikolu 6(3) tal-iStaatsdruckereigesetz 1996 – l-awtoritajiet tagħha għandhom setgħat ta’ kontroll sovrani fil-konfront tal-iStaatsdruckerei biss, iżda mhux fil-konfront ta’ impriżi oħrajn. B’mod speċjali, jekk tinqala’ problema fil-konfront ta’ impriżi barranin ma jistgħux jittieħdu passi uffiċjali, iżda l-iktar l-iktar fuq il-bażi tad-dritt ċivili.

62.

Madankollu, din l-oġġezzjoni ma tikkonvinċinix. Huwa minnu li ma jistax jiġi kkontestat li jistgħu jkunu meħtieġa, b’mod speċifiku, setgħat ta’ kontroll sovrani għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà nazzjonali peress li huma iktar effettivi minn drittijiet ta’ kontroll miftiehma purament bid-dritt ċivili f’kuntratt. Madankollu, din iċ-ċirkustanza fiha nfisha ma tiġġustifikax li jiġu injorati għalkollox ir-regoli eżistenti tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li, mill-bidu nett, tittieħed inkunsiderazzjoni impriża partikolari waħda biss – l-iStaatsdruckerei – bħala kuntrattur.

63.

Għall-kuntrarju, l-Istat Membru inkwistjoni – hawnhekk l-Awstrija – huwa responsabbli biex jipprovdi bilanċ kemm jista’ jkun ġust bejn il-bżonnijiet ta’ kontroll tiegħu relatati mas-sigurtà fuq naħa u l-obbligi tiegħu abbażi tad-dritt tal-Unjoni fuq in-naħa l-oħra. B’rabta ma’ dan għandhom jitqiesu miżuri ħafna inqas radikali f’dak li għandu x’jaqsam mad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, li jagħmluha possibbli anki għal impriżi oħrajn għajr l-iStaatsdruckerei biex jikkompetu għall-kuntratti tal-istampar kontenzjużi:

minflok ma teskludi għalkollox l-impriżi b’sede fi Stati kontraenti oħrajn taż-ŻEE mill-għoti tal-kuntratt, l-Awstrija, fejn neċessarju, tista’ teżiġi li, fil-każ li jiġu ammessi, li l-partijiet interessati kollha jkollhom jikkompletaw il-kuntratti tal-istampar inkwistjoni minn stabbiliment permanenti fit-territorju nazzjonali ( 29 ), jipproċessaw id-data personali li tinġabar esklużivament fit-territorju nazzjonali filwaqt li ma jittrażmettux din id-data u lanqas informazzjoni relatata mas-sigurtà permezz ta’ kejbils tad-data jew servers barranin u ma jgħadduhomx lil partijiet tal-impriża li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali jew saħansitra lil awtoritajiet barranin;

u minflok ma jipprovdi setgħat ta’ kontroll sovrani bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tal-iStaatsdruckereigesetz 19961996 fil-konfront tal-iStaatsdruckerei biss, il-leġiżlatur Awstrijak jista’ jagħti s-setgħa ġenerali lill-organi kompetenti tal-Istat sabiex iwettqu kontrolli bħal dawn fl-impriżi kollha li għandhom stabbilimenti permanenti fit-territorju nazzjonali jekk fihom ikunu qed jeżegwixxu kuntratti tal-istampar relatati mas-sigurtà.

c) Fuq il-ħtieġa tal-kredibbiltà tal-kuntrattur

64.

It-tielet nett, l-Awstrija finalment targumenta li l-iStaatsdruckerei ġiet fdata b’mod speċifiku bil-kuntratti tal-istampar kontenzjużi minħabba l-fatt li bejn din l-impriża u l-organi kompetenti tal-Istat teżisti relazzjoni ta’ fiduċja speċjali.

65.

Huwa minnu li, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà ta’ Stat Membru, jista’ jkun meħtieġ li ċ-ċirku tal-kandidati li ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku jiġi limitat għal dawk l-impriżi li jiġu kklassifikati bħala partikolarment affidabbli u ta’ min jafdahom.

66.

Madankollu, ikun jikkontradixxi sfaċċatament il-ħsieb bażiku tas-suq intern Ewropew b’mod ġenerali u tad-dritt fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi b’mod partikolari ( 30 ) jekk Stat Membru jikklassifika, biex ngħidu hekk, b’mod arbitrarju impriża waħda biss – speċjalment lil dak li huwa l-fornitur tas-servizzi “storiku” tiegħu f’settur speċifiku li qabel kien tal-gvern u li issa huwa pprivatizzat – bħala partikolarment affidabbli u ta’ min jafdaha, bir-raġunament li hija “magħrufa sew u rinomata”, filwaqt li jirrinunzja l-affidabbiltà u l-kredibbiltà fil-konfront tal-impriżi l-oħrajn kollha mill-bidu nett jew, għall-inqas, jiddubitahom.

67.

Dan jirriżulta wkoll minn paragun mal-kuntratti pubbliċi fis-settur militari u dak relatat mal-politika tas-sigurtà, li wkoll jirrigwardaw materji estremament sensittivi u xorta waħda għandhom normalment jiġu suġġetti għal proċedura ta’ sejħa għall-offerti skont ir-regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni ( 31 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-neċessità tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità bl-ebda mod ma tipprekludi l-użu ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt ( 32 ). Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti marġni suffiċjenti għall-arranġamenti tas-sigurtà u tal-kunfidenzjalità neċessarji f’settur sensittiv, kemm fil-proċedura sakemm jintgħażel il-kuntrattur l-iktar adattat kif ukoll iktar tard fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

68.

Għalhekk, xejn ma għandu jżomm lill-awtoritajiet kontraenti milli, waqt l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi sensittivi bħal dawk kontenzjużi li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ dokumenti uffiċjali, jistabbilixxu rekwiżiti partikolarment stretti fir-rigward tal-adegwatezza u l-affidabbiltà tal-kuntratturi, milli tfassal il-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerta u l-kuntratti tas-servizzi b’mod korrispondenti kif ukoll titlob il-provi neċessarji mingħand l-applikanti. Barra minn hekk, jistgħu jistabbilixxu restrizzjonijiet li l-kuntratturi jridu josservaw waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratti tal-istampar u li jistgħu jkopru, fosthom, arranġamenti relatati mal-protezzjoni tad-data, il-kunfidenzjalità u s-sigurtà kif ukoll il-kontrolli amministrattivi li għandhom jiġu ttollerati, inkluża verifika tas-sigurtà tal-impjegati kollha involuti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Madankollu, dan ma jagħmilx il-produzzjoni ta’ dokumenti uffiċjali kuntratt intuitu personae li għandu jiġi eżegwit minn persuna speċifika waħda biss.

69.

Fis-seduta l-Awstrija indikat li l-impriżi barranin ma jistgħux jaħarbu għalkollox mill-aċċess tal-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini rispettiv tagħhom u li kultant huma saħansitra obbligati jikkooperaw mas-servizzi sigrieti lokali, anki jekk dawn ikunu qed jikkompletaw kuntratti pubbliċi minn stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali. Għaldaqstant, impriżi bħal dawn ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala kuntratturi għal kuntratti tal-istampar sensittivi bħal dawk kontenzjużi hawnhekk.

70.

Kif diġà spjegajt banda oħra ( 33 ), ċerti derogi mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti previsti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea jistgħu tassew ikunu ġġustifikati mill-fatt li Stat Membru ma jkunx jixtieq sempliċement jiżvela informazzjoni relatata mas-sigurtà lil impriżi barranin jew impriżi kkontrollati minn ċittadini barranin, b’mod partikolari minn impriżi jew ċittadini ta’ Stati terzi. Stat Membru jista’ wkoll jiżgura wkoll b’mod leġittimu li ma jsirx dipendenti fuq pajjiżi mhux membri jew fuq impriżi minn pajjiżi mhux membri għall-provvista tal-oġġetti sensittivi tiegħu.

71.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura għandha tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk din tkun sewwasew intiża sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 34 ). F’dan il-każ ma jidhirx li l-Awstrija għamlet xi arranġamenti li jistgħu jipprevjenu b’mod effettiv li l-iStaatsdruckerei taqa’ taħt il-kontroll ta’ azzjonisti barranin jew li ssir sussidjarja ta’ persuna ġuridika barranija. L-Istat tal-Awstrija ma laħaqx ftehim li jkollu leħen immotivat mill-politika tas-sigurtà fl-iStaatsdruckerei fil-forma ta’ sehem speċifiku (“golden share”) ( 35 ), u lanqas ma ssuġġetta t-trasferiment ta’ kapital azzjonarju fl-iStaatsdruckerei għal xi restrizzjonijiet minħabba raġunijiet relatati mal-politika tas-sigurtà.

72.

F’dawn il-kundizzjonijiet ma teżisti l-ebda ġustifikazzjoni relatata mal-politika tas-sigurtà għar-rifjut kategoriku tal-Awstrija li, minbarra l-fornitur tas-servizzi “storiku” tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll impriżi oħrajn bħala kuntratturi – kemm jekk dawn huma impriżi oħrajn fl-Awstrija kif ukoll minn Stati kontraenti oħrajn taż-ŻEE.

C.   Sommarju

73.

Kollox ma’ kollox, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud sa fejn dan jikkonċerna l-għoti ta’ kuntratti tal-istampar ta’ permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-punti l-oħrajn kollha tat-tilwima r-rikors għandu jintlaqa’ fl-intier tiegħu u jiġi kkonstatat li l-Awstrija wettqet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni.

VI. Spejjeż

74.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet għandhom bħala prinċipju jbatu l-ispejjeż tagħhom stess jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, bħalma huwa l-każ hawnhekk. Madankollu, abbażi tat-tieni sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

75.

Skont is-soluzzjoni proposta minni, il-Kummissjoni ser tirbaħ il-kawża fil-maġġor parti, filwaqt li l-argumenti tal-Awstrija għandhom jintlaqgħu biss fir-rigward ta’ parti żgħira mit-tilwima; f’dak li għandu x’jaqsam mal-permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar biss. Fid-dawl ta’ dan, jidhirli li f’dan il-każ ikun xieraq li minbarra l-ispejjeż tagħha l-Awstrija tbati wkoll tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li l-Kummissjoni tbati kwart mill-ispejjeż tagħha.

VII. Konklużjoni

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)

Ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE meta

minn naħa żammet dispożizzjonijiet bħalma huwa l-Artikolu 2(3) tal-Att dwar l-iStaatsdruckerei tal-1996, li minnhom jirriżulta obbligu għall-awtoritajiet kontraenti sabiex jagħtu kuntratti tal-istampar ta’ ċerti dokumenti uffiċjali lill-Österreichische Staatsdruckerei GmbH, u

min-naħa l-oħra tat direttament kuntratti speċifiċi għal servizzi għall-produzzjoni ta’ passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti ta’ identità, liċenzji tas-sewqan fil-forma ta’ kard bankarja u ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-forma ta’ kard bankarja lill-imsemmija Staatsdruckerei mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Ara, pereżempju, il-Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tar-reazzjoni Ewropea għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, li l-Kummissjoni Ewropea tat deskrizzjoni sommarja tiegħu fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill [COM(2016) 790 finali].

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).

( 4 ) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

( 5 ) Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2009 L 216, p. 76).

( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU 2006, L 153M, p. 375).

( 7 ) Hawnhekk hija kkonċernata “proċedura ta’ komitoloġija” skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (1999/468/KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124).

( 8 ) Hawnhekk huma kkonċernati speċifikazzjonijiet tekniċi b’rabta ma’ karatteristiċi u rekwiżiti tas-sigurtà addizzjonali, mal-mezz ta’ ħażna ta’ data bijometrika u s-sigurtà tiegħu kif ukoll ma’ rekwiżiti għall-kwalità u standards komuni għax-xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’.

( 9 ) Iktar ’il quddiem l-“iStaatsdruckerei” li tfisser l-istamperija tal-Gvern.

( 10 ) Fit-12 ta’ Settembru 2014 skada t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha għall-finijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE.

( 11 ) BGBl I Nru 1/1997.

( 12 ) Għal passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza u karti ta’ identità dan jirriżulta wkoll mill-Verordnung der Bundesministerin für Inneres über die Gestaltung der Reisepässe und Passersätze (regolament tal-ministru federali għall-intern dwar id-disinn tal-passaporti u passaporti ta’ sostituzzjoni), fir-rigward ta’ permessi ta’ residenza mill-Verordnung der Bundesministerin für Inneres zur Durchführung des Niederlassungs- und Aufenthaltsgesetzes (regolament tal-ministru federali għall-intern dwar l-implementazzjoni tal-att li jikkonċerna l-istabbiliment u r-residenza), fir-rigward ta’ liċenzji tas-sewqan fil-forma ta’ kard bankarja mill-Verordnung des Bundesministers für Wissenschaft und Verkehr über die Durchführung des Führerscheingesetzes (regolament tal-ministru federali għax-xjenza u għat-trasport dwar l-implementazzjoni tal-att dwar il-liċenzji tas-sewqan), fir-rigward ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni għal vetturi bil-mutur fil-forma ta’ kard bankarja mill-Verordnung des Bundesministers für Wissenschaft und Verkehr über die Einrichtung von Zulassungsstellen (regolament tal-ministru federali għax-xjenza u għat-trasport dwar it-twaqqif ta’ ċentri għar-reġistrazzjoni), fir-rigward ta’ permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar mill-Verordnung der Bundesministerin für Inneres über die Durchführung des Pyrotechnikgesetzes 2010 (regolament tal-ministru federali għall-intern dwar l-implementazzjoni tal-att dwar il-logħob tan-nar tal-2010). Sakemm f’dawn ir-regolamenti ma huwiex ordnat espressament l-ikkummissjonar obbligatorju tal-iStaatsdruckerei, dan jirriżulta mill-ħtieġa tas-sigurtà kontra l-falsifikazzjoni tad-dokumenti msemmijin flimkien mal-Artikolu 2(3) tal-iStaatsdruckereigesetz 1996.

( 13 ) Kif jirriżulta mill-atti tal-proċess, fis-17 ta’ Lulju 2012 l-Awstrija kienet wiegħdet li ser tabolixxi l-liċenzji għal mopeds kif ukoll li timplementa proċedura għall-għoti ta’ kuntratti aċċessibbli għall-pubbliku fir-rigward ta’ permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fuq karta, ċertifikati tal-boatmasters, formoli għal dokumenti tas-sigurtà u vinjetti għan-narkotiċi. Fit-28 ta’ Marzu 2013 l-Awstrija fl-aħħar ikkonfermat lill-Kummissjoni li hija verament kienet abolixxiet il-liċenzji għal mopeds filwaqt li implementat il-wegħdiet tagħha fir-rigward tal-formoli għal dokumenti tas-sigurtà kif ukoll tal-vinjetti għan-narkotiċi. L-ilmenti tal-Kummissjoni ġew eliminati wkoll fir-rigward taċ-ċertifikati tal-boatmasters, kif din ikkonstatat espressament fir-rikors promotur tagħha.

( 14 ) Ara f’dan ir-rigward, inter alia, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562, punt 50), tat-8 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑337/05, EU:C:2008:203, punt 36), u tat-8 ta’ Diċembru 2016, Undis Servizi (C‑553/15, EU:C:2016:935, punt 31). L-eċċezzjoni għall-għoti “in house” tapplika kemm f’dawk il-każijiet koperti mid-direttivi dwar kuntratti pubbliċi kif ukoll f’dawk evalwati esklużivament abbażi tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern Ewropew: sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punti 60 sa 62), tad-29 ta’ Novembru 2012, Econord (C‑182/11 u C‑183/11, EU:C:2012:758, punt 26), u tat-8 ta’ Diċembru 2016, Undis Servizi (C‑553/15, EU:C:2016:935, punt 24).

( 15 ) Ara l-punti 40 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’l isfel.

( 16 ) Sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria et (C‑324/98, EU:C:2000:669, punti 60 sa 62), tat-18 ta’ Ġunju 2002, HI (C‑92/00, EU:C:2002:379, punti 42, 45 u 46), tat-13 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑507/03, EU:C:2007:676, punti 29 sa 31), tas-17 ta’ Diċembru 2015, UNIS u Beaudout Père et Fils (C‑25/14 u C‑26/14, EU:C:2015:821, punti 27, 38 u 39), u tas-6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni (C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 19).

( 17 ) F’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni (C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 20).

( 18 ) Fuq l-oneru tal-prova tal-Kummissjoni ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑507/03, EU:C:2007:676, punt 32).

( 19 ) L-Awstrija ssostni l-Artikolu 346(1)(a) TFUE fir-rigward tal-permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar diskussi qabel biss.

( 20 ) F’dan ir-rigward speċifikament il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni interpretattiva tagħha, tas-7 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 296 tat-Trattat fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi għad-difiża [COM(2006) 779 finali, iktar ’il quddiem anki l-“Komunikazzjoni tal-2006”]; din tipprovdi li l-Artikolu 296(1)(a) KE [li llum huwa l-Artikolu 346(1)(a) TFUE] “imur lil hinn mid-difiża, bil-għan ġenerali jkun il-protezzjoni ta’ informazzjoni li l-Istati Membri ma jistgħu jiżvelaw lil ħadd mingħajr ma jimminaw l-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Taqsima 1 tal-Komunikazzjoni). Anki l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer jidher li jxaqleb lejn l-istess direzzjoni fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja et (C‑284/05, C‑294/05, C‑372/05, C‑387/05, C‑409/05, C‑461/05 u C‑239/06, EU:C:2009:79, punt 106).

( 21 ) Sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C‑273/97, EU:C:1999:523, punt 17), u tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C‑285/98, EU:C:2000:2, punt 17); ara, fl-istess sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, EU:C:1984:256, punti 34 sa 36), tal-4 ta’ Ottubru 1991, Richardt u Les Accessoires Scientifiques (C‑367/89, EU:C:1991:376, punt 22), u Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 51, l-ewwel sentenza).

( 22 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Fiocchi munizioni vs Il‑Kummissjoni (T‑26/01, EU:T:2003:248, punt 58); fl-istess sens il-Komunikazzjoni tal-2006 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17) li skontha l-Artikolu 296 KE (illum l-Artikolu 346 TFUE) “ġie rrikonoxxut li jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kif jipproteġu l-interessi vitali tas-sigurtà essenzjali (Taqsima 4 tal-Komunikazzjoni) u “hija l-prerogattiva tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjal]) (Taqsima 5 tal-Komunikazzjoni).

( 23 ) Sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑414/97, EU:C:1999:417, punti 22 u 24), tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑284/05, EU:C:2009:778, punt 47), tas-7 ta’ Ġunju 2012, Insinööritoimisto InsTiimi (C‑615/10, EU:C:2012:324, punt 35), u tal-4 ta’ Settembru 2014, Schiebel Aircraft (C‑474/12, EU:C:2014:2139, punt 34).

( 24 ) F’dan l-istess sens, ara wkoll l-ispjegazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et (C‑44/96, EU:C:1998:4, punt 24), dwar il-kompiti li kienet adita bihom l-iStaatsdruckerei.

( 25 ) Il-Kummissjoni tisħaq li filwaqt li l-protezzjoni tad-data hija interess pubbliku importanti, din ma hijiex kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali.

( 26 ) Sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑284/05, EU:C:2009:778, punt 48) u Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 52), kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2012, Insinööritoimisto InsTiimi (C‑615/10, EU:C:2012:324, punt 35).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012, Insinööritoimisto InsTiimi (C‑615/10, EU:C:2012:324, punt 35), b’rabta mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18.

( 28 ) Sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑414/97, EU:C:1999:417, punti 22 u 24), tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑284/05, EU:C:2009:778, punti 48 u 49), tat-8 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑337/05, EU:C:2008:203, speċjalment il-punt 53), tat-2 ta’ Ottubru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑157/06, EU:C:2008:530, punt 31), u tas-7 ta’ Ġunju 2012, Insinööritoimisto InsTiimi (C‑615/10, EU:C:2012:324, punt 45); b’mod simili l-Komunikazzjoni tal-2006 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, Taqsima 5) li tgħid li għandu jintwera għalfejn huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist ma għandhomx jiġu applikati fil-każ speċifiku għall-protezzjoni ta’ interess vitali tas-sigurtà.

( 29 ) Huwa minnu li ħtieġa bħal din ta’ stabbiliment permanenti fit-territorju nazzjonali tkun de facto tikkostitwixxi negazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi iżda l-Istati Membri, f’każijiet estremament eċċezzjonali, jistgħu jistabbilixxu ħtieġa bħal din jekk jipproduċu prova li dan ikun indispensabbli għall-kontrolli amministrattivi neċessarji (ara s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 205/84, EU:C:1986:463, punt 52 flimkien mal-aħħar sentenza tal-punt 54).

( 30 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan ewlieni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jikkonsisti fil-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll fil-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha; ara, inter alia, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C‑213/07, EU:C:2008:731, punti 39 u 53), u tat-8 ta’ Diċembru 2016, Undis Servizi (C‑553/15, EU:C:2016:935, punt 28).

( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 kif ukoll, b’mod ġenerali, id-Direttiva 2009/81.

( 32 ) Sentenzi tat-8 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑337/05, EU:C:2008:203, punt 52), u tat-2 ta’ Ottubru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑157/06, EU:C:2008:530, punt 30); fl-istess sens is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012, Insinööritoimisto InsTiimi (C‑615/10, EU:C:2012:324, l-aħħar parti tal-punt 45).

( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Insinööritoimisto InsTiimi (C‑615/10, EU:C:2012:26, punt 66).

( 34 ) Sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55), tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C‑169/08, EU:C:2009:709, punt 42), u tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 34). Din il-ġurisprudenza relatata mal-libertajiet fundamentali trid tapplika wkoll għad-dritt sekondarju fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, speċjalment peress li dawn iservu sabiex jiżguraw il-libertajiet fundamentali (f’dan ir-rigward ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:250, punt 66 bin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46).

( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑503/99, EU:C:2002:328).

Top