Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0618

    Kawża T-618/15: Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2015 – Voigt vs Il-Parlament

    ĠU C 106, 21.3.2016, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 106/35


    Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2015 – Voigt vs Il-Parlament

    (Kawża T-618/15)

    (2016/C 106/41)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrent: Udo Voigt (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: P. Richter, avukat)

    Konvenut: Il-Parlament Ewropew

    Talbiet

    tannulla r-rifjut mill-President tal-Parlament Ewropew li jipprovdi aċċess għal bini tal-Parlament Ewropew għall-konferenza stampa tar-rikorrent prevista għas-16 ta’ Ġunju 2015;

    tannulla l-projbizzjoni ta’ aċċess imposta mill-President tal-Parlament Ewropew fil-konfront tal-parteċipanti Russi għall-konferenza tas-16 ta’ Ġunju 2015;

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati

    Ir-rikorrent isostni li ċ-ċaħda tat-talba għall-użu ta’ bini u l-projbizzjoni ta’ aċċess imposta fuq il-parteċipanti Russi jiksru t-Trattati jew l-istandards applikabbli fl-implementazzjoni tagħhom.

    Konformement mar-Regoli dwar il-laqgħat tal-gruppi politiċi, tal-4 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrent għandu d-dritt li jingħata għad-dispożizzjoni tiegħu l-bini mitlub. L-ebda raġuni għal rifjut eċċezzjonali ma tirriżulta għaliex il-bini ma kienx okkupat fil-ħin rilevanti u l-konferenza stampa prevista ma kinitx tikkostitwixxi periklu la għas-sigurtà u lanqas għall-funzjonament tajjeb tal-Parlament. B’hekk, ir-rikorrent ġie prekluż milli jipprovdi informazzjoni dwar ix-xogħol Parlamentari tiegħu.

    Il-projbizzjoni ta’ aċċess imposta fuq il-mistednin Russi tikser il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika u n-nazzjonalità [Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea].

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

    Ir-rikorrent isostni li l-atti tal-President tal-Parlament Ewropew huma manifestament totalment arbitrarji u dijametrikament opposti għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fid-dritt primarju.


    Top