EUR-Lex L'accès au droit de l'Union européenne

Retour vers la page d'accueil d'EUR-Lex

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 62015CN0434

Kawża C-434/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Mercantil no 3 de Barcelona (Spanja) fis-7 ta’ Awwissu 2015 – Asociación Profesional Elite Taxi vs Uber Systems Spain, S.L.

ĠU C 363, 3.11.2015, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/21


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Mercantil no 3 de Barcelona (Spanja) fis-7 ta’ Awwissu 2015 – Asociación Profesional Elite Taxi vs Uber Systems Spain, S.L.

(Kawża C-434/15)

(2015/C 363/27)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado Mercantil no 3 de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Asociación Profesional Elite Taxi

Konvenuta: Uber Systems Spain, S.L.

Domandi preliminari

1)

Sa fejn l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, jeskludi l-attivitajiet tat-trasport mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, l-attività ta’ intermedjarju bejn il-proprjetarji ta’ vetturi u l-persuni li għandhom bżonn jagħmlu vjaġġi f’belt, eżerċitata mill-konvenuta bi skop ta’ lukru u li fil-kuntest tagħha din tal-aħħar tamministra l-mezzi informatiċi – interface u applikazzjoni ta’ softwer (“telefowns intelliġenti u pjattaformi tekonoloġiċi”, fi kliem il-konvenuta) – li jippermettu li jkun hemm konnessjoni bejn dawn il-persuni, għandha titqies bħala attività ta’ trasport, bħala servizz elettroniku ta’ intermedjarju jew bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċiu tar-regoli dwar is-soċjetà tal-informazzjoni?

2)

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura ġuridika ta’ din l-attività, din tal-aħħar tista’ parzjalment titqies bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, u, jekk ikun il-każ, is-servizz elettroniku ta’ intermedjarju għandu jibbenefika mill-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar preċiż, mill-Artikoli 56 TFUE u mid-Direttivi 2006/123/KE u 2000/31/KE (3)?

3)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li s-servizz ipprovdut minn UBER SYSTEMS SPAIN SL ma huwiex servizz ta’ trasport u jaqa’ għadaqstant fil-każijiet koperti mid-Direttiva 2006/123, il-kontenut tal-Artikolu 15 tal-liġi dwar il-kompetizzjoni inġusta – dwar il-ksur tar-regoli li jirregolaw l-attività ta’ kompetizzjoni – huwa kuntrarju għal din id-direttiva u, iktar preċiżament għall-Artikolu 9 tagħha, dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni, sa fejn jirreferi għal-liġijiet jew dispożizzjonijiet ġuridiċi interni mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-iskema ta’ ksib ta’ liċenzji, awtorizzazzjonijiet jew permessi ma tista’ bl-ebda mod tkun restrittiva jew sproporzjonata, fis-sens li ma tistax tostakola b’mod mhux raġonevoli l-prinċipju ta’ libertà ta’ stabbiliment?

4)

Jekk ikun ikkonfermat li d-Direttiva 2000/31/KE hija applikabbli għas-servizz ipprovdut minn UBER SYSTEMS SPAIN SL, ir-restrizzjonijiet li Stat Membru jimponi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi elettroniku ta’ intermedjarju minn Stat Membru ieħor billi jeżiġi l-ksib ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ liċenzja, jew fil-forma ta’ ordni ġudizzjarja ta’ waqfien tal-provvista tas-servizz elettroniku ta’ intermedjarju maħruġa abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni inġusta, jikkostitwixxu miżuri validi li jidderogaw mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31/KE skont l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva?


(1)  ĠU L 376, p. 36.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20. p. 337.

(3)  Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


Haut