This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CN0358
Case C-358/15 P: Appeal brought on 13 July 2015 by Bank of Industry and Mine against the judgment of the General Court (First Chamber) of 29 April 2015 in Case T-10/13 Bank of Industry and Mine v Council
Kawża C-358/15 P: Appell ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2015 minn Bank of Industry and Mine mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fid-29 ta’ April 2015 fil-Kawża T-10/13, Bank of Industry and Mine vs Il-Kunsill
Kawża C-358/15 P: Appell ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2015 minn Bank of Industry and Mine mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fid-29 ta’ April 2015 fil-Kawża T-10/13, Bank of Industry and Mine vs Il-Kunsill
ĠU C 294, 7.9.2015, p. 45–46
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
7.9.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 294/45 |
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2015 minn Bank of Industry and Mine mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fid-29 ta’ April 2015 fil-Kawża T-10/13, Bank of Industry and Mine vs Il-Kunsill
(Kawża C-358/15 P)
(2015/C 294/57)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Bank of Industry and Mine (rappreżentanti: E. Rosenfeld u S. Perrotet, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
— |
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-10/13, innotifikata lill-appellanti fil-5 ta’ Mejju 2015, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-kumpannija Bank of Industry and Mine fl-imsemmija kawża u kkundannatha għall-ispejjeż kollha; |
— |
tilqa’ t-talbiet imressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza; |
— |
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-istanzi. |
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka seba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Fl-ewwel lok, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 99 tad-deċiżjoni tagħha, ikkonstatat li d-Deċiżjoni 2012/635 (1) kienet ittieħdet mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 29 TUE u billi, fil-punt 101, siltet il-konsegwenza li din id-deċiżjoni ma kellhiex tkun suġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 215(2) TFUE. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta, fil-punt 105 tad-deċiżjoni tagħha, iddeċidiet li l-Kunsill kellu dritt jipprevedi kompetenzi ta’ implementazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 291(2) TFUE. Barra minn hekk, il-Kunsill wettaq żball ta’ liġi ieħor meta qies li l-kundizzjonijiet previsti sabiex isir użu mill-Artikolu 291(1) TFUE kienu sodisfatti. L-Artikolu 215 TFUE huwa, fil-fatt, l-unika proċedura applikabbli fil-qasam ta’ miżuri restrittivi. L-Artikolu 291(2) TFUE għaldaqstant ma jistax japplika, partikolarment għaliex dan l-artikolu japplika biss għal miżuri li jeħtieġu miżuri ta’ implementazzjoni. Issa, il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, huma, min-natura tagħhom stess, miżuri ta’ implementazzjoni. Għaldaqstant, materjalment huma ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 291(2) TFUE. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet għall-użu tal-Artikolu 291(2) TFUE ma humiex sodisfatti peress li fid-deċiżjonijiet ikkontestati tiegħu, il-Kunsill ma ġġustifikax l-użu ta’ din il-proċedura debitament.
Fit-tieni lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali wkoll talli qieset li l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 (2), kif emendata mid-Deċiżjoni 2012/35 (3) u mid-Deċiżjoni 2012/635, kif ukoll l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 (4), ma kinux jiksru l-prinċipji ta’ ċertezza u ta’ previdibbiltà legali, ta’ proporzjonalità kif ukoll id-dritt għall-proprjetà. Il-kriterju tal-importanza kwantitattiva u kwalitattiva msemmija fil-punt 79 tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jinsabx fl-atti kkontestati. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ħolqitu b’mod artifiċjali bl-għan li tivvalida l-atti kkontestati. Barra minn hekk dan il-kriterju fih innifsu huwa vag, impreċiż u sproporzjonat. Huwa għaldaqstant bi żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li l-appellanti kienet ittrasferixxiet kontribuzzjoni lill-Istat Iranjan kien jikkostitwixxi sostenn fis-sens tal-atti kkontestati.
Fit-tielet lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fil-punti 135 u 136 tas-sentenza tagħha meta ddeċidiet li l-atti kkontestati kienu motivati suffiċjentement, filwaqt li l-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet, fil-punt 134 tal-imsemmija sentenza, li l-atti kkontestati ma kinux juru l-portata u l-modalitajiet ta’ sostenn li kienu imputati lilha. Barra minn hekk, mill-qari tal-atti kkontestati ma kienx possibbli għall-appellanti li tifhem ir-raġunijiet li għalihom hija kienet ġiet issanzjonata, u dan juri insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.
Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 163 tad-deċiżjoni tagħha, qieset li l-assenza ta’ eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-appellanti fit-terminu meħtieġ ma kinitx ta’ natura li twassal għall-illegalità taż-żamma tagħha fil-lista tal-entitajiet issanzjonati minkejja li dan l-obbligu huwa wieħed strettament oġġettiv.
Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinux jiksru d-drittijiet fundamentali tal-appellanti u ma kinux sproporzjonati minkejja li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu vagi u impreċiżi. B’mod simili, il-kriterju tal-importanza kwantitattiva u kwalitattiva stabbilit mill-Qorti Ġenerali huwa intrinsikament arbitrarju.
Fis-sitt lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 179 u 183 tas-sentenza tagħha, meta qieset li l-appellanti tat sostenn lill-Gvern Iranjan minħabba li hija kienet ittrasferixxiet kontribuzzjoni obbligatorja minkejja li din il-kontribuzzjoni kienet biss taxxa u l-appellanti kienet tinsab fl-istess sitwazzjoni ta’ sempliċi persuna taxxabbli.
Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata li l-Kunsill kien kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ssanzjonat lill-appellanti talli ttrasferixxiet kontribuzzjoni lill-Istat Iranjan u mhux lill-impriżi kollha suġġetti għal din il-kontribuzzjoni.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas- 26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 19, p. 22).
(4) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1).