EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0351

Kawża C-351/15 P: Appell ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid-29 ta’ April 2015 fil-Kawża T-470/11, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni

ĠU C 294, 7.9.2015, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/44


Appell ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid-29 ta’ April 2015 fil-Kawża T-470/11, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-351/15 P)

(2015/C 294/56)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Bottka u F. Dintilhac, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Total SA, Elf Aquitaine SA

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-470/11, tad-29 ta’ April 2015,

tiddikjara inammissibbli r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali,

tikkundanna lill-konvenuti fl-appell għall-ispejjeż kollha relatati mal-proċedura preżenti u mal-proċedura fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka t-tliet aggravji li ġejjin.

Skont l-ewwel u t-tieni aggravji, is-sentenza appellata b’mod żbaljat tiċħad l-inammissibbiltà tar-rikors invokata mill-Kummissjoni. Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-ittri tal-kontabilista tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Ġunju u tat-8 ta’ Lulju 2011, jipproduċu effetti legali vinkolanti. L-ittri tal-kontabilista fil-fatt huma sempliċi talbiet għal ħlas b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni Metakrilati u li jlestu t-triq għal eżekuzzjoni forzata possibbli tagħha wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-217/06 (1) li naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Arkema filwaqt li s-sentenza tal-istess jum fil-Kawża T-206/06 (2) (iktar tard ikkonfermata bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-421/11 P (3)) żammet il-multi imposti fuq il-konvenuti. L-ittri tal-kontabilista għad ma humiex l-eżekuzzjoni forzata u għaldaqstant ma jistabbilixxux “pożizzjoni definittiva” tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-ittri tal-kontabilista ma jipproduċux effetti legali vinkolanti distinti minn dawk tad-deċiżjoni Metakrilati, liema deċiżjoni ma għadhiex kontestabbli wara li l-konvenuti eżawrixxew ir-rimedji ġudizzjarji. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li s-sentenza appellata ma tosservax il-prinċipji ta’ lis alibi pendens u ta’ res judicata, li jirriżulta mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-421/11 P.

Fl-aħħar nett, it-tielet aggravju, dwar il-kontradizzjoni tal-motivi, huwa ppreżentat b’mod sussidjarju, għall-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel u t-tieni aggravji. Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonstatat fil-punt 113 li d-drittijiet tal-Kummissjoni kemm fir-rigward ta’ Arkema kif ukoll fir-rigward tal-konvenuti li kellhom obbligi in solidum, kienu ssodisfatti, filwaqt li l-Qorti Ġenerali b’mod korrett kienet osservat, fil-punt 9, li Arkema kien jiddispjaċieha li ma setgħetx tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex iżżomm xi somma fl-ipoteżi li l-azzjoni tagħha quddiem il-qorti komunitarja tkun ta’ suċċess. Din il-kontradizzjoni ta’ motivi taffettwa r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu tal-kawża u tikkostitwixxi motiv suffiċjenti ta’ annullament tas-sentenza appellata.


(1)  ECLI:EU:T:2011:251.

(2)  ECLI:EU:T:2011:250.

(3)  ECLI:EU:C:2012:60.


Top