Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0102

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fis-7 ta’ April 2016.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:225

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WAHL

    ippreżentati fis-7 ta’ April 2016 ( 1 )

    Kawża C‑102/15

    Gazdasági Versenyhivatal

    vs

    Siemens Aktiengesellschaft Österreich

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla (qorti reġjonali tal-appell, Budapest, l-Ungerija)]

    “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 1(1) — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ — Artikolu 5(3) — Ġurisdizzjoni biex jinstemgħu u jiġu ddeterminati kwistjonijiet dwar tort, delitt jew kważi delitt — Azzjoni għal restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu”

    1. 

    Il-kawża inkunsiderazzjoni hija bbażata fuq id-domanda dwar jekk talbiet għal restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu jidħlux fil-kap ta’ ġurisdizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ) dwar it-“tort, delitt jew kwasi delitt” (meħudin flimkien: “responsabbiltà mhux kuntrattwali”).

    2. 

    Iżda, iktar importanti minn hekk, din tipprovdi wkoll l-opportunità biex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

    3. 

    F’dawn il-konklużjonijiet, se nispjega għal xiex azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirriżulta għalkollox mill-impożizzjoni ta’ multa għall-ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni nazzjonali, ma tirrigwardax “materji ċivili u kummerċjali” li għalihom japplika r-Regolament Nru 44/2001. Din tirrigwarda, pjuttost, “materji amministrattivi” li, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-regolament, huma esklużi minnu.

    4. 

    Għal raġunijiet li ma humiex ovvji, il-qorti tar-rinviju ma għamlitx domanda dwar jekk il-kawża quddiemha tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Spjegazzjoni possibbli għal dan, kif intwera fis-seduta, tista’, fil-fatt, tkun li skont id-dritt Ungeriż, dawn it-tipi ta’ kawżi huma b’mod ċar kwistjonijiet ċivili.

    5. 

    Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ kompletezza, se nispjega wkoll għal xiex talbiet ta’ restituzzjoni huma radikalment differenti minn talbiet f’tort, delitt u kważi delitt. Dan iwassalni biex nikkunsidra li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħti ġurisdizzjoni speċjali biex jinstemgħu u jiġu ddeterminati kwistjonijiet dwar it-tort, delitt jew kważi delitt, ma jippermettix fir-rigward ta’ dawn it-talbiet li jsiru proċeduri fi Stat Membru fejn il-konvenut ma huwiex iddomiċiljat.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Regolament Nru 44/2001

    6.

    Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu (“Kamp ta’ applikazzjoni”), ir-Regolament Nru 44/2001 japplika “f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi”.

    7.

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jidher fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 (“Ġurisdizzjoni”) u, iktar speċifikament, is-Sezzjoni I tiegħu (“Disposizzjonijiet Ġenerali”), jistabbilixxi li “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

    8.

    Is-Sezzjoni II tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 fiha regoli dwar il-“Ġurisdizzjoni speċjali”, inkluż l-Artikolu 5.

    9.

    Skont l-Artikolu 5(1), persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxija “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ”.

    10.

    Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mfittxija fi Stat Membru ieħor, “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

    B – Id-dritt Ungeriż

    11.

    Skont l-Artikolu 301(1) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż ( 3 ), fil-każ ta’ dejn pekunjarju u sakemm ma huwiex previst mod ieħor, id-debitur għandu jħallas l-interessi imposti bir-rata bażi kurrenti tal-bank ċentrali Ungeriż fl-aħħar jum li jippreċedi nofs is-sena kalendarja meta jseħħ id-dewmien, anki jekk id-dejn ikkonċernat ma jagħtix interessi. L-obbligu li jitħallsu l-interessi għandu jirriżulta anki jekk id-debitur jiġġustifika d-dewmien.

    12.

    L-Artikolu 361(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li persuna li tikseb vantaġġ ekonomiku li ma tkunx legalment intitolata għalih bi ħsara għal terza persuna tkun obbligata li tirrestitwixxi dak il-vantaġġ.

    13.

    Skont l-Artikolu 83(5) tal-Att Nru LVII tal-1996 dwar il-projbizzjoni ta’ prattiki żleali tas-suq u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 4 ), fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien materjali, jekk id-deċiżjoni tal-Versenytanács [kunsill tal-kompetizzjoni; korp li organikament jifforma parti mill-Gazdasági Versenyhivatal (awtorità Ungeriża tal-kompetizzjoni; iktar ’il quddiem “l-Awtorità”)] tikser regola legali u jekk, bħala riżultat, parti tkun intitolata għar-rimbors tal-multa, għandhomx jitħallsu l-interessi fuq is-somma li għandha tiġi rrimborsata b’rata li hija d-doppju tar-rata bażi kurrenti tal-bank ċentrali.

    II – Il-fatti, il-proċedura u d-domanda magħmula

    14.

    Siemens Aktiengesellschaft Österreich (iktar ’il quddiem “Siemens”), li hija ddomiċiljata fl-Awstrija, kienet suġġetta għal multa imposta mill-Awtorità fi proċeduri ta’ kompetizzjoni fl-ammont ta’ HUF 159000000 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”). Siemens ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qrati amministrattivi Ungeriżi. Billi l-azzjoni tagħha ma kellhiex l-effett li tissospendi l-multa, Siemens ħallset il-multa.

    15.

    Il-qorti amministrattiva tal-ewwel istanza naqqset l-ammont tal-multa għal HUF 27300000. Sussegwentement, dik id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-qorti amministrattiva tat-tieni istanza.

    16.

    Fuq il-bażi ta’ din it-tieni deċiżjoni, fil-31 ta’ Ottubru 2008 l-Awtorità ħallset lura lil Siemens HUF 131700000 bħala parti mis-somma ta’ HUF 159000000 imposta bħala multa u, skont l-Artikolu 83(5) tal-Att Nru LVII tal-1996, ħallset lil Siemens ukoll is-somma ta’ HUF 52016230 biex tkopri l-interessi.

    17.

    L-Awtorità ppreżentat appell ieħor fuq punt ta’ dritt quddiem il- Legfelsőbb Bíróság (qorti suprema, l-Ungerija; issa l-Kúria) mid-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva tat-tieni istanza. Dik il-qorti ddeċidiet li l-impożizzjoni ta’ multa ta’ HUF 159000000 fuq Siemens kienet korretta. Għaldaqstant, fil-25 ta’ Novembru 2011, Siemens ħallset il-bqija tal-multa fl-ammont ta’ HUF 131700000, imma rrifjutat li tħallas lura s-somma ta’ HUF 52016230.

    18.

    Fit-12 ta’ Lulju 2013, fuq il-bażi tal-Artikolu 361(1) tal-Kodiċi Ċivili, l-Awtorità għamlet kawża kontra Siemens għar-restituzzjoni ta’ dan l-aħħar ammont fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu (iktar ’il quddiem “it-talba inkwistjoni”), kif ukoll interessi għal ħlas tardiv ta’ dak l-ammont.

    19.

    Barra minn hekk, l-Awtorità qed titlob ħlas, skont l-Artikolu 301(1) tal-Kodiċi Ċivili, ta’ HUF 29183277 bħala interessi għal ħlas tardiv tal-ammont pendenti tal-multa ta’ HUF 131700000 li jkopri l-perijodu bejn u inklużi t-2 ta’ Novembru 2008 u l-24 ta’ Novembru2011. Insostenn ta’ dan, l-Awtorità ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet iddikjarata li hija legali u effettiva ex tunc, bir-riżultat li l-bqija tal-multa kellha tkun fil-pussess tal-Awtorità fl-ewwel jum tax-xogħol (it-2 ta’ Novembru 2008) wara d-data meta ngħatat lura bi żball (il-31 ta’ Ottubru 2008).

    20.

    L-Awtorità tikkunsidra li l-arrikkiment indebitu huwa kwistjoni li hija relatata mal-kważi delitt. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, il-kap speċjali ta’ ġurisdizzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti lill-qorti tar-rinviju l-ġurisdizzjoni meħtieġa fil-kawża prinċipali.

    21.

    Siemens oġġezzjonat għal dan it-tip ta’ raġunament u sostniet li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax għal dan il-każ billi, skont id-dritt Ungeriż, l-obbligu li tingħata r-restituzzjoni għal arrikkiment indebitu ma huwiex ibbażat fuq aġir illegali, imma jirriżulta min-nuqqas ta’ intitolament legali għall-vantaġġ ekonomiku. Fir-rigward tat-talbiet tal-Awtorità għall-interessi għal ħlas tardiv, Siemens issostni li l-interessi għal ħlas tardiv ma jikkostitwixxux kumpens għad-dannu billi l-ħlas ma jiddipendix fuq jekk ġiex ikkawżat dannu.

    22.

    Fit-12 ta’ Ġunju 2014, il-Fővárosi Törvényszék (qorti muniċipali, Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li ma tkomplix il-proċeduri, billi kkunsidrat li l-arrikkiment indebitu ma jistax jitqies bħala li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, l-arrikkiment indebitu ma jikkostitwixxix sitwazzjoni fejn tinħoloq responsabbiltà, lanqas ma jkun hemm dannu, ikun hemm biss telf ekonomiku u nuqqas ta’ intitolament legali.

    23.

    L-Awtorità ressqet appell mid-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 lill-qorti tar-rinviju fejn issottomettiet li l-Fővárosi Törvényszék (qorti muniċipali, Budapest) għandha ġurisdizzjoni. Il-qorti tar-rinviju issa għandha tistħarreġ id-deċiżjoni li l-proċeduri ma jitkomplewx minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

    24.

    Filwaqt li esprimiet dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet fit-2 ta’ Marzu 2015, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq id-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari:

    “Il-kreditu li għandu l-oriġini tiegħu fir-rimbors – li iktar tard irriżulta mhux iġġustifikat – lil parti stabbilita fi Stat Membru ieħor ta’ multa li ġiet imposta fil-kuntest ta’ proċedimenti fil-qasam tal-kompetizzjoni u li hija ħallset, kreditu li l-awtorità tal-kompetizzjoni ssostni kontra l-parti inkwistjoni sabiex jiġu rkuprati l-interessi li hija kienet ħallset konformement ma’ dak li l-liġi tipprovdi fil-każ ta’ rimbors, jaqa’ f’materja li għandha x’taqsam ma’ kważi delitt fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000?”

    25.

    Sottomissjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Siemens, l-Awtorità, il-Gvernijiet tal-Ungerija, tal-Ġermanja u tal-Italja, u mill-Kummissjoni. Fis-seduta li saret fl-14 ta’ Jannar 2016, dawn il-partjiet kollha għamlu sottomissjonijiet orali minbarra l-Gvern Taljan.

    III – Analiżi

    26.

    Kif intqal, bid-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk talba għar-rimbors ta’ ħlas magħmul lil parti stabbilita fi Stat Membru differenti, fuq il-bażi li l-ħlas ġie wara ppruvat li ma kienx iġġustifikat, hijiex kwistjoni li l-qrati tal-Istat Membru fejn min jagħmel it-talba huwa stabbilit huma intitolati li jisimgħu skont ir-regola fuq il-ġurisdizzjoni speċjali stipulata fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali.

    27.

    Madankollu, kif semmejt ukoll, “kwistjonijiet amministrativi” kif użati fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. F’dan id-dawl, qabel ma tingħata risposta għal din id-domanda ta’ sustanza, huwa meħtieġ li jiġi indirizzat jekk it-talba inkwistjoni, li tirriżulta minn multa imposta minn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali fi proċeduri amministrattivi għall-ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni domestiċi, tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

    A – Kamp ta ’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001

    1. Osservazzjonijiet preliminari

    28.

    Mill-bidu nett jingħad li s-suġġett tar-Regolament Nru 44/2001 huwa limitat għal “materji ċivili u kummerċjali”. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċetti ta’ “materji ċivili u kummerċjali” u, bil-maqlub, ta’ “kwistjonijiet amministrattivi” huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-UE ( 5 ).

    29.

    Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk, skont id-dritt Ungeriż, il-kawża prinċipali għandhiex tiġi kkunsidrata li hija ta’ natura amministrattiva jew inkella ta’ natura ċivili u kummerċjali ma għandha ebda effett fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, la l-fatt li d-digriet tar-rinviju ma fih l-ebda domanda dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, u lanqas il-fatt li l-partijiet kollha li qegħdin jipparteċipaw f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari jaqblu li, bis-saħħa tad-dritt Ungeriż, il-kawża ewlenija hija kwistjoni ċivili, ma għandhom l-effett li jirrendu r-regolament applikabbli.

    30.

    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-ebda domanda ma saret fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tindirizza din il-kwisjtoni. Fil-fatt, hemm diversi għażliet miftuħin għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teskludi l-ġurisdizzjoni tagħha meta jkun manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-UE suġġetta għall‑interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiġi applikata ( 6 ). It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara alternattivament li l-kwistjoni hija inammissibbli skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem “ir-RtP”) ( 7 ). It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha minflok tipperċepixxi l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 mhux bħala li tirrigwarda l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari iżda li tirrigwarda s-sustanza tagħha ( 8 ).

    31.

    Min-naħa tiegħi, nixtieq nosserva li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel miegħi li s-suġġett tal-kawża prinċipali jmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, dan fi kwalunkwe każ ikollu l-effett li jsolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali. Għalhekk, tingħata de facto risposta sostantiva lid-domanda mressqa. Barra minn hekk, id-digriet tar-rinviju jidher li jissodisfa r-rekwiżiti formali l-oħra elenkati fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-RtP. F’dan id-dawl, u wara li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fl-operazzjoni tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari — kooperazzjoni li teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qorti tar-rinviju b’risposta utli — jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domanda magħmula sabiex tindirizza l-kwistjoni dwar jekk l-azzjoni prinċipali tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

    2. Kunsiderazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001

    32.

    Billi ma hemm l-ebda domanda f’dan is-sens, id-digriet tar-rinviju ma jgħid xejn dwar jekk it-talba inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Minkejja dan, u billi bbażat ruħha prinċipalment fuq is-sentenza Sapir et ( 9 ), l-Awtorità, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni jsostnu li t-talba inkwistjoni ma tikkostitwixxix “materji amministrattivi” (il-Gvern Ungeriż fit-tul). Fis-seduta, Siemens b’mod pjuttost sorprendenti, tenniet dik il-fehma, kif għamel ukoll il-Gvern Ġermaniż.

    33.

    Nixtieq infakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, billi huwa limitat għal “materji ċivili u kummerċjali”, huwa ddefinit essenzjalment bl-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fit-tilwima jew is-suġġett tagħha. Għalkemm ċerti kawżi bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, ikun mod ieħor meta l-awtorità pubblika tkun qed taġixxi fl-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi ( 10 ). Il-kwistjoni deċiżiva hija jekk l-azzjoni tkunx ibbażata fuq dispożizzjonijiet li bihom il-leġiżlatura tat lill-korp pubbliku prerogattiva tagħha stess ( 11 ).

    34.

    Filwaqt li huwa ċar għalija li azzjonijiet “privati” mressqin inkonnessjoni mal-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ( 12 ), huwa ugwalment evidenti li penali imposta minn awtorità amministrattiva fl-eżerċizzju ta’ setgħat regolatorji mogħtija lilha permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kunċett ta’ “materji amministrattivi”. Din l-aħħar sitwazzjoni ċertament tinkludi multi għall-ksur ta’ regoli nazzjonali li jipprojbixxu restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni, li, fil-fehma tiegħi, tammonta għal eżerċizzju “hard-core” ta’ setgħat pubbliċi.

    35.

    Mingħajr dubju, is-sitwazzjoni li tat lok għall-kawża prinċipali ma hijiex eżattament ċara u sempliċi. Fil-fatt, it-talba inkwistjoni ma hijiex għall-ħlas tal-multa nnifisha, imma talba għal restituzzjoni li tikkonsisti minn (i) ħlas lura tal-interessi (punittivi) b’rata li hija d-doppju tar-rata bażi tal-bank ċentrali imħallsa inizjalment mill-Awtorità wara l-eżitu tal-proċeduri domestiċi għal stħarriġ ġudizzjarju, (ii) interessi għal ħlas lura tardiv ta’ dan l-ammont u (iii) interessi għal ħlas tardiv tal-ammont pendenti tal-multa nnifisiha.

    36.

    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq din il-kwistjoni hija ta’ natura każwista ( 13 ), li jagħmilha diffiċli li jiġi adottat approċċ ġeneralizzat.

    37.

    Madankollu, fir-rigward tal-predeċessur tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 14 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-fatt li fl-irkupru [...] tal-ispejjeż l-amministratur jaġixxi skont dejn li jirriżulta minn att tal-awtorità pubblika huwa biżżejjed biex il-kawża tiegħu, irrispettivament min-natura tal-proċeduri li jippermetti d-dritt nazzjonali għal dak l-iskop, tiġi ttrattata bħala li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell”. ( 15 )

    38.

    Fil-fehma tiegħi, il-qofol tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt preċedenti għadu validu sal-lum: dejn li jirriżulta minn att tal-awtorità pubblika — jiġifieri, l-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi — ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kwistjoni inkunsiderazzjoni, analiżi tal-azzjoni prinċipali mressqa mill-Awtorità u r-regoli applikabbli għaliha twassalni għall-fehma li t-talba inkwistjoni u talbiet l-oħra, li kollha ġejjin mill-multa imposta mill-Awtorità, ma jammontawx għal “materji ċivili u kummerċjali”:

    39.

    Fil-kawża inkunsiderazzjoni, it-tnaqqis tal-multa mill-Awtorità kellu l-effett kollaterali awtomatiku, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża li tirregola l-effetti tad-deċiżjonijiet meħudin mill-Awtorità — jiġifieri l-Artikolu 83(5) tal-Att Nru LVII tal-1996 — li tiġi ġġenerata t-talba inkwistjoni. B’mod iktar speċifiku, it-talba inkwistjoni hija taħlita ta’ numru ta’ karatteristiċi speċifiċi tad-dritt Ungeriż, jiġifieri li (i) l-azzjoni għall-istħarriġ ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni kkontestata ma ssospendietx l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar; (ii) wara l-istħarriġ tal-qorti amministrattiva tat-tieni istanza, l-Awtorità kienet obbligata, skont dik id-dispożizzjoni, tħallas l-interessi lil Siemens fuq l-ammont tal-multa mħallsa mill-ġdid bid-doppju tar-rata bażi tal-bank ċentrali; u (iii) id-deċiżjoni tal-Kúria (qorti suprema) daħlet fis-seħħ ex tunc. Fil-fatt, jidhirli li kull darba li multa imposta mill-Awtorità titneħħa jew titnaqqas mill-qrati amministrattivi, imbagħad sussegwentement tiġi kkonfermata, it-taħlita tal-elementi tal-proċedura amministrattiva Ungeriża msemmija iktar ’il fuq ġeneralment tipproduċi l-istess riżultat: li l-impriża kkonċernata tkun irċeviet interessi bis-saħħa tal-Artikolu 83(5) tal-Att Nru LVII tal-1996 li l-Awtorità trid tirkupra. Għalhekk, dan ir-riżultat jidher li huwa parti inaljenabbli tal-istħarriġ tad-deċiżjoni amministrattiva skont id-dritt Ungeriż. Il-fatt li l-Awtorità ressqet azzjoni kawża quddiem il-qrati ċivili Ungeriżi kontra Siemens ma jwarrabx l-oriġini ta’ dritt pubbliku tat-tilwima bejn il-partijiet.

    40.

    Forsi jkunu xieraq li nagħti eżempju iktar sempliċi biex nispjega dan il-punt tiegħi: kieku t-tilwima fil-kawża prinċipali kienet tikkonċerna biss, minflok, it-talba tal-Awtorità, imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 19, għall-ħlas ta’ interessi dovuti minħabba l-ħlas tardiv ta’ Siemens tal-parti pendenti tal-multa, niddubita jekk il-kwisjtoni inkunsiderazzjoni kinitx toħloq xi problema. Talba bħal dik, mingħajr dubju, kienet tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika. Għalhekk, għalkemm it-talba inkwistjoni tikkostitwixxi waħda pjuttost kumplessa ta’ restituzzjoni, jibqa’ l-fatt li bħat-talbiet l-oħra mressqa mill-Awtorità fil-kawża prinċipali, din hija mnissla għalkollox mill-penali amministrattiva li l-Awtorità imponiet fuq Siemens.

    41.

    Madankollu, sostnuta fuq dan il-punt mill-Gvern Ungeriż, l-Awtorità ssostni li hija ppruvat — preżumibbilment wara li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkonfermata mill-Kúria (qorti suprema) — mingħajr suċċess, teżegwixxi t-talba tagħha għal ħlas lura tal-interessi mħallsin bis-saħħa tal-Artikolu 83(5) tal-Att Nru LVII tal-1996 fi proċedura ta’ infurzar amministrattiv quddiem il-közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol, l-Ungerija). Dan ġie allegatament miċħud fuq il-bażi li t-talba inkwistjoni ma segwietx direttament mid-deċiżjoni kkontesta u għalhekk ma kinitx eżegwibbli. Siemens tikkonferma din id-deskrizzjoni tal-ġrajjiet. L-Awtorità b’hekk issostni li ma tistax teżegwixxi t-talba tagħha amministrattivament.

    42.

    Apparti l-fatt li dawk l-allegazzjonijiet ma humiex riprodotti fit-termini tad-digriet tar-rinviju u għalhekk ma humiex ikkonfermati, mill-bidu nett nixtieq nindika li r-rifjut li tiġi eżegwita d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tat-talba inkwistjoni huwa komprensibbli. Fil-fatt, fiż-żmien li tingħata deċiżjoni li timponi multa, ma jkunx hemm ċertezza dwar jekk din tiġix kkontestata u, jekk tiġi kkontestata, jekk il-qrati amministrattivi jħassruhiex u wisq inqas jekk din tiġix kkonfermata fl-appell. Fi kliem ieħor, peress li Siemens kienet ħallset il-multa sħiħa, id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet eżegwita skont it-termini tagħha. Madankollu, xorta nemmen li dan l-argument jikkonferma l-fehma tiegħi: l-Awtorità normalment għandha setgħat eċċezzjonali ta’ infurzar meta mqabbla mar-regoli applikabbli għal relazzjonijiet bejn persuni rregolati mid-dritt privat. Il-fatt li din is-setgħa ma kinitx, f’dan il-każ, testendi għat-talba inkwistjoni huwa irrilevanti, bl-istess mod li d-determinazzjoni tal-forum korrett skont id-dritt Ungeriż għall-irkupru tat-talba inkwistjoni ma hijiex deċiżiva għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, għall-finijiet tal-irkupru, il-linja tal-argument issuġġerita mill-Awtorità twassal biss għall-impożizzjoni ta’ multi simboliċi (amministrattivi) imħallta, madankollu, b’rati ta’ interessi (ċivili u kummerċjali) estremi.

    43.

    Barra minn hekk, m’iniex konvint bl-argument li ressaq il-Gvern Ungeriż li l-Kúria (qorti suprema) kienet suppost iddeċidiet li “l-istħarriġ ġudizzjarju ma huwiex stadju tal-proċedura amministrattiva, ma huwiex estensjoni tagħha, imma huwa indipendenti minnha, mhux biss f’livell organizzattiv imma anki proċedurali” u li “dawk iż-żewġ proċeduri huma distinti minn xulxin u l-proċedura amministrattiva tintemm b’deċiżjoni finali” ( 16 ). Apparti mill-fatt li deċiżjoni tkun finali biss jekk ma tkunx tħassret waqt l-istħarriġ ġudizzjarju, il-mod kif proċedura hija pperċepita fil-livell nazzjonali ma għandu l-ebda effett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Ir-Regolament ma jistax jiġi interpretat biss fid-dawl tad-diviżjoni ta’ ġurisdizzjoni bejn it-tipi varji ta’ qrati li jeżistu f’ċerti Stati Membri ( 17 ). Fil-fatt, biex ngħiduha kif inhi, diversi Stati Membri lanqas biss jagħmlu, fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom, separazzjoni bejn sistema ta’ qrati ċivili u sistema ta’ qrati amministrattivi ( 18 ).

    44.

    F’dan l-istadju, nosserva wkoll li numru ta’ elementi enfasizzati mill-awtoritajiet rilevanti jappoġġaw il-fehma tiegħi. L-ewwel nett, it-talba inkwistjoni ma hijiex ir-riżultat ta’ obbligu separat u assunt liberament li huwa indipendenti mill-multa inkwistjoni ( 19 ). It-tieni nett, il-multa li minnha toriġina t-talba inkwistjoni ma tirriflettix “materji ċivili u kummerċjali” tipiċi fit-tifsira tar-Regolament Nru 44/2001 — anzi bil-maqlub ( 20 ). It-tielet nett, u b’mod kruċjali, is-somma involuta fit-talba inkwistjoni ma tħallsitx bi żball lil Siemens. Din it-talba ma kinitx ir-riżultat ta’ żball sempliċi min-naħa tal-Awtorità tat-tip li kull parti privata setgħet għamlet (magħrufa komunement bħala talba ta’ condictio indebiti). Għall-kuntrarju, it-talba inkwistjoni rriżultat sempliċiment mill-operazzjoni tal-liġi applikabbli għall-proċedura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 21 ).

    45.

    Fl-aħħar nett, ma tibdillix fehmti s-sentenza Sunico et, li fil-verità kienet tirrigwarda sitwazzjoni ta’ allegata frodi ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) tat-tip “carousel”. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li f’dak il-każ għamlet enfasi kbira fuq id-dritt nazzjonali meta ddeċidiet li r-Regolament kien japplika. Madankollu, wieħed ma għandux jinsa li l-bażi legali tat-talba tal-awtoritajiet tar-Renju Unit kontra Sunico kienet tistrieħ mhux fuq il-liġi tal-VAT, imma fuq l-allegata responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Sunico (fl-għamla ta’ “konfoffa delittwali għal frodi”), li tat lok għall-ħlas possibbli ta’ danni. Barra minn hekk, ma kienet teżisti l-ebda relazzjoni amministrattiva bejn Sunico u l-awtoritajiet tar-Renju Unit, billi tal-ewwel ma kinitx responsabbli biex tħallas il-VAT fir-Renju Unit ( 22 ).

    46.

    Mill-premess isegwi li l-azzjoni għall-ħlas tat-talba inkwistjoni li tressqet fil-kawża prinċipali tammonta għal kwistjoni amministrattiva li, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda mressqa fis-sens li azzjoni għal restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikiment indebitu li toriġina minn ħlas mill-ġdid ta’ penali imposta fi proċeduri ta’ kompetizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tikkostitwixxix “materji ċivili u kummerċjali” għall-finijiet tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001.

    47.

    Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-kawża prinċipali tirrigwarda “materji ċivili u kummerċjali”, iktar ’il quddiem se nispjega għaliex fi kwalunkwe każ ma nemminx li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti ġurisdizzjoni speċjali lill-qorti tar-rinviju biex tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża prinċipali.

    B – Sustanza

    1. Osservazzjonijiet preliminiari

    48.

    Il-kawża inkunsiderazzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tipprovdi kjarifika meħtieġa ħafna dwar l-interrelazzjoni bejn l-Artikoli 2(1), 5(1) u 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Se nibda l-evalwazzjoni tiegħi billi nfakkar il-prinċipji ta’ gwida applikabbli għal din il-kwistjoni.

    49.

    Ir-Regolament Nru 44/2001 għandu l-għan li jagħmel ir-regoli fuq il-ġurisdizzjoni kemm prevedibbli ħafna kif ukoll ibbażati fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni tkun ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni dejjem għandha tkun disponibbli fuq din il-bażi, ħlief f’xi ftit sitwazzjonijiet iddefiniti tajjeb fejn is-suġġett tal-litigazzjoni jew l-awtonomija tal-partijiet jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti (ġurisdizzjoni esklużiva) — pereżempju fi proċeduri dwar drittijiet in rem fi proprjetà immobbli. Barra minn hekk, flimkien mad-domiċilju tal-konvenut, ċerti bażijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni li jistrieħu fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja għandhom ikunu disponibbli (ġurisdizzjoni speċjali) — pereżempju l-qrati tal-post tat-twettiq ta’ obbligu kuntrattwali ( 23 ).

    50.

    Madankollu, dan ma jibdilx il-fatt li r-Regolament Nru 44/2001 għandu bħala premessa l-idea li l-proċeduri għandhom jinbdew fil-qorti tad-domiċilju tal-konvenut.

    51.

    Għalhekk, mhux ta’ b’xejn li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema ta’ regoli komuni tal-għoti ta’ ġurisdizzjoni prevista fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq ir-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li persuni ddomiċiljati fi Stat Membru għandhom jiġu mħarrkin fil-qrati ta’ dan l-Istat, irrispettivament min-nazzjonalità tal-partijiet. Huwa biss b’deroga minn dan il-prinċipju fundamentali li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tad-domiċilju tal-konvenut li s-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 tipprevedi ċertu numru ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, bħal dawk imniżżlin fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ( 24 ).

    52.

    Issa, ir-regoli fuq il-ġurisdizzjoni speċjali, li jissupplimentaw ir-regola ġenerali fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jingħataw is-sinjifikat proprju tagħhom, iddeterminat fid-dawl tal-iskop u l-kliem u l-iskema u l-għan tar-Regolament, pjuttost milli jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effettività tagħhom ( 25 ). Madankollu, jibqa’ l-fatt li għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett fir-rigward tar-regola ġenerali u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jagħtu lok għal interpretazzjoni li tmur lil hinn minn każijiet previsti espressament mir-Regolament ( 26 ). Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li azzjoni għad-danni bbażata fuq l-allegata responsabbiltà prekontrattwali tal-konvenut (culpa in contrahendo) ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, imma, meta jkun possibbli, għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 5(3) tagħha ( 27 ). Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li għandha tiġi ddeterminata d-domanda mressqa.

    53.

    Din ir-risposta ma hijiex eżattament mingħajr ekwivoku. Il-kliem tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jsemmix il-kunċetti ta’ “restituzzjoni” jew “arrikkiment indebitu” bl-istess mod bħal “tort, delitt jew kwasi delitt”, u lanqas ma jipprovdi indikazzjoni immedjata li azzjoni għar-restituzzjoni fuq dik il-bażi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Id-diviżjoni netta bejn il-pożizzjonijiet tal-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri tixhed ukoll din l-inċertezza: Siemens u l-Gvernijiet Ġermaniż u Taljan huma tal-fehma li azzjoni għall-ħlas tat-talba inkwistjoni ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. L-Awtorità, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni huma tal-fehma opposta.

    54.

    Madankollu, il-fehma tiegħi fuq din il-kwistjoni hija soda: talbiet għal restituzzjoni bbażati fuq arrikkiment indebitu ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

    2. Ir-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu hija kwistjoni ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”?

    55.

    Sabiex xi ħaġa tiġi kklassifikata bħala mhux kuntrattwali għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ġurisprudenza stabbilita teħtieġ ( 28 ) li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel nett, l-azzjoni inkwistjoni għandha tfittex li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-konvenut u t-tieni nett, din ma għandhiex tirrigwarda “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” kif jingħad fl-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

    56.

    Minkejja l-fatt li Siemens kienet ġiet, skont l-osservazzjonijiet tal-Awtorità, ippenalizzata talli kienet ipparteċipat fi ftehim antikompetittiv, huwa aċċettat li l-azzjoni prinċipali ma hijiex relatata ma’ kuntratt. Bla dubju dan huwa korrett, billi l-azzjoni prinċipali tirrigwarda, minflok, talba għar-restituzzjoni bbażata fuq allegat arrikkiment indebitu ta’ Siemens għad-dannu tal-Awtorità bl-ebda bażi kuntrattwali.

    57.

    Għalhekk, il-kwistjoni li trid tiġi indirizzata hija jekk l-azzjoni hijiex intiża sabiex tistabbilixxi responsabbiltà min-naħa ta’ Siemens.

    58.

    Dan ma huwiex il-każ.

    59.

    L-ewwel nett, nixtieq infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola fuq il-ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ fattur ta’ konnessjoni partikolarment mill-qrib bejn it-tilwima u l-qrati tal-post fejn il-ġrajja ta’ dannu seħħet jew tista’ sseħħ, li tiġġustifika l-għoti ta’ ġurisdizzjoni lil dawk il-qrati għal raġunijiet relatati mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u t-tmexxija effikaċi tal-proċeduri. F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt u kważi delitt, il-qrati tal-post fejn seħħet jew tista’ sseħħ il-ġrajja dannuża huma s-soltu l-iktar xierqa biex jiddeċiedu l-każ, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ prossimità u l-faċilità biex jinkisbu l-provi. L-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li tidher f’din id-dispożizzjoni, hija intiża sabiex tkopri kemm il-post fejn seħħ id-dannu u kif ukoll il-post tal-ġrajja li tagħti lok għalih, fil-qrati ta’ kwalunkwe post minn dawn ( 29 ). Barra minn hekk, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tista’ tirriżulta biss bil-kundizzjoni li tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu u l-ġrajja fejn joriġina d-dannu ( 30 ).

    60.

    Min dan isegwi li r-regola dwar il-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 teħtieġ li jkun seħħ “l-effett” li jagħti lok għal “ħsara” — fi kliem ieħor, telf ( 31 ).

    61.

    Iżda b’kuntrast, azzjoni għar-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu ma hijiex bbażata fuq telf. Għalkemm ir-Regolament Nru 44/2001 ma fih l-ebda definizzjoni ta’ “restituzzjoni” jew “arrikkiment indebitu”, naħseb li nista’ niddeskrivihom b’dan il-kliem. B’mod differenti minn azzjoni li trid tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-konvenut, li għandha l-għan li tneħħi l-ħsara jew it-telf li r-rikorrent ġarrab u li għalihom il-konvenut huwa allegat li huwa responsabbli minħabba l-aġir jew l-ommissjoni tiegħu jew raġunijiet oħrajn attribwibbli għalih, azzjoni għal restituzzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu għandha l-għan li tagħti lura lir-rikorrent benefiċċju li l-konvenut kien akkwista b’mod illeġittimu għad-dannu tar-rikorrent (jew ħlas tal-ekwivalenti monetarju tiegħu). Kif sostna essenzjalment il-Gvern Ġermaniż, ir-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu jiffoka għalhekk b’mod inerenti fuq il-gwadann li jikseb il-konvenut pjuttost milli t-telf li ġarrab ir-rikorrent ( 32 ) . L-arrikkiment indebitu huwa l-kawża tal-azzjoni, u r-rimedju huwa r-restituzzjoni. Għalhekk, ma naqbilx mal-fehma li s-sempliċi nuqqas li tintlaqa’ talba inkontestata jammonta għal “effett tal-ħsara” li jagħti lok għat-telf ( 33 ).

    62.

    Barra minn hekk, għalkemm ir-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu teħtieġ li l-arrikkiment ikun illeġittimu, dan ma jikkoinċidix mar-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Apparti l-fatt li jkun hemm bżonn ta’ telf u rabta kawżali mal-aġir tal-konvenut, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tippreżupponi wkoll li hemm xi bażi biex jiġi deċiż li l-konvenut huwa responsabbli għat-telf li ġarrab ir-rikorrent, kemm fil-forma ta’ intenzjoni, traskuraġni jew anki ta’ responsabbiltà oġġettiva. Iżda, l-irkupru ta’ somma mħallsa inġustament ma jiddependix neċessarjament fuq jekk l-azzjonijiet tar-riċevent kinux ineċċepibbli. B’mod simili, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, meta l-imposti jkunu ntalbu minn Stat Membru b’mod li jkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-ħlas lura tagħhom ma huwiex ibbażat fuq il-premessa ta’ xi responsabbiltà min-naħa ta’ dan l-Istat Membru ( 34 ). Iżda mill-banda l-oħra, id-dritt għad-danni minn Stat Membru minħabba r-responsabbiltà tiegħu għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni jippreżupponi li jitħarsu ċerti kriterji magħrufin sew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 35 ). Isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssuġġerixxa l-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-fatt li jista’ ma jkunx għal kollox possibbli, skont id-dritt Ungeriż li ssir distinzjoni bejn l-illeġittimità ta’ arrikkiment partikolari, minn naħa, u t-telf min-naħa l-oħra, ma huwa ta’ ebda rilevanza billi, għal darba oħra, id-dritt nazzjonali ma huwiex deċiżiv meta ssir interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ( 36 ).

    63.

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tinterpreta l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 f’Sapir et ( 37 ), li rrigwardat ukoll il-kwistjoni ta’ restituzzjoni, deċiżjonijiet oħrajn tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdu ċertu grad ta’ sostenn għall-fehma tiegħi.

    64.

    Fil-kawża Kalfelis ( 38 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tgħid, inter alia, jekk “l-Artikolu 5(3) tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell] jagħti[x], fir-rigward ta’ kawża bbażata fuq talbiet ta’ tort u kuntrattwali u għall-arrikkiment indebitu, ġurisdizzjoni aċċessorja minħabba konnessjoni fattwali anki fir-rigward ta’ talbiet mhux ibbażati fuq tort” (enfażi miżjuda), u l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet li “qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) fuq kawża sa fejn hija bbażata fuq tort jew delitt ma għandhiex ġurisdizzjoni fuq dik il-kawża meta ma tkunx ibbażata fuq hekk”. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx jekk ikkunsidratx li l-arrikkiment indebitu jammontax għal tort, delitt jew kważi delitt: hija sempliċiment eskludiet l-possibbiltà li l-Artikolu 5(3) seta’ jkopri azzjoni li ma kinitx ibbażata fuq responsabbiltà mhux kuntrattwali ( 39 ). Madankollu, id-deċiżjoni tikkonferma li hemm konsapevolezza tad-differenzi inerenti bejn id-diversi tipi ta’ relazzjonijiet legali.

    65.

    Barra minn hekk, fis-sentenza Reichert u Kockler II, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma kienx jipprovdi ġurisdizzjoni speċjali għal tip partikolari ta’ azzjoni ta’ natura kważi restituzzjonali skont id-dritt Franċiż tal-insolvenza (actio pauliana). Din l-azzjoni għandha l-għan mhux li d-debitur jiġi ordnat jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat mill-kreditur tiegħu bl-aġir frawdolenti tiegħu, iżda li trendi ineffettiva, kontra l-kreditur tiegħu, dispożizzjoni li saret mid-debitur, anki fir-rigward ta’ terzi ( 40 ).

    66.

    Għalhekk, ma naqbilx mal-fehma tal-Avukat Ġenerali Darmon meta f’kawża sussegwenti sostna li, bid-definizzjoni tal-kwistjoni dwar it-tort, delitt u kważi delitt mogħtija fis-sentenza Kalfelis ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja “inkludiet taħt materji ta’ tort talba bbażata fuq arrikkiment indebitu” ( 42 ). Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq id-domandi li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-każ u ma ħadet l-ebda pożizzjoni fir-rigward tal-fehma tal-Avukat Ġenerali ( 43 ).

    67.

    Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid ngħid li diversi qrati supremi tal-Istati Membri ddeċidew li azzjoni bbażata fuq restituzzjoni għal arrikkiment indebitu ma kinitx tinvolvi kwistjoni ta’ tort, delitt jew anki kważi delitt ( 44 ). Għalhekk, ma huwiex sorprendenti li l-kummentaturi ma tantx xtaqu jikklassifikaw talbiet għar-restituzzjoni bħala talbiet li jirrigwardaw responsabbiltà mhux kuntrattwali ( 45 ).

    68.

    It-tieni nett, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat li jinkludi kawżi għar-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu, dan ikun ifisser li r-regoli fuq il-ġurisdizzjoni speċjali jkunu qed jiġu interpretati b’mod wiesa’, kuntrarjament għar-regoli ta’ interpretazzjoni aċċettati. Barra minn hekk, dan iġib distorsjoni tas-sistema li joħloq ir-Regolament, kif imsemmi iktar ’il fuq fil-punti 49 sa 52.

    69.

    Fil-fatt, ir-risposti mogħtija għad-domandi magħmula lill-partijiet waqt is-seduta ma jippermettulix li nara rabta bejn il-azzjoni prinċipali u l-qrati Ungeriżi li hija eqreb minn dik mal-qrati Awstrijaċi. Għall-kuntrarju, huwa leġittimu li wieħed jiddeduċi mill-ommissjoni magħmula fl-Artikolu 5(3) ta’ talbiet ibbażati fuq restituzzjoni li dan huwa preċiżament dovut minħabba l-assenza ta’ xi fattur ta’ rabta mill-qrib li jorbot b’mod konsistenti dawn it-talbiet ma’ kwalunkwe ġurisdizzjoni li ma tkunx tad-domiċilju tal-konvenut ( 46 ). Fil-fatt, l-uniku element reali li jorbot it-talba inkwistjoni mal-qrati Ungeriżi huwa l-fatt li din toriġina mill-multa imposta mill-Awtorità — li madankollu sempliċiment juri n-natura amministrattiva tal-kwistjoni kkunsidrata, kif spjegat iktar ’il fuq. Għalhekk, jidhirli li r-risposta mfittxija mill-Awtorità, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni tammonta għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa possibbli.

    70.

    Fuq l-istess linja, jiena inqas u inqas konvint mill-argument li ressqet il-Kummissjoni, li ma jistax ikun hemm lakuna legali bejn l-Artikoli 5(1) u 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Xejn fil-kliem tar-Regolament Nru 44/2001 ma jissuġġerixxi dan. Il-fatt li l-Artikolu 5(3) jopera biss meta l-azzjoni ma tikkonċernax kwistjoni kuntrattwali ma jeskludix il-possibbiltà ta’ azzjoni li tirrigwarda kwistjonijiet li la huma kuntrattwali u lanqas mhux kuntrattwali. Fil-verità, kontinwità mingħajr interruzzjoni bejn l-Artikoli 5(1) u 5(3), kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, tinvolvi li dawn l-eċċezzjonijiet jitwasslu għal-livell ta’ regola ġenerali, u b’hekk l-Artikolu 2 jispiċċa mingħajr effett prattiku fir-rigward tal-liġi tal-obbligazzjonijiet ( 47 ).

    71.

    It-tielet nett, analiżi kuntestwali, li tinkludi ħarsa ġenerali ta’ regoli oħrajn tad-dritt privat internazzjonali tal-Unjoni, tikkonferma l-fehma mfissra iktar ’il fuq.

    72.

    L-ewwel nett, kif fil-fatt sostna l-Gvern Ġermaniż, isegwi mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 ( 48 ) li, meta mqabbel ma’ kwistjonijiet kuntrattwali u mhux kuntrattwali, fix-xenarju tas-soltu, id-dritt privat internazzjonali tal-Unjoni jqis l-arrikkiment indebitu bħala li qiegħed f’kategorija għalih. Għalkemm ir-Regolament Nru 44/2001 ġie qabel ir-Regolament Nru 864/2007, il-leġiżlatura tal-Unjoni kkunsidrat li l-kamp ta’ applikazzjoni u d-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ wieħed għandhom ikunu konsistenti ma’ dawk tal-ieħor ( 49 ).

    73.

    It-tieni nett, kemm l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll l-Artikolu 7(3) tal-verżjoni rriformulata ta’ dan ir-regolament, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 50 ), fihom kapijiet ta’ ġurisdizzjoni speċjali dwar “talb[iet] ċivili għal danni jew restituzzjoni li [jkunu bbażati] fuq att li jagħti lok għal proċedimenti kriminali, fil-qorti li quddiemha jiġu istitwiti tali proċedimenti” (enfasi miżjuda) minflok ma jgħaqduhom mal-kap ġenerali ta’ ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1215/2012 issa jipprovdi wkoll għal kap ta’ ġurisdizzjoni speċjali dwar “talb[iet] ċivili għall-irkupru, fuq il-bażi tal-pussess, ta’ oġġett kulturali kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-[Direttiva 93/7] [ ( 51 ) ] […] fil-qrati għall-post fejn l-oġġett ikun jinsab fil-mument meta tiġi invokata l-qorti” (enfasi miżjuda). Fiż-żewġ eżempji, hemm fattur ta’ konnessjoni ċar li jorbot dawn il-proċeduri għar-restituzzjoni jew l-irkupru mal-qrati ta’ Stat Membru li ma jkunx dak tad-domiċilju tal-konvenut; rabta li hija differenti minn dik msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq. Għandu jiġi nnotat ukoll il-fatt li l-kliem tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 juri li l-leġiżlatura tal-Unjoni ma qisitx li kien meħtieġ li jitwessa’ l-kap tal-ġurisdizzjoni speċjali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Dan kollu jikkonferma l-fehma li talbiet għall-irkupru jew restituzzjoni huma ttrattati sistematikament b’mod distint minn talbiet għal ħlas ta’ danni ġejjin minn responsabbiltà mhux kuntrattwali.

    74.

    Fuq nota finali, l-Awtorità ssostni li jekk l-azzjoni prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ma jkun hemm l-ebda qorti li quddiemha tkun tista’ tagħmel il-kawża — jew aħjar, kif spjegat l-Awtorità waqt is-seduta, l-ebda qorti fl-Ungerija li quddiemha tkun tista’ tagħmel proċeduri kontra l-parteċipanti kollha fil-ksur antikompetittiv li jinsab fil-qofol tal-kwistjoni kkunsidrata. L-Awtorità tgħid li dan imur kontra l-għan tas-simplifikazzjoni proċedurali li joħloq ir-regolament. Fuq dawn il-punti, nixtieq infakkar li, l-ewwel nett, għalkemm huwa veru li jistgħu jinħolqu żvantaġġi minn aspetti differenti tal-istess kwistjoni li qed tiġi ġġudikata minn qrati differenti, rikorrent dejjem huwa intitolat li jressaq l-azzjoni tiegħu kollha kemm hi fil-qrati tad-domiċilju tal-konvenut ( 52 ). Għalhekk, l-Awtorità fil-fatt għandha qorti fejn tista’ tressaq it-talba tagħha. Fi kwalunkwe każ, jekk il-qrati Awstrijaċi jirrifjutaw li jisimgħu l-kawża minħabba l-oriġini ta’ dritt pubbliku tat-talba inkwistjoni, dik il-konsegwenza ssegwi inerentement mill-interazzjoni bejn, minn naħa, il-portata tal-armonizzazzjoni li twettqet taħt dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, ir-regoli proċedurali nazzjonali (in casu r-regoli tal-infurzar amministrattiv Ungeriż). It-tieni nett, fir-rigward tas-simplifikazzjoni li għaliha tirriferi l-Awtorità, isegwi mill-premessa 11 tar-Regolament li, għal raġunijiet ta’ prevedibbiltà, il-prinċipju ewlieni sottostanti għalih huwa li l-qrati tad-domiċilju tal-konvenut għandhom ġurisdizzjoni u, bil-maqlub, li sedi speċjali jew esklużivi ta’ ġurisdizzjoni huma konċepibbli fi grad limitat biss. Għalhekk, dan l-għan fil-fatt jikkontradixxi l-fehma tal-Awtorità.

    75.

    Fuq il-bażi ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, azzjoni għal restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu ma tammontax għal “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

    IV – Konklużjoni

    76.

    Għar-raġunijiet imsemmijin iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda mressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla (qorti reġjonali tal-appell, Budapest, l-Ungerija) fil-Kawża C‑102/12 fis-sens li azzjoni għal restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu li toriġina mill-ħlas mill-ġdid ta’ penali imposta fi proċeduri ta’ kompetizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tikostitwixxix “materji ċivili u kummerċjali” għall-finijiet tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

    77.

    Alternattivament, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda mressqa fis-sens li, b’interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, azzjoni għar-restituzzjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu ma tikkostitwixxix “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    ( 3 ) A Polgári Törvénykönvyről szóló 1959. évi IV. törvény.

    ( 4 ) A tisztességtelen piaci magatartás és a versenykorlátozás tilalmáról szóló 1996. évi LVII. Törvény (iktar ’il quddiem, l-“Att Nru LVII tal-1996”).

    ( 5 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi LTU, 29/76, EU:C:1976:137, punt 3, u flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 24.

    ( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Woningstichting Sint Servatius, C‑567/07, EU:C:2009:593, punti 4243, dwar talba għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Romeo, C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 20 (dwar sitwazzjoni purament interna), u d-digriet f’Parva Investitsionna Banka et, C‑488/13, EU:C:2014:2191, punt 26 (dwar l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni adottata fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili).

    ( 7 ) Pereżempju, qabbel id-digriet ta’ inammissibbiltà manifesta mogħti fi SKP, C‑433/11, EU:C:2012:702 (punti 32 sa 38), minn naħa, mad-digriet ta’ nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni mogħti f’Pohotovosť, C‑153/13, EU:C:2014:1854 (punti 22 sa 25), fir-rigward tal-istess strument ta’ leġiżlazzjoni sussidjarja tal-Unjoni.

    ( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 30.

    ( 9 ) C‑645/11, EU:C:2013:228.

    ( 10 ) Sentenza Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punti 3334.

    ( 11 ) Ara s-sentenza Baten, C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 37.

    ( 12 ) Ara f’dan is-sens, inter alia, is-sentenzi flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punti 2829, u CDC, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 56. Madankollu, fil-każ tal-aħħar, l-Avukat Ġenerali Jääskinen, filwaqt li kkunsidra l-azzjonijiet inkwistjoni f’dik il-kawża bħala li jirrigwardaw “materji ċivili u kummerċjali”, huwa kien ukoll tal-fehma li l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għal dawn l-azzjonijiet kienet problematika; ara l-Konklużjonijiet f’CDC, C‑352/13, EU:C:2014:2443, punti 8 sa 10, 33, 39, 5253.

    ( 13 ) Għal kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, ara, inter alia, is-sentenzi LTU, 29/76, EU:C:1976:137 (irkupru ta’ imposti dovuti għall-użu ta’ servizzi u tagħmir tal-Eurocontrol); Rüffer, 814/79, EU:C:1980:291 (irkupru ta’ spejjeż marbutin mat-tneħħija ta’ relitt); u Lechouritou et, C‑292/05, EU:C:2007:102 (talbiet għal ħlas ta’ kumpens mill-Ġermanja minħabba atti mwettqa matul l-okkupazzjoni tal-Greċja mill-forzi armati tat-Tielet Reich). Għal kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jidħlu taħt dan il-kunċett ara, inter alia, is-sentenzi f’Sonntag, C‑172/91, EU:C:1993:144 (talba għad-danni kontra għalliem ta’ skola Statali għan-negliġenza matul eskursjoni li waslet għall-mewt ta’ student); Henkel, C‑167/00, EU:C:2002:555 (kawża li għamlet organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi li riedet tipprekludi kummerċjant milli juża kundizzjonijiet inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi); u Baten, C‑271/00, EU:C:2002:656 (surroga f’talbiet ta’ manteniment fir-rigward tal-ex konjuġi u wild). Ara wkoll id-deċiżjonijiet imsemmijin iktar ’l isfel fil-punti 44 u 45.

    ( 14 ) Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1978 L 304, p. 36).

    ( 15 ) Sentenza Rüffer, 814/79, EU:C:1980:291, punt 15. Enfasi miżjud.

    ( 16 ) Kfv. No II. 37. 671/2014/12., deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2014.

    ( 17 ) Ara, b’analoġija, Rüffer, 814/79, EU:C:1980:291, punt 14.

    ( 18 ) Dan huwa l-każ, inter alia, tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit.

    ( 19 ) Ara s-sentenza Préservatrice Foncière Tiard, C‑266/01, EU:C:2003:282, punti 29 sa 34, dwar garanzija għall-ħlas ta’ dazji doganali li l-kumpannija tal-assigurazzjoni Franċiża kienet għamlet fil-konfront tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    ( 20 ) Ara s-sentenzi Realchemie Nederland, C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 41, dwar multa imposta mill-qorti Ġermaniża fir-rigward tal-ksur ta’ privattiva u, mill-banda l-oħra, Bohez, C-4/14, EU:C:2015:563, punt 40, dwar ħlas ta’ penalità impost minn qorti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet ta’ aċċess mogħtija fir-rigward tat-tfal.

    ( 21 ) Ara s-sentenza Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 37, dwar talba għall-irkupru ta’ ħlas żejjed bi żball (condictio indebiti) li sar mil-Land Berlin fil-qafas ta’ proċedura amministrattiva intiża biex tipprovdi kumpens għal telf ta’ proprjetà immobbli taħt ir-reġim Nażista.

    ( 22 ) Sentenza Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punti 1336 sa 38.

    ( 23 ) Ara l-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001.

    ( 24 ) Sentenza ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 25 ) Ara, b’analoġija, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Henkel, C‑167/00, EU:C:2002:171, punt 33, u, f’dan is-sens, is-sentenza Zuid-Chemie, C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 31.

    ( 26 ) Sentenza ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punti 3132 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 27 ) Sentenza Tacconi, C‑334/00, EU:C:2002:499, punti 2627.

    ( 28 ) Ara, fost ħafna, is-sentenzi Kalfelis, 189/87, EU:C:1988:459, punt 17, u Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 29 ) Sentenza CDC, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 30 ) Sentenza ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 31 ) L-Avukat Ġenerali Gulmann (kif kien dakinhar) issuġġerixxa fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:78, p. 2169) li, “id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 5(3) [tal-Konvenzjoni ta’ Brussell] għandhom fi kwalunkwe każ żewġ karatteristiċi bħal xulxin. Waħda li għandu jkun hemm aġir ‘illegali’, u l-oħra li l-aġir kellu jikkawża ‘effett tal-ħsara’”.

    ( 32 ) Ara, inter alia, Goff & Jones, The Law of Restitution, ir-raba’ edizzjoni, 1993, Londra, Sweet & Maxwell, p. 16, li jsostnu li “talba għar-restituzzjoni hija għall-benefiċċju, l-arrikkiment, miksub mill-konvenut għad-dannu tal-attur; ma hijiex waħda għat-telf imġarrab” (l-enfasi qiegħda fl-oriġinal). Jaqbel ma’ dan Virgo, G., The Principles of the Law of Restitution, it-tielet edizzjoni, 2015, OUP, p. 3, fejn jgħid li, “‘il-liġi tar-restituzzjoni hija kkonċernata bl-għoti ta’ grupp ġeneriku ta’ rimedji li jirriżultaw bl-operazzjoni tal-liġi u li għandhom funzjoni waħda komuni, jiġifieri li l-konvenut jiġi mċaħħad minn gwadann iktar milli jiġi kkumpensat min jagħmel it-talba għat-telf imġarrab”. Fir-rigward ta’ talbiet għall-irkupru ta’ flus imħallsa bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni wara irregolaritajiet, dawn l-irregolaritajiet jinvolvu “l-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament, b’mod partikolari b’obbligu li jitħallsu l-ammonti dovuti jew jitħallsu lura l-ammonti rċevuti indebitament”; ara s-sentenza Somvao, C‑599/13, EU:C:2014:2462, punt 35.

    ( 33 ) Ara l-kuntrast, f’dak ir-rigward, mal-Konklużjoniiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Austro-Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:90, punt 86.

    ( 34 ) Ara, inter alia, is-sentenza Fantask et, C‑188/95, EU:C:1997:580, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 35 ) Ara s-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51.

    ( 36 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu (ukoll) jiġi interpretat awtonomament; ara, inter alia, is-sentenza Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata. Għal fehma li tidher li hija differenti, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe f’Austro-Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:90, punt 85.

    ( 37 ) C‑645/11, EU:C:2013:228, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja minflok interpretat l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 dwar kawżi magħmulin kontra diversi konvenuti.

    ( 38 ) 189/87, EU:C:1988:459.

    ( 39 ) B’kuntrast, l-Avukat Ġenerali Darmon issuġġerixxa li l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell — jiġifieri kwistjonijiet kuntrattwali — għandhom “jinkanalaw” talbiet oħrajn ibbażati fuq tort u arrikkiment indebitu; ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon f’Kalfelis, 189/87, EU:C:1988:312, punti 25 sa 31.

    ( 40 ) Sentenza Reichert u Kockler, C‑261/90, EU:C:1992:149, punti 1920.

    ( 41 ) 189/87, EU:C:1988:459 (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

    ( 42 ) Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon f’Shearson Lehman Hutton, C‑89/91, EU:C:1992:410, punt 102.

    ( 43 ) Sentenza Shearson Lehman Hutton, C-89/91, EU:C:1993:15, punt 25 (ara, b’mod partikolari, ir-raba’ domanda mressqa).

    ( 44 ) Ara d-deċiżjonijiet tal-House of Lords (ir-Renju Unit) tat-30 ta’ Ottubru 1997 f’Kleinwort Benson Ltd v. City of Glasgow District Council [1997] UKHL 43; l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) tat-13 ta’ Jannar 1998 fil-każ 7 Ob 375/97s; u l-Högsta Domstolen (qorti suprema, l-Isvezja) tal-31 ta’ Awwissu 2009 fil-każ Ö 1900-08 (NJA 2000:49).

    ( 45 ) Ara, inter alia, Mankowski, P., f’Magnus, U., u Mankowski, P. (eds.), Brussels Ibis Regulation, European Commentaries on Private International Law, Volum I, 2016, Dr. Otto Schmidt, Cologne, punt 245; u Hertz, K., Bruxelles I-forordningen med kommentarer, 2nd ed., 2015, Jurist- og Økonomforbundets Forlag, Copenhagen, p. 172.

    ( 46 ) Fuq dan il-punt naqbel mas-sentenza ta’ Lord Goff f’Kleinwort Benson Ltd v. City of Glasgow District Council [1997] UKHL 43, deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 1997.

    ( 47 ) Fis-sentenza Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148), punt 27, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet li jekk il-proċeduri prinċipali ma kinux jirrigwardaw kwistjoni kuntrattwali, kellhom jikkonċernaw kwistjoni mhux kuntrattwali. Madankollu, dak li intqal kien premess fuq l-idea li r-rikorrent f’dik il-kawża, li kienet tirrigwarda talbiet għal diversi għanijiet bħala riżultat ta’ dannu mġarrab mill-aġir tal-konvenut li allegatament ammonta għal kompetizzjoni inġusta, ried jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-konvenut. B’mod simili, fil-kawża li bħalissa hija pendenti Granarolo (C‑196/15), il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddetermina jekk azzjoni għad-danni — u mhux ta’ restituzzjoni — għat-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjoni tan-negozju stabbilita, tistax tammonta għal kwistjoni kuntrattwali jew mhux kuntrattwali.

    ( 48 ) Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007 L 199, p. 40). L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 864/2007 (“Arrikkiment inġust”) jipprovdi: “Jekk obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn arrikkiment inġust, inkluż il-pagament ta’ ammonti indebitament riċevuti, tikkonċerna relazzjoni eżistenti bejn il-partijiet, bħal waħda li tirriżulta minn kuntratt jew delitt jew kważi-delitt ċivili, li tkun konnessa mill-qrib ma’ dak l-arrikkiment inġust, dik l-obbligazzjoni għandha tkun regolata mil-liġi li tirregola dik ir-relazzjoni”. Ara wkoll l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

    ( 49 ) Ara l-premessa 7 tar-Regolament Nru 864/2007.

    ( 50 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU 2012 L 351, p. 1).

    ( 51 ) Direttiva tal-Kunsill Council 93/7/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1993, fuq ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 399).

    ( 52 ) Sentenza Kalfelis, 189/87, EU:C:1988:459, punt 20.

    Top