Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0042

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2016.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:431

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fid-9 ta’ Ġunju 2016 ( 1 )

    Kawża C‑42/15

    Home Credit Slovakia a.s.

    vs

    Klára Bíróová

    [Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd (Tribunal distrettwali) Dunajská Streda, is-Slovakkja]

    “Protezzjoni tal-konsumaturi — Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur — Direttiva 2008/48/KE — Tifsira tal-espressjoni ‘mfassal fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor’ — Ħtieġa nazzjonali li dokument għandu jkun ‘bil-miktub’ u li jrid ikun iffirmat — Validità ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur — Informazzjoni obbligatorja skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48/KE — Ftehim ta’ kreditu li ma fihx l-informazzjoni obbligatorja iżda li jirreferi għal dokument separat — Penalitajiet nazzjonali għal min ma jipprovdix l-informazzjoni obbligatorja — Proporzjonalità”

    1. 

    F’din ir-referenza mill-Okresný súd (Tribunal distrettwali) Dunajská Streda, (is-Slovakkja), il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE, ( 2 ) li tirregola ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur. Tistaqsi numru ta’ mistoqsijiet relatati ma’ xulxin fir-rigward tal-ambitu tal-armonizzazzjoni skont dik id-direttiva u sa fejn l-Istati Membri huma preklużi milli, b’mod partikolari, jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-formalitajiet meta jsir ftehim ta’ kreditu. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi: (i) jekk il-ħtieġa li l-ftehim ta’ kreditu għandu jitfassal “fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor” hijiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni; (ii) jekk dak l-obbligu jfissirx li l-ftehim għandu jiġi wkoll iffirmat mill-partijiet u jekk l-informazzjoni obbligatorja li l-kreditur għandu jagħti lil min jissellef għandhiex tkun fl-istess dokument tal-ftehim ta’ kreditu; (iii) jekk il-kreditur għandux jindika d-dati eżatti meta għandhom isiru l-pagamenti skont il-ftehim u jipprovdi tabella li tindika t-tnaqqis fis-somma prinċipali hekk kif isiru l-pagamenti matul il-perijodu tas-self; u (iv) jekk ċerti penalitajiet li japplikaw taħt il-liġi nazzjonali meta l-kreditur ikun naqas milli jipprovdi l-informazzjoni obbligatorja humiex xierqa.

    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

    Id-Direttiva 2008/48

    2.

    Iż-żewġ għanijiet prevalenti tad-Direttiva 2008/48 huma li jipprovdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur sabiex jiżguraw il-fiduċja tal-konsumatur u sabiex joħolqu suq intern ġenwin. Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, ġie stabbilit qafas tal-UE kompletament armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. ( 3 ) Qabel jiġi konkluż ftehim ta’ kreditu, il-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni adegwata li jistgħu jikkunsidrawha sabiex ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti. ( 4 ) L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet nazzjonali li huma f’konformità mad-dritt tal-UE b’konnessjoni ma’ kwistjonijiet tad-dritt kuntrattwali rigward il-validità ta’ ftehim ta’ kreditu. ( 5 ) Il-ftehim ta’ kreditu għandu jinkludi, b’mod ċar u konċiż, l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tgħin lill-konsumatur ikun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu. ( 6 ) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jiżguraw li dawn ikunu implementati. Kull penali għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva. ( 7 )

    3.

    L-Artikolu 1 jipprovdi li l-għan tad-Direttiva 2008/48 huwa li jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u proċeduri amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim li jkopri kreditu għall-konsumaturi.

    4.

    Skont l-Artikolu 2, id-Direttiva 2008/48 tapplika għal ftehim ta’ kreditu sakemm ma jkunx espressament prekluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    5.

    Id-definizzjonijiet li ġejjin fl-Artikolu 3 huma rilevanti:

    “(a)

    ‘konsumatur’ tfisser persuna fiżika li, fit-tranżazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma barra mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

    (b)

    ‘kreditur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħti jew twiegħed li tagħti kreditu matul l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tagħha;

    (ċ)

    “ftehim ta’ kreditu” tfisser ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra; ħlief għal ftehim għall-forniment fuq bażi kontinwa ta’ servizzi jew il-forniment ta’ merkanzija ta’ l-istess xorta, fejn il-konsumatur iħallas għal tali servizzi jew merkanzija għat-tul ta’ żmien tal-provvista tagħhom permezz ta’ pagamenti bin-nifs;

    […]

    (m)

    ‘mezz durabbli’ tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jaħżen informazzjoni indirizzata lilu personalment b’mod li tkun aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-fini ta’ l-informazzjoni u li tippermetti r-riproduzzjoni mhix mibdula ta’ l-informazzjoni maħżuna;

    […]”

    6.

    L-informazzjoni u l-prattiki preliminari għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu jinsabu fil-Kapitolu II. L-Artikolu 5(1), li huwa parti minn dak il-kapitolu, jipprovdi li informazzjoni prekuntrattwali għandha tiġi pprovduta fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor. ( 8 )

    7.

    L-obbligu li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor huwa mtenni wkoll f’numru ta’ dispożizzjonijiet oħra fid-Direttiva 2008/48. ( 9 )

    8.

    L-Artikolu 10(1) jipprovdi:

    “Ftehim ta’ kreditu għandhom jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor.

    Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja.”

    9.

    L-Artikolu 10(2) fih lista ta’ 22 tip ta’ informazzjoni li għandu jkun speċifikat fil-ftehim ta’ kreditu b’mod ċar u konċiż (iktar ’il quddiem ‘l-informazzjoni obbligatorja’). Dik il-lista tinkludi, inter alia:

    “(h)

    l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet li għandhom isiru mill-konsumatur u fejn ikun il-każ, l-ordni li biha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għal bilanċi pendenti differenti b’rati tas-self differenti għall-finijiet ta’ radd lura;

    (i)

    fejn ikun involut amortizzament ta’ kapital ta’ ftehim ta’ kreditu b’tul ta’ żmien fiss, id-dritt tal-konsumatur li jirċievi, fuq talba jew mingħajr ħlas, fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ amortizzament.

    Tabella ta’ amortizzament għandha tindika l-ħlasijiet dovuti u l-perijodi u l-kondizzjonijiet relatati mal-ħlas ta’ tali ammonti; it-tabella għandu jkun fiha analiżi dettaljata ta’ kull radd lura li turi amortizzament kapitali, l-interessi kkalkolati abbażi tar-rata tas-self u, fejn applikabbli, l-ispejjeż addizzjonali; fejn ir-rata ta’ l-interessi mhix fissa jew l-ispejjeż addizzjonali jistgħu jitbiddlu taħt il-ftehim ta’ kreditu, it-tabella ta’ amortizzament għandha turi b’mod ċar u konċiż li d-data misjuba fit-tabella tibqa’ valida biss sakemm ir-rata tas-self jew l-ispejjeż addizzjonali jiġu mibdula skond il-ftehim ta’ kreditu;

    […]”

    10.

    L-Artikolu 10(3) jipprovdi li: “fejn japplika l-paragrafu 2(i), il-kreditur għandu jagħmel disponibbli lill-konsumatur mingħajr ħlas fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament”.

    11.

    L-Artikolu 22 jipprovdi li sa fejn id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti fiha.

    12.

    Skont l-Artikolu 23, l-Istati Membri għandhom jipprovdu penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’konformità mad-Direttiva.

    Id-Direttiva 97/7/KE

    13.

    Id-Direttiva 97/7/KE ( 10 ) fiha dispożizzjoni intiża sabiex tipproteġi lil konsumaturi li jidħlu f’kuntratti li jsiru mill-bogħod [f’distanza]. Skont l-Artikolu 4, il-konsumatur għandu jiġi pprovdut b’ċertu informazzjoni qabel ma jikkonkludi kull kuntratt f’distanza. ( 11 ) L-Artikolu 5 ta’ dik id-direttiva huwa intitolat “Konferma ta’ l-informazzjoni bil-miktub”. Il-punt 1 huwa miktub kif ġej:

    “Il-konsumatur għandu jirċievi konferma bil-miktub jew konferma f’medium ieħor li jservi li huwa disponibbli u aċċessibbli għalih ta’ l-informazzjoni li saret referenza għaliha fl-Artikolu 4(1)(a) sa (f), f’ħin f’waqtu waqt l-esekuzzjoni tal-kuntratt, u l-aktar tard fil-ħin tal-kunsinna fejn huma kkonċernati l-oġġetti li m’humiex ser jiġu kkunsinnati lil terzi partijiet, kemm-il darba l-informazzjoni diġà ngħatat lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt bil-mikub jew fuq medium ieħor li jservi li jkun disponibbli u aċċessibbli għalih.

    […]” ( 12 )

    Il-liġi nazzjonali

    14.

    Skont il-Kodiċi Ċivili Slovakk, ( 13 ) att legali bil-miktub huwa validu biss jekk huwa ffirmat mill-persuna(i) marbuta bih. ( 14 ) Meta att legali ma huwiex eżegwit bil-forma mitluba mil-liġi (jew bi ftehim tal-partijiet) ikun invalidu.

    15.

    Fi qbil mal-Kodiċi Kummerċjali Slovakk, ( 15 ) il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratti ta’ organizzazzjoni jistgħu jiġu inkorporati fi ftehim ta’ kreditu bħala parti minn dak il-ftehim permezz ta’ kontroreferenzi.

    16.

    Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur għandu jkun bil-miktub u kull parti fil-ftehim għandha tingħata minn tal-inqas kopja waħda jew f’forma ta’ dokument jew f’mezz durabbli ieħor. ( 16 ) Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur għandu jkun fih, inter alia, l-ammont, in-numru u d-dati tal-ħlas lura tal-kapital, interessi u ħlasijiet oħra, u jekk ikun xieraq l-ordni li biha l-pagamenti ser ikunu allokati lill-bilanċi pendenti individwali b’rati differenti ta’ imgħax tal-kreditu tal-konsumatur għal skopijiet tal-ħlas lura. ( 17 ) Il-konsumaturi għandhom dritt li jitolbu rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ amortizzament (jekk il-kapital huwa amortizzat) ( 18 ) fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu. ( 19 )

    17.

    Meta l-ftehim ta’ kreditu ma jkunx bil-miktub u ma jkollux l-informazzjoni obbligatorja skont il-Liġi dwar kreditu tal-konsumatur, kull kreditu jitqies bħala li huwa ħieles mill-interessi u kull spiża oħra. ( 20 )

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    18.

    Fid-29 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Home Credit Slovakia a.s (il-“kreditriċi”), ikkonkludiet ftehim ta’ kreditu tal-konsumatur mal-konvenuta, Ms Klára Bíróová (id-“debitriċi”) fuq formola standard stampata minn qabel li kellha timtela’ bil-miktub. Id-debitriċi akkwistat EUR 700 fi kreditu. Hija qablet li tħallas lura ammont totali ta’ EUR 1087.56 f’pagamenti mensili ta’ EUR 32.50. Is-self kellu jitħallas lura fuq perijodu ta’ 36 xahar mill-għoti tal-kreditu.

    19.

    Id-debitriċi ffirmat il-ftehim ta’ kreditu, fejn ikkonfermat li rċeviet it-termini ta’ kreditu u li taqbel u tagħti l-kunsens li tkun marbuta bihom. Annessi mal-ftehim ta’ kreditu kien hemm it-“Termini ta’ ftehim ta’ kreditu ta’ Home Credit Slovakia, a.s. – kreditu kontanti” (it-“termini ġenerali tan-negozju”), li kienu identifikati fuq kull paġna bil-kodiċi ISH111 fir-rokna ta’ fuq. Il-firma tad-debitriċi fuq il-ftehim ta’ kreditu kkonfermat li hija kienet irċeviet u qablet mal-kundizzjonijiet ġenerali tan-negozju, li d-dispożizzjonijiet kollha tagħhom kienu jinftiehmu u li hija tat il-kunsens sabiex tintrabat bihom. It-test tat-termini ġenerali tan-negozju ma kienx iffirmat, la mis-sellief u lanqas mid-debitriċi. Dawk it-termini kienu jipprovdu, inter alia, li d-debitriċi hija obbligata li tħallas lura l-kreditu mogħti b’mod korrett u fil-ħin, f’pagamenti mensili regolari, li n-numru, l-ammont u d-dati dovuti tagħhom huma ddeterminati fil-ftehim. Id-debitriċi hija intitolata li titlob, bla ħlas u f’kull ħin matul il-perijodu tal-kuntratt, rendikont tal-bilanċ f’forma ta’ tabella ta’ ammortizzazzjoni, li jipprovdi l-pagamenti li għandhom jitħallsu u l-perijodu u l-kundizzjonijiet li bihom isir il-ħlas lura, inkluż rendikont ta’ kull pagament li juri l-ammortizzazzjoni tal-kapital, interessi u (jekk ikun il-każ) spejjeż addizzjonali.

    20.

    It-termini ta’ kreditu ma jinkludux regoli iktar iddettaljati għall-kalkolu tal-interessi fuq il-kapital, jew dispożizzjonijiet li jispeċifikaw liema parti tal-pagament mensili (EUR 32.50) għandha tintuża bħala ħlas lura tal-interessi u spejjeż u liema parti bħala ammortizzazzjoni tal-kapital tal-kreditu.

    21.

    Id-debitriċi ħallset biss żewġ pagamenti taħt dan il-ftehim. Fis-26 ta’ April 2012 is-sellief talbet il-ħlas lura tas-somma sħiħa tal-kreditu dovut. Hija talbet il-ħlas tal-: (i) kapital dovut; (ii) interessi; (iii) interessi ta’ nuqqas ta’ ħlas; u (iv) penalitajiet kuntrattwali għan-nuqqas ta’ ħlas. Id-debitriċi li ssellfet ma għamlet ebda pagament. Is-sellief bdiet azzjoni għal EUR 1155.52 u interessi għal nuqqas ta’ ħlas ta’ 0.024 % kull jum fuq is-somma ta’ EUR 778.34 sa mill‑11 ta’ Frar 2014 sakemm jitħallas id-dejn pendenti.

    22.

    Il-qorti tar-rinviju tispjega li skont regoli nazzjonali, ftehim ta’ kreditu tal-konsumatur għandu jkun bil-miktub u li għandu jinkludi ċertu informazzjoni rigward, inter alia, l-ammont, in-numru u d-dati tal-ħlasijiet lura tal-interessi tal-kapital u spejjeż oħra, u, jekk inhu l-każ, informazzjoni dwar l-ammortizzazzjoni. ( 21 ) Ftehim ta’ kreditu li ma huwiex iffirmat mill-partijiet ma jissodisfax il-kriterji tar-regoli nazzjonali u u konsegwentement huwa invalidu. ( 22 ) Fil-kawża prinċipali, dik l-informazzjoni (parti mill-informazzjoni obbligatorja) tinsab fit-termini ġenerali tan-negozju li ma humiex iffirmati. B’hekk, tqum il-kwistjoni jekk il-ftehim ta’ kreditu tal-konsumatur konkluż fid-29 ta’ Ġunju 2011 huwiex validu. Huwa f’dan l-isfond li l-qorti tar-rinviju titlob deċiżjoni preliminari dwar seba’ domandi li probabbilment jinftiehmu aħjar f’forma sommarja:

    L-ewwel u t-tieni domanda

    X’inhi d-definizzjoni tal-espressjoni “fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor” fl-Artikolu 10(1) moqrija flimkien mal-Artikolu 3(m) tad-Direttiva 2008/48? – Dik l-espressjoni tkopri biss id-dokument fiżiku ffirmat mill-partijiet fil-ftehim ta’ kreditu? – Dak id-dokument għandu jinkludi l-informazzjoni obbligatorja rikjesta fl-Artikolu 10(2)? – Meta l-informazzjoni obbligatorja hija f’dokument separat, bħal termini ġenerali tan-negozju, li ma huwiex iffirmat mill-partijiet fil-ftehim ta’ kreditu u l-ftehim ta’ kreditu jagħmel referenza għal dak id-dokument, tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/48?

    Sa liema punt id-Direttiva 2008/48 tarmonizza b’mod sħiħ ir-regoli li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-ftehim ta’ kreditu għall-finijiet tal-Artikoli 10(1) u (2), sabiex dawk id-dispożizzjonijiet jipprekludu regoli nazzjonali: (i) milli jirrikjedu l-informazzjoni obbligatorja li tkun inkluża f’dokument uniku ffirmat mill-partijiet fi ftehim ta’ kreditu jew (ii) milli jfissru li l-ftehim ta’ kreditu ma jistax ikollu s-saħħa legali sħiħa minħabba li ċertu informazzjoni obbligatorja hija f’dokument separat, bħalma huma t-termini ġenerali tan-negozju?

    It-tielet u r-raba’ domanda

    Il-“frekwenza ta’ pagamenti” fl-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 tfisser li l-kreditur huwa rikjest jindika fil-ftehim ta’ kreditu, id-data eżatta li fiha għandu jsir kull pagament, jew huwa biżżejjed li jiġi indikat meta kull pagament ikun dovut b’referenza għal kriterji oġġettivament aċċertabbli? – Jekk dan tal-aħħar huwa l-każ, dik l-informazzjoni tista’ tkun parti minn dokument separat li jirreferi għalih il-ftehim ta’ kreditu, bħal “termini ġenerali tan-negozju” li ma humiex iffirmati mill-partijiet?

    Il-ħames u s-sitt domanda

    L-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48 moqrija flimkien ifissru li tabella ta’ ammortizzazzjoni ma għandhiex tkun inkluża fi ftehim ta’ kreditu għal perijodu fiss, meta l-kapital huwa mħallas lura b’pagamenti individwali, u li dik l-informazzjoni tista’ minflok tingħata mill-kreditur lid-debitur fuq talba tiegħu? Jew il-kreditur huwa rikjest jipprovdi tabella ta’ ammortizzazzjoni fil-ftehim ta’ kreditu mid-data tal-bidu tal-ftehim u d-debitur għandu wkoll id-dritt li jitlob tabella ta’ ammortizzazzjoni matul il-perijodu tal-ftehim ta’ kreditu li tindika l-iskeda ta’ pagamenti mid-data ta’ dik it-talba? Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-Artikolu 10(2)(h) huma kompletament armonizzati skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 sabiex Stati Membri jkunu preklużi milli jitolbu li t-tabella ta’ ammortizzazzjoni għandha tiġi inkluża fil-ftehim ta’ kreditu?

    Is-seba’ domanda

    Meta kreditur jonqos milli jipprovdi ħafna mill-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, hija imposta penali skont il-liġi nazzjonali, li permezz tagħha l-ftehim ta’ kreditu huwa meqjus li jkun ħieles mill-interessi u minn spejjeż (li jfisser li d-debitur huwa biss obbligat li jħallas lura s-somma prinċipali), proporzjonata għall-finijiet tal-Artikoli 1 u 23 ta’ dik id-direttiva?

    23.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż u dak Slovakk u mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tal-24 ta’ Frar 2016, ir-Repubblika tas-Slovakkja u l-Kummissjoni ppreżentaw argument orali.

    Evalwazzjoni

    L-1 u t-2 domanda – livell ta ’ armonizzazzjoni tal-formalitajiet li jirrigwardaw il-konklużjoni ta ’ ftehim ta ’ kreditu għall-konsumatur

    24.

    It-teknika regolatorja li tingħata informazzjoni lill-konsumatur hija bbażata fuq il-prinċipju li konsumatur informat sew huwa f’pożizzjoni aħjar sabiex jagħżel l-iktar offerta ta’ kreditu vantaġġjuża għalih u wkoll tiżgura li jkun konxju tad-drittijiet u l-obbligi skont il-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur. Sabiex jitwettqu dawk l-objettivi, l-informazzjoni pprovduta ma għandhiex tkun provviżorja – pjuttost trid tibqa’ tkun disponibbli għall-konsumatur fuq bażi fit-tul.

    25.

    F’dan il-kuntest, id-Direttiva 2008/48 tiddefinixxi l-frażi “mezz durabbli” fl-Artikolu 3(m) bħala: “kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jaħżen informazzjoni indirizzata lilu personalment b’mod li tkun aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-fini ta’ l-informazzjoni u li tippermetti r-riproduzzjoni mhix mibdula ta’ l-informazzjoni maħżuna”. Madankollu, ma tiddefinixxix il-frażi “fuq karta”. Għaldaqstant dak il-kliem irid jiġi interpretat billi tiġi kkunsidrata t-tifsira tiegħu fid-diskors ta’ kuljum filwaqt li jinżamm ukoll inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv u l-għanijiet tad-Direttiva 2008/48. ( 23 )

    26.

    Fil-kuntest tal-Artikolu 10(1), il-kliem “fuq karta” jirreferi għall-mezz li fuqu jinkiteb il-ftehim ta’ kreditu u li jingħata lill-konsumatur. Mill-kliem “jew b’mezz durabbli ieħor” huwa impliċitu li “fuq karta” jitqies bħala forma partikolari ta’ mezz durabbli li permezz tagħha ftehim ta’ kreditu jiġi kkomunikat lill-konsumatur għall-finijiet tad-Direttiva 2008/48. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) jipprovdi li l-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu. Dan jissuġġerixxi wkoll li l-Artikolu 10(1) jikkonċerna l-mezz li fuqu dak il-ftehim isir disponibbli għall-konsumatur.

    27.

    Ftehim ta’ kreditu fuq karta għandu l-karatteristiċi li ġejjin, li jilħqu r-rekwiżiti tal-Artikolu 3(m) tad-Direttiva 2008/48 (id-definizzjoni ta’ “mezz durabbli”): dan jippermetti lill-konsumatur li jaħżen informazzjoni li ġiet indirizzata lilu personalment, u li jaċċerta li l-kontenut tal-ftehim ta’ kreditu ma jitbiddilx u li l-informazzjoni tkun aċċessibbli għal perijodu ta’ żmien adegwat. Dan huwa konsistenti mal-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari billi taċċerta li l-konsumatur huwa konxju tad-drittijiet u l-obbligi tiegħu taħt kwalunkwe ftehim ta’ kreditu.

    28.

    L-istess approċċ huwa rifless f’dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2008/48 li jikkonċernaw id-drittijiet tal-konsumatur li jirċievi informazzjoni relatata mal-ftehim ta’ kreditu. ( 24 )

    29.

    Għalhekk, il-ħtieġa li l-ftehim ta’ kreditu jrid jkun imniżżel fuq karta jimplika li jrid ukoll ikun bil-miktub – dan jaqbel mad-definizzjoni kwotidjana tar-rekwiżit fl-Artikolu 10(1) li l-ftehim ta’ kreditu jitniżżel bil-miktub fuq karta.

    30.

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tipprovdi li (u dan ġie kkonfermat mill-Gvern Slovakk u mill-Kummissjoni) li fil-verżjoni Slovakka tal-Artikolu 10(1), “fuq karta” hija espressa bħala “písomne” li tiġi tradotta b’mod letterali bħala “in writing” bl-Ingliż. Madankollu, jidher li l-kliem magħżul jista’ jirrifletti l-ħtieġa taħt il-liġi nazzjonali li d-dokument għandu jiġi ffirmat mill-partijiet fil-ftehim, iktar milli jkun strettament ekwivalenti għall-kliem “fuq karta” li jintuża f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2008/48. ( 25 )

    31.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li fejn ikun hemm diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi varji ta’ test leġiżlattiv tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-għan u l-iskema ġenerali tar-regoli li tifforma parti minnhom. ( 26 )

    32.

    Fil-kuntest tal-Artikolu 10(1) l-espressjoni “fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor” hija kunċett tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk irid ikollha l-istess definizzjoni fl-Istati Membri kollha. Mill-punti 24 u 26 iktar ’il fuq jirriżulta li dak il-kliem jirreferi għall-mezz li permezz tiegħu l-ftehim ta’ kreditu jingħata lill-konsumatur.

    33.

    Inżid ngħid li l-espressjoni “bil-miktub” ġiet interpretata bħala sinonimu għal “fuq karta” fil-kuntest tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar il-bejgħ mill-Bogħod. ( 27 ) Fil-kawża Content Services, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat jekk, billi tiġi segwita prattika ta’ negozju li fiha informazzjoni pre-kuntrattwali tat-tip spjegat fl-Artikolu 4(1) ta’ dik id-direttiva ssir disponibbli għall-konsumatur permezz ta’ hyperlink fuq sit tal-internet biss, dik l-impriża kkonċernata ssodisfatx il-ħtieġa li tiżgura li l-konsumatur irċieva konferma bil-miktub tal-informazzjoni obbligatorja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kliem “bil-miktub” jikkostitwixxi alternattiva għal “mezz durabbli ieħor”. ( 28 )

    34.

    Għalhekk, avolja l-verżjoni Slovakka tad-Direttiva tirreferi għall-obbligu fl-Artikolu 10(1) li jitfassal ftehim ta’ kreditu bħala li jkun “bil-miktub” minflok “fuq karta”, inqis dawk iż-żewġ espressjonijiet bħala li għandhom l-istess tifsira għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni.

    35.

    It-terminu “ftehim ta’ kreditu” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(c) tad-Direttiva 2008/48. Mill-kliem ċar tal-Artikolu 10(2) jirriżulta li l-informazzjoni inkluża fih għandha tkun inkluża f’kwalunkwe ftehim ta’ kreditu. Filwaqt li dik l-informazzjoni u l-ftehim ta’ kreditu nnifsu mhux neċessarjament għandhom għalfejn ikunu f’dokument wieħed, xorta waħda kwalunkwe ftehim għandu jitniżżel fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor sabiex ikun konformi mal-Artikolu 10(1).

    36.

    Dik l-opinjoni hija msaħħa bl-iskema tad-Direttiva 2008/48. L-informazzjoni prekuntrattwali rregolata mill-Artikolu 5 ma għandhiex għalfejn tkun provduta fl-istess dokument bħal dak li jkopri l-offerta [Artikolu 5(1)]. Dik l-informazzjoni hija pprovduta f’dokument personalizzat — “Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur” ( 29 ) Għalhekk ma hijiex inkonsistenti mal-iskema leġiżlattiva tad-Direttiva 2008/48 għall-informazzjoni obbligatorja sabiex tkun ipprovduta f’dokument li huwa separat mill-ftehim tal-kreditu nnifsu.

    37.

    Ma hemm xejn fl-Artikolu 10 li jindika li ftehim ta’ kreditu għandu jkun iffirmat mill-partijiet jew li għandu jkun dokument singlu. ( 30 ) Il-kliem li jindika li l-Artikolu 10 huwa “mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu”, moqri flimkien mal-premessa 30, li tipprovdi li d-Direttiva 2008/48 ma tirregolax kwistjonijiet tad-dritt kuntrattwali relatati mal-validità ta’ ftehim ta’ kreditu, jissuġġerixxi li materji li jikkonċernaw il-formalità ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ma humiex koperti minn dik id-dispożizzjoni.

    38.

    Il-grad li fih Stati Membri jżommu diskrezzjoni biex isostnu jew jintroduċu regoli nazzjonali relatati għal ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur hija kwistjoni kontenzjuża. Huwa diffiċli li tidentifika bi preċiżjoni l-punt fejn regoli armonizzati jeliminaw tali diskrezzjoni – madankollu dak hu preċiżament il-punt li dwaru l-qorti tar-rinviju titlob gwida.

    39.

    Mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 interpretat fid-dawl tal-premessa 9 jew 10, isegwi li d-direttiva tipprovdi għal armonizzazzjoni sħiħa dwar il-ftehim ta’ kreditu li jaqa’ taħt il-portata tagħha. B’hekk, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati li japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali ħlief dawk mogħtija bid-Direttiva 2008/48 fir-rigward ta’ materji li huma armonizzati. ( 31 )

    40.

    Madankollu, mill-Artikolu 1 huwa ċar li d-Direttiva 2008/48 tarmonizza biss ċerti aspetti tar-regoli tal-Istati Membri li jikkonċernaw ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur. Fejn ma hemmx armonizzazzjoni, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li japplikaw jew jintroduċu regoli nazzjonali.

    41.

    Hawn, huwa aċċettat li l-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidħol fil-portata tad-Direttiva 2008/48. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi aċċertat l-iskop tal-armonizzazzjoni taħt ir-regoli tal-Unjoni.

    42.

    Mill-kliem tal-Artikolu 10(1) u (2) isegwi li d-Direttiva 2008/48 tarmonizza t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu; kull wieħed mit-22 element elenkat fid-dispożizzjoni tal-aħħar għandu jingħata lill-konsumatur fil-ftehim ta’ kreditu. Id-Direttiva 2008/48 tipprovdi wkoll kif l-informazzjoni mogħtija fl-Artikolu 10(2) għandha tiġi pprovduta (fuq karta jew mezz durabbli ieħor) u tirrikjedi li tkun speċifikata “[…] f’manjiera ċara u konċiża […]”.

    43.

    Filwaqt li huwa minnu li d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi r-rekwiżiti formali f’setturi oħrajn, bħal ma hemm f’talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea, ( 32 ) tali materji ta’ formalità rigward il-konklużjoni ta’ kuntratti huma lil hinn mill-portata tad-Direttiva 2008/48. Għalhekk, kemm jekk il-ftehim ta’ kreditu huwa ffirmat u kemm jekk l-informazzjoni obbligatorja u t-termini li fuqhom jingħata l-kreditu huma mniżżla f’’dokument wieħed, ma humiex armonizzati bid-Direttiva 2008/48.

    44.

    Il-pożizzjoni eżatta taħt il-liġi nazzjonali Slovakka ma hijiex kompletament ċara. Minn naħa, il-Kodiċi Ċivili Slovakk jispeċifika li att legali f’forma miktuba huwa validu biss jekk huwa ffirmat mill-persuna(i) marbuta bih. ( 33 ) Min-naħa l-oħra, il-Kodiċi Kummerċjali Slovakk jidher li jippermetti termini ġenerali ta’ organizzazzjoni li jkunu inkorporati fi ftehim ta’ kreditu bħala parti minn dak il-ftehim permezz ta’ kontro-referenzi. ( 34 ) Il-liġi dwar kreditu għall-konsumatur tipprovdi x’għandu jitniżżel f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur. ( 35 ) Biss il-Qorti tal-Ġustizzja ma tafx eżattament kif dawn id-dispożizzjonijiet varji ta’ liġi nazzjonali jinteraġixxu.

    45.

    Il-fatti rrilevati fid-deċiżjoni tar-rinviju jindikaw li l-ftehim ta’ kreditu fin innifsu (li d-debitriċi ffirmatu) inkluda ċerti elementi ta’ informazzjoni obbligatorja speċifikati fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48. It-termini ġenerali ta’ negozju tal-kreditriċi, li jidher li inkludew uħud (forsi, mhux kollha) mill-elementi l-oħra tal-informazzjoni obbligatorja, ma ġewx iffirmati mid-debitriċi u mill-kreditriċi. Ma huwiex ċar jekk – u jekk iva, sa liema punt – il-ftehim ta’ kreditu ffirmat ġibidx l-attenzjoni tad-debitriċi dwar fejn eżattament kienu jinsabu fi ħdan it-termini ġenerali ta’ negozju l-elementi ta’ informazzjoni obbligatorja li ma kinux inklużi fil-ftehim ta’ kreditu ffirmat.

    46.

    B’hekk, sabiex nassisti lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-għoti ta’ gwida lill-qorti nazzjonali, nindirizza l-problema kif ġej.

    47.

    L-ewwel nett, regola nazzjonali li teżiġi l-għoti tal-informazzjoni obbligatorja kollha bil-miktub f’dokument singlu u ffirmat, hija prekluża bid-Direttiva 2008/48?

    48.

    Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda hija “le”. L-informazzjoni obbligatorja tkun fuq karta u tingħata kollha kemm hi lill-konsumatur, u b’hekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 10(1) u (2). L-attenzjoni tal-konsumatur tkun diretta lejn l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tippermettilu jagħmel għażla informata peress li dik l-informazzjoni tkun f’dokument singlu. Tali rekwiżit fil-liġi nazzjonali jkun għalhekk jgħin l-għan tad-direttiva li teżiġi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u ma timpedixxix, sa fejn nista’ nara jien, l-għanijiet l-oħra tad-direttiva, fosthom il-promozzjoni tas-suq wieħed. ( 36 ) Filwaqt li d-Direttiva 2008/48 ma fiha l-ebda rekwiżit li l-informazzjoni obbligatorja kollha għandha tkun f’dokument singlu ffirmat, lanqas ma tipprojbixxi tali arranġament.

    49.

    Dan ma jfissirx li l-Istati Membri jibqgħu kompletament ħielsa li jimponu formalitajiet addizzjonali dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur. Tant sabiex tingħata illustrazzjoni waħda: waqt is-smigħ il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet jekk ikunx aċċettabbli li tinsisti li kull kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur ikun iffirmat miż-żewġ partijiet fil-preżenza ta’ nutar. Arranġament bħal dan jista’ fil-fatt itejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, dan ivarja l-bilanċ milħuq bid-direttiva bejn iż-żewġ għanijiet ta’ protezzjoni għolja lill-konsumatur u l-promozzjoni tal-operat ta’ suq wieħed, għad-detriment ovvju ta’ dan tal-aħħar. Ikun jobbliga liż-żewġ partijiet (iżda l-oneru jkun probabbilment jaqa’ primarjament fuq il-kredituri) sabiex jirrispettaw il-formalitajiet li rriżultaw fi spiża ferm ikbar; u li pjuttost tista’ topera għad-detriment tal-kredituri bbażati fi Stat Membru differenti mill-konsumatur. Għal dik ir-raġuni, nikkunsidra li tali rekwiżit jaqa’ ’l barra mill-marġni ta’ diskrezzjoni li għadha titgawda mill-Istati Membri fil-formulazzjoni tar-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali għall-konklużjoni ta’ kuntratti bħal dawn.

    50.

    Fit-tieni nett, regola nazzjonali li tippermetti li elementi tal-informazzjoni obbligatorja li jkunu mogħtija fuq karta fit-termini ġenerali tan-negozju lid-debitur, minflok fil-ftehim ta’ kreditu tal-konsumatur (iffirmat) innifsu, hija prekluża bid-Direttiva 2008/48?

    51.

    Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal dik id-domanda hija mill-ġdid “le”, suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet addizzjonali. Bħal qabel, l-informazzjoni obbligatorja tkun fuq karta u tkun ipprovduta kollha kemm hi lill-konsumatur (għalkemm maqsuma bejn żewġ dokumenti), u b’hekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(1) u (2). Sa hawn kollox sew. Madankollu, meta l-informazzjoni tkun maqsuma bejn żewġ dokumenti, hemm riskju ovvju li fil-fatt il-konsumatur ma jitqiegħedx f’pożizzjoni li fiha jista’ jagħmel evalwazzjoni sħiħa, informata u fil-ħin tal-ftehim li jkun qed jiġi propost lilu, kif intiż mid-Direttiva 2008/48.

    52.

    Għalhekk, nikkunsidra li l-kundizzjonijiet minimi addizzjonali segwenti għandhom ikunu fis-seħħ – jiġifieri, imniżżla fil-liġi nazzjonali – sabiex arranġament bħal dan ikun aċċettabbli: (i) id-dokumenti separati li flimkien jinkludu l-informazzjoni obbligatorja kollha trid tiġi pprovduta lill-konsumatur fl-istess ħin u qabel il-konklużjoni tal-kuntratt (sabiex tippermetti lill-konsumatur li jevalwa l-arranġament propost qabel hu jew hi taqbel li tintrabat bih); (ii) il-ftehim ta’ kreditu nnifsu għandu jinkludi kontro-referenzi ċari u preċiżi għas-sezzjonijiet speċifiċi korretti tat-termini ġenerali tan-negozju tal-kreditur, u b’hekk jippermetti lill-konsumatur li jidentifika eżattament fejn isib kull waħda mill-elementi tal-informazzjoni obbligatorja li ma kinitx fil-ftehim ta’ kreditu; ( 37 ) (iii) għandu jkun hemm xi forma ta’ prova ċara li fil-fatt il-konsumatur ġie pprovdut fi żmien xieraq (u f’kull każ qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur) bit-totalità tal-informazzjoni obbligatorja.

    53.

    Hija għall-qorti nazzjonali, li waħidha hija kemm ġudikant tal-fatti u kompetenti li tinterpreta kif topera liġi nazzjonali, li tevalwa jekk ir-regoli nazzjonali humiex konformi ma’ din il-gwida u jekk, għalhekk, huma jew mhumiex preklużi bid-Direttiva 2008/48.

    54.

    Jien għalhekk nikkonkludi li l-kliem “fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 ikopri kemm it-termini tal-ftehim ta’ kreditu konkluż mill-partijiet u l-elementi ta’ informazzjoni mniżżla fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 li jkopru parti mill-ftehim ta’ kreditu. Ma huwiex rekwiżit tal-Artikolu 10 li l-ftehim ta’ kreditu għandu jiġi ffirmat mill-partijiet jew li l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 10(2) għandha tiġi pprovduta f’dokument wieħed. Regola nazzjonali li tirrikjedi li l-informazzjoni obbligatorja kollha għandha tingħata bil-miktub f’dokument singlu u ffirmat ma hijiex prekluża bid-Direttiva 2008/48. Regola nazzjonali li tippermetti li elementi ta’ informazzjoni obbligatorja jingħataw fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor fit-termini ġenerali tan-negozju tal-kreditur, minflok fil-ftehim (iffirmat) ta’ kreditu tal-konsumatur innifsu, hija wkoll mhux prekluża bid-Direttiva 2008/48, kemm-il darba jkunu fis-seħħ tal-inqas il-kundizzjonijiet segwenti: (i) id-dokumenti separati li jinkludu l-informazzjoni obbligatorja għandhom jiġu pprovduti lill-konsumatur fl-istess ħin u qabel il-konklużjoni tal-ftehim; (ii) il-ftehim ta’ kreditu għandu jinkludi kontro-referenzi ċari u preċiżi għall-informazzjoni obbligatorja u jindika fejn din tinstab fit-termini ġenerali ta’ negozju tal-kreditur; u (iii) il-kreditur għandu jkun f’pożizzjoni jġib prova li huwa għadda l-informazzjoni obbligatorja lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-ftehim. Hija għall-qorti nazzjonali li tevalwa jekk ir-regoli nazzjonali humiex konformi ma’ dawk il-kundizzjonijiet u jekk, għalhekk, humiex jew le preklużi bid-Direttiva 2008/48.

    It-3 u r-4 domanda – informazzjoni obbligatorja li tikkonċerna l-frekwenza ta ’ pagamenti [Artikolu 10(2)(h)]

    55.

    L-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi li “l-ammont, in-numru u l-frekwenza ta’ pagament li għandhom isiru mill-konsumatur” huwa element ta’ informazzjoni obbligatorja li jrid jiġi mogħti lill-konsumatur. Ma jipprovdix li l-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika kull data li fiha l-pagament ikun dovut. Hemm ċerta sovrapożizzjoni bejn l-informazzjoni li trid tingħata lill-konsumatur bħala informazzjoni prekuntrattwali (Artikolu 5) u dik fil-mument li jkun konkluż il-kuntratt (Artikolu 10). ( 38 ) Dan jaqbel mal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur tad-Direttiva 2008/48. Il-konsumatur irid ikun jaf meta l-pagamenti lura tal-kreditu huma dovuti. Madankollu, jekk il-kreditur juża kriterji oġġettivament aċċertabbli, dak l-għan jintlaħaq. Metodu ovvju huwa li tirreferi għall-kalendarju u tuża formulazzjoni bħal dik li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju – pereżempju, “pagamenti mensili huma dovuti sa massimu tal-15-il jum ta’ kull xahar kalendarju”.

    56.

    L-istorja tal-leġiżlazzjoni turi li l-obbligu li tispeċifika l-ammont, in-numru u l-frekwenza jew dati tal-pagamenti kien introdott l-ewwel darba bid-Direttiva 90/88/KEE, ( 39 ) li inserietu fl-Artikolu 4(2)(c) tad-Direttiva 87/102/KEE. ( 40 ) Kredituri kienu espressament mogħtija l-għażla li jispeċifikaw jew in-numru u l-frekwenza ta’ pagamenti jew id-dati. Ma narax li l-kliem kurrenti użat b’xi mod introduċa rekwiżit (ġdid) li jagħmilha obbligatorja li tispeċifika dati.

    57.

    Għaldaqstant nikkonkludi li l-espressjoni “frekwenza ta’ pagamenti” fl-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 ma jirrikjedix lill-kreditur li jindika d-data eżatta li fiha għandu jsir kull pagament tal-ftehim ta’ kreditu.

    Il-5 u s-6 domanda – informazzjoni obbligatorja li tikkonċerna tabella ta ’ ammortizzazzjoni [Artikolu 10(2)(i)]

    58.

    Meta s-somma prinċipali tkun ammortizzata taħt ftehim ta’ kreditu b’tul taż żmien fiss, konsumatur għandu dritt li jirċievi fuq talba, mingħajr ħlas f’kull ħin matul iż-mien kollu tal-ftehim ta’ kreditu, rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk tabella bħal din għandhiex ukoll tkun inkluża fil-ftehim ta’ kreditu konkluż bejn il-partijiet.

    59.

    Fil-fehma tiegħi ma għandhiex.

    60.

    L-Artikolu 10(2)(i) jarmonizza ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw ir-rekwiżit li tiġi pprovduta tabella ta’ ammortizzazzjoni u l-kontenut ta’ dik it-tabella. B’hekk, ir-regoli dwar meta tabella tista’ tiġi mitluba u l-informazzjoni li għandha tinkludi huma armonizzati b’mod sħiħ.

    61.

    Mill-kliem tal-Artikolu 10(2)(i) isegwi li l-konsumatur għandu d-dritt jitlob tabella ta’ ammortizzazzjoni f’kull ħin matul il-perijodu tal-ftehim ta’ kreditu. Kieku l-kredituri kienu biss obbligati li jipprovdu tabella meta l-ftehim ta’ kreditu huwa ffirmat, il-kliem “[…] id-dritt tal-konsumatur li jirċievi, fuq talba u mingħajr ħlas, f’kull ħin matul iż-mien kollu tal-ftehim ta’ kreditu, rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ amortizzament”, tkun titqies superfluwa u d-dritt li l-konsumatur igawdi b’konsegwenza jkun sinifikattivament inqas utli. Tabella ta’ ammortizzazzjoni mogħtija fil-bidu ta’ ftehim ta’ kreditu hija ftit iktar minn dikjarazzjoni ta’ intenzjoni ta’ dak li jkun ġej. Ma tgħinx lill-konsumatur jara kif miexi fil-ħlas lura tal-kreditu. Għal dak l-iskop, irid jitlob tabella aġġornata.

    62.

    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bl-Artikolu 10(3) li, moqri flimkien mal-Artikolu 10(2)(i), jissuġġerixxi li l-kreditur huwa meħtieġ li jagħti lid-debitur tabella ta’ ammortizzazzjoni aġġornata fuq talba ta’ dan tal-aħħar.

    63.

    Għaldaqstant nikkonkludi li l-Artikolu 10(2)(i) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser li tabella ta’ ammortizzazzjoni għandha tiġi pprovduta f’ċirkustanza ta’ ammortizzazzjoni tal-kapital fi ftehim ta’ kreditu għal tul fiss u li l-konsumatur ikun talab tabella ta’ ammortizzazzjoni. Fin-nuqqas ta’ dawk iż-żewġ kundizzjonijiet, il-kredituri ma humiex obbligati li jipprovdu din l-informazzjoni skont id-Direttiva 2008/48. Madankollu, ma nistax nara kif regola nazzjonali li tipprovdi għal tabella addizzjonali li tiġi mogħtija fil-bidu tal-ftehim ta’ kreditu tista’ ddgħajjef xi wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2008/48. Għaldaqstant ma nikkunsidrax li l-Istati Membri huma preklużi milli jintroduċu regola li tobbliga lill-kredituri jagħmlu dan.

    Is-7 domanda – proporzjonalità ta ’ penalità nazzjonali

    64.

    Permezz tal-aħħar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Punt 11 tal-Liġi dwar il-kreditu għall-konsumatur, li jippenalizza ksur tal-obbligu tal-kreditur li jipprovdi informazzjoni elenkata fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 (traspost mil-Liġi tal-kreditu għall-konsumatur) billi jqis li l-kreditu mogħti huwa mingħajr interessi u ħieles minn kull spiża ( 41 ) (sabiex id-debitur ikun meħtieġ biss li jħallas lura l-kapital), jissodisfax it-test ta’ proporzjonalità fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48.

    65.

    Id-domanda hija magħmula f’termini ġenerali u astratti ħafna. Sa ċertu punt dan huwa inevitabbli. Il-qorti nazzjonali għad ma kellhiex il-gwida neċessarja mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippermettilha tiddeċiedi dwar jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, li jirrigwardaw il-kontenut ta’ ftehim ta’ kreditu kif traspost fil-liġi nazzjonali, humiex milħuqa. U sakemm ma hemmx ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dawk ir-rekwiżiti obbligatorji, ma hemm l-ebda skop li jiġu applikati sanzjonijiet. Madankollu, ċertament id-domanda ma hijiex ipotetika jew irrilevanti għall-eżitu tal-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali. Jekk il-qorti nazzjonali tiddeċiedi li kien hemm ksur, tkun trid tapplika penalità “effettiva, proporzjonata u dissważiva”.

    66.

    L-Artikolu 23 tad-Direttiva jipprovdi li s-sistema ta’ penalitajiet, applikabbli meta hemm ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jispeċifikaw l-informazzjoni obbligatorja li għandha tkun inkluża fi ftehim ta’ kreditu, għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva; u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn ir-regoli jiġu implementati. Fi ħdan dawn il-limiti, l-għażla ta’ penalitajiet tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. ( 42 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet ukoll li l-ħruxija tal-penalitajiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li jissanzjonaw, b’mod partikolari, billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità. ( 43 )

    67.

    Is-sanzjoni deskritta mill-qorti nazzjonali għandha l-effett li tneħħi kull profitt mit-tranżazzjoni għall-kreditur (jew, impoġġija ftit differenti, tobbligah li jċedi d-dħul li s-somma mislufa kienet ser iġġib) u li titlob minnu li jbati l-ispejjeż assoċjati mal-ġestjoni tal-kreditu u l-ġbir ta’ ħlasijiet lura tal-kapital mingħand id-debitur. Jidher intuwittivament plawżibbli li taħseb li tali sanzjoni tkun x’aktarx kemm effettiva u dissważiva.

    68.

    X’jingħad fuq il-proporzjonalità ta’ din is-sanzjoni?

    69.

    Hawn, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex eżattament quddiemha l-materjal fattwali u legali neċessarju biex tagħti risposta utli. ( 44 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tgħid biss (fil-kliem tad-domanda 7 innifisha) li d-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali hija waħda li “taħt l-assenza ta’ ħafna mill-elementi ta’ ftehim ta’ kreditu rikjesti fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva għandha l-konsegwenza li l-kreditu mogħti huwa meqjus mingħajr interessi u ħieles minn spejjeż” (enfasi miżjuda). Madankollu, ma huwiex ċar x’verament tfisser “ħafna mill-elementi”, jew jekk il-liġi nazzjonali titrattax uħud mit-22 element ta’ informazzjoni obbligatorja elenkati fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva bħala iktar kritiċi minn oħrajn (biex b’hekk l-ommissjoni tagħhom tkun iktar serja), jew x’inhu l-punt preċiż (f’termini ta’ serjetà tal-infrazzjoni) li fih tiskatta l-penalità.

    70.

    Għaldaqstant, nissuġġerixxi li, b’risposta għas-seba’ domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistieden lill-qorti nazzjonali tevalwa, f’kull każ partikolari, jekk l-elementi ta’ informazzjoni obbligatorja elenkati fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 li tħallew barra mill-ftehim ta’ kreditu tal-konsumatur kinux tali li jippreġudikaw b’mod sinifikanti l-abbiltà tal-konsumatur li jevalwa x-xewqa li jidħol għat-tranżazzjoni ta’ kreditu, sabiex tiddetermina jekk sanzjoni li l-effett tagħha huwa li tesiġi mal-kreditur li jċedi kull interessi u li jbati l-ispejjeż kollha assoċjati mal-ftehim ta’ kreditu hijiex proporzjonata, jew jekk hijiex xierqa sanzjoni inqas severa.

    Konklużjoni

    71.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni imsemmija iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi mressqa minn Okresný súd (Qorti tad-Distrett) Dunajská Streda, is-Slovakkja, kif ġej:

    Il-kliem “fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor” fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE jirreferu għall-mezz li fuqu l-ftehim ta’ kreditu huwa mfassal u mogħti lill-konsumatur. Dawk il-kliem ikopru kemm it-termini tal-ftehim ta’ kreditu konkluż bejn il-partijiet u l-elementi ta’ informazzjoni elenkati fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 li jkopru parti mill-ftehim ta’ kreditu. Ma huwiex rekwiżit tal-Artikolu 10 li l-ftehim ta’ kreditu għandu jiġi ffirmat mill-partijiet jew li l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandha tiġi pprovduta f’dokument singlu. Regola nazzjonali li tirrikjedi li l-informazzjoni obbligatorja kollha għandha tkun mogħtija bil-miktub f’dokument singlu u ffirmat ma hijiex prekluża bid-Direttiva 2008/48. Regola nazzjonali li tippermetti elementi ta’ informazzjoni obbligatorja li jiġu mogħtija fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor fit-termini ġenerali tan-negozju tal-kreditur, minflok fil-ftehim (iffirmat) ta’ kreditu tal-konsumatur innifsu, hija wkoll mhux prekluża bid-Direttiva 2008/48, kemm-il darba li tal-inqas il-kundizzjonijiet segwenti jkunu fis-seħħ: (i) id-dokumenti separati li jinkludu l-informazzjoni obbligatorja għandhom jiġu pprovduti lill-konsumatur fl-istess ħin u qabel il-konklużjoni tal-ftehim; (ii) il-ftehim ta’ kreditu għandu jinkludi kontro-referenzi ċari u preċiżi għall-informazzjoni obbligatorja u jindika fejn din tinstab fit-termini ġenerali ta’ negozju tal-kreditur; u (iii) il-kreditur għandu jkun f’pożizzjoni jġib prova li huwa għadda l-informazzjoni obbligatorja lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-ftehim. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk ir-regoli nazzjonali humiex konformi ma’ dawk il-kundizzjonijiet u jekk, għalhekk, humiex jew le preklużi bid-Direttiva 2008/48.

    L-espressjoni “frekwenza ta’ pagamenti” fl-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 ma tirrikjedix lill-kreditur li jindika d-data eżatta li fiha għandu jsir kull pagament tal-ftehim ta’ kreditu.

    L-Artikolu 10(2)(i) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat li jfisser li tabella ta’ ammortizzazzjoni għandha tiġi pprovduta f’ċirkostanza ta’ ammortizzazzjoni tal-kapital fi ftehim ta’ kreditu għal tul fiss u li l-konsumatur ikun talab tabella ta’ ammortizzazzjoni. Madankollu, id-Direttiva 2008/48 ma tipprekludix Stati Membri milli jirrikjedu lill-kredituri li jipprovdu tabella ta’ ammortizzazzjoni addizzjonali fil-bidu tal-ftehim ta’ kreditu.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, f’kull każ partikolari, jekk l-elementi ta’ informazzjoni obbligatorja elenkati fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 li tħallew barra mill-ftehim ta’ kreditu tal-konsumatur kinux tali li jippreġudikaw b’mod sinifikanti l-abbiltà tal-konsumatur li jevalwa x-xewqa li jidħol għat-tranżazzjoni ta’ kreditu, sabiex tiddetermina jekk sanzjoni li l-effett tagħha huwa li tesiġi mal-kreditur li jċedi kull interessi u li jbati l-ispejjeż kollha assoċjati mal-ftehim ta’ kreditu hijiex proporzjonata, jew jekk hijiex xierqa sanzjoni inqas severa.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008 L 133, p. 66) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/48”).

    ( 3 ) Premessi 7, 8, 9 u 10.

    ( 4 ) Premessa 19.

    ( 5 ) Premessa 30.

    ( 6 ) Premessa 31.

    ( 7 ) Premessa 47.

    ( 8 ) Ara wkoll l-Anness II bit-titolu “Informazzjoni Standard Ewropea Dwar il-Kreditu lill-Konsumatur”.

    ( 9 ) Dawk id-dispożizzjonijiet jittrattaw rispettivament ma’: ftehim ta’ kreditu fil-forma ta’ faċilità ta’ overdraft (Artikoli 6 u 12); ir-rata tas-self [Artikolu 11(1)]; ftehim ta’ kreditu bla skadenza fissa [Artikolu 13(1) u (2)]; id-dritt ta’ rtirar [Artikolu 14(3)(a)]; overrunning [Artikolu 18(1) u (2)]; u ċerti obbligi ta’ intermedjarji ta’ kreditu fil-konfront tal-konsumaturi [Artikolu 21(b)].

    ( 10 ) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3 p. 319) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Dwar Bejgħ mill-Bogħod”). Dik id-direttiva issa ġiet irrevokata u sostitwita mid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011 L 304, p. 64).

    ( 11 ) Fl-Artikolu 4 hemm firxa ta’ informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-identità tal-fornitur, il-karatteristiċi tal-oġġetti jew servizzi, il-prezz, l-ispejjeż ta’ kunsinna, l-arranġament għall-ħlas u l-eżistenza ta’ dritt ta’ rtirar.

    ( 12 ) L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/83 (suċċessur tad-Direttiva 97/7) jistabbilixxi l-ħtieġa li informazzjoni għandha tiġi pprovduta “[…] fuq karta jew jekk il-konsumatur jaqbel, fuq mezz ieħor li jservi għal żmien twil”.

    ( 13 ) Občiansky zákonník Zákon č. 40/1964 Zb. (Liġi Nru 40/1964, kif emendata sussegwentement).

    ( 14 ) Artikolu 40(3) tal-Kodiċi Ċivili Slovakk.

    ( 15 ) Obchodný zákonník [Liġi Nru 513/1991 (zákon č. 513/1991 Zb.), kif emendata sussegwentement]. Ara l-Artikolu 273 tal-Kodiċi Kummerċjali Slovakk.

    ( 16 ) Zákon č. 129/2010 Z. z. o spotrebiteľských úveroch a o iných úveroch a pôžičkách pre spotrebiteľov a o zmene a doplnení niektorých zákonov (Liġi Nru 129/2010 dwar kreditu tal-konsumatur u krediti u self ieħor għall-konsumaturi u li temenda u tissupplimenta ċerti liġijiet (iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar kreditu tal-konsumatur”). Ara l-Artikolu 9 tal-Liġi dwar kreditu tal-konsumatur.

    ( 17 ) Artikolu 9(2)(k) tal-Liġi dwar kreditu tal-konsumatur.

    ( 18 ) Nifhem li “ammortizzament” f’dan il-kuntest tirreferi għat-tnaqqis tad-dejn permezz ta’ pagamenti perijodiċi tas-somma prinċipali u interessi.

    ( 19 ) Artikolu 9(2)(l) tal-Liġi dwar kreditu tal-konsumatur.

    ( 20 ) Artikolu 11 tal-Liġi dwar kreditu tal-konsumatur.

    ( 21 ) Ara l-punti 14 u 15 iktar ’il fuq.

    ( 22 ) Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.

    ( 23 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services, C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 32.

    ( 24 ) Ara l-punt 7 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.

    ( 25 ) Pereżempju, il-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż. Ara wkoll il-punt 34 iktar ’il quddiem.

    ( 26 ) Sentenza tat-3 ta’ April 2008, Endendijk, C‑187/07, EU:C:2008:197, punt 22 sa 24.

    ( 27 ) Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.

    ( 28 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services, C‑49/11, EU:C:2012:419, punti 39 sa 42. Il-Kummissjoni tistqarr fil-proposta oriġinali tal-11 ta’ Settembru 2002 COM(2002) 443 finali; ĠU 2002 C 331E, p. 200 għal dak li sussegwentement sar id-Direttiva 2008/48 li d-definizzjoni ta’ “mezz durabbli” hija l-istess għal dik użata fid-Direttiva dwar il-Bejgħ mill-Bogħod, ara l-punt 13 iktar ’il fuq.

    ( 29 ) Anness II tad-Direttiva 2008/48.

    ( 30 ) L-unika referenza għal firma fid-Direttiva 2008/48 tinsab fil-premessa 37, fir-rigward tal-firma tal-konsumatur għal ftehimiet ta’ kreditu marbuta. Madankollu, din ir-referenza ma tirrigwardax ftehim bħal dan u għalhekk il-premessa 37 ma hijiex relevanti hawn.

    ( 31 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 38. Il-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni f’dak il-każ kien ’il barra mill-iskop tad-Direttiva 2008/48.

    ( 32 ) Ara, pereżempju l-Artikolu 7(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006 L 399, p. 1). L-għan tar-regolament huwa, inter alia, li jissemplifika, jgħaġġel u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali li jikkonċernaw azzjonijiet pekunjarji li ma humiex ikkontestati.

    ( 33 ) Ara l-punt 14 iktar ’il fuq.

    ( 34 ) Ara l-punt 15 iktar ’il fuq.

    ( 35 ) Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.

    ( 36 ) Ara l-premessa 8 u 9 tad-Direttiva 2008/48.

    ( 37 ) Lord Denning darba qal, dwar “kundizzjoni ġenerali” wiesgħa li tagħti x’tifhem li teskludi responsabbiltà statutorja għal danni fuq korriment personali murija fuq tabella f’parkeġġ u li kien jinftiehem li kienet “inkorporata” fil-kuntratt tal-parkeġġ minn ċerti kliem b’tipa żgħira fuq il-biljett maħruġ minn magna awtomatika, li kienet “tant wiesgħa u tant distruttiva għad-drittijiet li l-qorti ma għandhiex iżżomm persuna marbuta biha sakemm ma tkunx inġibdet l-attenzjoni tagħha bl-iktar mod espliċitu [……] Sabiex jingħata avviż suffiċjenti, trid tiġi stampata b’inka ħamra b’id ħamra tipponta lejha – jew xi ħaġa ugwalment meraviljuża”, Thornton vs Shoe Lane Parking Ltd (C.A.) [1971] 2 Q.B. 163 f’170 C-D per Lord Denning M.R. Id-dictum kien ta’ pjaċir għal ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ studenti tad-dritt Ingliż. Hija wkoll osservazzjoni eminenti soda għall-ħtieġa li jiġi żgurat li l-parti iktar dgħajfa f’kuntratt ikollha l-attenzjoni miġbuda lejn kundizzjonijiet importanti li jorbtuha jekk tidħol fil-kuntratt.

    ( 38 ) Ara COM(2002) 443 finali, p. 16.

    ( 39 ) Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1990 li temenda d-Direttiva 87/102/KEE għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-kreditu tal-konsumatur (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 1, p. 374).

    ( 40 ) Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326).

    ( 41 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax, u għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taf xejn iktar dwar il-portata ta’ din id-dispożizzjoni.

    ( 42 ) Premessa 47; are wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 43.

    ( 43 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 44 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 37.

    Top