Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0827

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tat-13 ta’ Diċembru 2018 (Estratti).
    Deutsche Telekom AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni broadband – Aċċess minn impriżi terzi għan-‘netwerk lokali’ tal-operatur stabbilit f’dan is-suq – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Ksur uniku u kontinwu – Kunċett ta’ ‘abbuż’ – Rifjut ta’ aċċess – Kompressjoni tal-marġni – Kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni – Kriterju ta’ kompetitur daqstant effettiv – Drittijiet tad-difiża – Imputazzjoni lill-kumpannija omm tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha – Influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha – Eżerċizzju effettiv – Oneru tal-prova – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Multa distinta imposta biss fuq il-kumpannija omm bħala reċidiva u l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni.
    Kawża T-827/14.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:930

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

    13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

    “Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni broadband – Aċċess minn impriżi terzi għan-‘netwerk lokali’ tal-operatur stabbilit f’dan is-suq – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Ksur uniku u kontinwu – Kunċett ta’ ‘abbuż’ – Rifjut ta’ aċċess – Kompressjoni tal-marġni – Kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni – Kriterju ta’ kompetitur daqstant effettiv – Drittijiet tad-difiża – Imputazzjoni lill-kumpannija omm tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha – Influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha – Eżerċizzju effettiv – Oneru tal-prova – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Multa distinta imposta biss fuq il-kumpannija omm bħala reċidiva u l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni”

    Fil-Kawża T‑827/14,

    Deutsche Telekom AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Appel u D. Schroeder, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer, L. Malferrari, C. Vollrath u L. Wildpanner, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    Slovanet, a.s., stabbilita fi Bratislava (is-Slovakkja), irrappreżentata minn P. Tisaj, avukat,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament, totali jew parzjali, sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 7465 finali tal‑15 ta’ Ottubru 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39523 – Slovak Telekom), kif irrettifikata bid-Deċiżjoni C(2014) 10119 finali tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2484 finali tas‑17 ta’ April 2015 u sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti mill-imsemmija deċiżjoni,

    IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

    komposta minn M. van der Woude, li qed jaġixxi bħala President, S. Gervasoni, L. Madise, R. da Silva Passos (Relatur) u K. Kowalik-Bańczyk, Imħallfin,

    Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑19 ta’ April 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza ( 1 )

    I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, Deutsche Telekom AG, hija l-operatur stabbilit ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Ġermanja u l-kumpannija li tmexxi tal-grupp Deutsche Telekom. Sa mill‑4 ta’ Awwissu 2000 u matul il-perijodu kollu rilevanti ta’ din il-kawża, hija kellha 51 % tal-ishma fil-kapital ta’ Slovak Telekom a.s., li hija l-operatur ta’ telekomunikazzjonijiet stabbilit fis-Slovakkja. Il-parti l-oħra tal-kapital ta’ Slovak Telekom kien tal-Ministeru għall-Ekonomija tar-Repubblika Slovakka, inkwantu għal 34 %, u tal-Fond tal-Patrimonju Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka, inkwantu għal 15% (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Istat Slovakk”).

    2

    Fil‑15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni C(2014) 7465 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT. 39523 – Slovak Telekom), irrettifikata bid-Deċiżjoni tagħha C(2014) 10119 finali tas‑16 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll bid-Deċiżjoni tagħha C(2015) 2484 finali tas‑17 ta’ April 2015, indirizzata lir-rikorrenti kif ukoll lil Slovak Telekom (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Fis‑26 ta’ Diċembru 2014, Slovak Telekom ippreżentat rikors separat li permezz tiegħu hija titlob ukoll l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑851/14).

    A. Kuntest teknoloġiku, fattwali u regolamentari tad-deċiżjoni kkontestata

    3

    Slovak Telekom, li hija s-suċċessur indirett tal-impriża pubblika tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet li spiċċat fl-1992, hija l-ikbar operatur ta’ telekomunikazzjonijiet u tipprovdi aċċess għall-broadband fis-Slovakkja. Il-monopolju legali li minnu kienet tgawdi fis-suq Slovakk ta’ telekomunikazzjonijiet spiċċa fl-2000. Ir-rikorrenti toffri varjetà sħiħa ta’ servizzi ta’ data u ta’ servizzi bil-vuċi, u għandha u topera netwerks fissi tar-ram u tal-fibra ottika, kif ukoll netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli. In-netwerks tar-ram u dak mobbli ikopru kważi t-territorju kollu tas-Slovakkja.

    4

    Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-prattiki antikompetittivi fis-suq Slovakk tas-servizzi tal-broadband internet. Hija tirrigwarda, essenzjalment, il-kundizzjonijiet stabbiliti minn Slovak Telekom għall-aċċess separat ta’ operaturi oħra għan-netwerk lokali tar-ram, fis-Slovakkja, bejn l-2005 u l-2010.

    5

    In-netwerk lokali huwa ċ-ċirkwit fiżiku ta’ par metalliku milwi (imsejjaħ ukoll “il-linja”) li jgħaqqad il-punt ta’ terminazzjoni tan-netwerk fil-bini tal-abbonat mal-frame prinċipali ta’ distribuzzjoni jew ma’ kull installazzjoni oħra ekwivalenti fin-netwerk telefoniku pubbliku fiss.

    6

    L-aċċess separat għan-netwerk lokali jippermetti lill-operaturi li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq – normalment imsejħa “operaturi alternattivi”, b’differenza mill-operaturi stabbiliti tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet – li jużaw l-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet diġà eżistenti u li jappartjenu lil dawn l-operaturi stabbiliti, sabiex joffru diversi servizzi lill-utenti finali, f’kompetizzjoni mal-operaturi stabbiliti. Fost is-servizzi differenti ta’ telekomunikazzjonijiet li jistgħu jiġu pprovduti lill-utenti finali permezz tan-netwerk lokali hemm it-trażmissjoni tad-data broadband għal aċċess fiss għall-internet u għall-applikazzjonijiet tal-multimedjali mit-teknoloġija tal-linja diġitali tal-abbonat (digital subscriber line jew DSL).

    7

    L-aċċess separat għan-netwerk lokali huwa rregolat fil-livell tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, mir-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 83), u mid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349). Ir-Regolament Nru 2887/2000 jeħtieġ li l-operaturi li “għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq” jagħtu aċċess għan-netwerks lokali fosthom aċċess separat (unbundled local loop jew ULL) u li jippubblikaw offerta ta’ riferiment fil-qasam tal-aċċess separat. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew implimentati fis-Slovakkja permezz taz-Zákon z 3. decembra 2003 č. 610/2003 Z.z. o elektronických komunikáciách, v znení neskorších predpisov (il-Liġi Nru 610/2003, tat-3 ta’ Diċembru 2003, dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), kif emendata, li daħlet fis-seħħ, ħlief għal xi eċċezzjonijiet fl‑1 ta’ Jannar 2004.

    8

    Essenzjalment, dan il-qafas regolamentari jobbliga lill-operatur identifikat mill-awtorità regolatorja nazzjonali bħala l-operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq (b’mod ġenerali, l-operatur stabbilit) li jagħti lill-operaturi alternattivi l-aċċess separat għan-netwerk lokali tiegħu u għas-servizzi konnessi taħt kundizzjonijiet trasparenti, ġusti u nondiskriminatorji u li jżomm aġġornata offerta ta’ riferiment għal tali aċċess separat. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiżgura li t-tariffa għall-aċċess separat għan-netwerk lokali, ibbażata fuq l-ispejjeż, tiffavorixxi l-istabbiliment ta’ kompetizzjoni leali u fit-tul. Għal dan il-għan, l-awtorità regolatorja nazzjonali setgħet, b’mod partikolari, timponi bidliet fl-offerta ta’ riferiment.

    9

    Wara analiżi tas-suq, l-awtorità regolatorja nazzjonali Slovakka fil-qasam ta’ telekomunikazzjoni (iktar ’il quddiem it-“TUSR”) adottat, fit‑8 ta’ Marzu 2005, id-Deċiżjoni tal-Ewwel Istanza Nru 205/14/2005, li fiha hija identifikat lir-rikorrenti bħala operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq bl-ingrossa għall-aċċess separat għan-netwerk lokali, fis-sens tar-Regolament Nru 2887/2000. Konsegwentement, it-TUSR imponiet fuq ir-rikorrenti diversi obbligi, fosthom li tissottometti offerta ta’ riferiment fi żmien 60 ġurnata. Din id-deċiżjoni, ikkontestata mir-rikorrenti, kienet ikkonfermata mill-President tat-TUSR fl‑14 ta’ Ġunju 2005. Skont din id-deċiżjoni konfermattiva, ir-rikorrenti kellha tilqa’ t-talbiet kollha għal aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha kkunsidrati bħala raġonevoli u ġġustifikati, sabiex tippermetti lil operaturi alternattivi jużaw dan in-netwerk bil-għan li joffru s-servizzi tagħhom stess fis-“suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali)” tas-servizzi broadband f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja. Id-deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2005 obbligat ukoll lir-rikorrenti sabiex tippubblika l-bidliet kollha previsti għall-offerta ta’ riferiment fil-qasam tal-aċċess separat tal-inqas 45 ġurnata qabel u tissottomettihom lit-TUSR.

    10

    Slovak Telekom ippubblikat l-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam ta’ aċċess separat fit‑12 ta’ Awwissu 2005 (iktar ’il quddiem l-“offerta ta’ riferiment”). Din l-offerta, li kienet modifikata disa’ darbiet bejn din id-data u l-aħħar tal-2010, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet kuntrattwali u tekniċi għal aċċess għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom. Fil-livell tas-suq bl-ingrossa, ir-rikorrenti toffri aċċess għan-netwerks lokali fejn l-aċċess huwa sseparat fi jew ħdejn distributur prinċipali, li fuqu l-operatur alternattiv li jrid aċċess uża n-netwerk ċentrali tiegħu stess.

    11

    Skont id-deċiżjoni kkontestata, in-netwerk tan-netwerk lokali tar-rikorrenti, li jista’ jintuża sabiex jiġu pprovduti servizzi broadband wara l-aċċess separat tal-linji kkonċernati minn dan l-operatur, ikopri 75.7 % tad-djar kollha Slovakki matul il-perijodu ta’ bejn l-2005 u 2010. Din il-kopertura testendi għan-netwerks lokali kollha li jinsabu fin-netwerk ta’ aċċess metalliku ta’ Slovak Telekom li jistgħu jintużaw sabiex jittrażmettu sinjali broadband. Madankollu, matul dan l-istess perijodu, kienu biss ftit netwerks lokali ta’ Slovak Telekom li taw aċċess separat, sa mit-18 ta’ Diċembru 2009, u ntużaw biss minn operatur alternattiv wieħed sabiex jiġi pprovdut servizz bl-imnut ta’ broadband qawwi lil impriżi.

    B. Proċedura quddiem il-Kummissjoni

    12

    Il-Kummissjoni fetħet ex officio investigazzjoni li, b’mod partikolari, kellha bħala suġġett il-kundizzjonijiet ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom. Wara talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-operaturi alternattivi fit‑13 ta’ Ġunju 2008 u spezzjoni mingħajr avviż fl-uffiċċji ta’ Slovak Telekom bejn it‑13 u l-15 ta’ Jannar 2009, fit‑8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura kontra dan l-operatur, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament tagħha (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 TFUE] sa [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

    13

    L-investigazzjoni kompliet permezz ta’ talbiet għal informazzjoni supplimentari indirizzati lill-operaturi alternattivi u lit-TUSR, kif ukoll permezz ta’ spezzjoni b’avviż minn qabel fl-uffiċċji ta’ Slovak Telekom fit‑13 u fl-14 ta’ Lulju 2009.

    14

    F’diversi dokumenti ta’ riflessjoni indirizzati lill-Kummissjoni bejn il‑11 ta’ Awwissu 2009 u l‑31 ta’ Awwissu 2010, Slovak Telekom indikat li fil-fehma tagħha ma teżisti ebda bażi sabiex jiġi kkunsidrat li f’dan il-każ hija kisret l-Artikolu 102 TFUE.

    15

    Fil-kuntest tal-investigazzjoni, Slovak Telekom opponiet għall-provvista ta’ informazzjoni datata fil-perijodu preċedenti għall‑1 ta’ Mejju 2004, data tal-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni. Hija ppreżentat rikors għal annullament, minn naħa, kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 6840 tat‑3 ta’ Settembru 2009 dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) u tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif ukoll min-naħa l-oħra, kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 902 tat‑8 ta’ Frar 2010 dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Permezz tas-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑458/09 u T‑171/10, EU:T:2012:145), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet.

    16

    Fit‑13 ta’ Diċembru 2010, wara talbiet għal informazzjoni indirizzati lir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ kontra tagħha proċedura fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004.

    17

    Fis‑7 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni bagħtet lil Slovak Telekom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-għada, din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet intbagħtet lir-rikorrenti. F’din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet, preliminarjament, li Slovak Telekom kienet potenzjalment ħatja ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE minħabba prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni għal dak li jirrigwarda l-aċċess separat għan-netwerks lokali tan-netwerk tagħha kif ukoll l-aċċess bl-ingrossa għal broadband nazzjonali u reġjonali għall-kompetituri tagħha, kif ukoll għal rifjut ta’ aċċess lill-operaturi alternattivi għal ċerti prodotti bl-ingrossa. Hija kkonkludiet ukoll, preliminarjament, li r-rikorrenti kienet potenzjalment responsabbli għal dan l-aġir li jikkostitwixxi ksur, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm ta’ Slovak Telekom matul il-perijodu tal-ksur.

    18

    Wara li kisbu aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni, Slovak Telekom u r-rikorrenti wieġbu kull waħda minnhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal‑5 ta’ Settembru 2012. Imbagħad inżammet seduta fis‑6 u 7 ta’ Novembru ta’ dik l-istess sena.

    19

    Fil‑21 ta’ Ġunju 2013, Slovak Telekom ssottomettiet lill-Kummissjoni proposta ta’ impenji intiżi sabiex iwieġbu għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, u talbitha tadotta deċiżjoni li taċċetta l-impenji fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 pjuttost milli deċiżjoni ta’ projbizzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat dawn l-impenji bħala insuffiċjenti u għalhekk iddeċidiet li tkompli bil-proċedura.

    20

    Il-Kummissjoni bagħtet lil Slovak Telekom u lir-rikorrenti, fis‑6 ta’ Diċembru 2013 u fl‑10 ta’ Jannar 2014 rispettivament, ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti intiża sabiex tippermettilhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-provi supplimentari miġbura wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni indikat li dawn il-provi, li għalihom ir-rikorrenti u Deutsche Telekom kellhom aċċess, setgħu jintużaw fl-eventwali deċiżjoni finali.

    21

    Slovak Telekom u r-rikorrenti wieġbu għall-ittra tal-espożizzjoni tal-fatti, fil‑21 ta’ Frar u fis‑6 ta’ Marzu 2014 rispettivament.

    22

    Waqt laqgħat li żammet ma’ Slovak Telekom fis‑16 ta’ Settembru 2014 u mar-rikorrenti fid‑29 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni pprovdietilhom informazzjoni dwar id-deċiżjoni li hija kienet ser tieħu abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003.

    C. Id-deċiżjoni kkontestata

    23

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-impriża li jifformaw Slovak Telekom u r-rikorrenti wettqet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tas-servizzi broadband fis-Slovakkja matul il-perijodu bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”).

    1.   Definizzjoni tas-swieq rilevanti u tal-pożizzjoni domandi ta’ Slovak Telekom fihom

    24

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat żewġ swieq ta’ prodotti kkonċernati, jiġifieri:

    is-suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) għas-servizzi ta’ broadband f’pożizzjoni fissa;

    is-suq bl-ingrossa tal-aċċess għan-netwerks lokali fejn l-aċċess huwa separat.

    25

    Skont id-deċiżjoni kkontestata, is-suq ġeografiku inkwistjoni jkopri t-territorju kollu tas-Slovakkja.

    26

    Il-Kummissjoni tikkonstata li, matul il-perijodu inkwistjoni, Slovak Telekom kellha pożizzjoni ta’ monopolju fis-suq bl-ingrossa għall-aċċess separat għan-netwerks lokali u li ma kinux jeżistu pressjonijiet diretti fil-forma ta’ kompetizzjoni reali jew potenzjali jew saħħa ta’ xiri kumpensatorja li jillimitaw is-saħħa ta’ din il-kumpannija fis-suq. Għalhekk, Slovak Telekom kienet tgawdi minn pożizzjoni dominanti f’dan is-suq matul il-perijodu inkwistjoni. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li Slovak Telekom kienet tgawdi minn pożizzjoni dominanti, matul dan il-perijodu, fis-suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) għas-servizzi broadband f’pożizzjoni fissa.

    2.   Aġir ta’ Slovak Telekom

    a)   Rifjut ta’ provvista ta’ aċċess separat għan-netwerks lokali ta’ Slovak Telekom

    27

    Il-Kummissjoni tirrileva, fl-ewwel parti tal-analiżi tagħha intitolata “Rifjut ta’ provvista”, li minkejja li diversi operaturi alternattivi kellhom interess kbir li jingħataw aċċess għan-netwerks lokali ta’ Slovak Telekom sabiex jikkompetu ma’ din tal-aħħar fis-suq bl-imnut tas-servizzi broadband, fl-offerta ta’ riferiment, dan l-operatur stabbilixxa modalitajiet u kundizzjonijiet abbużivi sabiex jirrendi tali aċċess inaċċettabbli. B’hekk Slovak Telekom tawlet, ikkumplikat u pprekludiet id-dħul fis-suq bl-imnut tas-servizzi broadband.

    28

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza l-ewwel nett, li l-aċċess separat għan-netwerk lokali minn operatur alternattiv jippreżumi li dan tal-aħħar jikseb minn qabel informazzjoni suffiċjenti u adegwata dwar in-netwerk tal-operatur stabbilit. Din l-informazzjoni għandha tippermetti lill-operatur alternattiv ikkonċernat jevalwa l-opportunitajiet kummerċjali tiegħu u jippjana mudelli ekonomiċi xierqa għas-servizzi bl-imnut futuri tiegħu bbażati fuq l-aċċess separat għan-netwerk lokali. Issa, f’dan il-każ, l-offerta ta’ riferiment ta’ Slovak Telekom ma kinitx tissodisfa dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni lill-operaturi alternattivi.

    29

    Għalhekk, minkejja r-rekwiżiti stabbiliti mill-qafas regolamentari rilevanti (ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq), din l-offerta ta’ riferiment ma pprovdietx informazzjoni bażika dwar il-pożizzjoni tal-punti ta’ aċċess fiżiċi u d-disponibbiltà tan-netwerks lokali f’partijiet ferm determinati tan-netwerk. L-operaturi alternattivi kellhom aċċess għal din l-informazzjoni biss jekk jitolbuha, bi ħlas ta’ tariffa, fil-ħamest ijiem wara d-dħul fis-seħħ ta’ ftehim ta’ kunfidenzjalità ma’ Slovak Telekom, u wara l-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja. Il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li dawn ir-rekwiżiti tawlu indebitament u kkumplikaw il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti lill-operaturi alternattivi u b’hekk iddisswadew lill-imsemmija operaturi milli jaċċedu għan-netwerks lokali ta’ Slovak Telekom.

    30

    Anki, f’każ ta’ aċċess wara talba, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni kkomunikata minn Slovak Telekom kienet insuffiċjenti. B’mod partikolari, Slovak Telekom ma kienet ikkomunikat ebda informazzjoni dwar id-disponibbiltà tan-netwerks lokali tagħha, filwaqt li din l-informazzjoni kienet primordjali sabiex tippermetti lill-operaturi alternattivi jippjanaw fil-ħin il-mudelli ekonomiċi tagħhom u jiddeterminaw il-potenzjal kummerċjali tal-aċċess separat. Il-Kummissjoni tikkunsidra li Slovak Telekom kellha tikkomunika mhux biss il-lista ta’ distributuri prinċipali u ta’ riżorsi simili, iżda wkoll id-deskrizzjoni tal-kopertura ġeografika tagħhom, informazzjoni dwar is-serje ta’ numri telefoniċi servuti minn dawn iċ-ċentri, l-użu effettiv ta’ cables (f’perċentwali) għat-teknoloġiji DSL, il-grad ta’ firxa ta’ apparat ta’ modulazzjoni b’impulsi kkodifikat (pulse code modulation jew PCM) fir-rigward tal-cables li jikkonnettjaw id-distributuri prinċipali differenti, l-ismijiet jew funzjonijiet tad-distributuri u l-mod li bih jintużaw fir-regolamenti tekniċi u metodoloġiċi tar-rikorrenti, jew anki t-tul massimu tan-netwerks lokali omoġenji. Barra minn hekk, Slovak Telekom kienet konxja sew tal-problema kkawżata lill-operaturi alternattivi minn dawn il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni u permezz tal-portata limitata tagħhom. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li minkejja li kien biss f’Mejju 2009 li Slovak Telekom ppubblikat mudell dwar it-talbiet għal aċċess separat li għandhom jiġu sottomessi mill-operaturi alternattivi, l-offerta ta’ riferiment fil-qasam tal-aċċess separat kienet tipprevedi mill-bidu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji fil-każ fejn it-talba għal aċċess titqies inkompleta.

    31

    It-tieni nett, skont id-deċiżjoni kkontestata, Slovak Telekom naqset, b’mod mhux inġustifikat, il-portata tal-obbligu tagħha fil-qasam tal-aċċess separat għan-netwerks lokali tagħha.

    32

    Għalhekk, fl-ewwel lok, Slovak Telekom eskludiet indebitament minn dan l-obbligu l-linji “passivi”, jiġifieri l-linji li filwaqt li jeżistu fiżikament, ma kinux użati. Billi għamlet dan, Slovak Telekom rriżervat għaliha kwantità sinjifikattiva ta’ klijenti potenzjali li ma kinux għadhom qed jixtru s-servizzi broadband tagħha, minkejja li jużaw in-netwerk tagħha, u dan minkejja li l-qafas regolamentari rilevanti ma jipprevedi ebda limitazzjoni tal-obbligu ta’ aċċess separat għal-linji attivi biss u li dan is-suq kien qed jikber b’mod sħiħ. Skont il-Kummissjoni, il-limitazzjoni applikata minn Slovak Telekom ma kinitx iġġustifikata minn xi raġuni teknika oġġettiva.

    33

    Fit-tieni lok, Slovak Telekom eskludiet b’mod inġustifikat mill-obbligu tagħha fil-qasam tal-aċċess separat is-servizzi li hija kklassifikat bħala “servizzi kunfliġġenti”, jiġifieri servizzi li hija setgħet tipproponi u li setgħu jkunu f’kunflitt mal-aċċess għan-netwerk lokali minn operatur alternattiv. Minbarra li l-kunċett innifsu ta’ servizzi kunfliġġenti huwa ambigwu, il-lista ta’ tali servizzi, stabbilita unilateralment minn Slovak Telekom kienet miftuħa, u konsegwentement tqajjem inċertezzi għall-operaturi alternattivi. Din il-limitazzjoni ċaħdet lill-operaturi alternattivi minn numru kbir ta’ klijenti potenzjali rriżervati għal Slovak Telekom, u għalhekk irtiraw mis-suq bl-imnut.

    34

    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tirrileva n-natura inġustifikata tar-regola imposta minn Slovak Telekom fl-offerta ta’ riferiment, li skontha 25 % biss tan-netwerks lokali kontenuti f’cable b’pari multipli seta’ jintuża għall-provvista ta’ servizzi broadband, sabiex jiġu evitati indħil u interferenzi. Din ir-regola ma tistax tiġi ġġustifikata għaliex għandha natura ġenerali u astratta u għalhekk ma tiħux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-cables u tal-kombinazzjoni konkreta ta’ tekniki ta’ trażmissjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li l-prattika fi Stati Membri oħra turi l-eżistenza ta’ alternattivi għal tali limitazzjonijiet ta’ aċċess astratti u upstream, bħall-prinċipju ta’ użu tal-cable 100 % flimkien mal-ġestjoni a posteriori tal-problemi konkreti kollha li jirriżultaw mill-interferenzi tal-ispektrum. Finalment, Slovak Telekom applikat għaliha nnifisha regola ta’ użu massimu tal-cable ta’ 63 %, inqas stretta minn dik li hija imponiet fuq l-operaturi alternattivi.

    35

    Finalment u t-tielet nett, Slovak Telekom stabbilixxiet fl-offerta ta’ riferiment diversi klawżoli u kundizzjonijiet inġusti fir-rigward tal-aċċess separat għan-netwerks lokali tagħha.

    36

    F’dan ir-rigward, u fl-ewwel lok, skont id-deċiżjoni kkontestata, fl-offerta ta’ riferiment Slovak Telekom inkludiet klawżoli u kundizzjonijiet inġusti dwar il-kollokazzjoni, iddefiniti f’din l-offerta bħala “il-provvista ta’ spazju u tal-apparat tekniku neċessarju għall-installazzjoni xierqa tal-apparat ta’ telekomunikazzjonijiet mill-fornitur awtorizzat bil-għan ta’ provvista ta’ servizzi lill-utenti finali mill-fornitur awtorizzat permezz ta’ aċċess għan-netwerk lokali”. Għalhekk, l-ostakolu maħluq għall-operaturi alternattivi jirriżulta b’mod iktar partikolari mill-elementi segwenti: (i) il-kundizzjonijiet li jistabbilixxu eżami preliminari tal-possibbiltajiet ta’ kollokazzjoni li ma kienx oġġettivament neċessarju; (ii) l-operaturi alternattivi setgħu jikkontestaw biss id-determinazzjoni tal-forma tal-kollokazzjoni deċiża minn Slovak Telekom permezz tal-ħlas ta’ spejjeż supplimentari; (iii) l-iskadenza tal-perijodu ta’ riżerva wara n-notifika lill-operatur alternattiv tal-avviż dwar ir-riżultat tal-eżami preliminari jew l-eżami ddettaljat, mingħajr ma jkun intlaħaq ftehim dwar il-kollokazzjoni, timplika li l-proċedura ta’ eżami preliminari jew ta’ eżami ddettaljat kellha tittieħed b’mod sħiħ; (iv) Slovak Telekom ma kienet marbuta b’ebda terminu f’każ ta’ eżamijiet ddettaljati addizzjonali li jirriżultaw min-negozjati, u kellha d-dritt li tirtira mingħajr spjegazzjoni u mingħajr konsegwenzi ġuridiċi proposta ta’ ftehim ta’ kollokazzjoni matul il-perijodu ta’ aċċettazzjoni tal-proposta mill-operaturi alternattivi fit-termini stabbiliti; (v) Slovak Telekom ma ntrabtet b’ebda skeda preċiża għall-implimentazzjoni tal-kollokazzjoni; (vi) Slovak Telekom imponiet unilateralment tariffi żleali u mhux trasparenti għall-kollokazzjoni.

    37

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirrileva li skont l-offerta ta’ riferiment, l-operaturi alternattivi kellhom jissottomettu previżjonijiet ta’ talbiet ta’ klassifikazzjoni tan-netwerk lokali tnax-il xahar minn qabel għal kull spazju ta’ kollokazzjoni, xahar wara xahar, qabel ma jkunu jistgħu jintroduċu talba ta’ klassifikazzjoni għall-aċċess għan-netwerk lokali korrispondenti. Issa, il-Kummissjoni tqis li tali rekwiżit jimponi li l-operaturi alternattivi jissottomettu previżjonijiet f’mument li fih ma humiex f’pożizzjoni li jqisu l-bżonnijiet tagħhom f’termini ta’ aċċess separat. Barra minn hekk, hija tikkritika l-fatt li l-ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ previżjoni jwassal għall-ħlas ta’ penalitajiet, kif ukoll in-natura vinkolanti tal-obbligu ta’ previżjoni u l-assenza ta’ terminu ta’ tweġiba min-naħa ta’ Slovak Telekom għal talba ta’ klassifikazzjoni, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ tali talba mal-volum previżjonali.

    38

    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proċedura obbligatorja ta’ klassifikazzjoni, li għandha tippermetti lill-operaturi alternattivi jiddeterminaw jekk netwerk lokali huwiex speċifiku għat-teknoloġija DSL jew kull teknoloġija oħra broadband li huma jista’ jkollhom l-intenzjoni li jużaw qabel ma jagħtu ordni fissa ta’ aċċess separat, kienet tali li dawn l-operaturi kienu skoraġġuti milli jitolbu aċċess separat għan-netwerks lokali ta’ Slovak Telekom. Għalhekk, filwaqt li taċċetta l-bżonn li tiġi vverifikata n-natura adegwata tan-netwerks lokali għall-aċċess separat jew il-kundizzjonijiet essenzjali minn qabel għall-aċċess separat għal linja speċifika, il-Kummissjoni tindika li s-separazzjoni ta’ din il-proċedura ta’ klassifikazzjoni mit-talba nnifisha ta’ aċċess għan-netwerk lokali tawlet mingħajr bżonn l-aċċess separat u wasslet għal spejjeż supplimentari għall-operaturi alternattivi. Barra minn hekk, diversi aspetti eżaminati fil-kuntest tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni għandhom natura superfluwa. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll in-natura inġustifikata tat-terminu ta’ validità tal-klassifikazzjoni ta’ netwerk lokali, limitat għal għaxart ijiem, li wara l-iskadenza tiegħu ma tistax tiġi ppreżentata talba għal aċċess.

    39

    Fir-raba’ lok, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-offerta ta’ riferiment ta’ Slovak Telekom kienet tinkludi kundizzjonijiet żvantaġġjużi għal dak li jirrigwarda t-tiswijiet, is-servizz u l-manutenzjoni minħabba (i) l-assenza ta’ definizzjoni xierqa ta’ “xogħlijiet skedati” u “mhux skedati”, (ii) in-nuqqas ta’ ċarezza fid-distinzjoni bejn “xogħlijiet mhux skedati” u sempliċi “difetti” li tista’ tagħti lok għal aġir inġustifikat min-naħa ta’ Slovak Telekom, (iii) termini qosra ħafna stabbiliti sabiex operatur alternattiv jiġi informat b’dawn ix-xogħlijiet kif ukoll sabiex jgħaddi din l-informazzjoni lill-klijenti ta’ dan tal-aħħar, u finalment, (iv) it-trasferiment tar-responsabbiltà fuq l-operatur alternattiv għall-interruzzjonijiet ta’ servizzi minħabba tiswija meta l-imsemmi operatur tqies mhux kooperattiv.

    40

    Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tikkunsidra żleali diversi modalitajiet u kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-garanzija bankarja meħtieġa minn kull operatur alternattiv li jixtieq jikkonkludi ma’ Slovak Telekom ftehim ta’ kollokazzjoni u finalment jikseb aċċess għan-netwerks lokali tagħha. B’hekk, qabel xejn, Slovak Telekom tgawdi marġni diskrezzjonali wiesa’ ħafna sabiex taċċetta jew tirrifjuta garanzija bankarja u ma hijiex suġġetta għall-osservanza ta’ ebda terminu f’dan ir-rigward. Imbagħad, l-ammont tal-garanzija, stabbilit fi EUR 66 387.84, huwa sproporzjonat meta mqabbel mar-riskji u l-ispejjeż sostnuti minn Slovak Telekom. Dan iktar u iktar, peress li l-offerta ta’ riferiment tippermetti lil Slovak Telekom tirrikjedi multiplikazzjoni ta’ din il-garanzija meta hija titlob dan, bl-ammont inizjali tal-garanzija jista’ jkun immultiplikat sa tnax-il darba. Barra minn hekk, Slovak Telekom setgħet titlob il-garanzija bankarja sabiex tkopri mhux biss in-nuqqas ta’ ħlas ta’ servizzi effettivi pprovduti minn din tal-aħħar, iżda wkoll kull talba għal kumpens tad-danni li hija tista’ tippreżenta. Iktar minn hekk, Slovak Telekom tista’ tattiva l-garanzija bankarja mingħajr ma turi li hija kienet innotifikat minn qabel lid-debitur, u barra minn hekk, l-imsemmi debitur ma jistax jopponi għal din it-talba tal-garanzija. Finalment, il-Kummissjoni tenfasizza li l-operaturi alternattivi ma jgawdu minn ebda garanzija komparabbli, minkejja li huma jistgħu jsofru telf minħabba l-aġir ta’ Slovak Telekom fil-qasam tal-aċċess separat għan-netwerks lokali.

    41

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn l-aspetti tal-aġir ta’ Slovak Telekom, ikkunsidrati flimkien, ikkostitwixxew rifjut minn dan l-operatur li jagħti aċċess separat għan-netwerks lokali tiegħu.

    b)   Kompressjoni tal-marġni tal-operaturi alternattivi fil-kuntest tal-provvista ta’ aċċess separat għan-netwerks lokali ta’ Slovak Telekom

    42

    Fit-tieni parti tal-analiżi tagħha tal-aġir ta’ Slovak Telekom, il-Kummissjoni ssostni l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni li tirriżulta mill-aġir ta’ dan l-operatur fir-rigward tal-aċċess separat għan-netwerks lokali tiegħu, li tikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. Għalhekk, id-differenza bejn il-prezzijiet mitluba minn Slovak Telekom għall-għoti ta’ tali aċċess lil operaturi alternattivi u l-prezzijiet mitluba għal klijenti tagħha stess kellha tkun jew negattiva jew insuffiċjenti sabiex tippermetti li operatur effikaċi daqs Slovak Telekom jkopri l-ispejjeż partikolari li din tal-aħħar għandha ssostni għall-provvista tal-prodotti jew is-servizzi tagħha stess fis-suq downstream, jiġifieri s-suq bl-imnut.

    43

    Fir-rigward ta’ xenarju fejn il-portafoll ta’ servizzi kkunsidrati jinkludi biss is-servizzi broadband, il-Kummissjoni tinnota li kompetitur daqstant effikaċi kellu, permezz ta’ aċċess separat għan-netwerks lokali ta’ Slovak Telekom, ikun f’pożizzjoni li jirriproduċi l-provvista kollha DSL bl-imnut ta’ Slovak Telekom kif evolviet maż-żmien. Issa, l-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena), sabiex jiġi kkalkolat il-marġni (jiġifieri il-kalkolu tal-marġni disponibbli għal kull sena matul il-perijodu ta’ bejn is-snin 2005 u 2010), juri li kompetitur effikaċi daqs Slovak Telekom kellu marġni negattivi u għalhekk ma setax jirriproduċi b’mod profittabbli l-portafoll ta’ servizzi broadband offrut minn Slovak Telekom fis-suq bl-imnut.

    44

    Fir-rigward ta’ xenarju fejn il-portafoll eżaminat jinkludi servizzi ta’ telefonija bil-vuċi flimkien ma’ servizzi broadband permezz ta’ aċċess totali għan-netwerk lokali, il-Kummissjoni tasal ukoll għall-konstatazzjoni li kompetitur effikaċi daqs Slovak Telekom ma setax minħabba prezzijiet mitluba minnha fis-suq upstream tal-aċċess separat, jeżerċita b’mod vijabbli attivitajiet fis-suq bl-imnut rilevanti matul il-perijodu ta’ bejn l-2005 u 2010. Għalhekk, kompetitur daqstant effettiv ma setax jirriproduċi b’mod vijabbli, matul dan il-perijodu, il-portafoll offrut minn Slovak Telekom. Iż-żieda ta’ servizzi multi-play ma’ dan il-portafoll ta’ riferiment, disponibbli sa mill-2007, ma tibdilx din il-konstatazzjoni.

    45

    Peress li matul il-proċedura amministrattiva, la Slovak Telekom u lanqas ir-rikorrenti ma ressqu ġustifikazzjoni oġġettiva għall-aġir tagħhom ta’ esklużjoni il-Kummissjoni tikkonkludi li l-aġir ta’ Slovak Telekom, matul il-perijodu inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat bħala kompressjoni abbużiva tal-marġni.

    3.   Analiżi tal-effetti antikompetittivi tal-aġir ta’ Slovak Telekom

    46

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn iż-żewġ tipi ta’ aġir ta’ Slovak Telekom, jiġifieri r-rifjut ta’ provvista ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali u l-kompressjoni tal-marġni ta’ operaturi alternattivi, setgħu jipprekludu l-operaturi alternattivi milli jibbażaw ruħhom fuq aċċess separat sabiex jidħlu fis-suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) fis-Slovakkja għas-servizzi broadband f’pożizzjoni fissa. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan l-aġir irrenda l-kompetizzjoni f’dan is-suq inqas effettiva, peress li ma kinitx teżisti alternattiva reali vijabbli għall-operaturi kompetituri għal aċċess broadband bl-ingrossa għat-teknoloġija DSL bbażata fuq l-aċċess separat għan-netwerks lokali. Barra minn hekk, l-impatt tal-aġir ta’ Slovak Telekom fuq il-kompetizzjoni kien ikbar peress li s-suq bl-imnut ta’ servizzi broadband kellu potenzjal qawwi ta’ tkabbir matul il-perijodu inkwistjoni.

    47

    Il-Kummissjoni żżid, essenzjalment, li konformement mal-kunċett tal-“iskala tal-investiment”, dan l-ostakolu tal-aċċess separat għan-netwerk lokali ċaħħad l-operaturi alternattivi minn sors ta’ dħul li kien jippermettilhom jagħmlu investimenti oħra fin-netwerk, b’mod partikolari billi jiżviluppaw in-netwerk ta’ aċċess tagħhom sabiex jikkonnettjaw direttament il-klijenti tagħhom.

    48

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-aġir antikompetittiv ta’ Slovak Telekom fis-suq tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) ta’ servizzi broadband f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja seta’ kellu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, u fid-dawl tal-kopertura ġeografika tagħha li tikkorrispondi għat-territorju kollu tas-Slovakkja, seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    4.   Destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u multi

    49

    Skont id-deċiżjoni kkontestata, matul il-perijodu inkwistjoni kollu, ir-rikorrenti mhux biss kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Slovak Telekom, iżda wkoll eżerċitat effettivament tali influwenza. Peress li r-rikorrenti u Slovak Telekom jagħmlu parti mill-istess impriża, it-tnejn huma responsabbli mill-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

    50

    Fir-rigward tas-sanzjoni ta’ dan il-ksur, il-Kummissjoni tindika li stabbilixxiet l-ammont tal-multi b’riferiment għall-prinċipji stabbiliti fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”).

    51

    Il-Kummissjoni tikkalkula, qabel kollox, l-ammont bażiku tal-multa, billi tieħu 10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul minn Slovak Telekom fis-suq tal-aċċess separat għan-netwerk lokali u tal-broadband bl-imnut għas-servizzi fissi matul l-aħħar sena fiskali sħiħa tal-parteċipazzjoni fil-ksur tagħha, f’dan il-każ l-2010, u timmultiplika d-dħul hekk miksub b’ 5.33 sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur (ħames snin u erba’ xhur). L-ammont bażiku miksub fl-aħħar ta’ dan il-kalkolu jammonta għal EUR 38838000. Din hija l-ewwel multa imposta għall-ksur inkwistjoni u li għaliha huma responsabbli in solidum Slovak Telekom u r-rikorrenti skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

    52

    Il-Kummissjoni tipproċedi imbagħad, għal aġġustament doppju ta’ dan l-ammont bażiku. Fl-ewwel lok, hija tikkonstata li fil-mument ta’ twettiq tal-ksur inkwistjoni, ir-rikorrenti kienet diġà nżammet responsabbli ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE minħabba kompressjoni tal-marġni fis-settur ta’ telekomunikazzjonijiet, fid-Deċiżjoni tagħha 2003/707/KE tal‑21 ta’ Mejju 2003 dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (Każijiet AT. COMP/37.451, 37.578, 35.579 – Deutsche Telekom AG, ĠU 2003, L 263, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Deutsche Telekom”), u li fiż-żmien li fih ġiet adottata din id-deċiżjoni r-rikorrenti diġà kellha 51 % tal-ishma ta’ Slovak Telekom u setgħet teżerċita influwenza determinanti fuq din tal-aħħar. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li għar-rikorrenti l-ammont bażiku tal-multa għandu jiżdied b’ 50 % bħala reċidiva. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkonstata li d-dħul mill-bejgħ mondjali tar-rikorrenti jammonta, fl-2013, għal EUR 60132 biljun, u li sabiex il-multa imposta fuq ir-rikorrenti tingħata effett dissważiv suffiċjenti, għandu jiġi applikat għall-ammont bażiku multiplikatur koeffiċjenti ta’ 1.2. Il-prodott ta’ dan l-aġġustament doppju tal-ammont bażiku, jiġifieri EUR 31070000, jagħti lok, skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, għal multa distinta imposta biss fuq ir-rikorrenti.

    5.   Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

    53

    L-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqraw kif ġej:

    “Artikolu 1

    1.   L-impriża komposta minn Deutsche Telekom AG u Slovak Telekom a.s. wettqet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 tat-Trattat u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

    2.   Il-ksur dam mit‑12 ta’ Awwissu 2005 sal‑31 ta’ Diċembru 2010 u kkonsista fil-prattiki segwenti:

    (a)

    ħabi mill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni dwar in-netwerk neċessarja għall-aċċess separat għan-netwerks lokali;

    (b)

    tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-aċċess separat għan-netwerks lokali;

    (c)

    stabbiliment ta’ modalitajiet u kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam tal-aċċess separat fir-rigward tal-kollokazzjoni, il-klassifikazzjoni, il-previżjonijiet, it-tiswija u l-garanziji bankarji;

    (d)

    applikazzjoni ta’ tariffi inġusti li ma jippermettux lil operatur daqstant effikaċi abbażi tal-aċċess bl-ingrossa għan-netwerks lokali b’aċċess separat ta’ Slovak Telekom a.s. li jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti minn Slovak Telekom a.s. mingħajr ma jsofri telf.

    Artikolu 2

    Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, huma imposti s-segwenti multi:

    (a)

    multa ta’ EUR 38838000 lil Deutsche Telekom AG u Slovak Telekom a.s., in solidum;

    (b)

    multa ta’ EUR 31070000 lil Deutsche Telekom AG.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    [omissis]

    70

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwardaha, u sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multi imposti fuqha;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    71

    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti, Slovanet, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    III. Id-dritt

    72

    Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn kemm tat-talbiet prinċipali tagħha, intiżi għall-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll tat-talbiet sussidjarji tagħha, intiżi għall-annullament tal-multi imposti fuqha jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħhom. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għal dak li jirrigwarda l-aġir abbużiv ta’ Slovak Telekom, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt għal dak li jirrigwarda t-tul tal-aġir abbużiv ta’ Slovak Telekom. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-aġir abbużiv ta’ Slovak Telekom għar-raġuni li dawn il-kumpanniji kienu jagħmlu parti mill-istess impriża. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ impriża fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata timponi wkoll lir-rikorrenti waħedha multa distinta, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Finalment, il-ħames motiv huwa bbażat fuq żbalji fil-kalkolu tal-ammont multa imposta lil Slovak Telekom u r-rikorrenti in solidum.

    A. Fuq it-talbiet, imqajma prinċipalment, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

    73

    Il-ħames motivi invokati mir-rikorrenti u msemmija fil-punt 72 iktar ’il fuq, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

    1.   Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għal dak li jirrigwarda l-aġir abbużiv ta’ Slovak Telekom, kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

    74

    L-ewwel motiv jinkludi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq ksur tal-Artikolu 102 TFUE sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni mingħajr ma eżaminat in-natura indispensabbli tal-infrastrutturi ta’ telekomunikazzjonijiet inkwistjoni, it-tieni wieħed fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni u t-tielet wieħed fuq żbalji fil-kalkolu tal-ispejjeż medji sostnuti fit-tul (iktar ’il quddiem is-“SMST”).

    75

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika li fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha hija tibbaża ruħha fuq l-argumenti ppreżentati minn Slovak Telekom fir-rikors tagħha ppreżentat fis‑26 ta’ Diċembru 2014 kontra d-deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑851/14). Ir-rikorrenti targumenta wkoll, billi tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29), li jekk motiv invokat fil-kuntest ta’ dak ir-rikors jiġi milqugħ, hija għandha tgawdi minn tali riżultat f’din il-kawża wkoll.

    [omissis]

    b)   Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 102 TFUE għar-raġuni li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni mingħajr ma eżaminat in-natura indispensabbli tal-infrastrutturi ta’ telekomunikazzjoni inkwistjoni

    81

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod żbaljat naqset milli teżamina n-natura indispensabbli tal-aċċess għan-netwerk DSL tar-ram ta’ Slovak Telekom għall-eżerċizzju ta’ attività fis-suq bl-imnut ta’ servizzi broadband fis-Slovakkja. B’hekk, il-Kummissjoni kisret l-prinċipju li jirriżulta mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), li jipprevedi li rifjut ta’ provvista jew aċċess jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti biss meta jkun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq sekondarju u l-inputs inkwistjoni upstream ikunu indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività downstream. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju f’dan il-każ ma huwiex ikkontestat mill-fatt li din il-kawża tirrigwarda rifjut impliċitu ta’ aċċess u mhux rifjut totali ta’ provvista, bħal fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Fil-fatt, ebda raġuni ma tiġġustifika li l-eżistenza ta’ abbuż minħabba rifjut impliċitu ta’ aċċess tiġi suġġetta għal rekwiżiti ta’ prova inqas stretti mill-eżistenza ta’ abbuż minħabba rifjut totali ta’ aċċess. Id-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni f’dan is-sens, hija bbażata fuq qari żbaljat tal-punti 55 u 58 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83). Barra minn hekk, hija twassal għar-riżultat illoġiku li l-prova tal-ksur l-iktar gravi (jiġifieri r-rifjut totali ta’ aċċess) tkun suġġetta għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk applikabbli għall-ksur inqas gravi (jiġifieri r-rifjut impliċitu ta’ aċċess). Dwar dan l-aħħar punt, ir-rikorrenti tenfasizza li tal-inqas impriża waħda kisbet l-aċċess għan-netwerks lokali ta’ Slovak Telekom, li kien ikun eskluż fil-preżenza ta’ rifjut totali ta’ aċċess.

    82

    Ir-rikorrenti targumenta li dan ir-rekwiżit ta’ prova ma jitnaqqasx mill-fatt li Slovak Telekom kienet suġġetta għal obbligu regolamentari li tagħti lill-fornituri kompetituri aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha, peress li dan l-obbligu ried jilħaq għanijiet oħra u kien suġġett għal kundizzjonijiet oħra bħall-kontroll a posteriori rigward l-eżistenza ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Tali obbligu, stabbilit fl-2005 mit-TUSR, lanqas ma jista’ jkun ta’ natura li jissostitwixxi l-eżami konkret tan-natura indispensabbli tal-aċċess għan-netwerks lokali ta’ Slovak Telekom f’mument ulterjuri. Madankollu, il-Kummissjoni naqset milli tagħmel tali eżami konkret f’dan il-każ, minkejja li is-swieq ta’ telekomunikazzjonijiet jinsabu f’evoluzzjoni kontinwa.

    83

    Bl-istess mod, ir-rikorrenti tikkontesta l-perspettiva tal-Kummissjoni li essenzjalment, il-prinċipju li joħroġ mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569) ma japplikax f’dan il-każ peress li n-netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet inkwistjoni żviluppa f’kundizzjonijiet ta’ monopolju mill-Gvern Slovakk. Il-Kummissjoni ma tiġġustifikax għaliex din iċ-ċirkustanza tippermettilha tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti mingħajr ma tivverifika n-natura indispensabbli tal-aċċess għan-netwerk DSL tar-ram ta’ Slovak Telekom. L-eżistenza ta’ abbuż għandha dejjem tiġi evalwata indipendentement mill-kundizzjonijiet li fihom titnissel pożizzjoni dominanti u ebda raġuni ma tiġġustifika li ex monopolji tal-Istat huma suġġetti għal trattament differenti minn dak tal-impriżi l-oħra fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Ir-rikorrenti żżid li fil-bidu, in-netwerk DSL ta’ Slovak Telekom ibbażat fuq ir-ram kellu kopertura dgħajfa ħafna u kien ta’ kwalità ħażina, u li kif jirriżulta mill-premessa 891 tad-deċiżjoni kkontestata, dan wassal sabiex Slovak Telekom tinvesti kontinwament f’attivi broadband bejn l-2003 u l‑2010, jiġifieri wara li l-monopolju tagħha kien spiċċa.

    84

    Fi kwalunkwe każ, il-fatt li diversi fornituri kompetituri rnexxielhom jidħlu fis-suq bl-imnut ta’ broadband permezz tal-infrastruttura tagħhom stess juri li l-aċċess separat għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom ma huwiex indispensabbli għall-iżvilupp ta’ provvisti kompetittivi.

    85

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

    86

    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha l-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata), u f’dan ir-rigward, il-fatt li tali pożizzjoni toriġina minn ex-monopolju legali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 23).

    87

    Din hija ir-raġuni għaliex l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża f’pożizzjoni dominanti milli timplimenta prattiki li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri tagħha meqjusa li huma daqstant effikaċi bħalha, sabiex b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tapplika miżuri li ma jaqgħux taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu. Minn din il-perspettiva, kull kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet ma tistax titqies li hija leġittima (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    88

    F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE huwa kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament minħabba l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà dgħajjef, ikollu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ servizzi tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ livell ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew fl-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    89

    L-Artikolu 102 TFUE ma jkoprix biss il-prattiki li jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu billi jippreġudikaw il-kompetizzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 171).

    90

    L-effett fuq is-sitwazzjoni kompetittiva li għaliha saret riferiment fil-punt 88 iktar ’il fuq ma jirrigwardax neċessarjament l-effett konkret ta’ aġir abbużiv stabbilit. Għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, hemm lok li jintwera li l-aġir illegali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir huwa ta’ natura li jkollu tali effett jew jista’ jkollu tali effett (sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 68; ara wkoll, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T-336/07, EU:T:2012:172, punt 268 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    91

    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda n-natura abbużiva ta’ prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni, għandu jiġi osservat li l-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi espliċitament il-fatt li impriża dominanti timponi prezzijiet inġusti b’mod dirett jew indirett (sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 25, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 173). Il-lista tal-prattiki abbużivi li tinsab fl-Artikolu 102 TFUE ma hijiex eżawrjenti, fis-sens li l-lista ta’ prattiki abbużivi mogħtija f’din id-dispożizzjoni ma tkoprix il-metodi ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti kollha pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, EU:C:1973:22, punt 26; tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 26, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 174).

    92

    F’dan il-każ, għandu jiġi ppreċiżat li l-argument ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel parti tal-ewwel motiv jirrigwarda biss il-kriterju ġuridiku applikat mill-Kummissjoni, fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 355 sa 821), sabiex tikklassifika serje ta’ aġir ta’ Slovak Telekom matul il-perijodu inkwistjoni bħala “rifjut ta’ provvista”. Mill-banda l-oħra, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza nnifisha tal-aġir ikkonstatat mill-Kummissjoni f’din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata. Kif jirriżulta mill-premessi 2 u 1507 tal-imsemmija deċiżjoni, dan l-aġir, li kkontribwixxa għall-identifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE (premessa 1511 tad-deċiżjoni kkontestata), jikkonsisti l-ewwel nett, f’ħabi mill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni dwar in-netwerk ta’ Slovak Telekom, neċessarja għall-aċċess separat tan-netwerk lokali ta’ dan l-operatur, it-tieni nett, fi tnaqqis minn Slovak Telekom tal-obbligi tagħha dwar l-aċċess separat li jirriżultaw mill-qafas regolamentari applikabbli, u t-tielet nett, fl-istabbiliment mill-imsemmi operatur ta’ diversi klawżoli u kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tiegħu fil-qasam tal-aċċess separat.

    93

    Barra minn hekk, kif ikkonfermat ir-rikorrenti waqt is-seduta, l-ewwel parti tal-ewwel motiv ma tikkontestax l-analiżi tal-aġir ta’ Slovak Telekom li jikkonsisti f’kompressjoni tal-marġni mwettqa mill-Kummissjoni fit-tmien parti tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 822 sa 1045 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax li dan it-tip ta’ aġir jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż differenti mir-rifjut ta’ provvista ta’ aċċess u li għalhekk l-eżistenza tiegħu ma hijiex suġġetta għall-kriterji stabbiliti fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    94

    Għalhekk, essenzjalment, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kklassifikat l-aġir imfakkar fil-punt 92 iktar ’il fuq bħala “rifjut ta’ provvista” ta’ aċċess għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom mingħajr ma vverifikat in-natura “indispensabbli” ta’ tali aċċess, fis-sens tat-tielet kundizzjoni stabbilita fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569).

    95

    F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ikkunsidrat, li sabiex ir-rifjut minn impriża f’pożizzjoni dominanti li tagħti aċċess għal servizz ikun jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, dan ir-rifjut għandu jkun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq min-naħa ta’ dak li qed jitlob is-servizz, li dan ir-rifjut ma jistax jiġi ġġustifikat oġġettivament u li s-servizz stess ikun indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ dak li jitolbu (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 41; ara wkoll, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    96

    Barra minn hekk, mill-punti 43 u 44 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), jirriżulta li sabiex jiġi ddeterminat jekk prodott jew servizz huwiex indispensabbli sabiex jippermetti impriża teżerċita l-attività tagħha f’suq partikolari, għandu jiġi eżaminat jekk jeżistux prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu soluzzjonijiet alternattivi, anki jekk dawn ikunu inqas vantaġġjużi, u jekk jeżistux ostakoli tekniċi, regolamentari jew ekonomiċi ta’ natura li jirrendu impossibbli, jew tal-inqas diffiċli b’mod irraġonevoli, għal kull impriża li trid topera fl-imsemmi suq, sabiex toħloq, eventwalment b’kollaborazzjoni ma’ operaturi oħra, prodotti jew servizzi alternattivi. Skont il-punt 46 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), sabiex tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ ostakoli ta’ natura ekonomika, għandu tal-inqas jiġi stabbilit li l-ħolqien ta’ dawn il-prodotti jew servizzi ma huwiex ekonomikament vijabbli għal produzzjoni fi skala komparabbli ma’ dik tal-impriża li tikkontrolla l-prodott jew is-servizz eżistenti (sentenza tad‑29 ta’ April 2004, IMS Health, C‑418/01, EU:C:2004:257, punt 28).

    97

    Madankollu, f’dan il-każ, peress li l-leġiżlazzjoni relatata mas-settur ta’ telekomunikazzjonijiet tiddefinixxi l-qafas legali applikabbli għal dan is-settur, u b’hekk tikkontribwixxi biex jiġu determinati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li fihom impriża ta’ telekomunikazzjonijiet teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-swieq ikkonċernati, din l-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi element rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-aġir adottat minn din l-impriża, b’mod partikolari sabiex tevalwa n-natura abbużiva ta’ tali aġir (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 224).

    98

    Kif ġustament targumenta l-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet mfakkra fil-punt 95 iktar ’il fuq kienu stabbiliti u applikati fil-kuntest ta’ kawżi li kienu jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 102 TFUE jistax ikun ta’ natura li jeħtieġ li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tipprovdi lil impriżi oħra l-aċċess għal prodott jew servizz, fl-assenza ta’ kull obbligu regolamentari f’dan is-sens.

    99

    Tali kuntest huwa differenti minn dak ta’ din il-kawża, li fiha t-TUSR, b’deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2005, ikkonfermata mid-Direttur ta’ din l-awtorità fl‑14 ta’ Ġunju 2005, imponiet lil Slovak Telekom li tilqa’ t-talbiet kollha għal aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha meqjusa raġonevoli u ġġustifikati, sabiex tippermetti lil operaturi alternattivi, fuq din il-bażi, joffru s-servizzi tagħhom stess fuq is-suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) tas-servizzi broadband f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Dan l-obbligu rriżulta mill-volontà tal-awtoritajiet pubbliċi li jinkoraġġixxu lir-rikorrenti u l-kompetituri tagħha jinvestu u jinnovaw, filwaqt li jiżguraw li l-kompetizzjoni fis-suq tkun ippreżervata (premessi 218, 373, 388, 1053 u 1129 tad-deċiżjoni kkontestata).

    100

    Kif inhu espost fil-premessi 37 sa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni tat-TUSR, meħuda skont il-Liġi Slovakka Nru 610/2003, timplimenta fis-Slovakkja r-rekwiżit ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali ta’ operaturi b’saħħithom fis-suq tal-provvista ta’ netwerks telefoniċi pubbliċi fissi, previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2887/2000. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ġġustifika dan ir-rekwiżit, fil-premessa 6 tal-imsemmi regolament, permezz tal-fatt li “[m]a jkunx ekonomikament vijabbli għall-operaturi ġodda li jidduplikaw l-infrastruttura ta’ l-aċċess metalliku kollha kemm hi ta’ l-operatur li diġà jeżisti fi żmien raġonevoli[, l-i]nfrastrutturi alternattivi […] ma joffrux ġeneralment l-istess funzjonalità jew ubikwità […]”.

    101

    Għalhekk, peress li l-qafas regolamentari rilevanti jirrikonoxxi b’mod ċar in-neċessità ta’ aċċess għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom, sabiex jippermetti t-tnissil u l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq Slovakk tas-servizzi tal-internet broadband, il-prova mill-Kummissjoni, li tali aċċess kellu natura indispensabbli fis-sens tal-aħħar kundizzjoni stabbilita fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma hijiex meħtieġa.

    102

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-eżistenza ta’ obbligu regolamentari ta’ aċċess għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom ma tfissirx li tali aċċess għandu jingħata wkoll skont l-Artikolu 102 TFUE, peress li tali obbligu regolamentari ex ante għandu għanijiet differenti u huwa suġġett għal kundizzjonijiet oħra bħall-kontroll ex post tal-aġir ta’ impriża dominanti, skont l-imsemmi artikolu.

    103

    Fil-fatt, sabiex jiġi miċħud dan l-argument, huwa suffiċjenti li jiġi enfasizzat li l-argumenti li jinsabu fil-punti 97 sa 101 iktar ’il fuq ma humiex ibbażati fuq il-premessa li skontha l-obbligu ta’ Slovak Telekom li tagħti l-aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha jirriżulta mill-Artikolu 102 TFUE, iżda jenfasizzaw biss, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, li l-eżistenza ta’ tali obbligu regolamentari jikkostitwixxi element rilevanti fil-kuntest ekonomiku u legali li fih għandu jiġi evalwat jekk il-prattiki ta’ Slovak Telekom eżaminati fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata setgħux jiġu kklassifikati bħala prattiki abbużivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    104

    Barra minn hekk, ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-punt 113 tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑271/03, EU:T:2008:101), sabiex issostni l-argument imfakkar fil-punt 102 iktar ’il fuq, ma huwiex rilevanti. Huwa minnu li fl-imsemmi punt il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jaġixxu b’konformità mad-dritt nazzjonali, li jista’ jkollu għanijiet differenti minn dawk tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Dan il-punt ta’ raġunament huwa intiż insostenn taċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tal-argument tar-rikorrenti invokat f’dik il-kawża li, essenzjalment, il-kontroll ex ante tat-tariffi tagħha mill-awtorità regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet u tal-posta Ġermaniża eskluda li l-Artikolu 102 TFUE jista’ jiġi applikat għal eventwali kompressjoni tal-marġni li tirriżulta mit-tariffi tagħha għall-aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha. Għalhekk, dan il-punt ma għandux x’jaqsam mal-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza ta’ obbligu regolamentari ta’ aċċess għan-netwerk lokali tal-operatur dominanti huwiex rilevanti fl-evalwazzjoni tal-konformità tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess tiegħu mal-Artikolu 102 TFUE.

    105

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi n-natura indispensabbli tal-aċċess għan-netwerk inkwistjoni.

    106

    Hemm lok li jiżdied li tali allegazzjoni lanqas ma tista’ ssir fil-konfront tal-Kummissjoni jekk jitqies li r-rifjut impliċitu ta’ aċċess inkwistjoni kien previst mill-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-punti 48 u 49 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ma jistax jiġi dedott li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rifjut abbużiv ta’ provvista, li kienet is-suġġett tal-ewwel domanda preliminari eżaminata f’din l-aħħar kawża, għandhom neċessarjament japplikaw ukoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ aġir li jikkonsisti fl-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi jew tal-bejgħ ta’ prodotti għal kundizzjonijiet żvantaġġjużi jew li x-xerrej ma jkunx interessat fihom (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 55). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li tali aġir jista’, fih innifsu, jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż li hija differenti mir-rifjut ta’ provvista (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 56).

    107

    Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li interpretazzjoni differenti tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), twassal għall-ħtieġa, sabiex kull aġir ta’ impriża dominanti rigward il-kundizzjonijiet kummerċjali tagħha jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala abbużiv, li jkunu dejjem sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rifjut ta’ provvista, li jnaqqas indebitament l-effett utli tal-Artikolu 102 TFUE (sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 58).

    108

    Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti ġustament issostni li l-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), ikkonsistiet biss, kif jirriżulta mill-punt 8 ta’ dik is-sentenza, f’kompressjoni possibbli tal-marġni pprattikata mill-operatur stabbilit Svediż tan-netwerk ta’ telefonija fissa sabiex jiskoraġġixxi t-talbiet tal-operaturi alternattivi li jaċċedu għan-netwerk lokali tiegħu. Barra minn hekk, ma jistax jiġi dedott li l-interpretazzjoni li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-portata tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), hija limitata għal din il-forma ta’ aġir abbużiv biss u ma tkoprix prattiki mhux strettament tariffarji bħal dawk eżaminati f’dan il-każ mill-Kummissjoni fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 27 sa 41 iktar ’il fuq).

    109

    Fil-fatt, qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx għall-forma partikolari ta’ abbuż li tikkostitwixxi l-kompressjoni tal-marġni ta’ operaturi kompetittivi f’suq downstream, iżda pjuttost għall-“provvista ta’ servizzi jew tal-bejgħ ta’ prodotti għal kundizzjonijiet żvantaġġjużi jew li x-xerrej ma jkunx interessat fihom” kif ukoll għall-“kundizzjonijiet kummerċjali” stabbiliti mill-impriża dominanti. Tali formulazzjoni tissuġġerixxi li l-prattiki ta’ esklużjoni li għalihom tagħmel riferiment jirrigwardaw mhux biss kompressjoni tal-marġni, iżda wkoll prattiki kummerċjali oħra ta’ natura li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni illegali għall-kompetituri attwali jew potenzjali, tat-tip ta’ dawk ikklassifikati mill-Kummissjoni bħala rifjut impliċitu ta’ provvista ta’ aċċess għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom (ara f’dan is-sens, il-premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata).

    110

    Dan il-qari tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C-52/09, EU:C:2011:83), huwa kkonfermat mir-riferiment magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik il-parti tal-analiżi tagħha, għall-punti 48 u 49 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Peress li dawn il-punti kienu fil-fatt ddedikati għat-tieni domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża u jirrigwardaw mhux ir-rifjut mill-impriża dominanti inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali li tagħti aċċess għas-sistema ta’ konsenja d-dar lill-editur tal-gazzetta kompetitur, eżaminat fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari, iżda l-eventwali klassifikazzjoni bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ prattika li kienet tikkonsisti li din l-impriża tissuġġetta tali aċċess għall-kundizzjoni li l-editur inkwistjoni jafdalha fl-istess ħin l-eżekuzzjoni ta’ servizzi oħra, bħall-bejgħ mill-gabbani jew l-istampar.

    111

    F’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li essenzjalment l-applikazzjoni f’dan il-każ tar-raġunament magħmul fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), iwassal għar-riżultat illoġiku li l-prova ta’ rifjut impliċitu ta’ provvista tkun iktar faċli minn dik ta’ rifjut pur u sempliċi ta’ provvista, minkejja li dan l-aħħar aġir jikkostitwixxi forma ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti iktar gravi. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-gravità ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE li jikkonsisti f’rifjut ta’ impriża dominanti milli tipprovdi prodott jew servizz lil impriżi oħra tiddependi biss fuq il-forma tiegħu. Issa, il-gravità ta’ tali ksur tista’ tiddependi fuq numru ta’ fatturi indipendenti min-natura espliċita jew impliċita tal-imsemmi rifjut, bħall-estensjoni ġeografika tal-ksur, in-natura intenzjonali tiegħu, jew anki l-effetti tiegħu fis-suq. Il-Linji gwida tal-2006 jikkonfermaw din l-analiżi meta fil-punt 20 tagħhom jindikaw li l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ.

    112

    Finalment għandu jitfakkar li fil-punt 69 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li n-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa tista’ tkun rilevanti sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ kompressjoni tal-marġni. Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti invokat l-obbligu tal-Kummissjoni li turi n-natura indispensabbli tal-aċċess separat għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom biss insostenn tal-allegazzjoni tagħha li l-Kummissjoni ma kinitx applikat il-kriterju ġuridiku adegwat waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-prattiki eżaminati fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata (ara b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 182), u mhux sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-effetti antikompetittivi tal-imsemmija prattiki, magħmula fid-disa’ parti tal-imsemmija deċiżjoni (premessi 1046 sa 1109 tad-deċiżjoni kkontestata).

    113

    Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-punt 79 tal-Komunikazzjoni dwar il-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU 2009, C 45, p. 7), dan ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.

    114

    Fil-fatt, minn naħa, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, id-distinzjoni magħmula fl-imsemmi punt bejn ir-rifjut pur u sempliċi u “rifjut impliċitu” ta’ provvista ma hija akkumpanjata minn ebda preċiżjoni dwar il-kriterji ġuridiċi rilevanti sabiex twassal, f’kull wieħed minn dawn il-każijiet, għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, din il-komunikazzjoni tindika li għandha l-għan uniku li tiddefinixxi l-prioritajiet li jiggwidaw l-azzjoni tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-prattiki ta’ esklużjoni mwettqa mill-impriżi dominanti, u mhux li tistabbilixxi d-dritt applikabbli (ara l-punti 2 u 3 tal-komunikazzjoni).

    115

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-klassifikazzjoni tal-aġir ta’ Slovak Telekom eżaminat fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata bħala prattiki abbużivi fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE ma tippreżumix li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-aċċess għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom kien indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività tal-operaturi kompetituri fis-suq bl-imnut għas-servizzi broadband fissi fis-Slovakkja, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar ’il fuq.

    116

    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    a)   Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ fir-rigward tal-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni

    117

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kisret b’mod doppju d-dritt tagħha għal smigħ.

    118

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ġabet għall-attenzjoni rikorrenti b’numru ta’ elementi ġodda waqt laqgħa ta’ informazzjoni li nżammet fid‑29 ta’ Settembru 2014. Dokument intitolat “Kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni (riżultati preliminari)” (Margin Squeeze calculation (preliminary results)), ikkomunikat lir-rikorrenti f’din l-okkażjoni, wera li l-marġni mwettaq minn Slovak Telekom fl-2005 kien pożittiv abbażi ta’ kalkolu tal-marġni perijodu b’perijodu (sena b’sena). Barra minn hekk, dan id-dokument kien jinkludi ċifri li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għalihom qabel il-laqgħa ta’ informazzjoni. Finalment, waqt din il-laqgħa, il-Kummissjoni kienet indikat l-intenzjoni tagħha, minn naħa, li tapplika approċċ fuq varji perijodi (jew multiannwali) għall-kalkolu tal-marġni bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2010, u min-naħa l-oħra, li tikkonstata għalhekk marġni negattiv ukoll għall-2005. Issa, din l-aħbar issorprendiet kemm lir-rikorrenti kif ukoll lil Slovak Telekom, peress li sa dakinhar ħadd minnhom ma kien għadu ssuġġerixxa dan il-metodu.

    119

    Wara talba ppreżentata mir-rikorrenti, fl‑1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni kienet informatha li hija setgħet tikkomunikalha l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn l-elementi sa mhux iktar mit‑3 ta’ Ottubru 2014. Madankollu, peress li din id-data kien jum ta’ festa pubblika fil-Ġermanja, ir-rikorrenti kellha inqas minn jumejn ta’ xogħol sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Peress li uħud miċ-ċifri wżati għall-kalkolu rivedut tal-kompressjoni tal-marġni kienu pprovduti minn Slovak Telekom fit-tweġiba tagħha għall-espożizzjoni tal-fatti u r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għaliha, permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni awtorizzat lir-rikorrenti tikkonsulta din it-tweġiba u tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwarhom, sa mhux iktar tard mid‑9 ta’ Ottubru filgħaxija.

    120

    Skont ir-rikorrenti, fil-prinċipju dawn it-termini qosra ħafna ċaħduha minn kull possibbiltà reali li tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-elementi ġodda miġjuba għall-attenzjoni tagħha fid‑29 ta’ Settembru 2014, u dan minkejja li dawn l-imsemmija elementi ttieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tenfasizza li d-data ċifrata ppreżentata għall-ewwel darba mill-Kummissjoni f’dik id-data mhux biss kienet ġdida, b’mod partikolari minħabba l-użu tas-SMST, iżda wkoll kumplessa. Hija ma kinitx f’pożizzjoni li tissottometti din id-data ċifrata ġdida lill-ekonomisti, li kien ċertament influwenza l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tat-tul tal-kompressjoni tal-marġni suġġett tal-investigazzjoni.

    121

    It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni wettqet korrezzjonijiet u aġġustamenti tad-data pprovduta minn Slovak Telekom sabiex tikkalkola s-SMST, mingħajr madankollu ma informatha minn qabel bl-oġġezzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, u konsegwentement, ċaħditha minn kull possibbiltà li turi l-opinjoni tagħha b’mod utli.

    122

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    123

    Hemm lok li jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, ICF vs Il-Kummissjoni, T‑406/08, EU:T:2013:322, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    124

    Dan il-prinċipju jirrikjedi li matul il-proċedura amministrattiva, l-impriża kkonċernata tkun ingħatat il-possibbiltà li tagħti b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dan is-sens, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Din id-dikjarazzjoni għandha tistabbilixxi, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punti 4142).

    125

    Dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt meta d-deċiżjoni finali ma tallegax li l-persuna kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni matul il-proċedura (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 266, u tat‑18 ta’ Ġunju 2013, ICF vs Il-Kummissjoni, T‑406/08, EU:T:2013:322, punt 117).

    126

    Madankollu, l-indikazzjoni tal-elementi essenzjali li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fiha huma ta’ natura purament provviżorja (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490, punt 70; tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 267). Għalhekk, huma wkoll ammissibbli xi żidiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-dawl tar-risposti tal-partijiet, fejn l-argumenti ppreżentati juru li dawn setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċeduri amministrattivi, tirrevedi jew iżżid argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija tagħmel (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Alliance One International vs Il-Kummissjoni, T‑25/06, EU:T:2011:442, punt 181). Konsegwentement, sakemm tiġi adottata deċiżjoni finali, il-Kummissjoni tista’ fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tal-partijiet, jew tirrinunzja għal ċerti oġġezzjonijiet jew anki għall-oġġezzjonijiet kollha li tkun oriġinarjament ifformulat kontra tagħhom u tibdel, għaldaqstant, il-pożizzjoni tagħha favurihom, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, tiddeċiedi li żżid oġġezzjonijiet ġodda, sakemm tagħti lill-impriżi kkonċernati l-possibbiltà li jsostnu l-perspettiva tagħhom rigward dan is-suġġett (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    127

    Min-natura provviżorja tal-klassifikazzjoni legali tal-fatti rrilevati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma’ tistax tiġi annullata għar-raġuni unika li l-konklużjonijiet definittivi bbażati fuq dawn il-fatti ma jikkorrispondux b’mod preċiż mal-imsemmija klassifikazzjoni provviżorja (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 43). It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ argument imressaq minn xi parti waqt il-proċedura amministrattiva, mingħajr ma tkun tqiegħdet f’pożizzjoni li tesprimi opinjoni f’dan ir-rigward, qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni finali, ma jikkostitwixxix, bħala tali, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, meta t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-argument ma jbiddilx in-natura tal-oġġezzjonijiet indirizzati lilha (ara f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2001, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, C‑497/99 P, EU:C:2001:393, punt 24; is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T‑86/95, EU:T:2002:50, punt 447, u tad‑9 ta’ Settembru 2011, Alliance One International vs Il-Kummissjoni, T‑25/06, EU:T:2011:442, punt 182).

    128

    Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tisma’ lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom magħmulin bi tweġiba għall-ilmenti ikkunsidrati billi tibdel l-analiżi tagħha preċiżament sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tingħata l-possibbiltà li tippreċiża din il-klassifikazzjoni fid-deċiżjoni finali tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva, sabiex jew tabbanduna oġġezzjonijiet li jirriżultaw li huma infondati, jew sabiex tiżviluppa u tikkompleta kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt l-argument tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija ssostni, madankollu bil-kundizzjoni li hija tirrileva biss fatti li dwarhom l-partijiet ikkonċernati kellhom il-possibbiltà li jispjegaw ruħhom u li tipprovdi, matul il-proċedura amministrattiva, l-elementi neċessarji għad-difiża tagħhom (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 44 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    129

    Finalment, għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti l-possibbiltà li minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mwettqa minnha tkun setgħet wasslet għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur kien seħħ meta hija turi b’mod suffiċjenti mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda li hija setgħet tiżgura b’mod aħjar id-difiża tagħha fl-assenza tal-irregolarità, pereżempju minħabba l-fatt li, għad-difiża tagħha, hija setgħet użat dokumenti li l-aċċess tagħha għalihom ġie rrifjutat matul il-proċedura amministrattiva (ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 269 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il-Kummissjoni, T‑92/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:605, punt 93).

    130

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu qabel xejn jiġi eżaminat l-ewwel ilment tar-rikorrenti, li d-dritt tagħha għal smigħ inkiser meta matul il-proċedura amministrattiva, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar l-elementi l-ġodda li saret taf bihom waqt il-laqgħa ta’ informazzjoni organizzata mill-Kummissjoni fid‑29 ta’ Settembru 2014 u li ġew ikkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-elementi jikkonsistu, l-ewwel nett, f’ċifri ġodda dwar il-kalkoli ta’ kompressjoni tal-marġni ta’ Slovak Telekom, it-tieni nett, fil-fatt li l-marġni għall-2005 kien pożittiv abbażi ta’ kalkolu tal-marġni perijodu b’perijodu (sena b’sena), u t-tielet nett, fl-intenzjoni li l-Kummissjoni wriet waqt din il-laqgħa li tapplika wkoll metodu fuq varji perijodu (multiannwali) ta’ kalkolu tal-marġni li jippermettilha tikkonkludi l-eżistenza ta’ marġni negattiv għall‑2005 ukoll.

    131

    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel żewġ elementi, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li skont il-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontesta, il-marġni identifikati għall-2005 kienu pożittivi għal dak li jirrigwarda t-tliet portafolli ta’ servizzi analizzati. Dan joħloq kuntrast mal-kalkolu ta’ kompressjoni tal-marġni għall-aċċess għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom li jinsab fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li juri li l-marġni kkalkolat għal dik l-istess sena kien negattiv (ara t-tabella 88 u l-premessa 1203 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċifri kollha użati fid-dawl tal-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li dan it-tibdil ta lok għall-identifikazzjoni, fl-imsemmija deċiżjoni, ta’ marġni differenti minn dawk ikkalkolati b’mod previżjonali f’din id-dikjarazzjoni.

    132

    Madankollu, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dan it-tibdil jirrigwarda l-kalkoli ta’ kompressjoni tal-marġni li rriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data u kalkoli pprovduti minn Slovak Telekom stess fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni jidher għalhekk, b’mod partikolari, fil-premessi 910, 945, 963 u 984 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, mill-premessi 946 (nota ta’ qiegħ il-paġna 1405) u 1000 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li waqt l-adozzjoni tagħha, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-attwalizzazzjoni tal-kalkoli ta’ kompressjoni tal-marġni pprovduti minn Slovak Telekom fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

    133

    B’hekk għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tagħha tal-kompressjoni tal-marġni, il-Kummissjoni ma bidlitx, fid-deċiżjoni kkontestata, in-natura tal-oġġezzjonijiet sostnuti fil-konfront ta’ Slovak Telekom u b’estensjoni, fil-konfront tar-rikorrenti fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm, billi imponiet lilhom fatti li dwarhom ma kellhomx l-okkażjoni jagħtu l-opinjoni tagħhom waqt il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, hija tieħu inkunsiderazzjoni biss oġġezzjonijiet magħmula minn Slovak Telekom matul l-imsemmija proċedura sabiex tiżviluppa u tikkompleta l-analiżi tagħha tal-kompressjoni tal-marġni kontenuta fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Peress li dan it-teħid inkunsiderazzjoni kien intiż preċiżament sabiex jissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 128 iktar ’il fuq, id-dritt ta’ smigħ tal-partijiet matul il-proċedura amministrattiva ma jirrikjedix li tingħatalhom mill-ġdid possibbiltà li jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq il-kalkoli riveduti ta’ kompressjoni tal-marġni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    134

    Għal dak li jirrigwarda t-tielet element iċċitat fil-punt 130 iktar ’il fuq, relattiv għall-metodu ta’ kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni fuq varji perijodi (multiannwali), għandu jiġi enfasizzat li fil-punt 1281 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, riprodott fir-risposta tal-Kummissjoni, Slovak Telekom ikkontestat l-użu esklużiv tal-metodu perijodu b’perijodu (sena b’sena), li kien ġie propost mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    135

    Fil-fatt, Slovak Telekom argumentat essenzjalment, li fis-settur ta’ telekomunikazzjonijiet, l-operaturi jistudjaw il-kapaċità tagħhom li jiksbu rendita raġonevoli fuq perijodu itwal minn sena. Għalhekk, hija ssuġġeriet, b’mod partikolari, li l-eżami ta’ kompressjoni tal-marġni tkun kompluta b’analiżi fuq varji perijodi, li fiha l-marġni totali jiġi evalwat fuq diversi snin. Barra minn hekk, mill-premessa 587 tat-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li hija bbażat ruħha fuq din l-oġġezzjoni.

    136

    Issa, kif jirriżulta mill-premessa 859 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wżat approċċ fuq varji perijodi (multiannwali) sabiex tieħu inkunsiderazzjoni din l-oġġezzjoni u sabiex tistabbilixxi jekk dan l-approċċ biddel il-konklużjoni tagħha li skontha t-tariffi mitluba minn Slovak Telekom fuq operaturi alternattivi għall-aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha jwasslu għal kompressjoni tal-marġni matul l-2005 sal-2010.

    137

    Fil-kuntest ta’ dan l-eżami addizzjonali, li r-riżultat tiegħu jinsab fil-premessi 1013 u 1014 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat marġni totali negattiv għal dak li jirrigwarda kull portafoll ta’ servizzi, minn naħa, għall-perijodu bejn l-2005 u l-2010 (tabella 39 fil-premessa 1013 tad-deċiżjoni kkontestata), u min-naħa l-oħra, għall-perijodu bejn l-2005 u l-2008 (tabella 40 fil-premessa 1014 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessa 1015 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddeduċiet li l-analiżi b’varji perijodi ma tibdilx il-konstatazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni li tirriżulta minn analiżi perijodu b’perijodu (sena b’sena).

    138

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ kompressjoni tal-marġni fid-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi fuq varji perijodi (multiannwali) saret wara l-oġġezzjoni ta’ Slovak Telekom, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li fuqha r-rikorrenti bbażat ruħha, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-marġni perijodu b’perijodu (sena b’sena). Min-naħa l-oħra, l-analiżi fuq varji perijodi (multiannwali) tal-marġni għall-aċċess separat għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom fid-deċiżjoni kkontestata, kellha l-għan li tiżdied mal-analiżi perijodu b’perijodu (sena b’sena) li tinsab fil-premessi 1175 sa 1222 tal-imsemmija deċiżjoni, mingħajr ma tissostitwixxi lil din l-aħħar analiżi. Barra minn hekk, l-analiżi addizzjonali fuq varji perijodi (multiannwali) wasslet lill-Kummissjoni tikkonferma l-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni fis-suq Slovakk ta’ servizzi Internet broadband bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2010.

    139

    Għalhekk, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, l-analiżi fuq varji perijodi (multiannwali) ma kellhiex il-konsegwenza li jiġu kkunsidrati fatti bi preġudizzju għar-rikorrenti u Slovak Telekom, li dwarhom dawn tal-aħħar ma kellhomx l-okkażjoni jispjegaw ruħhom matul il-proċedura amministrattiva, billi bidlet in-natura tal-oġġezzjonijiet sostnuti kontra tagħhom, iżda sempliċement wettqet analiżi addizzjonali tal-kompressjoni tal-marġni li tirriżulta mit-tariffi mitluba minn Slovak Telekom għall-aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha, fid-dawl ta’ oġġezzjoni magħmula minn Slovak Telekom bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    140

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 127 u 128 iktar ’il fuq, id-dritt tar-rikorrenti għal smigħ ma jirrikjedix li qabel tadotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħtiha l-possibbiltà li tagħmel osservazzjonijiet ġodda fir-rigward tal-analiżi tal-kompressjoni tal-marġni għall-aċċess separat ta’ Slovak Telekom ibbażata varji perijodi. Għandu jiġi enfasizzat li soluzzjoni differenti tkun inkompatibbli mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 127 iktar ’il fuq, peress li tostakola li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi elementi li b’mod speċifiku dwarhom il-partijiet ma kinux f’pożizzjoni li jagħtu l-opinjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva, u dan anki jekk l-imsemmija elementi ma jbiddlux in-natura tal-oġġezzjonijiet sostnuti kontra tagħhom.

    141

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li essenzjalment, il-metodu ta’ kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni applikat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-eżami addizzjonali ma jikkorrispondix għall-metodu propost minn Slovak Telekom fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u allegatament ibbażat fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, peress li f’dan il-każ din tal-aħħar użat l-analiżi fuq varji perijodi (multiannwali) bil-għan li testendi t-tul tal-ksur.

    142

    Minn naħa, dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn, fi tmiem l-analiżi perijodu b’perijodu (sena b’sena), il-Kummissjoni kienet diġà waslet għall-konklużjoni li kompetitur effikaċi daqs Slovak Telekom ma setax, bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2010, jirriproduċi b’mod profittabbli l-portafoll bl-imnut ta’ Slovak Telekom li jinkludi s-servizzi broadband (premessa 1012 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, mill-premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ marġni pożittiv bejn Awwissu u Diċembru 2005 ma tostakolax li dan il-perijodu jiġi inkluż fil-perijodu ta’ ksur taħt il-forma ta’ kompressjoni tal-marġni, peress li l-operaturi jikkunsidraw il-kapaċità tagħhom li jiksbu rendita fuq perijodu itwal. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni stabbilixxiet it-tul tal-prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni abbażi tal-approċċ perijodu b’perijodu (sena b’sena) u l-approċċ fuq varji perijodi (multiannwali) intuża biss b’mod supplimentari.

    143

    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 128 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rispett tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ jimponi biss li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kritika li tirrigwarda l-metodu tal-kalkolu tal-marġni magħmula minn Slovak Telekom fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li taqbel magħha r-rikorrenti. Mill-banda l-oħra, dan id-dritt bl-ebda mod ma jimplika li l-Kummissjoni għandha neċessarjament tasal għar-riżultat mixtieq mir-rikorrenti meta qablet mal-kritika sottomessa minn Slovak Telekom, jiġifieri l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kull kompressjoni tal-marġni bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2010.

    144

    Barra minn hekk, jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni kellha tagħti b’mod speċifiku lir-rikorrenti l-possibbiltà għal smigħ dwar l-elementi mfakkra fil-punt 130 iktar ’il fuq qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jkollu jiġi kkonstatat li tali rekwiżit kien ġie osservat. Fil-fatt, huwa minnu li t-termini mogħtija mill-Kummissjoni lir-rikorrenti sabiex tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn l-elementi kienu partikolarment qosra. Madankollu, ma jistax jiġi dedott li dawn iċaħduha minn kull possibbiltà għal smigħ b’mod utli f’dan ir-rigward, ikkunsidrat, l-ewwel nett, l-istadju avvanzat ħafna tal-proċedura amministrattiva li fih inżammet il-laqgħa tad‑29 ta’ Settembru 2014, jiġifieri iktar minn sentejn u erba’ xhur wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u t-tieni nett, il-livell għoli ta’ għarfien tal-kwistjoni li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienet kisbet f’dan il-mument.

    145

    Għalhekk l-ewwel ilment tat-tieni parti ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    146

    Għandu jiġi miċħud ukoll it-tieni ilment, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha għal smigħ billi ma ppermettietx li tagħti l-opinjoni tagħha b’mod utli matul il-proċedura amministrattiva fir-rigward tal-korrezzjonijiet u l-aġġustamenti, imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, tad-data pprovduta minn Slovak Telekom għall-kalkolu tas-SMST.

    147

    Ċertament, f’dan ir-rigward, huwa eżatt li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma aċċettatx id-data ġdida dwar il-kalkolu tas-SMST ipprovduta minn Slovak Telekom wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Din il-konstatazzjoni tista’ b’mod partikolari tiġi dedotta mill-premessi 910, 945 u 963 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, b’analoġija mar-raġunament magħmul fil-punt 143 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta tisma’ mill-ġdid il-partijiet meta fid-deċiżjoni finali tagħha ma tkunx ser tilqa’ l-oġġezzjonijiet kollha tagħhom magħmula bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ħlief meta dan iwassal sabiex tinbidel in-natura tal-oġġezzjonijiet sostnuti kontra tagħhom.

    148

    Peress li ċ-ċirkustanza rrilevata fil-punt preċedenti ma għandhiex l-effett li tibdel il-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huma bbażati l-allegazzjonijiet sostnuti kontra r-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kollha bħala infondata.

    b)   Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji waqt il-kalkolu tal-ispejjeż medji inkrementali sostnuti fit-tul (SMST)

    149

    Fit-tielet parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma kkalkolatx b’mod korrett is-SMST ta’ Slovak Telekom, jiġifieri l-ispejjeż li dan l-operatur ma kienx ser isostni li kieku ma pprovdiex is-servizzi korrispondenti. Fil-fatt, ir-rapport ta’ konsulenza pprovdut minn Slovak Telekom anness mar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ konsulenza”), jipproponu l-aġġustament tal-attivi ta’ Slovak Telekom għal-livell ta’ operatur effikaċi li jiddisinja netwerk b’mod ottimu sabiex tintlaħaq id-domanda kemm attwali kif ukoll futura (iktar ’il quddiem l-“aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni”). Issa, finalment il-Kummissjoni ma wettqitx dawn l-aġġustamenti. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni ma aċċettatx li tissostitwixxi l-attivi eżistenzi bl-attivi ekwivalenti moderni (modern asset equivalent). Barra minn hekk, hija lanqas ħadet inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-attivi abbażi tal-kapaċità attwalment użata. Dan l-approċċ huwa kritikabbli għar-raġunijiet li l-Kummissjoni aċċettat ukoll l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attiv ta’ Slovak Telekom fid-deċiżjoni kkontestata, li l-aġġustamenti proposti fir-rapport ta’ konsulenza huma bbażati fuq l-ispejjeż storiċi ta’ dan l-operatur u mhux fuq l-ispejjeż ta’ kompetitur ipotetiku, u li dawn l-ispejjeż għandhom ikunu evalwati b’riferiment għal kompetitur effettiv. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li l-kalkolu tas-SMST li tinsab fir-rapport ta’ konsulenza kien jieħu inkunsiderazzjoni kapaċità ta’ riżerva suffiċjenti għal Slovak Telekom, u għal kuntrarju ta’ dak allegat mill-Kummissjoni ma jagħmilx riferiment għal kompetitur effikaċi b’mod sħiħ. Skont ir-rikorrenti, fl-assenza ta’ dan l-iżball ta’ kalkolu, il-Kummissjoni kienet neċessarjament tikkonkludi l-eżistenza ta’ marġni superjuri, u anki pożittivi għal ċerti snin, minħabba evalwazzjoni mill-ġdid lil isfel tas-SMST.

    150

    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

    151

    Għal dak li jirrigwarda l-argumenti magħmula mir-rikorrenti, għandu qabel xejn jiġi rrilevat li abbażi tar-rapport ta’ konsulenza, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Slovak Telekom ipproponiet metodu bbażat fuq il-kontabbiltà tal-ispejjeż attwali, permezz tal-istima tal-ispejjeż downstream għall-perijodu ta’ bejn l-2005 u l-2010 abbażi ta’ data li tibda mill-2011 (premessa 881 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, f’din ir-risposta Slovak Telekom sostniet li waqt il-kalkolu tas-SMST għandhom, minn naħa, jiġu evalwatu mill-ġdid l-attivi, u min-naħa l-oħra, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ineffiċjenzi tan-netwerk tagħha għall-provvista tal-broadband. B’mod partikolari, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ineffiċjenzi, Slovak Telekom ipproponiet li tagħmel aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, is-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti moderni tagħhom, iktar effikaċi u ta’ inqas spejjeż (modern asset equivalent), it-tieni nett, iż-żamma sa fejn huwa possibbli tal-koerenza teknoloġika, u t-tielet nett, it-tnaqqis tal-attivi abbażi tal-kapaċità attwalment użata pparagunata mal-kapaċità installata.

    152

    Għalhekk, fil-kalkoli tagħha tas-SMST, Slovak Telekom aġġustat l-ispiża tal-kapital tal-attivi kif ukoll il-valur ta’ deprezzament tagħhom matul l-2005 sal‑2010, kif ukoll l-ispejjeż tal-operat tal-imsemmija attivi, billi bbażat ruħha fuq il-fattur ta’ aġġustament medju kkalkolat mill-awtur tar-rapport ta’ konsulenza għall-2011 (premessa 897 tad-deċiżjoni kkontestata). Slovak Telekom sostniet li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni ssuġġeriti jirriflettu l-kapaċità ta’ riżerva identifikata fl-elementi tal-imsemmi netwerk, jiġifieri l-attivi li tneħħew minn dan tal-aħħar għax ma kienx is-suġġett ta’ użu produttiv, iżda li kienu għadhom ma nbigħux minn dan l-operatur (premessa 898 tad-deċiżjoni kkontestata).

    153

    Madankollu, l-Kummissjoni rrifjutat li twettaq dawn l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

    154

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti moderni tiegħu, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 900 tad-deċiżjoni kkontestata, li tali sostituzzjoni ma setgħetx tiġi aċċettata peress li din twassal għall-aġġustament tal-ispejjeż mingħajr aġġustament xieraq tad-deprezzamenti. Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-premessi 889 sa 893 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom esponiet dubji dwar l-aġġustament, kif kien propost minn Slovak Telekom, tal-ispejjeż tal-attivi għall-perijodu ta’ bejn l-2005 u l-2010. Barra minn hekk, fil-premessa 901 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li tali sostituzzjoni tal-attivi eżistenti ma kienx konformi mal-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċi. Fil-fatt, il-ġurisprudenza kienet ikkonfermat li n-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji ta’ operatur dominanti hija fil-prinċipju ddeterminata fid-dawl tas-sitwazzjoni tiegħu stess. Issa, f’dan il-każ, l-aġġustament tas-SMST issuġġerit minn Slovak Telekom kien ibbaża fuq attivi ipotetiċi u mhux fuq l-istess attiv miżmum minn dan l-operatur.

    155

    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità eċċessiva tan-netwerks abbażi tal-kapaċità “attwalment” użata, il-Kummissjoni rrilevat essenzjalment, fil-premessa 902 tad-deċiżjoni kkontestata, li peress li l-investimenti huma bbażati fuq previżjoni tad-domanda, huwa inevitabbli li fil-kuntest ta’ eżami retrospettiv, kultant ċerti kapaċitajiet jibqgħu ma jintużawx.

    156

    Ebda wieħed mill-ilmenti magħmula mir-rikorrenti kontra din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ma jista’ jintlaqa’.

    157

    L-ewwel nett, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li teżisti kontradizzjoni bejn, minn naħa, iċ-ċaħda ta’ aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni tas-SMST, u min-naħa l-oħra, l-aċċettazzjoni, fil-premessa 894 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi proposta minn Slovak Telekom. Ir-rikorrenti lanqas setgħet targumenta, fir-replika, li l-Kummissjoni kellha taċċetta l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni proposti minn Slovak Telekom għar-raġuni li, bħall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi, il-Kummissjoni ma kellhiex spejjeż storiċi affidabbli għal dak li rrigwarda l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni.

    158

    Fil-fatt, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi kienet ibbażata fuq l-attiv li Slovak Telekom kellha fl-2011. Għal dak li jirrigwarda din l-evalwazzjoni mill-ġdid u kif jirriżulta mill-premessi 885 sa 894 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li hija ma għandhiex data li tirrifletti bl-aħjar mod l-ispejjeż tal-attiv broadband sostnuti minn Slovak Telekom fil-perijodu ta’ bejn l-2005 u l-2010. Għal din ir-raġuni, fl-analiżi tal-kompressjoni tal-marġni li tinsab magħmul fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni inkludiet l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi eżistenti ta’ Slovak Telekom proposta minn din tal-aħħar. Madankollu, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-imsemmija evalwazzjoni mill-ġdid tista’ twassal għal sottovalutazzjoni tal-ispejjeż tal-attivi downstream.

    159

    Skont tqabbil, kif jirriżulta mill-premessa 895 tad-deċiżjoni kkontestata, l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni proposti minn Slovak Telekom jikkonsistu fil-korrezzjoni tal-attivi fil-livell approssimattiv ta’ operatur effikaċi li jibni netwerk ottimu addattat sabiex jissodisfa domanda futura bbażata fuq l-informazzjoni “tal-lum” u l-previżjonijiet tad-domanda. Dawn l-aġġustamenti kienu bbażati fuq prospett kif ukoll fuq mudell ta’ netwerk ottimu u mhux fuq stima li tirrifletti l-ispejjeż sostnuti tal-attivi eżistenti ta’ Slovak Telekom.

    160

    Isegwi li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni, b’mod ġenerali, u s-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti moderni tagħhom, b’mod partikolari, kellhom għan differenti mill-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attiv proposta minn Slovak Telekom. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni tal-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attiv eżistenti propost minn Slovak Telekom, minħabba l-assenza ta’ data iktar affidabbli dwar is-SMST ta’ dan l-operatur, bl-ebda mod ma kien jippreżumi li l-Kummissjoni neċessarjament taċċetta l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni tas-SMST. Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ittrattat b’mod differenti, minn naħa, is-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti moderni tagħhom, u min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-attivi proposta minn Slovak Telekom.

    161

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax tingħata raġun meta hija tikkontesta l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 901 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni jwasslu sabiex is-SMST jiġu kkalkolati abbażi tal-attivi ta’ kompetitur ipotetiku u mhux fuq dak tal-operatur stabbilit inkwistjoni, Slovak Telekom.

    162

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni tal-legalità tal-politika ta’ prezzijiet applikata minn impriża dominanti, għandha, fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, tippreżumi li, bħala prinċipju, isir riferiment għal kriterji ta’ prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u fuq l-istrateġija tagħha (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige,C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 190; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑271/03, EU:T:2008:101, punt 188 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    163

    B’mod partikolari, fir-rigward ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni, l-użu ta’ tali kriterji ta’ analiżi jippermetti li jiġi vverifikat jekk, b’konformità mal-kriterju ta’ kompetitur daqstant effikaċi imfakkar fil-punt 87 iktar ’il fuq, din l-impriża kinitx suffiċjentement effikaċi sabiex toffri s-servizzi bl-imnut tagħha lill-klijenti finali, mingħajr telf, jekk hija ġiet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji (sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 42, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 191; ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 PEU:C:2010:603, punt 201).

    164

    Tali approċċ huwa iktar u iktar iġġustifikat billi huwa wkoll konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tal-impriża dominanti jippermettilha tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha stess, skont ir-responsabbiltà partikolari li hija għandha taħt l-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, għalkemm impriża dominanti għandha għarfien dwar l-ispejjeż u t-tariffi tagħha nnifisha, bħala prinċipju hija ma tafx x’inhuma dawk tal-kompetituri tagħha (sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 202; tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 44, u tad-29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 192).

    165

    Fil-punti 45 u 46 tas-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83), il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ippreċiżat li ma jistax jiġi eskluż li l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-kompetituri jistgħu jkunu rilevanti fl-eżami tal-prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni. Madankollu minn dik is-sentenza jirriżulta li huwa biss meta ma huwiex possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jsir riferiment għall-prezzijiet u għall-ispejjeż tal-impriża dominanti, li għandhom jiġu eżaminati dawk tal-kompetituri fl-istess suq, li ma ġiex sostnut mir-rikorrenti f’dan il-każ (ara b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 193).

    166

    F’dan il-każ, minn naħa, is-sostituzzjoni tal-attivi eżistenti bl-ekwivalenti modern tiegħu hija intiża għall-aġġustament tal-ispejjeż tal-attivi billi jiġi kkunsidrat il-valur tal-attivi “attwali”, mingħajr madankollu ma jsiru aġġustamenti xierqa tad-deprezzamenti (premessa 900 tad-deċiżjoni kkontestata). Din is-sostituzzjoni wasslet sabiex il-kompressjoni tal-marġni tiġi kkalkolata abbażi ta’ attivi ipotetiċi, jiġifieri attivi li ma jikkorrispondux għal dawk li kellha Slovak Telekom. L-ispejjeż marbuta mal-attivi ta’ Slovak Telekom kienu għalhekk issottovalutati (premessi 893 u 900). Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità eċċessiva tan-netwerks abbażi tal-kapaċità “attwalment” użata rriżulta fl-esklużjoni tal-attivi ta’ Slovak Telekom li ma jintużax b’mod produttiv (ara l-punt 152 iktar ’il fuq).

    167

    Għalhekk, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 162 sa 165 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi mingħajr ma twettaq żball li l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni tas-SMST proposti minn Slovak Telekom kienu jwasslu, waqt il-kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni, għall-esklużjoni ta’ spejjeż sostnuti minn dan l-operatur stess bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2010.

    168

    Finalment, ir-rikorrenti ma tistax tingħata raġun meta ssostni li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju li l-eżami ta’ kompressjoni tal-marġni għandu jkun ibbażat fuq kompetitur effikaċi, meta rrilevat essenzjalment li kien inevitabbli li kultant ċerti kapaċitajiet jibqgħu ma jintużawx (premessa 902 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, mill-prinċipji mfakkra fil-punti 162 u 163 iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni jikkonsisti, essenzjalment, fl-evalwazzjoni dwar jekk kompetitur effikaċi daqs l-operatur dominanti jistax joffri s-servizzi kkonċernati lill-klijenti finali mingħajr telf. Għalhekk, tali eżami ma jsirx b’riferiment għal operatur perfettament effikaċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-suq fl-epoka ta’ tali prattika. Issa, kieku l-Kummissjoni aċċettat l-aġġustamenti ta’ ottimizzazzjoni marbuta mal-kapaċitajiet eċċessivi, il-kalkoli tas-SMST ta’ Slovak Telekom kienu jirriflettu l-ispejjeż marbuta ma’ netwerk ottimu korrispondenti għad-domanda u li ma jkunux affettwati bl-ineffiċjenzi tan-netwerk ta’ dan l-operatur, jiġifieri l-ispejjeż ta’ kompetitur effikaċi iktar minn Slovak Telekom. Għalhekk, f’dan il-każ, minkejja li huwa paċifiku li parti mill-attivi rilevanti tar-rikorrenti baqgħet ma ntużatx bejn it‑12 ta’ Awwissu 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta inkludiet l-imsemmija parti tal-attiv, fi kliem ieħor il-kapaċità eċċessiva, fil-kalkolu tas-SMST.

    169

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata, kif ukoll, konsegwentement, dan il-motiv kollu.

    2.   Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tat-tul tal-aġir abbużiv ta’ Slovak Telekom

    170

    Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, billi tibbaża ruħha fuq l-argument ippreżentat minn Slovak Telekom dwar dan il-punt fil-Kawża T‑851/14, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali sa fejn hija kkonkludiet li hemm l-eżistenza ta’ ksur li jibda mit‑12 ta’ Awwissu 2005. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq tliet ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti targumenta essenzjalment, li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li r-rifjut impliċitu ta’ aċċess għan-netwerk lokali beda mit‑12 ta’ Awwissu 2005, jiġifieri mid-data li fiha Slovak Telekom ippubblikat l-offerta ta’ riferiment tagħha. Permezz tat-tieni u t-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni matul l‑2005.

    a)   Osservazzjonijiet preliminari

    [omissis]

    172

    It-tieni nett, dwar il-mertu, għandu qabel xejn jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punt 90 iktar ’il fuq, fil-perspettiva li jiġi pprovat abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huma suffiċjenti li jintwera li l-aġir illegali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jtendi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew li l-aġir huwa tali li jista’ jkollu dan l-effett. Għalhekk, għalkemm il-prattika ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti ma tistax tiġi kklassifikata bħala abbużiva fl-assenza ta’ kwalunkwe effett antikompetittiv fis-suq, min-naħa l-oħra tali effett ma huwiex neċessarjament meħtieġ li jkun konkret, u huwa suffiċjenti li jintwera effett antikompetittiv potenzjali (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    173

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, il-prattiki li jippreġudikaw il-kompetizzjoni, pereżempju billi jipprekludu jew jittardjaw id-dħul ta’ kompetituri fis-suq, huma koperti mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE anki meta ma jikkawżawx preġudizzju immedjat lill-konsumaturi.

    174

    F’dan il-każ, skont il-premessa 1497 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE identifikat mill-Kummissjoni kien jikkonsisti f’diversi prattiki ta’ Slovak Telekom li jikkostitwixxu rifjut ta’ provvista ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha kif ukoll f’kompressjoni tal-marġni ta’ operaturi alternattivi fil-kuntest ta’ dan l-aċċess. Il-prattiki li rriżultaw f’rifjut ta’ provvista kienu jikkonsistu, l-ewwel nett, f’ħabi mill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni dwar in-netwerk ta’ Slovak Telekom, neċessarja għall-aċċess separat tan-netwerk lokali ta’ dan l-operatur, it-tieni nett, fi tnaqqis minn Slovak Telekom tal-obbligi tagħha dwar l-aċċess separat li jirriżultaw mill-qafas regolamentari applikabbli, u t-tielet nett, fl-istabbiliment mill-imsemmi operatur ta’ diversi klawżoli u kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tiegħu fil-qasam tal-aċċess separat (ara l-punt 92 iktar ’il fuq).

    175

    Barra minn hekk, fil-premessa 1507 sa 1511 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn il-prattiki varji jaqgħu taħt l-istess strateġija ta’ esklużjoni użata minn Slovak Telekom, intiża sabiex tirrestrinġi u tiddistorta l-kompetizzjoni fis-suq bl-imnut għas-servizzi broadband fis-Slovakkja, u sabiex tipproteġi d-dħul u l-pożizzjoni ta’ dan l-operatur fuq l-imsemmi suq. Hija kkonkludiet li dawn il-prattiki, li tagħhom ir-rikorrenti għandha tinżamm responsabbli wkoll fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm ta’ Slovak Telekom, jaqgħu wkoll fi pjan globali intiż sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni u jikkostitwixxu għalhekk ksur uniku u kontinwu (premessa 1511 tad-deċiżjoni kkontestata).

    176

    F’dan il-każ, u kif ikkonfermat waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma tikkontestax din il-klassifikazzjoni bħala ksur uniku u kontinwu fir-rikors tagħha. Mill-banda l-oħra, permezz tat-tieni motiv tagħha, hija tikkontesta l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 1184 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha dan il-ksur uniku u kontinwu beda fit‑12 ta’ Awwissu 2005, data li fiha Slovak Telekom ippubblikat l-offerta tagħha ta’ riferiment fil-qasam ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha.

    177

    Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ta’ Slovak Telekom ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva li skonthom, b’mod partikolari, il-ksur li hija ġiet ikkritikata bih ma setax jibda mill-mument tal-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ riferiment tagħha, peress li din hija biss kuntratt-qafas li jiddeskrivi l-kundizzjoni ta’ aċċess għan-netwerk lokali u jippreżumi għalhekk negozjati mal-operaturi alternattivi interessati f’tali aċċess, u r-rifjut ta’ provvista seta’ jiġi identifikat biss f’każ ta’ falliment ta’ dawn in-negozjati. F’dan ir-rigward, fil-premessa 1520 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li hija kienet uriet in-natura inġusta ta’ diversi modalitajiet u kundizzjonijiet previsti fl-offerta ta’ riferiment sabiex operatur alternattiv jikseb aċċess separat għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom. Hija kkunsidrat li l-offerta ta’ riferiment, intiża sabiex timplimenta l-obbligu regolamentari ta’ aċċess separat, kellha sa mill-bidu tinkludi modalitajiet u kundizzjonijiet ġusti.

    178

    Barra minn hekk, fil-premessa 1521 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li l-prattika li tikkonsisti f’kompressjoni tal-marġni ta’ Slovak Telekom ma setgħetx tibda qabel l‑1 ta’ Jannar 2006, peress li ebda marġni negattiv ma seta’ jiġi identifikat fl-2005. Minn naħa, hija rreferiet għall-analiżi tagħha li tinsab fil-punt 998 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha din iċ-ċirkustanza ma tikkontestax l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, għaliex, essenzjalment, ebda operatur alternattiv ma kien iddeċieda li jidħol fis-suq inkwistjoni wara analiżi prospettiva ta’ rendiment fuq perijodu tant qasir. Min-naħa l-oħra, hija enfasizzat li l-imsemmija ċirkustanza bl-ebda mod ma tista’ tinfluwenza t-tul tal-ksur, peress li din tikkonsisti wkoll fi prattiki oħra li magħhom tifforma ksur uniku u kontinwu.

    179

    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari li għandu jiġi eżaminat, minn naħa, l-ewwel ilment invokat mir-rikorrenti u bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li r-rifjut impliċitu ta’ aċċess għan-netwerk lokali beda fit‑12 ta’ Awwissu 2005, u min-naħa l-oħra, it-tieni u t-tielet ilment, ibbażati essenzjalment fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni meta hija tikkonkludi kompressjoni tal-marġni matul l-2005.

    b)   Fuq l-istabbiliment tat‑12 ta’ Awwissu 2005 bħala l-bidu tar-rifjut impliċitu ta’ aċċess għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom

    180

    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-offerta ta’ riferiment ta’ Slovak Telekom kienet limitata sabiex tistabbilixxi qafas, li fih innifsu ma jista’ jwassal għal ebda kompressjoni tal-marġni, iżda għandu jkun komplut b’negozjati individwali mal-eventwali kandidati għall-aċċess separat għan-netwerk lokali. Issa, fil-prattika dawn in-negozjati kienu wasslu għal kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-imsemmija kandidati. Bl-istess mod, rifjut ta’ provvista jista’ jiġi stabbilit biss f’każ ta’ falliment ta’ tali negozjati. Dwar dan il-punt, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, u f’dan ir-rigward ir-rikorrenti tiċċita d-Deċiżjonijiet (2004) 1958 finali, tat‑2 ta’ Ġunju 2004 (Każ COMP/38.096 – Clearstream, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Clearstream”), u C(2011) 4378 finali, tat‑22 ta’ Ġunju 2011 (Każ COMP/39.525 – Telekomunikazzjonijiet Pollakki, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki”). It-talba limitata għal aċċess separat għan-netwerks lokali ta’ Slovak Telekom hija spjegata b’mod partikolari mill-fatt li ċerti operaturi alternattivi jikkunsidraw iktar vantaġġjuż li jidħlu fis-suq billi jirrikorru għall-aċċess broadband jew billi jiżviluppaw l-infrastrutturi lokali tagħhom stess.

    181

    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dan l-argument.

    182

    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li permezz tad-deċiżjoni tiegħu tal‑14 ta’ Ġunju 2005, il-President tat-TUSR impona fuq Slovak Telekom li tipprovdi aċċess separat għan-netwerk lokali tagħha taħt kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, u li kien bil-għan li tissodisfa dan l-obbligu li Slovak Telekom ippubblikat, fit-12 ta’ Awwissu 2005, offerta ta’ riferiment fil-qasam ta’ aċċess separat (ara l-punti 9 u 10 iktar ’il fuq).

    183

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax id-deskrizzjoni tal-kontenut tal-offerta ta’ riferiment ta’ Slovak Telekom fit-Taqsima 7.6 tad-deċiżjoni kkontestata (“Klawżoli u kundizzjonijiet ġusti ta’ ST”), li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 820 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-klawżoli u l-kundizzjonijiet ta’ din l-offerta kienu ġew stabbiliti b’mod li jirrendi l-aċċess separat għan-netwerk lokali inaċċettabbli għall-operaturi alternattivi.

    184

    Issa, minn din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prattiki abbużivi li kienu kklassifikati bħala “rifjut ta’ provvista” mill-Kummissjoni jirriżultaw, essenzjalment, mill-offerta ta’ riferiment stess.

    185

    Għalhekk, l-ewwel nett, fir-rigward tal-ħabi mill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni dwar in-netwerk ta’ Slovak Telekom, neċessarja għall-aċċess separat għan-netwerk lokali, qabel xejn mill-premessa 439 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-offerta ta’ riferiment ma inkludietx l-informazzjoni bażika rigward il-pożizzjonijiet tal-punti ta’ aċċess fiżiċi u d-disponibbiltà tan-netwerks lokali f’partijiet speċifiċi tan-netwerk ta’ aċċess. Barra minn hekk, fil-premessi 443 sa 528 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat ċertament l-informazzjoni dwar in-netwerk ipprovduta minn Slovak Telekom fuq talba ta’ operatur alternattiv bil-prospett ta’ aċċess separat. Madankollu, minn din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-modalitajiet ta’ aċċess għal din l-informazzjoni kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala inġusti, u għalhekk, dissważivi għall-operaturi alternattivi jirriżultaw mill-offerta ta’ riferiment stess. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkritikat il-fatt, fl-ewwel lok, li l-offerta ta’ riferiment ma stabbilixxietx il-portata eżatta tal-informazzjoni dwar in-netwerk li Slovak Telekom kienet ser tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi alternattivi, billi speċifikat il-kategoriji ta’ informazzjoni kkonċernata (premessa 507 tad-deċiżjoni kkontestata), u fit-tieni lok, li l-imsemmija offerta ma pprovdietx aċċess għall-informazzjoni minn sistemi ta’ informazzjoni mhux pubbliċi ħlief wara l-konklużjoni tal-kuntratt-qafas dwar l-aċċess għan-netwerk lokali (premessa 510 tad-deċiżjoni kkontestata), u t-tielet nett, li din l-offerta tissuġġetta tali aċċess għall-informazzjoni dwar in-netwerk ta’ Slovak Telekom għall-ħlas mill-operatur alternattiv ta’ tariffi għoljin (premessi 519 u 527 tad-deċiżjoni kkontestata).

    186

    It-tieni nett, fir-rigward tat-tnaqqis minn Slovak Telekom tal-portata tal-obbligu regolamentari tagħha fil-qasam ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali, qabel xejn, mill-premessi 535 u 536 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-limitazzjoni tal-imsemmi obbligu għal-linji attivi biss (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), allegata mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ Slovak Telekom, tirriżulta mill-punt 5.2 tal-parti introduttiva tal-offerta ta’ riferiment tagħha. Imbagħad, b’mod partikolari mill-premessi 570, 572, 577, 578 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huwa fir-rigward tal-provvedimenti kontenuti fl-Anness 3 tal-imsemmija offerta ta’ riferiment li l-Kummissjoni ddeduċiet li Slovak Telekom kienet eskludiet b’mod inġustifikat is-servizzi f’kunflitt mal-obbligu tagħha fil-qasam ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Finalment, mill-premessa 606 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-regola ta’ limitazzjoni tal-użu tal-cable ta’ 25 % imposta minn Slovak Telekom għall-aċċess separat għan-netwerk lokali u kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala inġusta (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), tirriżulta mill-Anness 8 tal-offerta ta’ riferiment.

    187

    It-tielet nett, fir-rigward tal-istabbiliment minn Slovak Telekom ta’ kundizzjonijiet inġusti fil-qasam tal-aċċess separat fir-rigward tal-kollokazzjoni, tal-previżjonijiet, tat-tiswijiet, tas-servizz, tal-manutenzjoni kif ukoll tal-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja, dawn jirriżultaw kollha, kif muri fit-Taqsima 7.6.4 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-offerta ta’ riferimenti ppubblikata minn dan l-operatur fit-12 ta’ Awwissu 2005. Għalhekk, il-klawżoli kkunsidrati inġusti mill-Kummissjoni kienu inklużi rispettivament fl-Annessi 4, 5, 14 u 15 tal-imsemmija offerta għal dak li jirrigwarda l-kollokazzjoni (premessi 653, 655 u 683 tad-deċiżjoni kkontestata), fl-Annessi 12 u 14 għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ previżjoni mill-operaturi alternattivi (premessi 719 u 726 sa 728 tad-deċiżjoni kkontestata), fl-Anness 5 għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ klassifikazzjoni tan-netwerks lokali (premessi 740, 743, 767, 768 u 774 tad-deċiżjoni kkontestata), fl-Anness 11 għal dak li jirrigwarda l-klawżoli u l-kundizzjonijiet dwar it-tiswijiet, is-servizz u l-manutenzjoni (premessi 780, 781, 787, 790 u 796 tad-deċiżjoni kkontestata), u fl-Annessi 5 u 17 għal dak li jirrigwarda l-garanzija bankarja meħtieġa mill-operatur alternattiv kandidat għall-aċċess separat (premessi 800, 802 sa 807, 815 u 816 tad-deċiżjoni kkontestata).

    188

    Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li uħud minn dawn il-modalitajiet ta’ aċċess setgħu kienu s-suġġett ta’ flessibbiltajiet fil-kuntest tan-negozjati bilaterali bejn Slovak Telekom u l-operaturi kandidati għall-aċċess, dak li r-rikorrenti ddikjarat mingħajr ebda prova insostenn, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-offerta ta’ riferiment ippubblikata fit‑12 ta’ Awwissu 2005 setgħet tiddisswadi sa minn dik id-data l-preżentazzjoni ta’ talbiet għal aċċess minn operaturi alternattivi, minħabba l-klawżoli u l-kundizzjonijiet inġusti li hija inkludiet.

    189

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żbalji meta kkunsidrat li minħabba l-modalitajiet ta’ aċċess li jinsabu fl-offerta ta’ riferiment tagħha ppubblikata fit‑12 ta’ Awwissu 2005, Slovak Telekom kienet ikkompromettiet id-dħul ta’ operaturi alternattivi fis-suq bl-imnut tal-massa (jew tal-pubbliku ġenerali) għas-servizzi broadband f’pożizzjoni fissa fis-Slovakkja, minkejja l-obbligu li hija kellha f’dan is-sens skont id-deċiżjoni tat-TUSR, u li dan l-aġir kien għalhekk ta’ natura li jkollu tali effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni sa minn dik id-data (ara b’mod partikolari, il-premessi 1048, 1050, 1109, 1184 u 1520 tad-deċiżjoni kkontestata).

    190

    Din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-allegazzjoni tar-rikorrenti, magħmul fir-replika, li skontha t-talba limitata ta’ operaturi alternattivi sabiex jiksbu l-aċċess separat għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom kienet spjegata, minn naħa, miċ-ċirkustanza li l-aċċess broadband bl-ingrossa [wholesale broadband access (WBA) jew bitstream], offrut permezz ta’ prodotti msejħa “ISP Gate/ADSL Partner”, irrappreżentaw għal dawn l-operaturi alternattiva interessanti sabiex jidħlu fis-suq bl-imnut meqjusa l-investimenti sostanzjalment inqas li huma jeħtieġu, u min-naħa l-oħra, mill-preferenza manifesta ta’ uħud mill-operaturi alternattivi li jidħlu fis-suq permezz tal-infrastrutturi lokali tagħhom stess. Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni, li permezz tagħha r-rikorrenti trid tikkontesta b’mod ġenerali l-effeti antikompetittivi tal-prattiki kontenzjużi, bl-ebda mod ma hija sostnuta u għalhekk ma tistax tikkontesta l-analiżi tal-imsemmija effetti mill-Kummissjoni fil-premessi 1049 sa 1183 tad-deċiżjoni kkontestata.

    191

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tingħata raġun meta tikkontesta d-data tal-bidu tal-ksur sostnuta mill-Kummissjoni f’dan il-każ b’riferiment għall-approċċ meħud fid-deċiżjoni Clearstream u fid-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki. Fil-fatt, mingħajr ma hemm lok li jiġi stabbilit jekk dawn id-deċiżjonijiet jistgħux jaqgħu fil-kuntest ġuridiku rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dak li huwa kkontestat mill-Kummissjoni, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dawn ingħataw f’kuntest differenti minn dak ta’ din il-kawża u li għalhekk ma humiex tali li jistabbilixxu li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni eskludiet il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha.

    192

    Għalhekk, fir-rigward tad-deċiżjoni Clearstream, huwa suffiċjenti li jiġi enfasizzat li din id-deċiżjoni, b’mod differenti mid-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ, ingħatat f’kuntest ikkaratterizzat mill-assenza ta’ kull obbligu regolamentari tal-impriża li għandha l-infrastruttura inkwistjoni li tagħti lill-impriżi l-oħra aċċess għall-imsemmija infrastruttura, kif ukoll mill-assenza ta’ obbligu ta’ din l-impriża li tippubblika offerta ta’ riferiment li jippreċiża l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ tali aċċess.

    193

    Fir-rigward tad-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki, il-Kummissjoni hemmhekk ikkonstatat li l-operatur stabbilit inkwistjoni kien abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fis-suq Pollakk bl-ingrossa tal-aċċess għal broadband u tal-aċċess separat għan-netwerk lokali, meta rrifjuta li jagħti aċċess għan-netwerk tiegħu u jipprovdi prodotti bl-ingrossa li jaqgħu fl-imsemmija swieq sabiex jipproteġi l-pożizzjoni tiegħu fis-suq bl-imnut. Barra minn hekk, il-kuntest tal-każ Telekomunikazzjonijiet Pollakki kien ikkaratterizzat minn obbligu regolamentari ta’ aċċess analogu għal dak li kellha Slovak Telekom f’din il-kawża, kif ukoll mir-rekwiżit li l-operatur ta’ telekomunikazzjonijiet Pollakk inkwistjoni jippubblika offerta ta’ riferiment għall-aċċess separat għan-netwerk lokali tiegħu. Madankollu, minn analiżi ddettaljata tad-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki jirriżulta li l-approċċ segwit f’din id-deċiżjoni ma fih ebda kontradizzjoni ma’ dak meħud fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fid-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki, il-Kummissjoni rrilevat li l-istrateġija antikompetittiva tal-operatur dominanti kienet essenzjalment immaterjalizzat biss matul in-negozjati mal-operaturi alternattivi kandidati għall-kisba ta’ aċċess separat għan-netwerk lokali kif ukoll ta’ aċċess bl-ingrossa għas-servizzi broadband tal-operatur dominanti. Għalhekk, il-kundizzjonijiet irraġonevoli ta’ aċċess kienu jirriżultaw mill-abbozzi ta’ kuntratti ta’ aċċess magħmula mill-operatur dominanti inkwistjoni fil-kuntest ta’ negozjati mal-operaturi alternattivi. Barra minn hekk, id-dewmien tal-proċess ta’ innegozjar tal-ftehim ma setax, ipotetikament, jiġi identifikat sa mill-pubblikazzjoni tal-ewwel offerta ta’ riferiment tal-operatur dominanti. Jiżdied li il-limitazzjoni tal-aċċess għan-netwerk tiegħu mill-operatur dominanti żviluppat fi stadju sussegwenti għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ aċċess bl-ingrossa mal-operaturi alternattivi. Apparti dan, il-limitazzjoni ta’ aċċess effettiv għal-linji tal-abbonati seħħet wara l-kisba mill-operatur alternattiv ta’ aċċess għal spazju ta’ kollokazzjoni jew tal-awtorizzazzjoni li jinstalla cable ta’ korrispondenza. Finalment, il-problemi ta’ aċċess għal informazzjoni ġenerali affidabbli u eżatta indispensabbli għall-operaturi alternattivi sabiex jieħdu deċiżjonijiet fil-qasam tal-aċċess kienu mmanifestati f’kull stadju tal-proċess ta’ aċċess għan-netwerk tal-operatur dominanti. Għalhekk, l-aġir tal-operatur dominanti fil-każ Telekomunikazzjonijiet Pollakki Télécommunications huwa differenti mill-prattiki li ġew ikklassifikati bħala rifjut ta’ provvista mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li kif jirriżulta mill-analiżi magħmula fil-punti 184 sa 189 iktar ’il fuq, irriżultaw essenzjalment mill-offerta ta’ riferiment għall-aċċess separat għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom stess. Dawn id-differenzi jiġġustifikaw li, b’mod differenti mid-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki li fiha l-punt tat-tluq tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE kien ġie stabbilit fid-data li fiha bdew l-ewwel negozjati ta’ aċċess bejn l-operatur dominanti inkwistjoni u operatur alternattiv, wara diversi xhur mill-pubblikazzjoni tal-ewwel offerta ta’ riferiment (premessa 909 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1259), f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat it‑12 ta’ Awwissu 2005, jiġifieri d-data tal-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ riferiment, bħala d-data tal-bidu tar-rifjut impliċitu ta’ aċċess għan-netwerk lokali.

    194

    Għalhekk, l-ewwel ilment ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni meta hija kkunsidrat li r-rifjut impliċitu ta’ aċċess għan-netwerk lokali beda fit‑12 ta’ Awwissu 2005, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    195

    Għandu jiżdied li r-rikorrenti ma tikkontestax il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu sostnuta mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-prattiki kollha msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri (a) il-ħabi lill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni dwar in-netwerk neċessarja għall-aċċess separat għan-netwerks lokali; (b) it-tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-aċċess separat għan-netwerks lokali; (ċ) l-istabbiliment ta’ modalitajiet u kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam ta’ aċċess separat fir-rigward tal-kollokazzjoni, il-klassifikazzjoni, il-previżjonijiet, it-tiswijiet u l-garanziji bankarji; (d) l-applikazzjoni ta’ tariffi inġusti li ma jippermettux operatur daqstant effikaċi li jibbaża ruħu fuq l-aċċess bl-ingrossa għan-netwerks lokali b’aċċess separat ta’ Slovak Telekom li jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti minn Slovak Telekom mingħajr ma jsosnti telf.

    196

    F’dawn iċ-ċirkustanzi u sa fejn l-ewwel ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li r-rifjut impliċitu ta’ aċċess għan-netwerk lokali beda fit‑12 ta’ Awwissu 2005, ġie miċħud (ara l-punt 194 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-ksur uniku u kontinwu li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata kien beda fit‑12 ta’ Awwissu 2005.

    197

    Madankollu, din il-konklużjoni ma tostakolax li l-Qorti Ġenerali teżamina t-tieni u t-tielet ilment invokati mir-rikorrenti u tevalwa jekk l-Artikolu 1(2)(d) tad-deċiżjoni kkontestata jistax jiġi annullat parzjalment sa fejn jikkonstata li matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti applikat tariffi inġusti li ma jippermettux li operatur daqstant effikaċi li jibbaża ruħu fuq l-aċċess bl-ingrossa għan-netwerks lokali b’aċċess separat ta’ Slovak Telekom jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti minn Slovak Telekom, mingħajr ma jsostni telf (ara b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punti 864865 u l-punt 1 tad-dispożittiv).

    c)   Fuq l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni matull-2005

    198

    Permezz tat-tieni u t-tielet ilment, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment, li huwa żbaljat li l-Kummissjoni kkonkludiet l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni matul l-2005.

    199

    Fil-fatt, permezz tat-tieni ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-marġni ta’ Slovak Telekom matul l-2005 kien pożittiv, ikun x’ikun ix-xenarju previst. Peress li tali marġni pożittiv implika neċessarjament li l-kompetituri effikaċi daqs Slovak Telekom ma kienu ser isostnu ebda telf f’każ ta’ dħul fis-suq, il-konklużjoni tal-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni matul din is-sena hija żbaljata. Barra minn hekk, huwa ineżatt li deċiżjoni ta’ dħul fis-suq minn kompetitur, fl-2005, ma kinitx perċepibbli għal perijodu daqstant qasir ta’ erba’ xhur u nofs. Fil-fatt, f’dik l-epoka, iċ-ċifri għas-snin li ġejjin kien għadu mhux magħruf u għalhekk ma setgħux kellhom xi influwenza fuq tali deċiżjoni ta’ investiment.

    200

    Permezz tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-metodu ta’ kalkolu tal-marġni fuq varji perijodi (multiannwali), li sa dakinhar kien għadu applikat biss b’mod addizzjonali u favur l-impriża kkonċernata, kellu jippermetti lill-Kummissjoni tidentifika artifiċjalment il-kompressjonijiet tal-marġni matul is-snin preċedenti għal dawk li fihom tali kompressjonijiet setgħu jiġu effettivament ikkonstatati. Dan il-metodu ma jistax madankollu jintuża sabiex jestendi kompressjoni tal-marġni fil-passat. Peress li la Slovak Telekom u lanqas ir-rikorrenti ma setgħu jipprevedu l-iżvilupp tat-tariffi wara l-2005, il-konklużjoni li huma wettqu ksur sa minn dik l-epoka tmur kontra l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003. Il-fatt li l-Kummissjoni stess damet diversi snin qabel ma kienet f’pożizzjoni tippreżenta kalkolu ta’ kompressjoni tal-marġni li juri li la r-rikorrenti u lanqas Slovak Telekom ma setgħu jkunu jafu li din tal-aħħar wettqet abbuż taħt il-forma ta’ tali kompressjoni fl-epoka tal-fatti.

    201

    Fir-rigward tat-tieni ilment, il-Kummissjoni twieġeb li l-marġni pożittiv żgħir li seta’ eżista fl-2005 huwa mingħajr preġudizzju għall-konstatazzjoni ta’ kompressjoni tal-marġni li tibda mit‑12 ta’ Awwissu ta’ dik l-istess sena. Fil-fatt, din il-kompressjoni pprekludiet lill-kompetituri li jidħlu fis-suq milli jkopru l-investimenti tagħhom marbuta ma’ dan id-dħul. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-rikorrenti, ebda operatur ekonomiku ma jipprevedi li jidħol f’suq mingħajr prospett raġonevoli ta’ rendiment fuq diversi snin.

    202

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni twieġeb għat-tielet ilment billi tindika li hija ma stabbilixxietx il-punt tat-tluq tal-ksur fit‑12 ta’ Awwissu 2005 b’mod arbitrarju, iżda minħabba l-pubblikazzjoni f’dik id-data tal-offerta ta’ riferiment u billi ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu li minnu dan l-operatur kellu jissepara l-aċċess għan-netwerks lokali tiegħu. Dwar l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tfakkar li huwa suffiċjenti li impriża kienet taf bil-punti ta’ fatt relattivi għall-abbuż minn pożizzjoni dominanti li hija kkritikata bihom sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħha skont l-Artikolu 102 TFUE. F’dan il-każ, Slovak Telekom kienet taf li sa mill-2005, kompetitur daqstant effikaċi ma kellu ebda ċans iwettaq marġni suffiċjentement pożittiv billi jidħol fis-suq. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak iddikjarat mir-rikorrenti, l-ispejjeż tal-aċċess fis-suq bl-ingrossa ma kinux essenzjalment kontenzjużi. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti ma tispjegax għaliex il-metodu fuq varji perijodi (multiannwali) seta’ jintuża biss meta dan ikun ta’ vantaġġ għall-impriża dominanti inkwistjoni.

    203

    Finalment, il-Kummissjoni ssostni li peress li hija wriet l-eżistenza ta’ żewġ forom ta’ abbuż matul it-tul tal-ksur, il-konstatazzjoni eventwali tal-assenza ta’ kompressjoni tal-marġni fl-2005 ma timplikax, fi kwalunkwe każ, li t‑12 ta’ Awwissu 2005 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala d-data tal-bidu tal-ksur. Għalhekk, tali konstatazzjoni ma hija ta’ ebda vantaġġ għar-rikorrenti.

    204

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tal-approċċ imsejjaħ “perijodu b’perijodu” (sena b’sena), li Slovak Telekom bdiet prattiki ta’ kompressjoni tal-marġni sa mit-12 ta’ Awwissu 2005. Fil-fatt, mill-premessa 997 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li abbażi ta’ analiżi li tirrigwarda kull sena matul il-perijodu inkwistjoni, kompetitur daqstant effikaċi li juża l-aċċess bl-ingrossa għan-netwerk lokali ta’ Slovak Telekom kellu marġni negattivi u ma setax jirriproduċi b’mod vijabbli l-portafoll broadband bl-imnut tar-rikorrenti. Fil-premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-fatt li kien hemm marġni pożittiv matul erba’ xhur fl-2005 ma jikkontestax din il-konklużjoni, peress li dħul matul erba’ xhur ma setax jiġi kkunsidrat bħala dħul fuq bażi fit-tul. Skont il-Kummissjoni, l-operaturi jikkunsidraw il-kapaċità tagħhom li jiksbu rendita raġonevoli fuq perijodu itwal, li jestendi fuq diversi snin (premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 1012 tal-imsemmija deċiżjoni, li matul il-perijodu mit‑12 ta’ Awwissu 2005 sal‑31 ta’ Diċembru 2010, kompetitur effikaċi daqs Slovak Telekom ma setax jirriproduċi b’mod vijabbli l-portafoll bl-imnut ta’ dan l-operatur.

    205

    Madankollu, kif tfakkar fil-punt 162 iktar ’il fuq, sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-politika ta’ prezzijiet applikata minn impriża dominanti, għandu, bħala prinċipju, isir riferiment għal kriterji ta’ prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u fuq l-istrateġija tagħha.

    206

    B’mod partikolari, fir-rigward ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni, l-użu ta’ tali kriterji ta’ analiżi jippermetti li jiġi vverifikat jekk din l-impriża kinitx suffiċjentement effikaċi sabiex toffri s-servizzi bl-imnut tagħha lill-klijenti finali, mingħajr telf, jekk hija ġiet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji (ara l-punt 163 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata).

    207

    Tali approċċ huwa iktar u iktar iġġustifikat, minn naħa, peress li huwa konformi wkoll mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-impriża dominanti jippermettilha tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha, fir-rigward tar-responsabbiltà partikolari li hija għandha taħt l-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, għalkemm impriża dominanti għandha għarfien dwar l-ispejjeż u t-tariffi tagħha nnifisha, bħala prinċipju hija ma tafx x’inhuma dawk tal-kompetituri tagħha. Minn naħa, abbuż ta’ esklużjoni jaffettwa wkoll l-kompetituri potenzjali tal-impriża dominanti, li l-prospetti ta’ nuqqas ta’ profittabbiltà jistgħu jiddisswaduhom milli jidħlu fis-suq (ara l-punt 164 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata).

    208

    Minn dan jirriżulta li sabiex jiġu stabbiliti l-elementi li jikkostitwixxu l-prattika ta’ kompressjoni tal-marġni, fil-premessa 828 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament sostniet il-kriterju ta’ kompetitur daqstant effikaċi, ibbażat fuq il-prova li l-impriża dominanti ma setgħetx teżerċita attivitajiet vijabbli downstream abbażi tal-prezz bl-ingrossa applikat għall-kompetituri downstream tagħha u tal-prezz bl-imnut applikat għall-parti downstream ta’ din l-impriża.

    209

    Issa, kif jirriżulta mit-tabelli 32 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni wasslet, fix-xenarji previsti kollha u kif din tal-aħħar stess aċċettat fil-premessa 998 tal-imsemmija deċiżjoni, għal marġni pożittiv għall-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005.

    210

    F’tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sa fejn l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti tiffissa l-prezzijiet tagħha fuq livell li jkopri l-ispejjeż imputabbli essenzjali għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni, kompetitur daqstant effikaċi bħal din l-impriża bħala prinċipju jkollu l-possibbiltà li jikkompeti ma’ dawn il-prezzijiet mingħajr ma jsostni telf li ma jiflaħx għalih għal żmien twil (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 38).

    211

    Minn dan jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, kompetitur effikaċi daqs Slovak Telekom kellu, bħala prinċipju, il-possibbiltà li jikkompeti magħha fis-suq bl-imnut ta’ servizzi broadband sa fejn jingħata lilu aċċess separat għan-netwerk lokali, u dan mingħajr telf li ma jiflaħx għalih fuq żmien twil.

    212

    Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk marġni huwa pożittiv, ma huwiex eskluż li l-Kummissjoni tista’, fil-kuntest tal-eżami tal-effett ta’ esklużjoni ta’ prattika tariffarja, turi li l-applikazzjoni tal-imsemmija prattika setgħet, pereżempju minħabba tnaqqis fil-profitti, tagħmel mill-inqas iktar diffiċli għall-operaturi kkonċernati l-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fis-suq ikkonċernat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 74). Din il-ġurisprudenza tista’ tkun qrib l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprevedi li fil-proċeduri ta’ applikazzjoni kollha tal-Artikolu 102 TFUE, l-oneru tal-prova ta’ ksur ta’ dan l-artikolu huwa fuq il-parti jew l-awtorità li tallegah, jiġifieri, f’dan il-każ, fuq il-Kummissjoni.

    213

    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma wrietx li l-prattika tariffarja ta’ Slovak Telekom, matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, kellha tali effetti ta’ esklużjoni. Issa, li tali effetti jintwerew hija meħtieġa b’mod iktar partikolari minħabba l-preżenza ta’ marġni pożittivi.

    214

    Id-dikjarazzjoni waħedha, fil-premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operaturi jikkunsidraw il-kapaċità tagħhom li jiksbu rendita raġonevoli fuq perijodu itwal, li jestendi fuq diversi snin, ma tistax tikkostitwixxi tali prova. Jekk jiġi preżunt tali ċirkustanza, din fil-fatt tkun ibbażata fuq eżami prospettiv ta’ profittabbiltà, neċessarjament b’mod aleatorju. Barra minn hekk, f’din il-kawża, l-imsemmija marġni pożittivi rriżultaw fil-bidu nett tal-perijodu inkwistjoni, f’epoka li fiha ebda marġni negattiv ma kien għadu jista’ jiġi kkonstatat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-raġuni mogħtija fil-premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali mfakkar fil-punt 164 iktar ’il fuq, li skontu li impriża dominanti għandha tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-konformità tal-aġir tagħha mal-Artikolu 102 TFUE.

    215

    Għal din l-istess raġuni, il-konstatazzjoni ta’ marġni negattivi, bl-applikazzjoni tal-approċċ fuq varji perijodi (multiannwali), ma tistax tikkontesta din l-evalwazzjoni, peress li f’dan il-każ, dan l-approċċ wassal għal din il-konstatazzjoni biss permezz ta’ kunsiderazzjoni tal-marġni pożittivi għall-2005 mal-marġni negattivi kkonstatati għall-2006 sal-2010 (premessa 1013 tad-deċiżjoni kkontestata) u għall-2006 sal-2008 (premessa 1014 tad-deċiżjoni kkontestata) rispettivament.

    216

    Barra minn hekk, fil-premessa 1026 tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi ta’ dokumenti ta’ April 2005 maħruġa mid-dipartiment regolatorju ta’ Slovak Telekom u relatati ma’ strateġija ta’ ssuġġettar tal-offerta ta’ riferiment li tirrigwarda l-aċċess separat għan-netwerk lokali u l-prezzijiet tal-ULL, il-Kummissjoni kkunsidrat li din tal-aħħar kienet taf, sa mit‑12 ta’ Awwissu 2005, li l-prezzijiet bl-ingrossa fuq livell tan-netwerk lokali kienu jwasslu għal kompressjoni tal-marġni tal-operaturi alternattivi.

    217

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, ikkunsidrata l-preżenza ta’ marġni pożittivi bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kienet suġġetta għal obbligu partikolari li jirrigwarda l-prova tal-effetti ta’ esklużjoni tal-prattika ta’ kompressjoni tal-marġni allegata fil-konfront ta’ Slovak Telekom matul dan il-perijodu (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 212 iktar ’il fuq).

    218

    B’hekk, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni u d-dokumenti invokati insostenn tagħha ma humiex suffiċjenti sabiex jipprovaw l-effett ta’ esklużjoni tal-prattika ta’ kompressjoni tal-marġni allegata fil-konfront ta’ Slovak Telekom, u pereżempju, tnaqqis fil-profittabbiltà, li jista’ jirrendi mill-inqas iktar diffiċli għall-operaturi kkonċernati l-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fis-suq ikkonċernat.

    219

    Barra minn hekk, it-Taqsimiet 9 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikati għall-effetti antikompetittivi tal-aġir ta’ Slovak Telekom, ma jinkludu ebda eżami tal-effetti tal-prattika ta’ kompressjoni tal-marġni allegata matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005.

    220

    Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ferm stabbilita li tipprevedi li l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T-78/00, EU:T:2004:221, punt 177, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni, T‑112/07, EU:T:2011:342, punt 58), għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova li l-prattika li twassal għal kompressjoni tal-marġni minn Slovak Telekom kienet bdiet qabel l‑1 ta’ Jannar 2006. Konsegwentement, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni dwar dan il-punt, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk dan l-approċċ jiksirx ukoll, kif issostni r-rikorrenti, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

    221

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi parzjalment milqugħ u l-Artikolu 1(2)(d) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jikkonstata li matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti applikat tariffi inġusti li ma jippermettux lil operatur daqstant effettiv li jibbaża ruħu fuq l-aċċess separat bl-ingrossa għan-netwerks lokali b’aċċess separat ta’ Slovak Telekom jirriproduċi s-servizzi bl-imnut ipprovduti minn Slovak Telekom mingħajr ma jsostni telf.

    [omissis]

    4.   Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

    474

    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel parti, li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-kunċett ta’ “impriża” kif ukoll il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, sa fejn hija timponilha bħala reċidiva u għall-finijiet dissważivi multa ta’ EUR 31070000, distinta mill-multa imposta fuqha u fuq Slovak Telekom in solidum, u fit-tieni parti, li dwar dan il-punt id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

    475

    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat in-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat u t-tieni nett il-ksur allegat tal-kunċett ta’ “impriża” u tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni.

    d)   Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

    476

    Permezz tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tallega li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma pprovdiet ebda raġuni li għaliha hija kellha tbati waħedha ż-żidiet għal reċidiva l-effet dissważiv, u li b’hekk kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni stabbilixxiet biss il-motivi aggravanti li jiġġustifikaw aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa u imbagħad iddeċidiet li ż-żidiet tal-multa għandhom jiġu sostnuti mir-rikorrenti waħedha. Id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li r-rikorrenti tifhem ir-raġuni li tiġġustifika tali approċċ, u dan iktar u iktar meta f’dan il-każ, ir-responsabbiltà tirriżulta biss mill-fatt li ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha Slovak Telekom ġie imputat lilha. Fir-rigward tal-premessi 1533 u 1535 tad-deċiżjoni kkontestata ċċitata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura, dawn ċertament jippermettu li jiġi konkluż li d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti huwa ikbar minn dak ta’ Slovak Telekom. Madankollu, dawn il-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jinftiehem għaliex Slovak Telekom kellha tiġi eskluża mill-multa imposta speċifikament fuq ir-rikorrenti.

    477

    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dan l-argument.

    478

    Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l-obbligu li tiġi mmotivata deċiżjoni individwali għandu l-għan, minbarra li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni u li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata bi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 14, u tad‑29 ta’ Frar 2016, Schenker vs Il-Kummissjoni, T‑265/12, EU:T:2016:111, punt 230).

    479

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-parti tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti waħedha u li tirrifletti ż-żieda minħabba reċidiva tal-ammont tal-multa imposta fuq Slovak Telekom u r-rikorrenti in solidum, mill-premessi 1525 sa 1531 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mingħajr ambigwità li l-imsemmija żieda kienet iġġustifikata mill-fatt li r-rikorrenti, li r-responsabbiltà tagħha għall-ksur inkwistjoni seta’ ġie stabbilit, kienet diġà ssanzjonata għal ksur simili fid-deċiżjoni Deutsche Telekom. Issa, minkejja li din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ma tesponix għaliex ir-rikorrenti għandha ssostni waħedha l-konsegwenzi ta’ din ir-reċidiva, bl-esklużjoni ta’ Slovak Telekom, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta b’mod impliċitu li dan huwa dovut għall-fatt waħdu li r-rikorrenti biss kienet responsabbli mill-ksur inkwistjoni fid-deċiżjoni Deutsche Telekom, u kienet għalhekk destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.

    480

    Fir-rigward tal-parti tal-multa imposta fuq r-rikorrenti waħedha li tirrifletti l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.2 għall-finijiet dissważivi, fil-premessa 1533 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni enfasizzat, l-ewwel nett, li d-dħul mill-bejgħ mondjali tar-rikorrenti fl-2013 jammonta għal EUR 60.132 biljun, it-tieni nett, li l-valur tal-bejgħ ta’ prodotti rilevanti għall-ksur inkwistjoni jirrappreżenta tal-inqas 0.067 % ta’ dan id-dħul mill-bejgħ, u t-tielet nett, li r-rikorrenti kienet responsabbli mill-ksur imwettaq minn Slovak Telekom. Fil-premessi 1534 u 1535 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeduċiet li r-rikorrenti kellha, skont il-punt 30 tal-Linji gwida tal-2006, tiġi imposta multa ikbar mill-multa bażika miżjuda b’ 50 % minħabba reċidiva, sabiex tiżgura effett dissważiv suffiċjenti għall-imsemmija multa. Minkejja li din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ma tesponix għaliex ir-riżultat tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.2 ma għandux jiġi sostnut ukoll minn Slovak Telekom, mir-raġunament tal-Kummissjoni jirriżulta b’mod impliċitu li dan l-approċċ kien motivat mill-fatt li din is-sussidjarja kellha dħul mill-bejgħ nettament iżgħar minn dak tar-rikorrenti fil-mument li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, u li għalhekk il-multa ta’ EUR 38838000 kellha, fir-rigward tal-imsemmija sussidjarja, effett dissważiv suffiċjenti.

    481

    Għalhekk, minkejja li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tidher sommarja fir-rigward tal-multa imposta individwalment fuq ir-rikorrenti, hija pprovdielha indikazzjoni suffiċjenti dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt u għalhekk ippermettitilha tikkontesta l-validità tagħha b’mod utli. Bl-istess mod, din il-motivazzjoni tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-multa imposta individwalment fuq ir-rikorrenti.

    482

    Għalhekk, it-tieni parti tar-raba’ motiv ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandha tiġi miċħuda.

    e)   Fuq il-ksur tal-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni

    483

    Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tirrileva li l-multa speċifika imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata tirriżulta minn żewġ ċirkustanzi li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fl-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri, minn naħa, il-kobor tal-impriża li minnha r-rikorrenti tifforma parti, li skont il-Kummissjoni jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni tal-multa ta’ 1.2 u, min-naħa l-oħra, il-fatt li r-rikorrenti kienet diġà nżammet responsabbli ta’ ksur simili fid-deċiżjoni Deutsche Telekom, li jiġġustifika żieda ta’ ammont bażiku tal-multa ta’ 50 %. Issa, ir-rikorrenti tenfasizza li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żammitha responsabbli mhux minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-fatti li jikkostitwixxu l-ksur, iżda minħabba r-rabtiet tagħha ma’ Slovak Telekom. Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti u Slovak Telekom kienu jifformaw parti mill-istess impriża mhux biss matul il-perijodu tal-ksur kollu, iżda wkoll fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni Deutsche Telekom, il-maġġoranza tal-ishma tar-rikorrenti fil-kapital ta’ Slovak Telekom mill‑4 ta’ Awwissu 2000 u l-istruttura ta’ dawn l-ishma qatt ma nbiddlu minn dakinhar.

    484

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tenfasizza li huwa bi ksur tal-kunċett ta’ “impriża” fid-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li l-Kummissjoni imponiet lilha multa distinta. Konformement mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, dan il-prinċipju jirrikjedi li l-ammont tal-multa għandu jiġi ddeterminat skont, minn naħa, il-gravità tal-ksur individwalment attribwit lill-impriża kkonċernata, u min-naħa l-oħra, it-tul tiegħu. B’hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ timponi multi differenti lil impriża differenti biss u mhux lil kumpanniji differenti meta dawn jifformaw parti mill-istess impriża. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni ma japplikax għar-relazzjoni interna bejn persuni ġuridiċi differenti li jikkostitwixxu impriża. Kif tikkonferma l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, multa distinta ma hijiex iġġustifikata meta, mill-perspettiva ġuridika, il-kompożizzjoni tal-impriża kkonċernata żviluppat matul il-perijodu rilevanti, u li għalhekk jistgħu jiġu identifikati impriżi differenti. Peress li dan ma kienx il-każ f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax timponi fuq ir-rikorrenti multa ikbar minn dik imposta fuq Slovak Telekom mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet. Barra minn hekk, bla ħsara għall-iżviluppi fl-istruttura tal-impriża responsabbli mill-ksur, il-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jkun ikkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali mill-impriża inkwistjoni. Fir-rigward tar-reċidiva, ir-rikorrenti ssostni li peress li l-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni Deutsche Telekom kienet wettqitu hija stess, ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk Slovak Telekom kinitx diġà tifforma parti mill-impriża responsabbli minn dak il-ksur fl-epoka li fih twettaq. L-unika kunsiderazzjoni rilevanti f’dan l-istadju tinsab fil-fatt li din l-aħħar impriża wettqet dan il-ksur u li l-kumpannija tal-grupp li għandha tiġi ssanzjonata għadha attwalment tifforma parti minn din l-istess impriża.

    485

    Ir-rikorrenti żżid ukoll, għal dak li jirrigwarda r-riskju ta’ reċidiva, li fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat li Slovak Telekom mhux biss kienet diġà tifforma parti mill-impriża responsabbli mill-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni Deutsche Telekom, iżda barra minn hekk, kienet taf b’dan il-ksur, ikkunsidrata l-pubbliċità kbira li kienet ingħatat id-deċiżjoni li ssanzjonat lilha. Fir-rigward tal-effett dissważiv, ir-rikorrenti tenfasizza essenzjalment, li skont ir-raġunament tal-Kummissjoni, hija stess u Slovak Telekom kienu jifformaw parti mill-istess impriża, u għalhekk kien żbaljat li jintuża l-argument tal-kobor differenti tagħhom għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

    486

    Finalment, ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li l-Kummissjoni ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni b’tali mod li hija tista’ tiddeċiedi b’mod liberu, mingħajr raġuni oġġettiva, li timponi multa fuq kumpannija ta’ grupp u mhux fuq kumpannija oħra tal-istess grupp. Issa, f’dan il-każ, ma huwiex xieraq li l-kumpannija li wettqet il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur tiġi pprivileġġjata u jingħata trattament inqas favorevoli lill-kumpannija omm tagħha, li r-responsabbiltà tagħha kienet stabbilita b’mod purament derivat.

    487

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Fil-fehma tagħha, il-fatt waħdu li r-rikorrenti kellha 51 % mill-kapital soċjali ta’ Slovak Telekom fl-epoka li fiha twettaq il-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni Deutsche Telekom ma jfissirx li Slovak Telekom kienet tappartjeni lill-impriża li wettqet dan il-ksur. L-argument tar-rikorrenti dwar dan il-punt jitlaq minn premessa żbaljata, peress li l-impriża responsabbli mill-abbuż minn pożizzjoni dominanti inkwistjoni fid-deċiżjoni Deutsche Telekom kienet komposta biss minn din l-aħħar kumpannija, u mhux mir-rikorrenti u Slovak Telekom. Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, meta l-Kummissjoni tissanzjona ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni distinta tal-kumpanniji fi ħdan grupp wieħed. Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-ebda mument ma tat x’jifhem li din il-marġni ta’ manuvra hija limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom il-kompożizzjoni tal-impriża inkwistjoni żviluppat.

    488

    Din il-konklużjoni ma hijiex inkompatibbli mal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, li jimplika biss li l-ammont għandu jiġi stabbilit skont il-gravità tal-ksur individwalment allegat lill-impriża kkonċernata. Għalhekk is-sanzjoni applikata lill-persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu l-impriża li wettqet il-ksur ma tistax taqbeż dak li huwa ġġustifikat fir-rigward tagħhom. Mill-banda l-oħra, mill-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet ma jirriżultax li l-Kummissjoni kellha timponi l-istess multa lill-persuni ġuridiċi kollha li jikkostitwixxu l-impriża inkwistjoni.

    489

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni użat il-marġni ta’ deskrizzjoni wiesgħa li minnu tibbenefika billi kkunsidrat li Slovak Telekom, li hija kumpannija relattivament żgħira, ma għandhiex tinżamm responsabbli għall-ħlas tal-multi imposti kollha. Għall-kuntrarju, żieda għall-finijiet dissważivi hija ġġustifikata fil-każ tar-rikorrenti, peress li din tal-aħħar hija kumpannija kbira ħafna u multa inferjuri ma jkollhiex effett dissważiv fuqha. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tenfasizza li ladarba l-ġurisprudenza taċċetta li hija libera li ma tissanzjonax kumpannija omm minkejja li tappartjeni lil impriża li tikser id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hija għandha a fortiori tkun f’pożizzjoni, għal raġunijiet oġġettivi, li timponi lil kumpannija li tappartjeni lil impriża responsabbli minn tali ksur parti biss mill-multa globali li tirriżulta minnu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument ta’ natura li jistabbilixxi li huwa illegali li l-Kummissjoni tapplika ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva kif ukoll iż-żieda għall-finijiet dissważivi.

    490

    Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq l-aġir ta’ Slovak Telekom fis-suq ma kinitx tapplika la meta twettaq il-ksur li ta lok għad-deċiżjoni Deutsche Telekom u lanqas matul il-perijodu li fih twettaq il-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, fl-assenza ta’ prova konkreta li Slovak Telekom u r-rikorrenti kienu diġà jifformaw parti mill-istess impriża fl-epoka li fiha twettaq il-ksur inkwistjoni fid-deċiżjoni Deutsche Telekom, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżid il-multa imposta fuq Slovak Telekom minħabba reċidiva. Mill-banda l-oħra, peress li r-rikorrenti kienet destinatarja tad-deċiżjoni Deutsche Telekom, il-Kummissjoni tqis li hija għandha tkun f’pożizzjoni li tapplika fil-konfront tagħha żieda ta’ reċidiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ struzzjoni iktar fid-dettall sabiex jiġi ddeterminat jekk hija kinitx diġà tifforma l-istess impriża ma’ Slovak Telekom fl-epoka tal-ksur issanzjonat fl-imsemmija deċiżjoni. Dwar iż-żieda tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni, il-Kummissjoni taċċetta li huwa minnu li din setgħet ġiet applikata wkoll fir-rigward ta’ Slovak Telekom, peress li din tal-aħħar kienet tifforma parti mill-impriża responsabbli mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ssanzjonat f’din il-kawża. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li huwa skont il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li hija għandha li hija setgħet tikkunsidra iktar opportun li ma ssegwix dan l-approċċ.

    1) Tfakkir tal-prinċipji

    491

    Qabel kollox għandu jitfakkar li l-għażla tal-awturi tat-trattati kienet li jużaw il-kunċett ta’ “impriża” sabiex jindikaw l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jista’ jiġi ssanzjonat skont l-Artikolu 101 jew 102 TFUE (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    492

    Id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni b’hekk jirreferi għall-attivitajiet tal-impriżi u li l-kunċett ta’ “impriża” jkopri kull entità involuta f’attività ekonomika, irrilevanti mill-istat legali ta’ din l-entità u mill-mod li bih kienet iffinanzjata (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kunċett ta’ “impriża”, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    493

    Għaldaqstant, meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, din ikollha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni, C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punti 3536 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    494

    Barra minn hekk, għall-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, huwa neċessarju li tiġi identifikata entità li għandha personalità ġuridika li tkun destinatarja tal-att fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara f’dan is-sens is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Saint-Gobain Glass France et vs Il-Kummissjoni, T‑56/09 u T‑73/09, EU:T:2014:160, punt 312 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu inekwivokament jiġi imputat fuq persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tkun indirizzata lil din il-persuna (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 50, u tas‑27 ta’ Marzu 2014, Saint-Gobain Glass France et vs Il-Kummissjoni, T‑56/09 u T‑73/09, EU:T:2014:160, punt 312 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    495

    F’dan ir-rigward, la l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-ġurisprudenza ma jiddeterminaw liema persuna ġuridika jew fiżika l-Kummissjoni hija fl-obbligu li żżomm bħala responsabbli tal-ksur u li tissanzjona permezz tal-impożizzjoni ta’ multa (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    496

    B’mod partikolari, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija omm, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punti 5872 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il-Kummissjoni, C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    497

    F’tali każ, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kumpannija omm li fuqha jiġi imputat l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha hija personalment ikkundannata għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni li titqies li wettqet hija stess, minħabba l-influwenza determinanti li hija eżerċitat fuq is-sussidjarja u li tippermettilha tiddetermina l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    498

    Għalhekk, meta r-responsabbiltà tal-kumpannija omm hija purament derivata, jiġifieri tiġi imputata lilha unikament minħabba l-parteċipazzjoni diretta ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha fil-ksur, din ir-responsabbiltà issib l-oriġini tagħha fl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-imsemmija sussidjarja, li l-kumpannija omm tingħata fid-dawl tal-unità ekonomika li dawn il-kumpanniji jikkostitwixxu. Konsegwentement, ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm tiddependi neċessarjament fuq il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha li magħha r-responsabbiltà tagħha hija marbuta mill-qrib (sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 61).

    499

    Hija għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, li f’sitwazzjoni fejn ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm hija purament derivata minn dik tas-sussidjarja tagħha u fejn ebda fattur ma jikkaratterizza individwalment l-aġir ikkritikat lill-kumpannija omm, ir-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija omm ma tistax teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il-Kummissjoni, C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑19 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine, C‑351/15 P, EU:C:2017:27, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 62).

    500

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġi eżaminati, fl-ewwel lok, il-parti tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti waħedha bħala reċidiva, u fit-tieni lok, il-parti tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti waħedha bħala dissważjoni.

    2) Fuq il-parti tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti waħedha bħala reċidiva

    501

    Permezz tal-argument tagħha invokat fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti targumenta li peress li r-responsabbiltà purament derivata tagħha għall-ksur inkwistjoni f’din il-kawża, għandha tiġi kkonfermata, il-Kummissjoni ma setgħetx timponi lilha waħedha, mingħajr ma timputahom lil Slovak Telekom, il-konsegwenzi tar-reċidiva li tirriżulta mill-ksur simili preċedenti ssanzjonat fid-deċiżjoni Deutsche Telekom.

    502

    Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

    503

    Huwa minnu li kif tenfasizza r-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ responsabbiltà personali għall-ksur u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu osservati matul l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa tagħha ta’ sanzjoni fil-qasam tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jikkonċernaw biss lill-impriża inkwantu tali u mhux lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħmlu parti minnha (sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 56).

    504

    Xorta jibqa’ l-fatt li l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni għandu jiġi kkonċiljat ma’ dak li joħroġ mill-ġurisprudenza mfakkar fil-punt 499 iktar ’il fuq, li skontu ċerti fatturi li jikkaratterizzaw individwalment l-aġir tal-kumpannija omm innifisha jistgħu jiġġustifikaw li tiġi imposta fuqha sanzjoni ikbar minn dik li tirriżulta mill-imputazzjoni lill-imsemmija kumpannija tal-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha.

    505

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, diġà ddeċidiet li minkejja li l-unità ta’ aġir ta’ impriża fis-suq tiġġustifika li, f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-kumpanniji differenti li jifformaw parti mill-impriża matul il-perijodu tal-ksur jkunu, fil-prinċipju, kollha responsabbli in solidum għall-ħlas tal-istess ammont tal-multa, għanda tiġi aċċettata eċċezzjoni fil-każ ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, u b’mod iktar ġenerali, ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-istabbiliment ta’ ammont tal-multa li jiġi impost biss fir-rigward ta’ uħud minnhom u mhux ta’ oħrajn. Imbagħad, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li entità li fir-rigward tagħha ma ġietx sostnuta ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva ma tistax tinżamm responsabbli in solidum, ma’ entità oħra li fir-rigward tagħha din iċ-ċirkustanza ġiet sostnuta, fir-rigward tal-parti tal-multa korrispondenti għaż-żieda minħabba reċidiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, T‑391/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:22, punt 271).

    506

    Għaldaqstant iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva tista’ tikkostitwixxi fattur li jikkaratterizza individwalment l-aġir ta’ kumpannija omm u li jiġġustifika li r-responsabbiltà tagħha teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha li minnha interament derivata (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2016, UTi Worldwide et vs Il-Kummissjoni, T‑264/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:112, punt 332).

    507

    L-ewwel nett, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li hija kienet l-unika destinatarja tad-deċiżjoni Deutsche Telekom u li r-responsabbiltà ta’ Slovak Telekom ma kinitx ġiet sostnuta fir-rigward tal-ksur issanzjonat f’din id-deċiżjoni.

    508

    Għalhekk, ir-responsabbiltà tar-rikorrenti stabbilita fid-deċiżjoni Deutsche Telekom, li fil-frattemp saret definittiva, tikkostitwixxi fattur li jikkaratterizza individwalment l-aġir li hija ġiet ikkritikata bih f’din il-kawża.

    509

    It-tieni nett, huwa minnu li Slovak Telekom kienet diġà tifforma parti mill-grupp Deutsche Telekom matul parti sinjifikattiva tal-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni Deutsche Telekom kif ukoll fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħha hija ma kinitx destinatarja.

    510

    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-responsabbiltà ta’ kumpannija li ma kinitx destinatarja ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-ewwel ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda li hija destinatarja ta’ deċiżjoni li timponilha multa minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur ġdid simili, ma tistax tiżdied minħabba reċidiva ħlief jekk il-Kummissjoni tipprovdi, f’din l-aħħar deċiżjoni, espożizzjoni li tippermetti lil din il-kumpannija tifhem f’liema kwalità u sa fejn hija kienet implikata fl-ewwel ksur (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni, C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 129, u tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    511

    F’dan il-każ, ebda element ma jissuġġerixxi li Slovak Telekom kienet implikata, fi kwalunkwe kwalità, fil-ksur issanzjonat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni Deutsche Telekom u li għaldaqstant dan il-ksur seta’ jiġi imputat lilha wkoll.

    512

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha ssostni ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva fir-rigward ta’ Slovak Telekom, dan iwassal sabiex din is-sussidjarja tinżamm responsabbli tal-aġir preċedenti tar-rikorrenti, il-kumpannija omm tagħha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma huwiex possibbli li kumpannija tiġi imputata l-aġir tal-grupp kollu jekk din il-kumpannija ma tiġix identifikata bħala l-persuna ġuridika li, bħala r-ras tal-grupp, kienet responsabbli mill-koordinazzjoni tal-azzjoni tiegħu (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C‑196/99 P, EU:C:2003:529, punt 98).

    513

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li Slovak Telekom ma kinitx ir-ras tal-impriża li wettqet il-ksur issanzjonat bid-deċiżjoni Deutsche Telekom, peress li dan l-aħħar ksur twettaq direttament mir-rikorrenti waħedha. Għalhekk ir-rikorrenti biss ipparteċipat kemm fil-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni Deutsche Telekom kif ukoll fil-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża, li jikkaratterizza individwalment l-aġir tagħha.

    514

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta, fid-deċiżjoni kkontestata, hija żiedet il-multa fir-rigward tar-rikorrenti biss minħabba reċidiva.

    3) Fuq il-parti tal-multa imposta lir-rikorrenti biss fir-rigward tad- dissważjoni

    515

    Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “dissważjoni” jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-multi imposti minħabba ksur tal-Artikoli 101 u 102, kif previsti mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-atti illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll sabiex jiddisswadu kemm l-impriżi inkwistjoni kif ukoll operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Issa, ir-rabta bejn, minn naħa, id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriżi, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multa, ma tistax tiġi kkontestata. Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tikkalkula l-ammont tal-multa hija tista’ tikkunsidra, b’mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    516

    It-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv huwa spjegat mill-impatt imfittex fuq l-imsemmija impriża, peress li s-sanzjoni ma għandhiex tkun żgħira fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑6 ta’ Frar 2014, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, T‑40/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:61, punt 312 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, ġie deċiż, b’mod partikolari, li l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni hija intitolata ssegwi meta tiffissa l-ammont ta’ multa jista’ realment jintlaħaq biss billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-impriża fil-jum meta tiġi imposta l-multa (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Lucchini vs Il-Kummissjoni, T‑91/10EU:T:2014:1033, punt 314 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    517

    Barra minn hekk, sa fejn impriża li għandha dħul mill-bejgħ kunsiderevolment għoli hija f’pożizzjoni li timmobilizza iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa tagħha, il-Kummissjoni għandha d-dritt, kif inhu previst fil-punt 30 tal-Linji gwida tal-2006, li żżid għal dan il-għan l-imsemmija multa sabiex tiżgura effett dissważiv suffiċjenti għal din tal-aħħar (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, T‑299/08, EU:T:2011:217, punt 253; tas‑6 ta’ Marzu 2012, UPM-Kymmene vs Il-Kummissjoni, T‑53/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:101, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Frar 2014, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, T‑40/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:61, punt 352).

    518

    Barra minn hekk ġie deċiż li d-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża inkwistjoni huwa dak li jagħti indikazzjoni tal-kobor tagħha kif ukoll tas-saħħa ekonomika tagħha, li hija determinanti sabiex tiġi evalwata l-portata dissważiva ta’ multa fir-rigward tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, EU:T:2003:193, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:295, punt 120).

    519

    Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu qabel xejn jiġi enfasizzat li r-rikorrenti u Slovak Telekom kienu jifformaw, kif ġustament ikkonstatat il-Kummissjoni, l-istess unità ekonomika matul il-perijodu inkwistjoni u li r-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata kienet purament derivata minn dik ta’ din is-sussidjarja.

    520

    Imbagħad, għandu jitfakkar li ċertament il-ġurisprudenza taċċetta li kumpannija omm tista’ tiġi imposta multa ogħla għal dik tas-sussidjarja tagħha, anki jekk ir-responsabbiltà ta’ dik tal-ewwel hija purament derivata minn dik tat-tieni. Madankollu, dan jista’ jkun il-każ biss fil-preżenza ta’ fattur li jikkaratterizza individwalment l-aġir ikkritikat lill-imsemmija kumpannija omm (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 499 iktar ’il fuq). Issa, meta bħal f’dan il-każ, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur iwettaq mill-impriża u tiġi kkalkolata l-multa li għandha tiġi imposta lilha, il-Kummissjoni tibbaża fuq id-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarja, id-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija omm, li jkun kunsiderevolment ogħla minn dak tas-sussidjarja, ma huwiex element tali li jikkaratterizza l-aġir individwali tal-kumpannija omm fit-twettiq tal-ksur attribwit lill-impriża, peress li r-responsabbiltà tal-kumpannija omm f’dan ir-rigward hija purament derivata minn dik tas-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ dħul mill-bejgħ hija element ta’ fatt li ma jistax jindividwalizza l-aġir tal-kumpannija omm. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant, sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ dissważjoni speċifiku għar-rikorrenti, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ din tal-aħħar.

    521

    Finalment, il-Kummissjoni ma tistax tingħata raġun meta hija tinvoka l-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha fl-istabbiliment tal-ammont tal-multi li jissanzjonaw ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Fil-fatt, huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jħalli lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, din id-dispożizzjoni tillimita l-eżerċizzju ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni billi tistabbilixxi kriterji oġġettivi li hija għandha tosserva (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 55). Issa, jaqa’ taħt dawn l-elementi oġġettivi l-kunċett ta’ “impriża” li għalih tirreferi din id-dispożizzjoni u li kif imfakkar fil-punt 492 iktar ’il fuq għandu jinftiehem bħala li jkopri entità ekonomika, anki jekk mill-perspettiva legali, din l-unità ekonomika hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

    522

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni stabbilixxiet li r-rikorrenti kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Slovak Telekom matul il-perijodu inkwistjoni, u għal din ir-raġuni, imputat ir-responsabbiltà tal-ksur suġġett tad-deċiżjoni kkontestata lill-entità ekonomika kkostitwita minn dawn iż-żewġ kumpanniji. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-approċċ tal-Kummissjoni li timponi l-konsegwenzi tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.2 fuq ir-rikorrenti, ma huwa bbażat fuq ebda ġustifikazzjoni oġġettiva.

    523

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa bi ksur tal-kunċett ta’ “impriża” tad-dritt tal-Unjoni li fid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti l-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.2 għall-finijiet ta’ dissważjoni.

    524

    Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiltaqa’ f’dan ir-rigward biss u l-punt b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat għar-raġuni li jimponi fuq ir-rikorrenti l-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.2 għall-finijiet ta’ dissważjoni.

    3.   Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji fil-kalkolu tal-multa imposta in solidum fuq Slovak Telekom u fuq ir-rikorrenti

    525

    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji waqt il-kalkolu tal-ammont multa li imponiet in solidum fuqha u fuq Slovak Telekom. Dan il-motiv, li fil-kuntest tiegħu r-rikorrenti tiddikjara li tibbaża ruħha fuq l-argumenti esposti minn Slovak Telkom fir-rikors tagħha, jinqasam f’żewġ partijiet, li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

    a)   Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba kalkolu tal-ammont tal-multa b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ ta’ Slovak Telekom fl-2010

    526

    Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li meta kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ magħmul minn Slovak Telekom fl-2010 fis-suq tal-aċċess separat għan-netwerk lokali u fis-suq bl-imnut ta’ servizzi broadband offruta f’pożizzjoni fissa, il-Kummissjoni mhux biss wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda kisret ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Minkejja li f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata hija konformi mal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, mill-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni jirriżulta li din ir-regola ma għandhiex tapplika meta d-dħul mill-bejgħ magħmul fl-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur huwa differenti b’mod sinjifikattiv mill-medja annwali ta’ bejgħ rilevanti matul l-ewwel snin ta’ din il-parteċipazzjoni. F’dan il-każ, id-dħul mill-bejgħ rilevanti ta’ Slovak Telekom żdied għal 133 % bejn l-2005 u l-2010. Peress li din iż-żieda kienet sinjifikattiva, id-dħul mill-bejgħ magħmul matul is-sena 2010 waħdu ma kienx suffiċjentement rappreżentattiv.

    527

    Skont ir-rikorrenti, f’dawn iċ-ċirkustanzi hija l-Kummissjoni li għandha tikkalkula l-ammont bażiku tal-multa b’riferiment għal dħul mill-bejgħ medju magħmul matul il-perijodu tal-ksur kollu, jiġifieri bejn l-2005 u l-2010. Billi telqet mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha għar-raġuni li ż-żieda mid-dħul mill-bejgħ iċċitata iktar ’il fuq ma kinitx esponenzjali, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Finalment, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li din iż-żieda fid-dħul mill-bejgħ hija spjegata mill-allegat aġir illegali ta’ Slovak Telekom fis-suq hija sempliċi spekulazzjoni. Din iż-żieda hija dovuta għat-tkabbir rapidu tas-swieq broadband matul il-perijodu tal-ksur u mhux għat-tkabbir tal-ishma tas-suq ta’ Slovak Telekom matul l-imsemmi perijodu.

    528

    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dawn l-argumenti.

    [omissis]

    530

    Dwar il-mertu, għandu qabel xejn jitfakkar, fir-rigward tal-ewwel parti tal-motiv, li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu.

    531

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, “[s]abiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandu tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża kkonċernata, b’konnessjoni diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-ŻEE” u li għal dan il-għan, hija “normalment tikkunsidra l-bejgħ tal-impriża fl-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    532

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-parti mid-dħul mill-bejgħ provenjenti minn merkanzija jew servizzi li kienu s-suġġett tal-ksur hija ta’ natura li tagħti indikazzjoni ġusta tal-kobor ta’ ksur fis-suq ikkonċernat, peress li d-dħul mill-bejgħ imwettaq fuqhom jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill-kompetizzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il-Kummissjoni, T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 236 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    533

    Għalhekk, il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 huwa intiż sabiex fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, jiġi adottat bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq l-impriża inkwistjoni ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 76; tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 57, u tat‑23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 53).

    534

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-Linji gwida tal-2006 ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għal din l-istituzzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija linji gwida jinkludu elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretati mill-qrati tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll ma’ regoli u prinċipji oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-punti 13 tal-Linji gwida tal-2006 stess jippreċiża li l-Kummissjoni għandha “normalment” tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-impriża kkonċernata waqt il-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Samsung SDI et vs Il-Kummissjoni, T‑84/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:611, punt 214).

    535

    F’dan il-każ, mill-premessi 1490 sa 1495 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti u Slovak Telekom, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ magħmul minn din tal-aħħar matul l-aħħar sena sħiħa finanzjarja tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, jiġifieri d-dħul mill-bejgħ magħmul minn dan l-operatur fis-suq tal-aċċess separat għan-netwerks lokali u broadband bl-imnut għas-servizzi fissi fl-2010. Għalhekk, il-Kummissjoni applikat il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006.

    536

    Issa, ir-rikorrenti ma tistax tingħata raġun meta ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta f’dan il-każ ma eskludietx din ir-regola, minkejja ż-żieda qawwija fid-dħul mill-bejgħ ta’ Slovak Telekom matul il-perijodu inkwistjoni.

    537

    Fil-fatt, minn naħa, minkejja li r-rikorrenti targumenta li matul l-2005 sa 2010, id-dħul mill-bejgħ rilevanti ta’ Slovak Telekom żdied għal 133 % u minn EUR 31184949 tela’ għal EUR 72868176, madankollu hija ma ressqet ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li dan l-aħħar dħul mill-bejgħ, magħmul matul l-aħħar sena ċivili sħiħa tal-ksur, ma kienx jikkostitwixxi, fil-mument li fih il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, indikazzjoni tal-kobor reali tagħha, tas-saħħa ekonomika tagħha fis-suq u tal-kobor tal-ksur inkwistjoni.

    538

    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistax tingħata raġun meta hija tikkritika lil-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li hija telqet mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha għar-raġuni li ż-żieda ċċitata iktar ’il fuq fid-dħul mill-bejgħ ma kinitx esponenzjali.

    539

    F’dan ir-rigward, huwa ċertament preċiż li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat, għandu jiġi osservat mill-Kummissjoni meta timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kif għandu jiġi osservat minn kull istituzzjoni fl-attivitajiet kollha tagħha (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 261, u tad-9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il-Kummissjoni, T‑92/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:605, punt 204).

    540

    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra huma biss ta’ natura indikattiva fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li ma huwiex wisq probabbli li ċ-ċirkustanzi ta’ dawn tal-aħħar, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodu kkonċernati jkunu identiċi (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 233 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T‑240/07, EU:T:2011:284, punt 347, u tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il-Kummissjoni, T‑91/11, EU:T:2014:92, punt 144).

    541

    Għalhekk, id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss jekk jintwera li d-data ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma paragunabbli ma’ dawk ita’ din il-kawża (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, T‑40/06, EU:T:2010:388, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 262 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il-Kummissjoni, T‑92/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:605, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    542

    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ressqet ebda element tali li jistabbilixxi li d-data ċirkustanzjali tal-każijiet relattivi għad-deċiżjonijiet preċedenti li hija tinvoka, jiġifieri d-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki, id-Deċiżjoni C(2010) 8761 finali, tat‑8 ta’ Diċembru 2010 (Każ COMP/39.309 – LCD – Liquid Crystal Display) u d-Deċiżjoni C(2009) 5355 finali, tat‑8 ta’ Lulju 2009 (Każ COMP/39.401 – E.ON/GDF) huma paragunabbli ma’ dik inkwistjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti tiċċita biss dawn it-tliet deċiżjonijiet billi tirrileva li l-impriżi kkonċernati kienu rreġistraw żieda qawwija fid-dħul mill-bejgħ tagħhom matul il-perijodu kollu tal-ksur u li l-Kummissjoni kienet użat f’kull każ id-dħul mill-bejgħ annwali medju tal-imsemmija impriżi sabiex tikkalkula l-ammont bażiku tal-multa.

    543

    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li ż-żidiet fid-dħul mill-bejgħ ikkonstatati matul il-perijodi tal-ksur inkwistjoni f’dawn it-tliet deċiżjonijiet kienu nettament ogħla minn dik f’dan il-każ. Għalhekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ppreċiżat li ż-żieda netta fid-dħul mill-bejgħ kkonstatata fil-premessa 896 tad-deċiżjoni Telekomunikazzjonijiet Pollakki kienet tilħaq, matul il-perijodu tal-ksur kollu, iktar minn 3000 %. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, waqt is-seduta l-Kummissjoni ppreċiżat li fuq il-perijodu tal-ksur kollu inkwistjoni, iż-żidiet rilevanti kienu telgħu, minn naħa għal 521.58 % fuq l-ewwel suq u għal 422.65 % fuq it-tieni suq fir-rigward tal-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni C(2010) 8761 finali, u min-naħa l-oħra għal 261 % fir-rigward tal-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni C(2009) 5355 finali.

    544

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li meta, f’dan il-każ, ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul minn Slovak Telekom matul is-sena li spiċċat fil‑31 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur u għalhekk meta kkonformat ruħha mar-regola stabbilita fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni ma qabżitx il-limiti tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha fil-qasam tal-istabbiliment tal-ammont tal-multi.

    545

    Għalhekk, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    b)   Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ kalkolu li jirriżulta mill-inklużjoni tas-sena 2005 fil-perijodu tal-ksur

    546

    Fit-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li peress li l-2005 kienet inkluża b’mod żbaljat fil-perijodu tal-ksur, kien b’mod żbaljat li din is-sena ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa li kienet imposta fuqha kif ukoll fuq Slovak Telekom in solidum.

    547

    Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument jiġi miċħud, peress li fil-fehma tagħha kien ġustament li l-2005 tiġi inkluża fil-perijodu tal-ksur.

    548

    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 172 sa 196 iktar ’il fuq, b’risposta għat-tieni motiv, jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta kkonkludiet li l-offerta ta’ riferiment ippubblikata minn Slovak Telekom fit‑12 ta’ Awwissu 2005 setgħet tiddisswadi sa minn dik id-data il-preżentazzjoni ta’ talbiet għal aċċess separat għan-netwerk lokali ta’ dan l-operatur minn operaturi alternattivi, minħabba klawżoli u kundizzjonijiet inġusti li hija kienet tinkludi, u li għalhekk il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li l-ksur uniku u kontinwu suġġett tad-deċiżjoni kkontestata kien beda f’dik id-data.

    549

    Barra minn hekk, dejjem b’risposta għat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn din id-dispożizzjoni tikkonstata li matul il-perijodu bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti applikat tariffi inġusti li ma jippermettux operatur daqstant effikaċi jibbaża ruħu fuq l-aċċess separat bl-ingrossa għan-netwerks lokali b’aċċess separat ta’ Slovak Telekom sabiex jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti minn Slovak Telekom mingħajr ma jsostni telf (ara l-punt 221 iktar ’il fuq).

    550

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 1(2)(d) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jikkonstata li matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti applikat tariffi inġusti li ma jippermettux operatur daqstant effikaċi jibbaża ruħu fuq l-aċċess separat bl-ingrossa għan-netwerks lokali b’aċċess separat ta’ Slovak Telekom sabiex jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti minn Slovak Telekom mingħajr ma jsostni telf. Konsegwentement, anki għar-raġunijiet adottati fil-punti 515 sa 524 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat ukoll sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti. Il-kumplament tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

    B. Fuq it-talbiet, magħmula sussidjarjament, intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

    551

    Ir-rikorrenti titlob ukoll lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, li hija tneħħi jew tnaqqas l-ammont tal-multi li ġew imposti lilha bid-deċiżjoni kkontestata.

    552

    F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ tal-legalità stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE jimplika li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ, kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt, tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-argumenti invokati mir-rikorrenti u li hija għandha s-setgħa tevalwa l-provi, tannulla l-imsemmija deċiżjoni u tibdel l-ammont tal-multi (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il-Kummissjoni, C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ Marzu 2014, Saint-Gobain Glass France et vs Il-Kummissjoni, T‑56/09 u T‑73/09, EU:T:2014:160, punt 461 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    553

    L-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, jirrikonoxxi lill-qorti tal-Unjoni. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63, u tat‑8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 130; ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il-Kummissjoni, C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    554

    Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju. Għalhekk, bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio, hija ir-rikorrenti li għandha tqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata u tipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 213 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    555

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi evalwat jekk l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għandux jinbidel.

    556

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-argument ippreżentat mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet sussidjarji tagħha, intiżi għat-tneħħija tal-multi imposti lilha jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħhom, ma huwiex differenti minn dak magħmul insostenn tat-talbiet għal annullament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti magħmula insostenn ta’ din it-talba sussidjarja li diġà ġew miċħuda sa fejn dawn kienu intiżi insostenn tat-talbiet għal annullament.

    557

    Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-punti 204 sa 221 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova li l-prattika li twassal għall-kompressjoni tal-marġni mwettqa minn Slovak Telekom setgħet bdiet qabel l‑1 ta’ Jannar 2006, u konsegwentement, l-Artikolu 1(2)(d) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jirrigwarda r-rikorrenti u sa fejn jinkludi fil-ksur uniku u kontinwu kompressjoni tal-marġni li twettqet bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005.

    558

    Fir-rigward tal-effett ta’ dan l-iżball fuq l-ammont bażiku tal-multa li għaliha hija responsabbli in solidum ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li hemm lok li l-proporzjon tal-bejgħ rilevanti ta’ din tal-aħħar ikkunsidrat mill-Kummissjoni jitnaqqas u jiġi stabbilit għal 9.8 % minflok 10%. Peress li matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, Slovak Telekom kienet għamlet dħul mill-bejgħ rilevanti ta’ EUR 72868176, l-ammont li għandu jintuża għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa li għaliha nżammet responsabbli r-rikorrenti in solidum huwa ta’ EUR 7141 081.20. L-ammont bażiku ta’ din il-multa jikkorrispondi għall-multiplikazzjoni tal-imsemmi ammont b’koeffiċjent ta’ 5.33, li jirrifletti t-tul tal-ksur, u għandu għalhekk jiġi stabbilit għal EUR 38061963.

    559

    Fit-tielet lok, għandhom jinġibdu l-konsegwenzi mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 523 iktar ’il fuq, li kien bi ksur tal-kunċett ta’ “impriża” fid-dritt tal-Unjoni li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti waħedha l-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.2 għall-finijiet dissważivi, fid-dawl tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kobor u tas-saħħa ekonomika tal-impriża responsabbli mill-ksur inkwistjoni. Fil-fatt, dan l-iżball jimplika li l-kalkolu mill-ġdid tal-ammont tal-multa distinta imposta fuq ir-rikorrenti sabiex jiġu imposti fuqha l-konsegwenzi ta’ reċidiva stabbiliti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Din il-multa, li tirrappreżenta 50 % tal-ammont bażiku tal-multa li għaliha hija responsabbli in solidum ir-rikorrenti qabel l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ 1.2, għandha għalhekk tiġi stabbilita f’ammont ta’ EUR 19030981.

    560

    Fir-raba’ lok, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-lum, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑851/14), il-Qorti Ġenerali sostniet li hemm żball imwettaq mill-Kummissjoni meta din tal-aħħar kkonstatat li matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, Slovak Telekom kienet wettqet prattika li twassal għal kompressjoni tal-marġni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn dan jirrigwarda lil Slovak Telekom, u naqset l-ammont tal-multa li għaliha kienet responsabbli Slovak Telekom skont il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din l-istess deċiżjoni.

    561

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ġibdet l-istess konsegwenzi mill-iżball imsemmi fil-punt 560 iktar ’il fuq (ara l-punti 557 u 558 iktar ’il fuq). Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax titlob b’mod utli li f’din il-kawża il-Qorti Ġenerali tiġbed l-istess konsegwenzi tas-sentenza tal-lum, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑851/14). Għalhekk, it-talba magħmula mir-rikorrenti abbażi tas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29), għandha tiġi miċħuda.

    562

    Konsegwentement, l-ammont tal-multa li għaliha hija responsabbli in solidum Deutsche Telekom huwa stabbilit għal EUR 38061963 u l-ammont tal-multa li għaliha hija responsabbli Deutsche Telekom waħedha huwa stabbilit fl-ammont ta’ EUR 19030981. Il-kumplament tat-talba għat-tneħħija tal-multa jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħha huwa miċħud.

    IV. Fuq l-ispejjeż

    563

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

    564

    F’din il-kawża, il-Kummissjoni u l-intervenjenti tilfu parzjalment. Madankollu, ir-rikorrenti ma talbitx li l-intervenjenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż, iżda biss il-kundanna tal-Kummissjoni għalihom.

    565

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati erba’ minn ħamsa mill-ispejjeż tagħha, kif ukoll erba’ minn ħamsa mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. Il-Kummissjoni għandha tbati wieħed minn ħamsa mill-ispejjeż tagħha stess u dawk tar-rikorrenti. L-intervenjenti għandha tbati wieħed minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 1(2)(d) tad-Deċiżjoni C(2014) 7465 finali tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2014 dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39523 – Slovak Telekom) huwa annullat sa fejn jikkonstata li matul il-perijodu ta’ bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, Deutsche Telekom AG applikat tariffi inġusti li ma jippermettux operatur daqstant effikaċi li jibbaża ruħu fuq l-aċċess bl-ingrossa għan-netwerks lokali b’aċċess separat ta’ Slovak Telekom, jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti minn Slovak Telekom mingħajr telf.

     

    2)

    L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2014) 7465 finali huwa annullat sa fejn jistabbilixxi l-ammont tal-multa li għaliha hija responsabbli in solidum Deutsche Telekom fl-ammont ta’ EUR 31070000.

     

    3)

    L-ammont tal-multa li għaliha hija responsabbli in solidum Deutsche Telekom huwa stabbilit għal EUR 38061963 u l-ammont tal-multa li għaliha hija responsabbli Deutsche Telekom waħedha huwa stabbilit għal EUR 19030981.

     

    4)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     

    5)

    Deutsche Telekom għandha tbati erba’ minn ħamsa mill-ispejjeż tagħha, erba’ minn ħamsa mill-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u erba’ minn ħamsa mill-ispejjeż ta’ Slovanet, a.s.

     

    6)

    Il-Kummissjoni għandha tbati wieħed minn ħamsa mill-ispejjeż tagħha u wieħed minn ħamsa mill-ispejjeż sostnuti minn Deutsche Telekom.

     

    7)

    Slovanet għandha tbati wieħed minn ħamsa mill-ispejjeż tagħha.

     

    Van der Woude

    Gervasoni

    Madise

    da Silva Passos

    Kowalik-Bańczyk

    Mogħtija f’qorti fil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Diċembru 2018.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    ( 1 ) Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.

    Top