Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0644

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal-20 ta’ Lulju 2017.
    ADR Center SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna finanzjarja – Programm ġenerali ‘Drittijiet fundamentali u ġustizzja’ għall-perijodu 2007-2013 – Programm speċifiku ‘Ġustizzja ċivili’ – Rikors għal annullament – Deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv – Artikolu 299 TFUE – Kompetenza tal-awtur tal-att – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Talba intiża li tordna lill-Kummissjoni il-pagament tal-bilanċ li kien dovut skont il-ftehimiet ta’ għotja – Klassifikazzjoni mill-ġdid parzjali tar-rikors – Klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Spejjeż eliġibbli.
    Kawża T-644/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:533

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

    20 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

    “Għajnuna finanzjarja – Programm ġenerali ‘Drittijiet fundamentali u ġustizzja’ għall-perijodu 2007-2013 – Programm speċifiku ‘Ġustizzja ċivili’ – Rikors għal annullament – Deċiżjonijiet li jagħtu titolu eżekuttiv – Artikolu 299 TFUE – Kompetenza tal-awtur tal-att – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Talba intiża li tordna lill-Kummissjoni il-pagament tal-bilanċ li kien dovut skont il-ftehimiet ta’ għotja – Klassifikazzjoni mill-ġdid parzjali tar-rikors – Klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Spejjeż eliġibbli”

    Fil-Kawża T‑644/14,

    ADR Center SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), inizjalment irrappreżentata minn L. Tantalo, sussegwentement minn A. Guillerme, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    IlKummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J. Estrada de Solà u L. Cappelletti, sussegwentement minn M. Estrada de Solà u S. Delaude, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4485 finali, tas-27 ta’ Ġunju 2014, dwar l-irkupru ta’ parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa lir-rikorrenti fl-eżekuzzjoni tat-tliet ftehimiet ta’ għotja konklużi fil-kuntest tal-programm speċifiku “Ġustizzja ċivili”, u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża li tikseb il-kundanna tal-Kummissjoni biex tħallasha l-bilanċ li kien dovut skont tliet ftehimiet ta’ għotja ta’ ammont ta’ EUR 49172.52 kif ukoll tad-danni,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

    komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová, E. Buttigieg (Relatur), S. Gervasoni u L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín, Imħallfin,

    Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-23 ta’ Novembru 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, ADR Center SpA, hija kumpannija stabbilita fl-Italja li tipprovdi servizzi fil-qasam tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim.

    A. Fuq il-ftehimiet ta’ għotja inkwistjoni

    2

    F’Diċembru 2008, il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, u xi konsorzji li tagħhom ir-rikorrenti kienet il-koordinatur, ikkonkludew tliet ftehimiet ta’ għotja li jġibu, rispettivament, ir-referenzi JLS/CJ/2007-1/18, JLS/CJ/2007-1/19 u JLS/CJ/2007-1/21 (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“ftehim ta’ għotja A”, il-“ftehim ta’ għotja B” u l-“ftehim ta’ għotja Ċ” u, kollettivament, il-“ftehimiet ta’ għotja”), fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-programm speċifiku stabbilit permezz tad-Deċiżjoni Nru 1149/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-Programm Speċifiku Ġustizzja Ċivili bħala parti mill-Programm Ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja” (ĠU 2007, L 257, p. 16).

    1.   Ftehim ta’ għotja A

    3

    Il-ftehim ta’ għotja A kien jikkonċerna azzjoni intitolata “L-ispejjeż għan-nuqqas ta’ rikorsi għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim – Studju u memorandum tal-ispejjeż reali tat-tilwim intra-komunitarju ta’ natura kummerċjali (The costs of non ADR – Surveying and showing the actual costs of intra-community commercial litigation)”. Din l-azzjoni kienet tikkonsisti fi studju intiż li janalizza l-ispiża ta’ nuqqas ta’ rikorsi għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fis-settur kummerċjali.

    4

    Il-ftehim ta’ għotja A kien jistipula, fl-Artikolu I.2.2 tiegħu, li l-azzjoni kkonċernata għandha tul ta’ tnax-il xahar. Dan it-tul ġie estiż għal sittax-il xahar, jiġifieri sal-10 ta’ April 2010, permezz ta’ ftehim addizzjonali ffirmat fis-17 ta’ Diċembru 2009.

    5

    Mill-Artikoli I.4.2 u I.4.3 tal-ftehim ta’ għotja A jirriżulta li l-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli ġie stmat għal EUR 216880 u li l-għotja ġiet iffissata għal ammont massimu ta’ EUR 173000, li jikkorrispondi għar-rata ta’ 79.8 % tal-ispejjeż eliġibbli stmati.

    2.   Ftehim ta’ għotja B

    6

    Il-ftehim ta’ għotja B kien jikkonċerna azzjoni intitolata “Faċilitazzjoni tal-aċċess, fl-Unjoni Ewropea, għas-sessjonijiet ta’ informazzjoni fuq ir-rikors għall-medjazzjoni: video ġwida intiż li jiffaċilita s-soluzzjoni tat-tilwim (Making information sessions on the use of mediation easily available throughout the EU: A video guide to facilitate settlement)”. Din l-azzjoni kienet tikkonsisti fil-ħolqien ta’ videos speċjalizzati intiżi li jissensibilizzaw l-avukati u l-partijiet fil-kawża fuq in-natura u fuq l-utilità tal-medjazzjoni fit-tilwim transkonfinali.

    7

    Mill-Artikolu I.2.2 tal-Ftehim ta’ għotja B jirriżulta li l-azzjoni kellha tul ta’ 18-il xahar u kien ikollha tispiċċa fid-9 ta’ Ġunju 2010.

    8

    Mill-Artikoli I.4.2 u I.4.3 tal-ftehim ta’ għotja B jirriżulta li l-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli ġie stmat għal EUR 243500 u li l-għotja ġiet iffissata għal ammont massimu ta’ EUR 194000, li jikkorrispondi għar-rata ta’ 79.7 % tal-ispejjeż eliġibbli stmati.

    3.   Ftehim ta’ għotja Ċ

    9

    Il-Ftehim ta’ għotja Ċ kien jikkonċerna azzjoni intitolata “Lil hinn mill-vittorja: għal rikors li rnexxa għall-medjazzjoni fil-kuntest tar-rappreżentanza tal-klijenti (Beyond winning: successful mediation advocacy in representing clients)”. L-għan prinċipali tal-azzjoni kien li jiġu informati l-avukati bil-possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-medjazzjoni u li jippermettilhom li jifhmu aħjar il-vantaġġi.

    10

    Mill-Artikolu I.2.2 tal-Ftehim ta’ għotja Ċ jirriżulta li l-azzjoni kellha tul ta’ 18-il xahar u kien ikollha tispiċċa fid-9 ta’ Ġunju 2010.

    11

    Mill-Artikoli I.4.2 u I.4.3 tal-ftehim ta’ għotja Ċ jirriżulta li l-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli ġie stmat għal EUR 241856 u li l-għotja ġiet iffissata għal ammont massimu ta’ EUR 193000, li jikkorrispondi għar-rata ta’ 79.8 % tal-ispejjeż eliġibbli stmati.

    4.   Struttura u dispożizzjonijiet komuni rilevanti tal-ftehimiet ta’ għotja

    a)   Struttura

    12

    Il-ftehimiet ta’ għotja kienu kollha kkostitwiti minn kundizzjonijiet speċjali, li n-numerazzjoni tal-artikoli tagħhom kien jinkludi ċ-ċifra latina I, minn kundizzjonijiet ġenerali, li n-numerazzjoni tal-artikoli tagħhom kien jinkludi ċ-ċifra latina II, u erba’ annessi. Kien ukoll ippreċiżat li l-klawżoli inklużi fil-kundizzjonijiet speċjali kienu jipprevalu fuq il-bqija tal-ftehim, li l-klawżoli li nstabu fil-kundizzjonijiet ġenerali kienu jipprevalu fuq dawk inklużi fl-annessi u li l-klawżoli nklużi fil-ftehim kienu jipprevalu fuq il-kontenut tas-sejħa għall-proposti u fuq il-kontenut tal-gwida dwar is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-għotja (iktar ’il quddiem il-“gwida għall-applikanti għall-għotjiet”). Madankollu, kien indikat li ż-żewġ dokumenti tal-aħħar kien ikollhom jintużaw “għall-finijiet supplementari”.

    b)   Sottomissjoni ta’ rapporti u dokumenti oħra

    13

    Mill-qari flimkien tal-Artikoli I.6 u II.15.4 tal-ftehimiet ta’ għotja jirriżulta li l-koordinatur kellu jissottometti, f’terminu ta’ xahrejn wara l-għeluq tal-azzjoni, l-ewwel nett, rapport finali fuq l-eżekuzzjoni teknika tal-azzjoni, it-tieni nett, dikjarazzjoni finanzjarja finali tal-ispejjeż eliġibbli realment sostnuti wara li tkun stmata l-istruttura tal-baġit u filwaqt li tintuża l-istess deskrizzjoni u, t-tielet nett, dikjarazzjoni fil-qosor sħiħa tad-dħul u tal-infiq tal-azzjoni (iktar ’il quddiem, dawn it-tliet dokumenti meħudin flimkien, ir-“rapport finali”).

    c)   Pagament tal-Kummissjoni

    14

    L-Artikolu I.5 tal-ftehimiet ta’ għotja kien jistipula li l-Kummissjoni kienet qed tagħti finanzjament minn qabel lill-benefiċjarji u li l-pagament tal-bilanċ kien ser isir wara t-tmiem tal-azzjoni. L-applikazzjoni għall-pagament tal-bilanċ kellha tkun akkumpanjata b’mod partikolari mir-rapport finali fuq l-eżekuzzjoni teknika tal-azzjoni u d-dikjarazzjoni finanzjarja finali u l-Kummissjoni kellha 90 jum biex tapprova jew tiċħad ir-rapport u tħallas il-bilanċ jew biex titlob dokumentazzjoni jew informazzjoni addizzjonali. Il-benefiċjarji kellha 30 jum kalendarju biex tissottometti xi informazzjoni addizzjonali jew rapport ġdid.

    d)   Dritt applikabbli u tribunali kompetenti

    15

    L-Artikolu I.9 tal-ftehimiet ta’ għotja kien jistipula:

    “L-għotja hija rregolata mill-istipulazzjonijiet tal-ftehim, mid-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli u, b’mod sussidjarja, mil-leġiżlazzjoni Belġjana fil-qasam tal-għotjiet.

    Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-istipulazzjonijiet tal-ftehim kif ukoll il-modalitajiet tal-implementazzjoni tagħha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors min-naħa tal-benefiċjarji quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-Komunitajiet Ewropej u, f’każ ta’ appell, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.”

    e)   Spejjeż eliġibbli

    16

    L-Artikolu II.14.1 tal-ftehimiet ta’ għotja kien jistipula dan li ġej rigward l-ispejjeż eliġibbli:

    “Sabiex ikunu jistgħu jitqiesu bħala spejjeż eliġibbli tal-azzjoni, l-ispejjeż għandhom jissodisfaw il-kriterji ġenerali li ġejjin:

    ikunu marbuta mal-għan tal-ftehim u jkunu previsti fl-estimi tal-baġit li jkun anness mal-ftehim;

    ikunu neċessarji għat-twettiq tal-azzjoni li tkun l-għan tal-ftehim;

    ikunu raġonevoli u ġġustifikati […];

    ikunu ġġenerati matul it-tul tal-azzjoni […];

    ikunu effettivament sostnuti mill-benefiċjarji, ikunu rreġistrati fil-kontijiet tagħhom skont il-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli u jiġu ddikjarati konformement mar-rekwiziti tal-leġiżlazzjoni fiskali u soċjali applikabbli;

    ikunu identifikabbli u jistgħu jiġu vverifikati.

    Il-proċeduri ta’ kontabbiltà u ta’ stħarriġ intern tal-benefiċjarji għandhom jippermettu korrispondenza diretta bejn l-ispejjeż u d-dħul iddikjarati abbażi tal-azzjoni u, id-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet u d-dokumenti ta’ sostenn relatati magħhom.”

    f)   Deċiżjonijiet eżekuttivi

    17

    L-Artikolu II.19.5 tal-ftehimiet ta’ għotja kien jistipula:

    “Il-benefiċjarji huma informati bil-fatt li bis-saħħa tal-Artikolu 256 tat-Trattat li jistitwixxi l-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tifformalizza l-konstatazzjoni ta’ kreditu minn persuni barra mill-Istati f’deċiżjoni li tifforma titolu eżekuttiv. Din id-deċiżjoni hija soġġetta għal rimedju quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komnitajiet Ewropej.”

    g)   Stħarriġ u verifiki

    18

    L-Artikolu II.20 tal-ftehimiet ta’ għotja kien jistipula fil-partijiet rilevanti tiegħu:

    “II.20.1.

    Il-koordinatur jimpenja ruħu li jipprovdi d-data dettaljata mitluba mill-Kummissjoni jew minn kull organu ieħor estern b’mandat mill-Kummissjoni, għall-finijiet tal-assigurazzjoni tal-eżekuzzjoni tajba tal-azzjoni u tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim. Jekk il-Kummissjoni tixtieq, hija tista’ titlob li din l-informazzjoni tkun ipprovduta direttament minn benefiċjarju ieħor.

    II.20.2.

    Il-benefiċjarji jżommu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti kollha oriġinali, b’mod partikolari tal-kontabbiltà u fiskali, jew, f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati, il-kopji ċċertifikati konformi mad-dokumenti oriġinali dwar il-ftehim ta’ għotja, ippreservati fuq kwalunkwe mezz adegwat li jiggarantixxi l-integrità tagħhom skont leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, matul perijodu ta’ ħames snin b’effett mid-data tal-pagament tal-bilanċ imsemmi fl-Artikolu I.5.

    II.20.3

    Il-benefiċjarji jaċċettaw li l-Kummissjoni, jew direttament permezz tal-intermedjarju tal-aġenti tagħha jew inkella permezz tal-intermedjarju ta’ kull organu estern ieħor b’mandat mill-Kummissjoni għal dan l-effett, tista’ twettaq awditu fuq l-użu magħmul mill-għotja. Dawn l-verifiki jistgħu jseħħu matul il-perijodu kollu ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim sal-pagament tal-bilanċ, kif ukoll matul perijodu ta’ ħames snin b’effett mid-data tal-pagament tal-bilanċ. Fejn xieraq, is-sejbiet tal-verifiki jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ rkupru mill-Kummissjoni.

    II.20.4

    Il-benefiċjarji jimpenjaw ruħhom li l-persunal tal-Kummissjoni kif ukoll il-persuni esterni b’mandat mill-Kummissjoni jkollhom dritt ta’ aċċess xieraq għas-siti u għal-postijiet fejn l-azzjoni titwettaq, kif ukoll għall-informazzjoni kollha neċessarja, inkluż f’format elettroniku, ħalli jwettqu dawn il-verifiki […]”

    B. Fuq l-implementazzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja

    1.   Ftehim ta’ għotja A

    19

    Fid-19 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni wettqet pagament ta’ prefinanzjament ta’ ammont ta’ EUR 121100 għall-benefiċċju tal-konsorzju li miegħu l-Ftehim ta’ għotja A kien ġie konkluż mill-intermedjarju tar-rikorrenti. L-azzjoni kkonċernata ntemmet fl-10 ta’ April 2010. Ir-rapport finali relatat mal-imsemmija azzjoni ġiet sottomessa lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Ġunju 2010. Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti ċertu numru ta’ dokumenti ta’ sostenn tal-ispejjeż iddikjarati minnha. Fil-25 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti ssottomettiet rapport finali emendat. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, wara s-sottomissjoni minn din tal-aħħar tad-dokumenti addizzjonali, hija ħallset il-bilanċ li ammonta għal EUR 17557.97. B’hekk jirriżulta li l-kontribuzzjoni finanzjarja totali tal-Unjoni Ewropea għat-twettiq ta’ din l-azzjoni kienet tammonta, f’dan l-istadju, għal EUR 138657.97, li tikkorrispondi għal 79.8 % tal-ispejjeż eliġibbli ddikjarati.

    2.   Ftehim ta’ għotja B

    20

    Fid-19 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni wettqet pagament ta’ prefinanzjament ta’ ammont ta’ EUR 135800 għall-benefiċċju tal-konsorzju li miegħu l-Ftehim ta’ għotja B kien ġie konkluż mill-intermedjarju tar-rikorrenti. L-azzjoni kkonċernata ntemmet fid-9 ta’ Ġunju 2010. Ir-rapport finali relatat mal-imsemmija azzjoni ġie sottomess lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Awwissu 2010. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tirkupra l-ammont ta’ EUR 121802.84. Fis-27 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ssottomettiet rapport finali emendat. Fl-10 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ssottomettiet elementi ġodda ta’ informazzjoni relatati mal-ispejjeż eliġibbli minfuqa. Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti bl-adozzjoni ta’ ordni ta’ rkupru għal ammont ta’ EUR 6236.38. B’hekk jirriżulta li l-kontribuzzjoni finanzjarja totali tal-Unjoni għat-twettiq ta’ din l-azzjoni kienet tammonta, f’dan l-istadju, għal EUR 129563.62.

    3.   Ftehim ta’ għotja Ċ

    21

    Fid-19 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni wettqet pagament ta’ prefinanzjament ta’ ammont ta’ EUR 135100 għall-benefiċċju tal-konsorzju li miegħu l-Ftehim ta’ għotja Ċ kien ġie konkluż mill-intermedjarju tar-rikorrenti. L-azzjoni kkonċernata ntemmet fid-9 ta’ Ġunju 2010. Ir-rapport finali relatat mal-imsemmija azzjoni ġie sottomess lill-Kummissjoni fil-21 ta’ Lulju 2010. Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tirkupra l-ammont ta’ EUR 49960.11. Fid-19 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ssottomettiet rapport finali emendat. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, wara s-sottomissjoni minn din tal-aħħar tad-dokumenti addizzjonali, hija kienet ser tħallas il-bilanċ li ammonta għal EUR 27484.33. B’hekk jirriżulta li l-kontribuzzjoni finanzjarja totali tal-Unjoni għat-twettiq ta’ din l-azzjoni kienet tammonta, f’dan l-istadju, għal EUR 162584.33.

    C. Fuq il-proċedura tal-verifika

    22

    Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li twettaq verifika tal-azzjonijiet ikkonċernati, skont l-Artikolu II.20 tal-ftehimiet ta’ għotja. Il-verifika twettqet minn kumpannija tal-verifika esterna għall-Kummissjoni.

    23

    Il-verifika żvolġiet bejn is-17 u s-26 ta’ Lulju 2011 fl-uffiċċji tar-rikorrenti f’Ruma (l-Italja).

    24

    Fit-23 ta’ Novembru 2011, l-awdituri kkomunikaw lir-rikorrenti tliet abbozzi inizjali ta’ rapporti ta’ verifika, wieħed għal kull azzjoni kkonċernata, li fihom huma kienu kkonkludew iċ-ċaħda ta’ parti sinjifikattiva tal-ispejjeż iddikjarati bħala ineliġibbli. Ir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2011, ikkontestat il-kontenut tal-imsemmija abbozzi inizjali tar-rapporti ta’ verifika.

    25

    Fil-25 ta’ Jannar 2012, l-awdituri kkomunikaw lir-rikorrenti tliet abbozzi riveduti ta’ rapporti ta’ verifika, li fihom huma kienu żammew essenzjalment it-talbiet tagħhom dwar iċ-ċaħda ta’ parti sinjifikattiva tal-ispejjeż iddikjarati bħala ineliġibbli (iktar ’il quddiem l-“abbozzi riveduti tar-rapporti tal-verifika”). Ir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Frar 2012, ikkontestat il-kontenut tal-abbozzi riveduti tar-rapporti ta’ verifika.

    26

    Fis-26 ta’ April 2012, l-awdituri poġġew mill-ġdid quddiem il-Kummissjoni r-rapporti tal-verifika finali.

    27

    Permezz ta’ tliet ittri bid-data tal-10 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti r-rapporti ta’ verifika finali relatati mal-azzjonijiet ikkonċernati u informatha li kienet approvat it-talbiet tagħhom u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom.

    28

    Ir-rapport ta’ verifika finali relatat mal-azzjoni msemmija fil-ftehim ta’ għotja A kien ikkonkluda li, fost l-ispejjeż iddikjarati mir-rikorrenti, dawk li kienu ineliġibbli kienu jammontaw għal EUR 116610.49. L-awdituri osservaw ukoll li kien hemm riskju li ċerti ġranet mitluba fil-kuntest tal-imsemmija azzjoni li jikkonċernaw is-servizzi pprovduti minn wieħed mill-esperti impjegati mir-rikorrenti, li kien ukoll wieħed miż-żewġ sidien tagħha (iktar ’il quddiem l-“espert X”), kienu jistgħu, fir-realtà, jikkonċernaw attivitajiet relatati ma’ azzjonijiet oħrajn. L-ispejjeż ikkonċernati minn dan ir-riskju kienu jammontaw għal EUR 9418.75 u l-awdituri kellhom riżerva fir-rigward tan-natura eliġibbli tagħhom. L-awdituri kienu talbu lir-rikorrenti biex tipprovdilhom estratti tar-rapporti finanzjarji sottomessi fil-kuntest ta’ azzjonijiet oħrajn sabiex jiġu ċċarati d-dubji dwar ir-realtà ta’ dawn l-ispejjeż iddikjarati mill-espert imsemmi hawn fuq, iżda r-rikorrenti kienet irrifjutat minħabba li l-informazzjoni mitluba kienet taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika.

    29

    Ir-rapport ta’ verifika finali relatat mal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja A kien ikkonkluda li, fost l-ispejjeż iddikjarati mir-rikorrenti, dawk li kienu ineliġibbli kienu jammontaw għal EUR 196687.61. L-awdituri osservaw ukoll li kien hemm riskju li ċerti ġranet mitluba fil-kuntest tal-imsemmija azzjoni li jikkonċernaw is-servizzi pprovduti minn żewġ esperti impjegati mir-rikorrenti, li kienu fl-istess ħin iż-żewġ sidien tagħha (iktar ’il quddiem l-“esperti X u Y”), kienu jistgħu, fir-realtà, jikkonċernaw attivitajiet relatati ma’ azzjonijiet oħrajn u kienu ġew inklużi fir-rapporti finanzjarji ta’ dawn l-azzjonijiet oħra. L-ispejjeż ikkonċernati minn dan ir-riskju kienu jammontaw għal EUR 9923.68 u l-awdituri kellhom riżerva fir-rigward tan-natura eliġibbli tagħhom. L-awdituri kienu wkoll ġew affaċċjati mar-rifjut tar-rikorrenti li tipprovdilhom dokumentazzjoni allegatament rilevanti sabiex ikunu jistgħu jikkonfermaw in-natura eliġibbli ta’ dawn l-ispejjeż, minħabba li din id-dokumentazzjoni kienet taqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika.

    30

    Ir-rapport ta’ verifika finali relatat mal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ kien ikkonkluda li, fost l-ispejjeż iddikjarati mir-rikorrenti, dawk li kienu ineliġibbli kienu jammontaw għal EUR 43190.57. L-awdituri osservaw li l-ispejjeż addizzjonali ta’ ammont ta’ EUR 44270.22 kienu jistgħu ukoll jitqiesu bħala ineliġibbli minħabba l-istess riskju bħal dak identifikat fil-kuntest tal-verifika li tikkonċerna l-imsemmija azzjoni u kellhom riżerva fir-rigward tagħhom. L-awdituri kienu ukoll ġew affaċċjati mar-rifjut tar-rikorrenti li tipprovdilhom dokumentazzjoni allegatament rilevanti bħal fil-kuntest tal-verifiki tal-azzjonijiet imsemmija mill-ftehimiet ta’ għotja A u B.

    31

    Fl-ittri tal-10 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti li l-ammonti li kellhom jiġu rkuprati kienu jammontaw għal EUR 62649.47 għall-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja A, EUR 78991.12 għall-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja B u EUR 52634.75 għall-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammonti tagħha, hija kkunsidrat bħala ineliġibbli wkoll l-ispejjeż li għalihom l-awdituri kellhom riżerva fir-rigward tan-natura eliġibbli tagħhom, jiġifieri l-ispejjeż ta’ EUR 9418.75 għall-ewwel azzjoni, EUR 9923.68 għat-tieni azzjoni u EUR 44270.22 għat-tielet azzjoni. Dwar dawn l-ispejjeż, hija indikat li huma kienu jistgħu, finalment, jitqiesu bħala eliġibbli bil-kundizzjoni li r-rikorrenti tissottometti d-dokumentazzjoni meħtieġa mill-awdituri sal-10 ta’ Lulju 2013 u li hija taċċetta din id-dokumentazzjoni. Fl-ittri tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2013, hija infurmat ukoll lir-rikorrenti li hija tibgħatlu f’terminu ta’ xahar noti ta’ debitu u li kienet tista’ tirkupra l-ammonti dovuti, interessi inklużi, jekk ikun il-każ, permezz ta’ kumpens jew permezz ta’ eżekuzzjoni forzata. Finalment, f’dawn l-ittri, hija ppreżentat l-iskużi tagħha għat-trażmissjoni fit-tard tar-rapporti ta’ verifika finali.

    32

    Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti kkontestat il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ verifika finali u sostniet li l-ordnijiet ta’ rkupru tal-Kummissjoni kienu nulli minħabba l-adozzjoni tagħhom iktar minn sentejn wara l-għeluq tal-proċedura ta’ verifika. Hija talbet ukoll laqgħa mad-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni.

    33

    Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-6 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti li laqgħa setgħet isseħħ fix-xahar ta’ Settembru 2013.

    34

    Fit-30 ta’ Settembru 2013, seħħet konferenza telefonika bejn id-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni u r-rikorrenti u ġie miftiehem li din tal-aħħar kellha żmien addizzjonali biex teżamina l-konstatazzjonijiet tal-awdituri.

    35

    Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet addizzjonali fuq il-verifika tal-azzjonijiet ikkonċernati. Hija argumentat li din il-verifika kienet nulla u li l-ordnijiet ta’ rkupru tal-Kummissjoni kellhom jiġu miċħuda minħabba l-fatt li l-metodoloġija tal-verifika segwita ma kinitx ġiet iddeterminata minn ftehim komuni, li r-rapporti ta’ verifika finali u l-ordnijiet ta’ rkupru kienu ġew ikkomunikati lilha fit-tard u li l-kunsiderazzjonijiet tal-awdituri kienu bbażati fuq preżunzjonijiet żbaljati. Hija sostniet ukoll li, skont l-analiżi tagħha tal-ispejjeż eliġibbli minfuqa b’eżekuzzjoni tal-imsemmija azzjonijiet, il-Kummissjoni kellha tagħtiha s-somma ta’ EUR 49172.52 u spjegat il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ din is-somma.

    36

    Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti, fl-ittra tagħha tas-7 ta’ Ottubru 2013, ma kinitx issottomettiet provi li juru l-eliġibbiltà tal-ispejjeż miċħuda. Għaldaqstant, hija kkomunikat lir-rikorrenti n-noti ta’ debitu Nri 3241311168, 3241311170 u 3241311175, pagabbli għad-29 ta’ Novembru 2013, għall-ammonti li ġejjin: EUR 62649.47 għall-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja A, EUR 78991.12 għall-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja B u EUR 52634.75 għall-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ. In-noti ta’ debitu kienu jippreċiżaw li f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament fid-data limitu l-ammonti dovuti jkunu miżjuda b’interessi moratorji.

    37

    Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti kkontestat il-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 2013 kif ukoll in-noti ta’ debitu magħqudin ma’ din l-ittra u talbet laqgħa mill-ġdid mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija għaqdet ma’ din l-ittra fattura proforma għall-ammont ta’ EUR 64436.38 u żewġ noti ta’ kreditu għall-ammonti ta’ EUR 3663.21 u ta’ EUR 11600.75 rispettivament.

    38

    Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti li l-proċeduri ta’ rkupru tal-ammonti dovuti għandhom jinbdew u li l-proċedura kontradittorja kienet magħluqa. Għaldaqstant, hija kkonfermat li l-krediti miżmuma lejn ir-rikorrenti kienu jippreżentaw issa natura ċerta u dovuta fis-sens tal-Artikolu 81 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012 L 362, p. 1). Hija infurmat ukoll lir-rikorrenti bir-rimedji ġudizzjarji li hija kellha u indikat li laqgħa mill-ġdid mad-dipartimenti tagħha ma kinitx neċessarja.

    39

    Il-Kummissjoni bagħtet tfakkiriet fis-16 ta’ Diċembru 2013 u ittri ta’ intimazzjoni fis-26 ta’ Frar 2014.

    40

    Sadanittant, fil-21 ta’ Jannar 2014, seħħet laqgħa bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u r-rikorrenti.

    41

    Fis-27 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni adottat, fuq il-bażi tal-Artikolu 299 TFUE u tal-Artikolu 79(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’l quddiem ir-“regolament finanzjarju”), id-Deċiżjoni C(2014) 4485 finali, dwar l-irkupru tal-ammont ta’ EUR 194275.34 f’kapital dovut mir-rikorrenti b’eżekuzzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja, miżjuda b’ammont ta’ EUR 3236 bħala interessi moratorji sat-30 ta’ April 2014 u ta’ ammont supplimentari ta’ EUR 21.30 għal kull ġurnata ta’ dewmien b’effett mill-1 ta’ Mejju 2014 (iktar ’l quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    42

    L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata kien jippreċiża, li din tal-aħħar tikkostitwixxi titolu eżekuttiv fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE.

    II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    43

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni.

    44

    Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet wara l-preżentata tal-kontroreplika fis-6 ta’ Mejju 2015.

    45

    Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji. Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Jannar 2016, il-President tal-Qorti Ġenerali, bis-saħħa tal-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, issospenda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sal-adozzjoni tad-digriet li jiddeċiedi definittivament fuq it-talba tar-rikorrenti. Din it-talba ġiet miċħuda definittivament permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ April 2016 u l-ispejjeż ġew irriżervati.

    46

    Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, fit-12 ta’ Lulju 2016, li għalihom dawn wieġbu fit-terminu previst.

    47

    Fuq proposta tal-Ewwel Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-14 ta’ Settembru 2016, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

    48

    Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) iddeċidiet, fis-16 ta’ Settembru 2016, li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

    49

    Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla Estiża), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, fis-6 ta’ Ottubru 2016, u talbet il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw mat-talbiet tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti.

    50

    It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ Novembru 2016.

    51

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tordna lill-Kummissjoni l-pagament immedjat tal-bilanċ li għadu dovut lilha bis-saħħa tal-ftehimiet ta’ għotja ta’ ammont ta’ EUR 49172.52;

    tordna lill-Kummissjoni l-pagament immedjat tad-danni minħabba l-preġudizzju li sar għar-reputazzjoni tagħha u għaż-żmien investit mill-persunal tagħha biex jiddefendi l-interessi tagħha fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    52

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala infondat;

    tiċħad it-talbiet għal ħlas tal-bilanċ li jibqa’ dovut u d-danni bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondati;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    III. Id-dritt

    A. Fuq l-ammissibbiltà

    1.   Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tal-konklużjonijiet tar-rikorrenti

    53

    Il-Kummissjoni, matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, qajmet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti minħabba l-pagament tal-bilanċ li jibqa’ allegatament dovut bis-saħħa tal-ftehimiet ta’ għotja ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rikors li huwa rikors għal annullament. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex is-setgħa li tindirizza ordnijiet ta’ inibizzjoni lill-istituzzjonijiet jew li tissostitwixxi dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li teżerċita.

    54

    Ir-rikorrenti ma rrispondietx għal din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura.

    55

    Bħala tfakkira, fil-kuntest tat-tieni kap ta’ talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali li tordna lill-Kummissjoni l-pagament immedjat tal-bilanċ li għadu dovut lilha bis-saħħa tal-ftehimiet ta’ għotja ta’ ammont ta’ EUR 49172.52.

    56

    L-ammissibbiltà ta’ dan il-kap ta’ talbiet tiddependi fuq in-natura legali ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, jekk jinstab li dan huwa rikors għal annullament ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, dan il-kap ta’ talbiet huwa inammissibbli sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita, li tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet jew tissostitwixxi ruħha ma’ dawn tal-aħħar, iżda huwa l-obbligu tal-amministrazzjoni kkonċernata li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il‑Kummissjoni, T‑428/07 u T-455/07, EU:T:2010:240, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    F’dan il-każ, fir-rikors promotur, ir-rikorrenti indikat, taħt it-titolu “Tip tar-rikors”, li r-rikors ippreżentat kien rikors għal annullament.

    58

    Madankollu, ir-rikorrenti, fil-kuntest tar-risposta tagħha għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, ippreċiżat li dan ir-rikors kellu jinftiehem bħala bbażat mhux biss fuq l-Artikolu 263 TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali għall-ewwel kap ta’ talbiet, iżda wkoll fuq l-Artikolu 272 TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tat-tieni kap ta’ talbiet, u invokat insostenn tal-allegazzjoni tagħha s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni (T‑216/12, EU:T:2015;746). Il-Kummissjoni, fil-kuntest tar-risposta tagħha għall-istess domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, indikat ukoll li, skont il-fehma tagħha, dan ir-rikors kien, fir-realtà, fondat kemm fuq l-Artikolu 263 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 272 TFUE u li din il-bażi legali doppja tar-rikors kienet konformi mas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni (T‑216/12, EU:T:2015:746).

    59

    Għandu jitfakkar li, fil-punt 55 tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni (T‑216/12, EU:T:2015:746), il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-rikors inkwistjoni, minkejja l-bażi espliċita tiegħu fuq l-Artikolu 263 TFUE, kellu fir-realtà għan doppju, intiż li jikseb mhux biss l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ, iżda wkoll il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kinitx iżżomm il-kreditu kuntrattwali inkwistjoni. Għaldaqstant il-premessi li jipprovdu, minn naħa, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-azzjonijiet dikjaratorji u, min-naħa l-oħra, il-kuntratt inkwistjoni f’dan il-każ kien jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali vverifikat, fil-punt 57 tal-imsemmija sentenza, jekk kienx possibbli li jiġi kklassifikat mill-ġdid parzjalment ir-rikors f’rikors ippreżentat kemm fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ kif ukoll fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE u intiż li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx iżżomm il-kreditu kuntrattwali inkwistjoni.

    60

    Fil-punt 60 tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni (T‑216/12, EU:T:2015:746), il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors għal annullament huwa possibbli, mingħajr ma jiġu affettwati d-drittijiet tad-difiża tal-istituzzjoni konvenuta, fil-każ li, minn naħa, ir-rieda espressa tar-rikorrenti ma żżommhiex milli tagħmel hekk u, min-naħa l-oħra, mill-inqas motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni jiġi invokat fir-rikors, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

    61

    F’dan il-każ, fid-dawl tar-risposti tal-partijiet għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali (ara punt 58 iktar ’il fuq), tal-kontenut tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti li juri l-eżistenza ta’ tilwima ta’ natura kuntrattwali u tal-fatt li l-imsemmi kap ta’ talbiet huwa sostnut minn motivi u minn argumenti bbażati fuq il-ksur tal-Kummissjoni tal-ftehimiet ta’ għotja, għandu jiġi kklassifikat mill-ġdid parzjalment dan ir-rikors f’rikors ippreżentat kemm fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE, intiż b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni l-pagament immedjat tal-bilanċ li baqa’ dovut lir-rikorrenti bis-saħħa tal-ftehimiet ta’ għotja ta’ ammont ta’ EUR 49172.52.

    62

    Fid-dawl ta’ din il-klassifikazzjoni mill-ġdid parzjali li twettqet, għandu jiġi konkluż li t-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti huwa bbażat fuq bażi legali xierqa, jiġifieri fuq l-Artikolu272 TFUE. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi l-qorti tal-Unjoni bħala qorti ta’ litigazzjoni, li tippermettilha, bil-kontra tal-qorti adita bil-legalità abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, tieħu konjizzjoni ta’ kull tip ta’ azzjoni abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ (ara sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni (T‑216/12, EU:T:2015:746), punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant dan il-kap ta’ talbiet huwa ammissibbli.

    2.   Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet kap ta’ talbiet tar-rikorrenti

    63

    Il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-tielet kap ta’ talbiet tar-rikorrenti minħabba, b’mod partikolari, li ma josservax il-kundizzjonijiet magħmula mill-Artikolu 44(1(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

    64

    Ir-rikorrenti ma rrispondietx għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma mill-Kummissjoni.

    65

    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li kienet applikabbli matul il-preżentata ta’ dan ir-rikors, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati.

    66

    Sabiex jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, rikors għall-kumpens ta’ danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jkun jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrenti takkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet għaliex tikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li hija tallega li ssubixxiet, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs IL-Qorti tal-Awdituri, T‑277/97, EU:T:1999:124, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    F’dan il-każ, it-tielet kap ta’ talbiet tar-rikorrenti, li huwa relatat mal-għoti għad-danni, ma huwa sostnut minn ebda argumentazzjoni, peress li r-rikorrenti ma hijiex limitata li tindika fl-imsemmi kap ta’ talbiet li hija kienet titlob danni “minħabba dannu kkawżat lir-reputazzjoni internazzjonali tagħha u taz-zmien investit mill-persunal b’esperjenza biex tiddefendi proċess infondat”. Issa, dawn l-allegazzjonijiet ma jissodisfaw ebda mit-tliet kundizzjonijiet ippreżentati fil-punt 66 iktar ’il fuq. Minn dan isegwi li dan il-kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    B. Fuq il-mertu

    1.   Osservazzjonijiet preliminari

    68

    Għandu jitfakkar li, wara l-klassifikazzjoni mill-ġdid parzjali ta’ dan ir-rikors, huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li għandha teżamina, minn naħa, it-talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li tidher fl-ewwel kap ta’ talbiet tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, it-talba, ibbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża li tikseb il-kundanna tal-Kummissjoni biex tħallas lir-rikorrenti l-bilanċ dovut li jibqa’ bis-saħħa tal-ftehimiet ta’ għotja għal ammont ta’ EUR 49172.52, li jidher fit-tieni kap ta’ talbiet (ara l-punt 61 iktar ’il fuq).

    69

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li r-regoli tal-verifika segwiti mill-awdituri ma kinux dejjem is-suġġett ta’ ftehim bejn il-partijiet. It-tieni motiv huwa bbażat fuq dewmien irraġonevoli li jikkaratterizza l-komunikazzjoni lir-rikorrenti tar-rapporti ta’ verifika finali u tal-ġestjoni ħażina, b’mod ġenerali, tal-azzjonijiet ikkonċernati mill-Kummissjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li teħles mil-oneru tal-prova li kien jaqa’ fuqha. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji li jidhru fir-rapporti tal-verifika finali u l-ħames motiv, invokat għall-ewwel darba fir-replika, huwa bbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

    70

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta ppreżentata b’rikors għal annullament fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa l-legalità tal-att ikkontestat fid-dawl tat-trattat jew ta’ kull regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, ir-rikorrenti tista’ takkuża lill-istituzzjoni inkwistjoni biss bi ksur tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali jew ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il‑Kummissjoni, T‑387/09, EU:T:2012:501, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    71

    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, fir-rigward tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali, li taġixxi bħala qorti li tkun qiegħda tistħarreġ il-legalità, kif ukoll il-motivi u l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tat-trattat jew ta’ kull regola ta’ dritt relatata mal-applikazzjoni tagħha, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti, li huwa relatat, essenzjalment, ma’ tilwima ta’ natura kuntrattwali, ma jistgħux jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali, li taġixxi bħala qorti tal-kuntratt, kif ukoll il-motivi u l-argumenti bbażati fuq ksur tal-ftehimiet tal-għotja jew tad-dritt applikabbli għalihom. Konsegwentement, f’dan l-istadju, wieħed għandu jeżamina suċċessivament il-motivi mqajma mir-rikorrenti sabiex jiġi ddeterminat il-kap ta’ talbiet li miegħu għandhom jiġu marbutin.

    72

    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jargumentaw, essenzjalment, li l-awdituri applikaw standards ta’ verifika li ma kinux ġew stipulati fil-ftehimiet ta’ għotja u li ma kinux, għaldaqstant, is-suġġett ta’ ftehim bejn il-partijiet. Fuq dan il-bażi, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. Ir-rikorrenti targumenta wkoll li, f’dan il-kuntest, id-deċiżjoni kkontestata: kisret l-Artikolu 126(2)(d) tar-regolament finanzjarju li jipprevedi li l-ispejjeż eliġibbli kellhom jiġu rreġistrati fil-kontijiet tal-benefiċjarju u ddeterminati skont l-istandards kontabilistiċi applikabbli tal-pajjiż fejn ikun stabbilit il-benefiċjarju u skont il-prattika kontabilistika komuni tal-benefiċjarju fil-qasam tal-kontabbiltà.

    73

    Għandu jiġi osservat li dan il-motiv u l-argumenti li huma relatati jikkonċernaw, fir-realtà, l-eżekuzzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja fir-rigward tad-determinazzjoni tal-obbligi finanzjarji tal-partijiet kontraenti u jimplikaw l-eżaminazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija ftehimiet ta’ għotja u tad-dritt applikabbli għal dawn. Minn dan jirriżulta li dan il-motiv għandu jitqies bħala mqajjem insostenn tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti.

    74

    Fir-rigward tat-tieni motiv, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li t-titolu huwa redatt kif ġej: “Id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li l-Kummissjoni dewmet b’mod irraġonevoli l-ħruġ tar-rapporti tal-verifika finali u l-ordnijiet ta’ rkupru sussegwenti.” Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tqajjem żewġ ilmenti. Fir-rigward tal-ewwel ilment, hija tinvoka d-dewmien b’mod irraġonevoli li bih ir-rapporti tal-verifika finali ġew ikkomunikati lilha u ssostni li dan id-dewmien jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilita mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tat-tieni lment, hija tikkritika l-Kummissjoni li kellha ġestjoni ħażina, b’mod ġenerali, tal-azzjonijiet ikkonċernati. Bħala indizji ta’ din il-ġestjoni ħażina, hija tinvoka n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni lejha matul l-iżvolġiment ta’ dawn l-azzjonijiet, ir-reviżjoni sussegwenti tal-gwida għall-applikanti tal-għotjiet, li issa fihom ħafna iktar informazzjoni dwar spejjeż eliġibbli, u l-fatt li l-ftehimiet ta’ għotja fihom diversi żbalji ta’ natura stilistika.

    75

    Dwar l-ewwel ilment tat-tieni motiv, għandu jitqies bħala mqajjem insostenn tat-tieni kap ta’ talbiet sa fejn ir-rikorrenti ssostni li d-dewmien fil-komunikazzjoni tar-rapporti ta’ verifika finali kien irraġonevoli. Fil-fatt, peress li t-twettiq ta’ verifiki huwa espressament previst mill-Artikolu II.20 tal-ftehimiet ta’ għotja, dan id-dewmien allegat jikkonċerna l-eżekuzzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja. Fl-istess ħin, fid-dawl tat-titolu tal-motiv u peress li r-rikorrenti tinvoka espressament il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jiġifieri ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt li jirregola l-azzjoni amministrattiva ta’ istituzzjoni, dan l-ilment għandu wkoll jitqies bħala mqajjem insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-rikorrenti ssostni li d-dewmien fil-komunikazzjoni tar-rapporti ta’ verifika finali kien affettwa l-kapaċità tagħha li tiddefendi lilha nfisha effettivament matul il-proċedura amministrattiva ta’ rkupru li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    76

    Dwar it-tieni ilment ta’ dan il-motiv, għandu jitqies bħala mqajjem insostenn tat-tieni kap ta’ talbiet sa fejn isemmi l-aġir tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja.

    77

    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tilmenta lill-awdituri u, konsegwentement, lill-Kummissjoni li adottat ir-rapporti ta’ verifika finali li ma nħelsux mill-oneru tal-prova li kien jaqa’ fuqhom. Dan il-motiv jikkonċerna t-tilwima kuntrattwali bejn il-partijiet u jimplika l-eżaminazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ftehimiet ta’ għotja kif ukoll tad-dritt applikabbli għal dawn. Minn dan jirriżulta li l-imsemmi motiv għandu jitqies bħala mqajjem insostenn tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti.

    78

    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tinvoka ċertu numru ta’ żbalji li jidhru fir-rapporti ta’ verifika finali. Dan il-motiv jikkonċerna, huwa wkoll, it-tilwima kuntrattwali bejn il-partijiet u jimplika l-eżaminazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ftehimiet ta’ għotja kif ukoll tad-dritt applikabbli għal dawn. Minn dan jirriżulta li l-imsemmi motiv għandu jitqies bħala mqajjem insostenn tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti.

    79

    Fir-rigward, finalment, tal-ħames motiv, għandu, biċ-ċar, jitqies bħala mqajjem insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet tar-rikorrenti, sa fejn huwa bbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

    80

    Wara li ddeterminat il-kap ta’ talbiet li magħhom għandhom jintrabtu l-motivi invokati mir-rikorrenti, għandu jiġi segwit mal-eżaminazzjoni, fuq il-mertu, tal-ewwel u t-tieni kapi tat-talbiet tar-rikorrenti. Għandu jiġi eżaminat qabelxejn it-tieni kap ta’ talbiet. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata li qed jintalab l-annullament tagħha fl-ewwel kap ta’ talbiet trendi eżekutorju l-kreditu kuntrattwali allegatament miżmum mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti. Issa, fil-kuntest tat-tieni kap ta’ talbiet, il-Qorti Ġenerali hija msejħa li tieħu deċiżjoni fuq l-eżistenza u l-ammont ta’ dan il-kreditu kuntrattwali. Sa fejn is-sisien fattwali tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza u għall-ammont tal-kreditu kuntrattwali huwa eżaminat fil-kuntest tat-tieni kap ta’ talbiet, minn dan isegwi, minn naħa, li l-eżami ta’ dan il-kap ta’ talbiet għandu jippreċedi l-eżaminazzjoni tal-ewwel kap ta’ talbiet u, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjonijiet li twettqu mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżaminazzjoni tat-tieni kap ta’ talbiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-eżaminazzjoni tal-ewwel kap ta’ talbiet (ara, f’dan is-sens, sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni, T‑216/12, EU:T:2015:746, punt 72 u tad-9 ta’ Novembru 2016Trivisio Prototyping vs Il‑Kummissjoni, T‑184/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:652, punti 65119).

    2.   Fuq it-tieni kap ta’ talbiet

    81

    Għandu jitfakkar li l-motivi li għandhom jitqiesu bħala mqajma insostenn tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti huma l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi. Wieħed għandu jibda b’eżami tat-tielet motiv, ikompli bl-eżaminazzjoni tar-raba’ u l-ewwel motivi u jispiċċa permezz tal-eżaminazzjoni tat-tieni motiv. Qabel kollox, għandhom ikunu pprovduti preċiżjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u dwar id-dritt li fid-dawl tiegħu l-motivi msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu eżaminati.

    a)   Osservazzjonijiet preliminari

    1) Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

    82

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat magħmul mill-Unjoni jew f’isimha. Skont l-Artikolu 256(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni biex tisma’ fl-ewwel istanza r-rikorsi msemmija fl-Artikolu 272 TFUE.

    83

    F’dan il-każ, it-tieni paragrafu tal-Artikolu I.9 tal-ftehimiet ta’ għotja huwa redatt b’mod suffiċjentement wiesa’ biex jagħti lill-Qorti Ġenerali l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-partijiet ma jikkontestawx din il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali.

    2) Fuq id-dritt applikabbli għat-tilwima

    84

    Adita fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ bis-saħħa tal-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha taqta’ t-tilwima fuq il-bażi tad-dritt materjali applikabbli għall-kuntratt (sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni, T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63, punt 51).

    85

    F’dan il-każ, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu I.9 tal-ftehimiet ta’ għotja jirriżulta li d-dritt materjali applikabbli għal dawn hija, prinċipalment, id-dritt tal-Unjoni u, sussidjarjament, id-dritt Belġjan relatat mal-ftehimiet. F’dan l-aħħar rigward, għandu jiġi osservat li, sa fejn l-għotjiet li huma s-suġġett tal-ftehimiet ta’ għotja huma għotjiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u mogħtija mill-Kummissjoni, dawn jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli speċifiċi tad-dritt Belġjan li jinkwadra l-għotjiet mogħtija mill-entitajiet amministrattivi Belġjani. Ir-regoli awtomatiċi applikabbli f’dan il-każ jistgħu għalhekk ikunu biss dawk tad-dritt komuni tal-kuntratti u tal-obbligi Belġjani, li huma maħsuba biex jikkumpensaw l-assenza possibbli ta’ dawn ir-regoli fil-livell tal-Unjoni.

    86

    L-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “[i]l-ftehimiet magħmula skont il-liġi għandhom saħħa ta’ liġi għal dawk li jkunu għamluhom” u, fit-tieni paragrafu tiegħu, li “ma jistgħux jitħassru ħlief bil-kunsens ta’ xulxin tal-partijiet, jew għal raġunijiet magħrufin mil-liġi”.

    87

    It-tielet paragrafu tal-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jipprovdi barra minn hekk li l-ftehimiet għandhom jitwettqu in bona fide. L-Artikolu 1135 tal-istess kodiċi jipprovdi li “[i]l-ftehimiet jobbligaw mhux biss għal dak li huwa speċifikament imsemmi, iżda wkoll għall-konsegwenzi kollha meħtieġa minħabba n-natura tagħhom, skont l-ekwità, il-konswetudni jew il-liġi”. Dan l-artikolu jesprimi għalhekk il-prinċipju ta’ eżekuzzjoni in bona fide tal-kuntratti.

    88

    L-Artikolu 1156 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan juri l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fl-interpretazzjoni tal-kuntratti. Fil-fatt jipprovdi li “wieħed għandu fil-ftehimiet jirriċerka liema kienet l-intenzjoni komuni tal-partijiet kontraenti, pjuttost milli jieqaf fis-sens letterali tal-kliem”.

    89

    Meta tqum tilwima fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, l-oneru tal-prova huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li permezz tiegħu dak li jilmenta l-eżekuzzjoni ta’ prova għandu jipprovaha. Reċiprokament, min jallega li ma huwiex obbligat għandu jiġġustifika l-ħlas jew il-fatt li pproduċa l-estinzjoni tal-obbligu tiegħu.

    90

    Wieħed għandu jippreċiża wkoll li r-Regoli tal-Proċedura jirregolaw il-proċedura relatata mal-eżaminazzjoni tat-tieni kap ta’ talbiet li fil-kuntest tiegħu l-Qorti Ġenerali intervjeniet bħala imħallef tal-kuntratt, konformement mal-prinċipju ta’ dritt ġeneralment aċċettat li jgħid li kull qorti tapplika r-regoli tal-proċedura tagħha stess (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il‑Kummissjoni, T‑246/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:287, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    b)   Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tissodisfa l-oneru tal-prova tagħha

    91

    Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-awdituri eskludew numru ta’ spejjeż mingħajr ma pproduċew provi u billi rrikorrew għal sempliċi inferenzi. Hija tipprovdi bħala eżempju tal-allegazzjonijiet tagħha t-talbiet tal-awdituri dwar spejjeż iddikjarati marbutin mal-attivitajiet tal-espert X fil-kuntest tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ. Hija tikkonkludi li l-Kummissjoni, billi approvat it-talbiet tagħha, kisret il-prinċipju fundamentali u universali tal-oneru tal-prova li jgħid li huwa l-obbligu tal-parti li tagħmel allegazzjoni li tappoġġjaha permezz ta’ provi rilevanti.

    92

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

    93

    Għandu jitfakkar li, skont prinċipju fundamentali li jirregola l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tissussidja biss spejjeż effettivament minfuqa. Minn dan il-prinċipju jirriżulta li ma huwiex biżżejjed għall-benefiċjarju tal-għajnuna li juri li proġett ikun twettaq sabiex jiġġustifika l-għoti ta’ sussidju speċifiku. Barra minn hekk, il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jressaq il-prova li huwa sostna l-ispejjeż iddikjarati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata, peress li huma biss l-ispejjeż debitament iġġustifikati li jistgħu jitqiesu li huma eliġibbli. L-obbligu tiegħu li josserva l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti huwa wieħed mill-impenji essenzjali tiegħu u, għalhekk, jiddetermina l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2014, Technische Universität Dresden vs Il‑Kummissjoni, T‑29/11, EU:T:2014:912, punt 71 u ġurisprudenza ċċitata).

    94

    Il-prinċipju mfakkar fil-punt 93 iktar ’il fuq huwa rifless fl-istipulazzjonijiet tal-ftehimiet ta’ għotja dwar il-modalitajiet ta’ għoti tal-finanzjament. B’hekk, bħala tfakkira, bis-saħħa tal-Artikoli I.6 u II.15.4 tal-imsemmija ftehimiet, il-koordinatur kellu b’mod partikolari jissottometti lill-Kummissjoni, wara l-għeluq tal-azzjoni, dikjarazzjoni finanzjarja finali tal-ispejjeż eliġibbli realment minfuqa u dikjarazzjoni mqassra sħiħa tad-dħul u tal-ispejjeż tal-azzjoni, li l-Kummissjoni tista’, jekk ikun il-każ, titlob il-komunikazzjoni tal-informazzjoni u ta’ dokumenti supplimentarji. Huwa fuq il-bażi tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu II.15.4 ta’ dawn il-ftehimiet, li l-Kummissjoni tiddetermina, skont l-Artikolu II.17 tal-istess ftehimiet u bla ħsara għall-informazzjoni sussegwentement riċevuta fil-kuntest ta’ verifika mwettqa skont l-Artikolu II.20 tal-ftehimiet inkwistjoni, l-ammont definittiv tas-sussidju.

    95

    Għandu jitfakkar ukoll li, bis-saħħa tal-Artikolu II.20.3 tal-ftehimiet tal-għotja, il-Kummissjoni tista’ twettaq verifika fuq l-użu magħmul tal-għotja u r-riżultati ta’ din il-verifika ser jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ rkupru mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-Artikoli II.20.1 u II.20.4 tal-imsemmija ftehimiet jipprovdu l-obbligu għall-benefiċjarji tal-għotja li jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-persuni awtorizzati minn din tal-aħħar kull informazzjoni neċessarja għall-finijiet tal-verifika li l-azzjoni ġiet eżegwita skont dawn il-ftehimiet.

    96

    Il-qorti tal-Unjoni kkunsidrat li l-konklużjonijiet finali tal-verifika u l-provi kollha li huma l-bażi tagħhom għandhom jiġu analizzati bħala provi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fid-dawl ta’ azzjoni eventwali għar-responsabbiltà kuntrattwali quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Amitié vs Il‑Kummissjoni, T‑234/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:601, punt 136). B’analoġija, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, ir-rapporti ta’ verifika finali jikkostitwixxu provi insostenn tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja.

    97

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat l-ilment speċifiku tar-rikorrenti dwar iċ-ċaħda ta’ ċerti spejjeż b’rabta mal-attivitajiet tal-espert X fil-kuntest tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ.

    98

    Mir-rapport ta’ verifika finali dwar l-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ jirriżulta li l-awdituri, billi jirreferu għad-deskrizzjoni tal-attivitajiet tar-rikorrenti bħal dik li kienet tidher fuq is-sit Internet tagħha, ikkonstataw li l-espert X kien ipparteċipa, fit-13 ta’ Frar 2009, f’ġurnata ta’ taħriġ fit-Turkija fil-kuntest ta’ azzjoni oħra. Madankollu, ir-rikorrenti ddikjarat li, matul din l-istess ġurnata, l-espert X kien ħadem full-time għall-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ. L-awditur ċaħdu l-ispejjeż relatati ma’ din il-ġurnata u li jammontaw għal EUR 450.

    99

    Mir-rapport ta’ verifika finali dwar l-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ jirriżulta wkoll li l-awdituri eżaminaw jekk l-iżball li ta lok għall-kont tal-ġurnata tat-13 ta’ Frar 2009 skont l-imsemmija azzjoni kien jikkostitwixxi żball iżolat jew jekk kien jikkonċerna wkoll ġranet oħrajn. Għaldaqstant, huma talbu lir-rikorrenti li tikkomunikalhom estratti ta’ rapporti finanzjarji dwar azzjonijiet oħra eżegwiti mir-rikorrenti u, b’mod partikolari, informazzjoni li tikkonċerna l-persuni implikati u d-distribuzzjoni tal-ħin tagħhom ta’ xogħol, peress li l-għan huwa li jiġi vverifikat, permezz ta’ eżerċizzju ta’ benchmarking, l-eżattezza tan-numru ta’ sigħat iffatturati mill-persuni implikati fil-kuntest tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ. Ir-rikorrenti rrifjutat li tipprovdi l-informazzjoni mitluba minħabba li din ma kinitx taqa’ taħt il-kamp tal-verifika inkwistjoni.

    100

    Fl-assenza ta’ komunikazzjoni mir-rikorrenti tad-dokumentazzjoni mitluba, l-awdituri kkonkludew li kienu jinsabu fl-impossibbiltà li jikkonfermaw li l-bqija tal-ispejjeż iddikjarati li jikkonċernaw is-servizzi tal-espert X, ta’ ammont ta’ EUR 21445.45 (u li jikkorrispondu għal 39 ġurnata xogħol iddikjarati), kien jikkonċerna esklużivament l-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ. Għaldaqstant, huma kellhom riżerva fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ dawn l-ispejjeż. Fuq l-istess bażi, l-awdituri kellhom riżerva dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati fir-rigward tas-servizzi pprovduti mill-espert Y għal ammont ta’ EUR 22824.77. Għaldaqstant, l-ispejjeż iddikjarati li kienu s-suġġett ta’ riżerva min-naħa tal-awdituri kienu jammontaw għal EUR 44270.22.

    101

    Mir-rapport tal-verifika finali dwar l-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ jirriżulta li r-riżervi msemmija iktar ’il fuq li kellhom l-awdituri kienu kkorroborati mill-provi li ġejjin. Fl-ewwel lok, l-awdituri rrilevaw li 81 % tal-miżati li jikkonċernaw is-sena 2009 u 100 % tal-miżati li jikkonċernaw il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Jannar u ta’ Ġunju 2010, imħallsa liż-żewġ sidien tar-rikorrenti, l-esperti X u Y, li kienu jikkonċernaw is-servizzi tagħhom iddikjarati fil-kuntest tal-azzjonijiet ikkonċernati, minkejja l-fatt li l-azzjonijiet l-oħra li għalihom ir-rikorrenti kienet ipparteċipat kienu għaddejjin matul dawn il-perijodi. Fit-tieni lok, huma kkonstataw li s-sistema tal-kontabbiltà tar-rikorrenti ma kinitx tippermetti li jiġi ddeterminat liema spejjeż tal-persunal kienu jikkorrispondu għal liema azzjoni. Fit-tielet lok, huma kkonstataw li r-rekords tal-ħin tax-xogħol sottomessi ma kinux jippreżentaw b’mod dettaljat l-attività u s-sigħat ipprovduti mill-persunal jew l-esperti u li biss il-ħinijiet tax-xogħol attribwiti lill-azzjoni kienu preżenti hemmhekk.

    102

    Fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2013 li tikkomunika r-rapport ta’ verifika finali dwar l-azzjoni msemmija mill-ftehim tal-għotja Ċ, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li l-ispejjeż ta’ total ta’ EUR 44270.22 dwar is-servizzi tal-esperti X u Y, u li huma s-suġġett ta’ riżerva min-naħa tal-awdituri, setgħu jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli jekk ir-rikorrenti kienet issottomettiet id-dokumentazzjoni meħtieġa mill-awdituri f’terminu ta’ xahar. Ir-rikorrenti ma ssottomettietx din id-dokumentazzjoni u l-ispejjeż imsemmija hawn fuq ġew definittivament miċħuda mill-Kummissjoni bħala spejjeż ineliġibbli.

    103

    Fid-dawl tal-prinċipju fundamentali li jirregola l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni dwar l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-benefiċjarju ta’ għotja tal-Unjoni (ara punt 93 iktar ’il fuq), għall-kunsiderazzjoni li tidher fil-punt 96 iktar ’il fuq u għall-fatt li ma jirriżultax mill-proċess u li ma huwiex allegat li l-awdituri u l-Kummissjoni aġixxew f’mala fede, għandu jiġi konkluż li kien l-obbligu tar-rikorrenti, affaċċjata bil-konstatazzjonijiet konkreti tal-awdituri, li kellha tissottometti provi li juru li l-ispejjeż iddikjarati dwar is-servizzi tal-esperti X u Y kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà magħmula mill-Artikolu II.14.1 tal-ftehimiet ta’ għotja u, b’mod partikolari, li kienu jikkonċernaw is-suġġett tal-imsemmija ftehimiet u kienu neċessarji għat-twettiq tal-azzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dawn il-ftehimiet.

    104

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ssottomettiet ebda tali prova la matul il-proċedura prekontenzjuża u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali.

    105

    Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti targumenta li l-konklużjonijiet tal-awdituri ma kinux sostnuti minn provi. Pereżempju, ir-rikorrenti tirreferi għal każ tal-espert X u ssostni li l-awdituri, għall-finijiet li jeskludu l-40 ġurnata kollha ddikjarati minnha, ma kellhomx id-dritt li jipproċedu b’inferenza, filwaqt li jibbażaw fuq l-iżball imwettaq li jikkonċerna l-ġurnata tat-13 ta’ Frar 2009, iżda li kellhom jippruvaw li kull waħda mid-39 ġurnata li baqgħu ma kinitx tikkonċerna esklużivament l-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ.

    106

    Din l-argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda sa fejn tikser it-tqassim tal-oneru tal-prova kif definit f’dan il-każ. B’mod iktar speċifiku, l-awdituri ppreżentaw indizji konkreti tal-eżistenza ta’ riskju li l-ġranet ta’ xogħol iddikjarati għall-esperti X u Y, fil-kuntest tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ sussidju Ċ, ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà magħmula mill-Artikolu II.14.1 tal-imsemmi ftehim (ara l-punti 98 sa 101 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, huwa l-obbligu tar-rikorrenti li turi, permezz ta’ provi, li dawn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà kienu ġew osservati, liema fatt hija ma għamlitx. Konsegwentement, billi tibbaża fuq il-preżunzjoni ta’ ineliġibbiltà tal-ispejjeż, preżunzjoni li kienet sostnuta mill-indizji konkreti u li ma ġietx maqluba minn provi, il-Kummissjoni kienet korretta li tivvalida l-esklużjoni tal-ispejjeż kollha relatati max-xogħol tal-esperti X u Y fil-kuntest ta’ din l-azzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il‑Kummissjoni, T‑171/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:639, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    107

    Ir-rikorrenti targumenta wkoll li, jekk ir-raġunament tal-awdituri kellu jiġi segwit u l-ġranet kollha ddikjarati għall-esperti X u Y kien ikollhom jiġu miċħuda, dan ifisser li x-xogħol li twettaq mir-rikorrenti jkun ġie prodott internament u b’mod spontanju mingħajr l-involviment ta’ ebda espert. Tali konklużjoni hija paradossali fid-dawl tal-medda u tal-kwalita tal-imsemmi xogħol.

    108

    Din l-argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda fid-dawl tal-prinċipju espost fil-punt 93 iktar ’il fuq, li jgħid li ma huwiex biżżejjed għall-benefiċjarju tal-għotja li juri li proġett ikun twettaq sabiex jiġġustifika l-għoti ta’ dan is-sussidju. Minbarra dan, il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jġib prova li huwa sostna l-ispejjeż iddikjarati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata, peress li huma biss l-ispejjeż iġġustifikati tajjeb li jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli. Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-fatt li l-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ tkun twettqet u bir-riżultati tajbin ma huwiex biżżejjed għall-aċċettazzjoni tal-ispejjeż iddikjarati għall-esperti X u Y bħala spejjeż eliġibbli. Hemm bżonn ukoll li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stipulati b’mod partikolari fl-Artikolu II.14.1 tal-imsemmi ftehim ikunu ġew osservati.

    109

    Fir-replika, ir-rikorrenti tressaq argumenti supplimentari li għandhom ukoll jiġu miċħuda fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-prinċipji dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova f’dan il-każ.

    110

    Fir-rigward tal-ġurnata tat-13 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti ssostni li l-parteċipazzjoni tal-espert X fit-taħriġ fit-Turkija ma kinitx tfisser li kien impossibbli għalih li jaħdem fuq l-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ matul din il-ġurnata. Din il-parteċipazzjoni ma kinitx tfisser lanqas, skont ir-rikorrenti, li din ma kinitx kapaċi żżomm kontabbiltà korretta.

    111

    Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-espert X kien iffirma d-dikjarazzjoni tal-ħin tax-xogħol meħtieġa fid-dokumenti finanzjarji finali u li l-kontijiet u l-provi tal-ħlas kienu ġew mogħtija lill-Kummissjoni. Tqum, għaldaqstant, il-kwistjoni għaliha, liema provi oħrajn għandha bżonn il-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt ukoll li x-xogħol kien twettaq.

    112

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiġġustifika r-rifjut tagħha li tagħti d-dokumenti mitluba mill-awdituri billi tallega li dawn ma kellhom ebda dritt li jwettqu verifika tal-kontijiet kollha tagħha u li r-rifjut tagħha li tagħti d-dokumenti ma tistax tiġġustifika ċ-ċaħda tal-ispejjeż bħala ineliġibbli.

    113

    Qabelxejn, fir-rigward tal-ġurnata tat-13 ta’ Frar 2009, għandu jitfakkar il-fatt mhux ikkontestat li jipprovdi li l-espert X kien qed jipparteċipa, matul din il-ġurnata, f’taħriġ fit-Turkija li ma kellu ebda rabta mal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ u li l-ispejjeż marbutin mas-servizzi tal-imsemmi espert matul din il-ġurnata kellhom, madankollu, jiġu ddikjarati għal din l-azzjoni, peress li r-rikorrenti ddikjarat li dan l-espert kien ħadem full time għall-imsemmija azzjoni matul din il-ġurnata. Fid-dawl ta’ dan l-indizju konkret enfasizzat mill-awdituri li jgħid li l-imputazzjoni ta’ tali spejjeż għall-espert inkwistjoni matul l-imsemmija ġurnata ma kinitx tikkorrispondi għar-realtà, kien l-obbligu tar-rikorrenti li tipprova li, effettivament, l-istess espert kien ħadem full time għall-azzjoni kkonċernata matul il-ġurnata inkwistjoni minkejja l-fatt li kien qed jipparteċipa, f’dik il-ġurnata, f’taħriġ fit-Turkija.

    114

    Issa, ir-rikorrenti naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqha. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlu l-awdituri, li l-kontijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol invokati mir-rikorrenti u sottomessi lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma jippermettux li jiġi stabbilit ir-realtà u, għaldaqstant, l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati għall-espert X. Il-kontijiet sottomessi jindikaw biss l-ammont fatturat mill-imsemmi expert lir-rikorrenti għal perijodu ta’ żmien partikolari mingħajr ma jiġi ppreċiżat la l-azzjoni kkonċernata u lanqas ix-xogħlijiet li twettqu minn dan l-espert. Id-dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol sottomessi jindikaw biss il-ħin tax-xogħol imqatta mill-istess espert fuq l-azzjoni inkwistjoni f’ġurnata partikolari, mingħajr ma jipprovdu dettalji dwar l-attivitajiet tal-espert u tal-ħin imqatta fil-kuntest ta’ kull attività. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma qegħditx fid-dubju l-konstatazzjonijiet tal-awdituri li jipprovdu, minn naħa, li kien hemm koinċidenza bejn diversi azzjonijiet li għalihom ir-rikorrenti kienet qed tipparteċipa u, min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ kontabbiltà tagħha ma kinitx tippermetti li jiġu ddeterminati liema spejjeż ta’ persunal kienu jikkorrispondu għal liema azzjoni (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx ir-realtà u, għaldaqstant, l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati għall-espert inkwistjoni fil-kuntest tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ, la għall-ġurnata tat-13 ta’ Frar 2009 u lanqas għad-39 ġurnata oħra li jibqgħu.

    115

    Sussegwentement, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ir-rifjut tagħha li tipprovdi ċerti dokumenti lill-awdituri (ara l-punt 112 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li dawn ma talbux li jiġu vverifikati l-kontijiet tar-rikorrenti, kif allegat din tal-aħħar. L-awdituri talbu li jiġu eżaminati r-rapporti finanzjarji ta’ azzjonijiet oħra li għalihom ir-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-istess waqt li kienu qegħdin isiru t-tliet azzjonijiet inkwistjoni, sabiex ikunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni pprovduta minnha dwar l-użu tal-ħin tal-espert X. Kif il-Kummissjoni tosserva, l-għan tal-awdituri kien li jipprovdu possibbiltà lir-rikorrenti li turi l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet tagħha li jikkonċernaw l-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja Ċ, li kienet is-suġġett tal-verifika, u mhux li tiġi vverifikata l-kontabbiltà tagħha ġenerali. B’hekk jirriżulta li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex rilevanti, billi hija tibbaża fuq interpretazzjoni żbaljata tat-talba tal-awdituri. Fi kwalunkwe każ, din l-argumentazzjoni ma tistax tqiegħed fid-dubju l-konklużjoni li tgħid li r-rikorrenti ma ssodisfatx l-oneru tal-prova tagħha.

    116

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    c)   Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-żbalji li jidhru fir-rapporti ta’ verifika finali

    117

    Ir-rikorrenti targumenta li r-rapporti ta’ verifika finali kienu vvizzjati b’ċertu numru ta’ żbalji proċedurali u sostanzjali manifesti. F’dan il-kuntest, hija tqajjem ħames ilmenti li għandhom jiġu eżaminati wara.

    118

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-ilmenti.

    1) Fuq il-livell ta’ perizja tal-awdituri

    119

    Ir-rikorrenti targumenta li l-awdituri ma kellhomx il-perizja neċessarja biex jikkontestaw il-kwalità tax-xogħol u n-natura neċessarja tal-attivitajiet li hija kienet ressqet u li, essenzjalment, għall-finijiet li tiġi evalwata n-natura neċessarja tas-sigħat iddikjarati, imisshom kellhom fiduċja fin-numru ta’ sigħat imsemmija fil-proposti li kienet issottomettiet għall-finijiet tal-ksib tal-għotjiet inkwistjoni.

    120

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, f’ċerti partijiet tar-rapport ta’ verifika finali dwar l-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja A, l-awdituri indikaw li kienu inkapaċi li jifformulaw konklużjonijiet fuq ir-rilevanza tal-ispejjeż għall-attivitajiet marbutin ma’ din l-azzjoni. Fil-fehma tagħha, ir-rikonoxximent mill-awdituri tal-inkapaċità tagħhom li jifformulaw tali konklużjonijiet turi, fiha nfisha, prima facie, li dawk ma ssodisfawx l-oneru tal-prova li kien jaqa’ fuqhom.

    121

    L-argumentazzjoni tar-rikorrenti fuq il-livell ta’ perizja tal-awdituri għandha tiġi miċħuda.

    122

    Fir-rigward tal-perizja tal-awdituri, ebda element tal-proċess ma jippermetti li jitqiegħed fid-dubju li kellhom kwalifiki neċessarji biex jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati mir-rikorrenti fid-dawl tal-istipulazzjonijiet tal-ftehimiet ta’ għotja. Barra minn hekk, huwa żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-awdituri kellhom fiduċja fin-numru ta’ sigħat imsemmija fil-proposti li kienet issottomettiet għall-finijiet tal-ksib tal-għotja inkwistjoni. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi osservat li mill-qari flimkien tal-Artikoli II.15.4 u II.17.1 tal-imsemmija ftehimiet jirriżulta li l-ammont tal-għotja jsir definittiv biss wara l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tad-dokumenti sottomessi mir-rikorrenti bis-saħħa tal-Artikolu II.15.4 imsemmija iktar ’il fuq, mingħajr ħsara għall-informazzjoni miksuba sussegwentement permezz tal-verifika li twettqet fuq il-bażi tal-Artikolu II.20 ta’ dawn il-ftehimiet. B’hekk jirriżulta li s-sigħat imsemmija fil-proposti li ġew sottomessi mir-rikorrenti għall-finijiet tal-ksib tat-tliet ftehimiet li huma s-suġġett tal-ftehimiet inkwistjoni kienu jikkostitwixxu biss estimi li ma jagħmlu ebda ostakolu għal kontroll tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati mill-awdituri.

    123

    Fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti ppreżentata fil-punt 120 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li, f’diversi partijiet tar-rapporti ta’ verifika finali, l-awdituri kkonkludew li kienu inkapaċi li jagħtu l-fehma tagħhom fuq l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati mir-rikorrenti u li din l-inkapaċità kienet dovuta għan-nuqqas ta’ din li tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa u li turi, b’dan il-mod, l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati. B’hekk jirriżulta li l-inkapaċità msemmija iktar ’il fuq tal-awdituri ma kinitx dovuta għall-allegat inkompetenza tagħhom u ma turix ksur tal-oneru tal-prova. Fil-kuntest tal-eżaminazzjoni tat-tielet motiv, ġie deċiż li kien l-obbligu, essenzjalment, tar-rikorrenti, fiċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, li turi l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati.

    124

    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

    2) Fuq id-dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol

    125

    Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni wettqet żball billi kkunsidrat li l-esperti impjegati minnha kien ikollhom jissodisfaw id-dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol. Fil-fehma tagħha, il-ftehimiet ta’ għotja ma jistipulawx tali kundizzjoni u ma jippreċiżawx it-tip ta’ informazzjoni li dawn id-dikjarazzjonijiet kellhom jinkludu.

    126

    Dan l-ilment ukoll għandu jiġi miċħud. Ċertament, il-ftehimiet ta’ għotja ma jistipulawx l-obbligu għar-rikorrenti li turi l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati permezz tad-dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol sodisfatti mill-persunal involuti fl-azzjonijiet ikkonċernati. L-imsemmija ftehimiet jipprovdu madankollu, fl-Artikolu II.14.1 tagħhom, li l-ispejjeż iddikjarati għandhom ikunu identifikabbli u kontrollabbli, li jħallu għar-rikorrenti l-għażla tal-mezzi ta’ prova. Kif il-Kummissjoni osservat korrettament, id-dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol jikkostitwixxu mezz biex juru l-eliġibbiltà tal-ispejjeż.

    127

    Barra minn hekk, mir-rapporti ta’ verifika finali ma jirriżultax li l-awdituri bbażaw il-konklużjonijiet tagħhom fuq in-nuqqas ta’ preżentazzjoni mir-rikorrenti tad-dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol. Fil-każijiet kollha, l-awdituri bbażaw il-konklużjonijiet tagħhom fuq diversi indizji. Fost dawn l-indizji, huma osservaw il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol sottomessi ma kinux jipprovdu dettalji dwar l-attivitajiet eżegwiti u l-ħin mgħoddi mill-persunal jew l-esperti fuq kull attività. L-awdituri rrilevaw fallimenti oħrajn, bħall-fatt li s-sistema ta’ kontabbiltà tar-rikorrenti m kinitx tippermetti li ssir ir-rabta bejn l-ispejjeż tal-persunal u l-azzjonijiet eżegwiti mir-rikorrenti, li jwassal b’hekk għal riskju ta’ kont doppju. B’hekk l-awdituri rrilevaw diversi każijiet ta’ kontijiet doppji (ara, pereżempju, l-ispejjeż li jaqgħu taħt il-pożizzjonijiet F 13, F 21, F 27, F 30 u F 34 fil-kuntest tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja A).

    128

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-awdituri pproponew iċ-ċaħda ta’ ċerti spejjeż bħala ineliġibbli mhux għaliex ir-rikorrenti ma kinitx issottomettiet dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol jew dikjarazzjonijiet suffiċjentement preċiżi, iżda għaliex hija ma kinitx wriet l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati għall-azzjonijiet ikkonċernati.

    129

    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

    3) Fuq id-dewmien tal-kontijiet u tal-ħlas fil-kuntest tal-azzjonijiet imsemmija mill-ftehimiet ta’ għotja B u Ċ

    130

    Ir-rikorrenti tilmenta lill-awdituri talli ċaħdu ċerti spejjeż tal-persunal fil-kuntest tal-azzjonijiet imsemmija mill-ftehimiet ta’ għotja B u Ċ minħabba li l-kontijiet relatati kienu ġew imħallsa wara s-sottomissjoni lill-Kummissjoni tar-rapport finali. Fil-fehma tagħha, il-ftehimiet ta’ għotja jipprovdu biss li l-ispejjeż għandhom jiġu ġġenerati matul it-tul tal-azzjoni inkwistjoni u ma jirregolawx il-mument meta l-ħlasijiet għandhom jitwettqu. F’dan il-każ, għalkemm il-ħlasijiet kienu twettqu wara li jintemmu l-azzjonijiet imsemmija mill-ftehimiet ta’ għotja B u Ċ, l-ispejjeż kienu ġew iġġenerati matul it-tul ta’ dawn l-azzjonijiet, kif juru d-dati tal-kontijiet maħruġa. Skont ir-rikorrenti, jekk il-Kummissjoni tixtieq tillimita l-kwalifika tal-ispejjeż eliġibbli għal dawk iġġenerati u mħallsa qabel ċertu data, hija kellha tippreċiżah fil-ftehimiet ta’ sussidju.

    131

    Dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud, billi ma jibbażax fuq preżentazzjoni eżatta tar-raġunijiet taċ-ċaħda, mill-awdituri, ta’ ċerti spejjeż iddikjarati fil-kuntest tal-azzjonijiet imsemmija mill-ftehimiet ta’ għotja B u Ċ.

    132

    Fir-rigward tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja B, kif jirriżulta mir-rapport ta’ verifika finali dwar din l-azzjoni (punt 5.2.1 5), l-awdituri ċaħdu spejjeż ta’ ammont totali ta’ EUR 82000 dwar ix-xogħol ta’ erba’ esperti fuq il-bażi ta’ dak li jsegwi. Ġeneralment, l-awdituri kkonstataw li dawn l-ispejjeż kienu ġew irreġistrati fis-sistema ta’ kontabbiltà tar-rikorrenti u mħallsa sostanzjalment wara d-data tas-sottomissjoni, lill-Kummissjoni, tar-rapport finali, jiġifieri l-4 ta’ Awwissu 2010. L-awdituri osservaw ukoll li ma kinux irċevew il-kuntratti konklużi mal-esperti kkonċernati u li, kif jirriżulta mill-korrispondenza bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, id-dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol kienu ġew sodisfatti wara t-tmiem tal-imsemmija azzjoni wara t-talba mill-Kummissjoni, liema fatt kien joħloq dubji dwar id-dgħjufija tas-sigħat irreġistrati. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-awdituri kkonkludew li ma kienx hemm provi suffiċjenti biex juru li l-ispejjeż imsemmija iktar ’il fuq kienu ġew iġġenerati matul it-tul tal-azzjoni inkwistjoni.

    133

    Wara, l-awdituri pprovdew id-dettalji tal-kummenti ġenerali tar-rapport ta’ verifika finali dwar l-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja B fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ kull wieħed mill-erba’ esperti li għalihom ġew iddikjarati l-ispejjeż fil-kuntest tal-imsemmija azzjoni. Bħala eżempju, fir-rigward tal-espert Y, wieħed miż-żewġ sidien tar-rikorrenti, ipproponew iċ-ċaħda tal-ispejjeż ta’ total ta’ EUR 18000 minħabba l-fatt li l-kont kien bid-data u rreġistrat fil-kontabbiltà tar-rikorrenti fl-2011 u mħallsa fl-10 ta’ Jannar 2011, jiġifieri sostanzjalment wara s-sottomissjoni mir-rikorrenti, fl-4 ta’ Awwissu 2010, tar-rapport finali. Huma osservaw ukoll li ma kien hemm ebda prova li s-servizzi pprovduti minn dan l-espert kienu seħħew matul it-tul tal-azzjoni u li l-imsemmija servizzi kienu ġew irreġistrati għall-ewwel darba fir-rapport finali rivedut sottomess mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Ottubru 2010.

    134

    Xi kummenti li marru fl-istess sens ġew maħruġa fuq it-tliet esperti l-oħra li għalihom ġew iddikjarati spejjeż fil-kuntest tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja B.

    135

    Dawn l-elementi li jirriżultaw mir-rapport ta’ verifika finali dwar l-azzjoni msemmija fil-ftehim ta’ għotja B ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, liema limitat ruħha għall-argumentazzjoni ġenerali ppreżentata fil-punt 130 iktar ’il fuq.

    136

    Mill-elementi preċedenti jirriżulta li ċ-ċaħda ta’ ċerti spejjeż ta’ esperti ddikjarati fil-kuntest tal-azzjoni msemmija fil-ftehim ta’ għotja B ma kinitx biss ibbażata fuq il-fatt li l-kontijiet relatati kienu ġew imħallsa wara s-sottomissjoni tar-rapport finali, kif ukoll l-allegazzjoni tal-mod impreċiż tar-rikorrenti, iżda li kien ibbażat fuq il-provi kollha, mhux ikkontestati, li kienu poġġew fid-dubju, b’mod konkret, in-natura eliġibbli tal-ispejjeż iddikjarati u, iktar partikolarment, il-ġenesi tal-ispejjeż iddikjarati matul it-tul tal-azzjoni, kif jeħtieġ ir-raba’ inċiż tal-Artikolu II.14.1 tal-ftehimiet ta’ għotja.

    137

    Fil-fatt, kif il-Kummissjoni tinnota korrettament, huwa leġittimu li wieħed jiddubita serjament l-ispejjeż li ġew iffatturati u mniżżlin fil-kontabbiltà tar-rikorrenti wara s-sottomissjoni tar-rapport finali. Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, huwa diffiċli li wieħed jiftiehem kif kont li għadu ma ġiex imniżżel fil-kontabbiltà tar-rikorrenti seta’ ġie inkluż fir-rapport finali sottomess lill-Kummissjoni, li, bis-saħħa tal-Artikolu II.15.4 tal-ftehimiet ta’ għotja, jinkludi d-dikjarazzjoni mqassra sħiħa tad-dħul u tal-ispejjeż.

    138

    Fir-rigward tal-azzjoni msemmija fil-ftehim ta’ għotja Ċ, mill-punt 5.2.1 4 tar-rapport ta’ verifika finali dwar din l-azzjoni jirriżulta li xi spejjeż ta’ ammont totali ta’ EUR 14800 kienu ġew fatturati mill-espert Z. Il-kont inkwistjoni kellu d-data tad-9 ta’ Ġunju 2010, iżda l-ispejjeż ġew irreġistrati fis-sistema ta’ kontabbiltà tar-rikorrenti fit-30 ta’ Settembru 2010 u mħallsa fid-19 ta’ Ottubru 2010, jiġifieri ħafna wara d-data tas-sottomissjoni, lill-Kummissjoni, tar-rapport finali (fil-21 ta’ Lulju 2010) u wara li l-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, fl-24 ta’ Awwissu 2010, li kienet sejra tiċħad l-ispejjeż kollha tal-persunal iddikjarati minnha. L-awdituri osservaw ukoll li ma kinux irċevew il-kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti u l-espert u li, kif jirriżulta mill-korrispondenza bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, id-dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol kienu ġew sodisfatti wara t-tmiem tal-azzjoni wara t-talba mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-awdituri osservaw li ma kienx hemm provi suffiċjenti insostenn tal-kont, mill-espert, tas-37 ġurnata xogħol u li l-provi prodotti kienu jiġġustifikaw il-kont ta’ biss 11-il ġurnata. L-awdituri kkonkludew li r-rikorrenti kellha tipprovdi spjegazzjonijiet u provi addizzjonali għall-finijiet li tiġġustifika n-numru totali tal-ġranet fatturati mill-espert u d-dewmien fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-kont fis-sistema ta’ kontabbiltà tagħha u pproponew, provviżorjament, iċ-ċaħda, bħala ineliġibbli, tal-ispejjeż relatati ma’ 26 ġurnata xogħol fatturati mill-espert, jiġifieri ta’ EUR 10400 (26 ġurnata x EUR 400).

    139

    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ssottomettiet l-ebda prova, la matul il-proċedura prekontenzjuża u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, għall-finijiet li tqiegħed fid-dubju l-konstatazzjonijiet tal-awdituri li jidhru fil-punt 5.2.1 4 tar-rapport ta’ verifika finali dwar l-azzjoni msemmija fil-ftehim ta’ għotja Ċ.

    140

    Bħal dak li ġie kkonstatat għall-azzjoni msemmija fil-ftehim ta’ għotja B, għandu jiġi rrimarkat li ċ-ċaħda ta’ ċerti spejjeż tal-espert inkwistjoni fil-kuntest tal-azzjoni msemmija fil-ftehim ta’ għotja Ċ ma kinitx dovuta biss għall-fatt li l-kont tagħha kien ġie mħallas wara d-data ta’ sottomissjoni, lill-Kummissjoni, tar-rapport finali, iżda li l-imsemmija ċaħda kienet ibbażata fuq il-provi kollha li poġġew fid-dubju, b’mod konkret, in-natura eliġibbli tal-ispejjeż iddikjarati.

    141

    Fuq il-bażi tal-iżviluppi preċedenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv

    4) Fuq l-użu ta’ fornituri barra mill-Unjoni fil-kuntest tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja B

    142

    Ir-rikorrenti tilmenta lill-awdituri li ċaħdu l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni ta’ vidjo, fil-kuntest tal-azzjoni msemmija fil-ftehim ta’ għotja B, minħabba li l-ispejjeż relatati ma’ din il-produzzjoni kienu ġew minfuqa barra mill-Unjoni. Hija targumenta li l-kuntest kuntrattwali applikabbli ma jeskludix l-użu, mill-benefiċjarji, ta’ fornituri stabbiliti barra mill-Unjoni. Barra minn hekk, hi ssostni li, fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, il-parti l-kbira tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-vidjo ġew minfuqa fl-Unjoni. Finalment, hija tikkontesta l-konstatazzjoni tal-awdituri li tgħid li hija ma pproduċietx il-prova li l-għażla tal-fornitur tal-vidjo kienet l-aħjar waħda f’dak li tirrigwarda r-rabta kwalità-prezz.

    143

    Mill-punt 5.2.2 1 tar-rapport ta’ verifika finali dwar l-azzjoni msemmija fil-ftehim ta’ għotja B jirriżulta li l-awdituri ċaħdu, bħala ineliġibbli, spejjeż ta’ ammont ta’ EUR 52497.16 relatati mal-produzzjoni ta’ vidjo, minħabba li dawn l-ispejjeż kienu ġew minfuqa barra mill-Unjoni. L-awdituri kkonstataw, barra minn hekk, li r-rikorrenti kienet inkapaċi tipproduċi prova tal-eżistenza ta’ proċedura tal-offerti organizzata għall-finijiet li jintgħażel il-produttur tal-vidjo u li l-għażla li twettqet kienet l-aħjar f’dak li tirrigwarda r-rabta kwalità-prezz. B’hekk jirriżulta li ċ-ċaħda tal-ispejjeż relatati mal-produzzjoni tal-vidjo għandha bażi doppja li għandha tiġi eżaminata.

    144

    Fir-rigward tal-ewwel bażi, dwar il-post fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-vidjo kienu twettqu, huwa stabbilit li l-fornitur tal-vidjo kien stabbilit fl-Istati Uniti. Huwa minnu li l-ftehim ta’ għotja B ma jeskludix l-użu, mill-benefiċjarji, ta’ fornituri stabbiliti barra mill-Unjoni. Madankollu, il-gwida għall-applikanti tal-għotjiet jipprevedi, fil-punt III.2, intitolat “Regoli li jikkonċernaw l-ispejjeż eliġibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li l-ispejjeż, sa fejn ikunu kkunsidrati bħala eliġibbli, għandhom jintefqu mill-benefiċjarju (jew mill-imsieħba tiegħu) f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

    145

    Fir-rigward tal-valur legali tal-gwida għall-applikanti tal-għotjiet, huwa stipulat fil-parti introduttiva ta’ kull wieħed mill-ftehimiet ta’ għotja li l-klawżoli inklużi fl-imsemmija ftehimiet kienu jipprevalu, b’mod partikolari, fuq il-kontenut tal-imsemmija gwida, iżda li din għandha tiġi użata “għall-finijiet supplimentari”. F’dan il-każ, sa fejn dawn il-ftehimiet ma jippreċiżawx il-post fejn l-ispejjeż għandhom jintefqu, iżda li din il-gwida tagħmel dan, li tikkompleta b’dan il-mod l-istess ftehimiet, għandu jiġi konkluż li din il-gwida tirregola, f’dan il-każ, din id-domanda speċifika marbuta mal-ispejjeż.

    146

    Ir-rikorrenti ssostni ċertament quddiem il-Qorti Ġenerali li, anki jekk il-fornitur tal-vidjo hija kumpannija rreġistrata fl-Istati Uniti, l-ispejjeż tal-vidjo kellhom, fir-realtà, jintefqu fl-Unjoni. Ix-xenarju kellu jinkiteb, il-vidjo prodott u d-doppjaġġ imwettaq fl-Unjoni. Madankollu, ebda prova ma hija prodotta insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet.

    147

    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-ewwel bażi tal-konklużjonijiet tal-awdituri ma tqiegħditx fid-dubju mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

    148

    Fir-rigward tat-tieni bażi, dwar l-assenza ta’ prova, mir-rikorrenti, tal-istabbiliment ta’ proċedura tal-offerti u tal-fatt li l-għażla tal-fornitur tal-vidjo kienet l-aħjar waħda f’dik li tirrigwarda r-rabta kwalità-prezz, għandu jiġi osservat li l-Artikolu II.9.1 tal-ftehimiet ta’ għotja jipprovdi dan li ġej:

    “Meta l-benefiċjarji għandhom jikkonkludu kuntratti għall-bżonnijiet tat-twettiq tal-azzjoni u li jikkostitwixxu spejjeż tal-azzjoni li jidhru f’taqsima dwar l-ispejjeż diretti eliġibbli tal-estimi tal-baġit, huma ser ikollhom iwettqu sejħa għall-offerti tal-kandidati potenzjali u jagħtu l-kuntratt lill-offerta li tippreżenta l-aħjar rabta kwalità-prezz […] fl-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kontraenti potenzjali u billi tiġi żgurata l-assenza ta’ kunflitti ta’ interessi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    149

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu II.14.1 tal-ftehimiet ta’ għotja jipprovdi li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala eliġibbli, l-ispejjeż “għandhom ikunu raġonevoli u ġġustifikati filwaqt li jissodisfaw il-prinċipji ta’ ġestjoni tajba finanzjarja, b’mod partikolari r-rabta kwalità-prezz u r-rabta spiża-effikaċja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    150

    Mill-proċess jirriżulta li l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni ta’ vidjo kienu inklużi fl-estimi tal-baġit tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja B, taħt it-taqsima intitolata “Pubblikazzjonijiet u rilaxxi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bħala spejjeż diretti. B’hekk jirriżulta li, bis-saħħa mhux biss tal-Artikolu II.19.1 tal-ftehimiet ta’ għotja, iżda wkoll tal-Artikolu II.14.1 tal-imsemmija ftehimiet, l-awdituri kienu korretti li jitolbu lir-rikorrenti li tipprovdi l-prova tal-istabbiliment ta’ proċedura tal-offerti u tal-fatt li l-għażla tal-fornitur tal-vidjo kienet l-aħjar waħda f’dik li tirrigwarda r-rabta kwalità-prezz u r-rabta spiża-effikaċja. Kien l-obbligu tar-rikorrenti li tipprovdi din il-prova.

    151

    Issa, mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti pproduċiet tali prova.

    152

    Fil-fatt, l-offerti kkomunikati lill-Kummissjoni, li jidhru fl-Anness 31 tar-rikors li jġibu d-data tat-18 ta’ Novembru 2010, data li hija wara dik tat-tmiem tal-azzjoni msemmija fil-ftehim ta’ għotja B, jiġifieri d-9 ta’ Ġunju 2010. Issa, din tikser l-Artikolu II.9.1 tal-ftehimiet ta’ għotja, liema, permezz tar-riferiment għall-kontraenti “potenzjali”, jirriżulta li l-offerti għandhom jiġu sottomessi matul l-azzjoni mhux wara.

    153

    Fir-rigward tal-offerti li jġibu d-data tal-2008, li jidhru fl-Anness 30 tar-rikors, kif ukoll li r-rikorrenti indikat hija stess, huma jikkonċernaw tip ta’ servizz differenti, jiġifieri r-reġistrazzjoni ta’ vidjo klassiku, mingħajr effetti speċjali, li sussegwentement ġiet abbandunata mir-rikorrenti, peress li din tal-aħħar kienet finalment iddeċidiet li l-għanijiet tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja B huma moqdija aħjar jekk il-vidjo li twettaq kien jinkludi effetti speċjali.

    154

    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-tieni bażi tal-konklużjonijiet tal-awdituri lanqas ma tqiegħdet fid-dubju mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

    155

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

    5) Fuq il-kwalità tas-servizzi tar-rikorrenti

    156

    Ir-rikorrenti tilmenta lill-awdituri u lill-Kummissjoni li ma ħadux inkunsiderazzjoni l-kwalità tas-servizzi tagħha u tal-fatt li l-għanijiet, li għalihom l-għotjiet kienu ġew mogħtija, kellhom jiġu milħuqa.

    157

    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-prinċipju fundamentali li jirregola l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, li bis-saħħa tiegħu din tal-aħħar tista’ tissussidja biss spejjeż effettivament minfuqa. Kif diġà ġie osservat, minn dan il-prinċipju jirriżulta li ma huwiex biżżejjed għall-benefiċjarju tal-għajnuna li juri li proġett ikun twettaq sabiex jiġġustifika l-għoti ta’ sussidju speċifiku. Barra minn hekk, il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jressaq il-prova li huwa sostna l-ispejjeż iddikjarati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata, peress li huma biss l-ispejjeż debitament iġġustifikati li jistgħu jitqiesu li huma eliġibbli. L-obbligu tiegħu li jiġu osservati l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti jikkostitwixxu wkoll wieħed mill-impenji essenzjali tiegħu u, minn dan il-fatt, jikkundizzjona l-għoti tal-għajnuna finanzjarja (ara l-punt 93 iktar ’il fuq).

    158

    Fuq il-bażi tal-iżviluppi preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

    d)   Fuq l-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li r-regoli tal-verifika segwiti mill-awdituri ma kinux dejjem is-suġġett ta’ ftehim bejn il-partijiet

    159

    Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-awdituri applikaw standards ta’ verifika li ma kinux ġew stipulati fil-ftehimiet ta’ għotja u li ma kinux, għaldaqstant, is-suġġett ta’ ftehim bejn il-partijiet. Barra minn hekk, ir-rapporti ta’ verifika, kemm provviżorji kif ukoll finali, ma kienu jsemmu ebda stipulazzjonijiet tal-imsemmija ftehimiet u l-awdituri aġixxew skont l-għanijiet stabbiliti b’mod unilaterali mill-Kummissjoni u mhux fuq il-bażi tat-termini tal-mandat li jidhru f’dawn il-ftehimiet. Sa fejn il-konklużjonijiet tal-awdituri u, sussegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu bbażati fuq ir-regoli li ma kinux is-suġġett ta’ ftehim bejn il-partijiet, din id-deċiżjoni għandha tiġi annullata.

    160

    Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    161

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont l-indikazzjonijiet li jidhru fis-sunti tar-rapporti ta’ verifika finali, din il-verifika għandha titwettaq skont l-istandards ta’ verifika internazzjonali u skont il-“prinċipji u kunċetti ta’ bażi tal-kuntest internazzjonali għall-assenjazzjonijiet ta’ assigurazzjoni stabbiliti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-kontabilisti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Ir-rapporti ta’ verifika finali kienu jippreċiżaw barra minn hekk, fil-punt 1.1 tagħhom li l-għan tal-verifika kienet li tivverifika, b’mod partikolari, jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-Kummissjoni kellha tiġi użata esklużivament għall-finijiet tal-azzjoni inkwistjoni, jekk l-ispejjeż iddikjarati kienu ġġenerati matul il-perijodu kopert mill-ftehim ta’ għotja inkwistjoni, jekk il-veraċità ta’ dawn l-ispejjeż kienet murija minn dokumentazzjoni xierqa, provi ta’ pagament u l-eżistenza ta’ sistema tal-istħarriġ u jekk il-ġestjoni tal-azzjoni mill-koordinatur kien josserva l-prinċipji tal-ġestjoni tajba finanzjarja, tal-ekonomija u l-effikaċja. Din id-definizzjoni tal-għan tal-verifika tirrifletti biss il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarju tal-għotja, ipprovduti fl-Artikolu II.14.1 tal-ftehimiet ta’ għotja. Barra minn hekk, l-awdituri aġixxew f’dan il-każ bis-saħħa tal-Artikolu II.20 tal-imsemmija ftehimiet. B’hekk jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-għanijiet tal-verifika kellhom jiġu stabbiliti b’mod unilaterali mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

    162

    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-eżaminazzjoni tar-rapporti ta’ verifika finali turi li l-ispejjeż inkwistjoni ddikjarati mir-rikorrenti kellhom jiġu miċħuda minħabba li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà pprovduti, b’mod partikolari, fl-Artikolu II.14.1 tal-ftehimiet ta’ għoti. Barra minn hekk, din tirriżulta wkoll mill-iżviluppi preċedenti relatati mal-motivi l-oħra imqajma mir-rikorrenti. Kif il-Kummissjoni targumenta ġustament, l-istandards ta’ verifika, li, skont l-argumentazzjoni tar-rikorrenti, ma kinux is-suġġett ta’ ftehim bejn il-partijiet, jikkonċernaw biss l-istandards professjonali u etiċi li l-awdituri għandhom isegwu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u ma għandhom ebda rapport mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati mir-rikorrenti. Barra minn hekk, din ma turix x’inhi ir-rabta bejn dawn l-istandards ta’ verifika u l-konklużjonijiet tal-awdituri relatati mal-eliġibbiltà tal-ispejjeż, jiġifieri, hija ma turix b’liema mod standard ta’ verifika jista’ jrendi l-ispejjeż eliġibbli jew le.

    163

    B’hekk jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni mill-awdituri ta’ standards ta’ verifika mhux stabbiliti bi ftehim komun mill-partijiet għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    164

    Finalment, għandu jiġi osservat li, fir-replika, ir-rikorrenti targumenta li hija kienet miexja skont l-istandards ta’ kontabbiltà previsti mid-dritt Taljan u li, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata, allegatament ibbażata fuq standards oħra ta’ verifika li ma kinux is-suġġett ta’ ftehim bejn il-partijiet, kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 126(2)(d) tar-regolament finanzjarju.

    165

    L-Artikolu 126(2)(d) tar-regolament finanzjarju li jipprevedi li l-ispejjeż eliġibbli kellhom jiġu rreġistrati fil-kontijiet tal-benefiċjarju u ddeterminati skont l-istandards kontabilistiċi applikabbli tal-pajjiż fejn ikun stabbilit il-benefiċjarju u skont il-prattika kontabilistika komuni tal-benefiċjarju fil-qasam tal-kontabbiltà.

    166

    Issa, fis-sens tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-ispejjeż iddikjarati mir-rikorrenti jistgħu jkunu konformi mal-istandards kontabilistiċi Taljani ma jfisser xejn li dawn l-ispejjeż huma konformi mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stipulati, b’mod partikolari, fl-Artikolu II.14 tal-ftehimiet ta’ għotja. Konsegwentement, l-invokazzjoni mir-rikorrenti tal-Artikolu 126(2)(d) tar-regolament finanzjarju ma hijiex rilevanti.

    167

    Fuq il-bażi tal-evalwazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    e)   Fuq it-tieni motiv, ibbażat, minn naħa, fuq dewmien irraġonevoli li jikkonċerna l-komunikazzjoni lir-rikorrenti tar-rapporti ta’ verifika finali u, min-naħa l-oħra, tal-ġestjoni ħażina tal-azzjonijiet ikkonċernati mill-Kummissjoni

    168

    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tqajjem żewġ ilmenti.

    169

    Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti tinvoka terminu irraġonevoli ta’ 18-il xahar li jkun għadda bejn il-25 ta’ Jannar 2012, data tal-komunikazzjoni li saritilha tal-abbozzi riveduti tar-rapporti ta’ verifika, u l-10 ta’ Ġunju 2013, data tal-komunikazzjoni li saritilha tar-rapporti ta’ verifika finali. Il-fluss ta’ dan it-terminu kien taha l-impressjoni li l-Kummissjoni kienet impliċitament aċċettat l-argumenti tagħha kontra l-konklużjonijiet tal-awdituri u kien ikkawżalha ħsara sa fejn ipprekludiha milli tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni b’mod opportun u effikaċji.

    170

    Fir-rigward tat-tieni lment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kellha ġestjoni ħażina, b’mod ġenerali, tal-azzjonijiet ikkonċernati.

    171

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ilmenti tar-rikorrenti.

    172

    Fir-rigward tal-ewwel ilment, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li ma kien hemm ebda dispożizzjoni regolamentari u lanqas stipulazzjoni kuntrattwali li tistipula t-tul tal-verifika previst fl-Artikolu II.20 tal-ftehimiet ta’ għotja. Din l-aħħar stipulazzjoni tipprevedi biss, fil-paragrafu 3 tagħha, li verifika tista’ tiġi effettwata f’terminu ta’ ħames snin b’effett mid-data tal-ħlas tal-bilanċ. Xorta jibqa’ l-fatt li, għad-determinazzjoni tal-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu għall-partijiet ta’ kuntratt li jeżegwixxuh in bona fide. F’dan il-każ, bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, il-Kummissjoni kienet obbligata li tikkomunika, f’terminu raġonevoli, lir-rikorrenti l-konklużjonijiet tal-awdituri sabiex tippermettilha li tikkontestahom b’mod utli u, b’mod iktar ġenerali, li ma tħallihiex fi stat ta’ inċertezza li tagħmillha l-ħsara.

    173

    Kif jirriżulta mill-proċess, l-abbozzi riveduti tar-rapporti ta’ verifika għall-azzjonijiet ikkonċernati ġew mogħtija lir-rikorrenti fl-24 ta’ Jannar 2012. Ir-rikorrenti ssottomettiet osservazzjonijiet fuq dawn l-abbozzi riveduti fil-15 ta’ Frar 2012. Ir-rapporti ta’ verifika finali ngħataw mill-awdituri lill-Kummissjoni fis-26 ta’ April 2012 u l-Kummissjoni kkomunikat dawn ir-rapporti lir-rikorrenti fl-10 ta’ Ġunju 2013.

    174

    Għaldaqstant, għandu jitqies li l-proċedura ta’ verifika tmexxiet b’mod konformi mal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni in bona fide tal-kuntratti sad-data tas-26 ta’ April 2012, data tal-għotja lill-Kummissjoni tar-rapporti ta’ verifika finali mill-awdituri. Għandu wkoll jiġi kkonstatat li perijodu ta’ żmien ta’ iktar minn tlettax-il xahar intervjeniet bejn is-26 ta’ April 2012 u l-10 ta’ Ġunju 2013, data tal-komunikazzjoni ta’ dawn ir-rapporti ta’ verifika finali lir-rikorrenti. Għaldaqstant, għandu jiġi kkomunikat jekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni in bona fide tal-kuntratti, tali perijodu ta’ żmien kien jikkostitwixxi terminu raġonevoli f’dan il-każ.

    175

    Fid-dawl tal-kontenut tal-proċess, perijodu ta’ żmien ta’ iktar minn tlettax-il xahar ma huwiex iġġustifikat u għandu natura rraġonevoli. Fil-fatt, wara l-għotja tar-rapporti ta’ verifika finali mill-awdituri lill-Kummissjoni, fis-26 ta’ April 2012, ma kien hemm ebda kuntatt bejnha u r-rikorrenti. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ittri tal-10 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni aċċettat dawn ir-rapporti ta’ verifika finali fl-intier tagħhom, u ma għamlet ebda emenda. Barra minn hekk, la l-għan tal-verifiki u lanqas il-kontenut tar-rapporti ta’ verifika finali ma kellhom kwalunkwe kumplessità.

    176

    L-uniku element li l-Kummissjoni invokat biex tiġġustifika perijodu ta’ żmien ta’ iktar minn tlettax-il xahar kien il-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fl-10 ta’ Settembru 2012. Skont il-Kummissjoni, minħabba dan il-ftuħ, kien hemm bżonn ta’ diversi xhur biex jiġu vverifikati u approvati l-konklużjonijiet tal-awdituri.

    177

    Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tispjegax suffiċjentement b’liema mod il-ftuħ tal-investigazzjoni mill-OLAF ikkawża perijodu ta’ żmien ta’ iktar minn tlettax-il xahar. Barra minn hekk, dan il-ftuħ seħħ ħames xhur wara t-trażmissjoni tar-rapporti ta’ verifika finali lill-Kummissjoni, liema fatt juri li, fi kwalunkwe każ, għaddew ħames xhur bejn it-trażmissjoni tar-rapporti ta’ verifika finali lill-Kummissjoni u l-ftuħ tal-investigazzjoni minn OLAF. Issa, mill-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet attiva b’kwalunkwe mod matul dan il-perijodu ta’ ħames xhur.

    178

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-perijodu ta’ żmien ta’ iktar minn tlettax-il xahar li intervjeniet bejn l-għotja lill-Kummissjoni tar-rapporti ta’ verifika finali u l-komunikazzjoni lir-rikorrenti tal-imsemmija rapporti jikkostitwixxi, f’dan il-każ, terminu irraġonevoli u, għaldaqstant, nuqqas, mill-Kummissjoni, tal-obbligi kuntrattwali tagħha kif interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni in bona fide tal-kuntratti.

    179

    Madankollu, mill-proċess ma jirriżultax li d-dewmien irraġonevoli fil-komunikazzjoni lir-rikorrenti tar-rapporti ta’ verifika finali affettwa l-kapaċità tagħha li tikkontesta b’mod effettiv il-konklużjonijiet tal-awdituri, kif sostniet.

    180

    Qabelxejn, kif il-Kummissjoni tosserva ġustament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti kellha l-okkażjoni darbtejn, jiġifieri fit-22 ta’ Diċembru 2011 u fil-15 ta’ Frar 2012, li tittrażmetti osservazzjonijiet u dokumenti ta’ sostenn lill-awdituri meta r-rapporti ta’ verifika kienu għadhom fl-istadju ta’ abbozz. Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Kummissjoni aċċettat il-konklużjonijiet tal-awdituri fl-intier tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li d-dewmien irraġonevoli fil-komunikazzjoni lir-rikorrenti tar-rapporti ta’ verifika finali affettwa l-kapaċità tagħha li tikkontesta b’mod effettiv il-konklużjonijiet tal-awdituri. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, wara l-komunikazzjoni tar-rapporti ta’ verifika finali, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti opportunitajiet oħrajn biex tissottometti osservazzjonijiet u dokumenti ta’ sostenn addizzjonali u li huwa f’dan il-kuntest li r-rikorrenti ssottomettiet osservazzjonijiet permezz tal-ittri tad-9 ta’ Lulju 2013 u tas-7 ta’ Ottubru 2013.

    181

    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, li jgħid, li fid-dawl tal-fatt li t-tul taż-żmien tal-verifika, il-maġġoranza tal-membri tal-persunal ta’ ġestjoni tal-azzjonijiet kienet telqet, li b’hekk ċaħdet lir-rikorrenti mill-informazzjoni neċessarja biex tikkontesta effikaċjament il-konklużjonijiet tal-awdituri, għandu jiġi osservat dan li ġej.

    182

    Minn naħa, kif il-Kummissjoni tosserva ġustament, mill-proċess jirriżulta li ż-żewġ persuni ewlenin għall-ġestjoni tal-azzjonijiet ikkonċernati, jiġifieri l-esperti X u Y, kienu dejjem attivi fil-ġestjoni tar-rikorrenti fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors u kienu jistgħu, għaldaqstant, jagħtuha kull informazzjoni neċessarja biex tikkontesta l-konklużjonijiet tal-awdituri.

    183

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal-Artikolu II.20(2) u (3) tal-ftehimiet ta’ għotja, ir-rikorrenti kienet obbligata żżomm id-dokumenti kollha oriġinali, b’mod partikolari ta’ kontabbiltà u dawk fiskali, matul perijodu ta’ ħames snin b’effett mid-data tal-ħlas tal-bilanċ, jiġifieri sas-sena 2015. B’hekk jirriżulta li d-dewmien fil-komunikazzjoni tar-rapporti ta’ verifika finali ma setax jaffettwa l-kapaċità tar-rikorrenti li tinvoka d-dokumenti msemmija iktar ’il fuq insostenn tal-pożizzjonijiet tagħha sa fejn kienet kuntrattwalment obbligata li żżomm dawn id-dokumenti sal-2015 u li l-fatti rilevanti f’dan il-każ, jiġifieri l-proċedura kontradittorja tal-verifika, kienet seħħet fl-2013.

    184

    Fuq il-bażi tal-iżviluppi preċedenti, dan l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

    185

    Bħala tfakkira, fir-rigward tat-tieni lment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kellha ġestjoni ħażina, b’mod ġenerali, tal-azzjonijiet ikkonċernati. Bħala indizji ta’ din il-ġestjoni ħażina, hija tinvoka n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni lejha matul l-iżvolġiment ta’ dawn l-azzjonijiet, ir-reviżjoni sussegwenti tal-gwida għall-applikanti tal-għotjiet, li issa fihom ħafna iktar informazzjoni dwar spejjeż eliġibbli, u l-fatt li l-ftehimiet ta’ għotja fihom diversi żbalji ta’ natura stilistika.

    186

    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni matul l-iżvolġiment tal-azzjonijiet ikkonċernati, il-proċess ma jurix li, matul l-implementazzjoni tal-imsemmija azzjonijiet, ir-rikorrenti kellha bżonn ta’ informazzjoni addizzjonali u ta’ preċiżazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni u li hija kienet talbet laqgħa li l-Kummissjoni kienet irrifjutatilha. Il-Kummissjoni tinvoka wkoll, ġustament, il-fatt li, f’Novembru 2009, is-servizzi tagħha kompetenti wettqu żjara ta’ segwitu ta’ dawn l-azzjonijiet fil-postijiet tar-rikorrenti.

    187

    Fir-rigward taż-żewġ indizji oħra mressqa mir-rikorrenti (ara punt 185 iktar ’il fuq), ma humiex ta’ tali natura li juru ġestjoni ħażina min-naħa tal-Kummissjoni.

    188

    Fuq il-bażi tal-evalwazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud. Peress li r-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi li hija żammet kreditu fir-rigward tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-ftehimiet ta’ għotja, għandu jiġi miċħud it-tieni kap ta’ talbiet tagħha.

    3.   Fuq l-ewwel kap ta’ talbiet, li jikkonċerna talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

    189

    Għandu jitfakkar li l-ewwel ilment tat-tieni motiv u l-ħames motiv għandhom jitqiesu bħala mqajma insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet. Huwa xieraq li l-ħames motiv jiġi eżaminata l-ewwel.

    a)   Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

    190

    Ir-rikorrenti tikkontesta, fir-replika, il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li, fil-qasam kuntrattwali, il-Kummissjoni ma tistax tadotta atti unilaterali bħad-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ u li, għall-finijiet li tobbliga l-kontroparti tagħha li teżegwixxi l-obbligi kuntrattwali tagħha ta’ natura finanzjarja, huwa l-obbligu tagħha, jekk ikun il-każ, li tadixxi l-qorti tal-kuntratt b’talba għall-pagament fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE. Fil-fehma tagħha, ir-rikonoxximent lill-Kummissjoni tal-kompetenza biex tadotta att unilaterali li jifforma titolu eżekuttiv għall-finijiet tal-irkupru ta’ kreditu kuntrattwali jikser l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn il-“kontroparti” tagħha ma għandhiex rikors effettiv kontra dan l-att unilaterali. Minn naħa, l-effettività tar-rikors għal annullament kontra dan l-att huwa affettwat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tgħid li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali u tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt huma inammissibbli. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tar-rikors għal responsabbiltà kuntrattwali ppreżentat mill-“kontroparti” tal-Kummissjoni quddiem il-qorti tal-kuntratt, din tal-aħħar tista’ topponi lill-“kontroparti” tagħha, l-att unilaterali li jifforma titolu eżekuttiv intant ivvalidat mill-imħallef tal-legalità.

    191

    Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv ma għandux bażi.

    192

    Għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata għandha bħala bażijiet legali l-Artikolu 299 TFUE u l-Artikolu 79(2) tar-Regolament finanzjarju.

    193

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE jiddisponi:

    L-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li mhumiex l-Istati, ikollhom forza eżekuttiva.”

    194

    L-Artikolu 79(2) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi:

    “L-istituzzjoni tista’ formalment tistabbilixxi ammont bħala riċevibbli minn persuni għajr Stati Membri permezz ta’ deċiżjoni li għandha tkun inforzabbli skont it-tifsira ta’ l-Artikolu 299 TFUE.”

    195

    Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 79(2) tar-Regolament Finanzjarju jidher f’kapitolu intitolat “Operazzjonijiet ta’ dħul” li huwa segwit minn kapitolu intitolat “Operazzjonijiet ta’ nfiq”, peress li dawn iż-żewġ kapitoli mhux iddestinati li japplikaw f’taqsima partikolari tal-azzjoni tal-Unjoni, iżda għall-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-baġit tagħha, liema fatt jixhed il-fatt li dawn il-kapitoli huma mdaħħla f’Titolu IV intitolat “Implimentazzjoni tal-baġit”, li huwa stess jidher fl-Ewwel Parti tar-regolament intitolat “Dispożizzjonijiet Komuni”.

    196

    Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tar-Regolament Finanzjarju japplikaw għalhekk u inklużi fit-taqsima kuntrattwali, liema fatt jattesta wkoll, b’mod partikolari, il-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 tal-imsemmi regolament li jidher taħt dan it-titolu, li jgħidu “[i]l-ħlas għandu jsir mal-preżentazzjoni ta’ prova li l-azzjoni relevanti tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-att bażiku jew mal-kuntratt”.

    197

    Kif il-Qorti Ġenerali ddikjarat iterativament, la l-Artikolu 299 TFUE u lanqas l-Artikolu 79(2) tar-Regolament Finanzjarju ma jistabbilixxu distinzjoni skont jekk il-kreditu li l-konstatazzjoni tiegħu huwa fformalizzat minn deċiżjoni li tifforma titolu eżekuttiv huwa ta’ oriġini kuntrattwali jew extrakuntrattwali (ara, f’dan is-sens, sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il‑Kummissjoni, T‑246/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:287, punti 9495, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il‑Kummissjoni, T‑387/09, EU:T:2012:501, punt 39).

    198

    B’hekk jirriżulta li kemm l-Artikolu 299 TFUE kif ukoll l-Artikolu 79(2) tar-Regolament Finanzjarju jagħtu kompetenza lill-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata: minkejja ċ-ċirkustanza li l-kreditu msemmi minn din id-deċiżjoni huwa marbut mal-implementazzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja u jippreżenta għaldaqstant natura “kuntrattwali”.

    199

    B’mod kuntrarju għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq ma tiksirx is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il‑Kummissjoni (T‑428/07 u T‑455/07, EU:T:2010:240, punt 68).

    200

    Fil-fatt, jirriżulta ċar mill-punt 68 tas-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il‑Kummissjoni (T‑428/07 u T‑455/07, EU:T:2010:240), li, fil-prinċipju, il-Kummissjoni ma għandhiex, fil-kuntest kuntrattwali, dritt tadotta atti unilaterali u li, konsegwentement, ma huwiex għaliha li tindirizza att ta’ natura deċiżjonali lill-kontroparti kkonċernata, għall-finijiet tal-implementazzjoni minn din tal-aħħar tal-obbligi tagħha kuntrattwali ta’ natura finanzjarja, iżda huwa l-obbligu tagħha, jekk ikun il-każ, li tadixxi l-qorti kompetenti b’talba għall-ħlas.

    201

    Madankollu, kif il-Qorti Ġenerali diġà ppreċiżat fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il‑Kummissjoni (T-246/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:287, punt 99) mis-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il‑Kummissjoni (T‑428/07 u T‑455/07, EU:T:2010:240, punt 68) jirriżulta li, billi ddeċidiet f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tindika li, fuq l-uniku bażi tal-kuntratt, il-Kummissjoni ma tistax tadotta att unilaterali intiż għall-irkupru ta’ kreditu kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, ma eskludietx li tali att jista’ jkollu bħala bażi legali dispożizzjoni, pereżempju, regolament finanzjarju, kif inhu l-każ f’dan il-każ fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 79(2) tar-Regolament Finanzjarju.

    202

    Fi kwalunkwe każ, wieħed jippreżupponi li s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il‑Kummissjoni (T‑428/07 u T‑455/07, EU:T:2010:240), tista’ tiġi interpretata bħala li tikkonkludi f’assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni li tifforma titolu eżekuttiv biex tifformalizza l-konstatazzjoni ta’ kreditu li huwa ta’ oriġini kuntrattwali, għandha għalhekk tirrikunsidra tali konklużjoni, għar-raġunijiet esposti fil-punti 195 sa 198 iktar ’il fuq.

    203

    Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ppreżentata fil-punt 197 iktar ’il fuq ma tiksirx lanqas is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562), kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti sostniet b’risposta għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali.

    204

    Fil-fatt, fis-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562), id-domanda eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet dik li wieħed ikun jaf jekk nota ta’ debitu kienet tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma kienx il-każ, sa fejn l-imsemmija nota ta’ debitu ma kinitx tipproduċi effetti legali li jsibu l-oriġini tagħhom fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika, iżda kienet inseparabbli mir-rabtiet kuntrattwali li kienu jeżistu bejn il-partijiet f’din il-kawża (ara punti 20 u 24 tal-imsemmija sentenza).

    205

    Huwa fil-kuntest tal-eżaminazzjoni tan-natura ġuridika, kuntrattwali jew amministrattiva, ta’ nota ta’ debitu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, jekk il-qorti tal-Unjoni kienet tirrikonoxxi lilha nnifisha kompetenti biex tiddeċiedi għal annullament fuq atti li jitniżżlu f’kuntest purament kuntrattwali, tirriskja mhux biss li tirrendi bla sens l-Artikolu 272 TFUE, iżda wkoll, fil-każ fejn il-kuntratt ma jinkludix klawżola ta’ arbitraġġ, li testendi l-kompetenza ġudizzjarja tagħha lil hinn mil-limiti mfassla mill-Artikolu 274 TFUE (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 19).

    206

    Huwa f’dan l-istess kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fil-każ fejn istituzzjoni, u b’mod iktar partikolari l-Kummissjoni, tagħżel, biex talloka kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-mod kuntrattwali fil-kuntest tal-Artikolu 272 TFUE, hija obbligata li tibqa’ ġewwa dan il-kuntest u li, b’hekk, huwa obbligu tagħha, b’mod partikolari, li tevita l-użu, fil-kuntest tar-relazzjonijiet mal-kontropartijiet ikkonċernati, ta’ formulazzjonijiet ambigwi li jistgħu jiġu pperċepiti mill-imsemmija kontropartijiet bħala li jaqgħu taħt is-setgħet ta’ deċiżjoni unilaterali li taqbeż l-istipulazzjonijiet kuntrattwali (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 21).

    207

    Sa fejn is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562), tikkonċerna l-eżaminazzjoni ta’ nota ta’ debitu u tal-kwistjoni dwar liema rimedju ġudizzjarju huwa miftuħ biex tikkontesta tali att, u mhux l-eżaminazzjoni ta’ deċiżjoni li tifforma titolu eżekuttiv, kif inhu l-każ tad-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ, lanqas tal-kwistjoni tal-kompetenza tal-awtur ta’ tali deċiżjoni, b’hekk jirriżulta li din is-sentenza ma hijiex rilevanti f’dan il-każ u ma tikkorroborax, għaldaqstant, it-teżi tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, b’mod kuntrarju għan-nota ta’ debitu li, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ natura kuntrattwali, tikkostitwixxi att li ma jistax jiġi kkontestat għal annullament, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi b’mod inkontestabbli tali att sa fejn hija intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti li jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot il-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika mogħtija lill-Kummissjoni fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva (ara, f’dan is-sens, sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 20, u digriet tad-29 ta’ Settembru 2016, Investigación y Desarrollo en Soluciones y Servicios IT vs Il‑Kummissjoni, C‑102/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:737, punti 5558). Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja l-fatt li l-ftehimiet ta’ għotja jagħmlu riferiment espliċitu, fl-Artikolu II.19.5, għall-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni li tifforma titolu eżekuttiv, bħalma huwa l-każ tad-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ, in-natura legali tiegħu tibqa’ definita mhux mill-imsemmija ftehimiet jew id-dritt li huwa applikabbli għalihom, iżda mill-Artikolu 299 TFUE u l-Artikolu 79(2) tar-Regolament Finanzjarju (ara, f’dan is-sens, sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il‑Kummissjoni, T‑246/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:287, punti 94 sa 96, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il‑Kummissjoni, T‑387/09, EU:T:2012:501, punt 39).

    208

    Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat għal annullament, ir-riskju ta’ estensjoni illegali tal-kompetenza ġudizzjarja mill-imħallef tal-legalità, invokata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 19 tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, (C‑506/13 P, EU:C:2015:562) (ara punt 205 iktar ’il fuq) ma hijiex ippreżentata f’dan il-każ, billi, fi kwalunkwe każ, il-qorti tal-kuntratt, jiġifieri, f’dan il-każ, il-qorti tal-Unjoni adita fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE, ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tistħarreġ il-legalità ta’ tali att (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Helkon Media vs Il‑Kummissjoni, T‑122/06,mhux ippubblikata, EU:T:2008:418, punt 44). Fl-istess ordni ta’ ideat, is-sitwazzjoni invokata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 21 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq (ara punt 206 iktar ’il fuq) ma tapplikax f’dan il-każ, billi, kif diġà ġie osservat, l-adozzjoni ta’ att li jifforma titolu eżekuttiv, kif inhi d-deċiżjoni kkontestata, tinsab barra mir-relazzjoni kuntrattwali.

    209

    Ir-rikorrenti tallega, madankollu, li r-rikonoxximent lill-Kummissjoni tal-kompetenza biex tadotta att unilaterali għall-finijiet tal-irkupru ta’ kreditu kuntrattwali jikser l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn il-“kontroparti” kkonċernata ma għandhiex rikors effettiv kontra dan l-att unilaterali (ara punt 190 iktar ’il fuq).

    210

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li llum huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju huwa kkostitwit minn diversi elementi fosthom id-dritt għal aċċess għall-qrati (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48).

    211

    Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal qorti, għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex “qorti” tista’ tiddeċiedi fuq kontestazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, huwa neċessarju li jkollha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-każ li hija jkollha quddiemha (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 49).

    212

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, wara l-klassifikazzjoni mill-ġdid parzjali li twettqet, il-Qorti Ġenerali teżamina, fil-kuntest tal-istess rikors, kemm il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-fondatezza tal-kreditu kuntrattwali tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti li tinsab fl-oriġini tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Sa fejn il-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kollha rilevanti għall-kawża inkwistjoni huma eżaminati mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi konkluż li dan rikors jikkostitwixxi rikors effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    213

    B’mod iktar ġenerali, għandu jiġi osservat li, fil-każ fejn il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv għall-finijiet ta’ rkupru, mingħand il-kontroparti kkonċernata, ta’ kreditu kuntrattwali, din tal-aħħar għandha l-possibbiltà, bil-kundizzjoni li l-kuntratt inkwistjoni jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li għandu bħala bażi legali kemm l-Artikolu 263 TFUE kif ukoll l-Artikolu 272 TFUE. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-imsemmija kontroparti tista’ mhux biss tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, billi tevoka motivi bbażati fuq it-trattat jew fuq kull regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tagħha, iżda wkoll tqajjem motivi u argumenti bbażati fuq il-kuntratt jew tad-dritt li huwa applikabbli għaliha u titlob lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq is-sustanza tat-tilwima kuntrattwali li teżisti bejnha u l-Kummissjoni billi teżerċita, f’dan ir-rigward, il-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li jagħtiha l-Artikolu 272 TFUE (ara, f’dan is-sens, sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni, T‑216/12, EU:T:2015:746, punt 57, u tad-9 ta’ Novembru 2016, Trivisio Prototyping vs Il‑Kummissjoni, T‑184/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:652, punt 62).

    214

    Fuq il-bażi tal-evalwazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    b)   Fuq l-ewwel ilment tat-tieni motiv, ibbażat fuq dewmien irraġonevoli dwar il-komunikazzjoni lir-rikorrenti tar-rapporti ta’ verifika finali

    215

    Għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-ewwel ilment tat-tieni motiv, ibbażat fuq dewmien irraġonevoli dwar il-komunikazzjoni lir-rikorrenti tar-rapporti ta’ verifika finali, għandu jitqies bħala mqajjem insostenn mhux biss tat-tieni kap ta’ talbiet, iżda wkoll tal-ewwel kap ta’ talbiet, fis-sens li dan id-dewmien kien affettwa l-kapaċità tar-rikorrenti li tiddefendi lilha nfisha effettivament matul l-proċedura amministrattiva tal-irkupru li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara punt 75 iktar ’il fuq).

    216

    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud manifestament.

    217

    Fil-fatt, sa fejn ir-rapporti ta’ verifika finali ġew ikkomunikati lilha fl-10 ta’ Ġunju 2013 (ara punt 27 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti kellha l-imsemmija dokumenti qabel ir-riċezzjoni tal-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2013 li permezz tagħha l-Kummissjoni kkomunikat lilha n-noti ta’ debitu u, għaldaqstant, informatha dwar il-ftuħ tal-proċedura amministrattiva ta’ rkupru (ara punt 36 iktar ’il fuq). B’hekk jirriżulta li d-dewmien irraġonevoli fil-komunikazzjoni lir-rikorrenti tar-rapporti ta’ verifika finali ma kellux, f’dan il-każ, effett fuq il-kapaċità tagħha li tiddefendi lilha nfisha b’mod effettiv matul il-proċedura amministrattiva ta’ rkupru.

    218

    Fuq il-bażi tal-evalwazzjonijiet preċedenti, l-ewwel kap ta’ talbiet u, konsegwentement, ir-rikors kollu għandhom jiġu miċħuda.

    IV. Fuq l-ispejjeż

    219

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    220

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna parti, anki jekk rebbieħa, sabiex tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun iġġustifikat minħabba l-atteġġjament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza.

    221

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kisbet suċċess u dan ir-riżultat għandu, fil-prinċipju, iwassal lill-Qorti Ġenerali li tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti matul il-proċeduri għal miżuri provviżorji, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni.

    222

    Madankollu, minħabba n-nuqqas kuntrattwali mill-Kummissjoni (ara punt 178 iktar ’il fuq), u b’applikazzjoni tal-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti u li din tal-aħħar għandha tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni kif ukoll nofs l-ispejjeż tagħha stess. Din l-allokazzjoni tal-ispejjeż tikkonċerna ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-partijiet matul il-proċeduri għal miżuri provviżorji.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    ADR Center SpA għandha tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi l-ispejjeż ta’ din l-istituzzjoni relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, u n-nofs tal-ispejjeż tagħha stess, inkluż fir-rigward tal-ispejjeż tagħha relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

     

    3)

    Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż sostnuti minn ADR Center, inkluż nofs l-ispejjeż ta’ din tal-aħħar relatati mal- proċeduri għal miżuri provviżorji.

     

    Kanninen

    Pelikánová

    Buttigieg

    Gervasoni

    Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Lulju 2017.

    Firem

    Werrej

     

    I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    A. Fuq il-ftehimiet ta’ għotja inkwistjoni

     

    1. Ftehim ta’ għotja A

     

    2. Ftehim ta’ għotja B

     

    3. Ftehim ta’ għotja Ċ

     

    4. Struttura u dispożizzjonijiet komuni rilevanti tal-ftehimiet ta’ għotja

     

    a) Struttura

     

    b) Sottomissjoni ta’ rapporti u dokumenti oħra

     

    c) Pagament tal-Kummissjoni

     

    d) Dritt applikabbli u tribunali kompetenti

     

    e) Spejjeż eliġibbli

     

    f) Deċiżjonijiet eżekuttivi

     

    g) Stħarriġ u verifiki

     

    B. Fuq l-implementazzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja

     

    1. Ftehim ta’ għotja A

     

    2. Ftehim ta’ għotja B

     

    3. Ftehim ta’ għotja Ċ

     

    C. Fuq il-proċedura tal-verifika

     

    II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    III. Id-dritt

     

    A. Fuq l-ammissibbiltà

     

    1. Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tal-konklużjonijiet tar-rikorrenti

     

    2. Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet kap ta’ talbiet tar-rikorrenti

     

    B. Fuq il-mertu

     

    1. Osservazzjonijiet preliminari

     

    2. Fuq it-tieni kap ta’ talbiet

     

    a) Osservazzjonijiet preliminari

     

    1) Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

     

    2) Fuq id-dritt applikabbli għat-tilwima

     

    b) Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tissodisfa l-oneru tal-prova tagħha

     

    c) Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-żbalji li jidhru fir-rapporti ta’ verifika finali

     

    1) Fuq il-livell ta’ perizja tal-awdituri

     

    2) Fuq id-dikjarazzjonijiet tal-ħin tax-xogħol

     

    3) Fuq id-dewmien tal-kontijiet u tal-ħlas fil-kuntest tal-azzjonijiet imsemmija mill-ftehimiet ta’ għotja B u Ċ

     

    4) Fuq l-użu ta’ fornituri barra mill-Unjoni fil-kuntest tal-azzjoni msemmija mill-ftehim ta’ għotja B

     

    5) Fuq il-kwalità tas-servizzi tar-rikorrenti

     

    d) Fuq l-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li r-regoli tal-verifika segwiti mill-awdituri ma kinux dejjem is-suġġett ta’ ftehim bejn il-partijiet

     

    e) Fuq it-tieni motiv, ibbażat, minn naħa, fuq dewmien irraġonevoli li jikkonċerna l-komunikazzjoni lir-rikorrenti tar-rapporti ta’ verifika finali u, min-naħa l-oħra, tal-ġestjoni ħażina tal-azzjonijiet ikkonċernati mill-Kummissjoni

     

    3. Fuq l-ewwel kap ta’ talbiet, li jikkonċerna talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

     

    a) Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

     

    b) Fuq l-ewwel ilment tat-tieni motiv, ibbażat fuq dewmien irraġonevoli dwar il-komunikazzjoni lir-rikorrenti tar-rapporti ta’ verifika finali

     

    IV. Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top