EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0316

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-15 ta’ Novembru 2018.
Kurdistan Workers' Party (PKK) vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-PKK bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi – Kompetenza tal-Kunsill – Possibbiltà għal awtorità ta’ Stat terz li tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Riferiment għal atti terroristiċi – Stħarriġ ġudizzjarju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità.
Kawża T-316/14.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:788

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

15 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-PKK bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi – Kompetenza tal-Kunsill – Possibbiltà għal awtorità ta’ Stat terz li tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Riferiment għal atti terroristiċi – Stħarriġ ġudizzjarju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

Fil-Kawża T‑316/14,

Kurdistan Workers’ Party (PKK), irrappreżentat minn A. van Eik, T. Buruma u M. Wijngaarden, avukati,

rikorrent,

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn F. Naert u G. Étienne, sussegwentement minn F. Naert u H. Marcos Fraile, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir‑Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn C. Brodie u V. Kaye, sussegwentement minn C. Brodie u S. Brandon, sussegwentement minn C. Brodie, C. Crane u R. Fadoju, sussegwentement minn C. Brodie, R. Fadoju u P. Nevill, u fl-aħħar nett minn R. Fadoju, bħala aġenti,

u minn

Il‑Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u D. Gauci, sussegwentement minn D. Gauci, J. Norris‑Usher u T. Ramopoulos, u fl-aħħar nett minn J. Norris-Usher, T. Ramopoulos u R. Tricot, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, inizjalment, għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 125/2014 tal‑10 ta’ Frar 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 714/2013 (ĠU 2014, L 40, p. 9), sa fejn dan l-att jirrigwarda lir-rikorrent, kif ukoll, sussegwentement, għall-annullament ta’ atti konsekuttivi oħrajn, sa fejn jirrigwardawh,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz, I. S. Forrester (Relatur), N. Półtorak u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: K. Guzdek, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑16 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit‑28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373(2001) li tistabbilixxi strateġiji wiesgħa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

2

Fis‑27 ta’ Diċembru 2001, peress li qies li kienet meħtieġa azzjoni min-naħa tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217). B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Pożizzjoni Komuni jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, gruppi u entitatjiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fil-lista li tinsab fl-anness għal din il-pożizzjoni komuni.

3

Fl-istess jum, sabiex jimplimenta fuq il-livell tal-Unjoni l-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiki diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), kif ukoll id-Deciżjoni 2001/927/KE, li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2001, L 344, p. 83). Isem ir-rikorrent ma kienx imsemmi f’din il-lista inizjali.

4

Fit‑2 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/340/PESK li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2002, L 116, p. 75). L-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2002/340 jaġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitatjiet li l-miżuri restrittivi previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 japplikaw għalihom u jżid b’mod partikolari lill-Kurdistan Workers’ Party (PKK), ir-rikorrent, identifikat kif ġej: “Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5

Fl-istess jum, il-Kunsill adotta wkoll id-Deċiżjoni 2002/334/KE, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/927 (ĠU 2002, L 116, p. 33). Din id-deċiżjoni inkludiet lill-PKK fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, bl-istess kliem bħal dawk użati fl-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2002/340.

6

Dawn l-istrumenti ġew minn dakinhar aġġornati regolament, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. Il-PKK dejjem inżamm fil-listi tal-gruppi u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi msemmija mill-istrumenti ppreċitati u annessi għal dawn l-istrumenti (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”). Sa mit‑2 ta’ April 2004, l-isem tal-entità msemmija fil-listi kontenzjużi huwa il-“‘Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan’ — ‘PKK’ (magħruf ukoll bħala ‘KADEK’, magħruf ukoll bħala ‘KONGRA-GEL’”).

7

B’dan il-mod, il-Kunsill b’mod partikolari adotta, fl‑10 ta’ Frar 2014, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 125/2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 714/2013 (ĠU 2014, L 40, p. 9), li permezz tiegħu nżammu l-miżuri restrittivi applikati kontra r-rikorrent. L-espożizzjoni tal-motivi li tiġi mar-Regolament Nru 125/2004 kienet ibbażata b’mod partikolari fuq Digriet tal-Home Secretary (il-Ministru għall-Intern, ir-Renju Unit), tad‑29 ta’ Marzu 2001, intiż li jipprojbixxi lill-PKK skont il-UK Terrorism Act 2000 (il-Liġi tar-Renju Unit tal‑2000 kontra t-terroriżmu) (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit”), kif issupplimentat b’digriet tal‑14 ta’ Lulju 2006, li daħal fis-seħħ fl‑14 ta’ Awwissu 2006, li jqis li “KADEK” u “Kongra Gel Kurdistan” kienu ismijiet oħrajn tal-PKK (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2006”); fuq deċiżjoni tal-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika li tiddeskrivi l-PKK bħala “organizzazzjoni terroristika barranija” (foreign terrorist organisation) skont it-Taqsima 219 tal-US Immigration and Nationality Act (il-Liġi Amerikana dwar l-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità) kif emendata (iktar ’il quddiem il-“klassifikazzjoni bħala FTO”), u fuq deċiżjoni tal-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika li tikklassifika lill-PKK bħala “terrorist globali speċjalment ikklassifikat” (specially designated global terrorist) skont l-Executive Order no 13224 (id-Digriet Presidenzjali Nru 13224 (iktar ’il quddiem il-“klassifikazzjoni bħala SDGT”). Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet issemmi wkoll lista ta’ diversi inċidenti, imwettqa bejn Novembru 2003 u Ottubru 2011, ikklassifikati bħala atti terroristiċi u allegatament attribwiti lill-PKK kif ukoll ċertu numru ta’ sentenzi tal-Qrati dwar is-Sigurtà tal-Istat tar-Repubblika tat-Turkija. Ir-Regolament Nru 125/2014 kien is-suġġett inizjali ta’ dan ir-rikors.

Il-proċedura u żviluppi fil-mori tal-kawża

8

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors li permezz tiegħu huwa talab l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 125/2014, sa fejn dan kien jikkonċernah, u l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 2580/2001 fil-konfront tiegħu.

9

Fil-kuntest tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, permezz ta’ att tal‑15 ta’ Settembru 2014, il-Kunsill ippreżenta risposta li magħha, b’mod partikolari, huwa annessa d-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2006, il-klassifikazzjoni bħala FTO, il-klassifikazzjoni bħala SDGT, ċertu numru ta’ rapporti annwali tal-Office of the US Coordinator for counterterrorism of the US Department of State (l-Uffiċċju tal-Koordinatur fil-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Uniti, l-Istati Uniti tal-Amerika) kif ukoll ċertu numru ta’ artikli tal-istampa. Permezz ta’ att tal‑31 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill sussegwentement ippreżenta kontroreplika, li magħha, b’mod partikolari, huwa annessa estratti ta’ sentenza tat‑23 ta’ April 2013 tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) u ta’ sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014 tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza).

10

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Jannar 2015, mogħti skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. Kemm ir-rikorrent kif ukoll il-Kunsill ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-termini mogħtija.

11

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Ġunju 2015, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab li jintervjeni fil-proċedura odjerna insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Awwissu 2015, mogħtija skont l-Artikolu 144(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent, bid-drittijiet tar-Renju Unit ikunu madankollu limitati għal dawk tal-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Mejju 2016, mogħtija skont l-Artikolu 70(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ssospenda l-proċedura sal-għoti tas-sentenzi fil-Kawżi A et (C‑158/14), Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P) u Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P). Wara l-għoti tas-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202), tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584), il-proċedura tkompliet ipso jure.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Settembru 2017, adottata bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89(3)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202), tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584).

14

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202), tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584). Minn naħa, huwa jargumenta li s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202), ma tiddeċidix b’mod definittiv il-kwistjonijiet ta’ dritt imqajma fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motiv tiegħu. Min-naħa l-oħra, skont l-istess rikorrent, mis-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584), jirriżulta li lista ta’ avvenimenti kklassifikati bħala atti terroristiċi, bħal dik użata f’din il-kawża, ma tistax titqies bħala deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti; li l-Kunsill huwa obbligat jipprovdi, fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ta’ Stati terzi, l-indikazzjonijiet li jippermettu li jitqies li huwa vverifika r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, fatt li huwa naqas milli juri f’dan il-każ, u li d-dekors ta’ ammont ta’ żmien kunsiderevoli sa mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet nazzjonali li ntużaw bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi jista’ jobbliga lill-Kunsill li jkollu jipproduċi argumenti addizzjonali sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi. Ir-rikorrent jipproduċi wkoll sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) tal‑14 ta’ Settembru 2017 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell”) li tikkonkludi li r-rikorrent ma setax jiġi kklassifikat bħala organizzazzjoni terroristika u li l-atti attribwiti lill-Falkuni għall-Ħelsien tal-Kurdistan (TAK) ma jistgħux jiġu imputati lill-PKK.

15

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202), tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584). Huma jargumentaw li l-ewwel u t-tieni motiv imqajma mir-rikorrent għandhom jiġu miċħuda fid-dawl tas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202). Barra minn hekk, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), tikkonferma li huwa possibbli għall-Kunsill li jibbaża ruħu fuq deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ta’ Stati terzi u fuq elementi li ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex iżomm isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi.

16

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 790/2014 tat‑22 ta’ Lulju 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 125/2014 (ĠU 2014, L 217, p. 1), il-miżuri restrittivi applikati fuq ir-rikorrent inżammu, mingħajr ma ġew mibdula l-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ ismu.

17

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrent talab li jkun jista’ jadatta t-talbiet tiegħu b’mod li l-motivi u t-talbiet tiegħu japplikaw mutatis mutandis għar-Regolament Nru 790/2014 u għall-espożizzjoni tal-motivi ta’ miegħu. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Settembru 2014, il-Kunsill ma qajjimx oġġezzjonijiet għat-talba tar-rikorrent u għamel riferiment mutatis mutandis għar-risposta tiegħu.

18

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/513 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014 (ĠU 2015, L 82, p. 1), kif ukoll permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/521 tal-istess jum li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/483/PESK (ĠU 2015, L 82, p. 107), il-miżuri restrittivi applikati fuq ir-rikorrent inżammu.

19

Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Marzu 2015, innotifikata lir-rikorrent fl‑1 ta’ April 2015, il-Kunsill bagħat lil dan tal-aħħar l-espożizzjoni tal-motivi għaż-żamma ta’ ismu fil-lista kontenzjużi. Fl-ittra tiegħu tas‑27 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill iddikjara, b’risposta għall-argumenti miġjuba mir-rikorrent, li l-fatt li jkun hemm gruppi Kurdi fost dawk li kienu qegħdin jiġġieldu l-grupp “Stat Iżlamiku” ma kienx jaffettwa l-evalwazzjoni tiegħu li l-PKK kien jissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fl-espożizzjoni tal-motivi annessa ma’ din l-ittra, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq tliet serje ta’ deċiżjonijiet nazzjonali, jiġifieri, l-ewwel nett, id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, kif issupplimentat bid-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2006; it-tieni nett, il-klassifikazzjoni bħala FTO kif ukoll il-klassifikazzjoni bħala SDGT, u, it-tielet nett, sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2011 tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) li tikkundanna liċ-Ċentru Kulturali Kurd Ahmet Kaya għal parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni kriminali għat-tħejjija ta’ att terroristiku u għall-finanzjament ta’ organizzazzjoni terroristika, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ April 2013 tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) u, fuq appell, permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014 tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi”). Il-Kunsill ikkonstata li kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali kienet tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li dawn kienu għadhom fis-seħħ. Huwa indika li sussegwentement eżamina jekk kinux jeżistu elementi fil-pussess tiegħu favur it-tneħħija ta’ isem il-PKK mil-listi kontenzjużi u ma sab xejn. Huwa indika wkoll li kkunsidra li r-raġunijiet li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem il-PKK fil-listi kontenzjużi kienu għadhom validi u kkonkluda li isem il-PKK kellu jinżamm fil-listi kontenzjużi.

20

Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi kienet tinkludi fl-anness deskrizzjoni ta’ kull deċiżjoni nazzjonali li kellha preżentazzjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ terroriżmu fid-dritt nazzjonali, deskrizzjoni tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali applikabbli, sinteżi tal-istorja proċedurali u ta’ x’ġara wara fid-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni, sinteżi tal-konklużjonijiet li kienu waslu għalihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-konfront tar-rikorrent, deskrizzjoni tal-fatti li dawn l-awtoritajiet kompetenti bbażaw ruħhom fuqhom u l-konstatazzjoni li dawn il-fatti kienu jikkostitwixxu atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Min-naħa l-oħra, din l-espożizzjoni tal-motivi ma kinitx għadha tinkludi riferiment għas-sentenzi tal-Qrati dwar is-Sigurtà tal-Istat tar-Repubblika tat-Turkija, u lanqas lista ta’ inċidenti kklassifikati bħala atti terroristiċi allegatament attribwiti lir-rikorrent, bħal dawk li kienu msemmija fl-espożizzjonijiet tal-motivi preċedenti.

21

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrent talab li jkun jista’ jadatta t-talbiet tiegħu b’mod li l-motivi tiegħu u t-talbiet tiegħu japplikaw mutatis mutandis għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/513, għad-Deċiżjoni 2015/521 u għall-espożizzjoni tal-motivi li kien hemm magħhom. Fin-nota ta’ adattament tiegħu, ir-rikorrent jargumenta, b’mod partikolari, li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni tal-iżviluppi relatati mal-involviment tal-PKK fil-ġlieda kontra l-grupp “Stat Iżlamiku”. Fir-rigward tad-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, huwa jikkontesta r-rilevanza tal-fatt li dan ġie kkonfermat f’Diċembru 2014 wara reviżjoni, sa fejn it-talba għal reviżjoni ma saritx minnu. Huwa jargumenta wkoll li d-deskrizzjoni, fl-espożizzjoni tal-motivi, ta’ inċidenti li seħħew fl‑2014 u li l-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit ibbaża ruħu fuqhom hija vaga wisq sabiex tippermetti li jiġi konkluż li dawn l-inċidenti jikkostitwixxu atti terroristiċi li huma imputabbli lill-PKK. Huwa jiċħad ukoll ir-responsabbiltà ta’ dawn l-inċidenti, li twettqu minn grupp separat mill-PKK, u jikkontesta li dawn jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti terroristiċi. Bl-istess mod, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala FTO u tal-klassifikazzjoni bħala SDGT, ir-rikorrent jargumenta li d-deskrizzjoni tal-inċidenti li huma imputati lilu hija wkoll vaga wisq sabiex tippermetti li jiġi konkluż li dawn huma atti terroristiċi imputabbli lill-PKK. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi, ir-rikorrent jargumenta li dawn għandhom jiġu miċħuda għar-raġuni li dawn isemmu entità differenti mill-PKK u huma bbażati fuq informazzjoni mhux ivverifikata.

22

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għall-adattament tat-talbiet tar-rikorrent. Għalhekk, il-Kunsill, b’mod partikolari, iddubita l-osservanza mir-rikorrent tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991 u għamel riferiment mutatis mutandis għar-risposta tiegħu. Il-Kunsill madankollu ma qajjem ebda oġġezzjoni għall-estensjoni materjali tar-rikors mitluba mir-rikorrent.

23

Sussegwentement, isem ir-rikorrent inżamm fil-listi kontenzjużi matul kull reviżjoni ta’ kull sitt xhur. Konsegwentement, ir-rikorrent talab li jkun jista’ jadatta t-talbiet tiegħu b’mod li l-motivi u t-talbiet tiegħu jkopru mutatis mutandis l-atti l-ġodda adottati mill-Kunsill.

24

Għalhekk, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1325 tal‑31 ta’ Lulju 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/513 (ĠU 2015, L 206, p. 12), kif ukoll permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1334 tal-istess jum li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar id-Deċiżjoni 2015/521 (ĠU 2015, L 206, p. 61), il-miżuri restrittivi applikati għar-rikorrent inżammu, mingħajr ma ġie mibdul il-motiv li jiġġustifika ż-żamma ta’ ismu.

25

Permezz ta’ nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Settembru 2015, konformement mal-Artikolu 86(2) sa (4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent adatta r-rikors tiegħu, b’mod illi dan ikopri wkoll l-annullament tar-Regolament 2015/1325 u d-Deċiżjoni 2015/1334, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh. Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill ħa nota ta’ dan l-adattament.

26

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2425 tal‑21 ta’ Diċembru 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1325 (ĠU 2015, L 334, p. 1), il-miżuri restrittivi applikati għar-rikorrent inżammu, mingħajr ma ġie mibdul il-motiv li jiġġustifika ż-żamma ta’ ismu.

27

Permezz ta’ nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Frar 2016, ir-rikorrent adatta r-rikors, b’mod illi dan ikopri wkoll l-annullament tar-Regolament 2015/2425, sa fejn jirrigwardah. Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill ħa nota ta’ dan l-adattament.

28

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1127 tat‑12 ta’ Lulju 2016 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2425 (ĠU 2016, L 188, p. 1), il-miżuri restrittivi applikati għar-rikorrent inżammu, mingħajr ma ġie mibdul il-motiv li jiġġustifika ż-żamma ta’ ismu.

29

Permezz ta’ nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrent adatta r-rikors, b’mod illi dan ikopri wkoll l-annullament tar-Regolament 2016/1127, sa fejn jikkonċernah.

30

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/150 tas‑27 ta’ Jannar 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1127 (ĠU 2017, L 23, p. 3), il-miżuri restrittivi applikati għar-rikorrent inżammu, mingħajr ma ġie mibdul il-motiv li jiġġustifika ż-żamma ta’ ismu.

31

Permezz ta’ nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent adatta r-rikors, b’mod illi dan ikopri wkoll l-annullament tar-Regolament 2017/150, sa fejn jikkonċernah. Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Awwissu 2017, il-Kunsill ħa nota ta’ dan l-adattament. Barra minn hekk, huwa invoka s-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202), tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584), sabiex jenfasizza li r-rikors għandu jiġi miċħud.

32

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1420 tal‑4 ta’ Awwissu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/150 (ĠU 2017, L 204, p. 3), kif ukoll permezz tar-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1426 tal-istess jum li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/154 (ĠU 2017, L 204, p. 95), il-miżuri restrittivi applikati għar-rikorrent inżammu, mingħajr ma ġie mibdul il-motiv li jiġġustifika ż-żamma ta’ ismu.

33

Permezz ta’ nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrent adatta r-rikors tiegħu, b’mod illi dan ikopri wkoll l-annullament tar-Regolament 2017/1420 u d-Deċiżjoni 2017/1426, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh. Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill ħa nota ta’ dan l-adattament. Barra minn hekk, fir-rigward tas-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) prodotta mir-rikorrent, il-Kunsill jargumenta li din ma tpoġġix fid-dubju l-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala organizzazzjoni terroristika. L-ewwel nett, is-sentenza inkwistjoni tirrikonoxxi li n-nuqqas ta’ klassifikazzjoni tal-PKK bħala organizzazzjoni terroristika huwa dovut għall-ispeċifiċitajiet infishom tad-dritt kriminali Belġjan. It-tieni nett, is-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tenfasizza li twettqu xi atti ta’ vjolenza fil-kuntest tal-kunflitt bejn ir-rikorrent u l-awtoritajiet Torok sa mit-tmiem tal-waqfien mill-ġlied fl‑2015. It-tielet nett, fis-sentenza tagħha, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) qieset li ma kienx possibbli jiġi konkluż b’ċertezza li l-azzjonijiet tat-TAK setgħu jiġu attribwiti lill-PKK abbażi tal-proċess, iżda s-sentenza ssemmi deċiżjoni ġudizzjarja Ġermaniża li tikkonkludi fis-sens oppost.

34

Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

35

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

36

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑16 ta’ April 2018. F’din l-okkażjoni, filwaqt li fakkar il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tar-rilevanza tad-dritt umanitarju internazzjonali għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ att terroristiku, ir-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali bid-deċiżjoni tiegħu li jirtira l-ewwel motiv tiegħu, fatt li ttieħed nota tiegħu fil-proċess verbali tas-seduta. Fi tmiem is-seduta, il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet u bdiet id-deliberazzjoni tal-kawża.

It-talbiet tal-partijiet

37

Wara l-adattamenti tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, sa fejn jikkonċernawh, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nru 125/2014, Nri 790/2014, 2015/513, 2015/1325, 2015/2425, 2016/1127, 2017/150 u 2017/1420, id-Deċiżjonijiet 2015/521, 2015/1334 u 2017/1426, kif ukoll l-espożizzjonijiet tal-motivi li hemm magħhom (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”);

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

38

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Fuq il-mertu

39

Insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tal-atti kkontestati, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, tmien motivi. L-ewwel motiv, li r-rikorrent irtira matul is-seduta, huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt internazzjonali dwar il-kunflitti armati. B’mod partikolari, ir-rikorrent jargumenta li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija kuntrarja għad-dritt internazzjonali umanitarju billi tkopri atti li, fil-kuntest ta’ kunflitt armat li ma għandux natura internazzjonali, ma jikkostitwixxux delitti tal-gwerra u jkunu leġittimi skont id-dritt tal-kunflitti armati. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sa fejn il-PKK huwa kklassifikat bħala grupp terroristiku. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sa fejn l-atti kkontestati ma humiex ibbażati fuq deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti. L-atti kkontestati għandhom b’mod partikolari jiġu annullati sa fejn dawn huma parzjalment fondati fuq deċiżjonijiet ta’ Stati terzi. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn l-atti kkontestati huma parzjalment fondati fuq informazzjoni miksuba bit-tortura jew trattament ħażin. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sa fejn il-Kunsill ma wettaqx reviżjoni adegwata tal-inklużjoni ta’ isem il-PKK fil-listi kontenzjużi. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill-Artikolu 296 TFUE. It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

40

Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun utli li tibda billi teżamina s-seba’ motiv.

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

41

Permezz tas-seba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent jargumenta, essenzjalment, li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu meta ma pprovdiex ir-raġunijiet effettivi u preċiżi li għalihom huwa ddeċieda, wara reviżjoni, li jżomm isem l-PKK fil-listi kontenzjużi. B’mod partikolari, ir-rikorrent jargumenta li l-Kunsill ma spjegax kif id-deċiżjonijiet nazzjonali li fuqhom kien qiegħed jibbaża ż-żamma ta’ isem il-PKK fil-listi kontenzjużi kienu jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; li huwa ma indikax il-motivi għal dawn id-deċiżjonijiet; li huwa ma eżaminax jekk l-inċidenti li l-awtoritajiet nazzjonali bbażaw ruħhom fuqhom setgħux jiġu kklassifikati bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li huwa ma indikax ir-raġunijiet li għalihom dawn id-deċiżjonijiet kienu biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tal-PKK. Barra minn hekk, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala FTO u tal-klassifikazzjoni bħala SDGT, il-Kunsill ma eżaminax jekk kinux jeżistu garanziji proċedurali effettivi fl-Istati Uniti.

42

Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti u jqis li l-espożizzjoni tal-motivi tal-atti kkontestati, moqrija b’mod parallel ma’ dawn tal-aħħar, tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, il-motivi li wasslu għall-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi għadhom validi. Fir-rigward tad-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, il-Kunsill jistrieħ fuq is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill (T‑256/07, EU:T:2008:461), li tirrigwarda l-istess digriet u li fiha l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill kien issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu meta għamel riferiment għal dan id-digriet kif ukoll għal lista ta’ inċidenti kklassifikati bħala atti terroristiċi. Fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT, il-Kunsill jargumenta, b’mod partikolari, li l-punti inklużi fl-espożizzjoni tal-motivi kienu preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lir-rikorrent jeżerċita r-rimedji quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li l-indikazzjonijiet ipprovduti jissodisfaw l-obbligi ta’ motivazzjoni tiegħu kif stabbiliti fis-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584).

43

F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li l-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u stabbilit fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex possibbilment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il‑Kunsill, T‑187/11, EU:T:2013:273, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Il-motivazzjoni ta’ tali att għandha għalhekk, fi kwalunkwe każ, tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li huma ta’ importanza essenzjali fl-istruttura ta’ dan l-att (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, kemm il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi kif ukoll il-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet sussegwenti għandhom jirrigwardaw mhux biss il-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 52; tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 162, u tal‑25 ta’ Marzu 2015, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, T‑563/12, EU:T:2015:187, punt 55).

46

Għalhekk, sakemm ma jkunx hemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew il-kondotta tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom li jipprekludu dan, il-Kunsill huwa obbligat li jgħarraf lil persuna jew entità koperta bil-miżuri restrittivi bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huwa jqis li dawn kellhom jiġu adottati. Huwa għandu għalhekk jelenka l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżuri kkonċernati u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh għalihom (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, EU:T:2009:266, punt 144).

47

Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att sabiex jirċievu spjegazzjonijiet (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 141; ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punt 82).

48

L-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit b’dan il-mod jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi dderogat biss għal kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi għall-att matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il‑Kunsill, T‑562/10, EU:T:2011:716, punt 32).

49

Konsegwentement, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jinżammu miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, il-Qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifka, b’mod partikolari, minn naħa, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tar-raġunijiet invokati, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-punt dwar jekk dawn il-motivi humiex sostnuti (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-kuntest, hemm lok jiġi speċifikat li l-persuna jew l-entità kkonċernata tista’, fil-kuntest tal-azzjoni ppreżentata kontra ż-żamma ta’ ismu fil-lista kontenzjuża, tikkontesta l-elementi kollha li l-Kunsill jibbaża ruħu fuqhom sabiex juri li għadu jeżisti r-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew minn sorsi oħra. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u hija l-Qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-eżattezza materjali ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Hemm lok jitfakkar li l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-inklużjoni inizjali ta’ isem persuna jew entità fil-lista kontenzjuża, imsemmija fil-paragrafu 4 tagħha, u, min-naħa l-oħra, iż-żamma f’din il-lista ta’ isem persuna jew entità li tinsab diġà f’din il-lista, imsemmija fil-paragrafu 6 tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 58).

52

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-kwistjoni rilevanti matul l-eżami taż-żamma ta’ isem persuna jew entità fil-lista kontenzjuża hija dik dwar jekk, sa mill-inklużjoni ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità f’ din il-lista jew sa mill-reviżjoni preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali inbidlitx b’tali mod li ma tkunx għadha tippermetti li tinsilet l-istess konklużjoni dwar l-involviment tal-persuna jew tal-entità inkwistjoni f’attivitajiet terroristiċi (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 46). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest ta’ reviżjoni abbażi tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jżomm isem il-persuna jew l-entità kkonċernata fil-lista kontenzjuża jekk huwa jikkonkludi li għadu jeżisti r-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi li jkun iġġustifika l-inklużjoni inizjali tagħha f’ din il-lista. Għalhekk iż-żamma ta’ isem persuna jew entità fil-lista kontenzjuża essenzjalment tikkostitwixxi l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 51).

53

Barra minn hekk, jekk, fid-dawl taż-żmien dekors u skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tibqa’ fis-seħħ ma jippermettix iktar li jiġi konkluż li kien għadu jeżisti r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, il-Kunsill ikun obbligat li jibbaża ż-żamma ta’ isem din il-persuna jew din l-entità f’ din il-lista fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali iktar reċenti, li juru li dan ir-riskju għadu jeżisti (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 54).

54

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati.

55

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 hija differenti, bħala struttura u kontenut, minn dik tar-Regolamenti 2015/513, 2015/1325, 2015/2425, 2016/1127, 2017/150 u 2017/1420 kif ukoll tad-Deċiżjonijiet 2015/521, 2015/1334 u 2017/1426. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, dawn iż-żewġ settijiet ta’ atti kkontestati għandhom jiġu eżaminati b’mod separat.

Fir-rigward tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014

56

Għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 għandhom magħhom espożizzjoni tal-motivi identika, strutturata bil-mod li ġej.

57

L-ewwel nett, il-Kunsill jagħti sinteżi tal-istorja tal-attivitajiet tal-PKK sa mill-istabbiliment tiegħu fl‑1978. B’mod partikolari, skont il-Kunsill, il-PKK wettaq diversi atti terroristiċi sa mill‑1984 u dawn l-attakki jkomplu, minkejja l-waqfien mill-ġlied iddikjarat unilateralment mill-PKK sa mill‑2009. Il-Kunsill ifassal sussegwentement lista ta’ 69 inċident, imwettqa bejn l‑14 ta’ Novembru 2003 u d‑19 ta’ Ottubru 2011, li huwa jattribwixxi lill-PKK u li huwa jikklassifika bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

58

It-tieni nett, il-Kunsill jirrileva li l-PKK huwa s-suġġett tad-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, adottat fid‑29 ta’ Marzu 2001, intiż li jipprojbixxi lill-PKK skont il-Liġi tar-Renju Unit tal‑2000 kontra t-terroriżmu u jikklassifika dan id-digriet bħala deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Huwa jirrileva wkoll li dan id-digriet ġie regolarment eżaminat mill-ġdid minn kumitat amministrattiv u li dan għadu fis-seħħ.

59

It-tielet nett, il-Kunsill jirrileva li l-PKK huwa s-suġġett ta’ klassifikazzjoni bħala FTO, skont it-Taqsima 219 tal-Liġi Amerikana dwar l-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità, kif ukoll ta’ klassifikazzjoni bħala SDGT, skont id-Digriet Presidenzjali Nru 13224, mill-awtoritajiet Amerikani u jikklassifika dawn il-klassifikazzjonijiet bħala deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Huwa jirrileva wkoll li dawn il-klassifikazzjonijiet jistgħu jagħtu lok għal azzjonijiet ġudizzjarji fl-Istati Uniti u li għadhom fis-seħħ.

60

Fl-aħħar nett, il-Kunsill jirrileva li l-PKK kien is-suġġett ta’ ċertu numru ta’ sentenzi tal-Qrati dwar is-Sigurtà tal-Istat tar-Repubblika tat-Turkija.

61

Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-Kunsill ibbaża ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, minn naħa, fuq iż-żamma fis-seħħ ta’ deċiżjonijiet ikklassifikati bħala deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u, min-naħa l-oħra, fuq evalwazzjonijiet tal-Kunsill stess ta’ serje ta’ inċidenti attribwiti lill-PKK u kklassifikati bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

62

Għandha l-ewwel tiġi eżaminata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni dwar l-evalwazzjoni tan-natura tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom qabel jiġi eżaminat jekk il-Kunsill indikax b’mod suffiċjenti r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huwa qies li isem ir-rikorrent kellu jinżamm fil-listi kontenzjużi.

– Fuq l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

63

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill jaċċetta espressament fir-risposta li la l-lista ta’ inċidenti kklassifikati bħala atti terroristiċi u lanqas is-sentenzi tal-Qrati dwar is-Sigurtà tal-Istat tar-Repubblika tat-Turkija ma jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (risposta, punti 56 u 119).

64

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala FTO u tal-klassifikazzjoni bħala SDGT, kuntrarjament għal dak li jargumenta r-rikorrent, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ma huwiex limitat biss għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, iżda jista’, bħala prinċipju, jinkludi wkoll l-awtoritajiet ta’ Stati terzi (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 22).

65

Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li huwa obbligu tal-Kunsill, qabel ma jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, li jivverifika jekk din id-deċiżjoni ġietx adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 24). Għaldaqstant, il-Kunsill huwa obbligat li jipprovdi, fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta ma’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi, l-indikazzjonijiet li jippermettu li jitqies li huwa vverifika r-rispett ta’ dawn id-drittijiet (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 31). Huwa suffiċjenti, għal dan l-għan, li l-Kunsill jirreferi, fil-qosor, fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta ma’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi, għar-raġunijiet li abbażi tagħhom huwa jqis li d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha huwa jintendi li jibbaża ruħu ġiet adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 33).

66

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 ma ssemmi ebda element li jippermetti li jitqies li l-Kunsill effettivament ivverifika jekk il-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT kinux ġew adottati b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għalhekk, il-Kunsill ma jistax sempliċement, bħal f’dan il-każ, jikkonstata b’mod teoretiku, mingħajr iktar preċiżjoni dwar l-iżvilupp tal-proċeduri inkwistjoni, li l-klassifikazzjoni bħala FTO hija suġġetta għal rimedji ġudizzjarji fid-dritt Amerikan filwaqt li l-klassifikazzjoni bħala SDGT hija suġġetta għal rimedji amministrattivi u ġudizzjarji fid-dritt Amerikan. Il-motivazzjoni tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 għalhekk ma tippermettix li wieħed ikun jaf jekk il-Kunsill issodisfax l-obbligu ta’ verifika li kien impost fuqu f’dan ir-rigward.

67

Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 lanqas ma tinkludi indikazzjonijiet ta’ raġunijiet li għalihom il-Kunsill qies li l-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT kienu jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. B’dan il-mod, l-espożizzjoni tal-motivi ma tiddettaljax kif il-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT jistgħu jitqiesu bħala “bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti” fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. L-espożizzjoni tal-motivi lanqas ma tinkludi xi tip ta’ indikazzjoni li l-Kunsill effettivament eżamina jekk il-fatti konkreti li l-awtoritajiet Amerikani bbażaw ruħhom fuqhom kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ att terroristiku fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Il-motivazzjoni tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 ma tippermettix għalhekk li wieħed ikun jaf jekk il-Kunsill issodisfax l-obbligu ta’ verifika li kien impost fuqu f’dan ir-rigward.

68

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill bl-ebda mod ma jimmotiva r-raġunijiet li għalihom huwa qies li dan id-digriet kien jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. B’mod partikolari, l-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 ma tinkludi ebda deskrizzjoni tar-raġunijiet li huwa bbażat fuqhom id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, u anqas ebda indikazzjoni li l-Kunsill effettivament eżamina jekk il-fatti konkreti li l-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit ibbaża ruħu fuqhom kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ att ta’ terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. F’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill (T‑256/07, EU:T:2008:461), iċċitata mill-Kunsill fir-risposta, ma għandhiex rilevanza għall-każ inkwistjoni sa fejn, f’dik il-kawża, ir-rikorrenti ma kinitx imminat il-klassifikazzjoni tad-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit bħala deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

– Fuq ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi

69

Fi kwalunkwe każ, anki jekk kien ġie meqjus li l-Kunsill kien issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tal-eżistenza ta’ mill-inqas deċiżjoni waħda ta’ awtorità nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandu jitfakkar li jekk, fid-dawl taż-żmien dekors u skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni nazzjonali li kienet il-bażi tal-inklużjoni inizjali tibqa’ fis-seħħ ma jippermettix iktar li jiġi konkluż li kien għadu jeżisti r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, il-Kunsill ikun obbligat li jibbaża ż-żamma ta’ din il-persuna jew din l-entità f’ din il-lista fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni ta’ fatti iktar reċenti, li juru li dan ir-riskju għadu jeżisti (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ddekorra tul ta’ żmien kunsiderevoli bejn l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li servew bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi u l-adozzjoni tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014, kif ukoll bejn l-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi u l-adozzjoni ta’ dawn l-atti. Fil-fatt, id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit huwa tal‑2001, il-klassifikazzjoni tal-PKK bħala FTO hija tal‑1997, il-klassifikazzjoni tal-PKK bħala SDGT hija tal‑2001, l-inklużjoni inizjali ta’ isem il-PKK fil-listi kontenzjużi saret fl‑2002, filwaqt li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 ġew adottati fl‑2014. Issa, tali dekors ta’ żmien, ta’ iktar minn għaxar snin, jikkostitwixxi fih innifsu element li jiġġustifika li jitqies li l-evalwazzjonijiet inklużi fid-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit u l-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi evalwat jekk kienx għadu jeżisti r-riskju ta’ involviment tar-rikorrent f’attivitajiet terroristiċi meta ġew adottati dawn l-atti.

71

Barra minn hekk, bħalma semma l-Kunsill fl-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014, ir-rikorrent unilateralment iddikjara ċertu numru ta’ waqfien mill-ġlied sa mill‑2009. Barra minn hekk, minkejja li l-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 ma ssemmix dan, ir-rikorrent jirrileva ġustament li negozjati għall-paċi seħħew bejn il-PKK u l-Gvern Tork fl‑2012 u fl‑2013. B’mod partikolari, fil‑21 ta’ Marzu 2013, Abdullah Öcalan nieda sejħa għall-paċi. Fi stqarrija għall-istampa tal‑21 ta’ Marzu 2013, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton, u l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għat-tkabbir u għall-politika Ewropea għall-viċinat, Štefan Füle, għamlu dikjarazzjoni komuni li tilqa’ s-sejħa ta’ A. Öcalan li titlob lill-PKK iniżżel l-armi u jmur lura mill-fruntieri Torok, u inkoraġixxew lill-partijiet kollha sabiex jaħdmu bla heda sabiex iġibu l-paċi u l-prosperità liċ-ċittadini kollha tat-Turkija, u taw appoġġ sħiħ għall-proċess ta’ paċi.

72

Għaldaqstant il-Kunsill kien obbligat li jibbaża ż-żamma ta’ isem il-PKK fil-listi kontenzjużi fuq elementi iktar reċenti, li juru li r-riskju ta’ involviment tar-rikorrent f’attivitajiet terroristiċi kien għadu jeżisti. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li d-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit u l-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT, minkejja li baqgħu fis-seħħ, ma kinux jikkonsistu, fihom infushom, bażi suffiċjenti sabiex ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent, jiġu bbażati fuqhom.

73

Ċertament, fl-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014, il-Kunsill jibbaża ruħu wkoll, minn naħa, fuq il-fatt li gruppi marbuta mal-PKK wettqu atti terroristiċi minkejja l-waqfien mill-ġlied unilaterali msemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, lista ta’ 69 inċident, ikklassifikati bħala atti terroristiċi u attribwiti lill-PKK, li huma wara l-adozzjoni tad-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit u tal-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT. Mill-proċess ma jirriżultax li dawn l-inċidenti huma meħuda minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri.

74

F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirrikjedi li l-Kunsill iwettaq, tal-inqas darba kull semester, “reviżjoni”, sabiex jiżgura ruħu li ż-“[żamma]” f’din il-lista ta’ isem persuna jew entità li diġà ġiet inkluża f’ din il-lista, abbażi ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti, għadha ġġustifikata, ma jirrikjedix madankollu li kull element ġdid li l-Kunsill jipprevalixxi ruħu minnu sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem l-persuna jew l-entità kkonċernata fil-lista kontenzjuża għandu jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti suċċessivament għal dik li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 62).

75

Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-persuna jew l-entità kkonċernata tista’, fil-kuntest tal-azzjoni ppreżentata kontra ż-żamma ta’ isimha fil-lista kontenzjuża, tikkontesta l-elementi kollha li l-Kunsill jibbaża ruħu fuqhom sabiex juri li għadu jeżisti r-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew minn sorsi oħrajn. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-eżattezza materjali tagħhom (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jargumenta r-rikorrent, għalhekk xejn ma kien jipprojbixxi lill-Kunsill milli jibbaża ruħu fuq informazzjoni mhux meħuda minn deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex jattribwixxi inċidenti lir-rikorrent u jikklassifikahom bħala atti terroristiċi u sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi.

77

Madankollu, sa fejn ir-rikorrent jikkontesta, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-realtà materjali ta’ wħud minn dawn l-inċidenti, l-attribuzzjoni tagħhom lill-PKK għal oħrajn jew iċ-ċirkustanzi li twettqu fihom, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u tal-Qorti Ġenerali li tivverifika l-eżattezza materjali tagħhom skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 iktar ’il fuq.

78

Issa, il-qosor tal-informazzjoni inkluża fl-espożizzjoni tal-motivi ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħhħa fil-konfront tal-inċidenti kkontestati mir-rikorrent. Fil-fatt, bħar-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat li l-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 ma jinkludu ebda indikazzjoni tal-elementi li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom sabiex jikkonkludi li l-inċidenti inkwistjoni ġew stabbiliti, huma attribwibbli lir-rikorrent u jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

79

Fir-rigward tal-inċidenti li r-realtà materjali u l-attribwibbiltà tagħhom ma humiex ikkontestati mir-rikorrent, għandu jiġi kkonstat li dawn huma preċedenti għan-negozjati għall-paċi msemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq u għalhekk ma jistgħu jirrimedjaw in-nuqqas ta’ motivazzjoni rrilevat fil-punt 72 iktar ’il fuq.

– Konklużjoni

80

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma mmotivax suffiċjentement, fl-espożizzjoni tal-motivi flimkien mar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014, l-evalwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-eżistenza ta’ deċiżjoni waħda jew iktar ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u lanqas ma indika suffiċjentement ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 huma vvizzjati b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

Fir-rigward tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2015/513, 2015/1325, 2015/2425, 2016/1127, 2017/150 u 2017/1420, kif ukoll tad-Deċiżjonijiet 2015/521, 2015/1334 u 2017/1426

81

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2015/513, 2015/1325, 2015/2425, 2016/1127, 2017/150 u 2017/1420 kif ukoll id-Deċiżjonijiet 2015/521, 2015/1334 u 2017/1426 għandhom magħhom espożizzjoni tal-motivi identika, strutturata bil-mod li ġej.

82

Fl-espożizzjoni tal-motivi, il-Kunsill jindika qabelxejn li qiegħed jibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet li huwa jikklassifika bħala deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, jiġifieri d-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, kif issupplimentat bid-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2006; il-klassifikazzjoni bħala FTO kif ukoll il-klassifikazzjoni bħala SDGT, u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jindika li eżamina l-fatti li dawn id-deċiżjonijiet kienu bbażati fuqhom u li qies li dawn kienu fil-fatt jaqgħu taħt kunċetti ta’ “atti terroristiċi” u ta’ “gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi” fis-sens tal-Artikolu 1(2) u (3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (espożizzjoni tal-motivi, punti 1 sa 7).

83

Sussegwentement, il-Kunsill jikkonstata li d-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti ppreċitati għadhom fis-seħħ. Barra minn hekk, il-Kunsill jindika li eżamina jekk kinux jeżistu elementi fil-pussess tiegħu li kienu jippuntaw lejn it-tneħħija ta’ isem il-PKK mil-listi kontenzjużi u jiddikjara li ma sab xejn. Huwa jqis ukoll li r-raġunijiet li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem il-PKK fil-listi kontenzjużi għadhom validi (espożizzjoni tal-motivi, punti 8 sa 10).

84

Abbażi ta’ dan kollu preċedenti, il-Kunsill jikkonkludi li isem il-PKK għandu jinżamm fil-listi kontenzjużi (espożizzjoni tal-motivi, punt 11).

85

Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi tinkludi fl-anness deskrizzjoni ddettaljata ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti ċċitati fil-punt 82 iktar ’il fuq li tinkludi preżentazzjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ terroriżmu fid-dritt nazzjonali, deskrizzjoni tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali applikabbli, sommarju tal-istorja proċedurali u ta’ x’ġara wara fid-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni, sommarju tal-konklużjonijiet li kienu waslu għalihom l-awtoritajiet kompetenti fil-konfront tar-rikorrent, deskrizzjoni tal-fatti li dawn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu bbażaw ruħhom fuqhom u l-konstatazzjoni li dawn il-fatti kienu jikkostitwixxu atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

86

Għalhekk, l-ewwel nett, fir-rigward tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, il-Kunsill jindika hemmhekk, b’mod partikolari, li dan id-digriet ġie adottat fl‑2001 għar-raġuni li l-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit ta’ dak iż-żmien kellu raġunijiet biex jaħseb li l-PKK kien wettaq u pparteċipa f’atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (punti 3, 4 u 16). F’dan ir-rigward, il-Kunsill jindika li l-atti terroristiċi inkwistjoni kienu jinkludu atti terroristiċi attribbwiti lill-PKK sa mill‑1984 u li l-PKK kien nieda kampanja terroristika kontra l-interessi u l-investimenti tal-Punent fil-bidu tas-snin 1990 bl-għan li jżid il-pressjoni fuq il-Gvern Tork. Huwa jirrileva li, minkejja li l-PKK kien donnu abbanduna din il-kampanja bejn l‑1995 u l‑1999, huwa kien kompla jhedded ir-resorts turistiċi Torok. Il-Kunsill jindika li huwa jqis li dawn il-fatti jaqgħu taħt l-għanijiet stipulati fil-punti (i) u (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u taħt atti ta’ vjolenza msemmija fis-subinċiżi (a), (c), (d), (f), (g) u (i) tal-punt (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (punt 16).

87

Il-Kunsill jirrileva wkoll li, fit‑3 ta’ Diċembru 2014, il-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit iddeċieda li jiċħad talba għat-tneħħija tal-projbizzjoni tal-PKK u li jżommha. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jindika li, abbażi tal-provi disponibbli, il-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit kellu raġunijiet sabiex jaħseb li l-PKK kien għadu involut f’atti terroristiċi sa fejn huwa kien wettaq u pparteċipa f’atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Il-Kunsill jirrileva għalhekk li l-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit ibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-PKK wettaq tlett attakki distinti f’Mejju 2014, li wieħed minnhom seħħ fit‑13 ta’ Mejju 2014 u li fih żewġ suldati ndarbu fuq is-sit ta’ kostruzzjoni ta’ post militari ġdid f’Tunceli (it-Turkija), kif ukoll fuq il-fatt li l-PKK attakka f’Awwissu 2014 impjant tal-enerġija u ħataf tliet enġiniera Ċiniżi (punt 17). Il-Kunsill jindika wkoll li, f’Ottubru 2014, il-PKK wissa li, jekk ir-Repubblika Torka ma tintervjenix kontra l-grupp “Stat Iżlamiku”, il-proċess fraġli ta’ paċi li kien involut fih kien jikkollassa (punt 18).

88

Fl-aħħar nett, il-Kunsill jikkonkludi li l-elementi deskritti fil-punti 86 u 87 iktar ’il fuq jikkorrispondu mal-għanijiet stipulati fil-punti (i) u (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mal-atti terroristiċi elenkati fis-subinċiżi (a), (c), (d), (f) sa (i) tal-punt (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (punt 19).

89

It-tieni nett, fir-rigward tal-Anness B għall-espożizzjoni tal-motivi dwar id-deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi, il-Kunsill jindika fih, b’mod partikolari, li t-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) ikkundannat, fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Novembru 2011, lill-assoċjazzjoni CCK Ahmet Kaya għall-parteċipazzjoni tagħha f’assoċjazzjoni kriminali għat-tħejjija ta’ att terroristiku u għall-finanzjament ta’ organizzazzjoni terroristika. Issa, il-Kunsill jirrileva, minn naħa, li din il-kundanna ġiet ikkonfermata fl-appell mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ April 2013, u fl-appell mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Mejju 2014, u, min-naħa l-oħra, li dawn it-tliet qrati qiesu fis-sentenzi rispettivi tagħhom li l-assoċjazzjoni CCK Ahmet Kaya kienet tikkostitwixxi l-“faċċata legali” tal-PKK fi Franza (punti 11 sa 14, 20 u 21). Barra minn hekk, il-Kunsill jirrileva li t-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) u l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) qiesu li l-PKK seta’ jiġi kklassifikat bħala “organizzazzjoni terroristika”. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrileva li l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ibbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq serje ta’ attakki mwettqa fit-Turkija fl‑2005 u fl‑2006 u attribwiti direttament lill-PKK jew lit-TAK, li kellu jitqies bħala l-parti armata tal-PKK, kif ukoll fuq serje ta’ nar volontarji u ta’ attakki ta’ bombi tal-petrol fi Franza u fil-Ġermanja fl‑2007 (punti 15 sa 19). Il-Kunsill jikkonkludi li l-atti terroristiċi attribwiti lill-PKK mill-qrati Franċiżi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3); tal-punt (ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) u tas-subinċiżi (a) u (b) tal-punt (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (punt 22).

90

It-tielet nett, fir-rigward tal-Anness C għall-espożizzjoni tal-motivi dwar il-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT, il-Kunsill jindika fih, b’mod partikolari, li l-klassifikazzjoni bħala FTO ġiet adottata fit‑8 ta’ Ottubru 1997 u li l-klassifikazzjoni bħala SDGT ġiet adottata fil‑31 ta’ Ottubru 2001 (punti 3 u 4).

91

Huwa jirrileva sussegwentement li l-klassifikazzjonijiet bħala FTO huma rriveduti ex officio wara ħames snin mill-United States Secretary of State (is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, l-Istati Uniti tal-Amerika) jekk sadanittant il-klassifikazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ talba għal revoka. L-entità kkonċernata tista’ wkoll hija stess titlob, kull sentejn, li l-klassifikazzjoni tagħha tiġi rrevokata billi tipprovdi provi li juru li ċ-ċirkustanzi li l-klassifikazzjoni tagħha bħala FTO kienet ibbażata fuqhom inbidlu materjalment. Is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti u l-United States Congress (il-Kungress tal-Istati Uniti, l-Istati Uniti tal-Amerika) jistgħu wkoll jirrevokaw ex officio klassifikazzjoni bħala FTO. Barra minn hekk, l-entità kkonċernata tista’ tippreżenta rikors kontra l-klassifikazzjoni tagħha bħala FTO mas-Circuit Court of Appeals for the District of Columbia (il-Qorti tal-Appell Federali tad-Distrett ta’ Columbia, l-Istati Uniti). Fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet bħala SDGT, il-Kunsill jirrileva li dawn ma huma suġġetti għal ebda reviżjoni perijodika, iżda jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati u t-tribunali Federali (punti 8 sa 11). Barra minn hekk, il-Kunsill jikkonstata li l-klassifikazzjonijiet tar-rikorrent bħala FTO u SDGT ma ġewx ikkontestati quddiem il-qrati u t-tribunali Amerikani u ma huma s-suġġett ta’ ebda proċedura ġudizzjarja pendenti (punti 11 u 12). Fid-dawl tal-proċeduri ta’ reviżjoni u tad-deskrizzjoni tal-azzjonijiet legali disponibbli, il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni Amerikana applikabbli tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (punt 13).

92

Il-Kunsill jirrileva wkoll li l-awtoritajiet Amerikani bbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq it-twettiq ta’ attakki mwettqa mill-PKK sabiex adottaw il-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT. F’dan ir-rigward, huwa jindika li r-rapport annwali tal‑2013 dwar it-terroriżmu mfassal mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Uniti jinkludi l-motivi konkreti li l-klassifikazzjoni tal-PKK bħala FTO ttieħdet u nżammet fuqhom, jiġifieri attakk ta’ konvoj militari Tork fit‑22 ta’ Awwissu 2012, li fih inqatlu ħames suldati u ndarbu sebgħa oħra; il-ħtif ta’ tliet politikanti Torok fis-sajf tal‑2012; attakk bil-bombi fl‑4 ta’ Novembru 2012, imwettaq viċin tieġ u li fih inqatlu żewġt itfal, indarbet 26 persuna u saret ħsara fuq diversi binjiet kummerċjali, u ġlied armat fit‑18 ta’ Novembru 2012, li matulu nqatlu ħames suldati u ieħor indarab. Il-Kunsill jikkonkludi li dawn l-inċidenti jikkorrispondu mal-għanijiet stipulati fil-punti (i), (ii) jew (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mal-atti terroristiċi elenkati fis-subinċiżi (a) sa (c) u (f) tal-punt (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (punti 14 sa 17).

93

Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-Kunsill ibbaża ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, minn naħa, fuq iż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjonijiet ikklassifikati bħala deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u, min-naħa l-oħra, fuq evalwazzjonijiet tal-Kunsill stess dwar l-assenza ta’ elementi li jippuntaw lejn it-tneħħija ta’ isem il-PKK mil-listi kontenzjużi u dwar il-fatt li r-raġunijiet li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem il-PKK fil-listi kontenzjużi għadhom rilevanti.

94

Il-Qorti Ġenerali tqis li l-ewwel għandha tiġi eżaminata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni dwar ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill qies li isem ir-rikorrent kellu jinżamm fil-listi kontenzjużi.

95

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li jekk, fid-dawl taż-żmien dekors u skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tibqa’ fis-seħħ ma jippermettix iktar li jiġi konkluż li kien għadu jeżisti r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, il-Kunsill ikun obbligat li jibbaża ż-żamma ta’ isem din il-persuna jew din l-entità f’din il-lista fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni ta’ fatti iktar reċenti, li juru li dan ir-riskju għadu jeżisti (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ddekorra ammont ta’ żmien kunsiderevoli bejn l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li ntużaw bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi u l-adozzjoni tal-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq, kif ukoll bejn l-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi u l-adozzjoni tal-atti kkontestati. Fil-fatt, id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit huwa tal‑2001. Il-klassifikazzjoni tal-PKK bħala FTO hija tal‑1997 u l-klassifikazzjoni tal-PKK bħala SDGT hija tal‑2001. Fl-aħħar nett, l-inklużjoni inizjali ta’ isem il-PKK fil-listi kontenzjużi saret fl‑2002. Min-naħa l-oħra, l-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq ġew adottati bejn is‑26 ta’ Marzu 2015 u l‑4 ta’ Awwissu 2017.

97

Issa, tali dekors ta’ żmien, ta’ iktar minn għaxar snin, jikkostitwixxi fih innifsu element li jiġġustifika li jitqies li l-evalwazzjonijiet inklużi fid-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit u l-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT ma kinux għadhom suffiċjenti sabiex jiġi evalwat jekk kienx għadu jeżisti r-riskju ta’ involviment tar-rikorrent f’attivitajiet terroristiċi meta ġew adottati l-atti kkontestati. Għaldaqstant il-Kunsill kien obbligat li jibbaża ż-żamma ta’ isem il-PKK fil-listi kontenzjużi fuq elementi iktar reċenti, li juru li r-riskju ta’ involviment ta’ din l-entità f’attivitajiet terroristiċi kien għadu jeżisti. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit u l-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT, anki jekk dawn baqgħu fis-seħħ, ma kinux jikkostitwixxu, fihom infushom, bażi suffiċjenti sabiex l-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent, jiġu bbażati fuqhom.

98

Ċertament, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill isemmi elementi oħrajn iktar reċenti. Għalhekk, huwa jsemmi l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi. Huwa jsemmi wkoll ċertu numru ta’ inċidenti attribwiti lill-PKK u li l-awtoritajiet kompetenti bbażaw ruħhom fuqhom sabiex jadottaw jew iżommi fis-seħħ id-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, il-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi. Il-Kunsill jikklassifika dawn l-inċidenti bħala atti terroristiċi. Barra minn hekk, il-Kunsill jiddikjara wkoll li ma identifika ebda element li jipponta lejn it-tneħħija ta’ isem ir-rikorrent mil-listi kontenzjużi.

99

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma mmotivax ir-raġunijiet li għalihom huwa kien iqis li dawn l-elementi kienu jippermettu li jiġi konkluż b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-riskju ta’ involviment tar-rikorrent f’attivitajiet terroristiċi kien għadu jeżisti.

100

Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li dawn fil-fatt ġew adottati bejn it‑2 ta’ Novembru 2011 u l‑21 ta’ Mejju 2014, dawn huma bbażati fuq fatti ħafna iktar antiki, li seħħew, għall-iktar reċenti minnhom, viċin it-tmien sa għaxar snin qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq. Issa, tali dekors ta’ żmien jikkostitwixxi fih innifsu element li jiġġustifika li jitqies li l-evalwazzjonijiet inklużi fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi ma kinux għadhom suffiċjenti sabiex jiġi evalwat jekk kienx għadu jeżisti ir-riskju ta’ involviment tar-rikorrent f’attivitajiet terroristiċi meta ġew adottati dawn l-atti kkontestati.

101

Barra minn hekk, ir-rikorrent ma kienx parti mill-proċeduri ġudizzjarji li wasslu għas-sentenzi tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi), tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) u tal-Cour de cassation française (il-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża). Ċertament, il-Kunsill jirrileva fil-punti 13, 14 u 21 tal-Anness B għall-espożizzjoni tal-motivi li l-assoċjazzjoni CCK Ahmet Kaya kienet tikkostitwixxi, skont dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-“faċċata legali” tal-PKK fi Franza. Madankollu, tali formulazzjoni hija ambigwa, b’mod partikolari fid-dawl tal-kundanna tal-assoċjazzjoni CCK Ahmet Kaya għall-finanzjament ta’ organizzazzjoni terroristika għall-irwol tagħha ta’ appoġġ għall-PKK. Fil-fatt, filwaqt li tikkonkludi li l-assoċjazzjoni CCK Ahmet Kaya “tat, konxjament, mill-organi u mir-rappreżentanti tagħha, f’dan il-każ mill-mexxejja de facto identifikati iktar ’il fuq, li aġixxew f’isimha, appoġġ loġistiku u finanzjarju effettiv lil organizzazzjoni kklassifikata bħala terroristika”, il-Cour de cassation française (il-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża) tikkonferma indirettament li l-assoċjazzjoni CCK Ahmet Kaya u l-PKK għandhom jitqiesu bħala żewġ entitajiet separati. Konsegwentement, il-Kunsill ma jimmotivax b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet li għalihom huwa qies li dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi kienu jikkostitwixxu fil-fatt deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti “b’rispett [fil-konfront] ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

102

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji Franċiżi, minkejja li dawn għadhom fis-seħħ, ma jikkostitwixxux, fihom infushom, bażi suffiċjenti sabiex l-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent, jiġu bbażati fuqhom u lanqas ma jippermettu li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ motivazzjoni rrilevat fil-punt 97 iktar ’il fuq.

103

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-inċidenti li l-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit ibbaża ruħu fuqhom fid-deċiżjoni tiegħu, tat‑3 ta’ Diċembru 2014, li jiċħad it-talba għall-irtirar tal-projbizzjoni tal-PKK, għandu jiġi kkonstatat li, fin-nota ta’ adattament tiegħu tas‑26 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrent jikkontesta espressament l-attribwibbiltà ta’ dawn l-inċidenti lill-PKK kif ukoll in-natura suffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta sabiex jikkonkludi li dawn l-inċidenti jaqgħu taħt l-għanijiet stipulati fil-punti (i) sa (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u taħt atti ta’ vjolenza elenkati fis-subinċiżi (a) sa (k) tal-punt (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

104

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-persuna jew l-entità kkonċernata tista’, fil-kuntest ta’ azzjoni ppreżentata kontra ż-żamma ta’ isimha fil-lista kontenzjuża, tikkontesta l-elementi kollha li l-Kunsill jibbaża ruħu fuqhom sabiex turi li r-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi għadu jeżisti, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew minn sorsi oħrajn. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-eżattezza materjali tagħhom (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-espożizzjoni tal-motivi tal-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq ma ssemmi ebda element li jippermetti li jitqies li l-Kunsill effettivament eżamina u fittex li jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati. Il-Kunsill lanqas ma pproduċa, matul il-proċeduri, elementi li huma intiżi li jistabbilixxu l-fondatezza ta’ dawn il-fatti. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ppreċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma jistax sempliċement, bħal f’dan il-każ, jirrepeti l-motivi ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti mingħajr ma jeżamina huwa nnifsu l-fondatezza tagħha. Il-motivazzjoni tal-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq għalhekk ma tippermettix li li wieħed ikun jaf jekk il-Kunsill issodisfax l-obbligu ta’ verifika li kien impost fuqu f’dan ir-rigward u lanqas lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-eżattezza materjali tal-fatti allegati.

106

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-fatt li d-Digriet tal-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit ġie kkonfermat, f’Diċembru 2014, abbażi ta’ inċidenti li twettqu mill-PKK f’Mejju u f’Awwissu 2014, ma jistax jirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni rrilevata fil-punt 97 iktar ’il fuq.

107

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-inċidenti li l-awtoritajiet Amerikani bbażaw ruħhom fuqhom sabiex jadottaw jew iżommu fis-seħħ il-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT, għandu jiġi kkonstatat li, fin-nota ta’ adattament tiegħu tas‑26 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrent jikkontesta espressament in-natura suffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta sabiex jikkonkludi li dawn l-inċidenti jaqgħu taħt l-għanijiet elenkati fil-punti (i) sa (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u taħt l-atti ta’ vjolenza stipulati fis-subinċiżi (a) sa (k) tal-punt (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

108

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-espożizzjoni tal-motivi tal-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq ma ssemmi ebda element li jippermetti li jitqies li l-Kunsill effettivament eżamina u fittex li jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati. Il-Kunsill lanqas ma pproduċa, matul il-proċeduri, elementi li huma intiżi li jistabbilixxu l-fondatezza ta’ dawn il-fatti. Għall-kuntrarju, il-Kunsill ma huwiex f’pożizzjoni li jippreċiża b’ċertezza l-motivi speċifiċi u konkreti li l-klassifikazzjonijiet bħala FTO u SDGT huma bbażati fuqhom. B’mod partikolari, fir-rigward tar-rapporti annwali dwar it-terroriżmu mfassla mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Uniti, il-Kunsill jaċċetta espressament fil-kontroreplika li, “minkejja li dawn ir-rapporti jistgħu fil-fatt jirriflettu informazzjoni li abbażi tagħha l-Istati Uniti tikklassifika FTO jew tiddeċiedi li żżommu fis-seħħ il-klassifikazzjoni tagħha”, “dan madankollu ma huwiex neċessarjament il-każ” (kontroreplika, punt 115).

109

Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza ppreċitata fil-punt 104 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma jistax sempliċement, bħal f’dan il-każ, jirrepeti l-motivi ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti mingħajr ma jeżamina huwa stess l-fondatezza tagħha. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta d-deċiżjoni inkwistjoni ma hijiex meħuda minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru. Il-motivazzjoni tal-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq għalhekk ma tippermettix li wieħed ikun jaf jekk il-Kunsill issodisfax l-obbligu ta’ verifika tiegħu li kien impost fuqu f’dan ir-rigward u lanqas ma jippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-eżattezza materjali tal-fatti allegati.

110

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-assenza ta’ elementi li jippuntaw lejn it-tneħħija ta’ isem ir-rikorrent mil-listi kontenzjużi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ippreżenta lill-Kunsill ċerti elementi li, skont l-istess Kunsill, setgħu jippuntaw lejn it-tneħħija ta’ isem il-PKK mil-listi kontenzjużi, b’mod partikolari fl-ittra tiegħu tas‑6 ta’ Marzu 2015 bi tweġiba għall-ittra tal-Kunsill li informat lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jżomm ismu fil-listi kontenzjużi.

111

Skont il-ġurisprudenza, meta jiġi fformulati osservazzjonijiet mill-persuna kkonċernata dwar l-espożizzjoni tal-motivi, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u tal-eventwali elementi imposti fuqhom (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 114).

112

Mingħajr ma jasal sal-punt li jimponi tweġiba b’mod iddettaljat għall-osservazzjonijiet imqajma mill-persuna kkonċernata, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jimplika fiċ-ċirkustanzi kollha li l-istituzzjoni inkwistjoni tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti, li għalihom huwa meqjus li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 116).

113

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-espożizzjoni tal-motivi tal-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq ma ssemmi ebda element li jippermetti li jitqies li l-Kunsill effettivament eżamina l-elementi ppreżentati mir-rikorrent. Ċertament, l-espożizzjoni tal-motivi tal-atti kkontestati tinkludi dikjarazzjoni li tipprovdi li l-Kunsill eżamina jekk kinux jeżistu elementi fil-pussess tiegħu li jippuntaw lejn it-tneħħija ta’ isem il-PKK mil-listi kontenzjużi u ma sab xejn (punt 9). Minkejja li tali formulazzjoni ġenerika tista’ potenzjalment tkun biżżejjed fl-assenza ta’ kwalunkwe osservazzjoni ppreżentata mill-persuni, gruppi jew entitajiet koperti mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, dan ma huwiex il-każ meta, bħal f’dan il-każ, ir-rikorrent jipproduċi elementi li, skont hu, huma ta’ natura li jiġġustifikaw it-tneħħija ta’ ismu mil-listi kontenzjużi, indipendentement mill-kwistjoni dwar il-fondatezza ta’ dawn l-elementi. Fil-fatt, f’dan il-każ, tmur lura għall-Kunsill li jwieġeb għal dan, anki fil-qosor, fl-espożizzjoni tal-motivi.

114

Dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rrimedjat bl-indikazzjoni, fl-ittra tal-Kunsill, tas‑27 ta’ Marzu 2015, iċċitata fil-punt 19 iktar ’il fuq, li l-fatt li jkun hemm gruppi Kurdi fost dawk li kienu qegħdin jiġġieldu kontra l-grupp “Stat Iżlamiku” ma kienx jaffettwa l-evalwazzjoni tal-Kunsill li tipprovdi li l-PKK kien jissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li din l-ittra hija wara l-adozzjoni tar-Regolament 2015/513 u tad-Deċiżjoni 2015/521 u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill ma jispeċifikax l-elementi konkreti li wassluh jikkonkludi li r-riskju ta’ involviment tar-rikorrent f’attivitajiet terroristiċi kien għadu jeżisti.

115

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma mmotivax b’mod suffiċjenti, fl-espożizzjoni tal-motivi flimkien mal-atti kkontestati elenkati fil-punt 81 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2015/513, 2015/1325, 2015/2425, 2016/1127, 2017/150 u 2017/1420 kif ukoll id-Deċiżjonijiet 2015/521, 2015/1334 u 2017/1426 huma vvizzjati b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

Konklużjoni

116

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok jitqies li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE. Minn dan isegwi li hemm lok li s-seba’ motiv jintlaqa’ u li din il-konstatazzjoni tiġġustifika, fiha nfisha, l-annullament tal-atti kkontestati sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il‑Kunsill, T‑562/10, EU:T:2011:716, punt 40).

117

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-atti kkontestati għandu jiġu annullati, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-argumenti u l-motivi l-oħrajn invokati insostenn ta’ dan ir-rikors. Fir-rigward tat-talba tar-rikorrent intiża li l-Qorti Ġenerali tiddikjara r-Regolament Nru 2580/2001 inapplikabbli fil-konfront tiegħu, din għandha tiġi miċħuda wara l-irtirar tal-ewwel motiv li din it-talba kienet ibbażata fuqu.

Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti kkontestati

118

Għandu jiġi kkonstatat li l-atti kkontestati ġew emendati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/468 tal‑21 ta’ Marzu 2018 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1420 (ĠU 2018, L 79, p. 7) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/475 tal-istess jum li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar id-Deċiżjoni 2017/1426 (ĠU 2018, L 79, p. 26), li ssostitwixxew il-listi kontenzjużi sa mit‑23 ta’ Marzu 2018 u estendew l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, sa fejn jirrigwarda lir-rikorrent.

119

Għaldaqstant, illum, ir-rikorrent huwa s-suġġett ta’ miżura restrittiva ġdida. Minn dan isegwi li l-annullament tal-atti kkontestati, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent, ma jwassalx għat-tneħħija tal-inklużjoni ta’ isem dan tal-aħħar mil-listi kontenzjużi.

120

Konsegwentement, ma huwiex meħtieġ li jinżammu l-effetti tal-atti kkontestati, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent.

Fuq l-ispejjeż

121

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

122

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 125/2014 tal‑10 ta’ Frar 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 714/2013, huwa annullat sa fejn jikkonċerna lill-Kurdistan Workers’ Party (PKK).

 

2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 790/2014 tat‑22 ta’ Lulju 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 125/2014, huwa annullat sa fejn jikkonċerna lill-PKK.

 

3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/513 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014, huwa annullat sa fejn jikkonċerna lill-PKK.

 

4)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/521 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/483/PESK hija annullata sa fejn tikkonċerna lill-PKK.

 

5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1325 tal‑31 ta’ Lulju 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/513, huwa annullat sa fejn jikkonċerna lill-PKK.

 

6)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1334 tal‑31 ta’ Lulju 2015 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2015/521, hija annullata sa fejn tikkonċerna lill-PKK.

 

7)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2425 tal‑21 ta’ Diċembru 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1325, huwa annullat sa fejn jikkonċerna lill-PKK.

 

8)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1127 tat‑12 ta’ Lulju 2016 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2425, huwa annullat sa fejn jikkonċerna lill-PKK.

 

9)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/150 tas‑27 ta’ Jannar 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1127, huw annullat sa fejn jikkonċerna lill-PKK.

 

10)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1420 tal‑4 ta’ Awwissu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/150, huwa annullat sa fejn jikkonċerna lill-PKK.

 

11)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1426 tal‑4 ta’ Awwissu 2017 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/154, hija annullata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent.

 

12)

Fir-rigward tal-bqija, it-talba intiża li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas‑27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, jiġi ddikjarat inapplikabbli fil-konfront tal-PKK, hija miċħuda.

 

13)

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk esposti mill-PKK.

 

14)

Il‑Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Forrester

Półtorak

Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Novembru 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top