SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Artikolu 1(4) u (6) – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Artikolu 2(3) – Żamma ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi – Kundizzjonijiet – Bażi fattwali ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C-599/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid-19 ta’ Diċembru 2014,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Finnegan kif ukoll minn G. Étienne u B. Driessen, bħala aġenti,

appellant,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, F. Fize, D. Colas u B. Fodda, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE), stabbilita f’Herning (id-Danimarka), irrappreżentati minn T. Buruma u A. M. van Eik, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn K. Bulterman u minn J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Brandon kif ukoll minn C. Crane, J. Kraehling u V. Kaye, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Gauci u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça u M. Vilaras, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Vajda, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill (T-208/11 u T-508/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:885), li biha din tal-aħħar annullat:

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011, tal-31 ta’ Jannar 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 (ĠU 2011, L 28, p. 14);

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 u (UE) Nru 83/2011 (ĠU 2011, L 188, p. 2);

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1375/2011, tat-22 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 687/2011 (ĠU 2011, L 343, p. 10);

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 542/2012, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1375/2011 (ĠU 2012, L 165, p. 12);

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1169/2012, tal-10 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 542/2012 (ĠU 2012, L 337, p. 2);

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 714/2013, tal-25 ta’ Lulju 2013, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1169/2012 (ĠU L 2013, 201, p. 10);

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 125/2014, tal-10 ta’ Frar 2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 714/2013 (ĠU 2014, L 40, p. 9), u

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 790/2014, tat-22 ta’ Lulju 2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 125/2014 (ĠU 2014, L 217, p. 1),

(iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lil Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE) (Tigri tal-liberazzjoni ta’ Tamil Eelam).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

2

Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta Riżoluzzjoni 1373 (2001), li tistabbilixxi strateġiji fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Il-paragrafu 1(ċ) ta’ din ir-riżoluzzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra jew ir-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi, jew li jipparteċipaw jew jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew ikkontrollati minnhom, u tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem, jew huma mmexxija, minn dawn il-persuni u entitajiet.

3

L-imsemmija riżoluzzjoni ma tistabbilixxix lista ta’ persuni li fil-konfront tagħhom għandhom jiġu applikati dawn il-miżuri restrittivi.

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK

4

Sabiex tiġi implementata l-imsemmija Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill adotta fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).

5

L-Artikolu 1 ta’ din il-Pożizzjoni Komuni jipprovdi:

“1.   Din il-Pożizzjoni Komuni taħdem flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin lill-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness.

[…]

4.   Il-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma relatati mat-terroriżmu u kontra min tkun ordnat is-sanzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fil-lista.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam.

[…]

6.   Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001

6

Peress li kien neċessarju regolament sabiex jiġu implementati, fil-livell Komunitarju, il-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1 p. 207, u r-rettifika ĠU 2010, L 52, p. 58).

7

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“1.   Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:

a)

Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’, jew fil-pusses ta’, persuna naturali jew ġuridika jew entità nominata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

b)

L-ebda fondi, assi finanzjarji oħra u risorsi ekonomiċi m’għandhom jiġu magħmula disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

2.   Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6, għandu jkun projbit li tipprovdi servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

3.   Il-Kunsill, jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK; din il-lista għandha tinkludi:

i)

persuni naturali li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

ii)

persuni legali, gruppi jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

iii)

legali, gruppi jew entitajiet li huma ta’ jew kontrollati minn persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii); jew

iv)

persuni naturali legali, gruppi jew entitajiet li jaġixxu fl-interess ta’ jew fuq id-direzzjoni ta’ persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii).”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-atti kontenzjużi

8

Fid-29 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/379/KE, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 294M, p. 169). B’din id-deċiżjoni, il-Kunsill inkluda lil-LTTE fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (iktar ’il quddiem il-“lista kontenzjuża”).

9

L-inklużjoni tal-LTTE f’din il-lista inżammet permezz ta’ atti sussegwenti tal-Kunsill, b’mod partikolari permezz tal-atti kontenzjużi.

10

Fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta ma’ dawn l-atti, il-Kunsill iddeskriva lil LTTE bħala grupp terroristiku u għamel riferiment għal serje ta’ atti terroristiċi li l-LTTE wettqu sa mis-sena 2005. Huwa kkunsidra li “minkejja li t-telfa militari riċenti tal-LTTE dgħajfet b’mod sinifjikattiv l-istruttura tagħhom, l-intenzjoni probabbli ta’ din l-organizzazzjoni hija li tkompli bl-attakki terroristiċi fis-Sri Lanka”. Barra minn hekk, il-Kunsill semma b’mod partikolari żewġ deċiżjonijiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq tas-sena 2001, li jikkundannaw u li jiffriżaw il-fondi tal-LTTE (iktar ’il quddiem flimkien, id-“deċiżjonijiet tar-Renju Unit”), kif ukoll deċiżjoni adottata matul is-sena 1992 mill-awtoritajiet Indjani, li tikkundanna lil-LTTE, li ġiet ikkonfermata matul is-sena 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-awtoritajiet Indjani”). Billi kkonstata, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tar-Renju Unit u – unikament fil-motivi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014 – tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Indjani, li dawn kienu rriveduti regolarment jew kienu jistgħu jiġu rriveduti jew appellati, il-Kunsill ikkunsidra li dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati minn awtoritajiet kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fl-aħħar, il-Kunsill ikkonstata li l-imsemmija deċiżjonijiet kienu għadhom fis-seħħ u kkunsidra li r-raġunijiet li kienu ġġustifikaw l-inklużjoni tal-LTTE fil-lista kontenzjuża kienu għadhom validi.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2011, ir-rikorrenti ressqet kawża, irreġistrata bħala T-208/11, intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 83/2011, sa fejn dan l-att kien jikkonċernahom.

12

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Settembru 2011 u rrettifikat fid-19 ta’ Ottubru 2011, l-LTTE ressqu kawża, irreġistrata bħala T-508/11, intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 687/2011, sa fejn dan l-att kien jikkonċernahom.

13

Peress li l-Kunsill adotta, fil-mori tal-kawża, ir-Regolament Nru 1375/2011, Nru 542/2012, Nru 1169/2012, Nru 714/2013, Nru 125/2014 u Nru 790/2014 li jħassru u jissostitwixxu, rispettivament, ir-regolamenti ta’ implementazzjoni preċedenti, l-LTTE suċċessivament aġġustaw it-talbiet inizjali tagħhom b’tali mod li r-rikors tagħhom ġie jikkonċerna wkoll l-annullament ta’ dawn l-aħħar imsemmija regolamenti, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawhom.

14

Insostenn tat-talbiet tagħhom, l-LTTE invokaw, essenzjalment, seba’ motivi, jiġifieri sitt motivi komuni għal dawk tal-Kawżi T-208/11 u T-508/11 u s-seba’ wieħed fil-Kawża T-508/11. Is-sitt motivi komuni għaż-żewġ kawżi huma bbażati, l-ewwel, fuq l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 2580/2001 għall-kunflitt bejn l-LTTE u l-Gvern tas-Sri Lanka, it-tieni, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-LTTE bħala organizzazzjoni terroristika fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, it-tielet, fuq in-nuqqas ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti, ir-raba’, fuq l-assenza ta’ reviżjoni meħtieġa mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-ħames, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, is-sitt, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti. Is-seba’ motiv, imqajjem biss fil-Kawża T-508/11, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarità.

15

Wara li ċaħdet l-ewwel wieħed minn dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-raba’, il-ħames u s-sitt motiv kif ukoll, parzjalment, it-tielet motiv, u, abbażi ta’ dan, annullat l-atti kontenzjużi sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lil-LTTE.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tagħti deċiżjoni finali dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell u tiċħad ir-rikorsi ppreżentati mil-LTTE, u

tikkundanna lil-LTTE għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fl-ewwel istanza u fil-kuntest ta’ dan l-appell.

17

L-LTTE jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell ippreżentat mill-Kunsill;

tikkonferma s-sentenza appellata, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż marbuta ma’ dan l-appell u tikkonferma s-sentenza appellata sa fejn tikkonċerna l-kundanna tal-Kunsill għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

18

Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

19

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Kunsill, kif sostnut mill-Gvern tar-Renju Unit, jallega li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 141 u 146 da 148 tas-sentenza appellata, li huwa kellu juri, fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, li huwa kien ivverifika l-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku Indjan, ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ekwivalenti għal dik iggarantita fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li ammetta li l-verifika tal-eżistenza ta’ tali protezzjoni tikkostitwixxi obbligu tiegħu meta huwa jibbaża ruħu, bħal f’dan il-każ, fuq deċiżjoni li toriġina minn awtorità ta’ Stat terz, il-Kunsill isostni li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tobbligahx li jinserixxi motivazzjoni marbuta ma’ din il-verifika.

20

Skont il-Kunsill, anki jekk jiġi preżunt li huwa obbligat juri li l-proċeduri pendenti fi Stat terz huma protetti minn garanziji, fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ekwivalenti għal dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni, huwa ma jistax jiġi kkritikat talli wera dan kollu fir-risposta tiegħu minflok fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi. Sa fejn l-Istat terz jista’ jqis li kummentarju, f’din l-espożizzjoni tal-motivi, marbuta mar-rispett tiegħu, jew le, tad-drittijiet tad-difiża jew tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jikkostitwixxi interferenza fl-affarijiet interni tiegħu, il-motivazzjoni rikjesta mill-Qorti Ġenerali tipprojbixxi lill-Kunsill milli jibbaża ruħu fuq deċiżjonijiet ta’ Stati terzi. Is-sitwazzjoni tkun differenti li kieku l-Kunsill kien awtorizzat jifformula l-osservazzjonijiet tiegħu fuq is-sistema legali ta’ Stat terz ikkonċernat fl-atti tiegħu ippreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni, fejn dawn tal-aħħar jibbenefikaw minn ċerta kunfidenzjalità.

21

L-LTTE jikkontestaw dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

Bil-għan li tagħti deċiżjoni fuq dan l-aggravju, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, preliminarjament, li, fil-punti 125 sa 136 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament interpretat il-kunċett ta’ “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fis-sens li dan ma huwiex limitat biss għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, iżda li jista’, bħala prinċipju, jinkludi wkoll l-awtoritajiet ta’ Stati terzi.

23

Din l-interpretazzjoni, li barra minn hekk, ma hijiex ikkritikata mill-partijiet fil-kuntest tal-appell odjern, hija ġġustifikata, fil-fatt, minn naħa, abbażi tal-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li ma jillimitax il-kunċett ta’ “awtoritajiet kompetenti” għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-għan ta’ din il-pożizzjoni komuni, li ġiet adottata sabiex timplementa r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li hija intiża sabiex tintensifika l-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell dinji, permezz tal-kooperazzjoni sistematika u mill-qrib tal-Istati kollha.

24

Minħabba dan, il-Qorti Ġenerali kienet ukoll korretta meta qieset, essenzjalment, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li huwa obbligu tal-Kunsill, qabel ma jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, li jivverifika jekk din id-deċiżjoni tkunx ġiet adottata filwaqt li kienu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

25

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ripetutament li l-Kunsill huwa obbligat, meta jadotta miżuri restrittivi, li jirrispetta d-drittijiet fundamentali li jifformaw parti sħiħa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 9798, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punti 6566).

26

F’dan ir-rigward, in-neċessità li titwettaq il-verifika deskritta fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li hija ammessa espressament mill-Kunsill fil-kuntest ta’ dan l-appell, tirriżulta b’mod partikolari mill-għan tar-rekwiżit, previst fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jistabbilixxi li l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża għandha tkun ibbażata fuq deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti. Dan ir-rekwiżit huwa intiż, fil-fatt, li jipproteġi l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati, billi jiġi żgurat li l-inklużjoni inizjali tagħhom f’din il-lista ssir biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C-539/10 P u C-550/10 P, EU:C:2012:711, punt 68). Issa, dan l-għan jista’ jintlaħaq biss jekk id-deċiżjonijiet tal-Istati terzi li fuqhom il-Kunsill jibbaża l-inklużjonijiet inizjali ta’ persuni jew ta’ entitajiet fl-imsemmija lista jiġu adottati filwaqt li jkunu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

27

Din il-konklużjoni hija wkoll ikkorroborata mill-punt 4 tad-dokument intitolat “Working methods of the Working Party on implementation of Common Position 2001/931 on the application of specific measures to combat terrorism” (Metodi ta’ xogħol tal-grupp ta’ ħidma dwar l-implementazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu), li jinsab fl-Anness II tad-Dokument 10826/1/07 REV 1 tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 2007, li minnu jirriżulta li, meta l-Kunsill jibbaża ruħu fuq il-proposta ta’ Stat terz sabiex isejjes l-inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża, huwa għandu jeżamina jekk din il-proposta tirrispettax id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt ta’ aċċess għal qorti imparzjali.

28

Sa fejn il-Kunsill jikkontesta n-neċessità ta’ motivazzjoni, fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, li tikkonferma li huwa vverifika jekk id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Indjani ġietx adottata filwaqt li kienu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hemm lok li jitfakkar li l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tan-natura suffiċjenti, jew le, tal-motivazzjoni hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

L-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex possibbilment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (sentenzi tat-18 ta’ Frar 2016, Il-Kunsill vs Bank Mellat, C-176/13 P, EU:C:2016:96, punt 74, u tal-21 ta’ April 2016, Il-Kunsill vs Bank Saredat Iran, C‑200/13 P, EU:C:2016:284, punt 70).

30

Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ tali att għandha, fi kwalunkwe każ, tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li huma ta’ importanza essenzjali fl-istruttura ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:6, punt 30; tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 96, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169).

31

Fir-rigward tal-għan, stabbilit fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, tar-rekwiżit li l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża għandha tkun fondata fuq deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, meta l-Kunsill jibbaża din l-inklużjoni fuq deċiżjoni ta’ Stat terz, il-garanzija li din id-deċiżjoni ġiet adottata filwaqt li kienu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tassumi importanza essenzjali fl-istruttura tal-imsemmija inklużjoni u tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi sussegwenti. Għaldaqstant, il-Kunsill huwa obbligat li jipproduċi, fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta ma’ dawn id-deċiżjonijiet, l-indikazzjonijiet li jippermettu li jitqies li huwa vverifika r-rispett ta’ dawn id-drittijiet.

32

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kunsill espost fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

33

Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu l-għan li jippermetti lill-persuna kkonċernata li tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha, jekk huwiex utli għaliha li tiftaħ proċeduri quddiem il-qorti kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C-300/11, EU:C:2013:363, punt 53, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100). Għal dan l-għan, huwa suffiċjenti li l-Kunsill jirreferi, fil-qosor, fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta ma’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi, għar-raġunijiet li abbażi tagħhom huwa qies li d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha huwa jintendi li jibbaża ruħu ġiet adottata filwaqt li kienu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

34

Peress li l-Kunsill jista’ biss jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ Stat terz li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, motivazzjoni bħal dik deskritta fil-punt preċedenti ma tistax tikkostitwixxi interferenza fl-affarijiet interni tal-Istat terz ikkonċernat.

35

Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-argument tal-Kunsill li huwa għandu jkun awtorizzat jifformula l-osservazzjonijiet tiegħu marbuta mas-sistema legali tal-Istat terz ikkonċernat mhux fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi, iżda fin-noti tiegħu ppreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni ma jistax jintlaqa’.

36

F’dan il-każ, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punti 141 u 145 tas-sentenza appellata, l-espożizzjoni tal-motivi marbuta mar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 83/2011, 687/2011, 1375/2011, 542/2012, 1169/2012, 714/2013 u 125/2014 sempliċement jikkonstataw li l-Gvern Indjan ikkundanna lil-LTTE matul is-sena 1992, bis-saħħa tal-Unlawful Activities Act 1967 (liġi dwar l-attivitajiet illegali tal-1967) u sussegwentement inkludihom fil-lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi inklużi fl-Anness tal-Unlawful Activities Prevention (Amendment) Act 2004 [liġi (emenda) dwar il-prevenzjoni ta’ attivitajiet illegali tal-2004]. L-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014 sempliċement tikkompleta din il-konstatazzjoni billi ssemmi li t-Taqsmiet 36 u 37 tal-liġi dwar l-attivitajiet illegali tal-1967 jinkludu dispożizzjonijiet fil-qasam tal-appell u tar-reviżjoni tal-lista Indjana tal-persuni u tal-entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, li d-deċiżjoni li tikkundanna lil-LTTE, bħala assoċjazzjoni illegali, tiġi riveduta perjodikament mill-Ministru Indjan tal-Intern, li l-aħħar reviżjoni saret fl-14 ta’ Mejju 2012, u li, wara r-reviżjoni mwettqa mill-qorti stabbilita skont il-liġi dwar l-attivitajiet illegali tal-1967, l-isem tal-LTTE bħala entità involuta f’atti terroristiċi ġie kkonfermat mill-Ministru Indja tal-Intern fil-11 ta’ Diċembru 2012.

37

La r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 83/2011, 687/2011, 1375/2011, 542/2012, 1169/2012, 714/2013 u 125/2014 u lanqas ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014 ma jsemmu l-inqas element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ivverifika jekk id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Indjani ġietx adottata filwaqt li kienu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti ma tippermettix li jiġi vverifikat jekk il-Kunsill issodisfax l-obbligu ta’ verifika li huwa impost fuqu għal dan l-għan.

38

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkunsidrat, b’mod partikolari fil-punti 142, 146, 147 u 149 tas-sentenza appellata, li l-atti kontenzjużi kienu vvizzjati minn motivazzjoni insuffiċjenti.

39

Għalhekk, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

40

Permezz tat-tieni motiv tiegħu, li jikkonċerna b’mod partikolari l-punti 173, 175, 186 sa 189, 198, 202 à 204, 212, 213 u 225 tas-sentenza appellata, il-Kunsill isostni, minn naħa, li din is-sentenza hija bbażata fuq il-premessa li l-Kunsill għandu regolarment jipprovdi raġunijiet ġodda għaż-żamma tal-LTTE fil-lista kontenzjuża. Fl-assenza ta’ annullament jew ta’ rtirar tad-deċiżjonijiet nazzjonali li jkunu ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tal-LTTE f’din il-lista u fin-nuqqas ta’ elementi oħra li jimmilitaw favur l-irtirar ta’ dawn tal-aħħar mill-imsemmija lista, il-Kunsill kellu kull dritt li jżomm lil-LTTE fil-lista kontenzjuża, fuq il-bażi biss tad-deċiżjonijiet nazzjonali li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali ta’ din l-entità f’din l-istess lista.

41

Min-naħa l-oħra, il-Kunsill isostni li kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali rrifjutat l-użu ta’ informazzjoni li toriġina minn sorsi pubbliċi għall-finijiet tar-reviżjonijiet perijodiċi. Il-Kunsill jikkunsidra li għandu jibbaża ruħu, għal dan l-għan, fuq elementi li ma jkunux deċiżjonijiet nazzjonali, sa fejn ħafna drabi ma tkunx teżisti deċiżjoni nazzjonali li tkun ittieħdet wara l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jmur kontra l-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, previst mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

42

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri li kienu parti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu l-argument tal-Kunsill, billi jenfasizzaw b’mod partikolari d-distinzjoni li tagħmel il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 bejn, min-naħa, l-inklużjoni inizjali ta’ entità fil-lista kontenzjuża, prevista fl-Artikolu 1(4) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, u, min-naħa l-oħra, ir-reviżjonijiet sussegwenti, previsti fl-Artikolu 1(6) ta’ din tal-aħħar.

43

Għall-kuntrarju, skont l-LTTE, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat b’mod ġust li jekk il-Kunsill jagħżel li jipproduċi motivi ġodda għaż-żamma tagħhom fil-lista kontenzjuża, dawn il-motivi għandhom ikunu bbażati fuq deċiżjonijiet nazzjonali, fis-sens tal-Artiklolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u mhux fuq l-istampa jew fuq l-internet. Id-dikjarazzjoni tal-Kunsill li huwa jista’ juża informazzjoni pubblika sabiex jimmotiva ż-żamma tal-inklużjoni fil-lista kontenzjuża tmur kontra s-sistema ta’ żewġ livelli stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa (C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

It-tieni aggravju jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom il-Kunsill jista’, fil-kuntest ta’ reviżjoni tal-inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża, li huwa obbligat li jwettaq skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, iżomm lil din il-persuna jew entità fl-imsemmija lista. Bil-għan li jiġu ddeterminati dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jiġi interpretat filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-artikulazzjoni tiegħu mal-Artikolu 1(4) ta’ din tal-aħħar, li jirregola l-kundizzjonijiet tal-inklużjoni inizjali tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fl-imsemmija lista.

45

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tad-deċiżjonijiet inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, li l-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jagħmel riferiment għad-deċiżjoni adottata minn awtorità nazzjonali, li tirrikjedi informazzjoni preċiża jew atti li juru li tali deċiżjoni ġiet adottata. Dan ir-rekwiżit huwa intiż li jiżgura li, fl-assenza ta’ mezzi tal-Unjoni li jippermettu lil din tal-aħħar sabiex tmexxi hija stess investigazzjonijiet dwar l-involviment ta’ persuna jew ta’ entità f’atti terroristiċi, id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew entità fil-lista kontenzjuża tittieħed fuq bażi fattwali, li tippermetti lil dan tal-aħħar jikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ periklu li, fl-assenza tal-adozzjoni ta’ miżuri projbittivi, il-persuna jew l-entità kkonċernata tkompli bl-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 69, 7981).

46

Għall-kuntrarju, fir-rigward tad-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjoni rilevanti waqt l-eżami taż-żamma ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża hija dik dwar jekk, mill-inklużjoni ta’ din il-persuna jew ta’ dik l-entità fil-lista jew mir-reviżjoni preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali inbidlitx b’tali mod li ma tkunx għadha tippermetti li tinsilet l-istess konklużjoni dwar l-implikazzjoni tal-persuna jew tal-entità inkwistjoni f’attivitajiet terroristiċi (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C-539/10 P u C-550/10 P, EU:C:2012:711, punt 82).

47

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 173 u 202 tas-sentenza appellata, li l-lista ta’ atti terroristiċi li twettqu mil-LTTE sa mis-sena 2005, inkluża fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, kellha rwol determinanti għaż-żamma, mill-Kunsill, tal-iffriżar ta’ fondi tal-LTTE. Fil-punti 187 u 204 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-riferiment għal kull att terroristiku ġdid li l-Kunsill inserixxa fil-motivazzjoni tiegħu fl-okkażjoni ta’ reviżjoni abbażi tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu jkun ġie ssuġġettat għal eżami u għal deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti. Billi kkonstatat, b’mod partikolari fil-punti 186 u 207 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien ibbaża l-allegazzjonijiet tiegħu marbuta ma’ atti terroristiċi mwettqa mil-LTTE sa mis-sena 2005 mhux fuq tali deċiżjonijiet, iżda fuq informazzjoni miġbura minnu mill-istampa u mill-internet, il-Qorti Ġenerali għalhekk annullat l-atti kkontesati.

– Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

48

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li huwa kellu regolarment jipprovdi motivi ġodda sabiex iżomm lil-LTTE fil-lista kontenzjuża u li ma setax, fl-assenza ta’ elementi li jimmilitaw favur l-irtirar ta’ din l-entità minn din il-lista, iżomm lil dan tal-aħħar fil-lista, fuq il-bażi biss tad-deċiżjonijiet nazzjonali li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tiegħu fil-lista.

49

Mill-eżami tal-ewwel aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li l-atti kontenzjużi huma vvizzjati minn motivazzjoni insuffiċjenti dwar il-garanzija li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Indjani ttieħdet filwaqt li kienu rrispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija ineffettiva sa fejn din tikkonċerna lill-awtoritajiet Indjani.

50

Sa fejn l-ewwel parti tat-tieni aggravju tikkonċerna d-deċiżjonijiet tar-Renju Unit, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 196 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, tal-inqas impliċitament, qieset li dawn id-deċiżjonijiet fihom infushom ma kinux jikkostitwixxu bażi suffiċjenti għaż-żamma tal-LTTE fil-lista kontenzjuża.

51

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fil-kuntest ta’ reviżjoni abbażi tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jżomm lill-persuna jew lill-entità kkonċernata fil-lista kontenzjuża jekk huwa jikkonkludi li kompla jippersisti r-riskju ta’ involviment ta’ din tal-aħħar f’attivitajiet terroristiċi li jkun iġġustifika l-inklużjoni inizjali tagħha fil-lista. B’hekk, iż-żamma ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża essenzjalment tikkostitwixxi estensjoni tal-inklużjoni inizjali.

52

Fil-kuntest tal-verifika tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, l-eżitu sussegwenti tad-deċiżjoni nazzjonali li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ din il-persuna jew ta’ dik l-entità fil-lista kontenzjuża għandu debitament jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari t-tħassir jew l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali minħabba fatti jew elementi ġodda jew tibdil tal-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

53

Minkejja dan, f’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk iż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali fil-lista kontenzjuża tistax, fiha nnifisha, tkun suffiċjenti għaż-żamma tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fil-lista.

54

F’dan ir-rigward, jekk, fid-dawl taż-żmien dekors u skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tibqa’ fis-seħħ ma jippermettix iktar li jiġi konkluż li ppersista r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, il-Kunsill ikun obbligat li jibbaża ż-żamma ta’ din il-persuna jew din l-entità fl-imsemmija lista fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali iktar riċenti, li juru li l-imsemmi riskju jissussisti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 156).

55

F’dan il-każ, laħaq iddekorra żmien twil bejn, min-naħa, l-adozzjoni, matul is-sena 2001, tad-deċiżjonijiet tar-Renju Unit nazzjonali li servew bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tal-LTTE fil-lista kontenzjuża, liema inklużjoni saret matul is-sena 2006, u l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, matul il-perijodu ta’ bejn is-snin 2011 u l-2014. Barra minn hekk, kif semma l-Kunsill fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, l-LTTE sofrew telfa militari, mnedija mill-Gvern ta’ Sri Lanka fix-xahar ta’ Mejju 2009, li dgħajfet b’mod sinjifikattiv lil din l-organizzazzjoni. Għaldaqstant, il-Kunsill kien obbligat li jibbaża ż-żamma tal-LTTE f’din il-lista fuq elementi iktar riċenti, li juru li kien għadu preżenti r-riskju ta’ involviment ta’ din l-entità f’attivitajiet terroristiċi. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, tal-inqas b’mod impliċitu, li d-deċiżjonijiet tar-Renju Unit ma kinux jikkostitwixxu, fihom infushom, bażi suffiċjenti sabiex iservu bħala bażi għall-atti kontenzjużi.

56

Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

– Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

57

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, b’mod partikolari fil-punti 187 sa 189, 202 sa 204 u 225 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kellu jibbaża ruħu esklużivament fuq elementi li jinsabu fid-deċiżjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti, sabiex iżomm persuna jew entità fil-lista kontenzjuża, u li l-Kunsill kien kiser kemm l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu billi bbaża ruħu, f’dan il-każ, fuq informazzjoni miksuba mill-istampa u mill-internet.

58

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, hemm lok li jiġi rrilevat, qabelxejn, li dan l-artikolu jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża, imsemmija fil-paragrafu 4 tagħha, u, min-naħa l-oħra, iż-żamma f’din il-lista ta’ persuna jew ta’ entità li tinsab diġà f’din il-lista, imsemmija fil-paragrafu 6 tiegħu.

59

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża tippreżumi l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali li toriġina minn awtorità kompetenti jew ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tkun tordna sanzjoni.

60

Għall-kuntrarju, tali kundizzjoni ma hijiex prevista fl-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni, li skontha “[g]ħandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista”.

61

Din id-distinzjoni hija spjegata mill-fatt li, kif ġie rrilevat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, iż-żamma ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża tikkostitwixxi, essenzjalment, l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali u tippreżumi, għaldaqstant, il-persistenza ta’ riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, kif ġie kkonstatat inizjalment mill-Kunsill, abbażi tad-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għal din l-inklużjoni inizjali.

62

Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirrikjedi li l-Kunsill iwettaq, tal-inqas darba kull semester, “reviżjoni”, sabiex jiżgura ruħu li ż-“[żamma]” f’din il-lista ta’ persuna jew ta’ entità li diġà ġiet inkluża fl-imsemmija lista, abbażi ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti, għadha ġġustifikata, ma jirrikjedix madankollu li kull element ġdid li l-Kunsill jipprevalixxi ruħu minnu sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fil-lista kontenzjuża għandu jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti suċċessivament għal dik li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali. Billi imponiet tali rekwiżit, il-Qorti Ġenerali ttrasponiet il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ tali deċiżjoni, stabbilita fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 biss għall-finijiet tal-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fl-imsemmija lista, għar-reviżjonijiet li għandhom isiru mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali injorat id-distinzjoni eżistenti bejn id-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista kontenzjuża u d-deċiżjoni sussegwenti konsistenti fiż-żamma tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’din il-lista.

63

Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 adottata mill-Qorti Ġenerali hija msejsa, tal-inqas impliċitament, fuq il-kunsiderazzjoni li jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jadottaw b’mod regolari deċiżjonijiet li jistgħu jservu bħala bażi għar-reviżjonijiet li għandhom isiru mill-Kunsill, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, jew li l-Kunsill għandu l-possibbiltà li jitlob, f’każ ta’ bżonn, lil dawn l-awtoritajiet sabiex jadottaw tali deċiżjonijiet.

64

Issa, din l-aħħar kunsiderazzjoni ma hija bl-ebda mod fondata fid-dritt tal-Unjoni.

65

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat, minn naħa, li l-fatt, irrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 210 u 211 tas-sentenza appellata, li l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kunsill bid-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u jittrażmettulu dawn id-deċiżjonijiet ma jfissrix li dawn l-awtoritajiet huma obbligati li jadottaw b’mod regolari jew, tal-inqas, f’każ ta’ bżonn, deċiżjonijiet li jistgħu jservu bħala bażi għal dawn ir-reviżjonijiet.

66

Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak meqjus mill-Qorti Ġenerali fil-punt 213 tas-sentenza appellata, fl-assenza ta’ kull bażi speċifika fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbiliti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE, ma jawtorizzax lill-Kunsill li jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jadottaw, f’każ ta’ bżonn, deċiżjonijiet nazzjonali li jistgħu jservu bħala bażi għar-reviżjonijiet li għandhom isiru mill-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni.

67

Għall-kuntrarju, hemm lok li jiġi rrilevat li din is-sistema ma tipprovdix għal mekkaniżmu li jippermetti lill-Kunsill jiġi pprovdut, f’każ ta’ bżonn, b’deċiżjonijiet nazzjonali, adottati wara l-inklużjoni inizjali tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fil-lista kontenzjuża, sabiex iwettaq ir-reviżjonijiet li huwa għandu jwettaq skont l-Artikolu 1(6) tal-imsemmija pożizzjoni komuni u li fil-kuntest tagħhom huwa obbligat li jivverifika l-persistenza tar-riskju ta’ involviment ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità f’attivitajiet terroristiċi. Fl-assenza ta’ tali mekkaniżmu, ma jistax jiġi kkunsidrat li din is-sistema tirrekjedi lill-Kunsill li jwettaq dawn ir-reviżjonijiet esklużivament abbażi ta’ tali deċiżjonijiet nazzjonali, u dan sabiex ma jiġux indebitament ristretti l-mezzi li l-Kunsill għandu għal dan l-iskop.

68

Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 187 u 210 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 lanqas ma hija ġġustifkata min-neċessità li jiġu protetti l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati.

69

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-inklużjoni inizjali fil-lista kontenzjuża, il-persuna jew l-entità kkonċernata hija protetta, b’mod partikolari, mill-possibbiltà li tikkontesta kemm id-deċiżjonijiet nazzjonali li servew bħala bażi għal din l-inklużjoni quddiem il-qrati nazzjonali kif ukoll l-imsemmija inklużjoni, innifisha, quddiem il-qrati tal-Unjoni.

70

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi sussegwenti, il-persuna jew l-entità kkonċernata hija protetta, b’mod partikolari, mill-possibbiltà li teżerċita azzjoni kontra dawn tal-aħħar quddiem il-qorti tal-Unjoni. Din tal-aħħar hija obbligata li tivverifka, b’mod partikolari, minn naħa, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-punt dwar jekk dawn il-motivi humiex sostnuti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punti 118119, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C-280/12 P, EU:C:2013:775, punt 64).

71

F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi speċifikat li l-persuna jew l-entità kkonċernata tista’, fil-kuntest ta’ azzjoni ppreżentata kontra ż-żamma fil-lista kontenzjuża, tikkontesta l-elementi kollha li fuqhom il-Kunsill jibbaża ruħu sabiex juri l-persistenza tar-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi, indipendentement mill-kwsitjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew minn sorsi oħra. F’każ ta’ kontestazzjoni, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali ta’ dawn tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punti 121124, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C-280/12 P, EU:C:2013:775, punti 66 u 69).

72

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill kien kiser l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 meta bbaża ruħu, fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, fuq elementi miksuba minn sorsi li ma humiex deċiżjonijiet nazzjonali adottati minn awtoritajiet kompetenti.

73

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, mill-punt 225 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha unikament fuq l-assenza ta’ riferiment, fir-rigward tal-lista tal-atti terroristiċi li l-LTTE wettqu sa mis-sena 2005, inkluża fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, għal deċiżjonijiet nazzjonali li joriġinaw minn awtoritajiet kompetenti. B’hekk, il-konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi l-konsegwenza diretta tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li fir-rigward tagħha ġie stabbilit li din hija vvizzjata minn żball ta’ liġi.

74

Konsegwentement, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha ta’ dan l-Artikolu 1 iwassal sabiex jivvizzja wkoll bi żball ta’ liġi l-konstatazzjoni tagħha dwar il-ksur, mill-Kunsill, tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

75

Madankollu, hemm lok li jitfakkar li jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jindikaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jkun jidher fondat fuq motivi oħra ta’ dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 150, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 102 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76

Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

77

Fil-fatt, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 167 tas-sentenza appellata, il-Kunsill jagħmel riferiment, fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, għat-telfa militari tal-LTTE, mnedija mill-Gvern ta’ Sri-Lanka fix-xahar ta’ Mejju 2009, fejn jikkunsidra li, “minkejja li [din i]t-telfa militari […] tal-LTTE dgħajfet b’mod sinjifikattiv l-istruttura [tal-LTTE], l-intenzjoni probabbli ta’ din l-organizzazzjoni hija li tkompli bl-attakki terroristiċi fis-Sri Lanka”.

78

Fir-rigward tal-elementi li fuqhom il-Kunsill ibbaża din l-evalwazzjoni, l-uniku element irrilevat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hija lista ta’ atti terroristiċi li l-LTTE wettqu sa mis-sena 2005, li tinsab fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi. Kif jirriżulta mill-punt 168 ta’ din is-sentenza, il-perijodu kopert minn din il-lista jwassal, skont ir-regolament ikkontestati, sax-xahar ta’ April 2009 jew sax-xahar ta’ Ġunju 2010. F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minkejja li l-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-ewwel u t-tieni regolament ta’ implementazzjoni kontenzjużi, jiġifieri r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 83/2011 u 687/2011 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“ewwel u t-tieni regolamenti ta’ implementazzjoni kontenzjużi”), isemmu tliet allegati atti terroristiċi li l-LTTE wettqu bejn is-27 ta’ April u t-12 ta’ Ġunju 2010 u, għaldaqstant wara t-telfa militari tagħhom li ġrat fix-xahar ta’ Mejju 2009, il-Kunsill, sussegwentement, aġġusta l-motivazzjoni tal-atti kontenzjużi billi ħassar ir-riferiment għal dawn it-tliet fl-atti l-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mat-tielet u fit-tmien regolamenti ta’ implementazzjoni kontenzjużi, jiġifieri r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1375/2011, 542/2012, 1169/2012, 714/2013, 125/2014 u 790/2014 (iktar ’il quddiem, flimkien, it-“tielet sat-tmien regolamenti ta’ implementazzjoni kontenzjużi”). L-aħħar imsemmi att terroristiku li jinsab fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mat-tielet sat-tmien regolamenti ta’ implementazzjoni kontenzjużi huwa datat it-12 ta’ April 2009 u għaldaqstant, seħħ qabel din it-telfa militari. Fir-risposta bil-miktub tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kunsill spjega li din il-modifika kienet tikkostitwixxi “aġġornament” tal-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, imwettqa minħabba l-kisba ta’ informazzjoni ġdida.

79

B’hekk, fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni rilevanti oħra, l-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mat-tielet sat-tmien regolamenti ta’ implementazzjoni kontenzjużi ma jirreferu għal ebda element li jista’ jservi bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-Kunsill, li, minkejja l-imsemmija telfa militari, l-LTTE probabbilment kellhom l-intenzjoni li jkomplu bl-attakki terroristiċi fis-Sri Lanka. Issa, fid-dawl tal-fatt li din l-istess telfa militari kienet tikkostitwixxi tibdil ta’ ċirkustanzi importanti, li jistgħu jpoġġu f’dubju l-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-LTTE f’attivitajiet terroristiċi, il-Kunsill kellu jsemmi elementi li jistgħu jservu bħala bażi għal din l-evalwazzjoni fl-imsemmija espożizzjoni tal-motivi. Konsegwentement, it-tielet sat-tmien regolamenti ta’ implementazzjoni kontenzjużi huma vvizzjati minn motivazzjoni insuffiċjenti ta’ natura li twassal għall-annullament tagħhom.

80

Fir-rigward tal-ewwel u t-tieni regolamenti ta’ implementazzjoni kontenzjużi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kunsill ħassar u ssostitwixxa dawn tal-aħħar bis-segwenti regolamenti ta’ implementazzjoni kontenzjużi, li jaġġornaw il-motivazzjoni inkluża fl-espożizzjonijiet tal-motivi minħabba l-kisba ta’ informazzjoni ġdida. Dan l-aġġornament wassal għat-tħassir tar-riferiment għat-tliet allegati atti terroristiċi li twettqu mil-LTTE bejn is-27 ta’ April u t-12 ta’ Ġunju 2010 u, għaldaqstant, wara t-telfa militari ta’ din l-entità. Barra minn hekk, il-Kunsill ma għamilx riferiment għal dawn it-tliet allegatti atti terroristiċi fil-kuntest ta’ dan l-appell, minkejja mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar in-natura suffiċjentement motivata tal-atti kontenzjużi dwar l-intenzjoni probabbli tal-LTTE li jkomplu bl-attakki terroristiċi fis-Sri Lanka, minkejja t-telfa militari tagħhom fix-xahar ta’ Mejju 2009. Konsegwentement, jidher ċar li r-riferiment għall-imsemmija u allegati tliet atti terroristiċi, fi kwalunkwe każ, ma jistax jippermetti li jiġi konkluż li l-motivazzjoni tal-ewwel u t-tieni regolamenti ta’ implementazzjoni kontenzjużi hija fondata.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jitqies bħala fondat għall-atti kontenzjużi kollha. Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

82

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-Kunsill, sostnut mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni, isostni li, fil-punti 177 u 205 sa 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-deċiżjoni tar-Renju Unit tal-2001 li tipproskrivi lil-LTTE kienet tikkostitwixxi bażi suffiċjenti għaż-żamma tal-LTTE fil-lista kontenzjuża. Skont il-Kunsill, kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset li l-assenza ta’ indikazzjoni, fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, ta’ elementi li jservu bħala bażi għal din id-deċiżjoni, kienet timpedixxi lill-Kunsill milli jużha bħala bażi. Għall-kuntrarju ta’ dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ma għandhiex tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni, peress li dawn il-motivi ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni.

83

L-LTTE jikkontestaw dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, sa fejn it-tielet aggravju jikkonċerna żball ta’ liġi li twettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkunsidrat li l-unika deċiżjoni tar-Renju Unit tal-2001 li tipproskivi lil-LTTE ma kinitx tikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex fuqha jiġu fondati l-atti kontenzjużi, dan l-aggravju u l-ewwel parti tat-tieni aggravju jikkoinċidu parzjalment.

85

Issa, indipendentement mill-fondatezza tal-argument imqajjem mill-Kunsill fil-kuntest tat-tielet aggravju tiegħu, li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-assenza ta’ indikazzjoni, fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti kontenzjużi, ta’ elementi li jservu bħala bażi għal din id-deċiżjoni, kienet tipprekludi lill-Kunsill milli jibbaża ruħu fuqha, jeħtieġ li jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, mill-eżami tal-ewwel parti tat-tieni aggravju jirriżulta li, minħabba, minn naħa, li ddekorra żmien kunsiderevoli bejn l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tar-Renju Unit li servew bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tal-LTTE fil-lista kontenzjuża, din l-inklużjoni, u l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, it-telfa militari li ġrat fix-xahar ta’ Mejju 2009, id-deċiżjoni tar-Renju Unit tal-2001 li tipproskrivi lil-LTTE ma kinitx tikkostitwixxi bażi suffiċjenti li fuqha jistgħu jiġu fondati l-atti kontenzjużi.

86

Konsegwentement, it-tielet aggravju huwa ineffettiv.

87

Peress li l-aggravji kollha ġew miċħuda, hemm lok li l-appell jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

88

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138 tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

89

Peress li l-appell tal-Kunsill ġie miċħud, hemm lok, skont it-talbiet tal-LTTE, li l-Kunsill jiġu kkundannat kemm għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti mil-LTTE.

90

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

91

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat kemm għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti mil-Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE).

 

3)

Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.