Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0449

    Kawża C-449/14 P: Appell ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2014 minn DTS Distribuidora de Televisión Digital, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fil-11 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża T-533/10, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 395, 10.11.2014, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 395/27


    Appell ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2014 minn DTS Distribuidora de Televisión Digital, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fil-11 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża T-533/10, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-449/14 P)

    (2014/C 395/33)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Appellanti: DTS Distribuidora de Televisión Digital, S.A. (rappreżentanti: H. Brokelmann u M. Ganino, avukati

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Telefónica de España, S.A., Telefónica Móviles España, S.A., ir-Renju ta’ Spanja u Corporación de Radio y Televisión Española, S.A. (RTVE)

    Talbiet

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża T-533/10, DTS Distribuidora de Televisión Digital, S.A. vs Il-Kummissjoni u, għaldaqstant, abbażi tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja:

    abbażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, tilqa’ t-talbiet magħmula fir-rikors li permezz tiegħu nbdew il-proċeduri fl-ewwel istanza u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [Nru 2011/1/UE] (1)tal-20 ta’ Lulju 2010 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 38/09 (ex NN 58/09) li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE); jew

    sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

    tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-partijiet li jintervjenu insostenn tagħha għall-ispejjeż relatati kemm ma’ din il-proċedura kif ukoll mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    1.

    L-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna.

    Is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn hija tinterpreta b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna u, preċiżament, il-kundizzjonijiet li skont is-sentenza Laboratoires Boiron (2) għandhom jiġu ssodisfatti sabiex taxxa tkun tista’ titqies li tifforma parti integrali minn għajnuna.

    2.

    It-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn is-sentenza appellata ma tistħarriġx b’mod eżawrjenti l-eżistenza ta’ għajnuna u tiżnatura d-dritt Spanjol

    Is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn hija ma’ tistħarriġx b’mod eżawrjenti l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fis-sentenza Régie Networks (1) sabiex it-taxxa imposta fuq DTS tkun tista’ titqies li tifforma parti integrali mill-għajnuna lil RTVE u sa fejn din is-sentenza tiżnatura d-dritt Spanjol.

    3.

    It-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE.

    Is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE. Hija tiżnatura l-argumenti ta’ DTS – intiżi li juru li l-metodu ta’ finanzjament tal-għajnuna lil RTVE joħloq distorsjoni sproporzjonata tal-kompetizzjoni – billi tinterpretahom li jirreferu għall-effetti tal-għajnuna nfisha u mhux għal dawk tat-taxxi li jiffinanzjawha. Għaldaqstant, is-sentenza appellata taqta’ ultra petita kwistjonijiet li ma tqajmux minn DTS fir-rikors u li lanqas ma ġew analizzati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha, u b’hekk tbiddel is-suġġett tat-tilwima u teċċedi l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali.


    (1)  ĠU L 1, p. 9.

    (2)  C-526/04, EU:C:2006:528.

    (1)  C-333/07, EU:C:2008:764.


    Top