Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0486

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Ġunju 2016.
Proċeduri kriminali kontra Piotr Kossowski.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen – Artikoli 54 u 55(1)(a) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Ammissibbiltà ta’ proċeduri kriminali kontra imputat fi Stat Membru wara l-għeluq tal-proċedura kriminali mibdija kontrih fi Stat Membru ieħor mill-uffiċċju tal-prosekutur mingħajr investigazzjoni fid-dettall – Assenza ta’ evalwazzjoni fil-mertu tal-każ.
Kawża C-486/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:483

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen — Artikoli 54 u 55(1)(a) — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 50 — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Ammissibbiltà ta’ proċeduri kriminali kontra imputat fi Stat Membru wara l-għeluq tal-proċedura kriminali mibdija kontrih fi Stat Membru ieħor mill-uffiċċju tal-prosekutur mingħajr investigazzjoni fid-dettall — Asssenza ta’ evalwazzjoni fil-mertu tal-każ”

Fil-Kawża C‑486/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura kriminali kontra

Piotr Kossowski,

fil-preżenża ta:

Generalstaatsanwaltschaft Hamburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, J. L. da Cruz Vilaça u F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, J.‑C. Bonichot, A. Prechal (Relatur), C. Vajda, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal P. Kossowski, minn I. Vogel, avukat,

għall-Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, minn L. von Selle u C. Rinio, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn F. X. Bréchot u D. Colas kif ukoll minn C. David, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn J. Sawicka u M. Szwarc, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn J. Holmes, barrister,

għall-Gvern Svizzeru, minn R. Balzaretti, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 54 u 55 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“KFS”), kif ukoll tal-Artikolu 50 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mressqa fil-Ġermanja kontra Piotr Kossowski (iktar ’il quddiem l-“imputat”), akkużat li wettaq, fit‑2 ta’ Ottubru 2005, atti kklassifikati bħala estorsjoni ekwivalenti għal serq aggravat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

3

L-Artikolu 50 tal-Karta, intitolat “Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, huwa fformulat kif ġej:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

Il-KFS

4

Il-KFS ġiet konkluża sabiex tiżgura l-applikazzjoni tal-ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fl‑14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9).

5

L-Artikoli 54 u 55 tal-KFS jinsabu fit-Titolu III, Kapitolu 3, li huwa intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”. L-Artikolu 54 tal-KFS jipprevedi:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

6

L-Artikolu 55 tal-KFS jipprovdi:

“1.   Parti Kontraenti tista’, meta tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni, tiddikjara li hija m’hijiex marbuta bl-Artikolu 54 f’wieħed jew iżjed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

a)

meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tagħha stess; f’dan l-aħħar każ, madankollu, din l-eċċezzjoni m’għandhiex tapplika jekk l-azzjonijiet ikunu seħħu parzjalment fit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza;

[...]

4.   L-eċċezzjonijiet li kienu s-soġġett ta’ dikjarazzjoni taħt il-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw meta l-Parti Kontraenti konċernata tkun, in konnessjoni ma’ l-istess azzjonijiet, talbet lill-parti Kontraenti l-oħra biex tressaq il-prosekuzzjoni jew tkun estradiet lill-persuna konċernata.”

7

Waqt ir-ratifikazzjoni tal-KFS, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet ir-riżerva li ġejja dwar l-Artikolu 54 tal-KFS, konformement mal-Artikolu 55(1) tagħha (BGB1. 1994 II, p. 631):

“Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex marbuta bl-Artikolu 54 tal-[KFS]

a)

meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tagħha stess [...]”

Il-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea

8

Il-KFS iddaħħlet fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Protokoll (Nru 2) li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel it-Trattat ta’ Lisbona, u mat-Trattat KE bit-Trattat ta’ Amsterdam (ĠU 1997, C 340, p. 93), skont l-“acquis ta’ Schengen”, kif iddefinit fl-anness għal dan il-protokoll. Dan tal-aħħar awtorizza tlettax-il Stat Membru sabiex jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa fil-qasam li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

Il-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea

9

Il-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 290), anness mat-Trattat ta’ Lisbona, awtorizza ħamsa u għoxrin Stat Membru sabiex, fil-qafas legali u istituzzjonali tal-Unjoni, jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma li jaqgħu fl-acquis ta’ Schengen. Għalhekk, skont l-Artikolu 2 ta’ dan il-protokoll:

“L-acquis ta’ Schengen għandu japplika għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tas‑16 ta’ April 2003 u ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tal‑25 ta’ April 2005. Il-Kunsill għandu jissostitwixxi l-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-ftehim ta’ Schengen.”

Id-dritt Pollakk

10

L-Artikolu 327 tal-Kodeks postępowania karnego (Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Proċedura ta’ investigazzjoni magħluqa b’mod definittiv tista’ terġa’ tinfetaħ biss, permezz ta’ digriet tal-uffiċċju tal-prosekutur [...], kontra persuna li kienet suġġetta għal proċedura ta’ investigazzjoni bħala persuna suspettata meta jirriżultaw elementi fattwali jew ta’ prova essenzjali, li ma kinux magħrufa matul il-proċedura preċedenti. [...]”

11

L-Artikolu 328 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.   L-uffiċċju tal-prosekutur jista’ jannulla deċiżjoni definittiva li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni kontra persuna li kienet suġġetta għal proċedura ta’ investigazzjoni bħala persuna suspettata meta jikkonstata li l-għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni ma kienx fondat [...]

2.   Wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur mid-data li fiha l-għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni sar definittiv, l-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali jista’ jannulla jew ivarja d-deċiżjoni jew il-motivazzjoni tiegħu biss favur is-suspettat.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-iStaatsanwaltschaft Hamburg (uffiċċju tal-prosekutur ta’ Hamburg, il-Ġermanja) jakkuża lill-imputat li wettaq, f’Hamburg (il-Ġermanja), fit‑2 ta’ Ottubru 2005, atti li, skont id-dritt kriminali Ġermaniż, jikklassifikaw bħala estorsjoni ekwivalenti għal serq aggravat. Dakinhar, l-imputat ħarab billi saq il-vettura tal-vittma inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Proċedura ta’ investigazzjoni nfetħet kontra l-imputat f’Hamburg.

13

Fl‑20 ta’ Ottubru 2005, l-awtoritajiet Pollakki waqqfu l-vettura misjuqa mill-imputat waqt kontroll fit-toroq f’Kołobrzeg (il-Polonja) u talbuh sabiex jeżegwixxi piena ta’ ħabs li kien diġà ġie kkundannat għaliha fil-Polonja f’kawża oħra. Wara li għamel tiftix dwar il-vettura misjuqa mill-imputat, il-Prokuratura rejonowa w Kołobrzegu (l-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg, il-Polonja) fetaħ proċedura ta’ investigazzjoni kontrieh dwar l-akkuża ta’ estorsjoni ekwivalenti għal serq aggravat, skont l-Artikolu 282 tal-Kodiċi Kriminali Pollakk, fir-rigward tal-atti mwettqa minnu f’Hamburg fit‑2 ta’ Ottubru 2005.

14

Fil-kuntest tal-assistenza legali, il-Prokuratura okręgowa w Koszalinie, (l-uffiċċju tal-prosekutur reġjonali ta’ Koszalin, il-Polonja) talab lill-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Hamburg kopja tal-fajl tal-investigazzjoni. Dawn il-kopji ntbagħtu f’Awwissu 2006.

15

F’Diċembru 2006, l-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg bagħat, lill-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Hamburg, id-deċiżjoni tiegħu tat‑22 ta’ Diċembru 2006 li twaqqaf, fl-assenza ta’ akkużi suffiċjenti, il-proċedura kriminali kontra l-imputat.

16

Huwa stabbilit li din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt li l-imputat kien irrifjuta li jagħti xhieda u li l-vittma inkwistjoni fil-kawża prinċipali u xhud ta’ hearsay kienu jirrisjedu fil-Ġermanja, u għalhekk ma setgħux jinstemgħu matul il-proċedura ta’ investigazzjoni u li l-indizji, parzjalment impreċiżi u kontradittorji, ta’ din il-vittma għaldaqstant ma setgħux jiġu vverifikati.

17

Il-qorti tar-rinviju żżid li, skont in-nota dwar ir-rimedji li hija annessa ma’ din id-deċiżjoni li ttemm il-proċedura kriminali, il-partijiet interessati kellhom id-dritt li jappellaw minnha f’terminu ta’ sebat ijiem mid-data tan-notifika ta’ din l-istess deċiżjoni. Il-vittma inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li ppreżentat tali appell.

18

Fl‑24 ta’ Lulju 2009, l-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Hamburg ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra l-imputat wara li kiseb, mill-Amtsgericht Hamburg (qorti distrettwali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) fid‑9 ta’ Jannar 2006, mandat ta’ arrest nazzjonali kontra l-imputat. Il-konsenja tal-imputat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ntalbet lir-Repubblika tal-Polonja permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Settembru 2009. B’deċiżjoni tas-sąd okręgowy w Koszalinie (qorti reġjonali ta’ Koszalin, il-Polonja), tas‑17 ta’ Settembru 2009, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ġiet miċħuda fid-dawl tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura kriminali maħruġa mill-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg, ikklassifikata, minn din il-qorti, bħala definittiva fis-sens tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

19

Fis‑7 ta’ Frar 2014, l-imputat, li kien għadu mfittex fil-Ġermanja, ġie arrestat f’Berlin (il-Ġermanja). L-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Hamburg ħareġ att ta’ akkuża kontra tiegħu fis‑17 ta’ Marzu 2014. Il-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) irrifjutat li tiftaħ il-proċedura, billi bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq l-estinzjoni tal-azzjoni pubblika, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, permezz tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura kriminali tal-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg. Konsegwentement, hija rtirat il-mandat ta’ arrest kontra l-imputat permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2014, u għalhekk dan tal-aħħar, li kien tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja, ġie lliberat.

20

Adita mill-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Hamburg b’appell minn din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet li, abbażi tad-dritt Ġermaniż applikabbli f’dan ir-rigward, l-akkużi miżmuma kontra l-imputat huma biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat il-ftuħ tal-proċedura quddiem il-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg) u l-ammissjoni tal-att ta’ akkuża għall-finijiet tal-proċedura, sakemm il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS u fl-Artikolu 50 tal-Karta, ma jkunx ta’ ostakolu għal dan.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-riżerva maħruġa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 55(1)(a) tal-KFS għadhiex valida. Jekk dan huwa l-każ, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jkunx jista’ jiġi applikat f’dan il-każ, peress li l-fatti li l-imputat huwa akkużat bihom seħħew fit-territorju Ġermaniż u li l-aġenziji ta’ infurzar Ġermaniżi ma talbux lill-awtoritajiet Pollakki jressqu l-prosekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 55(4) tal-KFS.

22

Fil-każ li l-imsemmija riżerva ma hijiex valida, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, peress li l-fatti li fi-rigward tagħhom tressqet azzjoni fil-Ġermanja u fil-Polonja huma l-istess, jekk, minħabba d-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg, l-imputat jistax jitqies li “l-każ [tiegħu] inqata’ b’mod finali”, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, jew “mhux [ħati] b’sentenza li daħlet in ġudikat”, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta. Hija tqis li l-kawża prinċipali hija distinta minn dik li wasslet għas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M (C‑398/12, EU:C:2014:1057), minħabba l-assenza ta’ investigazzjoni fid-dettall qabel id-deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2006 li ttemm il-proċeduri kriminali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk in-natura definittiva ta’ tali deċiżjoni hijiex suġġetta għall-eżekuzzjoni ta’ ċerti obbligi li permezz tagħhom huwa ssanzjonat l-aġir illegali.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-riżervi li saru fi żmien ir-ratifika mill-partijiet kontraenti tal-KFS skont l-Artikolu 55(1)(a) tagħha – speċifikament, ir-riżerva [fir-rigward tal-Artikolu 54 tal-KFS] – għandhom jibqgħu fis-seħħ wara l-inklużjoni tal-acquis ta’ Schengen fi ħdan il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea permezz tal-[Protokoll (Nru 2) li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea], kif miżmum fis-seħħ mill-[Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea]? Dawn l-eċċezzjonijiet huma limitazzjonijiet proporzjonati tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fis-sens tal-Artikolu 52(1) [tagħha]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS u fl-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prosekuzzjoni ta’ persuna akkużata fi Stat Membru – f’dan il-każ il-Ġermanja – meta l-prosekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor – f’dan il-każ il-Polonja – tkun ingħalqet mill-prosekutur, mingħajr ma jkunu twettqu obbligi imposti bħala sanzjoni u mingħajr ebda investigazzjoni fid-dettall, għal raġunijiet fattwali, fin-nuqqas ta’ raġunijiet suffiċjenti sabiex l-akkużat ikun issuspettat bir-reat, u tkun tista’ tinfetaħ mill-ġdid biss jekk ikun hemm għarfien ta’ ċirkustanzi sinjifikattivi li ma kinux magħrufa preċedentement, meta dawn iċ-ċirkustanzi ġodda fil-fatt ma jkunux jeżistu?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq l-Artikolu 267 TFUE, meta fil-fatt id-domandi magħmula jikkonċernaw il-KFS, konvenzjoni li taqa’ taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona.

25

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li s-sistema prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija intiża li tapplika għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari taħt l-Artikolu 35 UE, li min-naħa tiegħu huwa applikabbli sal‑1 ta’ Diċembru 2014, bla ħsara għall-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni tal‑aħħar (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 43).

26

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni skont l-Artikolu 35(2) UE li permezz tagħha aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafu (3)(b) ta’ dan l-artikolu, kif jirriżulta mill-Informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, tal‑1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56).

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma ssemmix l-Artikolu 35 UE, iżda tagħmel riferiment għall-Artikolu 267 TFUE, ma jistax, fih innifsu, iwassal għan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamburg) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 45).

28

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

Fuq id-domandi preliminari

29

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, l-ewwel nett, jekk id-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 55(1)(a) tal-KFS għadhiex valida u, it-tieni nett, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, jekk il-każ tal-imputat inqatax b’mod finali, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS u tal-Artikolu 50 tal-Karta, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30

Peress li l-kwistjoni tal-applikabbiltà eventwali tal-eċċezzjoni għar-regola ta’ ne bis in idem li tinsab fl-Artikolu 55(1)(a) tal-KFS tqum biss jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, “l-każ [ta’ persuna] jkun inqata’ b’mod finali”, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, u b’hekk tapplika l-imsemmija regola, għandha l-ewwel tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tieni domanda

31

Għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, fil-punt 35 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M (C‑398/12, EU:C:2014:1057), li peress li d-dritt li ma tiġix mixlija jew ikkundannata darbtejn għall-istess ksur huwa elenkat kemm fl-Artikolu 54 tal-KFS kif ukoll fl-Artikolu 50 tal-Karta, l-Artikolu 54 tal-KFS għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan l-artikolu tal-aħħar.

32

Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem elenkat fl-Artikolu 54 tal-KFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur li ttemm il-proċeduri kriminali u li tagħlaq, b’mod definittiv, suġġett għall-ftuħ mill-ġdid jew għall-annullament tagħha, il-proċedura ta’ investigazzjoni mmexxija kontra persuna, mingħajr ma kienu imposti pieni, tista’ tiġi kklassifikata bħala sentenza definittiva, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, meta l-imsemmija proċedura tkun ingħalqet mingħajr ma tkun saret investigazzjoni fid-dettall.

33

Bħalma jirriżulta mill-kliem innifsu tal-Artikolu 54 tal-KFS, ebda persuna ma tista’ tiġi mixlija fi Stat kontraenti għall-istess fatti bħal dawk li fir-rigward tagħhom il-każ tagħha jkun diġà “inqata’ b’mod finali” fi Stat kontraenti ieħor.

34

Sabiex persuna tkun tista’ titqies li “l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali” għall-fatti li hija akkużata bihom, fis-sens ta’ dan l-artikolu, fl-ewwel lok, l-azzjoni pubblika għandha tkun intemmet b’mod definittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M, C‑398/12, EU:C:2014:1057, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

L-evalwazzjoni ta’ din l-ewwel kundizzjoni għandha ssir abbażi tad-dritt tal-Istat kontraenti li jkun ta d-deċiżjoni kriminali inkwistjoni. Fil-fatt, deċiżjoni li, skont id-dritt tal-Istat kontraenti li jkun nieda proċeduri kriminali kontra persuna, ma ttemmx l-azzjoni pubblika b’mod definittiv fuq il-livell nazzjonali ma jistax ikollha, bħala prinċipju, l-effett li tikkostitwixxi ostakolu proċedurali għas-sitwazzjoni li proċeduri kriminali jkunu eventwalment mibdija jew kompluti, għall-istess fatti, kontra din il-persuna fi Stat kontraenti ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Turanský, C‑491/07, EU:C:2008:768, punt 36, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M, C‑398/12, EU:C:2014:1057, punti 3236).

36

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, fid-dritt Pollakk, id-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg li ttemm il-proċeduri kriminali ġabet fi tmiemha definittivament l-azzjoni pubblika fil-Polonja.

37

Barra minn hekk, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li la l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 327(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni ġudizzjarja meta jidhru fatti jew provi essenzjali li ma kinux magħrufa matul il-proċedura preċedenti, u lanqas il-possibbiltà għall-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali li jannulla, abbażi tal-Artikolu 328 ta’ dan il-kodiċi, deċiżjoni definittiva li tagħlaq il-proċedura meta huwa jikkonstata li l-għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni ma kienx fondat, ma jimminaw, fid-dritt Pollakk, in-natura definittiva tal-estinzjoni tal-azzjoni pubblika.

38

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li, minn naħa, id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ttieħdet mill-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg bħala l-uffiċċju tal-prosekutur u, min-naħa l-oħra, ma ġietx eżegwita piena, dawn ma humiex determinanti sabiex jiġi evalwat jekk din id-deċiżjoni ttemmx definittivament l-azzjoni pubblika.

39

Fil-fatt, l-Artikolu 54 tal-KFS huwa applikabbli wkoll għal deċiżjonijiet ta’ awtorita’ inkarigata sabiex tamministra l-ġustizzja kriminali fis-sistema ġuridika nazzjonali kkonċernata, bħall-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg, li jtemmu definittivament proċedimenti kriminali fi Stat Membru, għalkemm tali deċiżjonijiet ikunu adottati mingħajr l-intervent ta’ qorti u ma jiħdux il-forma ta’ sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge, C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, punti 2838).

40

F’dak li jirrigwarda l-assenza ta’ piena, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 54 tal-KFS ma jipprevedix il-kundizzjoni li l-piena tkun ġiet infurzata jew tkun fil-proċess li tiġi infurzata, jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iktar skont il-liġijiet tal-Istat kontraenti ta’ oriġini ħlief fil-każ ta’ kundanna.

41

Il-fatt li tissemma piena ma jistax, għalhekk, jiġi interpretat li jissuġġetta l-applikabbiltà tal-Artikolu 54 tal-KFS, f’każ mhux ta’ kundanna, għal kundizzjoni addizzjonali.

42

Sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix deċiżjoni li taqta’ l-każ ta’ persuna b’mod finali, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, għandu, fit-tieni lok, jiġi żgurat li din id-deċiżjoni tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2005, Miraglia, C‑469/03, EU:C:2005:156, punt 30, u tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M, C‑398/12, EU:C:2014:1057, punt 28).

43

Għal dan il-għan, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li l-Artikolu 54 tal-KFS jifforma parti minnha, kif ukoll tal-kuntest tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Welmory, C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem elenkat f’dan l-artikolu huwa intiż, minn naħa, li jevita, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali tkun, minħabba l-fatt li hija teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment liberu, akkużata għall-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali permezz tal-osservanza ta’ deċiżjonijiet ta’ korpi pubbliċi li saru definittivi fl-assenza ta’ armonizzazzjoni jew ta’ approssimazzjoni ta’ liġijiet kriminali tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et, C‑467/04, EU:C:2006:610, punt 27; tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Turanský, C‑491/07, EU:C:2008:768, punt 41, kif ukoll tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 77).

45

Madankollu, min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 54 tal-KFS għandu l-għan li jiggarantixxi li persuna, li tkun ġiet ikkundannata u tkun skontat il-piena tagħha, jew, jekk ikun il-każ, li tkun ġiet illiberata b’mod finali fi Stat kontraenti, tkun tista’ tiċċaqlaq ġewwa ż-żona Schengen mingħajr biża’ li jitressqu proċeduri kriminali kontriha, fir-rigward tal-istess fatti, fi Stat kontraenti ieħor, huwa ma għandux l-għan li jipproteġi persuna ssuspettata kontra l-eventwalità li tiġi mfittxija suċċessivament, fir-rigward tal-istess fatti, f’diversi Stati kontraenti (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Turanský, C‑491/07, EU:C:2008:768, punt 44).

46

Fil-fatt, f’dan ir-rigward l-Artikolu 54 tal-KFS għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun żgurat, flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.

47

Għalhekk, l-interpretazzjoni tan-natura definittiva, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, ta’ deċiżjoni kriminali ta’ Stat Membru, għandha ssir fid-dawl mhux biss tal-ħtieġa li jiġi ggarantit il-moviment liberu tal-persuni iżda wkoll dik li tiġi promossa l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha, fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, deċiżjoni li ttemm proċeduri kriminali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġiet adottata minkejja li l-uffiċċju tal-prosekutur ma kompliex l-azzjoni pubblika għar-raġuni biss li l-imputat kien irrifjuta li jagħti xhieda u li l-vittma u xhud ta’ hearsay kienu jirrisjedu fil-Ġermanja, u għalhekk ma setgħux jinstemgħu matul il-proċedura ta’ investigazzjoni u li l-indizji tal-vittma għalhekk ma setgħux jiġu vverifikati, mingħajr ma saret ebda investigazzjoni iktar fil-fond sabiex jinġabru u jiġu eżaminati xi provi, ma tikkostitwixxix deċiżjoni li ngħatat wara evalwazzjoni fil-mertu.

49

Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS għal tali deċiżjoni jkollha l-effett li tagħmel iktar diffiċli, jew anki tostakola, kull possibbiltà konkreta li jiġi ssanzjonat fl-Istati Membri kkonċernati l-aġir illegali li l-imputat ikun akkużat bih. Minn naħa, l-imsemmija deċiżjoni ta’ għeluq ġiet adottata mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru fl-assenza ta’ kull evalwazzjoni fid-dettall tal-aġir illegali li l-imputat ikun akkużat bih. Min-naħa l-oħra, il-ftuħ ta’ proċedura kriminali fi Stat Membru ieħor għall-istess fatti jkun kompromess. Tali konsegwenza tmur manifestement kontra l-għan stess tal-Artikolu 3(2) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, Miraglia, C‑469/03, EU:C:2005:156, punti 3334).

50

Fl-aħħar, bħalma diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 54 tal-KFS jimplika neċessarjament li teżisti fiduċja reċiproka bejn l-Istati kontraenti fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġustizzja kriminali u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati kontraenti l-oħrajn, anki meta l-implementazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu tkun twassal għal soluzzjoni differenti (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Bourquain, C‑297/07, EU:C:2008:708, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Din il-fiduċja reċiproka teħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati tat-tieni Stat kontraenti jaċċettaw deċiżjoni definittiva li ngħatat fit-territorju tal-ewwel Stat kontraenti, bħal dik li ġiet ikkomunikata lil dawn l-awtoritajiet.

52

Madankollu, din is-sistema ta’ fiduċja reċiproka tista’ taħdem biss jekk it-tieni Stat kontraenti jkun jista’ jiżgura, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-ewwel Stat kontraenti, li d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat fil-fatt tikkostitwixxi deċiżjoni definittiva li tinkludi evalwazzjoni fil-mertu tal-każ.

53

Għalhekk, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 74 sa 78 u 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, deċiżjoni mill-uffiċċju tal-prosekutur li ttemm il-proċeduri kriminali u li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax titqies li ngħatat wara evalwazzjoni fil-mertu tal-każ u, għalhekk, ma tistax tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni definittiva, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, meta mill-motivazzjoni stess ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li hemm nuqqas ta’ investigazzjoni fid-dettall, li mingħajrha tista’ tiġi mminata l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, in-nuqqas li jinstemgħu l-vittma u xhud eventwali jikkostitwixxi indizju li ma kienx hemm investigazzjoni fid-dettall fil-kawża prinċipali.

54

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ ne bis in idem elenkat fl-Artikolu 54 tal-KFS, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur li ttemm proċeduri kriminali u li tagħlaq, b’mod definittiv suġġett għall-ftuħ mill-ġdid jew għall-annullament tagħha, il-proċedura ta’ investigazzjoni mmexxija kontra persuna, mingħajr ma kienu imposti pieni, ma tistax tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni definittiva, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, meta mill-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-imsemmija proċedura tkun ingħalqet mingħajr ma tkun saret investigazzjoni fid-dettall, bin-nuqqas li jinstemgħu l-vittma u xhud eventwali jikkostitwixxi indizju tal-assenza ta’ tali investigazzjoni.

Fuq l-ewwel domanda

55

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem elenkat fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur li ttemm proċeduri kriminali u li tagħlaq, b’mod definittiv suġġett għall-ftuħ mill-ġdid jew għall-annullament tagħha, il-proċedura ta’ investigazzjoni mmexxija kontra persuna, mingħajr ma kienu imposti pieni, ma tistax tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni definittiva, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, meta mill-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-imsemmija proċedura tkun ingħalqet mingħajr ma tkun saret investigazzjoni fid-dettall, bin-nuqqas li jinstemgħu l-vittma u xhud eventwali jikkostitwixxi indizju tal-assenza ta’ tali investigazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top