Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0525

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2016.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Metalli prezzjużi mbollati f’pajjiż terz b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Olandiża – Importazzjoni fir-Repubblika Ċeka wara rilaxx għal ċirkulazzjoni libera – Rifjut ta’ rikonoxximent ta’ boll – Protezzjoni tal-konsumaturi – Proporzjonalità – Ammissibbiltà.
    Kawża C-525/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:321

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SANCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2016 ( 1 )

    Kawża C‑525/14

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika Ċeka

    [rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Repubblika Ċeka]

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 34 TFUE — Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Metalli prezzjużi mbollati f’pajjiż terz b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Olandiża — Importazzjoni fir-Repubblika Ċeka wara rilaxx għal ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru li jista’ jkun differenti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi — Rifjut ta’ rikonoxximent ta’ boll ta’ garanzija — Protezzjoni tal-konsumaturi — Ammissibbiltà”

    1. 

    Ir-Repubblika Ċeka tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li hija akkużata bih mill-Kummissjoni u tafferma li l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE ma jipprekludux il-prattika amministrattiva tal-laboratorju nazzjonali tagħha tal-assaġġi, peress li l-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland huma mbollati kemm fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fi stabbilimenti li jinsabu f’pajjiżi terzi (iċ-Ċina u t-Tajlandja).

    2. 

    Il-Qorti tal-Ġustizzja sa issa pprovdiet ġurisprudenza, stabbilita sew, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-bolol nazzjonali tal-Istati Membri. In-novità ta’ dan ir-rikors tinsab fil-fatt li għandu jiġi deċiż jekk din il-ġurisprudenza tapplikax ukoll għall-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi li ġejjin minn pajjiżi terzi u li huma importati u mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġi inkorporat il-boll ta’ garanzija tal-laboratorju Olandiż WaarborgHolland, imbollat f’dawk il-pajjiżi terzi.

    3. 

    Ċertament ir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera jinvolvi l-assimilazzjoni tal-prodotti li jkunu ġejjin minn barra l-Unjoni mal-merkanzija intra-Komunitarja. Din l-assimilazzjoni, madankollu, tista’ ma tkunx biżżejjed sabiex jintlaħaq ir-rikonoxximent reċiproku: il-kummerċjalizzazzjoni minn qabel tal-prodott fi Stat Membru, skont ir-regoli nazzjonali tiegħu, hija kundizzjoni sabiex Stat Membru ieħor (l-Istat destinatarju) jaċċetta l-ekwivalenza u ma jimponix l-applikazzjoni tar-regoli tiegħu stess. Id-definizzjoni ta’ sa fejn u f’liema ċirkustanzi hija meħtieġa din il-kundizzjoni, f’dan il-każ, għandha tiġi kkjarifikata.

    I – L-iżvilupp tal-proċedura ta ’ nuqqas ta ’ twettiq ta ’ obbligu

    4.

    Fit-30 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet talba lir-Repubblika Ċeka sabiex tipprovdi spjegazzjonijiet dwar ir-rifjut tagħha li tirrikonoxxi l-bolol ta’ garanzija Olandiżi, b’mod partikolari, dawk tal-laboratorju WaarborgHolland.

    5.

    Fir-risposta tagħha tat-30 ta’ Novembru 2011, ir-Repubblika Ċeka ammettiet li ma kinitx qed tirrikonoxxi dawn il-bolol ta’ garanzija Olandiżi, li fil-fehma tagħha kien joħloq problema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u mhux ta’ moviment liberu tal-merkanzija. Il-Gvern Ċek iġġustifika r-rifjut minħabba l-impossibbiltà li ssir distinzjoni bejn il-prodotti mbollati b’bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland fil-Pajjiżi l-Baxxi u dawk imbollati f’pajjiżi terzi u wara importati fl-Unjoni.

    6.

    Il-Kummissjoni ma kinitx konvinta mill-ispjegazzjonijiet tal-awtoritajiet Ċeki, u għalhekk bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Ċeka fit-30 ta’ Mejju 2013, li fiha hija nnotat li d-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija huma applikabbli għal oġġetti mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni u, għaldaqstant, għal dawk tal-pajjiżi terzi importati fi Stat Membru, b’mod konformi mal-Artikolu 29 TFUE. Il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ċeka biex tikkonforma l-imġiba tagħha mal-Artikolu 34 TFUE fi żmien xahrejn.

    7.

    Fir-risposta tagħha, tat-23 ta’ Lulju 2013, ir-Repubblika Ċeka żammet il-pożizzjoni tagħha u insistiet li r-rifjut tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi li kellhom il-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland kien iġġustifikat mill-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu protetti.

    8.

    Fid-dawl tal-attitudni tar-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fl-20 ta’ Novembru 2014, filwaqt li ddefendiet l-argumenti mressqa matul il-proċedura preċedenti. Fir-risposta tagħha bil-miktub, ir-Repubblika Ċeka żammet il-pożizzjoni li sostniet quddiem il-Kummissjoni.

    9.

    Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2015, Franza talbet lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jippermettilha tintervjeni fir-rikors, sabiex issostni l-argument tar-Repubblika Ċeka. Fid-9 ta’ April 2015, ir-reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja informatha li t-talba tagħha ġiet aċċettata, skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura u fis-26 ta’ Mejju 2015 ippreżentat l-intervent tagħha.

    10.

    Kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika Ċeka komplew iżommu l-pożizzjonijiet opposti tagħhom fir-replika u fil-kontroreplika, kif ukoll matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li saret fis-17 ta’ Frar 2016.

    II – Ammissibbiltà tat-talba

    11.

    Fil-fehma tar-Repubblika Ċeka, ir-rikors huwa parzjalment inammissibbli, peress li l-Kummissjoni akkużatha b’nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod impreċiż u ambigwu, b’riferiment għall-fatt li ma rrikonoxxietx “ċerti bolol ta’ garanzija Olandiżi” u, “b’mod partikolari l-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland”, filwaqt li fil-fażi prekontenzjuża u fl-att promotur tagħha, kien hemm riferiment biss għall-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, mingħajr ma ssemmew bolol oħrajn. Ir-rikors, għalhekk, għandu jkun limitat għal din l-aħħar azzjoni tal-awtoritajiet Ċeki.

    12.

    Il-Kummissjoni topponi l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali, u ssostni li ma estendietx is-suġġett tar-rikors, peress li matul il-proċedura prekontenzjuża (speċjalment, fl-opinjoni motivata) akkużat lir-Repubblika Ċeka bi ksur tal-Artikolu 34 TFUE minħabba li ma rrikonoxxietx “ċerti bolol ta’ garanzija Olandiżi”.

    13.

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tat-tilwima u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati, u din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu dedotti, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test innifsu tar-rikors promotur u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod inekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment.

    14.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu l-Kummissjoni għandha tesponi l-ilmenti b’mod konsistenti u preċiż, sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jieħdu idea ċara tal-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni. Dan ir-rekwiżit jippermetti li l-Istat ikun jista’ jinvoka b’mod effettiv il-motivi tad-difiża tiegħu u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas allegat ( 2 ).

    15.

    Fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, nemmen li l-argument tar-Repubblika Ċeka huwa fondat u r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli. Id-delimitazzjoni tas-suġġett ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma hijiex eżatta meta titkellem dwar ir-rifjut Ċek li jiġu rrikonoxxuti “ċerti bolol ta’ garanzija Olandiżi” u l-Kummissjoni tispeċifika – u żżid informazzjoni – biss dwar l-oġġetti mbollati mil-laboratorju WaarborgHolland, bis-sede tiegħu f’Gouda, l-uniku wieħed li rriloka l-attività tiegħu f’pajjiżi terzi (speċifikament, fiċ-Ċina u t-Tajlandja).

    16.

    Il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda indikazzjoni li l-awtoritajiet Ċeki jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-boll ta’ garanzija mbollat mil-laboratorju Olandiż l-ieħor (Edelmetaal Waarborg Nederland B.V., bis-sede tiegħu f’Joure). Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka ssostni, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, li teħtieġ biss l-imbollar tal-boll ta’ garanzija Ċek fl-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi mbollati bil-boll ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland.

    17.

    Għalkemm hemm ċerta konsistenza bejn l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-fażi prekontenzjuża u f’dik ġurisdizzjonali, inqis li kien hemm nuqqas ta’ preċiżjoni fl-akkużi tal-Kummissjoni fil-konfront tar-Repubblika Ċeka rigward ir-rifjut tagħha li tirrikonoxxi bolol ta’ garanzija Olandiżi differenti minn dawk ta’ WaarborgHolland. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli, fir-rigward ta’ dawn il-bolol ta’ garanzija, u jiġi ammess fir-rigward tar-rifjut mill-awtoritajiet Ċeki tal-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi mbollati bil-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland.

    III – Analiżi tal-mertu tal-każ

    18.

    Qabel ma jiġi analizzat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih il-Kummissjoni akkużat lir-Repubblika Ċeka, huwa xieraq li jiġu esposti xi aspetti tal-kuntest ġuridiku, fl-Unjoni Ewropea kif ukoll internazzjonalment, tal-kummerċ ta’ oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi.

    A – Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-kummerċ ta ’ oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi

    19.

    Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn l-oġġetti hija waħda mill-oqsma li fihom l-ostakoli tekniċi (iġġenerati mill-eżistenza ta’ regoli differenti fl-Istati Membri tal-Unjoni) ma setgħux jiġu eliminati permezz tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet. Minħabba l-falliment tal-proposti suċċessivi tal-Kummissjoni ( 3 ), it-teknika ġuridika tar-rikonoxximent reċiproku ġiet applikata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u promossa mill-Kummissjoni stess, bħala alternattiva għall-assenza ta’ armonizzazzjoni ( 4 ).

    20.

    Ir-raġuni għaliex għad ma hemmx suq intern reali, b’moviment liberu, ta’ oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi hija li bosta Stati Membri għandhom laboratorji nazzjonali ta’ bolol ta’ garanzija li jużaw marki u bolol ta’ garanzija differenti sabiex jiggarantixxu l-oriġini u l-livell ta’ purità tagħhom ( 5 ). L-għan ta’ dawn il-bolol ta’ garanzija huwa li jipproteġu lill-konsumaturi, jimpedixxu l-frodi u jiggranatixxu l-kummerċ ġust.

    21.

    L-isfond tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rigward l-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi jvarja ħafna. Hemm ħmistax-il pajjiż (fosthom ir-Repubblika Ċeka u l-Pajjiżi l-Baxxi) li introduċew sistema obbligatorja ta’ mbollar, permezz tal-laboratorju uffiċjali tagħhom tal-assaġġi, sabiex jindikaw li l-oġġett ikun ġie ttestjat b’suċċess. Seba’ Stati Membri għandhom sistema ta’ mbollar volontarja u ħamsa oħra ma għandhom l-ebda sistema.

    22.

    Ħafna mill-ostakoli tekniċi għall-kummerċ ta’ dawn l-oġġetti ġejjin mill-eżistenza ta’ proċedura ta’ kontroll tal-prodott minn laboratorju uffiċjali tal-assaġġi (“assay office”) qabel jiġi introdott fis-suq domestiku, kif ukoll ir-rekwiżit ta’ mbollar obbligatorju ( 6 ), imsejjaħ boll ta’ garanzija, li permezz tiegħu l-manifattur juri n-natura tal-metall u l-livell ta’ purità tiegħu. L-iktar bolol ta’ garanzija komuni huma:

    Il-boll ta’ garanzija tal-laboratorju uffiċjali ta’ kontroverifika (iktar ’il quddiem, il-“boll ta’ garanzija”), li juri li l-oġġett ġie ttestjat b’suċċess u, b’mod ġenerali, jispeċifika wkoll in-natura tal-metall u l-livell ta’ purità tiegħu.

    Il-boll ta’ garanzija ta’ identifikazzjoni (ta’ oriġini) tal-manifattur jew tal-importatur, li normalment jiġi rreġistrat fil-pajjiż fejn jiġi kkontrollat l-oġġett magħmul minn metalli prezzjużi.

    Il-boll ta’ garanzija tal-livell ta’ purità (jew boll ta’ garanzija tal-metall) ( 7 ), li jindika n-natura tal-metall prezzjuż u l-livell ta’ purità tiegħu, espress f’karat jew milleżmi.

    Il-boll ta’ garanzija ta’ kontroll komuni, stabbilit mill-Konvenzjoni dwar il-kontroll u l-boll ta’ garanzija tal-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi, iffirmata fi Vjenna fil-15 ta’ Novembru 1972 ( 8 ).

    23.

    Minħabba l-ostakoli tekniċi li jinħolqu mid-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali dwar il-bolol ta’ garanzija tal-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat f’dan il-qasam il-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE. Dan għamlitu, b’mod partikolari, b’riferiment għall-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija ekwivalenti.

    24.

    Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kien ċar fis-sentenzi Robertson et, Houtwiper, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda u Juvelta ( 9 ), għal każijiet ta’ kummerċ intra-Komunitarju ta’ tali oġġetti. Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu miżuri b’effett ekwivalenti għall-importazzjoni (li għalhekk, imorru kontra l-Artikolu 34 TFUE), jekk jimponu l-obbligu li jinkiseb boll ta’ garanzija ġdid fl-Istat destinatarju fuq il-prodotti importati minn Stati Membri oħra, fejn ingħataw boll ta’ garanzija u ġew ikkummerċjalizzati b’mod legali, peress li din il-kundizzjoni tagħmel l-importazzjonijiet intra-Komunitarji ta’ dawn l-oġġetti iktar diffiċli u għoljin.

    25.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, aċċettat li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni mwettqa mill-Unjoni, ir-rekwiżit tal-imbollar tal-boll ta’ garanzija nazzjonali u n-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-boll ta’ garanzija tal-Istat ta’ oriġini jistgħu jiġu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ kummerċ ġust, żviluppati mis-sentenza Cassis de Dijon ( 10 ). Il-boll ta’ garanzija jiżgura li l-konsumatur ma jiġix żgwidat, minħabba li l-livell eżatt tal-purità ta’ oġġett magħmul minn metalli prezzjużi ( 11 ) ma jistax jidher bl-għajnejn, jew jinħass bl-idejn jew mill-piż. Kif jgħid il-qawl antik, “mhux kull ma jleqq hu deheb”.

    26.

    Madankollu, ir-rekwiżit tal-boll ta’ garanzija tal-Istat destinatarju ma jkunx applikabbli jekk l-oġġett importat minn Stat Membru ieħor ikun ġie mbollat b’boll ta’ garanzija li jkun fih informazzjoni, tkun xi tkun l-għamla tiegħu, ekwivalenti għal dik preskritta fl-Istat Membru tal-importazzjoni u li tinftiehem mill-konsumaturi tal-Istat destinatarju ( 12 ). Għaldaqstant, wieħed jippreżupponi applikazzjoni speċifika tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liġijiet kummerċjali nazzjonali ekwivalenti, li l-Qorti tal-Ġustizzja spiss użat, bħala alternattiva għall-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet, sabiex jitneħħew l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ intra-Komunitarju.

    27.

    Fir-rigward tal-kummerċ (ta’ oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi) tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi, ir-regoli applikabbli huma rari ħafna u l-eżistenza ta’ ostakoli tekniċi hija saħansitra ikbar minn dik fis-suq intra-Komunitarju, minħabba d-diversità kbira tas-sistemi legali nazzjonali. Loġikament, dan il-kummerċ huwa suġġett għall-applikazzjoni tar-regoli ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u, b’mod partikolari, il-GATT u l-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ ( 13 ). Fi ħdan il-qafas tal-politika kummerċjali komuni, l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim u lanqas ma inkorporat dispożizzjonijiet dwar in-negozju ta’ partijiet magħmulin minn metalli prezzjużi fit-trattati tagħha ma’ pajjiżi terzi.

    28.

    Sar tentattiv sabiex jitneħħew l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ internazzjonali ta’ dawn il-partijiet permezz tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll u l-boll ta’ garanzija tal-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi, iffirmata fi Vjenna fil-15 ta’ Novembru 1972, li daħlet fis-seħħ fl-1975 u li jifformaw parti minnha sittax-il Stat Membru tal-Unjoni, flimkien mal-Isvizzera, in-Norveġja u l-Iżrael (iktar ’il quddiem “il-Ftehim ta’ Vjenna”) ( 14 ). Għar-Repubblika Ċeka, din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ mill-1994 u għall-Pajjiżi l-Baxxi mill-1999.

    29.

    Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna twettaq armonizzazzjoni minima tar-regoli applikabbli għall-bolol ta’ garanzija, sabiex tiffavorixxi r-rikonoxximent reċiproku tagħhom bejn il-pajjiżi li huma partijiet fiha. Il-laboratorji nazzjonali tal-assaġġi maħtura skont il-Konvenzjoni jistgħu jimbollaw il-boll ta’ garanzija komuni għal oġġetti magħmulin minn deheb, fidda u platinu, wara verifika tal-purità tagħhom skont metodi ta’ ttestjar approvati. Kull Stat kontraenti jippermetti li l-prodotti mbollati bil-boll ta’ garanzija ta’ kontroll komuni ( 15 ) jiġu importati fit-territorju tagħhom mingħajr ma ssir ebda verifika oħra jew imbollar ta’ boll ta’ garanzija addizzjonali. L-imbollar tal-boll ta’ garanzija komuni jsir fuq bażi volontarja u esportatur għandu l-għażla li jitlob dan fil-laboratorju nazzjonali ta’ verifika tiegħu jew li jibgħat il-merkanzija mingħajru fil-pajjiż importatur, sabiex dan jimbollah jekk jinstab li jissodisfa r-regoli tiegħu u dawk tal-Konvenzjoni. L-oġġetti li jġorru l-boll ta’ garanzija komuni u t-tlieta l-oħra previsti fil-Konvenzjoni huma aċċettati mill-Istati partijiet mingħajr ma jkun meħtieġ l-ebda ttestjar ieħor jew imbollar ta’ boll ta’ garanzija addizzjonali.

    30.

    Ir-riluttanza ta’ xi Stati Ewropej (b’mod partikolari dawk b’laboratorji uffiċjali tal-assaġġi bi stabbiliment, tradizzjoni u esperjenza wiesgħa) li jissieħbu fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna wasslet għall-konklużjoni ta’ trattati bilaterali ta’ rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija ma’ pajjiżi terzi attivi ħafna fil-kummerċ internazzjonali ta’ dawn l-oġġetti ( 16 ).

    B – Nuqqas ta ’ twettiq ta ’ obbligu mir-Repubblika Ċeka allegat mill-Kummissjoni

    1. Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija

    31.

    Il-Kummissjoni tqis li l-prattika tar-Repubblika Ċeka, li tirrikjedi l-imbollar tal-boll ta’ garanzija Ċek għall-oġġetti mmanifatturati b’metalli prezzjużi li jkollhom il-boll ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland, hija miżura b’effett ekwivalenti għall-importazzjoni, ipprojbita mill-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE.

    32.

    Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rikonoxximent tal-bolol ta’ garanzija hija applikabbli b’mod sħiħ għall-azzjoni tar-Repubblika Ċeka, minħabba li l-libertà ta’ moviment tapplika kemm għal merkanzija li ġejja minn Stat Membru, kif ukoll għal merkanzija minn pajjiżi terzi li tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni libera, b’mod konformi mal-Artikolu 29 TFUE. Ir-Repubblika Ċeka ma tistax tirrikonoxxi l-bolol ta’ garanzija ta’ xi Stati Membri tal-Unjoni u tittratta l-oġġetti li jkollhom il-boll ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland b’mod differenti, minħabba l-fatt li dan il-laboratorju, fiżikament, jimbolla l-boll ta’ garanzija tiegħu f’pajjiżi terzi, wara li rriloka xi attivitajiet tiegħu barra l-Pajjiżi l-Baxxi u l-Unjoni.

    33.

    Ir-Repubblika Ċeka tirrispondi li l-azzjoni tagħha hija kompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE, peress li r-rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija jgħodd biss għall-merkanzija intra-Komunitarja u l-prodotti ta’ pajjiżi terzi mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni, biss jekk ikunu ġew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. L-oġġetti mbollati bil-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland f’pajjiżi terzi, imqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni u mhux ikkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru tal-Unjoni, għalhekk, ma jibbenefikawx minn rikonoxximent reċiproku, għalkemm l-attività tat-tqegħid ta’ boll ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland barra mill-Unjoni titwettaq skont il-leġiżlazzjoni Olandiża.

    34.

    Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi ċċarat, l-ewwel nett, li l-prattika amministrattiva tal-laboratorju tal-assaġġi Ċek hija attribwibbli lir-Repubblika Ċeka, u għalhekk tista’ tiġi deskritta bħala miżura ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ).

    35.

    It-tieni nett, ma naqbilx mal-argument tar-Repubblika Ċeka (imressaq fil-fażi prekontenzjuża tal-proċedura) li l-aġir tagħha għandu jiġi analizzat fid-dawl tar-regoli u tal-ġurisprudenza dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Kif irrilevat il-Kummissjoni, ir-restrizzjonijiet imposti mir-Repubblika Ċeka jaffettwaw direttament il-kummerċ tal-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi u mhux il-provvista tas-servizzi ta’ mbollar tal-bolol ta’ garanzija. Il-boll ta’ garanzija jiġi mbollat fuq il-merkanzija, li hija parti minnu, u konsegwentement il-prattika Ċeka għandha impatt fuq il-moviment liberu tal-merkanzija u mhux fuq dak tas-servizzi. Din hija prattika amministrattiva ta’ Stat Membru, applikabbli mingħajr distinzjoni, li taffettwa l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tip ta’ merkanzija.

    36.

    It-tielet nett, inqis li l-prattika amministrattiva Ċeka tinkludi, mingħajr diffikultà, fid-definizzjoni ta’ miżura b’effett ekwivalenti, restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, adottata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE. Kull regola kummerċjali tal-Istati Membri li, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, tista’ tfixkel il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għandha tiġi kklassifikata bħala tali ( 18 ).

    37.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti, ipprojbiti mill-Artikolu 34 TFUE, l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet, jirriżultaw mill-applikazzjoni għal merkanzija li tkun ġejja minn Stati Membri oħra, fejn huma mmanifatturati u kkummerċjalizzati skont il-liġi, tar-regoli dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti minn tali merkanzija, anki jekk dawn ir-regoli japplikaw mingħajr distinzjoni għall-prodotti kollha, sakemm din l-applikazzjoni ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali li jista’ jipprevali fuq ir-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija ( 19 ).

    38.

    Ir-rekwiżit tal-imbollar tal-boll ta’ garanzija Ċek fuq l-oġġetti mbollati bil-boll ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland jagħmel il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fit-territorju Ċek diffiċli, peress li l-imbollar ikun jeħtieġ boll ta’ garanzija doppju; barra minn hekk, jeħtieġ ukoll il-ħlas ta’ korrispettiv lil-laboratorju uffiċjali tal-assaġġi tal-Istat destinatarju u jdewwem it-tqegħid fis-suq, b’konsegwenza ta’ żieda fl-ispejjeż ( 20 ).

    39.

    Fil-prinċipju, u bil-kjarifika li se nippreżenta iktar tard, il-projbizzjoni tal-Artikolu 34 TFUE taffettwa kemm il-merkanzija tal-kummerċ intra-Komunitarju kif ukoll dik li ġejja minn pajjiżi terzi li jinsabu fiċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Unjoni, il-prodotti fiċ-ċirkulazzjoni libera huma assimilati definittivament u kompletament mal-prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri ( 21 ).

    40.

    Għalhekk, il-miżura Ċeka tikser l-Artikolu 34 TFUE jekk tiġi imposta fuq oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi, prodotti u kkummerċjalizzati fil-Pajjiżi l-Baxxi bil-boll ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland. Hija tikser dan ukoll meta tapplika għal din il-klassi ta’ oġġetti li jkunu prodotti f’pajjiżi terzi, ikunu mbollati f’wieħed minnhom bil-boll ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland u jiġu importati u rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, qabel l-importazzjoni tagħhom lejn ir-Repubblika Ċeka.

    2. Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

    41.

    Ir-Repubblika Ċeka, sostnuta minn Franza, tipprova tiġġustifika l-prattika amministrattiva tagħha billi tinvoka r-rekwiżit imperattiv li tipproteġi lill-konsumaturi. Hija tqis, barra minn hekk, li tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba li ma hemm l-ebda mod sabiex issir distinzjoni bejn l-oġġetti mbollati minn WaarborgHolland fit-territorju Olandiż u dawk li dan il-laboratorju jimbolla bil-boll ta’ garanzija tiegħu f’pajjiżi terzi. Kif iddikjarat fir-risposta tagħha, it-tentattivi tagħha sabiex tistabbilixxi, permezz ta’ diskussjonijiet ma’ WaarborgHolland, linji gwida siguri sabiex issir distinzjoni bejniethom kienu mingħajr suċċess.

    42.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, kif diġà ddikjarat, li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni min-naħa tal-Unjoni, l-imbollar tal-boll ta’ garanzija nazzjonali u n-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-boll ta’ garanzija tal-Istat ta’ oriġini jistgħu jiġu ġġustifikati mir-rekwiżiti imperattiv tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-kummerċ ġust. Ir-Repubblika Ċeka tista’, skont dan il-kriterju, tinvoka l-protezzjoni tal-konsumaturi sabiex tagħti raġuni legali għall-prattika li tirrikjedi l-boll Ċek u tirrifjuta l-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland.

    43.

    Issa, din il-prattika amministrattiva Ċeka tkun koperta biss mill-protezzjoni tal-konsumatur jekk, b’mod kumulattiv: a) il-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland ma joffrux protezzjoni ekwivalenti għall-bolol ta’ garanzija Ċeki u b) jekk dik il-prattika tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    a) Ekwivalenza u rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija Ċeki u Olandiżi

    44.

    Skont il-Kummissjoni, il-boll ta’ garanzija Ċek u dak Olandiż jagħtu protezzjoni simili lill-konsumaturi, u għalhekk ir-Repubblika Ċeka għandha taċċetta r-rikonoxximent reċiproku, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 22 ). L-awtoritajiet Ċeki ma jikkontestawx, fil-fatt, din id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni u jaċċettaw l-ekwivalenza bejn il-boll ta’ garanzija tagħhom u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, iżda biss għal oġġetti mbollati minn WaarborgHolland fit-territorju Olandiż u mhux għal dawk imbollati minn WaarborgHolland f’pajjiżi terzi u li mbagħad jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni u importati fir-Repubblika Ċeka.

    45.

    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija Ċeki u Olandiżi ma jistax jiġi eskluż minħabba li WaarborgHolland irrilokat parti mill-attivitajiet tagħha lejn pajjiżi terzi, peress li l-awtoritajiet Olandiżi jkomplu jikkontrollawha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. F’dan ir-rigward, l-oġġetti mbollati minn WaarborgHolland fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u dawk imbollati minn dan il-laboratorju f’pajjiżi terzi huma ekwivalenti, ladarba jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni libera fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni.

    46.

    Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Ċeka, sostnuta minn Franza, tqis li r-rikonoxximent reċiproku huwa possibbli biss għall-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi meta l-bolol ta’ garanzija jkunu ġew imbollati fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni; mhux fil-każ ta’ oġġetti prezzjużi mbollati f’pajjiżi terzi, anki jekk dan l-imbollar ikun sar minn laboratorju tal-assaġġi ta’ Stat Membru u, preżumibbilment, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat. Dawn l-oġġetti huma merkanzija ta’ pajjiżi terzi u l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ma japplikax għalihom, għalkemm ikunu tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni libera fi Stat tal-Unjoni, ħlief jekk jiġu kkummerċjalizzati f’dak l-Istat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

    47.

    Is-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni, fil-fehma tiegħi, teħtieġ li jiġi applikat il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija skont id-diversi ċirkustanzi fattwali. L-ewwel nett, inqis li l-prinċipju huwa applikabbli b’mod sħiħ fil-każ ta’ oġġetti mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi u mbagħad esportati lejn ir-Repubblika Ċeka. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ bolol ta’ garanzija ekwivalenti għandha, b’mod ċar, tiġi applikata f’dawn iċ-ċirkustanzi.

    48.

    It-tieni nett, il-prinċipju japplika wkoll għall-oġġetti li, magħmulin minn metall prezzjuż f’pajjiżi terzi u mbollati minn WaarborgHolland bil-boll ta’ garanzija Olandiż fl-uffiċċji tagħha fiċ-Ċina jew fit-Tajlandja, sussegwentment, ġew importati u mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni, ikkummerċjalizzati legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi u, wara dan, esportati lejn ir-Repubblika Ċeka. F’din is-sitwazzjoni, għal darba oħra għandu jkun hemm ir-rikonoxximent reċiproku bejn il-bolol ta’ garanzija Ċeki u Olandiżi, peress li l-awtoritajiet Olandiżi jkunu wettqu l-verifika tal-kompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tal-oġġetti importati minn pajjiżi terzi mal-bolol ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland.

    49.

    It-tielet nett insibu l-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi f’pajjiżi terzi, imbollati minn WaarborgHolland b’boll ta’ garanzija Olandiż fl-uffiċċji tagħha fiċ-Ċina jew fit-Tajlandja, iktar tard importati u rrilaxati fiċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni u kkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru li ma jkunx il-Pajjiżi l-Baxxi, li l-leġiżlazzjoni domestika tiegħu tipprovdi għall-użu ta’ bolol ta’ garanzija simili għal dawk Ċeki. F’din l-ipoteżi nipproponi li r-rikonoxximent reċiproku jaħdem bl-istess mod bħal dak ta’ qabel, peress li l-Istat Membru ta’ oriġini jivverifika l-kompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni tiegħu stess tal-bolol ta’ garanzija ta WaarborgHolland imbollati f’pajjiż terz. Ir-Repubblika Ċeka għandha tirrispetta din il-verifika u tapplika r-rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ verifika għall-oġġetti esportati fit-territorju tagħha taħt dawn il-kundizzjonijiet.

    50.

    Għall-kuntrarju ta’ dan, jeżistu tliet sitwazzjonijiet li fihom ma għandux jiġi applikat il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (bejn il-boll ta’ garanzija Olandiż u dak Ċek), jiġifieri: a) oġġetti importati direttament lejn ir-Repubblika Ċeka; b) oġġetti mbollati minn WaarborgHolland fl-uffiċċji tagħha fiċ-Ċina jew fit-Tajlandja, importati u rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera fi Stat tal-Unjoni mingħajr ma jkunu kkummerċjalizzati u mbagħad jiġu esportati lejn ir-Repubblika Ċeka, u c) oġġetti mbollati minn WaarborgHolland fl-uffiċċji tagħha barra mill-Unjoni, importati u rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera u kkummerċjalizzati fi Stat tal-Unjoni li fih ma jkunx hemm standards nazzjonali li jirrikjedu l-użu ta’ boll ta’ garanzija, u wara esportati lejn ir-Repubblika Ċeka.

    51.

    Fir-rigward ta’ dawn it-tliet kategoriji titqajjem il-problema, li għadha ma hijiex solvuta definittivament, tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għall-merkanzija importata minn Stati terzi, żviluppata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kummerċ intra-Komunitarju.

    52.

    Il-Kummissjoni targumenta li r-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera jagħmel l-oġġetti importati li jġorru l-boll ta’ garanzija Olandiż imbollat minn WaarborgHolland f’pajjiżi terzi ekwivalwenti għal dawk b’bolol ta’ dan il-laboratorju fit-territorju Olandiż. Ir-Repubblika Ċeka ssostni, madankollu, li r-rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija jirrikjedi r-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ dawn l-oġġetti u, barra minn hekk, il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fi Stat Membru b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni domestika tiegħu.

    53.

    L-Artikolu 28(2) TFUE, jispeċifika li d-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija “għandhom japplikaw għal prodotti li joriġinaw fi Stati Membri u għal prodotti li jiġu minn pajjiżi terzi li huma f’ċirkolazzjoni libera fi Stati Membri”. L-Artikolu 29 TFUE jipprevedi li “għandhom jitqiesu li huma f’ċirkolazzjoni libera fi Stat Membru jekk il-formalitajiet ta’ l-importazzjoni jkunu twettqu u d-dazji doganali jew piżijiet ekwivalenti pagabbli jkunu ġew miġbura fl-Istat Membru in kwistjoni, u li ma kinux ibbenefikaw minn xi rifużjoni totali jew parzjali ta’ dawk id-dazji jew piżijiet”. Kemm l-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kif ukoll l-Artikolu 129 tal-Kodiċi doganali modernizzat ( 23 ), li għandu japplika mis-16 ta’ April 2016, jistabbilixxu li ċ-ċirkulazzjoni libera tagħti l-istatus doganali ta’ merkanzija Komunitarja lil merkanzija mhux Komunitarja.

    54.

    Dawn ir-regoli jassimilaw il-merkanzija tal-Unjoni ma’ dik li tkun ġejja minn pajjiżi terzi, irrilaxxata għaċ-ċirkulazzjoni libera wara t-twettiq tal-formalitajiet doganali u ta’ politika kummerċjali, u dan ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa mis-sentenza Donckerwolke et ( 24 ). Madankollu, l-assimilazzjoni ma tiggarantix, minnha nnifisha, għall-merkanzija importata minn pajjiżi terzi u rrilaxxata għaċ-ċirkulazzjoni libera fi Stat Membru, il-libertà sħiħa taċ-ċirkulazzjoni fl-Istati Membri l-oħrajn ( 25 ). Il-merkanzija importata għandha tikkonforma mar-regoli tal-Istat Membru li fih tiġi kkummerċjalizzata inizjalment sabiex iktar tard tkun tista’ tgawdi mill-benefiċċju tal-libertà ta’ moviment u, għalhekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ( 26 ).

    55.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja żammet dan il-kriterju fis-sentenza Expo Casa Manta ( 27 ), fejn indikat li “l-kummerċjalizzazzjoni hija l-fażi ta’ wara l-importazzjoni. Bl-istess mod li prodott immanifatturat legalment fil-Komunità ma jistax jiġi kkummerċjalizzat biss taħt din iċ-ċirkustanza, l-importazzjoni legali ta’ prodott ma timplikax li dan jiġi awtomatikament introdott fis-suq”; u li “sa fejn ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni Komunitarja li tarmonizza r-rekwiżiti ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni, l-Istat Membru li fih ikunu rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera jista’ jopponi ruħu għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom jekk ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti għal dan mid-dritt nazzjonali”.

    56.

    Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ġew riflessi fl-Artikoli 27 sa 29 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 ( 28 ), li jiddetermina l-kontrolli li jistgħu jwettqu l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet doganali fuq il-prodotti importati minn Stati terzi qabel ir-rilaxx tagħhom għaċ-ċirkulazzjoni libera, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards armonizzati Ewropej. Il-kontrolli huma limitati għall-identifikazzjoni ta’ riskji serji għas-saħħa u s-sigurtà, li ma jinkludux il-falsifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi.

    57.

    Barra minn hekk, il-loġika tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku twassalni biex ninterpreta li l-applikazzjoni tiegħu għandha tkun limitata: a) għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ merkanzija li toriġina fl-Unjoni, immanifatturata legalment u offruta għall-bejgħ fi Stat Membru skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, u b) għall-kummerċ ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi fiċ-ċirkulazzjoni libera, li ġiet ikkummerċjalizzata legalment fi Stat Membru u mhux esportata lejn Stat ieħor ( 29 ).

    58.

    Il-maqlub ta’ dak li ġie espost preċedentement huwa li l-importaturi ma jistgħux jibbenefikaw mir-rikonoxximent reċiproku sabiex jikkummerċjalizzaw fl-Unjoni merkanzija li tkun ġejja minn pajjiżi terzi li ma tikkonformax mar-regoli tal-ebda Stat Membru ( 30 ). L-applikazzjoni tat-teknika tar-rikonoxximent reċiproku fil-kummerċ internazzjonali tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi teħtieġ il-konklużjoni ta’ trattat internazzjonali speċifiku ( 31 ) jew l-inkorporazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ ftehim kummerċjali iktar wiesa’, li jkunu kompatibbli mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

    59.

    Skont dawn il-premessi għandu jiġi ċċarat jekk ir-Repubblika Ċeka tistax tirrifjuta l-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku, bl-għan li tipproteġi lill-konsumaturi tagħha, filwaqt li timponi l-imbollar tal-boll ta’ garanzija tagħha stess fuq l-oġġetti li jkunu ġew imbollati minn WaarborgHolland fl-uffiċċji tagħha barra mill-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħi u, fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, ir-Repubblika Ċeka hija awtorizzata li tagħmel dan fit-tliet xenarji deskritti hawn fuq ( 32 ), li ma huwiex fattibbli li tiġi applikata għalihom il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija bejn l-Istati Membri.

    60.

    Fil-fatt, jekk l-oġġett magħmul minn metalli prezzjużi ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-ebda Stat Membru dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ din it-tip ta’ merkanzija (li ma hijiex armonizzata), jew jekk ikun importat direttament minn Stat terz, ma jistax jibbenefika mir-rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija. Dan japplika biss, nirrepeti, għall-oġġetti li jissodisfaw l-istandards ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tkun teħtieġ l-użu ta’ bolol ta’ garanzija jew mekkaniżmi oħra simili, minħabba li huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri dwar l-effettività tal-miżuri rispettivi tagħhom sabiex jevitaw frodi fil-konfront tal-konsumatur fil-prodotti tad-deheb.

    61.

    Din il-fiduċja ma teżistix meta l-kummerċ tal-oġġetti tal-metall prezzjuż iseħħ bejn l-Unjoni u Stati terzi, fejn l-użu tal-bolol ta’ garanzija ma jkunx mifrux, bl-eċċezzjoni tal-firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. L-Unjoni ma hijiex parti minn din il-konvenzjoni, li fiha ġew inkorporati sittax-il Stat Membru tagħha, inklużi l-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Ċeka. Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, barra d-dritt tal-Unjoni, ma tistax isservi bħala bażi għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li, preċiżament, joriġina mill-ordinament ġuridiku msemmi l-aħħar.

    62.

    Il-Kummissjoni ssostni li anki f’dawn it-tliet każijiet għandha tapplika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija. Skont l-argument tagħha, oġġetti importati minn pajjiżi terzi u kkummerċjalizzati fiċ-ċirkulazzjoni libera fl-Istati tal-Unjoni huma konformi mar-regoli Olandiżi, peress li WaarborgHolland, meta timbolla l-bolol ta’ garanzija tagħha fl-uffiċċji li jinsabu fi Stati terzi, taċċetta dik il-leġiżlazzjoni u tissottometti l-laboratorji tagħha għall-kontroll tal-awtoritajiet Olandiżi, b’mod simili għal dawk imwettqa fuq l-attività fil-Pajjiżi l-Baxxi. Ir-rilokazzjoni tas-servizzi tal-assaġġi lejn Stati terzi, permessa mil-leġiżlazzjoni Olandiża ( 33 ) ma għandhiex timpedixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

    63.

    Il-Kummissjoni ddikjarat, f’dan l-istess sens li WaarborgHolland għandha ċertifikat maħruġ mill-korp ta’ akkreditazzjoni Olandiż ( 34 ), li jippermettilha tipprattika l-attività tagħha ta’ assaġġi barra mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni argumentat li skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 765/2008 ( 35 ), l-awtoritajiet Ċeki huma obbligati li jirrikonoxxu l-ekwivalenza taċ-ċertifikazzjonijiet tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità (WaarborgHolland, f’dan il-każ), awtorizzati kif xieraq mill-korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali [f’dan il-każ, ir-Raad voor Accrediatie (Kunsill ta’ Akkreditazzjoni)].

    64.

    Il-Kummissjoni enfasizzat, barra minn hekk, il-poteri ta’ kontroll tal-Pajjiżi l-Baxxi biex tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha fuq l-attività ta’ WaarborgHolland fil-pajjiżi terzi, iżda ma pprovdiet l-ebda evidenza dwar il-frekwenza u l-intensità ta’ dawn il-kontrolli.

    65.

    Madankollu, ma naħsibx li dawn il-fatturi huma biżżejjed sabiex jivvalidaw l-argument tal-Kummissjoni. Minn naħa, ir-rikonoxximent reċiproku previst fir-Regolament Nru 765/2008 għaċ-ċertifikazzjonijiet maħruġa mil-laboratorji ta’ valutazzjoni tal-konformità, debitament awtorizzati minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni, japplika biss meta dawn iċ-ċertifikazzjonijiet jitwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni. Bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 765/2008 jippermetti, taħt ċerti suppożizzjonijiet, l-akkreditazzjoni transkonfinali, iżda ma jirreferix għall-possibbiltà ta’ ċertifikazzjonijiet imwettqa barra t-territorju tal-Unjoni, f’konformità mal-prattika li jiġu aċċettati biss meta l-Unjoni tkun iffirmat trattat internazzjonali mal-pajjiż terz ( 36 ). L-Unjoni ma kkonkludiet l-ebda ftehim internazzjonali maċ-Ċina jew mat-Tajlandja dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ valutazzjoni ta’ konformità, li seta’ jiġi applikat għall-bolol ta’ garanzija mbollati minn WaarborgHolland f’dawk il-pajjiżi.

    66.

    Min-naħa l-oħra, kif intqal mir-Repubblika Ċeka u minn Franza, il-poteri ta’ kontroll tal-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali Olandiż li jissorvelja l-attivitajiet tal-laboratorji tal-assaġġi ma jistgħux ikunu l-istess fit-territorju Olandiż bħal f’pajjiż terz. Il-kontroll tal-frodi fl-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi jeħtieġ kollaborazzjoni interamministrattiva bejn il-laboratorji tal-assaġġi, li jidentifikawhom permezz tal-analiżi kimika tal-prodotti, u awtoritajiet pubbliċi oħrajn (servizzi doganali u tal-finanzi, awtoritajiet tal-pulizija, il-ġudikatura), li jmexxu l-prosekuzzjoni kontrihom u jrażżnuhom. L-eżerċizzju ta’ dawn il-poteri ta’ kontroll huwa marbut mal-funzjonament eventwali ta’ miżuri tad-dritt kriminali amministrattiv jew tad-dritt kriminali, it-tnejn li huma ta’ natura neċessarjament territorjali, li l-awtoritajiet Olandiżi ma setgħux iwettqu f’pajjiż terz.

    67.

    Fil-qosor, l-assaġġ obbligatorju, fil-pajjiżi li japplikawh, huwa attività amministrattiva relatata mal-eżerċizzju tas-sovranità statali, li ma hijiex marbuta mal-possibbiltà ta’ rilokazzjoni lejn Stati terzi, sakemm ma jkunx hemm ftehim internazzjonali ( 37 ).

    68.

    In-natura amministrattiva tal-attività tal-assaġġi tiggarantixxi, ukoll, indipendenza ikbar tal-laboratorji fl-eżerċizzju ta’ din l-attività rigward l-impriżi fis-settur. Ir-rilokazzjoni lejn pajjiżi terzi tista’ tipperikola l-indipendenza, peress li, kif indikat Franza waqt is-seduta, il-protezzjoni tad-dritt amministrattiv fil-pajjiż terz tista’ ma tkunx simili għal dik ipprovduta fl-Istat tal-Unjoni.

    69.

    Fil-qosor, b’mod konformi mal-Artikolu 34 TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta dan fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku tal-bolol ta’ garanzija, ir-Repubblika Ċeka tista’ tirrekjedi l-imbollar tal-boll ta’ garanzija tagħha stess fuq l-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi f’pajjiżi terzi u mbollati bil-boll ta’ garanzija Olandiż minn WaarborgHolland barra mill-Unjoni, fit-tliet każijiet li ġejjin:

    jekk jiġu importati direttament fir-Repubblika Ċeka;

    jekk jiġu importati u mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni libera, iżda ma jiġux ikkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor qabel l-esportazzjoni tagħhom lejn it-territorju Ċek;

    jekk jiġu importati, imqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni libera u kkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru li ma jużax boll ta’ garanzija.

    70.

    Għall-kuntrarju, minħabba l-ekwivalenza sostanzjali bejn il-boll ta’ garanzija Ċek u dak Olandiż imbollat minn WaarborgHolland, ir-Repubblika Ċeka tikser l-Artikolu 34 TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretah meta teżiġi l-imbollar tal-boll ta’ garanzija Ċek f’dawn il-kategoriji ta’ oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi:

    dawk magħmulin u kkummerċjalizzati legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi bil-boll ta’ garanzija Olandiż imbollat minn WaarborgHolland li huma esportati lejn ir-Repubblika Ċeka;

    dawk magħmulin f’pajjiżi terzi, imbollati minn WaarborgHolland bil-boll ta’ garanzija Olandiż fl-uffiċċji tagħha barra mill-Unjoni, li huma importati u rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni u huma kkummerċjalizzati legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi u, wara, esportati lejn ir-Repubblika Ċeka;

    dawk magħmulin f’pajjiżi terzi, imbollati minn WaarborgHolland bil-boll ta’ garanzija Olandiż fl-uffiċċji tagħha barra mill-Unjoni, li huma importati u rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni u huma kkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru differenti minn dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, li l-leġiżlazzjoni domestika tiegħu tipprevedi l-użu ta’ bolol ta’ garanzija simili għal dawk Ċeki.

    b) Proporzjonalità tal-miżura

    71.

    Fil-każijiet fejn, fil-fehma tiegħi, ir-Repubblika Ċeka tikser l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi ddeterminat jekk l-azzjoni tagħha tistax titqies konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri, jekk hemmx alternattiva inqas restrittiva tal-kummerċ intra-Komunitarju sabiex il-konsumaturi jiġu protetti kontra l-frodi fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn l-oġġetti ( 38 ).

    72.

    Kif ġie nnotat minn Franza fl-intervent tagħha, alternattiva inqas restrittiva setgħet tkun li WaarborgHolland tkun użat, fl-attivitajiet tagħha f’pajjiżi terzi, boll ta’ garanzija differenti minn dak użat fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. B’dan il-mod, ir-Repubblika Ċeka setgħet titlob l-imbollar tal-boll ta’ garanzija Ċeka biss fl-oġġetti mbollati minn WaarborgHolland fil-fergħat tagħha barra mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li tirrikonoxxi l-ekwivalenza tal-boll ta’ garanzija Olandiż imbollat minn WaarborgHolland fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din l-idea, apparentament, ġiet esplorata mir-Repubblika Ċeka, iżda WaarborgHolland ma aċċettathiex ( 39 ), li quddiemha, minħabba l-impossibbiltà li ssir distinzjoni bejn l-oġġetti mbollati minn WaarborgHolland fil-Pajjiżi l-Baxxi, minn naħa, u dawk imbollati fil-bini tagħha barra mill-Unjoni, min-naħa loħra, ir-Repubblika Ċeka imponiet fuq kulħadd l-obbligu li jinkiseb il-boll ta’ garanzija Ċek, bħala kundizzjoni sabiex jiġu kkummerċjalizzati fit-territorju tagħha.

    73.

    Fl-opinjoni tiegħi, din il-prattika ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li hemm miżuri inqas restrittivi tal-kummerċ intra-Komunitarju, kif huwa r-rekwiżit, mill-awtoritajiet Ċeki, ta’ prova tal-oriġini tal-oġġett. Dan jista’ jiġi artikolat, pereżempju, billi jintalab li l-oġġetti mbollati minn WaarborgHolland ikollhom imbollat boll ta’ garanzija ta’ oriġini li jipprovdi informazzjoni dwar il-post tal-manifattura tagħhom ( 40 ). L-awtoritajiet Ċeki setgħu, permezz ta’ dan il-metodu, irrikonoxxew il-boll ta’ garanzija Olandiż imbollat minn WaarborgHolland fl-oġġetti magħmulin fil-Pajjiżi l-Baxxi u, fl-istess ħin, jirrikjedu l-imbollar tal-boll ta’ garanzija Ċek biss fuq dawk imbollati minn WaarborgHolland f’pajjiżi terzi.

    74.

    Il-miżura deskritta ma tidhirx adattata, madankollu, sabiex tidentifika l-oġġetti mbollati minn WaarborgHolland f’pajjiżi terzi li jiġu importati u kkummerċjalizzati fil-Pajjiżi l-Baxxi (jew fi Stati Membri li għandhom sistemi ta’ bolol ta’ garanzija simili għal dawk Ċeki) u mbagħad jiġu esportati lejn ir-Repubblika Ċeka. F’dawn il-każijiet, il-kummerċjalizzazzjoni legali minn qabel fi Stat Membru tista’ tintwera mill-importatur permezz ta’ mezzi ta’ prova differenti, bħal fatturi jew tikketti tal-prodotti, dokumenti tat-taxxa jew tal-bejgħ, jew permezz ta’ konferma bil-miktub mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ kummerċjalizzazzjoni ( 41 ). Dawn il-mezzi kollha huma inqas restrittivi għall-kummerċ ta’ oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi mir-rekwiżit ta’ mbollar tal-boll ta’ garanzija Ċek għall-oġġetti mbollati bil-boll ta’ garanzija ta’ WaarborgHolland.

    IV – Konklużjoni

    75.

    Fid-dawl tar-raġunamenti preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    1)

    Tiddikjara inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni, ir-rikors f’dak li jirrigwarda l-ilmenti tal-Kummissjoni kontra r-Repubblika Ċeka dwar ir-rifjut tagħha li tirrikonoxxi l-bolol ta’ garanzija Olandiżi mhux imbollati minn WaarborgHolland.

    2)

    Tilqa’ parzjalment ir-rikors tal-Kummissjoni u tiddikjara li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 34 TFUE, meta eżiġiet l-imbollar tal-boll ta’ garanzija Ċek fl-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi:

    magħmulin u kkummerċjalizzati legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi bil-boll ta’ garanzija Olandiż imbollat minn WaarborgHolland li huma esportati lejn ir-Repubblika Ċeka;

    magħmulin f’pajjiżi terzi, imbollati minn WaarborgHolland bil-boll ta’ garanzija Olandiż fl-uffiċċji tagħha barra mill-Unjoni, li huma importati, rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera u legalment ikkummerċjalizzati fil-Pajjiżi l-Baxxi u, iktar tard, esportati lejn ir-Repubblika Ċeka;

    magħmulin f’pajjiżi terzi, imbollati minn WaarborgHolland bil-boll ta’ garanzija Olandiż fl-uffiċċji tagħha barra mill-Unjoni, li huma importati u rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni u legalment ikkummerċjalizzati fi Stat Membru li ma huwiex il-Pajjiżi l-Baxxi, li l-leġiżlazzjoni interna tiegħu tipprevedi l-użu ta’ bolol ta’ garanzija ekwivalenti għal dak Ċek u, iktar tard, esportati lejn ir-Repubblika Ċeka.

    3)

    Tiċħad ir-rikors fil-punti l-oħra kollha.

    4)

    Kull waħda mill-partijiet fil-kawża għandha tħallas l-ispejjeż tagħha.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs l-Estonja (C‑39/10, EU:C:2012:282), punti 24 sa 26; Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑211/08, EU:C:2010:340), punt 32; Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑458/08, EU:C:2010:692), punt 49; Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑281/11, EU:C:2013:855), punti 121 sa 123; Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika (C‑343/08, EU:C:2010:14), punt 25, u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑375/10, EU:C:2011:184), punti 1011.

    ( 3 ) Proposition de directive du Conseil concernant le rapprochement des legislations des états membres relatives aux ouvrages en metaux precieux (Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi), COM/1975/607/finali, tal-1 ta’ Diċembru 1975 (ĠU 1976, C 11, p. 2), irtirata fl-1977. Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar oġġetti magħmulin minn metall prezzjuż, COM(93) 322 finali, tal-14 ta’ Ottubru 1993; emendata bil-proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oġġetti magħmulin min metalli prezzjużi, COM(94) 267 finali, tal-30 ta’ Ġunju 1994 (ĠU C 209, p. 4), li ġiet irtirata fl-2005.

    ( 4 ) Ara d-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, L-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku għall-oġġetti ta’ metalli prezzjużi, tal-1 ta’ Frar 2010.

    ( 5 ) Skont id-data disponibbli, matul il-perijodu bejn it-13 ta’ Mejju 2009, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU L 218, p. 21), u l-31 ta’ Diċembru 2011, tal-1 524 notifika ta’ ċaħda ta’ rikonoxximent reċiproku, 90 % minnhom kienu jikkonċernaw oġġetti magħmulin minn metalli prezzjużi. Ara d-dokument COM(2012) 292 finali, tal-15 ta’ Ġunju 2012, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tinkludi l-Ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE, p. 8.

    ( 6 ) Ara l-informazzjoni tas-sit web tal-International Association of Assay Offices http://www.theiaao.com/hallmarking/.

    ( 7 ) Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, fl-UE attwalment hemm 18-il livell ta’ purità għad-deheb u tnejn biss huma kondiviżi mill-Istati Membri kollha (585 u 750). Fil-każ tal-fidda, hemm 15-il livell ta’ purità nazzjonali fl-UE kollha u 800 u 925 biss huma aċċettati fl-Istati Membri kollha. Għall-platinu, hemm 5 livelli ta’ purità fl-UE u ma huwiex aċċettat bħala metall prezzjuż fil-Bulgarija, f’Ċipru u fil-Ġermanja (Il-Kummissjoni, L-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku għall-oġġetti ta’ metalli prezzjużi, tal-1 ta’ Frar 2010, p. 9).

    ( 8 ) It-test tal-Konvenzjoni, emendat diversi drabi, u l-Istati kontraenti jistgħu jiġu kkonsultati fuq http://www.hallmarkingconvention.org/documents.php.

    ( 9 ) Sentenzi Robertson et (220/81, EU:C:1982:239); Houtwipper (C‑293/93, EU:C:1994:330); Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑30/99, EU:C:2001:346), u Juvelta (C‑481/12, EU:C:2014:11).

    ( 10 ) Sentenza Rewe, imsejħa Cassis de Dijon (120/78, EU:C:1979:42).

    ( 11 ) Ara s-sentenzi Robertson et (220/81, EU:C:1982:239), punti 9 u 11, u Houtwipper (C‑293/93, EU:C:1994:330), punti 11 u 14.

    ( 12 ) Sentenzi Robertson et (220/81, EU:C:1982:239), punt 12; Houtwipper (C‑293/93, EU:C:1994:330), punt 15; Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑30/99, EU:C:2001:346), punti 30 u 69, u Juvelta (C‑481/12, EU:C:2014:11), punt 22.

    ( 13 ) Madankollu, peress li inkludew fost l-eċċezzjonijiet ġenerali tal-Artikolu XX tal-GATT il-miżuri “relatati mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ deheb jew fidda”, l-Istati jistgħu faċilment jiġġustifikaw ir-regoli nazzjonali restrittivi tagħhom.

    ( 14 ) Il-lista tal-Istati li jifformaw parti u tal-Istati bi status ta’ osservaturi (il-Kroazja, l-Italja, is-Serbja, Sri Lanka u l-Ukraina) tinsab fuq http://www.hallmarkingconvention.org/members-observers.php.

    ( 15 ) L-Anness II, punt 4, tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jipprevedi li, minbarra l-boll ta’ garanzija komuni, l-oġġetti għandhom ikunu mbollati bil-boll ta’ garanzija tal-pajjiż ta’ oriġini jew destinatarju, bil-boll ta’ garanzija ta’ identifikazzjoni tal-manifattur jew bil-boll ta’ garanzija ta’ oriġini u bil-boll ta’ garanzija ta’ purità.

    ( 16 ) Convention entre le Conseil fédéral suisse et le Gouvernement de la République française relative à la reconnaissance réciproque des poinçons officiels apposés sur les ouvrages en métaux précieux, publiée comme annexe au Décret no 89-216 du 10 avril 1989 (JORF du 14 avril 1989, page 4741), konkluża fit-2 ta’ Ġunju 1987 u fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 1989. Convention entre la Confédération suisse et la République italienne relative à la reconnaissance réciproque des poinçons apposés sur les ouvrages en métaux précieux (RO 1974 753), konkluża fil-15 ta’ Jannar tal-1970 u fis-seħħ mit-30 ta’ Marzu 1974.

    ( 17 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑387/99, EU:C:2004:235), punt 42, u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑88/07, EU:C:2009:123), punt 54.

    ( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dassonville (8/74, EU:C:1974:82), punt 5; Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725), punt 47, u Juvelta (C‑481/12, EU:C:2014:11), punt 16.

    ( 19 ) Ara s-sentenzi Robertson et (220/81, EU:C:1982:239), punt 9; Houtwipper (C‑293/93, EU:C:1994:330), punt 11; Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑30/99, EU:C:2001:346), punt 26, u Juvelta (C‑481/12, EU:C:2014:11), punt 17.

    ( 20 ) Sentenzi Houtwipper (C‑293/93, EU:C:1994:330), punt 13; Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑30/99, EU:C:2001:346), punt 27, u Juvelta (C‑481/12, EU:C:2014:11), punt 18.

    ( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tezi vs il-Kummissjoni (59/84, EU:C:1986:102), punt 26, u s-sentenza UNIC u Uni.co.pel (C‑95/14, EU:C:2015:492), punt 41.

    ( 22 ) Skont din, Stat Membru jikser l-Artikolu 34 TFUE jekk jimponi fuq il-prodotti importati minn Stati Membri oħrajn, li jkollhom boll ta’ garanzija u jkunu kummerċjalizzati legalment, l-obbligu li jiksbu boll ta’ garanzija ġdid fl-Istat Membru destinatarju.

    ( 23 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 450/2008, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, p. 1).

    ( 24 ) F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Komunità, il-prodotti f’“ċirkulazzjoni libera” huma ugwali definittivament u kompletament għal prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri. Barra minn hekk, hija saħqet ukoll li minn din l-assimilazzjoni jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30, dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kwantitattivi u ta’ kwalunkwe miżura b’effett ekwivalenti, huma ugwalment applikabbli għall-prodotti li joriġinaw fil-Komunità u għal dawk li jkunu ġew rilaxxati għaċ-ċirkuluzzjoni libera fi kwalunkwe Stat Membru, irrispettivament mill-ewwel oriġini ta’ dawk il-prodotti (sentenza Donckerwolke et, 41/76, EU:C:1976:182, punti 17 u 18). Ara wkoll is-sentenzi Peureux (119/78, EU:C:1979:66), punt 26; Tezi vs Il-Kummissjoni (59/84, EU:C:1986:102), punt 26; Budéjovicky Budvar (C‑216/01, EU:C:2003:618), punt 95, u UNIC u Uni.co.pel (C‑95/14, EU:C:2015:492), punt 41.

    ( 25 ) Il-kwistjoni hija diskussa fid-duttrina u nirreferi għax-xogħlijiet ta’ Ankersmit, L., “What if Cassis de Dijon were Cassis de Quebec? The assimilation of goods of third country origin in the internal market”, Commom Market Law Review, 2013, Nru 6, p. 1387 sa 1410; Tegeder, J., “Applying the Cassis de Dijon doctrine to goods originating in third countries”, European Law Review, 1994, Nru 1, p. 86 sa 94.

    ( 26 ) Ara Enchelmaier, S., “Article 36 TFEU: General”, f’Oliver, P. (ed.), Oliver on the Free Movement of Goods in the European Union, 5a ed., Hart, Oxford, 2010, p. 233.

    ( 27 ) Kawża C‑296/00 (EU:C:2002:316), punti 31 u 32, u s-sentenza Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449), punt 95.

    ( 28 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, p. 30).

    ( 29 ) Ir-Regolament Nru 764/2008 jipprevedi fil-tielet premessa tiegħu li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, idderivat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jimplika li “Stat Membru ma jistax jipprojbixxi l-bejgħ fit-territorju tiegħu ta' prodotti kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor, anke fejn dawn il-prodotti kienu manifatturati skond regoli tekniċi differenti minn dawk li għalihom huma suġġetti prodotti domestiċi. L-uniċi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju huma r-restrizzjonijiet li huma ġġustifikati għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 30 tat-Trattat, jew abbażi ta’ raġunijiet prevalenti oħra ta' interess pubbliku u li huma proporzjonati għall-għan segwit”.

    Il-Kummissjoni stess twissi li “fir-rigward ta’ prodotti importati minn pajjiżi terzi, dawn iridu jiġu kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru jew fi Stat tal-EFTA li huwa parti kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE sabiex jibbenefikaw minn rikonoxximent reċiproku” (Dokument COM(2013) 592 finali, tat-18 ta’ Awwissu 2013, Dokument ta’ gwida. Il-kunċett ta’ “kummerċjalizzat legalment” fir-Regolament Nru 764/2008, dwar ir-rikonoxximent reċiproku, p. 6).

    ( 30 ) Fil-fehma ta’ Gardeñes Santiago, fil-kummerċ ma’ Stati terzi “ir-regola li għandha tiġi applikata ma hijiex dik tar-rikonoxximent reċiproku, iżda preċiżament l-oppost, dik tal-infurzar strett tal-liġi tal-Istat ta’ importazzjoni jew ospitanti. Dan ifisser li meta prodott jew servizz minn pajjiż terz ikun importat fil-Komunità, huwa għandu jikkonforma mar-regoli Komunitarji armonizzati, jekk ikun hemm, u dawk tal-Istat Membru li jidħol fih, peress li ma hijiex suffiċjenti l-konformità mar-regolamenti tal-Istat ta’ oriġini” (Gardeñes Santiago, M., La aplicación de la regla del reconocimiento mutuo y su incidencia en el comercio de mercancías y servicios en el ámbito comunitario e internacional, Eurolex, Madrid, 1999, p. 314).

    ( 31 ) L-Unjoni Ewropea kkonkludiet diversi ftehimiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ valutazzjoni tal-konformità ma’ pajjiżi li għandhom ekonomiji avvanzati bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, New Zealand, il-Ġappun, l-Isvizzera u l-Iżrael. Dawn kollha u s-sistema ta’ applikazzjoni tagħhom huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni fl-indirizz http://ec.europa.eu/growth/single-market/goods/international-aspects/mutual-recognition-agreements/index_en.htm.

    ( 32 ) Dawn huma: a) l-oġġetti importati u rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera fir-Repubblika Ċeka, b) l-oġġetti importati u rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera fi Stat tal-Unjoni mingħajr ma jkunu kummerċjalizzati hemmhekk u wara esportati lejn ir-Repubblika Ċeka u ċ) oġġetti importati, rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera u kkummerċjalizzati fi Stat Membru mingħajr standards nazzjonali li jirrikjedu l-użu ta’ boll ta’ garanzija, u mbagħad esportati lejn ir-Repubblika Ċeka.

    ( 33 ) Il-College van Beroep voor het Bedrijfsleven (qorti tal-appell dwar kwistjonijiet ekonomiċi) solviet tilwima fuq l-applikazzjoni tad-dritt Olandiż f’dan il-qasam, bejn żewġ laboratorji ta’ assaġġi, minħabba r-rilokazzjoni tal-attività ta’ WaarborgHolland lejn Stati terzi, li kienet ikkunsidrata legali permezz tas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008. Il-verżjoni Ingliża hija disponibbli fuq http://www.hallmarking.com/downloads/decision_by_the_netherlands_and_industry_appeals_tribunal_ewn_versus_min_ea.pdf.

    ( 34 ) Dan huwa espress bħala risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 35 ) It-test litterali tiegħu huwa: “L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-servizzi mogħtija minn dawk il-korpi ta’ akkreditament li jkunu għaddew minn valutazzjoni bejn il-pari kif stabbilita fl-Artikolu 10, u b’hekk jaċċettaw, fuq il-bażi tal-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iċ-ċertifikati ta’ akkreditament ta’ dawk il-korpi u l-attestazzjonijiet maħruġa mill-korpi ta’ valutazzjoni ta’ konformità akkreditati minnhom”.

    ( 36 ) Ara, pereżempju, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja li jemenda l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku b’relazzjoni mal-istima ta’ konformità, ċertifikati u mmarkar bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja (ĠU 2012, L 359, p. 2).

    ( 37 ) Din iċ-ċirkustanza, fil-fehma tiegħi, tiġġustifika ċ-ċaħda tal-pajjiżi membri tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ta’ dak li jissejjaħ “offshore hallmarking” jew rilokazzjoni tal-attivitajiet tal-laboratorji tal-assaġġi. L-Istati kollha partijiet minn din il-konvenzjoni, apparti l-Pajjiżi l-Baxxi, opponew li jaċċettaw ir-rilokazzjoni fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni, li saret fl-2008 f’Londra (http://www.hallmarkingconvention.org/2008-spring-meeting-in-london-2.htm u d-dokument PMC/SR 2/2008, tas-16 ta’ Mejju 2008, p. 6).

    ( 38 ) Sentenza Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725), punt 65.

    ( 39 ) Fil-fehma ta’ WaarborgHolland, l-użu ta’ boll ta’ garanzija speċifiku, differenti minn dak Olandiż, (fl-uffiċċji li jinsabu fi Stati terzi) jista’ jwassal għal telf tal-valur kummerċjali intrinsiku għar-reputazzjoni tal-boll ta’ garanzija tiegħu fuq is-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rilokazzjoni tal-attività tagħha ta’ esternalizzazzjoni possibbilment ma kinitx tinteressaha.

    ( 40 ) Il-boll ta’ garanzija huwa meħtieġ regolarment u huwa identifikat, pereżempju, fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

    ( 41 ) Il-Kummissjoni tindika dawn u mezzi ta’ prova fid-Dokument tagħha COM(2013) 592 finali, tat-18 ta’ Awwissu 2013, Dokument ta’ Gwida. Il-kunċett ta’ “kummerċjalizzat legalment” fir-Regolament Nru 764/2008, dwar ir-rikonoxximent reċiproku, p. 7.

    Top