This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CC0441
Opinion of Advocate General Bot delivered on 25 November 2015.#Dansk Industri (DI), acting on behalf of Ajos A/S v Estate of Karsten Eigil Rasmussen.#Request for a preliminary ruling from the Højesteret.#Reference for a preliminary ruling — Social policy — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Directive 2000/78/EC — Principle prohibiting discrimination on grounds of age — National legislation incompatible with the directive — Possibility for a private person to bring proceedings to establish the liability of the State for breach of EU law — Dispute between private persons — Balancing of various rights and principles — Principles of legal certainty and the protection of legitimate expectations — Role of the national court.#Case C-441/14.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati l-25 ta’ Novembru 2015.
Dansk Industri (DI) vs Sucession Karsten Eigil Rasmussen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2000/78/KE – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra direttiva – Possibbiltà għal individwu li jikkontesta r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni – Tilwima bejn individwi – Bilanċ ta’ diversi drittijiet u prinċipji – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Rwol tal-qorti nazzjonali.
Kawża C-441/14.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati l-25 ta’ Novembru 2015.
Dansk Industri (DI) vs Sucession Karsten Eigil Rasmussen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2000/78/KE – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra direttiva – Possibbiltà għal individwu li jikkontesta r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni – Tilwima bejn individwi – Bilanċ ta’ diversi drittijiet u prinċipji – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Rwol tal-qorti nazzjonali.
Kawża C-441/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:776
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fil-25 ta’ Novembru 2015 ( 1 )
Kawża C‑441/14
Dansk Industri (DI), li taġixxi għal Ajos A/S,
vs
Suċċessjoni tal-mejjet Karsten Eigil Rasmussen
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (qorti suprema, id-Danimarka)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l‑età — Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kawża bejn individwi — Rwol tal-qorti nazzjonali — Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi — Interpretazzjoni contra legem”
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
2. |
Hija tintervjeni wara li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600), iddeċidiet li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 2 ), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-ħaddiema eliġibbli għall‑benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija mħallsa mill-persuna li timpjegahom skont skema ta’ pensjoni tal-irtirar li jkunu ssieħbu fiha qabel l-età ta’ 50 sena ma jistgħux, minħabba din ir-raġuni biss, jibbenefikaw minn kumpens speċjali ta’ tkeċċija intiż sabiex jiffavorixxu r-reintegrazzjoni professjonali tal-ħaddiema li jkunu ħadmu iktar minn tnax–il sena b’mod kontinwu fl-impriża. |
3. |
Il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet bejn impjegat u persuna li timpjega fis-settur pubbliku. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il‑kawża hija bejn żewġ persuni privati li ma jaqblux fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens ta’ tkeċċija, b’tali mod li qed terġa’ titqajjem quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-problema relatata mal-modalitajiet ta’ applikazzjoni mill-qrati nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kawżi bejn individwi. |
4. |
Din il-kawża hija bejn Dansk Industri (DI), li taġixxi għal Ajos A/S ( 3 ), u l‑aventi kawża ta’ K. Rasmussen, dwar ir-rifjut ta’ Ajos li tagħti kumpens ta’ tkeċċija lil K. Rasmussen. |
5. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom, fil‑kuntest ta’ din il-kawża, hija l-qorti tar-rinviju, adita minn kawża bejn individwi li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/78, li meta tkun qed tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha, għandha tinterpretahom b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod konformi mat-test u mal-għan ta’ din id-direttiva. Ser nispjega wkoll għalfejn nikkunsidra li l-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali stabbilita li tmur kontra d-Direttiva 2000/78 ma tikkostitwixxix ostakolu għall-implementazzjoni mill-qorti tar-rinviju ta’ dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi. Barra minn hekk, ser nindika li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludu l-implementazzjoni ta’ tali obbligu. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva 2000/78
6. |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, l-għan ta’ din id‑direttiva huwa li tistabbilixxi parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni abbażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x‑xogħol, bi skop li timplementa fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
7. |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1:
[...]” |
8. |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment ġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
[...]’’ |
B – Id-dritt Daniż
9. |
Il-liġi dwar l-impjegati [lov om retsforholdet mellem arbejdsgivere og funktionærer (funktionærloven)] tinkludi, fl‑Artikolu 2a tagħha, id-dispożizzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal‑kumpens speċjali għal tkeċċija: “1. Fil-każ ta’ tkeċċija ta’ impjegat, li jkun ilu fl-impjieg mal-istess impriża b’mod kontinwat għal 12, 15 jew 18-il sena, il-persuna li timpjega trid tħallsu somma, fil-mument tat-tmiem tal-impjieg, li tkun ekwivalenti għal paga ta’ xahar, xahrejn, jew tliet xhur rispettivament. 2. Id-dispożizzjoni tal-paragrafu 1 ma tapplikax jekk, fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impjegat jirċievi xi benefiċċju soċjali [ ( 4 )]. 3. L-allowance ta’ tkeċċija ma titħallasx jekk, fil-mument tat‑terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg, l-impjegat ser jirċievi mingħand il-persuna li timpjegah pensjoni tax-xjuħija u jekk l-impjegat ikun issieħeb fis-sistema tal-pensjoni inkwistjoni qabel ma jagħlaq ħamsin sena. [...]” |
10. |
Il-Højesteret (qorti suprema) tispjega li r-Renju tad-Danimarka ttraspona d-Direttiva 2000/78 permezz tal-adozzjoni tal-Liġi Nru 1417, li temenda l-liġi dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-suq tax‑xogħol (lov nr. 1417 am aendring af lov om forbud mod forskelsdehandling på arbejdsmarkedet m.v.), tat-22 ta’ Diċembru 2004 ( 5 ). |
11. |
Il-qorti tar-rinviju tindika, barra minn hekk, li, sa mill‑introduzzjoni tal-Artikolu 2a tal-liġi dwar l-impjegati fl-1971, hija kienet, diversi drabi, iddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l‑artikolu, b’mod partikolari wara l-emenda tal-Liġi ta’ nondiskriminazzjoni fl-2004. F’sentenza tas-17 ta’ Jannar 2014 ( 6 ), fejn hija kienet ħadet pożizzjoni dwar il-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600) dwar l-applikazzjoni mill-persuni li jimpjegaw fis‑settur pubbliku tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati, il-qorti tar-rinviju esprimiet ruħha, f’dak li jikkonċerna l-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni u l-konsegwenzi ta’ din is-sentenza, kif ġej: “Skont ġurisprudenza stabbilita (u, reċentement, fis-sentenza tal-qorti suprema ppubblikata fl-UfR 2008.1892), l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati li kien interpretat fis-sens li ħaddiem ma għandux dritt għall‑kumpens ta’ tkeċċija jekk huwa għandu dritt għal pensjoni ta’ xjuħija [...], indipendentement mill-fatt li huwa jkun irrinunzja temporanjament għal benefiċċju ta’ tali pensjoni bil-għan li jkompli bil‑karriera professjonali tiegħu. Id-dispożizzjoni leġiżlattiva ma ġietx emendata wara s-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark [(C‑499/08, EU:C:2010:600)], imma ma setgħetx, wara din is-sentenza, tkun applikata minn persuna li timpjega fis-settur pubbliku meta l-ħaddiem juri li għandu l-intenzjoni li jirrinunzja temporanjament għall-benefiċċju tal-pensjoni tax-xjuħija bil-għan li jkompli bil-karriera professjonali tiegħu.” |
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12. |
K. Rasmussen tkeċċa u telaq mix-xogħol tiegħu ma’ Ajos fl‑aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2009. Billi kien ilu fis-servizz ta’ din l‑impriża mill-1 ta’ Ġunju 1984, huwa kellu, fil-prinċipju, dritt għal kumpens ta’ tkeċċija ugwali għal tliet xhur ta’ salarju skont l‑Artikolu 2a(1) tal-Liġi dwar l-impjegati. Madankollu, peress li meta telaq kien laħaq l-età ta’ 60 sena u kellu dritt għal pensjoni tax-xjuħija dovuta lilu mill-persuna li timpjega skont skema li kien issieħeb fiha qabel l-età ta’ 50 sena, l-Artikolu 2a(3) ta’ din il-liġi, kif interpretat mill-ġurisprudenza nazzjonali stabbilita, ma kienx jippermettilu jippretendi tali kumpens, anki jekk huwa kien baqa’ fis‑suq tax-xogħol wara t-tluq tiegħu. |
13. |
Fix-xahar ta’ Marzu 2012, Dansk Formands Forening, f’isem K. Rasmussen, fetaħ kawża kontra Ajos bil-għan li jikseb il-ħlas tal‑kumpens ta’ tkeċċija ugwali għal tliet xhur ta’ salarju previst fl‑Artikolu 2a(1) tal-liġi dwar l-impjegati. F’dan ir-rigward, dan is-sindakat ibbaża ruħu fuq is-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600). |
14. |
Fl-14 ta’ Jannar 2014, is-Sø- og Handelsretten (qorti tal‑affarijiet marittimi u kummerċjali) laqa’ t-talba tal-aventi kawża ta’ K. Rasmussen, li sadattant kien miet, intiża sabiex jinkiseb il-ħlas tal‑kumpens ta’ tkeċċija inkwistjoni. Din il-qorti ddeċidiet li mis‑sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600) kien jirriżulta li l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l‑impjegati kien kuntrarju għad-Direttiva 2000/78 u kkonstatat li l‑interpretazzjoni nazzjonali preċedenti ta’ din id-dispożizzjoni kienet tmur kontra l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età. |
15. |
Ajos appellat minn din is-sentenza quddiem il-Højesteret (qorti suprema). Insostenn tal-appell tagħha, hija sostniet li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati li hija konformi mas‑sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600) hija contra legem. Hija ssostni wkoll li l-applikazzjoni ta’ regola daqstant ċara u mingħajr ambigwità bħall-Artikolu 2a(3) ta’ din il-liġi ma tistax tiġi skartata fuq il-bażi tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal‑Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, bir-riskju ta’ ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
16. |
L-aventi kawża ta’ K. Rasmussen jitolbu mill-ġdid li għandhom dritt għall-ħlas ta’ kumpens ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 2a(1) tal-Liġi dwar l-impjegati u għal kumpens skont l-Artikolu 7 tal-Liġi ta’ nondiskriminazzjoni. |
17. |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Højesteret (qorti suprema) tfakkar li mis-sentenza Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33) jirriżulta li, fir‑relazzjonijiet bejn persuni privati, ma huwiex possibbli li jiġi rrikonoxxut l‑effett dirett tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva. Fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi, kunflitt eventwali bejn dispożizzjoni ta’ dritt intern u direttiva għandu jiġi solvut b’interpretazzjoni konformi tad‑dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali. Madankollu, il-prinċipju tal‑interpretazzjoni konformi għandu l-limiti u ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali. Issa, f’dan il‑każ, skont ġurisprudenza nazzjonali stabbilita, interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati ser tkun preċiżament contra legem. |
18. |
Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, jistax ikun invokat kontra persuna li timpjega fis-settur privat sabiex din tal-aħħar tħallas il-kumpens tat-tkeċċija previst mid-dritt Daniż, minkejja li l-persuna li timpjega, skont dan id-dritt, hija meħlusa minn dan l-obbligu. B’dan il-mod, il-każ inkwistjoni jqajjem il‑kwistjoni dwar b’liema mod prinċipju mhux miktub tad-dritt tal‑Unjoni jista’ jipprekludi individwu milli jinvoka dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali. |
19. |
Sabiex isir dan l-eżami, għandu jkun magħruf jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età għandux, f’dan il-punt, l-istess kontenut u l-istess portata bħad-Direttiva 2000/78 jew jekk din id‑direttiva tipprevedix protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li hija iktar wiesgħa minn dik li tirriżulta mill-imsemmi prinċipju. |
20. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, minn naħa waħda, il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età jistax, kif jirriżulta mis-sentenzi Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709) u Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21), ikun direttament applikat fir-relazzjonijiet bejn individwi u, min-naħa l-oħra, kif l-applikazzjoni diretta tal‑imsemmi prinċipju għandha tkun ibbilanċjata mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u mal-korollarju tiegħu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi. |
21. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk, f’sitwazzjoni tali bħal dik fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni jippermettix lill‑qorti nazzjonali tipproċedi b’ibbilanċjar bejn il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, minn naħa waħda, u l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, min-naħa l-oħra, u tikkonkludi li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età għandu jkun subordinat għal dak ta’ ċertezza legali, b’tali mod li l‑persuna li timpjega tkun, skont id-dritt nazzjonali, meħlusa mill‑obbligu li tħallas il-kumpens ta’ tkeċċija. |
22. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-fatt li l‑impjegat jista’, jekk ikun il-każ, jeżiġi kumpens mingħand l-Istat Daniż minħabba l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Daniża mad-dritt tal‑Unjoni jistax jittieħed inkunsiderazzjoni meta jsir dan l-ibbilanċjar. |
23. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Højesteret (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi lill-Qorti tal‑Ġustizzja:
|
III – L-analiżi tiegħi
24. |
Qabel ma nipproponi l-analiżi tiegħi tad-domandi mressqa mill‑qorti tar-rinviju, għandu jiġi indikat dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600). |
25. |
F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna sabiex tiddeċiedi jekk l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-ħaddiema eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija mħallsa mill-persuna li timpjegahom skont skema ta’ pensjoni li fiha huma ssieħbu qabel ma kellhom l-età ta’ 50 sena ma jistgħux, minħabba dan il-fatt biss, jibbenefikaw minn kumpens speċjali għal tkeċċija intiż sabiex jiffavorixxi r-reintegrazzjoni professjonali ta’ ħaddiema li jkun ilhom jaħdmu għal iktar minn tnax-il sena fl-impriża. |
26. |
Infakkar li mill-Artikolu 2a(1) tal-liġi dwar l-impjegati jirriżulta li impjegat li kien fis-servizz tal-istess impriża matul perijodu kontinwu ta’ 12, 15 u 18-il sena għandu dritt għal kumpens ta’ tkeċċija. Bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 2a(3) ta’ din l-istess liġi jipprevedi li, jekk l‑impjegat ser jirċievi, fil-mument tat-tluq mill-impjieg, pensjoni tax‑xjuħija mħallsa mill-persuna li timpjega u li jekk dan l-impjegat issieħeb fl‑iskema ta’ rtirar inkwistjoni qabel laħaq l-età ta’ 50 sena, il‑kumpens ta’ tkeċċija ma jitħallasx. |
27. |
Għandu jiġu nnotat li, fil-preżentazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni Daniża, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet dettall ippreżentat mill-Vestre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-punent), jiġifieri, “skont ġurisprudenza nazzjonali paċifika, id-dritt għall-kumpens speċjali għal tkeċċija jintemm hekk kif skema privata tal-irtirar li għaliha l-persuna li timpjega tkun ikkontribwixxiet tippermetti l-ħlas ta’ pensjoni tax‑xjuħija fil-mument tat-tluq, u dan anki jekk l-impjegat ma jkunx jixtieq jeżerċita dan id-dritt għall-irtirar” ( 7 ). |
28. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tinkludi trattament differenti bbażat direttament fuq il‑kriterju tal-età fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal‑Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 ( 8 ). Hija kkunsidrat li l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema li ilhom jaħdmu b’mod kontinwu fl‑impriża u tal-għajnuna għar-reintegrazzjoni professjonali tagħhom permezz tal-ħlas ta’ kumpens speċjali ta’ tkeċċija, fil-prinċipju, jista’ jkun ikkunsidrat bħala ġustifikazzjoni ta’ tali differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ( 9 ). |
29. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “l‑limitazzjoni tal-kumpens speċjali għal tkeċċija għall-ħaddiema li ma jkunux iridu, fil-mument tat-tkeċċija tagħhom, jibbenefikaw minn pensjoni tax-xjuħija li għaliha l-persuna li timpjegahom tkun ikkontribwixxiet hija irraġonevoli fid-dawl tal-iskop imfittex mil‑leġiżlatur, li huwa dak li jipprovdi iktar protezzjoni lill-ħaddiema li jkollhom tranżizzjoni lejn impjieg ġdid iktar delikata minħabba l‑anzjanità tagħhom fl-impriża” ( 10 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja rrilevat li “[l]-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati [j]tippermetti wkoll li jkun hemm limitazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ abbuż li jikkonsisti fil‑fatt li ħaddiem li jkun ser jirtira jibbenefika minn kumpens intiż għas-sostenn tiegħu matul it-tfittxija għal impjieg ġdid” ( 11 ). Minn dan il‑Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li din id‑dispożizzjoni “ma jidhirx li […] hija manifestament inadegwata sabiex tilħaq l-għan leġittimu tal-politika tal-impjieg imfittex mil‑leġiżlatur” ( 12 ). |
30. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ivverifikat jekk il-miżura inkwistjoni teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil‑leġiżlatur. F’dan ir-rigward, hija għamlet is-segwenti distinzjoni. |
31. |
Minn naħa waħda, filwaqt li żammet mal-kliem tal‑Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati, il-Qorti tal-Ġustizzja ikkunsidrat li din id-dispożizzjoni, “sa fejn [t]eskludi mill-benefiċċju tal‑kumpens speċjali għal tkeċċija lill-ħaddiema li jkunu ser jieħdu, fil‑mument tat-tkeċċija tagħhom, pensjoni tax-xjuħija mingħand il‑persuna li kienet timpjegahom, ma [t]murx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet li [hija t]fittex li [t]aqdi” ( 13 ). |
32. |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l‑ispjegazzjoni tal-Vestre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal‑punent) fir-rigward tal-portata li l-ġurisprudenza nazzjonali stabbilita tat lill-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati, peress li din il‑ġurisprudenza tassimila lill-persuni li effettivament ser jirċievu pensjoni tax-xjuħija mingħand min jimpjegahom ma’ dawk li huma eliġibbli għall-benefiċċju ta’ tali pensjoni. Fuq dan il-punt, hija kkunsidrat li “billi ma jippermettix il-ħlas tal-kumpens speċjali għal tkeċċija lil ħaddiem li, minkejja li jkun eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija mħallsa mill-persuna li kienet timpjegah, jagħżel, madankollu, li jirrinunzja temporanjament għall-benefiċċju ta’ pensjoni bħal din sabiex ikompli l-karriera professjonali tiegħu, l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati għandu l-effett li joħloq theddida eċċessiva għall-interessi leġittimi tal-ħaddiema li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni bħal din u għalhekk imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika soċjali mfittxija minn din id‑dispożizzjoni” ( 14 ). Konsegwentement, it-trattament differenti li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni ma jistax, skont il‑Qorti tal‑Ġustizzja, jiġi ġġustifikat taħt l-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78 ( 15 ). |
33. |
Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Daniż jirrileva li s-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600) kienet tirrigwarda relazzjoni bejn ħaddiem u persuna li timpjega fis-settur pubbliku, jiġifieri relazzjoni vertikali. Minn dan, dan il-gvern ikkonkluda li l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma ddeċidietx, f’din is‑sentenza, dwar il-kwistjoni ta’ jekk, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, l‑Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati jistax, minkejja n-nuqqas ta’ applikazzjoni tiegħu fir-relazzjonijiet bejn ħaddiema u persuni li jimpjegaw fis-settur pubbliku, ikompli jiġi applikat f’relazzjoni purament orizzontali bejn ħaddiem u persuna li timpjega fis-settur privat. |
34. |
Jien nikkunsidra li jista’ jiġi konkluż, b’mod ġenerali, mis‑sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600) li l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati, kif interpretat mill-qrati nazzjonali, huwa inkompatibbli mal-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Anki jekk it-tilwima li minnha oriġinat il‑kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet bejn ħaddiem u persuna li timpjega fis-settur pubbliku, jirriżulta li din id-dispożizzjoni nazzjonali ma tistax sempliċement tkun applikata fir-relazzjonijiet bejn ħaddiema u persuni li jimpjegaw, irrispettivament minn jekk dawn ir‑relazzjonijiet humiex irregolati mid-dritt pubbliku jew mid-dritt privat. Pożizzjoni inversa twassal sabiex iċċekken il-portata tal‑imsemmija sentenza għal kategorija waħda ta’ relazzjonijiet ġuridiċi, jiġifieri dawk tad-dritt pubbliku. |
35. |
B’hekk, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 li ntużat mill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600) ippermettiet li jiġu enfasizzati r‑raġunijiet li għalihom l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati, kif interpretat mill-qrati nazzjonali, għandu jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mad-Direttiva 2000/78. Dawn ir-raġunijiet jibqgħu rilevanti tkun xi tkun in-natura tar-relazzjoni ġuridika inkwistjoni, kemm jekk tkun irregolata mid-dritt pubbliku kif ukoll mid-dritt privat. |
36. |
L-implementazzjoni fil-kuntest ta’ kawżi bejn individwi tas‑soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal‑Ġustizzja f’din is-sentenza tqajjem madankollu, fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, ċerti diffikultajiet li minnhom oriġina dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
37. |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-implementazzjoni tas-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ma toħloqx problema sakemm il‑persuna li timpjega hija persuna pubblika. Fil-fatt, f’dan il-każ, il‑kunflitt bejn l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati u d‑Direttiva 2000/78 jista’, fl-opinjoni tagħha, ikun riżolt mill-fatt li impjegat jista’ jinvoka din id-direttiva u juża d-dispożizzjonijiet tagħha, sakemm dawn jidhru bħala inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, b’tali mod li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l‑impjegati f’każ konkret. |
38. |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, min-naħa l-oħra, fir-relazzjonijiet bejn persuni privati, ma huwiex possibbli li jiġi rrikonoxxut effett dirett ta’ dispożizzjonijiet ta’ direttiva. F’tali kuntest, hija tindika li kunflitt eventwali bejn dispożizzjoni ta’ dritt intern u direttiva jista’ jkun riżolt, sakemm possibbli, b’interpretazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni f’sens konformi mad-direttiva kkonċernata, b’mod li titnaqqas dik li tidher bħala kontradizzjoni bejn iż-żewġ normi. Il-qorti tar-rinviju tispjega, madankollu, li dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għandu ċerti limiti u li, b’mod partikolari, ma jistax iservi bħala bażi ta’ interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali. |
39. |
Skont din il-qorti, tali limitu jeżisti f’din il-kawża, b’mod li, skont il-ġurisprudenza li rriżultat mill-kawżi Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709) u Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21), għandu jintuża l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età sabiex tiġi riżolta l-kawża prinċipali bejn żewġ persuni privati. L-użu ta’ dan il‑prinċipju joħloq għalhekk il-problema li dan jiġi bbilanċjat mill-qorti tar-rinviju mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi. |
40. |
Ir-raġunament li l-qorti tar-rinviju użat fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha jidhirli li jikkorrispondi, għall-inqas parzjalment, mal-aħħar żviluppi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatati mal‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l‑età fil-kuntest ta’ kawżi bejn individwi. Fil-fatt, huwa konformi ma’ din il-ġurisprudenza li jintuża l-prinċipju ġenerali tad-dritt fid-dawl tar‑rifjut persistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikonoxxi effett dirett orizzontali tad-direttivi. F’dan ir-rigward, infakkar li, f’każ ta’ kawża bejn individwi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod stabbilit, li direttiva ma tistax, fiha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra tiegħu ( 16 ). |
41. |
Minkejja dan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-direttivi ma humiex kompletament mingħajr effett fil-kuntest ta’ kawżi bejn individwi. L-obbligu għall-qrati nazzjonali li jinterpretaw il-liġi nazzjonali b’mod konformi mal-kontenut u l-għanijiet tad‑direttivi jippermettilhom jużaw b’mod indirett l-effetti tagħhom f’kawżi simili. |
42. |
Fir-rigward tar-rwol tal-qorti nazzjonali meta din ikollha tiddeċiedi kwistjoni bejn individwi li fiha jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata hija kontra d-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li “huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali fil-konfront tal-inidividwi li tirriżulta mid‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll li għandhom jiggarantixxu l‑effett sħiħ tagħhom” ( 17 ). Barra minn hekk, “l-obbligu tal‑Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r‑riżultat previst minnha kif ukoll il‑kompitu tagħhom, skont l-Artikolu 10 KE, li jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari kollha sabiex jiżguraw l‑eżekuzzjoni ta’ dan l‑obbligu jorbot lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi l‑awtoritajiet ġudizzjarji fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom” ( 18 ). |
43. |
Minn dan jirriżulta li, “meta japplikaw il-liġi interna, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawha, sa fejn huwa possibbli, fid‑dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir‑riżultat previst minnha u, b’hekk, tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti għas-sistema tat‑Trattat FUE għaliex dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom” ( 19 ). |
44. |
L-imsemmi obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jirrigwarda r‑regoli tad-dritt nazzjonali kollha ( 20 ), inkluża l-ġurisprudenza nazzjonali ( 21 ). |
45. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll li “jekk id-dritt nazzjonali, permezz tal-applikazzjoni ta’ metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti mill-liġi nazzjonali jwassal, f’ċerti ċirkustanzi, biex dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali tiġi interpretata b’tali mod sabiex jiġi evitat kunflitt ma’ regola oħra ta’ liġi nazzjonali jew l-iskop ta’ dik id-dispożizzjoni jiġi ristrett billi tiġi applikata biss sa fejn hija kompatibbli mar-regola kkonċernata, il-qorti nazzjonali hija obbligata li tuża dawn il-metodi sabiex tikseb ir-riżultat li riedet tasal għalih id-direttiva inkwistjoni” ( 22 ). |
46. |
L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-direttiva għalhekk jirrikjedi li “l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil‑kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha” ( 23 ). |
47. |
Huwa biss meta tali interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mad-Direttiva 2000/78 tkun tidher li hija impossibbli li tiġi applikata mill‑qrati nazzjonali li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l‑età jsir in-norma ta’ riferiment li tippermetti li jiġu riżolti l-kawżi bejn individwi billi tiġi nnewtralizzata l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju għalhekk għandu rwol alternattiv fin-nuqqas ta’ effett dirett orizzontali tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll fil-każ tal-impossibbiltà tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw id‑dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi ma’ din id-direttiva. Barra minn hekk, nirrileva li, fil-ġurisprudenza l-iktar riċenti, il-Qorti tal‑Ġustizzja uriet b’mod ċar ir-rwol prijoritarju li hija trid tagħti lill‑obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ( 24 ). |
48. |
Qabel jintuża l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l‑età bħala l-aħħar soluzzjoni sabiex jiġu riżolti l-kunflitti bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali għandhom għalhekk jivverifikaw kif suppost li d-dritt intern tagħhom ma jistax jiġi interpretat b’mod konformi mad-Direttiva 2000/78. |
49. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. B’hekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut u għall-għan ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad‑dritt intern huwa “limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari dak taċ-ċertezza legali, fis-sens li ma tistax tkun il-bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali” ( 25 ). |
50. |
Konsegwentement, huwa biss meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, abbażi ta’ osservazzjonijiet li jiġu sottomessi lilha, li l-qorti nazzjonali tkun effettivament qed tiffaċċja tali limitu li hija għandha tipproċedi, skont l-approċċ li hija użat fis-sentenza tagħha Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21), bl-interpretazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li n‑norma ta’ dritt sekondarju għandha l-għan li tikkonkretizza. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn dan il-prinċipju u d-dritt nazzjonali, il-Qorti tal‑Ġustizzja tindika għalhekk lill-qorti nazzjonali li l-imsemmi prinċipju jista’ jintuża fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi sabiex tiġi evitata dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. |
51. |
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hija ma tistax tagħti interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tkun konformi mad-Direttiva 2000/78, taħt piena li tipproċedi b’interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali tagħha. |
52. |
Ċertament, hija ġurisprudenza stabbilita li l-interpretazzjoni tad‑dritt intern taqa’ esklużivament f’idejn il-qrati nazzjonali ( 26 ). Huwa għalhekk responsabbiltà tagħhom li jiddeċiedu, fl-aħħar nett, jekk id-dritt nazzjonali tagħhom jistax jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal‑Unjoni. |
53. |
Minkejja dan, jiena nikkunsidra li, jekk mill‑kunsiderazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari l-uniku raġuni li tipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal‑Unjoni hija l-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali stabbilita li hija kontra d-dritt tal-Unjoni, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tindika lill-qorti nazzjonali jekk tali raġuni tistax tiġi kkunsidrata jew le minnha. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja taġixxi, fl-opinjoni tiegħi, kompletament fil-kuntest tal-kompetenza tagħha meta tispjega s-sens li għandu jingħata lil limitu ta’ obbligu ta’ interpretazzjoni konformi li hija stess qajmet, jiġifieri l-interpretazzjoni contra legem. L-ispirtu ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li jispira l‑mekkaniżmu preliminari tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll l-effett utli ta’ din il-proċedura u l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni jimplikaw għalhekk min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija għandha tindika lill-qorti tar-rinviju d-direzzjoni li għandha tieħu sabiex tipprekludi użu inkorrett tal-limitu tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi li interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali tikkostitwixxi. |
54. |
Huwa għalhekk li nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina b’attenzjoni r-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ma tistax tagħti interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tkun konformi mad-Direttiva 2000/78. |
55. |
F’dan ir-rigward infakkar li, kif tindika espressament il-qorti tar‑rinviju, jirriżulta minn ġurisprudenza nazzjonali stabbilita, l-aħħar eżempju jkun is-sentenza li hija tat fis-17 ta’ Jannar 2014 ( 27 ), li l‑Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati huwa interpretat fis-sens li l‑ħaddiem ma għandux dritt għall-ħlas ta’ kumpens ta’ tkeċċija jekk huwa intitolat għal pensjoni ta’ xjuħija mħallsa mill-persuna li timpjega skont skema ta’ rtirar li ssieħeb fiha qabel laħaq l-età ta’ 50 sena, indipendentement mill-fatt li huwa seta’ għażel li jirrinunzja temporanjament għall-benefiċċju ta’ tali pensjoni bil-għan li jkompli l‑karriera professjonali tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l‑impjegati li tista’ tagħmel din id-dispożizzjoni konformi mad‑Direttiva 2000/78, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600), tkun contra legem. |
56. |
Kien wara li telqet minn din il-premessa li l-qorti tar-rinviju mbagħad iffokat, fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha, fuq il-portata tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-kawżi bejn persuni privati. |
57. |
Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk il-premessa hekk applikata mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta. |
58. |
Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-aventi kawża ta’ K. Rasmussen isostnu l-ewwel nett li huwa konkretament possibbli, skont interpretazzjoni konformi, li kemm l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l‑impjegati kif ukoll il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l‑età prevista mid-Direttiva 2000/78 jeżistu flimkien. |
59. |
L-aventi kawża ta’ K. Rasmussen jippreċiżaw, f’dan ir-rigward, li l-qorti nazzjonali interpretat l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati fis-sens li t-termini “ser jirċievi” (“vil oppebære”) ifissru “jista’ jirċievi” (“kan oppebære”). Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-idea li ma għandhiex tiddependi biss mill-volontà unika każwali tal-ħaddiem mkeċċi li jattiva, jekk huwa jixtieq, il-pensjoni tal-irtirar tiegħu u b’hekk li jitlef id-dritt għall-ħlas ta’ kumpens ta’ tkeċċija jew li jipposponi l-pensjoni tal-irtirar u b’hekk jikkonserva d-dritt għall-ħlas ta’ kumpens ta’ tkeċċija. Il-qrati ħadu għalhekk inkunsiderazzjoni l-allegata volontà tal-leġiżlatur nazzjonali li jistabbilixxi kriterju oġġettiv tal‑mument li fih it-talba għall-ħlas ta’ kumpens ta’ tkeċċija tispiċċa minħabba d-dritt li għandu l-ħaddiem li jirċievi pensjoni tal-irtirar meta jitlaq. |
60. |
L-aventi kawża ta’ K. Rasmussen jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju li interpretazzjoni tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l‑impjegati li tista’ tagħmel din id-dispożizzjoni konformi mad‑Direttiva 2000/78, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600), hija contra legem, peress li, fl-opinjoni tagħhom, tali interpretazzjoni konformi sseħħ biss fil-kuntest tat-termini tal-imsemmija dispożizzjoni. |
61. |
F’dan ir-rigward, l-aventi kawża ta’ K. Rasmussen jirreferu għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:248). Fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Kokott, fil-fatt, ikkunsidrat, filwaqt li fakkret ir-regola li l-interpretazzjoni tad-dritt intern taqa’ esklużivament fuq il-qorti nazzjonali, li “[t]idher li [hija] kompletament possibbli interpretazzjoni konformi mad‑[Direttiva 2000/78]”. Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, hija rrilevat li “l-applikazzjoni restrittiva attwali tad-dispożizzjoni derogatorja tal‑Artikolu 2a(3) tal-[liġi dwar l-impjegati] hija bbażata biss fuq interpretazzjoni maħruġa mill-ġurisprudenza Daniża. Il-kliem użat minnha [...] jista’ jiġi interpretat ukoll fis-sens li d-dispożizzjoni inkwistjoni tirreferi biss għal dawk l-individwi li jkunu ser jibbenefikaw effettivament mill-pensjoni tax-xjuħija tagħhom, mingħajr ma jkunu inklużi ukoll b’mod awtomatiku l-individwi li jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tax-xjuħija”. |
62. |
Bl-istess mod u anki jekk ma daħlitx fid-dettall ta’ din is‑soluzzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tirrileva, fl-osservazzjonijiet tagħha, li l-interpretazzjoni li toħroġ mill-ġurisprudenza nazzjonali ma tirriżultax neċessarjament mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati, billi t-termini “ser jirċievi” jistgħu, kif jidher, ikunu interpretati fis-sens li l-ħaddiem ma jitlifx id-dritt tiegħu għall‑ħlas ta’ kumpens ta’ tkeċċija ħlief fil-każ fejn huwa effettivament juża d-dritt tiegħu li jirċievi pensjoni tax-xjuħija. |
63. |
Fl-aħħar nett, nirrileva li, fl-osservazzjonijiet li huwa ppreżenta fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600), il-Gvern Daniż stess ma kienx jidher qed jikkunsidra li interpretazzjoni tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati konformi mad-Direttiva 2000/78 kienet impossibbli. Huwa indika, fil-fatt, li, jekk il-pożizzjoni li huwa ddefenda dakinhar, jiġifieri, il-kompatibbiltà bejn id-dritt nazzjonali tiegħu u din id‑direttiva, ma kinitx aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja, “il-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni konformi mad-Direttiva [2000/78] tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l‑impjegati, tistax tasal għal riżultat li jibqa’ fil-kuntest ta’ [din] id‑direttiva mingħajr ma jkun meħtieġ li tiddikjara [din id‑dispożizzjoni] inapplikabbli għar-relazzjonijiet bejn l-impjegati fis‑settur pubbliku u l-persuni li jimpjewgawhom” ( 28 ). |
64. |
Jidhirli li dan is-suġġeriment huwa adattat b’mod partikolari sa fejn il-metodu ta’ interpretazzjoni konformi jippermetti, fil-kuntest tal‑kawża li wasslet għas-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600) kif ukoll ta’ dak ta’ din il-kawża, li tillimita l-portata tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati għal dak li jirriżulta espressament mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Is-soluzzjoni li tiġi evitata kompletament l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex, min-naħa l-oħra, adattata, peress li f’din il-kawża, il-Qorti tal‑Ġustizzja uriet biss in-nuqqas ta’ kompatibbiltà mad‑Direttiva 2000/78, tal-interpretazzjoni li l-qrati nazzjonali użaw tal‑Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati. |
65. |
Fil-verità, kif rajna, mis-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600) ma jirriżultax li l-kliem stess tal‑Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati huwa inkompatibbli mad‑Direttiva 2000/78. Għall-kuntrarju, f’din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja aċċettat li din id-dispożizzjoni, jekk tinqara f’sens ristrett, tista’ tkun iġġustifikata minn għan ta’ protezzjoni tax-xogħol. Hija l‑estensjoni ġurisprudenzjali ta’ din ir-regola għall-ħaddiema li jistgħu jirċievu pensjoni tax-xjuħija, mingħajr ma ssir verifika li dan huwa l-każ, li hija kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala kuntrarja għad‑Direttiva 2000/78. B’mod impliċitu, ir-raġunament tal-Qorti tal‑Ġustizzja jikkontesta l-koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali: għaliex għandhom il-ħaddiema li jirrinunzjaw temporanjament għall-pensjoni tax-xjuħija tagħhom sabiex ikomplu l-karrieri professjonali tagħhom jiġu preklużi minn miżura li hija preċiżament intiża sabiex tgħinhom isibu xogħol? |
66. |
F’dan il-kuntest, l-implementazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal‑interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tkun konformi mad‑Direttiva 2000/78 tikkostitwixxi l-mod l-iktar adattat sabiex jiġi rregolat il-kunflitt bejn dan id-dritt u d-dritt tal-Unjoni, sakemm din tippermetti li jiġi nnewtralizzat is-sens mogħti mill-qorti nazzjonali lill‑Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati li jidher kuntrarju għal din id-direttiva u li tagħti lil din id-dispożizzjoni nazzjonali sens li ma huwiex biss xieraq għall-formulazzjoni tagħha, iżda konformi wkoll mal‑imsemmija direttiva. |
67. |
F’dan ir-rigward, għandu jkun stabbilit dak li huwa inkluż fis‑sitwazzjoni li fiha interpretazzjoni konformi hija impossibbli u, iktar preċiżament, dak li tfisser interpretazzjoni contra legem. |
68. |
Il-frażi latina “contra legem” tfisser litteralment “kontra l-liġi”. Interpretazzjoni contra legem għandha, fl-opinjoni tiegħi, tinftiehem bħala interpretazzjoni li tmur kontra l-kliem stess tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni. Fi kliem ieħor, qorti nazzjonali jkollha l‑ostakolu tal-interpretazzjoni contra legem meta l-kliem, ċari u univoċi, ta’ dispożizzjoni nazzjonali jidhru irrikonċiljabbli ma’ dawk ta’ direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk aċċettat li l-interpretazzjoni contra legem tikkostitwixxi limitu għall-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi għaliex ma tistax teżiġi lill-qrati nazzjonali jinterpretaw dispożizzjoni sa tali punt li jissostitwixxu lis-setgħa leġiżlattiva. |
69. |
Kif rajna, il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma tinstab f’tali sitwazzjoni. Fil-fatt, interpretazzjoni minnha tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati li hija konformi mad-Direttiva 2000/78 bl-ebda mod ma tfisser li tinkiteb mill-ġdid id-dispożizzjoni nazzjonali. Il-qorti tar‑rinviju ma tidħolx għalhekk fuq il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali. |
70. |
L-implementazzjoni ta’ interpretazzjoni konformi mill-qorti tar‑rinviju timplika biss li din għandha timmodifika l-ġurisprudenza tagħha sabiex l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lid‑Direttiva 2000/78 fis-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600) tkun kompletament applikata fl-ordinament ġuridiku nazzjonali mhux biss fir-relazzjonijiet ta’ bejn il-persuni li jimpjegaw u ħaddiema li jaqgħu fid-dritt pubbliku, imma wkoll dawk li jaqgħu fid-dritt privat. |
71. |
Filwaqt li tobbliga lill-qorti tar-rinviju timmodifika l‑ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma tobbliga lil din il-qorti tmur lill hinn mill-kompetenzi tagħha. Hija tfakkar lill‑imsemmija qorti fir-rwol essenzjali li hija għandha sabiex “[tiżgura] il-protezzjoni legali fil-konfront tal-individwi li tirriżulta mid‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll li [għandha tiggarantixxi] l‑effett sħiħ tagħhom” ( 29 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkarha wkoll li “l‑obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r‑riżultat previst minnha kif ukoll il-kompitu tagħhom [...] li jadottaw il‑miżuri ġenerali jew partikolari kollha sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jorbot lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet ġudizzjarji fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom” ( 30 ). |
72. |
L-ostakolu ġurisprudenzjali b’hekk ma huwiex komparabbli mal‑ostakolu tal-eżistenza ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li t‑termini tagħha huma irrikonċiljabbli ma’ norma tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, l-ostakolu ma jistax jitneħħa minn qorti nazzjonali, taħt piena li din tissostitwixxi s-setgħa leġiżlattiva billi tilleġiżla mill-ġdid id-dispożizzjoni inkwistjoni. |
73. |
Inżid li l-aċċettazzjoni li l-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali stabbilita b’mod kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni tista’ tikkostitwixxi ostakolu sabiex qorti nazzjonali tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni twassal għal tnaqqis kbir fil-potenzjal ta’ dan il-metodu ta’ riżoluzzjoni ta’ kunflitti bejn id-dritt tal-Unjoni u d‑drittijiet nazzjonali. |
74. |
Barra minn hekk, jien nikkunsidra li, f’tali sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludu l‑implementazzjoni mill-qorti tar-rinviju ta’ interpretazzjoni tal‑Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati li tkun konformi mad‑Direttiva 2000/78. |
75. |
B’mod iktar konkret, il-fatt li tali interpretazzjoni mill-qorti tar‑rinviju tad-dritt nazzjonali tagħha għandha bħala konsegwenza li tgħabbi lil persuna li timpjega bl-obbligu li tħallas kumpens ta’ tkeċċija li wassal għall-kawża prinċipali ma jibdilx l-analiżi tiegħi. |
76. |
Ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “obbligu fuq il-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tkun qed tinterpreta r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali tagħha għandu l-limitazzjonijiet tiegħu meta tali interpretazzjoni twassal sabiex timponi fuq individwu obbligu previst minn direttiva li ma ġietx trasposta, jew, b’mod iktar sinjifikattiv, meta tistabbilixxi jew taggrava, abbażi tad-direttiva u fin-nuqqas ta’ liġi stabbilita għall-implementazzjoni tagħha, ir-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha” ( 31 ). Madankollu, din il-ġurisprudenza tirrigwarda qabelxejn il-limiti tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi fil-qasam kriminali ( 32 ) u ma tidhirx li għandha tinftiehem bħala li tipprojbixxi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi ma’ direttiva li twassal sabiex il-persuna li timpjega jkollha tħallas kumpens ta’ tkeċċija bħal dak fil-kawża prinċipali. |
77. |
Jekk tingħata interpretazzjoni ristrettiva, il-formula li l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali tagħha jsib il-limiti tiegħu meta tali interpretazzjoni twassal sabiex timponi fuq individwu obbligu previst minn direttiva li ma ġietx trasposta timponi limitazzjonijiet drastiċi fuq il-prinċipju ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-direttivi tal-Unjoni ( 33 ). Għalhekk ma naħsibx li dan il-limitu għall-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jista’ jiġi applikat barra mill-kuntest ta’ proċedura kriminali, kuntest li barra minn hekk oriġina minn din id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 34 ). |
78. |
Barra minn hekk, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, obbligu ta’ persuna li timpjega li tħallas kumpens ta’ tkeċċija ma jirriżultax direttament mid-Direttiva 2000/78, iżda mid-dritt nazzjonali nnifsu, li, bis-saħħa tal-interpretazzjoni konformi, isib portata adegwata mal-formulazzjoni tiegħu. Fi kliem ieħor, din ma hijiex sitwazzjoni li fiha l-interpretazzjoni konformi twassal sabiex timponi fuq individwu obbligu previst minn direttiva mingħajr appoġġ mid-dritt nazzjonali eżistenti. Hija d-dispożizzjoni nazzjonali, imneżżgħa mit-tifsira li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li timponi fuq il-persuna li timpjega obbligu li jħallas kumpens ta’ tkeċċija. |
79. |
Finalment, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, “[l]-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt tal‑Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilha mill‑Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika, meta jkun neċessarju, is-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Fi kliem ieħor, deċiżjoni preliminari ma għandhiex valur kostituttiv, iżda purament dikjarattiv, bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata” ( 35 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja “[m]inn dan jirriżulta li r‑regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anke għal relazzjonijiet legali mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, minbarra dan, il‑kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jkunu sodisfatti” ( 36 ). |
80. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li “[h]uwa biss b’mod eċċezzjonali li [hija] tista’, skond il‑prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa inerenti għas-sistema legali [tal-Unjoni], tillimita l-possibbiltà għal kull min ikun ikkonċernat li jinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex jikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fede” ( 37 ). Barra minn hekk, “limitazzjoni bħal din tista’ biss tkun ammessa, skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza stess li tiddeċiedi fuq l‑interpretazzjoni mitluba” ( 38 ). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “jeħtieġ li neċessarjament ikun hemm mument uniku ta’ determinazzjoni ta’ l-effetti fiż-żmien ta’ l-interpretazzjoni mitluba li l‑Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ dispożizzjoni tad-dritt [tal-Unjoni]. F’dan ir-rigward, il-prinċipju li limitazzjoni tista’ tiġi biss ammessa fis‑sentenza stess li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba, jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament ta’ l-Istati Membri u ta’ l‑individwi l-oħra quddiem dan id-dritt u jissodisfa fl-istess ħin il‑ħtiġijiet li jirriżultaw mill-prinċipju taċ-ċertezza legali” ( 39 ). |
81. |
Mela, għandu jiġi kkonstatat li fis-sentenza tagħha Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600), il-Qorti tal‑Ġustizzja ma llimitatx l-effetti ratione temporis tal-interpretazzjoni li hija użat tad-Direttiva 2000/78 fir-rigward l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati. Fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tiddeċiedi mill-ġdid dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-imsemmija direttiva, iżda hija ġiet mitluba biss tispjega kif in-nuqqas ta’ kompatibbiltà bejn id‑dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali għandu jkun riżolt fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalhekk, fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, anki li kieku intalbet tagħmel hekk, li ma huwiex il-każ, tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600). |
82. |
Li kieku l-qorti tar-rinviju kienet awtorizzata, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, tillimita l-obbligu tagħha ta’ interpretazzjoni konformi billi targumenta favur il-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan kien iwassal sabiex jillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600), u kien għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li dan il-prinċipju kien jiġġustifika tali limitazzjoni. Għalhekk, kif jista’ jiġi dedott mill‑ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq relatata mal-effetti ratione temporis tas-sentenzi mogħtija fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss li għandha tiddeċiedi dwar il‑limitazzjonijiet ratione temporis li jaffettwaw l-interpretazzjoni li hija tagħti ( 40 ). |
83. |
Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li hija r-responsabbiltà tal‑qorti tar-rinviju, adita b’kawża bejn individwi li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/78, li, meta tkun qed tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, tinterpretahom b’tali mod li jista’ jkollhom applikazzjoni konformi mat-test u mal-għan ta’ din id‑direttiva. L-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali stabbilita kontra d‑Direttiva 2000/78 ma tikkostitwixxix ostakolu għall‑implementazzjoni mill-qorti tar-rinviju ta’ dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi. Barra minn hekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludu l-implementazzjoni ta’ tali obbligu. |
IV – Konklużjoni
84. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposti għad-domandi magħmula mill-Højesteret (qorti suprema) għandhom ikunu s-segwenti: Hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju, adita b’kawża bejn individwi li taqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tad‑Direttiva tal-Kunsill 2000/78, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit‑trattament fl-impjieg u fix-xogħol, li, meta tkun qed tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, tinterpretahom b’tali mod li jista’ jkollhom applikazzjoni konformi mat-test u mal-għan ta’ din id‑direttiva. L-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali stabbilita kontra d‑Direttiva 2000/78 ma tikkostitwixxix ostakolu għall‑implementazzjoni mill-qorti tar-rinviju ta’ dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi. Barra minn hekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludu l-implementazzjoni ta’ tali obbligu. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.
( 3 ) Iktar ’il quddiem “Ajos”.
( 4 ) Għal interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-Direttiva 2000/78 meta mqabbla mal-Artikolu 2a(2) tal-Liġi dwar l-impjegati, ara s-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑515/13, EU:C:2015:115).
( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ nondiskriminazzjoni”.
( 6 ) Kawża 96/2013 et (UfR 2014.1119).
( 7 ) Sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 9).
( 8 ) Ibidem (punt 24).
( 9 ) Ibidem (punt 31).
( 10 ) Ibidem (punt 34).
( 11 ) Idem.
( 12 ) Sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 35).
( 13 ) Ibidem (punt 40).
( 14 ) Ibidem (punt 47).
( 15 ) Ibidem (punt 48).
( 16 ) Ara, b’mod speċjali, is-sentenza Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 37 u l-ġurisprudenza iċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ibidem (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Sentenza Centrosteel (C‑456/98, EU:C:2000:402, punt 17).
( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Mono Car Styling (C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ibidem (punt 23, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, irrilevat li “l-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn din tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, għandhiex tibqa’ inapplikata tqum biss jekk jirriżulta li ebda interpretazzjoni konformi ma’ din id-dispożizzjoni ma tkun possibbli”). Ara, fuq dan il-punt, Simon, D., “La panacée de l’interprétation conforme: injection homéopathique ou thérapie palliative?”, De Rome à Lisbonne: les juridictions de l’Union européenne à la croisée des chemins – Mélanges en l’honneur de Paolo Mengozzi, Bruylant, Bruxelles, p. 279. Skont dan l-awtur, “il-Qorti tal-Ġustizzja tat, dejjem b’mod iktar ċar, speċi ta’ prijorità teknika lill-metodu tal-interpretazzjoni konformi meta mqabbel mal-implikazzjonijiet l-oħra ta’ supremazija” (p. 298).
( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Mono Car Styling (C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 103) u Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 34).
( 27 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 28 ) Punt 42.
( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) Ibidem (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Arcaro (C‑168/95, EU:C:1996:363, punt 42 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Caronna (C‑7/11, EU:C:2012:396, punti 51 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Centrosteel (C‑456/98, EU:C:2000:137, punt 34).
( 34 ) Idem. Ara wkoll, fuq dan il-punt, Lenaerts, K., u Corthaut, T., “Of birds and hedges: the role of primacy in invoking norms of EU law”, European Law Review, 2006, vol. 31, no3, p. 287, speċjalment p. 295 u 296, kif ukoll il-kummentarju tas‑sentenza Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584) minn Prechal, S., Common Market Law Review, 2005, vol. 42, p. 1445, speċjalment punt 6.4, p. 1459 u 1460.
( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pohl (C‑429/12, EU:C:2014:12, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Meilicke et (C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Ibidem (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ibidem (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 39 ) Ibidem (punt 37).
( 40 ) Ara s-sentenza Barra et (309/85, EU:C:1988:42, punti 13, 16 et seq.).