Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0359

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fl-24 ta’ Settembru 2015.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:630

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fl-24 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑359/14 u C‑475/14

    ERGO Insurance SE, li taġixxi permezz tas-sussidjarja tagħha ERGO Insurance SE Lietuvos filialas

    vs

    If P&C Insurance AS, li taġixxi permezz tas-sussidjarja tagħha If P&C Insurance AS filialas

    [talba għal deċiżjoni preliminari mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il‑Litwanja)]

    u

    AAS Gjensidige Baltic, li taġixxi permezz tas-sussidjarja tagħha AAS ‘Gjensidige Baltic’ Lietuvos filialas

    vs

    UAB DK “PZU Lietuva”

    [talba għal deċiżjoni preliminari mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il‑Litwanja)]

    “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Determinazzjoni tal-liġi applikabbli — Kamp ta’ applikazzjoni ta’ Ruma I u Ruma II — Direttiva 2009/103/KE — Inċident ikkawżat minn trakter u karru agganċjat miegħu, kull waħda mill-vetturi assigurata kontra responsabbiltà ċivili minn assiguraturi differenti — Inċident li jseħħ fi Stat Membru differenti minn dak li fih ġew konklużi kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru responsabbiltà ċivili”

    1. 

    Trakter b’karru agganċjat miegħu huwa involut f’inċident tat-traffiku fi Stat Membru, iżda ż-żewġ vetturi huma rreġistrati fi Stat Membru ieħor fejn huma assigurati kontra responsabbiltà ċivili ma’ żewġ kumpanniji tal-assigurazzjoni differenti. L-assiguratur tat-trakter (il-vettura li tiġbed) tħallas l-ammont sħiħ tal-kumpens dovut lill-vittma riżultat tal-inċident. Dak l-assiguratur imbagħad iressaq talba sabiex jirkupra parti minn dak il-pagament (azzjoni ta’ rkupru) kontra l-assiguratur tal-karru (il-vettura miġbuda).

    2. 

    Permezz ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari, iż-żewġ qrati tar-rinviju jistaqsu jekk tali azzjoni ta’ rkupru taqax fil-portata tar-regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw id-dritt applikabbli f’materji ċivili u kummerċjali u, jekk inhu hekk, liema regoli japplikaw. Il-Kawża C‑359/14 ġiet irriferuta mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-qorti distrettwali tal-belt ta’ Vilnius); il-Kawża C‑475/14 hija riferiment mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-qorti suprema tal-Litwanja). It-tnejn jagħmlu domandi importanti rigward il-portata u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jarmonizza r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet, partikolarment ir-Regolamenti Ruma I ( 2 ) u Ruma II ( 3 ). Tqum ukoll id-domanda jekk id-Direttiva 2009/103/KE ( 4 ) tintroduċix regoli speċjali f’dan il-kuntest sabiex tiddetermina l-liġi applikabbli fir-rigward ta’ inċidenti tat-traffiku.

    Il-kuntest ġuridiku

    Is-sistema ta ’ armonizzazzjoni tad-dritt internazzjonali privat f’materji ċivili u kummerċjali.

    3.

    Fil-kuntest tal-armonizzazzjoni, kif inhi bejn l-Istati Membri, tad-dritt internazzjonali privat f’materji ċivili u kummerċjali l-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 5 ) tipprovdi regoli li jidentifikaw l-Istat li l-qorti tiegħu jkollha ġurisdizzjoni li tisma’ u tiddetermina kwistjoni transkonfinali. Din ġiet issostitwita bir-Regolament “Brussell I” ( 6 ). Il-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 7 ) ġiet konkluża sabiex jitkompla l-proċess ta’ armonizzazzjoni. Il-fażi ta’ wara kienet l-adozzjoni ta’ żewġ regolamenti (magħrufa bħala Ruma I u Ruma II) sabiex jiġi żgurat li f’sitwazzjonijiet li jinvolvu kunflitt ta’ liġijiet jiġu applikati l-istess regoli mal-Unjoni Ewropea kollha sabiex jidentifikaw id-dritt nazzjonali li abbażi tiegħu jitmexxew il-proċeduri, irrispettivament mill-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tiġi ppreżentata l-azzjoni. L-għanijiet prinċipali ta’ Ruma I u Ruma II jinkludu l-iżgurar tal-funzjonament xieraq tas-suq intern, titjib fit-tbassir tal-eżitu ta’ litigazzjoni, ċertezza dwar liema liġi hija applikabbli u l-moviment liberu tas-sentenzi ( 8 ).

    4.

    Hemm ċerti prinċipji li huma komuni għaż-żewġ regolamenti, inkluż l-għan li jiżgura li l-iskop sostantiv u l-interpretazzjoni tagħhom huma konsistenti ma’ xulxin kif ukoll ma’ Brussell I ( 9 ). Hija wkoll kompatibbli maż-żewġ regolamenti sabiex ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġi jistgħu jiġu stabbiliti minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li jkopru oqsma speċifiċi ( 10 ).

    Ruma I

    5.

    Ruma I japplika, “[…] f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, għal obbligazzjonijiet kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali” ( 11 ).

    6.

    Ir-regola ġenerali hija li l-kuntratti huma koperti bil-liġi magħżula mill-partijiet ( 12 ).

    7.

    Meta l-liġi applikabbli ma tkunx intgħażlet mill-partijiet, il-liġi li tirregola l-kuntratt hija bħala prinċipju ddeterminata mir-regoli ġenerali li jinsabu fl-Artikolu 4. L-Artikolu 4(1) jipprovdi regoli li jiddeterminaw il-liġi applikabbli rigward ċerti tipi speċifiċi ta’ kuntratt. Skont l-Artikolu 4(2), kuntratti ta’ tip ieħor jew ibridi huma rregolati bil-liġi tal-pajjiż fejn għandha r-residenza abitwali dik il-parti li hija meħtieġa twettaq obbligi karatteristiċi tal-kuntratt. F’ċirkustanzi oħrajn, il-kuntratt huwa rregolat bil-liġi tal-pajjiż li miegħu huwa l-iktar marbut [Artikoli 4(3) u (4)].

    8.

    Tipi speċifiċi oħra ta’ kuntratt huma koperti bl-Artikoli 5 sa 8. L-Artikolu 7 jikkonċerna l-liġi applikabbli fir-rigward ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. L-Artikolu 7(3) jipprovdi li għall-kuntratti tat-tip inkwistjoni, il-partijiet jistgħu jagħżlu biss ċerti liġijiet fl-ambitu tal-Artikolu 3. Dawn jinkludu l-liġi tal-pajjiż fejn ikun jinsab ir-riskju fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt [Artikolu 7(3)(a)] u l-liġi tal-pajjiż fejn id-dententur tal-polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu [Artikolu 7(3)(b)]. L-Artikolu 7(4) jelenka regoli addizzjonali għal kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru riskji li għalihom l-Istat Membru jimponi obbligu sabiex tinħareġ polza ta’ assigurazzjoni ( 13 ).

    9.

    L-Artikolu 15 huwa intitolat “Surroga ġuridika”. Dan jipprovdi: “Fejn persuna (’il-kreditur’) ikollha dritt kuntrattwali kontra oħra (‘id-debitur’) u persuna terza jkollha l-obbligu li tissodisfa lill-kreditur, jew fil-fatt issodisfat lill-kreditur fit-twettiq ta’ dak l-obbligu, il-liġi li tirregola l-obbligu tal-persuna terza li tissodisfa lill-kreditur għandha tiddetermina jekk u sa liema punt il-persuna terza jkollha l-jedd li teżerċita kontra d-debitur d-drittijiet li l-kreditur kellu kontra d-debitur taħt il-liġi li tirregola r-relazzjoni tagħhom.”

    10.

    Skont l-Artikolu 16, “Jekk kreditur ikollu pretensjoni kontra diversi debituri li jkunu marbuta mill-istess pretensjoni, u wieħed mid-debituri diġà ssodisfa l-pretensjoni fis-sħiħ jew parzjalment, il-liġi li tirregola l-obbligazzjoni tad-debitur lejn il-kreditur għandha tirregola wkoll id-dritt tad-debitur li jitlob adempiment mid-debituri l-oħra. Id-debituri l-oħra jistgħu jeċċepixxu d-difiżi li kellhom kontra l-kreditur sal-limitu permess mil-liġi li tirregola l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn il-kreditur.”

    Ruma II

    11.

    Ruma II japplika “[…] f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, għal obbligazzjonijiet kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali. […]” ( 14 ).

    12.

    Il-Kapitolu II huwa intitolat “Delitti jew Kważi-Delitti Ċivili”. L-Artikolu 4(1) jipprovdi r-regola ġenerali li “il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment”. Regoli għal obbligi partikolari mhux kuntrattwali huma elenkati mill-Artikolu 5 sal-Artikolu 12 ( 15 ).

    13.

    L-Artikolu 18 jipprovdi mezz għal vittma li teżiġi azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli. Dan jipprovdi illi: “Il-persuna li tkun sofriet id-dannu tista’ tressaq it-talba tagħha direttament kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli sabiex jipprovdi l-kumpens jekk hekk ikun previst mill-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali jew mill-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni.”

    14.

    Ċerti regoli komuni jinsabu fil-Kapitolu V, inklużi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-surroga fl-Artikolu 19, u talbiet għal responsabbiltà multipla fl-Artikolu 20. Dawk id-dispożizzjonijiet jirreplikaw il-kliem tal-Artikoli 15 u 16 ta’ Ruma I.

    Id-Direttiva 2009/103

    15.

    Id-Direttiva 2009/103 tikkodifika d-direttivi li jirrigwardaw l-assigurazzjoni li tkopri responsabbiltà ċivili fl-użu ta’ vetturi. Skont id-Direttiva, vetturi koperti b’assigurazzjoni għall-vetturi obbligatorja għandhom ikunu assigurati għas-sewqan fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-premessi li ġejjin tal-preambolu għad-Direttiva huma rilevanti: Skont il-premessa 12, l-obbligi tal-Istati Membri li jiggarantixxu kopertura tal-assigurazzjoni jikkostitwixxu element importanti fl-iżgurar tal-protezzjoni tal-vittmi. Il-premessa 26 tgħid: “Fl-interess tal-parti assigurata, kull polza tal-assigurazzjoni għandha tiggarantixxi għal premium wieħed, f’kull Stat Membru, il-kopertura meħtieġa mil-liġi tiegħu jew il-kopertura meħtieġa bil-liġi tal-Istat Membru ta’ fejn il-vettura tkun normalment ibbażata, meta dik il-kopertura tkun akbar.”

    16.

    Vettura hija mfissra bħala “kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi bl-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le” ( 16 ).

    17.

    Il-prinċipju ġenerali fl-Artikolu 3 huwa li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta b’assigurazzjoni ( 17 ).

    18.

    L-Artikolu 14 jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li l-poloz kollha tal-assigurazzjoni obbligatorja kontra r-responsabbiltà ċivili li toriġina mill-użu ta’ vetturi:

    (a)

    jagħtu kopertura, abbażi ta’ premium wieħed u matul l-iskadenza kollha tal-kuntratt, fit-territorju kollu tal-Komunità, inkluż għal kull perjodu meta l-vettura tibqa’ fl-Istati Membri l-oħra matul il-perijodu tal-kuntratt; u

    (b)

    jiggarantixxu, fuq l-istess bażi tal-istess premium wieħed, f’kull Stat Membru, il-kopertura meħtieġa mil-liġi tiegħu jew il-kopertura meħtieġa mil-liġi tal-Istat Membru ta’ fejn il-vettura tkun normalment ibbażata, meta dik tal-aħħar tkun akbar.”

    Id-dritt Litwan

    19.

    L-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 1X‑378, tal-14 ta’ Ġunju 2001, dwar l-assigurazzjoni obbligatorja kontra responsabbiltà ċivili li tikkonċerna l-użu ta’ vetturi huwa intitolat “Prinċipji għall-ħlas ta’ kumpens”. L-Artikolu 16(1) jirrikjedi mill-assiguratur responsabbli jew mill-Bureau sabiex tħallas kumpens jekk l-utent ta’ vettura jġorr responsabbiltà ċivili għal ħsara kkawżata lil terz. Il-kumpens għandu jitħallas b’konformità mal-leġiżlazzjoni li tirregola l-assigurazzjoni obbligatorja kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi tal-Istat Membru li fih l-inċident tat-traffiku jkun seħħ. Skont l-Artikolu 16(5) ir-regola ġenerali hija li l-kumpens għad-dannu kkawżat minn vettura miġbuda huwa mħallas abbażi tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri l-vettura li tiġbed jekk iż-żewġ vetturi jkunu agganċjati ma’ xulxin fil-mument tal-inċident tat-traffiku. Kumpens abbażi tal-kuntratt li jkopri l-vettura miġbuda jirriżulta biss jekk iż-żewġ vetturi jkunu ġew separati u d-dannu kkawżat jagħti lok għal responsabbiltà ċivili fil-konfront tal-utent tal-vettura miġbuda.

    Id-dritt Ġermaniż

    20.

    Fil-Kawża C‑475/14 il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dritt Litwan u d-dritt Ġermaniż japplikaw prinċipji differenti li jirregolaw l-allokazzjoni ta’ responsabbiltà bejn l-assiguraturi tal-vettura li tiġbed u dik miġbuda f’każijiet meta d-dannu huwa kkawżat f’inċident tat-traffiku fil-mument li l-vetturi jkunu użati agganċjati flimkien. Skont id-dritt Litwan, il-pożizzjoni hija bħal dik ta’ hawn fuq. Madankollu, skont id-dritt Ġermaniż, l-assiguraturi tal-vetturi li jiġbdu u dawk miġbuda għandhom, kull wieħed minnhom, ikopru 50 % tad-dannu kkawżat mill-vetturi agganċjati flimkien, irrispettivament jekk il-vettura miġbuda tkunx ġiet distakkata mill-vettura li tiġbed waqt l-inċident, sakemm il-persuni assigurati ma jkunux ftiehmu xorta oħra ( 18 ). Barra minn hekk, hemm differenzi bejn id-dritt Litwan u dak Ġermaniż fir-rigward tal-preskrizzjoni sabiex tinġieb azzjoni ta’ rkupru.

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

    Il-Kawża C‑359/14

    21.

    Fl-1 ta’ Settembru 2011, fiż-żona ta’ Mannheim (il-Ġermanja), trakter b’karru agganċjat miegħu, skiddja u nqaleb waqt li kien qed idur fi triq dejqa, u kkawża dannu fl-ammont ta’ EUR 2247.45 (LTL 7760.02). Il-Pulizija ta’ Cochem (il-Ġermanja) stabbilixxew illi x-xufier tat-trakter kien responsabbli għall-inċident u għad-dannu kkawżat. Fil-mument tal-inċident, ir-responsabbiltà ċivili tas-sid jew l-utent legali tat-trakter kienet koperta b’assigurazzjoni obbligatorja ma’ ERGO SE (“ERGO”), filwaqt li l-karru kien assigurat ma’ sussidjarja ta’ If P&C Insurance AS (“If P&C”). Il-lok normali tal-attività taż-żewġ assiguraturi kien il-Litwanja. ERGO ħallset kumpens fir-rigward tad-dannu li rriżulta mill-inċident. Hija mbagħad ressqet proċeduri legali fil-Litwanja li fihom issottomettiet illi If P&C kellha tassumi responsabbiltà konġunta għad-dannu li ġie kkawżat.

    22.

    Il-Vilniaus miesto apylinkės teismas tispjega li l-qorti suprema tal-Litwanja kienet iddeċidiet li r-relazzjoni legali bejn l-assiguratur tal-vettura li tiġbed u l-assiguratur ta’ vettura miġbuda hija, meta jitqajjem il-punt dwar id-dritt għal irkupru segwit mill-ewwel assiguratur kontra t-tieni assiguratur, kuntrattwali fin-natura tagħha. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-pożizzjoni bħala inċerta, billi l-kunċetti ta’ relazzjonijiet kuntrattwali u mhux kuntrattwali fid-dritt tal-Unjoni huma awtonomi fin-natura tagħhom. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda kuntratt bil-miktub jew ftehim verbali bejn iż-żewġ assiguraturi. F’dawk iċ-ċirkustanzi lanqas ma huwa ċert jekk il-liġi applikabbli għal dan il-każ (id-dritt Ġermaniż jew id-dritt Litwan) għandhiex tiġi ddeterminata skont Ruma II.

    Il-Kawża C‑475/14

    23.

    Fil-21 ta’ Jannar 2011 seħħ inċident tat-traffiku fil-Ġermanja, li b’kawża tiegħu, trakter flimkien ma’ karru agganċjat miegħu, ikkawża dannu fuq proprjetà ta’ terz. Fil-mument tal-inċident, ir-responsabbiltà ċivili tas-sid jew l-utent legali tat-trakter kienet koperta mis-sussidjarja Litwana ta’ AAS Gjensidige Baltic (“Gjensidige Baltic”), filwaqt li l-karru kien assigurat minn UAB DK PZU Lietuva (“UAB”). Ir-rappreżentanti Ġermaniżi tal-vittma ressqu talba għall-kumpens u Gjensidige Baltic ħallset kumpens ta’ EUR 1254.36, (LTL 4331.05). Wara, Gjensidige Baltic riedet tirkupra nofs dak il-kumpens, li jammonta għal EUR 672.02 (LTL 2165.53) mingħand l-assiguratur tal-karru. Qamet kwistjoni dwar id-dritt (Ġermaniż jew Litwan) applikabbli għat-talba għal irkupru ta’ Gjensidige Baltic kif ukoll jekk dak l-assiguratur kienx responsabbli waħdu jew konġuntament ma’ UAB.

    24.

    Il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Vilnius laqgħet it-talba ta’ Gjensidige Baltic. Hija kkunsidrat li billi d-dannu riżultat tal-inċident tat-traffiku seħħ fil-Ġermanja, id-dritt Ġermaniż għandu japplika għall-obbligu mhux kuntrattwali li toħroġ mid-delitt jew kważi delitt, skont l-Artikolu 4(1) ta’ Ruma II. Dik is-sentenza ma ġietx ikkonfermata mill-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius). Sussegwentement Gjensidige Baltic ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti suprema tal-Litwanja. Din tal-aħħar tikkunsidra li l-kwistjoni quddiemha primarjament tikkonċerna l-mod kif għandhom jiġu kkategorizzati u liema dritt (Ġermaniż jew Litwan) għandu japplika f’relazzjonijiet bejn l-assiguraturi tal-vettura li tiġbed u l-assiguraturi tal-vettura miġbuda.

    25.

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa importanti li jiġi aċċertat jekk l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi ttrattat bħala regola li tiddetermina l-liġi applikabbli mhux biss f’każijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-vittmi f’inċidenti tat-traffiku, iżda wkoll fir-rigward tal-azzjoni ta’ rkupru mill-assigurat meta l-inċident tat-traffiku jseħħ bl-involviment tal-vettura li tiġbed u dik miġbuda agganċjati flimkien.

    26.

    Id-domandi li jsegwu waslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari għaż-żewġ kawżi.

    Fil-Kawża C‑359/14 il-Vilniaus miesto apylinkės teismas tistaqsi:

    Fil-Kawża C‑475/14 il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas tistaqsi:

    27.

    Fil-Kawża C‑359/14, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn ERGO, minn If P&C, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Litwanja, u mill-Kummissjoni Ewropea. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ukoll ippreżentati fil-Kawża C‑475/14 minn Gjensidige Baltic, mil-Litwanja u mill-Kummissjoni. Iż-żewġ kawżi ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. Madankollu, ma tressqitx talba għal seduta u ma ġiet miżmuma l-ebda seduta.

    Evalwazzjoni

    Osservazzjoni preliminari

    28.

    If P&C u l-Gvern Litwan isostnu li l-Litwanja hija firmatarja għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku ( 19 ). Madankollu, l-Artikolu 2(5) ta’ dik il-konvenzjoni jipprovdi illi ma tapplikax għal azzjonijiet ta’ rkupru u għal surroga fir-rigward tal-assiguraturi. Għaldaqstant, il-konvenzjoni ma hijiex rilevanti sabiex tiddetermina l-liġi applikabbli f’din il-kawża.

    Id-Direttiva 2009/103

    29.

    Fil-Kawża C‑475/14, permezz tal-ewwel domanda tagħha l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas tistaqsi jekk l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 2009/103 jipprovdix regola speċifika dwar kunflitt ta’ liġi li tapplika għal azzjoni ta’ rkupru. Dik id-domanda hija ugwalment rilevanti għall-Kawża C‑359/14, liema domanda ma ġietx magħmula mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas.

    30.

    Gjensidige Baltic tissottometti li l-Artikolu 14(b) jipprovdi din il-lex specialis.

    31.

    Ma naqbilx ma’ dik il-fehma.

    32.

    Mill-kliem u l-għanijiet tad-Direttiva huwa ċar li l-Artikolu 14(b) ma jelenkax regoli speċjali għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli f’azzjoni ta’ rkupru bejn l-assiguraturi.

    33.

    L-ewwel nett, kif korrettament tirrileva l-Kummissjoni, id-Direttiva ma tarmonizzax regoli sabiex tiddetermina l-liġi applikabbli fi kwistjonijiet li jikkonċernaw inċidenti tat-traffiku. Pjuttost, l-għan ġenerali tad-Direttiva huwa li tiżġura l-protezzjoni tal-vittmi billi tiggarantilhom li hemm fis-seħħ kopertura tal-assigurazzjoni ( 20 ).

    34.

    It-tieni nett, l-Artikolu 14(a) u (b) għandu jinqara flimkien. Fir-rigward ta’ poloz tal-assigurazzjoni tal-vetturi, l-Artikolu 14 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li primjum uniku jkopri t-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea matul it-terminu tal-kuntratt, u sabiex abbażi ta’ dak il-primjum, f’kull Stat Membru, jiggarantixxi l-kopertura meħtieġa mil-liġijiet tiegħu jew il-kopertura meħtieġa bil-liġi ta’ Stat Membru li fih hija bbażata l-vettura skont liema kopertura hija l-ogħla ( 21 ). It-test jikkonċerna esklużivament il-portata tat-territorju u l-livell ta’ kopertura li l-assiguratur huwa meħtieġ li jipprovdi, sabiex jiżgura protezzjoni adegwata lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.

    35.

    B’hekk, ma hemm l-ebda skop sabiex jiġi kkunsidrat li t-test jista’ jiġi mġebbed sabiex jikkostitwixxi regola speċjali għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fi kwistjonijiet bejn kumpanniji tal-assigurazzjoni li jikkonċernaw azzjonijiet ta’ rkupru. Fi kliem sempliċi, la t-test u lanqas l-iskop tad-Direttiva ma jsostnu din l-interpretazzjoni.

    Osservazzjonijiet ġenerali dwar Ruma I u Ruma II

    36.

    Il-partijiet għandhom approċċ differenti għad-domanda dwar jekk il-liġi applikabbli għall-azzjoni ta’ rkupru għandhiex tiġi ddeterminata mir-regoli ta’ Ruma I jew Ruma II. Essenzjalment, il-pożizzjonijiet tagħhom ivarjaw skont jekk jintraċċawx l-oriġini tal-azzjoni ta’ rkupru ma’ relazzjoni kuntrattwali (il-kuntratti tal-assigurazzjoni) jew ma’ relazzjoni mhux kuntrattwali (l-inċident tat-traffiku).

    37.

    Fil-Kawża C‑359/14, tliet partijiet (If P&C, il-Ġermanja u l-Kummissjoni) jissottomettu li, billi l-azzjoni ta’ rkupru għandha orġini ta’ u marbuta ma’ (a) kuntratt bejn id-detentur tal-polza u l-assigurat tal-vettura li tiġbed u (b) il-kuntratt bejn id-detentur tal-polza u l-assigurat tal-vettura miġbuda, l-azzjoni ta’ rkupru hija fin-natura tagħha waħda kuntrattwali. Il-liġi applikabbli għandha għalhekk tiġi ddeterminata skont Ruma I u għandhom japplikaw ir-regoli Litwani. If P&C tikkunsidra li l-Artikolu 7 ta’ Ruma I, li speċifikament jirrigwarda kuntratti ta’ assigurazzjoni, ikopri din il-pożizzjoni. Il-Ġermanja tissottometti li japplika l-Artikolu 16 ta’ Ruma I dwar talbiet għal responsabbiltà multipla.

    38.

    Il-Kummissjoni tirrileva illi fil-kuntest tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” huwa “regolari”, billi dan jirriżulta wara kunsiderazzjoni ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”. Il-Kummissjoni tissottometti li t-talba tal-assiguratur taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 u tal-Artikolu 16 ta’ Ruma I. Mill-Artikolu 16 (li jkopri responsabbiltà multipla) isegwi li meta kreditur għandu talba kontra diversi debituri li huma responsabbli għall-istess talba, id-debituri ma għandhomx għalfejn ikunu huma nnifishom marbutin b’relazzjoni kuntrattwali. Sabiex sitwazzjoni li tinvolvi talbiet ta’ responsabbiltà multipla taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ Ruma I, huwa għalhekk suffiċjenti li jkun hemm relazzjonijiet kuntrattwali bejn kull wieħed mid-debituri mal-kreditur tiegħu.

    39.

    ERGO tissottometti li Ruma II japplika. L-inċident tat-triq jagħti lok għal relazzjonijiet mhux kuntrattwali bejn l-awtur u l-vittma. Għalhekk, skont l-Artikolu 4(1) ta’ Ruma II il-liġi applikabbli hija dik Ġermaniża u r-regoli dwar responsabbiltà multipla fl-Artikolu 20 ta’ Ruma II ikopru l-azzjoni ta’ rimedju. Il-Gvern Litwan jargumenta li l-kunċett ta’ obligazzjonijiet mhux kuntrattwali għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ u li r-relazzjoni bejn l-assiguraturi tqarreb lejn relazzjoni mhux kuntrattwali.

    40.

    Fil-Kawża C‑475/14 Gjensidige Baltic tissottometti li r-relazzjoni legali bejn l-assiguraturi tal-vettura li tiġbed u dik miġbuda hija dderivata mill-inċident tat-triq u hija għalhekk koperta b’Ruma II. Għaldaqstant, l-Artikolu 20 (li jikkonċerna r-responsabbiltà multipla tad-debituri) ta’ dak ir-regolament jiddetermina l-liġi applikabbli fl-azzjoni ta’ rkupru bejn l-assiguraturi. Il-Litwanja u l-Kummissjoni jadottaw l-istess pożizzjonijiet rispettivi fil-Kawża C‑359/14.

    41.

    Azzjoni ta’ rkupru mill-assiguratur ta’ vettura li tiġbed fil-konfront ta’ assiguratur tal-vettura miġbuda toħroġ minn obbligu kuntrattwali jew minn obbligu mhux kuntrattwali? Jidher li tal-inqas, il-punti li ġejjin ma humiex ikkontestati.

    42.

    L-ewwel, il-frażi “obbligi kuntrattwali” ma hijiex imfissra f’Ruma I.

    43.

    It-tieni, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ Ruma I u Ruma II għandu jkun konsistenti ma’ xulxin u ma’ Brussell I ( 22 ).

    44.

    It-tielet, hawnhekk qed issir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-regoli ta’ Ruma I jew Ruma II jiddeterminawx il-liġi applikabbli f’sitwazzjoni fejn żewġ assiguraturi jew iktar jistgħu jkunu responsabbli in solidum bejniethom, skont il-kuntratti tal-assigurazzjoni rispettivi, sabiex jikkumpensaw vittma li tkun sofriet telf permezz ta’ att delittwali min-naħa tad-detentur tal-polza, u assiguratur wieħed ikun ħallas dak il-kumpens b’mod intier u jeżiġi kontribuzzjoni mingħand l-ieħor (oħrajn). Filwaqt li l-ġurisprudenza ta’ Brussell I li tikkonċerna ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi ma tistax tiġi applikata awtomatikament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tislet assistenza minn dik il-ġurisprudenza.

    45.

    Jidhirli li huma rilevanti l-prinċipji segwenti meħuda mill-ġurisprudenza Brussell I.

    46.

    L-ewwel, il-kunċetti ta’ “materji li jikkonċernaw kuntratt” u “materji li jikkonċernaw tort, delitt jew kważi delitt” fl-Artikolu 5(1) u (3) rispettivament ta’ Brussell I għandhom jiġu interpretati indipendentement, b’referenza għall-iskema u l-iskop tagħha ( 23 ). L-istess għandu jkun validu għall-kunċetti ta’ “obbligi kuntrattwali” f’Ruma I u “obbligi mhux kuntrattwali” f’Ruma II.

    47.

    Wara, għandu jiġi kkunsidrat li billi Brussell I jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma wkoll validi għad-dispożizzjonijiet ta’ Brussell I ( 24 ).

    48.

    Barra minn hekk, huwa stabbilit sewwa li l-kunċett ta’ “materji li jikkonċernaw kuntratt” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ Brussell I jippresupponi t-twaqqif ta’ obbligu legali li għaliha jingħata kunsens liberu minn persuna għal oħra u l-azzjoni hija bbażata fuq il-punt ( 25 ). Il-kunċett ta’ “obbligu kuntrattwali” skont Ruma I għandu għalhekk ikollu l-istess kundizzjonijiet.

    49.

    Finalment, il-kunċett ta’ “materji li jikkonċernaw tort, delitt jew kważi delitt” skont l-Artikolu 5(3) ta’ Brussell I ikopri kull azzjoni li teżiġi li tistabbilixxi r-responsabbilità ta’ konvenut u li ma jikkonċernax“materji relatati għall-kuntratt” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dak ir-regolament ( 26 ). Kif tajjeb tippronunzja ruħha l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ materji li ma humiex kuntrattwali huwa regolari. L-istess loġika għandha tapplika għal-linja diviżorja bejn obbligi kuntrattwali li jaqgħu taħt Ruma II u obbligi mhux kuntrattwali koperti b’Ruma II.

    50.

    Il-punt tat-tluq tiegħi huwa għalhekk li neżamina jekk azzjoni ta’ rkupru ta’ assiguratur hijiex essenzjalment kuntrattwali fin-natura. Tkun ikkunsidrata bħala mhux kuntrattwali biss kemm-il darba ma toqgħodx b’mod xieraq fi ħdan dik il-kategorija.

    Ruma I

    51.

    Fil-Kawża C‑359/14 il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(4) ta’ Ruma I ifissirx li d-dritt Ġermaniż għandu jiġi applikat fil-kawża prinċipali (domanda 1). Fil-Kawża C‑475/14 il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-relazzjonijiet legali bejn l-assiguraturi rispettivi tat-trakter u tal-karru jagħtux lok għal obbligi kuntrattwali skont l-Artikolu 1 ta’ Ruma I. Jekk inhu hekk, hija titlob ukoll: l-Artikolu 7 ta’ Ruma I japplika sabiex jiddetermina l-liġi applikabbli (domanda 2)?

    52.

    Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju joħorġu ċari żewġ punti. L-ewwel, f’kull każ ma hemm l-ebda kuntratt bejn iż-żewġ assiguraturi. B’hekk, ma hemm xejn li għalih jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet għal-libertà tal-għażla fl-Artikolu 3 u r-regoli li jikkonċernaw il-liġi applikabbli fl-assenza ta’ għażla fl-Artikolu 4 ta’ Ruma I; u l-Artikolu 7 huwa wkoll irrilevanti. It-tieni, indubbjament jeżistu kuntratti ta’ assigurazzjoni bejn detenturi tal-polza ta’ vetturi li jiġbdu jew jiġu miġbuda, u l-assiguraturi rispettivi.

    53.

    Ma hemm xejn fil-Kawżi C‑359/14 jew C 475/14 li dawk il-kuntratti huma bbażati fuq id-dritt Litwan. Sal-punt illi huwa neċessarju li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jridu jsiru b’konformità mal-Artikoli 3, 4, u/jew 7. Filwaqt li effettivament din hija materja tal-qorti nazzjonali, il-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jindika li aktarx huwa d-dritt Litwan ( 27 ).

    54.

    Fir-rigward tal-azzjoni ta’ rkupru tal-assiguratur, madankollu nikkunsidra li l-liġi applikabbli għandha tiġi ddeterminata skont ir-regoli ta’ Ruma I, għar-raġunijiet segwenti.

    55.

    L-Artikolu 1(1) ta’ Ruma I jipprovdi “[D]an ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, għal obbligi kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali”. Dawn il-kliem huma kapaċi li jkopru sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    56.

    L-Artikolu 5(1)(a) ta’ Brussell I ( 28 ) juża kliem kemxejn differenti, prinċipalment “[…]f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt […]”. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri dwar l-armonizzazzjoni tad-dritt internazzjonali privat f’materji ċivili u kummerċjali għandu jkun konsistenti ( 29 ). It-tifsira li għandha tingħata lill-kliem “obbligi kuntrattwali” fl-Artikolu 1(1) ta’ Ruma I tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament. Huwa għalhekk leġittimu li ddur għall-assistenza tal-ġurisprudenza li tikkonċerna Brussell I.

    57.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 5(1)(a) ta’ Brussell I ma jeħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt, għalkemm l-identifikazzjoni ta’ obbligu hija xorta waħda indispensabbli għall-applikazzjoni tiegħu, peress li l-ġurisdizzjoni tal-qorti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni hija stabbilita skont il-post tat-twettiq tal-obbligu inkwistjoni. Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali skont l-Artikolu 5(1)(a) “tippresupponi l-istabbiliment ta’ obbligazzjoni legali maqbula b’mod liberu minn persuna fil-konfront ta’ oħra u li fuqha hija bbażata t-talba tal-attur” ( 30 ). Li tiġi interpretata d-dispożizzjoni mingħajr ma jiġi stabbilit dan ir-rekwiżit imur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti minn Brussell I.

    58.

    Nista’ nikkunsidra li hawnhekk dawk il-kriterji għall-analiżi tal-eżistenza ta’ “materja li tirrigwarda kuntratt” (u b’implikazzjoni neċessarja, l-eżistenza ta’ “obbligi kuntrattwali”) huma milħuqa. Kull assiguratur huwa suġġett għal kuntratt mad-detentur tal-polza tiegħu li toħloq obbligi reċiproki. L-obbligi tal-assiguratur jinkludu l-provvista ta’ kopertura kontra responsabbiltà ċivili lid-detentur tal-polza. L-obbligi tad-detentur tal-polza jinkludu l-ħlas ta primjum tal-assigurazzjoni. Ma hemm xejn li juri li dawk l-obbligi ma humiex assunti liberament minn parti waħda fil-konfront ta’ parti oħra. Fil-qosor, b’mod ċar qed nitkellmu dwar “materji li jirrigwardaw kuntratt” u dwar “obbligi kuntrattwali” kemm-il darba huma kkonċernati dawk il-partijiet.

    59.

    Sabiex jiġu kkategorizzati t-talbiet ċivili fil-qalba tal-kawża prinċipali, issa jista’ jkun ta’ benefiċċju li nesplora fid-dettall ir-relazzjonijiet bejn partijiet differenti involuti f’termini iktar astratti.

    60.

    Ejjew nimmaġinaw li jseħħ inċident tat-traffiku, li jinvolvi vettura li tiġbed u vettura miġbuda. L-inċident jikkawża dannu lil vittma li ma għandha l-ebda tort għall-inċident. Jekk A huwa d-detentur tal-polza tal-vettura li tiġbed, B huwa d-detentur tal-polza tal-vettura miġbuda, X hija l-vittma tal-inċident tat-traffiku, C l-assiguratur tal-vettura li tiġbed u D l-assiguratur tal-vettura miġbuda. A u B ikkawżaw u/jew huma responsabbli għad-dannu u l-korriment ikkawżat lil X. B’hekk, X għandu talba mhux kuntrattwali kontra A u B fit-tort u d-delitt.

    61.

    A u B ilkoll għandhom relazzjoni kuntrattwali mal-assiguraturi rispettivi tagħhom C u D. Il-kumpens jitħallas lil X abbażi ta’ dawk il-kuntratti. Madankollu, anki jekk X huwa mħallas minn C u/jew D direttament ma hemmx relazzjoni kuntrattwali bejn X, fuq naħa, u C u/jew D fuq naħa oħra. L-inċident tat-traffiku u t-talbiet skont il-poloz tal-assigurazzjoni huma l-fatturi li jqanqlu l-obbligu tal-ħlas.

    62.

    Ma hijiex kunsiderazzjoni rilevanti jekk il-ħlas isirx direttament lid-detenturi tal-polza (A u B) jew direttament lill-vittma X. Billi l-obbligu tal-ħlas huwa intrinsiku fil-kuntratt, l-identità tal-benefiċjarju ta’ dak il-ħlas (sew jekk inhu d-detentur tal-polza, il-vittma, jew l-assiguratur tal-vettura miġbuda) ma tistax tbiddel in-natura tal-obbligu. B’hekk, iċ-ċentru ta’ gravità tal-obbligu li tikkumpensa jinsab fl-obbligu kuntrattwali (tal-assigurat sabiex jikkumpensa lid-detentur tal-polza), iktar minn obbligi mhux kuntrattwali bejn l-awtur u l-vittma li joħorġu mill-inċident tat-traffiku. Jekk l-awtur ma jkunx assigurat, ikun huwa personali li jiġi obbligat sabiex jikkumpensa lill-vittma għad-dannu kkawżat f’tort u delitt. Fl-assenza ta’ ftehim li jipprovdi kopertura, il-kumpanniji tal-assigurazzjoni ma jkollhom ebda responsabbiltà. Isegwi li l-azzjoni ta’ rkupru minn assiguratur kontra ieħor (C kontra D fl-eżempju tiegħi) huwa intrinsiku fil-kuntratti tal-assigurazzjoni; jiġifieri li huwa għalhekk diġà intimament marbut mal-obbligi kuntrattwali taż-żewġ assiguraturi mad-detenturi tal-polza rispettivi; u li, b’hekk, taqa’ taħt Ruma I.

    63.

    L-Artikoli 15 (“Surroga Legali”) u 16 (“Responsabbiltà Multipla”) jitfgħu iktar dawl dwar jekk il-liġi applikabbli fl-azzjoni ta’ rkupru hijiex fl-ambitu ta’ Ruma I?

    64.

    Fl-opinjoni tiegħi, le.

    65.

    L-Artikolu 15 jipprovdi li l-liġi li tkopri d-dmir ta’ terz li jissodisfa kreditur għandha tiddetermina jekk u sa liema estrem it-tielet persuna hija intitolata li teżerċita kontra d-debitur id-drittijiet li l-kreditur kellu kontra d-debitur fis-sens tal-liġi li tkopri r-relazzjoni tagħhom. Artikolu 16 jikkonċerna sitwazzjonijiet fejn kreditur għandu talba kontra numru ta’ debituri li huma eleġibbli għall-istess talba.

    66.

    Nibda billi nosserva li l-fatt li dawk id-dispożizzjonijiet huma riprodotti fl-Artikoli 19 u 20 ta’ Ruma II jindika li ma jistgħux ikunu deċiżivi għall-għanijiet sabiex jiġi dderminat dak li hu kuntrattwali (u għalhekk determinat minn Ruma I) u dak li ma huwiex kuntrattwali (u b’hekk determinat minn Ruma II) ( 31 ).

    67.

    Sfortunatament, xejn fil-preambolu ta’ Ruma I ma jispjega l-provenjenza tal-Artikolu 15 jew tal-Artikolu 16 jew l-iskop tagħhom. Il-kliem tal-Artikolu 15 ta’ Ruma I huwa simili għall-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Ir-rapport Giuliano u Lagarde jgħid li “surroga” jinvolvi l-assenjar tad-drittijiet tal-kreditu lejn il-persuna li, obbligata tħallas id-debitu ma’ jew f’isem oħrajn, kellha interess li titħallas” u, billi l-Konvenzjoni tapplika biss għal obbligi kuntrattwali, dik ir-regola hija limitata għad-drittijiet li huma fin-natura tagħhom kuntrattwali ( 32 ). L-awturi tar-rapport jispjegaw li r-regoli dwar surroga ma japplikawx għal surroga b’effett ta’ liġi meta d-debitu li jrid jitħallas ikollu oriġini f’tort (pereżempju, meta l-assiguratur jidħol għad-drittijiet tal-assigurat kontra l-persuna li kkawżat id-dannu). Sitwazzjoni ta’ surroga legali tista’ tkun iktar komuni meta kreditur jagħti self lil debitur taħt garanzija. Jekk il-garanti (it-tielet persuna) iħallas lill-kreditur l-ammont sħiħ tad-debitu, huwa jkun surrogat (sostitwit) għall-kreditur u għandu talba kontra d-debitur.

    68.

    Madankollu, is-sitwazzjoni fiż-żewġ settijiet ta’ proċedimenti nazzjonali hawn inkwistjoni, ma hijiex daqstant diretta bħal dik ta’ kreditur, debitur u garanti.

    69.

    L-Artikolu 16 ta’ Ruma I jippreżerva kontinwità fil-liġi applikabbli meta hemm responsabbiltà multipla fil-kuntest ta’ obbligi kuntrattwali. Madankollu, ma tassistix sabiex tiddetermina jekk inizjalment obbligu partikolari hijiex kuntrattwali jew mhux kuntrattwali.

    70.

    Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, l-ebda mid-dispożizzjonijiet ma tagħti dawl dwar jekk l-azzjoni ta’ rkupru tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ Ruma I.

    71.

    Abbażi tal-analiżi li għadni kif għamilt iktar qabel, nikkonkludi li meta żewġ assiguraturi jew iktar huma responsabbli flimkien u in solidum sabiex jikkumpensaw vittma li tkun ġarrbet telf, dannu jew korriment minħabba azzjoni jew omissjoni ta’ tort jew delitt min-naħa tad-detentur(i) tal-polza tagħhom, u meta assiguratur ikun ħallas dak il-kumpens u eżiġa kontribuzzjoni mingħand assiguratur ieħor (oħrajn), l-obbligu tal-assiguratur li jindennizza lid-detentur tal-polza jew li jikkumpensa lill-vittma f’isem id-detentur tal-polza, għandha tiġi kklassifikata bħala kuntrattwali għall-finijiet ta’ Ruma I. Jekk l-assiguratur iħallasx l-ammont direttament lill-vittma jew jekk iħallasx ammont lil assiguratur ieħor meta jikkontribwixxi għal dak l-ammont, in-natura kuntrattwali tal-obbligu li jitħallas l-indennizz tibqa’ l-istess. Għalhekk, il-liġi applikabbli għandha tiġi ddeterminata skont Ruma I.

    Ruma II

    72.

    Wasalt għall-konklużjoni li l-azzjoni ta’ rkupru tal-assiguratur taqa’ taħt Ruma I. Strettament, b’hekk ma hemm l-ebda ħtieġa li neżamina Ruma II. Madankollu, għall-finijiet ta’ ordni xieraq, ser nidħol fih fil-qosor.

    73.

    Fl-opinjoni tiegħi, l-azzjoni ta’ rkupru tal-assiguratur ma hijiex fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) ta’ Ruma II għar-raġunijiet segwenti.

    74.

    L-ewwel, l-obbligi mhux kuntrattwali huma ta’ kategorija residwali. Mill-analiżi tiegħi fil-punti 58 sa 62 u mill-konklużjoni f’punt 71 iktar ’il fuq isegwi li l-kawża prinċipali tikkonċerna obbligi kuntrattwali. Għaldaqstant, l-Artikolu 1(1) ta’ Ruma II ma jistax japplika.

    75.

    It-tieni, il-kategorija ġenerali ta’ obbligi mhux kuntrattwali fl-Artikolu 4 ta’ Ruma II ma tistax tiddetermina l-liġi applikabbli. Dan minħabba li ma hemmx każ dannuż bejn l-assiguratur tal-vettura li tiġbed u l-assiguratur tal-vettura miġbuda. L-assiguratur tal-vettura li tiġbed ma kkawżax id-dannu lill-assiguratur tal-vettura miġbuda, u lanqas dan tal-aħħar ma’ kkawża dannu lil tal-ewwel. B’hekk, ma hemm l-ebda obbligi mhux kuntrattwali bejn iż-żewġ assiguraturi. Filwaqt li huwa minnu li l-inċident tat-traffiku u d-dannu kkawżat minnu lill-vittma ħoloq din it-talba (talbiet) abbażi tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-assiguraturi ma kinux protagonisti f’dak l-att u huma remoti minnu. L-unika konnessjoni li għandhom hija permezz tal-obbligi fil-kuntratt(i) tagħhom tal-assigurazzjoni mad-detentur(i) tal-polza rispettivi tagħhom ( 33 ). Skont ġurisprudenza stabbilita “[…] responsabbiltà f’tort, delitt jew kważi delitt tista’ biss tittieħed inkunsiderazzjoni bil-kundizzjoni li tkun tista’ tiġi stabbilita rabta bejn id-dannu u l-fatt li wassal għal dan id-dannu” ( 34 ).

    76.

    It-tielet, l-azzjoni ta’ rkupru tal-assiguratur ma tiġix f’xi waħda mill-kategoriji ta’ obbligi mhux kuntrattwali mogħtija fl-Artikoli 5 sa 12 ta’ Ruma II.

    77.

    X’jingħad fuq l-Artikolu 18, li jipprovdi għażla ta’ liġi meta “l-persuna li tkun sofriet dannu” (jiġifieri, il-vittma) tixtieq tieħu azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-awtur “[…] jekk il-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali jew il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni jipprovdi hekk”?

    78.

    Filwaqt li ma hemm l-ebda premessa li tagħti dawl fuq it-tifsira tal-Artikolu 18, assistenza tista’ tiġi estratta mill-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni rigward l-Artikolu 14 (li sussegwentement sar l-Artikolu 18), fejn jingħad: “L-Artikolu 14 jiddetermina l-liġi applikabbli għall-kwistjoni jekk persuna li ġġarrab dannu tistax tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli. Ir-regola proposta tilħaq bilanċ raġonevoli bejn l-interessi inkwistjoni billi tipproteġi lill-persuna li ġarrbet dannu billi tagħtiha l-opzjoni, filwaqt li tillimita l-għażla għaż-żewġ liġijiet li l-assiguratur jista’ leġittimament jistenna li jiġu applikati[:] il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali u l-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-iskop tal-obbligazzjonijiet tal-assiguratur huma determinati bil-liġi li jkopri l-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Hekk kif inhu fl-Artikolu 7, li jikkonċerna l-ambjent, il-forma ta’ kliem użat hawn jevita r-riskju ta’ dubji meta l-vittma ma teżerċitax id-dritt tagħha ta’ opzjoni.”

    79.

    Jirriżultali li l-Artikolu 18 jagħti biss opzjoni lill-vittma li tipproċedi direttament kontra l-assigurat (iktar milli l-awtur) filwaqt li ma jmissx il-parametri bażiċi tas-sitwazzjoni. Jekk il-vittma tistax tagħmel talba kontra l-awtur, hija indirizzata mil-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali. Jekk l-assiguratur huwiex legalment mitlub li jħallas kumpens f’isem l-awtur ikun jiddependi mit-termini tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni kif interpretati taħt il-liġi applikabbli għall-kuntratt.

    80.

    Għaldaqstant, nikkonferma l-ħsieb tiegħi li Ruma II ma japplikax u li, b’konsegwenza, ir-regoli tal-Artikolu 20 dwar responsabbiltà multipla ma humiex rilevanti sabiex tiġi determinata l-liġi applikabbli fil-Kawża C‑359/14 jew fil-Kawża C‑475/14.

    Konklużjoni

    81.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi magħmula mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas fil-Kawża C‑359/14 u mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas fil-Kawża C‑475/14 kif ġej:

    L-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà ma jipprovdix regola speċjali għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli.

    Meta żewġ assiguraturi jew iktar huma responsabbli flimkien u in solidum sabiex jikkumpensaw vittma li tkun ġarrbet telf, dannu jew korriment minħabba azzjoni jew omissjoni ta’ tort jew delitt min-naħa tad-detentur(i) tal-polza tagħhom, u meta assiguratur ikun ħallas dak il-kumpens u eżiġa kontribuzzjoni mingħand assiguratur ieħor (oħrajn), l-obbligu tal-assiguratur li jindennizza lid-detentur tal-polza jew li jikkumpensa lill-vittma f’isem id-detentur tal-polza, għandha tiġi kklassifikata bħala kuntrattwali għall-finijiet tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I). Jekk l-assiguratur iħallasx l-ammont direttament lill-vittma jew jekk iħallasx ammont lil assiguratur ieħor meta jikkontribwixxi għal dak l-ammont, in-natura kuntrattwali tal-obbligu li jitħallas l-indennizz tibqa’ l-istess. Għalhekk, il-liġi applikabbli għandha tiġi ddeterminata skont Ruma I.


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 )   Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008 L 177, p. 6).

    ( 3 )   Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007 L 199, p. 40).

    ( 4 )   Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009 L 263, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/103” jew id-“Direttiva”).

    ( 5 )   Konvenzjoni dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32). Għal test ikkonsolidat, ara ĠU 1998 C 27, p. 1.

    ( 6 )   Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) (“Brussell I”). Dan ir-regolament ma japplikax għad-Danimarka [Artikolu 1(3)].

    ( 7 )   Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (ĠU 2008 L 266, p. 1).

    ( 8 )   Ara l-premessa 6 tal-preambolu ta’ Ruma I kif ukoll ta’ Ruma II.

    ( 9 )   Ara l-premessa 7 tal-preambolu ta’ Ruma I kif ukoll ta’ Ruma II.

    ( 10 )   Ara l-premessa 40 tal-preambolu ta’ Ruma I u l-Artikolu 23 ta’ dak ir-regolament. Ara wkoll l-premessa 35 tal-preambolu ta’ Ruma II u l-Artikolu 27 ta’ dak ir-regolament.

    ( 11 )   Artikolu 1(1).

    ( 12 )   Artikolu 3(1).

    ( 13 )   Il-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludix informazzjoni suffiċjenti u ddettaljata fir-rigward tal-liġijiet Litwani u Ġermaniżi li jirregolaw l-assigurazzjoni obbligatorja għal vetturi bil-mutur sabiex nagħti kumment utli dwar ir-rwol li jista’ jkollu dak l-Artikolu 7(4).

    ( 14 )   Artikolu 1(1).

    ( 15 )   Madankollu, dawk ir-regoli ma jinkludux talbiet għal irkupru bħal dawk li jirriżultaw minn inċidenti tat-traffiku.

    ( 16 )   Artikolu 1(1). Ara s-sentenza Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146).

    ( 17 )   Skont l-Artikolu 5, Stati Membri jistgħu jidderogaw minn dan l-obbligu fir-rigward ta’ ċerti persuni naturali jew legali, pubbliċi jew privati, taħt ċerti kundizzjonijiet. Ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li l-Artikolu 5 huwa rilevanti għall-kawżi prinċipali fiż-żewġ każijiet inkwistjoni.

    ( 18 )   Fid-deċiżjoni tar-rinviju tal-Kawża C‑475/14 il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza Nru IV 279/08, tas-27 ta’ Ottubru 2010, tal-Qorti Federali Ġermaniża. Dik il-kawża tikkonċerna vetturi koperti b’kuntratti tal-assigurazzjoni Ġermaniżi suġġetti għall-iskema assigurattiva Ġermaniża. Dan huwa differenti mill-pożizzjoni fil-kawża prinċipali li tikkonċerna vetturi b’reġistrazzjoni barranija koperti b’kuntratti tal-assigurazzjoni maħruġa fi Stat Membru ieħor.

    ( 19 )   Ara l-Atti u d-dokumenti tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-Dritt Internazzjonali Privat tal-11-il sessjoni 1968 (Volum III, Road Traffic Accidents p. 223).

    ( 20 )   Ara l-premessa 12 tal-preambolu għad-Direttiva.

    ( 21 )   Ara l-premessa 26 tal-preambolu għad-Direttiva.

    ( 22 )   Ara l-premessa 7 tal-preamboli kemm fir-rigward ta’ Ruma I u ta’ Ruma II. Barra minn hekk ara s-sentenza ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 28).

    ( 23 )   Ara s-sentenza Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 )   Ara s-sentenza Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 )   Ara s-sentenza ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490 punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 )   Barra minn hekk ara s-sentenza Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punti 2021). Ara wkoll is-sentenza ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490 punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 )   Possibbilment b’għażla espressa (Artikolu 3); inkella għaliex il-fornitur tas-servizz (il-kumpannija tal-assigurazzjoni) jew id-detentur tal-polza huma residenti abitwali fil-Litwanja (l-Artikolu 4(1)(b) u l-Artikolu 7(3)(b) rispettivament). Huwa wkoll probabbli li, fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt, ir-riskju kien sitwat fil-Litwanja [Artikolu 7(3)(a)]. Dwar ir-rilevanza potenzjali tal-Artikolu 7(4), ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq.

    ( 28 )   Ir-regola ġenerali fi Brussell I hija li persuni domiċiljati fi Stat Membru għandhom kapaċità ġuridika f’dak l-Istat (Artikolu 2). L-Artikolu 5(1)(a) ta’ Brussell I jintroduċi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali li tidderoga minn dik ir-regola ġenerali, li tipprovdi li f’materji li jikkonċernaw kuntratt, persuna domiċiljata fi Stat Membru għandha kapaċita ġuridika fil-lok tat-twettiq tal-obbligu kuntrattwali.

    ( 29 )   Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.

    ( 30 )   Ara s-sentenza Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 4647 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Česká spořitelna (EU:C:2012:586, punti 43 sa 45).

    ( 31 )   Ara l-Motivazzjoni tal-Proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (‘Ruma II’) COM(2003) 427 finali, p. 26.

    ( 32 )   Ara r-Rapport ta’ Giuliano, M., Professur, Università ta’ Milano, u Lagarde, P., Professur, Università ta’ Pariġi I, dwar il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (ĠU 1980, C 282, p. 1), Artikolu 13 (“Subrogazzjoni”).

    ( 33 )   Ara l-punt 60 iktar’il fuq.

    ( 34 )   Ara s-sentenza ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490 punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top