Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0469

    Kawża T-469/13: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ Awwissu 2013 — Generics (UK) vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 325, 9.11.2013, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 325, 9.11.2013, p. 43–44 (HR)

    9.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 325/45


    Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2013 — Generics (UK) vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża T-469/13)

    2013/C 325/73

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Generics (UK) (Potters Bar, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: I. Vandenborre u T. Goetz, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla, parzjament jew kollha kemm hi, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 3803 finali, tad-19 ta’ Ġunju 2013, fil-Każ COMP/39.226, li tiddikjara li r-rikorrenti kisret, b’mod kontinwu, l-Artikolu 101 TFUE bejn l-24 ta’ Jannar 2002 u l-1 ta’ Novembru 2003 billi pparteċipat f’żewġ ftehim bonarji fil-qasam tal-privattivi;

    sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multi imposti; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-kontenut, tal-għan imfittex u tal-kuntest tad-diversi ftehim bonarji:

    Il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata u spekulattiva tad-diversi ftehim bonarji u fuq silta selettiva ħafna mill-arkivji. Id-deċiżjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni jew interpretat b’mod żbaljat il-provi li kienu juru ċarament li d-diversi ftehim bonarji kienu jibqgħu fl-ambitu ta’ privattivi maħruġa b’mod validu lil Lundbeck, u kienu konklużi fil-kuntest ta’ litigazzjoni ġenwina dwar il-privattiva.

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta injorat l-eżistenza ta’ privattivi maħruġa b’mod validu u meta xebbħet id-diversi ftehim bonarji ma’ ftehim ta’ tqassim tas-suq:

    Il-konklużjoni tad-deċiżjoni, li tipprovdi li d-diversi ftehim bonarji jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-għan tagħhom, tinjora l-eżistenza ta’ privattivi maħruġa b’mod validu li r-rikorrenti kellha tieħu inkunsiderazzjoni. Id-deċiżjoni hija żbaljata inkwantu tikkonkludi li l-privattivi għandhom biss setgħa ta’ esklużjoni meta huma jkunu ġew ikkonfermati f’kuntest ta’ litigazzjoni, li l-litigazzjoni dwar il-privattivi hija essenzjali għall-proċess tal-kompetizzjoni u li r-rikorrenti kellha l-obbligu li tibda azzjoni u li teżawrixxi l-possibbiltajiet kollha qabel ma tikkonkludi d-diversi ftehim bonarji.

    (3)

    It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti, mwettaq mill-Kummissjoni meta kkonkludiet li l-ħlas li sar fil-kuntest ta’ dawn id-diversi ftehim bonarji kien “deċiżiv” sabiex jiġi stabbilit ksur minħabba l-għan:

    Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li s-sempliċi fatt li ssemma’ ħlas lir-rikorrenti fil-ftehim bonarji kien biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur minħabba l-għan, ma għandha l-ebda bażi legali jew fattwali. Il-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqha.

    (4)

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti inkwantu l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u legali li fih id-diversi ftehim bonarji ġew konklużi:

    Il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fatturi essenzjali bħalma huma d-dritt rilevanti fil-qasam tal-litigazzjoni dwar il-privattivi, l-arkivji relattivi għal-litigazzjoni dwar il-privattivi u r-riskji ta’ dannu lir-rikorrenti, u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-medja tad-dewmien tal-litigazzjoni dwar il-privattivi. Il-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqha.

    (5)

    Il-ħames motiv ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni meta kkonkludiet li d-diversi ftehim bonarji ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) TFUE:

    Il-Kummissjoni naqset milli tanalizza l-provi u l-argumenti rilevanti, ġenwini u kredibbli, ippreżentati mir-rikorrenti, li kienu juru li d-diversi ftehim bonarji ppermettew lir-rikorrenti twettaq it-tnehdija kważi tmintax-il sena qabel l-iskadenza tal-privattiva ewlenija ta’ Lundleck.

    (6)

    Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità:

    Id-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tikkundanna lid-diversi ftehim bonarji li jikkostitwixxu l-mezz li jpoġġi l-inqas piż fuq it-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi.

    (7)

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni ma hijiex motivata b’mod suffiċjenti u dan bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE:

    Id-deċiżjoni ma hijiex motivata b’mod suffiċjenti, u dan bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE, inkwantu tippreżumi l-eżistenza ta’ elementi li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprova.

    (8)

    It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali mid-deċiżjoni:

    Id-deċiżjoni tikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi introduċiet allegazzjonijiet u provi ġodda mingħajr ma r-rikorrenti ngħatat il-possibbiltà ta’ smigħ.

    (9)

    Id-disa’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li turi li r-rikorrenti wettqet ksur b’mod intenzjonat jew b’negliġenza:

    Il-fatti tal-każ ineżami jqajmu problemi ġodda u kumplessi li għalihom ma kien jeżisti ebda preċedent meta d-diversi ftehim bonarji ġew konklużi. Il-konklużjoni li tipprovdi li, dak li l-Kummissjoni tiddeskrivi bħala ksur, twettaq bi ksur b’mod intenzjonat jew b’negliġenza tal-liġi, ma hijiex fondata.


    Top