Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CO0153

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-3 ta' April 2014.
    Pohotovosť s. r. o. vs Ján Soroka.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Okresný súd Bardejov - lis-Slovakja.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE -Applikazzjoni ratione temporis - Fatti li seħħew qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea - Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C-153/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:1854

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    3 ta’ April 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE — Applikazzjoni ratione temporis — Fatti li seħħew qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea — Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

    Fil-Kawża C‑153/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresný súd Bardejov (is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

    Pohotovosť s. r. o.

    vs

    Ján Soroka,

    fil-preżenza ta’:

    Združenie na ochranu občana spotrebiteľa HOOS,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, A. Ó Caoimh u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :

     

    għar-Repubblika Slovakka, minn B. Ricziová, bħala aġent,

     

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), moqrija flimkien mal-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Pohotovosť s. r. o. (iktar ’il quddiem “Pohotovosť”) u J. Soroka, dwar l-irkupru forzat ta’ somma dovuta minn dan tal-aħħar skont kuntratt ta’ kreditu għall-konsum mogħti lilu minn Pohotovost’.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13/KEE jipprovdi:

    “Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

    4

    Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    5

    Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

    2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

    3.   Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili.”

    6

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

    “L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dispożizzjonijiet aktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

    Id-dritt Slovakk

    7

    L-Artikolu 93(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Občiansky súdny poriadok) jipprovdi:

    “Tista’ tintervjeni wkoll insostenn tat-talbiet tar-rikorrent jew tal-konvenut, persuna ġuridika li l-attività tagħha jkollha l-għan li tipproteġi drittijiet skont il-leġiżlazzjoni partikolari [...]”

    8

    Skont l-Artikolu 251(4) ta’ dan il-kodiċi:

    “L-applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet u l-proċedura għall-eżekuzzjoni fis-sens tal-leġiżlazzjoni partikolari [...] huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-partijiet preċedenti, ħlief jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni partikolari tipprovdi mod ieħor. Madankollu hija dejjem tiġi deċiża permezz ta’ digriet”.

    9

    Skont l-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni:

    “Il-partijiet fil-proċedura huma l-kreditur u d-debitur; il-persuni l-oħra jistgħu jkunu parti fil-proċedura biss meta xi fattur jagħtihom din il-kwalità permezz ta’ din il-liġi. Meta l-qorti tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni, il-marixxall inkarigat ikun ukoll parti fil-proċedura.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    Fl-10 ta’ Diċembru 2002, Pohotovost’ tat lil J. Soroka kreditu għall-konsum f’ammont ta’ SKK 10 000 (EUR 332). Dan il-kuntratt kien jinkludi wkoll termini ta’ referenza mogħtija mid-debitur lil Kušnír, avukat ta’ Pohotovost’.

    11

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan il-kuntratt ta’ kreditu ma jsemmix ir-rata annwali effettiva globali (RAEG), li, barra dan, jinkludi fih, klawżola li tistabilixxi penalità ta’ kuljum ta’ 0.25 %, li tirrappreżenta penalità annwali ta’ 91.25 %.

    12

    Fis-27 ta’ Marzu 2003, nutar awtentika d-dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent tad-dejn li jirriżulta minn dan il-kuntratt, magħmula għan-nom tal-konsumatur, minn Paiček, maħtur min-naħa tiegħu mill-istess avukat, Kušnír.

    13

    Abbażi ta’ dan l-att notarili, li, skont id-dritt Slovakk jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, Pohotovost’ ippreżenta, fis-26 ta’ Mejju 2003, talba għall-awtorizzazzjoni tal-proċedura għall-irkupru forzat tad-dejn tiegħu. Fl-24 ta’ Ġunju 2003, l-Okresný súd Bardejov (Qorti tad-dipartiment ta’ Bardejov) tat mingħajr riżerva lil marixxall l-awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-irkupru tas-somma ta’ EUR 474.01.

    14

    Fid-19 ta’ Awwissu 2011, l-Assoċjazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi Združenie na ochranu občana spotrebiteľa HOOS (iktar ’il quddiem iz-“Združenie HOOS”) talbet sabiex tintervjeni fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija kontra J. Soroka. Fit-3 ta’ April 2012, il-qorti tar-rinviju ċaħdet it-talba għall-intervent ta’ din l-assoċjazzjoni minħabba li l-intervent ta’ terz huwa possibbli biss fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja u ma kinitx tali fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

    15

    Fis-16 ta’ April 2012, iz-Združenie HOOS ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni li permezz tiegħu sostniet li ma huwiex leġittimu li jiġi eskluż l-intervent ta’ terz fil-proċeduri li fihom it-talba għall-eżekuzzjoni forzata hija bbażata fuq deċiżjoni tal-arbitraġġ jew fuq att notarili.

    16

    Fid-19 ta’ April 2012, il-qorti tar-rinviju tat digriet li ma hemmx lok li ssir eżekuzzjoni minħabba li l-att notarili ma huwiex eżekuttiv peress li ġie ffirmat biss minn persuna waħda li fl-istess ħin tirrappreżenta lill-kreditur u lid-debitur, li, skont din il-qorti, ma huwiex skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Slovakk applikabbli, b’mod partikolari l-Artikolu 22(2) tal-Kodiċi Ċivili.

    17

    Fis-7 ta’ Ġunju 2012 Pohotovost’ ippreżentat rikors kontra dan id-digriet li ma hemmx lok li ssir eżekuzzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, liema qorti rrilevat, fid-deċiżjoni tagħha, minn naħa, li, f’kawża fejn il-konvenut ma għandux domiċilju fiss, kif jidher li hu l-każ ta’ J. Soroka, jidher li jkun utli li z-Združenie HOOS tkun tista’ tintervjeni, speċjalment meta din l-assoċjazzjoni hija, f’dan il-każ, disposta li tagħmel hekk bil-għan li tiddefendi l-interessi tal-persuna kkonċernata. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tindika li, fl-10 ta’ Ottubru 2012, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) ddeċidiet, skont deċiżjoni mogħtija f’kawża oħra, li l-intervent ta’ terz huwa ammissibbli biss fil-proċeduri kontradittorji u li ma huwiex (ammissibbli) fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni li, min-natura tagħhom, ma għandhomx din il-karatteristika. Madankollu, membru tal-kulleġġ ġudikanti tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky fformula, f’dan id-digriet, opinjoni dissidenti skont liema l-intervent ta’ terz huwa inkonċepibbli fir-rigward tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni kollha, iżda li huwa madankollu ammissibbli għal ċerti partijiet ta’ din il-proċedura.

    18

    Il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky, it-talba għall-intervent taz-Združenie HOOS għandha tiġi miċħuda. Hija tistaqsi madankollu dwar il-konformità ma’ din il-ġurisprudenza fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresný súd Bardejov iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [ 93/13], moqrija flimkien mal-Artikoli 47 u 38 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li ma tippermettix lil persuna ġuridika, maħtura sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-konsumaturi, li tintervjeni fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni sabiex jiġi żgurat li jkun protett konsumatur li huwa s-suġġett ta’ proċeduri għall-irkupru ta’ dejn li jirriżulta minn kuntratt ta’ konsum u li ma huwiex irrappreżentat minn avukat?

    2)

    Id-disposizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt preċedenti għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konsumatur u tal-intervenjenti, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-[Karta], huwa miksur meta persuna ġuridika maħtura sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-konsumaturi ma hijiex awtorizzata tintervjeni fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni u li l-konsumatur ma huwiex irrappreżentat minn avukat?”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    20

    Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Lulju 2013, Pohotovost’ informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fis-26 ta’ Marzu 2013, hija kienet irtirat ir-rikors tal-appell tagħha u li, skont id-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju kellha tagħlaq il-proċedura. Konsegwentement, id-digriet li ma hemmx lok li ssir eżekuzzjoni mogħti mill-istess qorti fid-19 ta’ April 2012 akkwista saħħa ta’ res judicata.

    21

    Filwaqt li ġiet mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonfermalha li hija kienet għadha qed tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali u sabiex tindikalha jekk, f’dan id-dawl, hija riditx iżżomm din it-talba, il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2013, ippreċiżat li l-Krajský sùd v Prešove (Qorti Reġjonali ta’ Prešov), permezz ta’ digriet tal-31 ta’ Ottubru 2013, minn naħa, annullat id-digriet tat-3 ta’ April 2012 li jiċħad l-intervent taz-Združenie HOOS u rrinvijat il-kawża quddiemha, u, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn Pohotovost’ kontra d-digriet li ma hemmx lok li ssir eżekuzzjoni tad-19 ta’ April 2012. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju informat li hija tikkunsidra li r-risposta għad-domandi preliminari li hija indispensabbli sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni tal-intervent fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni u indikat li hija konsegwentement se żżomm, id-domanda tagħha għal deċiżjoni preliminari.

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    22

    Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża, hija tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata f’din il-kawża.

    23

    F’din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-uniku kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fl-10 ta’ Diċembru 2002, jiġifieri qabel l-1 ta’ Mejju 2004, data tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Slovakka.

    24

    Issa, kif ġie rrilevat ukoll mill-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt fi Stat Membru mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni (ara s-sentenzi Ynos, C‑302/04, EU:C:2006:9, punt 36; Telefónica O2 Czech Republic, C‑64/06, EU:C:2007:348, punti 22 u 23; CIBA, C‑96/08, EU:C:2010:185, punt 14, kif ukoll id-digriet Semerdzhiev, C‑32/10, EU:C:2011:288, punt 25). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tapplika din il-ġurisprudenza fir-rigward ta’ talba għal interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13 b’rabta ma’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka (Digriet SKP, C‑433/11, EU:C:2012:702, punt 36).

    25

    Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Okresný súd Bardejov.

    Fuq l-ispejjeż

    26

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:

     

    Il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Okresný súd Bardejov (is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2013.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.

    Top