This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CJ0579
Judgment of the Court (Second Chamber) of 4 June 2015.#P and S v Commissie Sociale Zekerheid Breda and College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amstelveen.#Request for a preliminary ruling from the Centrale Raad van Beroep.#Reference for a preliminary ruling — Status of third-country nationals who are long-term residents — Directive 2003/109/EC — Article 5(2) and Article 11(1) — National legislation imposing on third-country nationals with long-term resident status a civic integration obligation, attested by an examination, under pain of a fine.#Case C-579/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2015.
P u S vs Commissie Sociale Zekerheid Breda u College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amstelveen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul — Direttiva 2003/109/KE — Artikoli 5(2) u 11(1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu l-istatus ta’ resident għat-tul obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, iċċertifikat b’eżami, taħt piena ta’ multa.
Kawża C-579/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2015.
P u S vs Commissie Sociale Zekerheid Breda u College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amstelveen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul — Direttiva 2003/109/KE — Artikoli 5(2) u 11(1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu l-istatus ta’ resident għat-tul obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, iċċertifikat b’eżami, taħt piena ta’ multa.
Kawża C-579/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:369
*A9* Centrale Raad van Beroep, meervoudige kamer, uitspraak van 13/11/2013 (10/4736 INBURO-P ; 11/6295 INBURO-P)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
4 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul — Direttiva 2003/109/KE — Artikoli 5(2) u 11(1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu l-istatus ta’ resident għat-tul obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, iċċertifikat b’eżami, taħt piena ta’ multa”
Fil-Kawża C‑579/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura
P,
S
vs
Commissie Sociale Zekerheid Breda,
College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amstelveen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Novembru 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal P u S, minn J. B. Bierbach, advocaat, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, M. de Ree u B. Koopman, kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u N. Piçarra, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Jannar 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(2) u 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, P u S u, min-naħa l-oħra, il-Commissie Sociale Zekerheid Breda (Kummissjoni tas-Sigurtà Soċjali ta’ Breda, iktar ’il quddiem, il-“Commissie Sociale Zekerheid”) u l-College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amstelveen (Kulleġġ ta’ Sindki u Viċi-Sindki tal-komun ta’ Amstelveen), rigward l-impożizzjoni minn dawn tal-aħħar ta’ obbligu ta’ integrazzjoni ċivika. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont il-premessi 2, 4, 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109:
[...]
[...]
[...]
|
4 |
Taħt it-titolu “Suġġett”, l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi:
|
5 |
L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.” |
6 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Kondizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”: “1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja:
2. L-Istati membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skont il-liġi nazzjonali.” |
7 |
L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Trattament ugwali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ-ċittadini fir-rigward ta’:
[...]” |
Id-dritt Olandiż
8 |
L-Artikolu 1(p) tal Liġi tas-sena 2000 dwar il-Barranin (Vreemdelingenwet 2000), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, il-“Vw 2000”), jipprevedi: “F’din il-liġi, kif ukoll fid-dispożizzjonijiet li huma bbażati fuqha: [...]
|
9 |
L-Artikolu 20(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi: “Il-Ministru tagħna huwa kompetenti sabiex:
|
10 |
Skont l-Artikolu 21 tal-Vw 2000: “Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/109, it-talba għall-ħruġ jew għall-emenda tal-permess ta’ residenza għal żmien indeterminat fis-sens tal-Artikolu 20 tista’ tiġi miċħuda biss meta l-barrani:
[...]
|
11 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Wi tirregola l-integrazzjoni ċivika fis-soċjetà Olandiża tal-migranti kollha li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-integrazzjoni ċivika timplika l-akkwist ta’ kapaċitajiet orali u bil-kitba bl-Olandiż kif ukoll għarfien tas-soċjetà Olandiża. Il-kapaċitajiet lingwistiċi kif ukoll l-għarfien tas-soċjetà Olandiża jiġu evalwati f’eżami. Kemm il-migranti li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Wi, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2007, ikunu ilhom jirrisjedu legalment għal perijodu twil fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll dawk li waslu hemm wara din id-data, huma, bħala regola ġenerali, marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, jew mill-1 ta’ Jannar 2007, jew mid-data li fiha huma rrisjedew b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi wara l-1 ta’ Jannar 2007. |
12 |
L-Artikolu 3 tal-Wi jipprevedi: “1. Għandu l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika l-barrani li jkun jirrisjedi b’mod regolari fis-sens tal Artikolu 8(a) sa (e) jew (l) tal-Vw 2000 li:
[...] 4. L-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, imsemmi fil-paragrafu 1, ma huwiex stabbilit b’effett retroattiv.” |
13 |
Skont l-Artikolu 5 tal-Wi: “1. B’deroga mill-Artikolu 3, dawn il-persuni ma humiex marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika:
2. Lanqas ma huma marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika: [...]
[...] 3. Il-persuni li huma mitluba jissodisfaw l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika li għandhom diploma, ċertifikat jew dokument ieħor, stabbilit minn jew skont miżura ġenerali ta’ amministrazzjoni, li minnu jirriżulta li huma għandhom diġà parti mill-kapaċitajiet u mill-għarfien imsemmija fl-Artikolu 7, huma eżenti mill-obbligu li jiksbu din il-parti tal-kapaċitajiet u tal-għarfien u li jgħaddu mill-parti korrispondenti tal-eżami ta’ integrazzjoni. 4. Permezz ta’ jew skont miżura ġenerali ta’ amministrazzjoni, jistgħu jiġu adottati regoli rigward:
5. Il-Ministru tagħna jista’ jadotta regoli amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(d).” |
14 |
L-Artikolu 31 tal-imsemmija liġi jipprevedi: “1. Il-College van Burgemeester en Wethouders jimponi multa amministrattiva fuq il-persuna li kellha l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika li ma tkunx għaddiet mill-eżami ta’ integrazzjoni jew fit-terminu stipulat fl-Artikolu 7(1), jew fit-terminu mġedded abbażi tas-subparagrafu (a) tat-tieni paragrafu. 2. B’deroga mill-paragrafu 1:
3. Permezz ta’ jew skont miżura ġenerali ta’ amministrazzjoni, jiġu adottati regoli rigward il-paragrafu 2.” |
15 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Wi daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007. Bid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, iddaħħal fil-Vw 2000 l-Artikolu 21(1)(k). Madankollu, din id-dispożizzjoni ġiet applikata biss, fil-fatt, mill-1 ta’ Jannar 2010. |
16 |
Il-Gvern Olandiż jispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-obbligu li persuna tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika huwa kundizzjoni għall-ksib tal-istatus ta’ resident għat-tul, kemm għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kisbu għall-ewwel darba residenza regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi wara d-dħul fis-seħħ tal-Wi, kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, anki jekk fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Wi, kienu jirrisjedu diġà b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi, talbu l-istatus ta’ resident għat-tul wara l-1 ta’ Jannar 2010. L-Artikolu 21(1)(k) tal-Vw 2000 japplika għaldaqstant għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini. |
17 |
Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Wi, kienu jirrisjedu diġà b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi u li talbu l-istatus ta’ resident għat-tul matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-1 ta’ Jannar 2010, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma għandhomx l-obbligu li jgħaddu mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika sabiex jiksbu l-imsemmi status. L-Artikolu 21(1)(k) tal-Vw 2000 ma japplikax, għaldaqstant, għal din il-kategorija ta’ ċittadini. |
18 |
Madankollu, iċ-ċittadini li jaqgħu taħt l-imsemmija kategorija huma obbligati jgħaddu mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika fit-terminu stabbilit permezz ta’ deċiżjoni tal-College van Burgemeester en Wethouders tal-komun li fih l-imsemmija ċittadini għandhom ir-residenza tagħhom, taħt piena ta’ multa. Jekk wieħed ma jirnexxiex mill-eżami f’dan it-terminu, jiġi stabbilit terminu ġdid, u l-ammont tal-multa, kull darba, jiżdied. |
19 |
B’dan il-mod, l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika li għalih hija suġġetta din il-kategorija ta’ ċittadini ma jaffettwax l-istatus ta’ resident għat-tul, la biex dan jinkiseb u lanqas biex dan jinżamm. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20 |
P u S huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom, rispettivament, mill-14 ta’ Novembru 2008 u mit-8 ta’ Ġunju 2007, permess ta’ residenza regolari bħala residenti għat-tul, għal żmien indeterminat, abbażi tad-Direttiva 2003/109. |
21 |
B’deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2008, il-Commissie Sociale Zekerheid informat lil P li hija kienet suġġetta għal obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, kif previst mill-Wi, u li hija kellha tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika sat-30 ta’ Ġunju 2013. Wara din id-deċiżjoni, P bdiet programm ta’ integrazzjoni ċivika propost mill-Commissie Sociale Zekerheid. Mill-25 ta’ Awwissu 2008, P interrompiet b’mod temporanju dan il-programm għal raġunijiet mediċi. Sussegwentement ma komplitux. B’deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2009, il-Commissie Sociale Zekerheid, mill-ġdid, ikkonstatat li P kienet suġġetta għal dan l-obbligu u li kellha tgħaddi dan l-eżami sat-30 ta’ Ġunju 2013. Fil-25 ta’ Frar 2010, il-Commissie Sociale Zekerheid żammet id-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Awwissu 2009. |
22 |
B’deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2010, il-College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amstelveen informa lil S li hija kienet suġġetta għal obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, kif previst fil-Wi, u li hija kellha tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika sal-24 ta’ Awwissu 2013. |
23 |
Fil-kuntest tal-appelli ppreżentati minn P u S kontra ċ-ċaħda tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li jobbligawhom jgħaddu mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, is-Centrale Raad van Beroep tesprimi dubji rigward il-konformità tal-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika mad-Direttiva 2003/109. |
24 |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tqis li l-impożizzjoni ta’ tali obbligu hija bbażata fuq l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109, tistaqsi jekk, wara l-għoti tal-istatus ta’ resident għat-tul, l-Istati Membri jistgħux jimponu kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni fil-forma ta’ eżami ta’ integrazzjoni ċivika, b’sanzjonijiet fil-forma ta’ sistema ta’ multi. |
25 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika jista’ effettivament jaqa’ taħt l-Artikolu 11(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2003/109. Jekk dan huwa l-każ, sa fejn l-imsemmi obbligu ma huwiex impost fuq il-persuni bin-nazzjonalità, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul lanqas ma jistgħu jkunu marbuta b’dan l-obbligu, inkella jiġi miksur il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni. |
26 |
Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, jekk kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni jistgħu effettivament jiġu stabbiliti fid-dritt nazzjonali, huma ma jistgħux madankollu jkunu tali li jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli, il-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul, jew iż-żamma ta’ dan l-istatus. Il-qorti tar-rinviju ma teskludix li l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika ma huwiex f’konformità ma’ dan il-kriterju. |
27 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li persuna tiġi informata, wara l-ksib tal-istatus ta’ resident għat-tul, li obbligu ta’ integrazzjoni ċivika għandu jiġi ssodisfatt sussegwentement, kif huwa l-każ għal S, huwiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-konformità ta’ dan l-obbligu mad-Direttiva 2003/109. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
29 |
Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2003/109 u, b’mod partikolari, l-Artikoli 5(2) u 11(1) ta’ din jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma diġà fil-pussess tal-istatus ta’ resident għat-tul l-obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, taħt piena ta’ multa, u jekk il-fatt li l-imsemmi status ikun inkiseb qabel ma dan l-obbligu ġie impost jew wara li l-imsemmi obbligu ġie impost huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. |
30 |
B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu jirrisjedu b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Wi, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2007, u li talbu l-istatus ta’ resident għat-tul matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-1 ta’ Jannar 2010, bħal P u S. |
31 |
Għal din il-kategorija ta’ ċittadini, l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fil-fatt li persuna tgħaddi minn eżami sabiex turi l-akkwist ta’ kapaċitajiet orali u bil-kitba bl-Olandiż kif ukoll għarfien tas-soċjetà Olandiża, ma huwiex kundizzjoni sabiex jinkiseb u lanqas sabiex jinżamm l-istatus ta’ resident għat-tul, iżda jwassal biss għall-impożizzjoni ta’ multa fuq dawk li, mal-iskadenza tat-terminu stabbilit, ma jkunux għaddew minn dan l-eżami. |
32 |
Barra minn hekk, għandha tiġi osservata l-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-miżuri ta’ integrazzjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 4 tad-Direttiva 2003/109, li tipprevedi li l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Unjoni ddikjarata fit-Trattat. |
33 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jingħataw risposta. |
34 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109, taħt it-titolu “[k]ondizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jissodisfaw kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skont id-dritt nazzjonali tagħhom. |
35 |
B’dan il-mod, jirriżulta kemm mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-kuntest li fih hija tinsab li l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jissuġġettaw il-ksib tal-istatus ta’ resident għat-tul għall-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti minn qabel ċerti kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni. |
36 |
L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109 jirrigwarda, għaldaqstant, kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni li jistgħu jintalbu qabel l-għoti tal-istatus ta’ resident għat-tul. |
37 |
Kif ġie osservat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawża prinċipali la huwa kundizzjoni għall-ksib u lanqas għaż-żamma tal-istatus ta’ resident għat-tul miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li talbu dan l-istatus matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-1 ta’ Jannar 2010. Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda din il-kategorija ta’ ċittadini, tali obbligu ma jistax jiġi kklassifikat bħala kundizzjoni ta’ integrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109. |
38 |
Għaldaqstant, sa fejn l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109 la jitlob u lanqas jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jeżiġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jissodisfaw obbligi ta’ integrazzjoni wara l-ksib tal-istatus ta’ resident għat-tul, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix miżura ta’ integrazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
39 |
Fir-rigward tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi osservat li, kif huwa stabbilit fil-premessa 12 tal-imsemmija direttiva, din id-dispożizzjoni tiggarantixxi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu l-istatus ta’ resident għat-tul ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini bin-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat, fl-oqsma elenkati fil-punti a) sa h) tal-imsemmija dispożizzjoni. |
40 |
Fid-dawl tal-fatt li l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex impost fuq iċ-ċittadini bin-nazzjonalità, għandu jiġi eżaminat jekk tali obbligu jistax ikun kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109, fid-diversi oqsma li huwa jipprevedi. |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jitlob li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza S.P.C.M. et, C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-miżuri ta’ integrazzjoni kontenzjużi jikkonsistu, essenzjalment, fl-obbligu li jiġu akkwistati u/jew li jintwerew kapaċitajiet orali u bil-kitba bl-Olandiż kif ukoll għarfien tas-soċjetà Olandiża. Filwaqt li jista’ jiġi preżunt li ċittadini bin-nazzjonalità jkollhom tali kapaċitajiet u għarfien, dan ma jgħoddx fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Għaldaqstant, kif jindika l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li jitqies li s-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma hijiex komparabbli ma’ dik taċ-ċittadini bin-nazzjonalità f’dak li jirrigwarda l-utilità ta’ miżuri ta’ integrazzjoni bħalma huma l-akkwist ta’ għarfien tal-lingwa u tas-soċjetà tal-pajjiż. |
43 |
Għaldaqstant, sa fejn l-imsemmija sitwazzjonijiet ma humiex komparabbli, il-fatt li l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex impost fuq iċ-ċittadini bin-nazzjonalità ma jiksirx id-dritt taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul għal ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini bin-nazzjonalità, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109. |
44 |
Madankollu, il-mezzi għall-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika ma għandhomx jippreġudikaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109. |
45 |
F’kull każ, għandu jingħad ukoll li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet segwiti permezz ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, li tneħħi l-effettività ta’ din (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 65). |
46 |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mir-raba’, mis-sitt u mit-tnax-il premessa tad-Direttiva 2003/109, l-għan prinċipali ta’ din huwa l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li stabbilixxew ruħhom għat-tul fl-Istati Membri (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 66). |
47 |
Minkejja dan, fir-rigward, qabel kollox tal-obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi kkontestat li l-akkwist ta’ għarfien tal-lingwa u tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti jiffaċilita ħafna l-komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ċ-ċittadini bin-nazzjonalità u, barra minn hekk, jinkoraġġixxi l-interazzjoni u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet soċjali bejn dawn. Lanqas ma jista’ jiġi kkontestat li l-akkwist tal-għarfien tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti jirrendi inqas diffiċli l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għas-suq tax-xogħol u għat-taħriġ professjonali. |
48 |
F’din il-perspettiva, sa fejn l-obbligu li persuna tgħaddi minn eżami, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jippermetti li jiġi żgurat l-akkwist miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati ta’ għarfien li jirriżulta mingħajr kontestazzjoni utli sabiex jiġu stabbiliti rabtiet mal-Istat Membru ospitanti, għandu jitqies li tali obbligu ma jipperikolax, minnu nnifsu, it-twettiq tal-għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva 2003/109 iżda jgħin, bil-kontra, għat-twettiq tagħhom. |
49 |
Madankollu, il-mezzi biex jiġi implementat dan l-obbligu lanqas ma għandhom ikunu tali li jipperikolaw dawn l-għanijiet, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-livell ta’ għarfien li huwa mitlub sabiex persuna tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, l-aċċessibbiltà għall-korsijiet u l-materjal neċessarju sabiex persuna tħejji ruħha għal dan l-eżami, l-ammont tal-miżati applikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inkwantu spejjeż ta’ reġistrazzjoni sabiex persuna tgħaddi mill-imsemmi eżami, jew it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi individwali partikolari, bħall-età, l-analfabetiżmu jew il-livell ta’ edukazzjoni. |
50 |
Fir-rigward, imbagħad, tas-sistema ta’ multi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-impożizzjoni ta’ multa fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul li, mal-iskadenza tat-terminu stabbilit, ma jkunux għaddew mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, inkwantu mezz sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika li huwa impost fuqhom, ma tipperikolax, minnha nnifisha, it-twettiq tal-għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva 2003/109 u, għaldaqstant, ma ċċaħħadhiex mill-effettività tagħha. |
51 |
Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ammont massimu tal-multa li tista’ tiġi imposta inkwistjoni fil-kawża prinċipali jilħaq livell relattivament għoli, jiġifieri EUR 1000, u li din il-multa tista’, barra minn hekk, tiġi imposta kull darba li t-termini stabbiliti sabiex persuna tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika jiskadu mingħajr ma l-persuna tkun għaddiet mill-eżami, u dan mingħajr l-ebda limitu, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jgħaddi mill-imsemmi eżami. |
52 |
Għandu jiġi osservat ukoll li l-multa hija imposta fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, mal-iskadenza tat-terminu stabbilit, ma jkunux għaddew mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, indipendentement mill-fatt li, matul dak il-perijodu, dawn iċ-ċittadini qatt ma marru għall-eżami jew jekk marru għalih diversi drabi. |
53 |
Minbarra dan, l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni sabiex persuna tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika kif ukoll, eventwalment, l-ispejjeż marbuta mat-tħejjija għal dan, huma sostnuti miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati. Għandu jiġi osservat ukoll li, waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż indika li l-ammont tal-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni huwa ta’ EUR 230, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati għandhom iħallsu dawn l-ispejjeż kull darba li, matul il-perijodu preskritt, imorru għall-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, u li l-imsemmija spejjeż ma humiex irrimborsati liċ-ċittadini li ma jgħaddux minn dan l-eżami. Minn dan jirriżulta, għaldaqstant, li l-impożizzjoni ta’ multa ma huwiex l-uniku effett negattiv li għandhom isostnu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jirnexxilhomx jgħaddu mill-imsemmi eżami qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit. |
54 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, il-pagament ta’ multa sabiex jiġi ssanzjonat in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li persuna tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, b’żieda mal-pagament tal-ispejjeż marbuta mal-eżamijiet magħmula jista’ jipperikola t-twettiq tal-għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva 2003/109 u, għaldaqstant, iċaħħadha mill-effettività tagħha. |
55 |
Fl-aħħar nett, sa fejn l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaffettwax il-kisba u ż-żamma tal-istatus ta’ resident għat-tul taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li talbu dan l-istatus matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-1 ta’ Jannar 2010, kif ġie osservat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-istatus ta’ resident għat-tul kien inkiseb qabel ma dan l-obbligu ġie impost jew wara li l-imsemmi obbligu ġie impost huwa, f’dan il-każ, irrilevanti għar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju. |
56 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li d-Direttiva 2003/109 u, b’mod partikolari, l-Artikoli 5(2) u 11(1) tagħha ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma diġà fil-pussess tal-istatus ta’ resident għat-tul l-obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, taħt piena ta’ multa, sakemm il-mezzi għall-applikazzjoni tiegħu ma jkunux jistgħu jipperikolaw it-twettiq tal-għanijiet segwiti permezz ta’ din id-direttiva, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Il-fatt li l-istatus ta’ resident għat-tul kien inkiseb qabel ma l-obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika ġie impost jew wara li l-imsemmi obbligu ġie impost huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
Fuq l-ispejjeż
57 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, u, b’mod partikolari, l-Artikoli 5(2) u 11(1) ta’ din ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma diġà fil-pussess tal-istatus ta’ resident għat-tul l-obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, taħt piena ta’ multa, sakemm il-mezzi għall-applikazzjoni tiegħu ma jkunux jistgħu jipperikolaw it-twettiq tal-għanijiet segwiti permezz ta’ din id-direttiva, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Il-fatt li l-istatus ta’ resident għat-tul kien inkiseb qabel ma l-obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika ġie impost jew wara li l-imsemmi obbligu ġie impost huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.