EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CA0020

Kawża C-20/13: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Settembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Berlin – il-Ġermanja) – Daniel Unland vs Land Berlin (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikoli 2, 3(1)(ċ) u 6(1) — Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età — Salarju bażiku tal-imħallfin — Sistema tranżitorja — Riklassifikazzjoni u progress sussegwenti — Twettiq ta’ differenza fit-trattament — Ġustifikazzjonijiet)

ĠU C 363, 3.11.2015, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Settembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Berlin – il-Ġermanja) – Daniel Unland vs Land Berlin

(Kawża C-20/13) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Direttiva 2000/78/KE - Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol - Artikoli 2, 3(1)(ċ) u 6(1) - Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età - Salarju bażiku tal-imħallfin - Sistema tranżitorja - Riklassifikazzjoni u progress sussegwenti - Twettiq ta’ differenza fit-trattament - Ġustifikazzjonijiet))

(2015/C 363/02)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Daniel Unland

Konvenut: Land Berlin

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

2)

L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li s-salarju bażiku ta’ mħallef jiġi stabbilit, fil-mument tal-ħatra tiegħu, esklużivament skont l-età tiegħu.

3)

L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi ta’ riklassifikazzjoni, fi ħdan sistema ta’ remunerazzjoni ġdida, ta’ mħallfin fis-servizz qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, billi tipprovdi li l-iskala ta’ salarju li issa għandha tapplika għalihom għandha tiġi ddeterminata esklużivament fuq l-ammont ta’ salarju bażiku li huma kienu jirċievu taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni preċedenti, minkejja li din is-sistema kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-imħallef, sa fejn id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni ta’ drittijiet kweżiti.

4)

L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-metodi ta’ progress ta’ mħallfin fis-servizz qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, skont is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida, u li tipprovdi li, b’effett minn ċerta skala, l-imħallfin li jkunu laħqu ċerta età fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida jkunu jibbenefikaw minn progress iktar mgħaġġel minn dak previst għall-imħallfin li kienu iżgħar fid-data ta’ referenza stabbilita għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida, sa fejn id-differenza fit-trattament implikata minn din il-liġi tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

5)

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix li jingħata retroattivament lill-imħallfin diskriminati ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni effettivament imħallsa u dik li tikkorrispondi għall-iskala l-iktar għolja tal-grad tagħhom.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja humiex issodisfatti sabiex, skont id-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titqies li hija responsabbli.

6)

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tinvoka dritt għal ħlas finanzjarju li ma jirriżultax direttament mil-liġi f’terminu relattivament qasir, jiġifieri qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja, jekk din ir-regola la tkun tikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas il-prinċipju ta’ effettività. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali.


(1)  ĠU C 86, 23.03.2013.


Top