EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0076

Kawża C-76/12: Rikors ippreżentat fit- 13 ta’ Frar 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

ĠU C 133, 5.5.2012, p. 16–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/16


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Frar 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-76/12)

2012/C 133/29

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Roels u C. Soulay, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li billi żammet fis-seħħ sistema fiskali li teżenta mit-taxxa d-dividendi mħallsa minn kumpannija Franċiża lill-fondi ta’ investiment stabbiliti fi Franza, filwaqt li l-istess dividendi mqassma lill-fondi ta’ investiment stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, ir-Repubblika Franċiża naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta d-differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji Franċiżi lill-korpi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), skont jekk dawn il-UCITS humiex residenti jew le fi Franza. Wieħed mill-elementi tas-sistema fiskali tal-UCITS residenti fi Franza jikkonsisti fin-nuqqas ta’ tassazzjoni, fir-rigward tagħhom, tad-dividendi mqassma mill-kumpanniji Franċiżi. Min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 119a(2), tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa, taxxa f’ras il-għajn hija applikata fuq id-dividendi mqassma mill-kumpanniji Franċiżi lill-UCITS mhux residenti. Il-Kummissjoni tqis li t-trattament fiskali differenti applikat lill-UCITS residenti u lill-UCITS mhux residenti, filwaqt li dawn jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli irrispettivament mill-Istat ta’ residenza tagħhom, jirrappreżenta ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital, u li dan l-ostakolu ma huwiex iġġustifikat mill-effikaċja tal-kontrolli fiskali u lanqas mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni.

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita espressa b’mod partikolari fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, C-540/07) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, C-284/09), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri li jissottomettu d-dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra għal sistema fiskali inqas favorevoli minn dik applikabbli għad-dividendi mqassma lill-kumpanniji residenti, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament ma hija ġġustifikata minn sitwazzjonijiet oġġettivament differenti jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ikunu naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt il-libertà ta’ moviment tal-kapital.


Top