Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0533

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014.
Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA u Ir-Repubblika Franċiża vs Corsica Ferries France SAS.
Appell – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Test ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq – Rekwiżit ta’ analiżi settorjali u ġeografika – Prattika suffiċjentement stabbilita – Razzjonalità ekonomika għal perijodu twil – Ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija.
Kawżi magħquda C‑533/12 P u C‑536/12 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2142

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Appell — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea — Test ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq — Rekwiżit ta’ analiżi settorjali u ġeografika — Prattika suffiċjentement stabbilita — Razzjonalità ekonomika għal perijodu twil — Ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija”

Fil-Kawżi magħquda C‑533/12 P u C‑536/12 P,

li għandha bħala suġġett żewġ appelli abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit-22 ta’ Novembru 2012,

Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA, irrappreżentata minn A. Winckler u F.-C. Laprévote, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Corsica Ferries Franza SAS, stabbilita f’Bastia (Franza), irrappreżentata minn S. Rodrigues u C. Bernard-Glanz, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, N. Rouam u J. Rossi, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑533/12 P),

u

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas, N. Rouam u J. Rossi, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Corsica Ferries Franza SAS, stabbilita fi Bastia, irrappreżentata minn S. Rodrigues u C. Bernard-Glanz, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA, irrappreżentata minn A. Winckler u F.-C. Laprévote, avukati,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑536/12 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, Société nationale maritime Corse‑Méditerranée (SNCM) SA (iktar ’il quddiem l-“SNCM”) u r-Repubblika Franċiża jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni (T‑565/08, EU:T:2012:415, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), inkwantu l-imsemmija sentenza annullat it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/611/KE, tat-8 ta’ Lulju 2008, dwar il-miżuri C 58/02 (ex N 118/02) li Franza implementat favur is-Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) (ĠU 2009, L 225, p. 180, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni

2

Il-Qorti Ġenerali wettqet il-konstatazzjonijiet segwenti:

Il-kumpanniji marittimi inkwistjoni

1

[...] Corsica Ferries France SAS [iktar ’il quddiem ‘Corsica Ferries’], hija kumpannija marittima li toffri konnessjonijiet marittimi regolari lejn Korsika bi tluq minn Franza kontinentali (Marseille, Toulon u Nice) u mill-Italja.

2

L-[SNCM] hija kumpannija marittima li tiggarantixxi konnessjonijiet regolari lejn Korsika bi tluq minn Franza kontinentali (Marseille, Toulon u Nice) u lejn l-Afrika ta’ Fuq (l-Alġerija u t-Tuneżija) bi tluq minn Franza kif ukoll konnessjonijiet lejn Sardinja. Waħda mis-sussidjarji prinċipali tal-SNCM, miżmuma 100 %, hija l-Compagnie méridionale de navigation [...].

3

Fl-2002, 20 % tal-ishma tal-SNCM kienu l-proprjetà tas-Société nationale des chemins de fer u 80 % tal-Compagnie générale maritime et financière (iktar ’il quddiem iċ-“CGMF”), miżmuma 100 % mill-Istat Franċiż. Mal-ħruġ tal-kapital fl-2006, żewġ xerrejja Butler Capital Partners [...] u Veolia Transport [...], ħadu l-kontroll ta’ 38 % u 28 % tal-kapital rispettivament, filwaqt li ċ-CGMF baqgħet iżżomm 25 % u li 9 % tal-kapital kien baqa’ rriżervat għall-impjegati. Wara, [Butler Capital Partners] biegħet l-ishma tagħha lil [Veolia Transport].

Il-proċedura amministrattiva

4

Permezz tad-Deċiżjoni 2002/149/KE tagħha, tat-30 ta’ Ottubru 2001, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lill-[Société nationale maritime Corse‑Méditerranée (SNCM)] (ĠU 2002, L 50, p. 66 [...]), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qieset li għajnuna ta’ EUR 787 miljun mogħtija lill-SNCM, għall-perijodu bejn l-1991 u l-2001, bħala kumpens ta’ servizz pubbliku, kienet kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 86(2) KE. Din id-deċiżjoni ma kinitx is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

5

Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Frar 2002, ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni bi proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur l-SNCM fl-ammont ta’ EUR 76 miljun (iktar ’il quddiem il-‘pjan tal-2002’).

6

Permezz tad-Deċiżjoni 2004/166/KE tagħha, tad-9 ta’ Lulju 2003, dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li Franza kellha l-intenzjoni li tagħti lis-[Société nationale maritime Corse‑Méditerranée (SNCM)] (ĠU 2004, L 61, p. 13, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2003”), il-Kummissjoni approvat kundizzjonalment żewġ porzjonijiet ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur l-SNCM fl-ammont totali ta’ EUR 76 miljun, waħda ta’ EUR 66 miljun, pagabbli immedjatament, u l-oħra, fl-ammont massimu ta’ EUR 10 miljuni, li kienet tiddependi fuq ir-riżultat nett tat-trasferimenti fir-rigward, b’mod partikolari, tal-vapuri ta’ SNCM.

7

[Corsica Ferries] ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-2003 quddiem il-Qorti Ġenerali, fit-13 ta’ Ottubru 2003 [(sentenza tal-Qorti Ġenerali Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221)].

8

Permezz tad-Deċiżjoni 2005/36/KE tagħha, tat-8 ta’ Settembru 2004, li temenda d-deċiżjoni [2004/166/KE dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li Franza kellha l-intenzjoni li tagħti lil Société nationale maritime Corse‑Méditerranée (SNCM)] (ĠU [2005], L 19, p. 70, [...]), il-Kummissjoni emendat waħda mill-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal‑2003. Din kienet il-kundizzjoni marbuta man-numru massimu ta’ ħdax-il vapur li l-SNCM kienet awtorizzata titrasferixxi. Fid-deċiżjoni [2005/36], il-Kummissjoni ppermettiet is-sostituzzjoni ta’ wieħed minn dawn il-vapuri, l-Aliso, b’ieħor, l-Asco.

9

Permezz tad-Deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni approvat il-ħlas tat-tieni porzjon tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, fl-ammont ta’ EUR 3 327 400, abbażi tad-deċiżjoni tal-2003 (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni tal-2005’).

10

Permezz ta’ sentenza [tagħha] Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2005:221), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-2003 minħabba evalwazzjoni żbaljata tal-ammont minimu tal-għajnuna, dovuta prinċipalment għal żbalji ta’ kalkolu fir-riżultat nett tat-trasferimenti, filwaqt li tiċħad il-motivi l-oħra kollha bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-Artikolu 87(3)(c) KE u tal-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU 1999, C 288, p. 2, iktar ’il quddiem il-’linji gwida’).

11

F’ittra tas-7 ta’ April 2006, l-awtoritajiet Franċiżi stiednu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li, minħabba n-natura ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku, parti minn din l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni permessa fil-kuntest tal-pjan tal-2002, fl-ammont ta’ EUR 53.48 miljun, ma kellhiex tiġi kklassifikata bħala miżura meħuda fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni iżda bħala miżura li ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tas-[sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415)], jew miżura awtonoma mill-pjan tal-2002 abbażi tal-Artikolu 86(2) KE.

12

Fil-21 ta’ April 2006, il-proġett ta’ konċentrazzjoni li jirrigwarda l-ksib ta’ kontroll konġunt tal-SNCM minn [Butler Capital Partners] u [Veolia Transport] ġie nnotifikat lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi [‘ir-Regolament KE dwar il-konċentrazzjonijiet’] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40). Il-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni fid‑29 ta’ Mejju 2006 abbażi tal-Artikolu 6(1)(b) tal-istess regolament.

[...]

14

Fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-miżuri l-ġodda implementati favur l-SNCM filwaqt li integrat il-pjan tal‑2002 (ĠU 2006, C 303, p. 53, [...]).

15

Permezz tad-deċiżjoni [inkwistjoni], il-Kummissjoni qieset li l-miżuri tal-pjan tal-2002 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, iżda kienu kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) KE u l-Artikolu 87(3)(c) KE, u li l-miżuri tal-pjan ta’ privatizzazzjoni tal‑2006 (iktar ’il quddiem il-‘pjan tal-2006’) ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

Il-miżuri inkwistjoni

16

Id-deċiżjoni [inkwistjoni] għandha bħala suġġett il-miżuri li ġejjin:

fil-kuntest tal-pjan tal-2002: il-kontribuzzjoni f’kapital miċ-CGMF lill-SNCM fl-ammont ta’ EUR 76 miljun, li minnhom EUR 53.48 miljun huma abbażi tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-bilanċ abbażi tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni;

fil-kuntest tal-pjan tal-2006;

il-prezz tal-bejgħ negattiv tal-SNCM miċ-CGMF fl-ammont ta’ EUR 158 miljun;

il-kontribuzzjoni f’kapital miċ-CGMF fl-ammont ta’ EUR 8.75 miljun;

il-ħlas minn qabel f’kont kurrenti miċ-CGMF għal ammont ta’ EUR 38.5 miljun favur l-impjegati mkeċċija mill-SNCM fil-każ ta’ pjan soċjali ġdid.

Id-deċiżjoni [inkwistjoni]

17

Fid-deċiżjoni [inkwistjoni], partikolament fil-premessi 37 sa 54, il-Kummissjoni kkonstatat li s-servizz ta’ trasport tal-passiġġieri għal Korsika kien suq ikkaratterizzat mill-istaġunalità u mill-konċentrazzjoni tiegħu. Il-qafas kompetittiv tas-suq inbidel b’mod qawwi wara li daħlet [Corsica Ferries] fl-1996. Mis-sena 2000, l-SNCM u [Corsica Ferries] kienu jiffurmaw duwopolju de facto u kellhom sehem ta’ iktar minn 90 % tas-suq. Fl-2007, [Corsica Ferries] kisbet dominanza netta fuq l-SNCM u ttrasportat miljun passiġġier iktar, f’suq bi tkabbir regolari ta’ 4 % kull sena. Min-naħa l-oħra, L-SNCM, flimkiem ma’ [Compagnie méridionale de navigation], baqgħet fi kważi monopolju f’dak li huwa ġarr tal-merkanzija.

18

Fil-premessi 219 sa 225 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kontribuzzjonijiet meħuda flimkien riċevuti mill-SNCM permezz taċ-CGMF, kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li kienu jheddu li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u li kienu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, hija kkunsidrat li kienu sodisfatti tlieta mill-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE. Wara, għal kull miżura, hija eżaminat l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv u l-kompatibbiltà eventwali tiegħu mas-suq komuni.

19

F’dak li jirrigwarda l-EUR 76 miljun innotifikati fl-2002, hija qieset, fil-premessa 236 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li EUR 53.48 miljun setgħu jiġu kkunsidrati bħala kumpens ta’ servizz pubbliku. Skont il-punt 320 tas-sentenza [Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni (EU:T:2005:221)], hija evalwat din il-kontribuzzjoni fid-dawl tas-sentenza Altmark [Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (EU:C:2003:415)], u kkonkludiet, fil-premessa 257 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li kienet tassew tikkonsisti għajnuna mill-Istat, madankollu kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 86(2) KE. Għaldaqstant, il-bilanċ ta’ EUR 22.52 miljun li kien fadal kellu jiġi kkunsidrat abbażi tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

20

F’dak li jirrigwarda l-pjan tal-2006, il-Kummissjoni sussegwentement applikat, fil-premessi 267 sa 352 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], it-test tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem it-‘test tal-investitur privat’) għall-prezz tal-bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun. Sabiex isir dan, hija evalwat jekk investitur privat ipotetiku, minflok iċ-CGMF, kienx jippreferi jirrikapitalizza s-[SNCM] għal dan l-ammont jew inkella kienx jillikwida l-kumpannija u jassumi l-ispejjeż tagħha. Għalhekk, kien neċessarju li tiġi evalwata l-ispiża minima tal-likwidazzjoni.

21

Fil-premessi 267 sa 280 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], il-Kummissjoni qieset li l-ispiża tal-likwidazzjoni kellha neċessarjament tinkludi l-ispiża tal-pjan soċjali, jiġifieri l-ispiża ta’ indennizzi supplimentari ta’ tkeċċija apparti l-obbligi legali u kuntrattwali; sabiex tikkonforma ruħha mal-prattika ta’ llum ta’ gruppi kbar ta’ impriżi u bl-għan li ma ssirx ħsara lill-immaġni tal-kumpannija holding li minnha tifforma parti u tal-azzjonist finali tagħha. Għalhekk, hija evalwat, bl-għajnuna ta’ espert indipendenti, l-ispiża ta’ dawn l-indennizzi supplimentari billi għamlet paragun mal-pjanijiet soċjali implementati reċentement fi Franza minn gruppi ta’ impriżi bħal Michelin jew Yves Saint-Laurent.

22

Il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 350 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li l-prezz tal-bejgħ negattiv kien joħroġ minn proċedura ta’ għażla miftuħa, trasparenti, inkundizzjonata u nondiskriminatorja, u li, f’dan ir-rigward, kien jikkostitwixxi prezz tas-suq. Għaldaqstant, filwaqt li għażlet ipoteżi ta’ spiża ta’ likwidazzjoni llimitata biss għall-indennizzi għat-tkeċċija, hija kkonkludiet, fil-premessa 352 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-ispiża tal-likwidazzjoni kienet ogħla mill-prezz tal-bejgħ negattiv u għalhekk, il-kontribuzzjoni f’kapital ta’ EUR 158 miljun ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

23

F’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni f’kapital ta’ EUR 8.75 miljun miċ-CGMF, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 256 [356] sa 358 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li peress li l-kontribuzzjoni tax-xerrejja privati kienet sinjifikattiva u konkomitanti, il-karattru tal-għajnuna seta’ jiġi eskluż minnufih. Sussegwentement, hija tikkonstata li r-rata ta’ profitt fiss kienet tikkostitwixxi dħul adegwat mill-kapitali investiti u li l-eżistenza tal-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment ma kinitx ta’ natura li tpoġġi f’dubju l-ugwaljanza fit-trattament. Fil-premessa 365 ta’ din l-istess deċiżjoni, hija kkonkludiet li l-kontribuzzjoni f’kapital taċ-CGMF, fl-ammont ta’ EUR 8.75 miljun, ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

24

Il-Kummissjoni sussegwentement osservat, fil-premessi 372 sa 378 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li l-miżuri ta’ għajnuna għall-persuna, fil-livell ta’ EUR 38 miljun, iddepożitati f’kont sekwestratarju kellhom jidħlu fis-seħħ fl-eventwalità ta’ pjan soċjali ġdid implementat mix-xerrejja u li dawn ma jikkorrispondux għall-implementazzjoni tat-tnaqqis tal-impjegati previst fil-pjan tal-2002. Skont il-Kummissjoni, din l-għajnuna setgħet titħallas biss lil individwi li l-kuntratt tax-xogħol tagħhom mal-SCNM [SNCM] ġie mitmum minn qabel. Għalhekk, dawn il-miżuri ma humiex spejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni normali tal-leġiżlazzjoni soċjali applikabbli fil-qafas tat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol. Il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-għajnuna għall-persuna, approvata mill-Istat bħala awtorità pubblika u mhux bħala l-Istat azzjonist, taqa’ għalhekk taħt il-politika soċjali tal-Istati Memberi u ma tikkostitwixxix, minn dan il-fatt, għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

25

F’dak li jirrigwarda l-bilanċ ta’ EUR 22.52 miljun innotifikat abbażi tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, jiġifieri l-bilanċ ta’ EUR 76 miljun innotifikat fil-kuntest tal-pjan tal-2002 u tal-EUR 53.48 miljun stmati kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 86(2) KE [...], fil-premessa 381 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], il-Kummissjoni kkunsidrat li kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Sussegwentement hija evalwat il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mal-linji gwida..

26

Il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 387 sa 401 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li fl-2002 l-SNCM kienet verament impriża f’diffikultà skont il-punt 5(a) u l-punt 6 tal-linji gwida u li l-pjan tal-2002 x’aktarx kellu jiżgura r-ritorn għall-vijabbiltà tal-impriża, skont il-punti 31 sa 34 tal-linji gwida.

27

F’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni ta’ distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni (punti 35 sa 39 tal-linji gwida), il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 404 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li s-suq tas-servizzi ta’ trasport marittimu lejn il-Korsika ma kienx suġġett għal kapaċità żejda u li għalhekk ma kien hemm l-ebda ħtieġa li wieħed jikkontribwixxi għar-ristrutturazzjoni finanzjarju tiegħu. Sussegwentement hija kkunsidrat, fil-premessa 406 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni nnotifikat kien jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għat-tnaqqis tal-preżenza tal-impriża fis-suq. Għalhekk, anki l-kriterju relatat mal-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni kien ġie sodisfatt.

28

Il-Kummissjoni osservat, fil-premessi 410 sa 419 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li l-ħtieġa ta’ għajnuna, ikkalkolata bil-minimu skont il-punti 40 u 41 tal-linji gwida, kienet illimitata għal EUR 19.75 miljun fid-9 ta’ Lulju 2003, bla ħsara għar-riżultat nett tat-trasferimenti previst mid-deċiżjoni tal-2003. Għal dan, il-Kummissjoni bdiet billi tikkalkola l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-SNCM għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni tagħha. Skont din, l-ispiża tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni hija stabbilita għal EUR 46 miljun. Sussegwentement hija naqqset it-trasferimenti kollha li saru bejn it-18 ta’ Frar 2002 (data tan-notifika tal-pjan tal-2002) u d-9 ta’ Lulju 2003 (data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2003), jiġifieri EUR 26.25 miljun sabiex wieħed jasal għal ammont ta’ EUR 19.75 miljun.

29

F’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ kumpens, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjonijiet kollha previsti fid-deċiżjoni tal-2003 fir-rigward tal-ksib, tal-użu tal-flotta, tat-trasferiment tal-assi, tal-projbizzjoni li toffri prezzijiet iktar baxxi minn dawk ta’ kull wieħed mill-kompetituri tagħha [...] u l-projbizzoni ta’ vjaġġi marittimi fuq ir-rotot li jitilqu minn Korsika kienu ġew sodisfatti kważi kompeltament. Sa fejn dawn il-kundizzjonijiet kienu ġew sodisfatti u li l-ammont ta’ għajnuna nnotifikat kien sostanzjalment inqas mill-ammont approvat fl-2003, il-Kummissjoni ma kkunsidratx bħala xieraq li jiġu imposti obbligi addizzjonali. Għalhekk, wara li qieset l-ammont tat-trasferimenti addizzjonali previst mid-deċiżjoni tal-2003, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 434 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li l-bilanċ finali ta’ ristrutturazzjoni, stabbilit għal EUR 15.81 miljun, kien għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 87(3)(c) KE.

30

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni [inkwistjoni] jipprovdi:

‘Artikolu 1

Il-kumpens imħallas mill-Istat Franċiż lill-SNCM li jammonta għal EUR 53,48 miljun għall-obbligi ta’ servizz pubbliku għall-perijodu 1991-2001 huwa għajnuna mill-Istat illegali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE, iżda huwa kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Atikolu 86(2) tal-istess Trattat.

Il-prezz ta’ bejgħ negattiv tal-SNCM ta’ EUR 158 miljun, il-ħlas mis-CGMF tal-miżuri soċjali fir-rigward tal-impjegati għal ammont ta’ EUR [38.5] miljun u l-kapitalizzazzjoni mill-ġdid konġunta u konkomitanti tal-SNCM mis-CGMF għal ammont ta’ EUR [8.75] miljun mhumiex għajnuniet mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

L-għajnuna għar-ristrutturar ta’ ammont ta’ EUR [15.81] miljun li Franza implementat favur is-[SNCM] hija għajnuna mill-Istat illegali skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE, iżda hija kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) tal-istess Trattat].

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.”

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3

Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2008, Corsica Ferries talbet lill-Qorti Ġenerali biex tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni. Hija essenzjalment qajmet sitt motivi insostenn tar-rikors tagħha.

4

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni allegatament wisq wiesa’ tal-Artikolu 287 KE, li twassal għal nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll fi ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. It-tieni sas-sitt motivi huma bbażati fuq ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE tal-linji gwida. Dawn il-motivi jikkonċernaw suċċessivament il-kontribuzzjoni f’kapital ta’ ammont ta’ EUR 53.48 miljun abbażi tal-kumpens ta’ servizz pubbliku, it-trasferiment tal-SNCM bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun, il-kontribuzzjoni f’kapital taċ-CGMF ta’ EUR 8.75 miljun, il-miżuri ta’ għajnuna għall-persuna fl-ammont ta’ EUR 38.5 miljun u l-bilanċ ta’ EUR 22.52 miljun innotifikat abbażi tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

5

Il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet u s-sitt motivi invokati minn Corsica Ferries insostenn tar-rikors għal annullament tagħha u annullat it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6

Permezz tal-appell tagħha, l-SNCM titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment is-sentenza appellata, fuq il-bażi tal-Artikolu 265(1) TFUE u tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkwantu tannulla t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni u

tikkundanna lil Corsica Ferries għall-ispejjeż.

7

Corsica Ferries titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara infondati u tiċħad l-appelli ppreżentati fil-kawżi maqgħuda preżenti u;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha.

8

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, inkwantu annullat it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni;

tiddeċiedi hija stess fuq il-kawża jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u;

tikkundanna lill-appellata tbati l-ispejjeż.

9

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-24 ta’ Jannar 2013, il-Kawżi C‑533/12 P u C‑536/12 P ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq l-appelli

10

L-SNCM, fil-Kawża C‑533/12 P, u r-Repubblika Franċiża, fil-Kawża C‑536/12 P, jinvokaw, it-tnejn li huma kontra s-sentenza appellata, erba’ aggravji li jistgħu fil-parti l-kbira jinġabru f’wieħed. Konsegwentement, għandhom jiġu kkunsidrati flimkien.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi dwar it-trasferiment tal-SNCM bi prezz negattiv

L-argumenti tal-partijiet

11

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, dwar it-trasferiment tal-SNCM bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun, l-SNCM issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet żball ta’ liġi billi kisret il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u, fl-interpretazzjoni kuntrarja tagħha tal-Artikolu 345 TFUE tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq, żnaturat id-deċiżjoni inkwistjoni u naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

Fuq il-ksur tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-portata tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali

12

Skont l-SNCM, il-Qorti Ġenerali kisret il-marġni ta’ diskrezzjoni li tibbenefika minnha l-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni, biex tistabbilixxi l-assenza ta’ għajnuna fil-prezz negattiv, ipparagunat il-prezz negattiv tat-trasferiment u l-ħlas ta’ allowances addizzjonali ta’ tkeċċija li ngħataw mill-Istat fil-każ ta’ likwidazzjoni tal-SNCM. Dan il-kalkolu huwa bbażat fuq data pprovduta mill-partijiet u minn espert indipendenti. Billi qiegħdet inkwistjoni l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni biex tevalwa l-kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi u wettqet żball ta’ liġi.

13

Corsica Ferries issostni li, fil-qasam tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola ġenerali, teżerċita stħarriġ sħiħ f’dan il-qasam.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

14

Fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u tal-istħarriġ ġudizzjarju, il-Qorti Ġenerali evokat, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, ġurisprudenza stabbilita dwar il-portata u n-natura ta’ dan l-istħarriġ fuq il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”.

15

Skont din il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, kif iddefinit fit-Trattat, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola ġenerali u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża ppreżentata quddiemha u kemm tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l‑elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (sentenzi Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni, C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 25; Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punti 64 u 65, kif ukoll BNP Paribas u BNL vs Il-Kummissjoni, C‑452/10 P, EU:C:2012:366, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 90 sa 108 tas-sentenza appellata, ġustament wettqet stħarriġ tal-elementi oġġettivi, meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni, sabiex tiżgura applikazzjoni korretta tal-Artikolu 107 TFUE, u dan skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti.

17

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-SNCM, li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma qiegħdet inkwistjoni x-xogħlijiet tal-espert indipendenti li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni inkwistjoni.

18

Wara li eżaminat din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx sostniet b’mod suffiċjenti r-raġunament tagħha u bbażat ruħha fuq elementi li la kienu oġġettivi u lanqas verifikabbli. Għalhekk, l-argument tal-SNCM li l-Qorti Ġenerali kisret il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni jew issostitwixxiet ir-raġunament tagħha għal dak tal-espert maħtur minn din tal-aħħar għandu jiġi miċħud.

19

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali korrettament wettqet l-istħarriġ sħiħ li hija għandha twettaq fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 15 ta’ din is-sentenza.

Fuq il-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq

– L-argumenti tal-partijiet

20

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq, l-SNCM tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli imponiet fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiddefinixxi l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat Membru kkonċernat “b’mod partikolari fil-livell ġeografiku u settorjali”, sabiex tistabbilixxi li l-aġir ta’ dan l-Istat jikkorrispondi għal dak li investitur privat f’ekonomija tas-suq kien jadotta. Issa, l-impriża appellanti ssostni li l-kriterju rilevanti stabbilit mill-ġurisprudenza, sabiex jistabbilixxi dan it-test, huwa dak tad-daqs tal-investitur u mhux dak tas-settur li fih l-investitur jopera. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju fundamentali ta’ nondiskriminazzjoni skont is-sistema ta’ proprjetà stabbilita mill-Artikolu 345 TFUE, li huwa l-oriġini tat-test tal-investitur privat.

21

Corsica Ferries issostni li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli imponiet definizzjoni settorjali u ġeografika tal-attivitajiet ekonomiċi inkwistjoni biex tkun tista’ tivverifika jekk il-Kummissjoni tassew kinitx ibbażat il-kunsiderazzjoni tagħha tal-miżuri inkwistjoni fuq “id-data kollha rilevanti”.

22

Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx, bħala regola ġenerali, tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji ta’ effett ħażin fuq l-immaġni tal-Istat bħala attur ekonomiku globali fis-settur privat fil-kuntest tat-test tal-investitur privat. Barra minn hekk, hija tqis li billi imponiet l-eżistenza ta’ prattika suffiċjentament stabbilita, jew stabbilita, fost l-investituri tas-settur inkwistjoni, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet rekwiżit li jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-applikazzjoni tajba tat-test tal-investitur privat, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza.

23

Bħar-Repubblika Franċiża, l-SNCM tqis li, billi stabbilixxiet, fil-punti 86, 87, 95 u 96 tas-sentenza appellata, kriterji totalment pretorjani, bħall-implementazzjoni ta’ analiżi settorjali u ġeografika, id-demostrazzjoni ta’ prattika suffiċjentement stabbilita u standard ta’ prova wisq għoli biex tintwera l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ profitt materjali indirett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq.

24

Barra minn hekk, l-SNCM issostni li, fil-punti 101 sa 108 tas-sentenza appellata, billi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx li l-aġir tal-Istat Franċiż kien immotivat minn probabbiltà raġonevoli li jikseb profitt materjali indirett, anki għal perijodu twil ta’ żmien, il-Qorti Ġenerali imponiet standard ta’ prova eċċessivament għoli. Issa, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-privatizzazzjoni ta’ impriża pubblika għal prezz ta’ bejgħ negattiv jinkludix elementi tal-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs li jista’ jitqabbel ma’ dak ta’ organi li jamministraw is-settur pubbliku kienx jipproċedi bil-kontribuzzjonijiet f’kapitali bl-istess kwantità sinjifikattiva jew jekk kienx jagħżel li jillikwidha.

25

Skont l-SNCM, il-profitt indirett li l-Istat Franċiż jista’ jikseb mill-miżura inkwistjoni għandu jitqies bħala stabbilit mill-paragun tal-ispejjeż probabbli tal-likwidazzjoni u mill-prezz negattiv tat-trasferiment.

26

Barra minn hekk, skont l-SNCM, il-Qorti Ġenerali imponiet standard ta’ prova prattikament impossibbli li jiġi prodott. L-appellanti ssostni li huwa impossibbli li jiġi kkwantifikat b’mod preċiż id-dannu subit fil-każ ta’ degradazzjoni tal-immaġni tal-Istat Membru kkonċernat. Tali kwantifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq in-natura tal-elementi diffiċilment previżibbli bil-quddiem, b’mod partikolari minħabba l-fatt li hija għandha tkun ibbażata fuq ir-reazzjoni tal-atturi ekonomiċi l-oħra, bħall-klijenti, l-utenti, il-fornituri jew saħansitra l-persunal tal-SNCM, iżda wkoll impriżi pubbliċi oħra.

27

Skont Corsica Ferries, il-Qorti Ġenerali tat l-effettività kollha tagħha lill-kriterju ta’ investitur privat avżat li suppost juri li l-aġir tal-Istat Membru huwa mnebbaħ mill-perspettivi ta’ dħul għal perijodu twil ta’ żmien, jiġifieri li tintwera r-razzjonalità ekonomika għal perijodu twil tal-aġir tal-Istat inkwistjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ssanzjonat lill-Kummissjoni inkwantu naqset milli turi kif meħtieġ mil-liġi, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-probabbiltà raġonevoli għall-Istat Franċiż li jnissel profitt materjali indirett, anki għal perijodu twil, mill-operazzjoni inkwistjoni.

28

Fir-rigward tad-definizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat Franċiż, l-SNCM tallega wkoll żnaturament tad-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali inkwantu hija kkunsidrat li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx kif meħtieġ mil-liġi l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat li fir-rigward tagħhom għandha issir evalwazzjoni tar-razzjonalità ekonomika tal-miżuri inkwistjoni. Fir-rigward tal-kunċetti ta’ “prattika suffiċjentement stabbilita” u ta’ “prattika stabbilita”, skont l-SNCM, is-sentenza appellata hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, għaliex il-Qorti Ġenerali ma ddefinixxietx dawn il-kunċetti.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-intervent mill-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriża, fi kwalunkwe forma, jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE, meta l-kundizzjonijiet ta’ dan l-artikolu huma ssodisfatti (sentenzi Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, EU:C:1994:325, punt 20, kif ukoll L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, EU:C:2003:252, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn impriżi pubbliċi u impriżi privati, il-kapitali mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament, mill-Istat, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat (sentenza L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2003:252, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu107 TFUE, ma humiex issodisfatti jekk l-impriża pubblika benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li saru disponibbli għaliha permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal ċirkustanzi normali tas-suq, evalwazzjoni li għall-impriżi pubbliċi ssir billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju ta’ investitur privat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ir-rwol tal-Istat Membru azzjonist ta’ impriża, u min-naħa l-oħra, dak tal-Istat li jaġixxi bħala awtorità pubblika. L-applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat jiddependi, finalment, fuq il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża proprjetà tiegħu fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika (ara s-sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni, EU:C:1994:325, punt 22, kif ukoll Il-Kummissjoni vs EDF, EU:C:2012:318, punti 80 u 81).

32

Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs li jista’ jitqabbel ma’ dak ta’ organi li jamministraw is-settur pubbliku kienx jipproċedi b’kontribuzzjonijiet f’kapitali bl-istess amount sinjifikattiv (sentenza L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2003:252, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, għandu jiġi evalwat jekk il-miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat Membru kkonċernat, fejn huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar meta jaġixxi bħala azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs EDF, EU:C:2012:318, punt 79).

34

Barra minn hekk, fl-assenza ta’ kull possibbiltà ta’ paragun tas-sitwazzjoni ta’ impriża pubblika ma’ dik ta’ impriża privata, il-“kundizzjonijiet normali tas-suq” għandhom jiġu evalwati b’riferiment għall-elementi oġġettivi u verifikabbli li huma disponibbli (sentenzi Chronopost et vs Ufex et, C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, EU:C:2003:388, punt 38, kif ukoll Il-Kummissjoni vs EDF, EU:C:2012:318, punti 101 u 102).

35

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-test tal-investitur privat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li hija l-Kummissjoni li għandha tiddefinixxi l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari l-livell ġeografiku u settorjali, li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika għall-perijodu twil tal-aġir ta’ dan l-Istat. Barra minn hekk, fil-punti 95 sa 100 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li hija biss “prattika suffiċjentement stabbilita” jew “prattika stabbilita” tal-impriżi privati li jistgħu jintużaw għal dan it-test.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali rekwiżiti ma għandhomx valur assolut, iżda jistgħu, jekk ikun il-każ, jidentifikaw l-investitur privat simili għall-impriża pubblika li għalija japplika t-test tal-investitur privat.

37

Permezz tal-użu ta’ tali kliem, il-Qorti Ġenerali ma imponietx rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tan-natura tal-provi li permezz tagħhom jista’ jintwera li investitur privat razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-impriża pubblika kien jikkontribwixxi fil-kapital inkwistjoni, iżda kkonstatat, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx, kif meħtieġ mil-liġi, l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat Franċiż li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika tal-miżuri inkwistjoni f’din il-kawża u li kien impossibbli għalija li tistħarreġ ir-razzjonalità ekonomika għal perijodu twil tal-prezz ta’ trasferiment negattiv inkwistjoni f’din il-kawża.

38

Il-Qorti Ġenerali korrettament identifikat il-kriterju tar-razzjonalità ekonomika għal perijodu twil ta’ deċiżjoni ta’ Stat Membru li jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża li għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi ssodisfatt biex din tgħaddi mit-test tal-investitur privat. Billi għamlet hekk, hija ma kisritx l-Artikolu 345 TFUE.

39

Skont il-ġurisprudenza, meta l-kontribuzzjonijiet f’kapitali ta’ investitur pubbliku jinjoraw kwalunkwe perspettiva ta’ dħul, anki għal perijodu twil, tali kontribuzzjonijiet għandhom jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, u l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni għandha tiġi evalwata fid-dawl biss tal-kriterji previsti minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑303/88, EU:C:1991:136, punt 22).

40

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, ma eskludietx, bħala regola ġenerali, li l-protezzjoni tal-immaġni tal-Istat Membru bħala investitur globali fl-ekonomija tas-suq tista’, f’ċirkustanzi partikolari u b’motivazzjoni partikolarment konvinċenti, tikkostitwixxi ġustifikazzjoni biex turi r-razzjonalità ekonomika għal perijodu twil tal-ħlas tal-ispejjeż addizzjonali, bħal pereżempju l-allowances addizzjonali ta’ tkeċċija.

41

Madankollu, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonstata, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li riferimenti sommarji għall-immaġni ta’ Stat Membru bħala attur globali ma humiex biżżejjed biex isostnu l-assenza ta’ għajnuna, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

42

L-ewwel aggravju tal-SNCM lanqas ma jista’ jintlaqa’ inkwantu jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli imponiet fuq il-Kummissjoni, fil-punti 101 sa 108 tas-sentenza appellata, standard ta’ prova eċċessiv dwar il-prova tal-fatt li l-aġir tal-Istat Franċiż kien immotivat minn probabbiltà raġonevoli li jnissel profitt materjali, anki għal perijodu twil ta’ żmien. F’dan ir-rigward, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni sempliċement sostniet li l-immaġni tal-Istat Franċiż kienet ser tiġi affettwata minħabba ferment soċjali. Issa, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat b’mod partikolari fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, tali argument ma jistax jintlaqa’.

43

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament setgħet tikkonstata, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, li r-razzjonalità ekonomika għal perijodu twil tal-aġir tal-Istat Franċiż ma ntwerietx kif meħtieġ mil-liġi.

44

Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-iżnaturament mill-SNCM, din tal-aħħar ma stabbilixxietx li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri li qratha b’mod manifestament żbaljat.

45

Fir-rigward tal-kritika tal-SNCM li tipprovdi li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, għaliex ma ddefinixxietx il-kunċett ta’ “prattika suffiċjentement stabbilita” u l-kunċett ta’ “prattika stabbilita”, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif jagħmel ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn l-espressjonijiet huma ċari u jirreferu għal evalwazzjoni tal-fatti, u li faċilment jinftiehem li eżempju wieħed jew ftit ma jistgħux jikkostitwixxu “prattika suffiċjentement stabbilita” jew “prattika stabbilita”.

46

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar il-kontribuzzjoni f’kapital ta’ ammont ta’ EUR 8.75 miljun

L-argumenti tal-partijiet

47

L-SNCM issostni li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti, b’mod partikolari l-kwistjoni tar-redditu fiss u l-kwistjoni dwar l-effett tal-klawżola riżoluttiva, fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura paragunabbli tal-kundizzjonijiet ta’ investiment tal-kontribuzzjonijiet fil-kapitali konkomitanti, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni inkwistjoni.

48

Skont l-SNCM, il-kwistjoni tar-redditu fiss ġiet analizzata sew mill-Kummissjoni fil-punti 361 sa 363 tad-deċiżjoni inkwistjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonstatat li redditu fiss ta’ 10 % tal-investiment f’kapital mill-Istat Franċiż fl-SNCM jikkostitwixxi dħul għal perijodu twil ta’ żmien adegwat għall-kapitali investiti minn investitur privat.

49

Barra minn hekk, skont l-SNCM, il-Kummissjoni ppreċiżat sew ir-raġuni għaliex hija qieset li l-klawżola riżoluttiva ma setgħetx tqiegħed inkwistjoni l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-investituri konkomitanti. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 127 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni rrilevat li din il-klawżola ma kinitx tirrigwarda l-investiment konkomitanti mix-xerrejja privati u mill-Istat fl-SNCM ipprivatizzata, iżda tirrigwarda t-trasferiment totali tal-SNCM lix-xerrejja privati. Il-klawżola riżoluttiva hija għalhekk marbuta mat-trasferiment tal-SNCM u għandha tiġi analizzata f’dan il-kuntest u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma tistax titqies fil-kuntest tal-analiżi tal-investiment konkomitanti tal-Istat u tax-xerrejja privati mwettqa fi tmiem dan it-trasferiment.

50

L-SNCM tqis li l-klawżola riżoluttiva ġiet ivvalorizzata mill-mument tat-trasferiment tal-SNCM bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun. Peress li t-trasferiment tal-SNCM seħħ skont il-prezz tas-suq, din il-klawżola riżoluttiva ġiet ivvalorizzata f’dan il-prezz ta’ trasferiment u ma tistax titqies bħala li tagħti vantaġġ lix-xerrejja. Għalhekk, ma għadx hemm lok li din tittieħed inkunsiderazzjoni meta titwettaq l-evalwazzjoni dwar jekk l-investiment konkomitanti tal-Istat Franċiż josservax il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-investituri, ħlief jekk tingħadd darbtejn il-valorizzazzjoni tal-imsemmija klawżola.

51

Dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-impriża li tinkludi kontribuzzjoni f’kapital ta’ EUR 8.75 miljun fil-kapital tal-SNCM, din tal-aħħar tqis li l-impenji li jirreferu għall-miżuri adottati mill-Istat Franċiż fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-SNCM, jiġifieri l-prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun u l-ħlas minn qabel fil-kont kurrenti ta’ ammont ta’ EUR 38.5 miljun, ma għandhomx jerġgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmija kontribuzzjoni f’kapital. Teħid inkunsiderazzjoni mill-ġdid tal-prezz negattiv u tal-kontribuzzjoni f’kapital fl-evalwazzjoni tal-ħlas minn qabel fil-kont kurrenti jwassal biex dan il-prezz u din il-kontribuzzjoni jingħaddu darbtejn.

52

Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, billi qieset li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat l-elementi kollha rilevanti fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-paragunabbiltà tal-kontribuzzjoni f’kapital taċ-CGMF, azzjonista pubblika tal-SNCM, għal ammont ta’ EUR 8.75 miljun, u tax-xerrejja privati għal ammont ta’ EUR 26.25 miljun u li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment mogħtija lil dawn ix-xerrejja privati fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-SNCM.

53

Corsica Ferries issostni li l-valorizzazzjoni tal-klawżola riżoluttiva fil-mument tat-trasferiment bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun hija mingħajr effett fuq ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali u fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset, fid-deċiżjoni inkwistjoni, milli tipproċedi b’analiżi profonda tal-impatt ekonomiku tal-imsemmija klawżola b’mod li, li kieku din ġiet, quod non, ivvalorizzata fil-prezz negattiv iċċitat iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha tispjegaha b’mod ċar u trasparenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 117 tas-sentenza appellata ġustament ikkonstatat li s-sempliċi fatt li kontribuzzjoni f’kaptial twettqet flimkien u b’mod konkomitanti mal-investituri privati ma jeskludix awtomatikament il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat. Elementi oħra, b’mod partikolari l-ugwaljanza fit-trattament tal-azzjonisti pubbliċi u privati għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni.

55

Fil-punt 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment tista’, tal-inqas, tannulla kull periklu għax-xerrejja privati fil-każ li jseħħ wieħed mill-elementi li jattivawha u li l-imsemmija klawżola għandha, għalhekk, valur finanzjarju reali. Skont il-Qorti Ġenerali, din il-klawżola għalhekk tista’ tbiddel il-profili ta’ riskju tal-kontribuzzjonijiet f’kapitali tax-xerrejja privati u taċ-CGMF, u għalhekk tqiegħed inkwistjoni n-natura paragunabbli tal-kundizzjonijiet ta’ investiment.

56

Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma rnexxilhomx jistabbilixxu l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet f’dan ir-rigward.

57

L-argument li l-klawżola riżoluttiva ġiet ivvalorizzata fil-prezz ta’ trasferiment tal-SNCM u li din il-klawżola ma setgħetx iktar tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà tal-kontribuzzjonijiet f’kapital mill-azzjonisti pubbliċi u privati għandu jiġi miċħud.

58

Fil-fatt, kif tindika l-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tas-sentenza appellata, is-sottoskrizzjoni konġunta u konkomitanti inkwistjoni kienet diġà prevista fil-Memorandum ta’ Ftehim dwar it-trasferiment inkwistjoni. Konsegwentement, huwa ċar li l-kontribuzzjoni f’kapital inkwistjoni kienet prevista fil-kuntest tal-privatizzazzjoni parzjali tal-SNCM.

59

Kif tirrikonoxxi r-Repubblika Franċiża, fil-każ tal-klawżola riżoluttiva, l-azzjonist oriġinali li ttrasferixxa sehmu lix-xerrej għandu jirrimborsa lil dan tal-aħħar il-kontribuzzjoni f’kapital tiegħu u għalhekk, kuntrarjament għall-azzjonist oriġinali, ix-xerrejj għandu l-possibbiltà li jirkupra l-kontribuzzjoni f’kapital tiegħu fil-każ tal-użu tal-klawżola riżoluttiva u li ma jibqax impenjat fl-impriża pubblika kkonċernata.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa evidenti li l-klawżola riżoluttiva tista’ tipproduċi effetti fuq il-kundizzjonijiet ta’ din ir-rikapitalizzazzjoni u taffettwa l-kundizzjonijiet ta’ paragunabbiltà.

61

Peress li l-Qorti Ġenerali rrilevat elementi ta’ dan l-effett, hija ġustament setgħet tikkonkludi li l-Kummissjoni ma setgħetx tonqos milli tipproċedi, fid-deċiżjoni [inkwistjoni], b’analiżi profonda tal-impatt ekonomiku tal-klawżola riżoluttiva ta’ trasferiment. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ġustament kkonstatat li l-Kummissjoni ma sostnietx, jew ma sostnietx b’mod suffiċjenti, id-deċiżjoni tagħha dwar l-ugwaljanza fit-trattament tal-investimenti pubbliċi u privati fl-SNCM.

62

Konsegwentement, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar l-evalwazzjoni tar-redditu tal-kontribuzzjoni f’kapital miċ-CGMF, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi dwar l-għajnuna lill-persuna ta’ ammont ta’ EUR 38.5 miljun

L-argumenti tal-partijiet

63

Skont l-SNCM, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kkontestata billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ppretendiet li l-fatt li l-miżura inkwistjoni ma tirriżultax mill-obbligi legali u kuntrattwali stretti setgħet, min-natura tagħha, teskludi n-natura tagħha ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

64

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi rifset fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Billi kkonstatat, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li “l-eżistenza tal-kont issekwestrat hija tali li toħloq inċentiv għall-impjegati tal-SNCM li jħallu l-impriża jew, minn tal-inqas, li jitilqu mingħajr ma jinnegozjaw it-tluq tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti eventwali ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija [...], u dawn kollha huma aspetti li joħolqu vantaġġ ekonomiku indirett għall-SNCM” il-Qorti Ġenerali eċċediet l-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni meħtieġ meta jiġu eżaminati sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

65

Il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha dwar il-vantaġġ li bbenefikat minnu l-SNCM. Fil-fatt, l-analiżi tagħha tal-kont issekwestrat, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kklassifikat il-miżuri ta’ għajnuna għall-persuna bħala “għajnuna mill-Istat”.

66

Barra minn hekk, l-SNCM u r-Repubblika Franċiża iqisu li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li “anki jekk jiġi miżjud l-ammont ta’ EUR 38.5 miljun mal-kontribuzzjoni f’kapital tal-Istat tal-ammont ta’ EUR 142.5 miljun, il-prezz ta’ bejgħ negattiv korrett, jiġifieri EUR 196 miljun, jibqa’ ħafna iktar baxx mill-prezz ta’ stralċ ġudizzjarju tal-SNCM”. Issa, il-Kummissjoni stabbiliet li l-ispejjeż ta’ likwidazzjoni għall-Istat Franċiż kienu jkunu ogħla mill-prezz negattiv, anki jekk jiżdied magħhom l-ammont tal-għajnuna għall-persuna.

67

F’dan ir-rigward, billi kklassifikat il-miżuri tal-għajnuna għall-persuna ta’ ammont ta’ EUR 38.5 miljun bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, mingħajr ma vverifikat, b’mod sussidjarju, jekk dawn il-miżuri jissodisfawx it-test tal-investitur privat avżat, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx id-deċiżjoni kif meħtieġ mil-liġi.

68

Corsica Ferries issostni li huwa preċiżament għaliex il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-applikazzjoni normali tas-sistema tal-allowances soċjali addizzjonali għal ksur tal-kuntratt ta’ xogħol fid-dawl tal-mekkaniżmu tal-kont issekwestrat li hija ġiet ikkritikata mill-Qorti Ġenerali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet tal-punti 14 sa 16 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 144 tas-sentenza appellata huwa skont il-livell ta’ stħarriġ li hija għandha tagħmel.

70

Fir-rigward tal-argument tal-SNCM u tar-Repubblika Franċiża li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali kellha tistħarreġ, b’mod sussidjarju, jekk l-ammont ta’ EUR 38.5 miljun kienx iġġustifikat mit-test tal-investitur privat, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħatx l-ewwel aggravju intiż għall-klassifikazzjoni tal-allowances addizzjonali ta’ tkeċċija ta’ ammont ta’ EUR 158 miljun.

71

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonijiet, l-ammont ta’ 38.5 miljun fil-kont issekwestrat huwa wkoll intiż li jitħallas, jekk ikun il-każ, bħala allowances addizzjoni ta’ tkeċċija.

72

Issa, l-appellanti ma jressqu l-ebda argument li juri li n-natura ta’ dan l-ammont ta’ EUR 38.5 miljun huwa differenti mill-ammont ta’ EUR 158 miljun, evalwat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju, dwar l-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat.

73

Fir-rigward tal-motivi żviluppati mill-Avukat Ġenerali fil-punti 122 sa 137 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Qorti Ġenerali, fl-analiżi tagħha tal-konstatazzjonijiet u tal-argumenti dwar dan l-aggravju, ma żnaturatx id-deċiżjoni inkwistjoni u mmotivat kif meħtieġ mil-liġi s-sentenza appellata.

74

Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar il-bilanċ għar-ristrutturazzjoni ta’ EUR 15.81 miljun

L-argumenti tal-partijiet

75

L-SNCM u r-Repubblika Franċiża jqisu li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-bilanċ għar-ristrutturazzjoni ta’ Eur 15.81 miljun huwa żbaljat.

76

L-appellanti jsostnu li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 148 sa 153 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni qieset li l-pjan tal-2006 kien eżenti mill-elementi kostituttivi tal-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, permezz tal-awtoritajiet tagħhom, l-appellanti jipprovaw juru li l-Qorti Ġenerali wettqet, fl-analiżi tagħha tal-miżuri tal-pjan tal-2006, żbalji ta’ liġi u naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77

Mill-kitbiet tal-appellanti jirriżulta li dan ir-raba’ aggravju jiddependi fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ l-aggravji preċedenti mressqa insostenn tal-imsemmija appelli.

78

Issa, fil-punti 39, 55 u 66 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-ewwel sat-tielet aggravju u kkonfermat is-sentenza appellata.

79

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-appellanti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

80

Peress li ma ntlaqa’ l-ebda aggravju invokat mill-appellanti, l-appelli fil-Kawżi C‑533/12 P u C‑536/12 P għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

81

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

82

Peress li SNCM u r-Repubblika Franċiża tilfu, hemm lok jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub minn Corsica Ferries.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

Is-Société nationale maritime Corse-Méditérrannée (SNCM) SA u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti minn Corsica Ferries France SAS, b’mod indaqs.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top