EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0527

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wahl - 13 ta' Frar 2014.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern - Obbligu ta’ rkupru - Artikolu 108(2) TFUE - Regolament (KE) Nru 659/1999- Artikolu 14(3) - Deċiżjoni tal-Kummissjoni - Miżuri li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri.
Kawża C-527/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:90

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-13 ta’ Frar 2014 ( 1 )

Kawża C‑527/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Azzjoni skont l-Artikolu 108(2) TFUE — Għajnuna mill-Istat — Irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli — Obbligu ta’ riżultat — Impossibbiltà assoluta — Proċeduri nazzjonali — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

1. 

Jista’ l-irkupru ta’ għajnuna li tinstab li hija inkompatibbli mas-suq intern isir assolutament impossibbli minħabba l-obbligu li jiġi rrispettat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jgawdi min irċieva l-għajnuna, u jekk dan huwa l-każ, f’liema ċirkustanzi u għal kemm żmien?

2. 

Essenzjalment, dik hija l-kwistjoni ewlenija li trid tiġi kkunsidrata biex tingħata deċiżjoni f’din il-kawża, li tressqet mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għan-nuqqas allegat tagħha li tirkupra għajnuna inkompatibbli lill-Grupp Biria.

I – Il-kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 ( 2 ), intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jistipula:

“1.   Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]. Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-[UE].

[…]

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-[UE] skond l-Artikolu [278 TFUE], ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-[UE].”

4.

Skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 659/1999:

“Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mad-deċiżjonijiet kondizzjonali jew negattivi, b’mod partikolari f’każijiet imsemmija fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni tista’ tirreferi l-argument lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej direttament f’konformità ma’ l-Artikolu [108(2) TFUE]. […]”

II – Il-fatti

5.

Fl-2001, Bike Systems GmbH & Co (iktar ’il quddiem “Bike Systems”) irċeviet finanzjament taħt forma ta’ “parteċipazzjoni siekta” minn gbb-Beteiligungs AG (iktar ’il quddiem “gbb”). Dik il-parteċipazzjoni ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni taħt ir-regoli tal-UE dwar għajnuna mill-Istat.

6.

Minn dak iż-żmien, suċċessuri ta’ Bike Systems kienu, l-ewwel, MB System GmbH & Co KG (iktar ’il quddiem “MB System”) u wara MB Immobilien Verwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem “MB Immobilien”). Dawk il-kumpanniji kollha huma membri tal-Grupp Biria. Kemm Bike Systems kif ukoll MB System kienu jimmanifatturaw roti sakemm waqfet il-produzzjoni fl-2005, meta l-uniku għan tal-kumpannija ġie emendat biex sar il-ġestjoni ta’ proprjetà immobbli.

7.

Fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna, gbb kienet sussidjarja fi proprjetà sħiħa ta’ Kreditanstalt für Wiederaufbau (iktar ’il quddiem “KfW”), bank tal-iżvilupp taħt id-dritt pubbliku Ġermaniż. Fl-2003 gbb waqfet l-attivitajiet tan-negozju tagħha u l-assi kollha tagħha ġew ittrasferiti lil Technologie-Beteiligungsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “tbg”) li hija sussidjarja proprjetà sħiħa ta’ KfW.

8.

Wara investigazzjoni formali fuq tliet miżuri allegati ta’ għajnuna mill-Istat, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/492/KE ( 3 ) (iktar ’il quddiem “l-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni”) sabet li l-għajnuna mogħtija lil Bike Systems fl-2001 kienet kontra l-liġi. MB System u MB Immobilien kienu sussegwentement ikkontestaw id-Deċiżjoni 2007/492/KE quddiem il-Qorti Ġenerali. B’sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni għar-raġuni li ma kinitx ġiet immotivata biżżejjed ( 4 ). Fl-14 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/471/UE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni”), fejn spjegat f’iktar dettall ir-raġunijiet għaliex iddeċidiet li l-għajnuna mogħtija kienet inkompatibbli mas-suq intern, u ordnat l-irkupru ta’ dik l-għajnuna ( 5 ). Għal darba oħra, MB System ikkontestat id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Dik il-qorti l-ewwel irrifjutat talba minn MB System għal miżuri provviżorji ( 6 ), u sussegwentement anki kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni b’sentenza tat-3 ta’ Lulju 2013 ( 7 ).

9.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha timplementa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ( 8 ). Għal dak l-iskop, tbg, filwaqt li aġġixxiet f’isem ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ressqet talba kontra MB System taħt id-dritt privat fis-16 ta’ Frar 2007 sabiex tiġi implementata l-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni. Meta MB System irrifjutat li tħallas, tbg fetħet kawża fl-10 ta’ April 2008 quddiem il-Landgericht Mühlhausen (il-Qorti Reġjonali ta’ Mühlhausen) għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni (“il-proċeduri nazzjonali għall-irkupru”). Minbarra l-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni, dik il-kawża hija bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE għan-nuqqas li tiġi nnotifikata l-għajnuna inkwistjoni. Skont l-Artikolu 134 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (iktar ’il quddiem il-“BGB”) (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż) u l-ġurisprudenza stabbilta tal-qrati Ġermaniżi, kuntratt konkluż bi ksur tal-Artikolu 108 TFUE huwa null. Din hija r-raġuni għalfejn, biex ikun hemm irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, tbg setgħet toqgħod biss fuq il-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Għalhekk il-kawża quddiem il-Landgericht Mühlhausen ma kinitx affettwata direttament mill-annullament tal-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-pretensjoni skont id-dritt privat tibqa’ teżisti irrispettivament minn jekk teżistix deċiżjoni jew ordni definittiva tal-Kummissjoni jew le.

10.

Ingħataw diversi sentenzi u digrieti provviżorji matul il-proċeduri nazzjonali għall-irkupru. Fis-26 ta’ Novembru 2008, il-Landgericht Mühlhausen adottat sentenza eżegwibbli provviżorjament kontra MB System fil-kontumaċja tagħha. Madankollu, fid-19 ta’ Diċembru 2008, MB System appellat minn dik is-sentenza. Wara li MB System kienet ipprovdiet garanzija bankarja bħala malleverija, il-Landgericht Mühlhausen issospendiet il-qbid tal-proprjetà ta’ MB System b’ordni tad-9 ta’ Jannar 2009. F’Marzu 2009, minħabba l-każ pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali f’dak iż-żmien, il-qorti nazzjonali ssospendiet ukoll il-proċeduri nazzjonali għall-irkupru. Tbg ippreżentat iktar appelli kontra dik id-deċiżjoni, l-ewwel quddiem l-Oberlandesgericht Jena (il-Qorti Reġjonali Għolja ta’ Jena) u sussegwentement quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali Suprema). Billi l-kawża dwar id-Deċiżjoni 2007/492 quddiem il-Qorti Ġenerali kienet, sadanittant, ġiet fi tmiemha, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet, fis-16 ta Settembru 2010 ( 9 ), li l-appell quddiemha spiċċa mingħajr skop u li l-proċeduri ewlenin kellhom ikomplu.

11.

Għaldaqstant, ġie ppreżentat rikors f’Marzu 2011 quddiem l-Amtsgericht Nordhausen (il-Qorti Distrettwali ta’ Nordhausen) għall-qbid eżekuttiv tal-proprjetà ta’ MB System permezz tar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka ta’ kreditur fl-iskrizzjonijiet rilevanti tar-Reġistru tal-Artijiet. Wara li ġiet ippubblikata r-reġistrazzjoni tal-ipoteki, tbg ppreżentat rikors fil-21 ta’ Lulju 2011 għall-bejgħ eżekuttiv tal-proprjetà ta’ MB System. Għal dak l-iskop, l-Amtsgericht Nordhausen ordnat rapport ta’ espert biex jirrelata fuq il-valur tas-suq tal-proprjetajiet inkwistjoni. Madankollu, fit-8 ta’ Settembru 2011, MB System ippreżentat kontrotalba kontra l-bejgħ eżekuttiv tal-proprjetà tagħha. Il-pretensjoni ġiet miċħuda bħala infondata u għalhekk MB System ippreżentat appell quddiem l-Oberlandesgericht Jena. Dak l-appell ġie rtirat f’Mejju 2012.

12.

Il-proċeduri nazzjonali għall-irkupru quddiem il-Landgericht Mühlhausen ġew sospiżi għat-tieni darba fit-30 ta’ Marzu 2011. Tbg ippreżentat appell quddiem l-Oberlandesgericht Jena, iżda mingħajr suċċess. Finalment tħalla li jiġi ppreżentat appell ieħor minn tbg quddiem il-Bundesgerichtshof, li warrbet is-sospensjoni b’digriet tat-13 ta’ Settembru 2012 ( 10 ).

13.

Il-proprjetà ta’ MB System inbiegħet b’subbasta fl-10 ta’ April 2013, iżda l-ebda offerta ma ġiet sottomessa f’dik l-okkażjoni.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

14.

Permezz tar-rikors tagħha, tal-20 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, meta naqset li tadotta fil-perijodu preskritt il-miżuri neċessarji għall-konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/471/UE, tal-14 ta’ Diċembru 2010, dwar għajnuna mogħtija mill-Ġermanja lill-Grupp Biria, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tosserva l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 288(4) u 108(2) TFUE, skont il-prinċipju ta’ effettività, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, u skont l-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni 2011/471/UE.

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħallas l-ispejjeż.

15.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.

16.

Kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni ttrattaw oralment matul is-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2013.

IV – Analiżi

17.

Fis-sottomissjonijiet bil-miktub twal tagħhom u waqt is-seduta ż-żewġ partijiet ressqu diversi argumenti insostenn tat-talbiet rispettivi tagħhom. Ser nippreżenta dawn l-argumenti f’iktar dettall meta nanalizza l-merti rispettivi tagħhom.

18.

F’dan l-istadju, biżżejjed jingħad li l-Kummissjoni tikkritika lill-Gvern Ġermaniż għall-fatt li fil-perijodu ffissat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni, l-għajnuna inkompatibbli mogħtija lill-Grupp Biria ma kinitx tħallset lura. Il-Gvern Ġermaniż, min-naħa tiegħu, jiċħad il-ksur allegat u jargumenta li ġiet issodisfatta l-konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni f’dak il-perijodu. Bħala argument sussidjarju, dak il-gvern jissottometti li kull dewmien fl-irkupru attwali kien dovut għall-fatt li kien assolutament impossibbli li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni tiġi eżegwita.

19.

Wara li ntqal dan, huwa importanti li jiġi indikat li hemm qbil bejn il-partijiet li: (i) min irċieva l-għajnuna ma kienx ħallas lura l-għajnuna inkompatibbli sal-aħħar tal-perijodu speċifikat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni; (ii) l-għajnuna ma kinitx ġiet irkuprata sal-4 ta’ Diċembru 2013, id-data tas-smigħ f’din il-kawża; u (iii) l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tammonta għal EUR 651 007 flimkien mal-interessi.

20.

Nemmen li biex tingħata deċiżjoni f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tadotta pożizzjoni fuq numru ta’ kwistjonijiet legali dwar is-sinjifikat u l-konsegwenzi tal-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli.

A – X’inhu l-ambitu tal-azzjoni taħt l-Artikolu 108(2) TFUE?

21.

Fil-fehma tiegħi, hemm punt preliminari li għandu jiġi indirizzat dwar l-ambitu tal-kawża preżenti. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, kemm bil-miktub kif ukoll orali, il-partijiet jiddiskutu fit-tul jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi setgħux — u, jekk ikun il-każ, kellhomx — jagħmlu użu mill-poteri amministrattivi tagħhom biex jirkupraw l-għajnuna mogħtija illegalment lill-Grupp Biria.

22.

Il-Gvern Ġermaniż jargumenta, essenzjalment, li fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż, il-forma kif tingħata l-għajnuna tiddetermina l-proċedura għall-irkupru tagħha (it-teorija tal-actus contrarius). Għaldaqstant, għajnuna mogħtija permezz ta’ kuntratti fid-dritt privat (bħall-għajnuna mogħtija lill-Grupp Biria) tista’ tiġi rkuprata biss permezz ta’ proċeduri fid-dritt privat. Għall-kuntrarju, dik l-għajnuna ma tistax tiġi rkuprata permezz ta’ proċedura amministrattiva billi, fid-dritt Ġermaniż, ma hemm l-ebda bażi legali speċifika li tawtorizza lill-awtoritajiet pubbliċi li jirkupraw għajnuna inkompatibbli permezz ta’ att amministrattiv.

23.

Għalkemm ma qajmitx formalment eċċezzjoni speċifika f’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li ressaq il-Gvern Ġermaniż. Il-Kummissjoni ssostni li, bis-saħħa tal-effett dirett tal-Artikoli 108 u 288 TFUE u tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom biżżejjed bażijiet legali għal dawk il-finijiet. Skont il-Kummissjoni, dik il-fehma hija sostnuta minn żewġ deċiżjonijiet li ngħataw, rispettivament mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandeburg (Qorti Amministrattiva Għolja ta’ Berlin-Brandenburg) ( 11 ) u mill-Verwaltungsgericht Trier (Qorti Amministrattiva ta’ Trier) ( 12 ).

24.

Hemm bżonn li għal dawn l-argumenti tingħata spjegazzjoni fil-qosor tad-differenzi bejn proċedura magħmula skont l-Artikolu 108(2) TFUE u proċedura bbażata fuq l-Artikolu 258 TFUE.

25.

L-Artikolu 108(2) TFUE jgħid espliċitament li l-proċedura li jsemmi hija b’deroga mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 258 u 259 TFUE. Fil-fatt, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura skont dak li llum huwa l-Artikolu 108(2) TFUE hija biss varjanti tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li jitwettaq obbligu skont it-Trattat, adattata b’mod speċifiku għall-problemi speċifiċi li l-għajnuna mill-Istat toħloq għall-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni ( 13 ).

26.

Huwa ta’ importanza li l-istadju ta’ qabel il-litigazzjoni tal-proċedura, li huwa pass meħtieġ fi proċeduri standard għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma huwiex meħtieġ għal kawża skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Skont dik id-dispożizzjoni, l-aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja huwa iktar mgħaġġel u ħafif ( 14 ). Ir-raġuni għal dan hija li l-iskambju formali ta’ fehmiet mal-Istat Membru u (skont il-każ) mal-partijiet ikkonċernati l-oħra jkun diġà seħħ taħt il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni rilevanti tal-Kummissjoni ( 15 ).

27.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li, minħabba l-karatteristiċi speċjali tal-proċedura inkwistjoni, l-aġir ta’ Stat Membru li kontrih tittieħed azzjoni bis-saħħa ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 108(2) TFUE għandu jiġi evalwat biss fid-dawl tal-obbligi imposti fuq dak l-Istat Membru bid-deċiżjoni rilevanti tal-Kummissjoni ( 16 ).

28.

Għal dawk ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li proċedura bbażata fuq l-Artikolu 108(2) TFUE tista’ tirrigwarda biss il-kwistjoni jekk, fir-rigward ta’ deċiżjoni speċifika tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat ikkonformax jew le mal-obbligu li jneħħi jew jibdel għajnuna inkompatibbli fil-perijodu speċifikat. Għalhekk, hija d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddelimita l-qafas aħħari tal-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

29.

Isegwi li l-ebda talba oħra ma tista’ tinġieb taħt dik id-dispożizzjoni proċedurali ta’ deroga. B’mod partikolari, eċċezzjonijiet ta’ ambitu iktar ġenerali jew ta’ natura orizzontali huma inammissibbli fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Pereżempju, il-kwistjoni jekk ir-regoli legali Ġermaniżi li bħalissa huma fis-seħħ fil-fatt ma humiex xierqa biex jiżguraw l-irkupru fil-pront u effettiv ta’ għajnuna inkompatibbli f’ċerti każijiet (bħal meta l-għajnuna tingħata permezz ta’ kuntratti fid-dritt privat), jew jekk hemmx ksur strutturali jew sistemiku ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat min-naħa ta’ awtoritajiet Ġermaniżi, huma kwistjonijiet li — jekk jinqala’ l-każ — jistgħu jiġu ttrattati biss fil-qafas ta’ proċedura standard għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

30.

Dan jikkonvinċini li ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-liġijiet Ġermaniżi biex tgħid jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi humiex, jew għandhomx, ikunu awtorizzati jadottaw atti amministrattivi sabiex jirkupraw għajnuna inkompatibbli mogħtija permezz ta’ kuntratti ta’ dritt ċivili. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twarrab l-argumenti kollha li jirrigwardaw dawk il-kwistjonijiet u tadotta deċiżjoni biss fuq jekk kienx hemm ksur tal-obbligi stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni.

B – L-Artikoli 288(4) u 108(2) TFUE jimponu obbligu ta ’ mezzi jew obbligu ta ’ riżultat?

31.

L-ewwel kwistjoni importanti mqajma f’dan il-każ hija jekk l-obbligu skont l-Artikoli 288(4) u 108(2) TFUE għall-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli huwiex obbligu dwar il-mezzi li jridu jintużaw jew huwiex ir-riżultat li għandu jintlaħaq.

32.

Il-Gvern Ġermaniż jikkontendi li, fi żmien l-erba’ xhur speċifikati fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni, l-awtoritajiet pubbliċi kienu adottaw il-miżuri meħtieġa kollha biex jiġi żgurat irkupru effettiv tal-għajnuna inkwistjoni. Skont il-Gvern Ġermaniż, il-kunsiderazzjoni ewlenija skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 ma hijiex jekk l-irkupru attwalment isirx, iżda jekk il-miżuri adottati għandhomx il-kapaċità in abstracto li jiżguraw il-konformità.

33.

Bħall-Kummissjoni, ma narax kif jistgħu jiġu sostnuti l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż, kemm fit-test tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34.

L-ewwel nett, jidhirli li huwa ċar ħafna li l-kliem tar-Regolament Nru 659/1999 jissuġġerixxi obbligu ta’ riżultat u mhux ta’ mezzi. Deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jkollhiex eżekuzzjoni “immedjata u effettiva”, u l-irkupru ma jsirx “mingħajr dewmien”, kif meħtieġ minn dak l-istrument legali, li kieku kien biżżejjed għal Stat Membru li sempliċiment jibda l-proċess ta’ rkupru biex jiġi assigurat li, f’xi mument fil-futur, isir il-ħlas attwali.

35.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ssostni iktar interpretazzjoni bħal din. Skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru li huwa indirizzat b’deċiżjoni ta’ rkupru huwa ħieles li jagħżel il-mezz kif josserva l-obbligu li jirriżulta minn dik id-deċiżjoni, skont ir-regoli interni tiegħu stess ( 17 ), sakemm il-mezzi magħżula ma jaffettwawx ħażin l-ambitu u l-effettività tad-dritt tal-UE ( 18 ). Dan ifisser li l-miżuri adottati mill-Istat Membru għandhom iwasslu għall-irkupru attwali tas-somom dovuti ( 19 ).

36.

Huwa importanti li jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlitha ċara li l-irkupru għandu jsir fiż-żmien iffissat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 108(1) TFUE jew, jekk ikun il-każ, fiż-żmien li jkun ġie ffissat sussegwentement mill-Kummissjoni. Bħala punt ta’ prinċipju, irkupru li jsir tard — jiġifieri rkupru wara l-iskadenzi preskritti mill-Kummissjoni — ma jissodisfax ir-rekwiżiti preskritti fit-Trattati ( 20 ).

37.

Fis-sentenza riċenti tagħha, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, għal dawk l-istess raġunijiet, argument simili għal dak imressaq mill-Gvern Ġermaniż f’dawn il-proċeduri ( 21 ).

38.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Artikoli 288(4) u 108(2) TFUE jimponu obbligu ta’ riżultat fuq Stat Membru li lilu tkun ġiet indirizzata deċiżjoni ta’ rkupru. B’hekk, l-Istat Membru ma jkunx effettivament ikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sakemm l-għajnuna inkompatibbli tkun tħallset lura b’mod sħiħ lill-Istat mill-persuna li tkun irċeviet l-għajnuna.

39.

Inżid ngħid li Stat Membru li jikkunsidra li ż-żmien permess mill-Kummissjoni huwa eċċessivament qasir, jew li jaffaċċja diffikultajiet fl-irkupru tal-għajnuna, dejjem jista’ jitlob lill-Kummissjoni għal estensjoni waħda jew iżjed. Għal dak l-iskop, l-Istat għandu jispjega preċiżament ir-raġunijiet għat-talba tiegħu, u meta jkun xieraq, jibgħat provi insostenn tal-argumenti tiegħu sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni informata ( 22 ). F’każ bħal dan, fid-dawl tad-dmir ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-Kummissjoni tkun taħt obbligu li teżamina t-talba tal-Istat Membru u, sa fejn huwa possibbli, tassisti lill-Istat Membru biex jegħleb id-diffikultajiet eżistenti billi tingħata l-estensjoni mitluba, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti ( 23 ).

40.

Jekk l-Istat Membru jemmen li, minkejja l-iskambju ta’ veduti mal-Kummissjoni, l-iskadenza finali ffissata minn dik l-istituzzjoni għadha irraġonevoli, u oġġettivament impossibbli li tiġi ssodisfatta, dan jista’ jikkontesta l-iskadenza quddiem il-Qrati tal-UE.

41.

F’dan ir-rigward, jiena nixtieq nindika li, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE, il-perijodu stabbilit f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna għandu l-istess funzjoni bħall-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata skont l-Artikolu 258 TFUE ( 24 ). Fil-fehma tiegħi, dan ifisser li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-raġonevolezza tal-perijodu speċifikat fl-opinjonijiet motivati għandha tapplika, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet ta-Kummissjoni adottati bis-saħħa tal-Artikolu 108 TFUE. Skont ġurisprudenza stabbilita dwar dak li llum huwa l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni għandha tħalli lill-Istati Membri perijodu raġonevoli sabiex jikkonformaw ma’ opinjonijiet motivati ( 25 ). Il-legalità ta’ dan il-perijodu ta’ żmien huwa suġġett għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 26 ). Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-perijodu mogħti huwiex raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali ( 27 ).

42.

Għaldaqstant, minn dak li għedt iktar ’il fuq nikkonkludi li l-perijodu stabbilit f’deċiżjoni tal-Kummissjoni jista’ jiġi estiż, jew jista’ wkoll jiġi kkontestat fil-qorti mill-Istat Membru kkonċernat. Iżda fil-prinċipju, huwa matul dak il-perijodu, jew matul il-perijodu stabbilit sussegwentement, li għandu jsir l-irkupru attwali.

C – Il-proċeduri nazzjonali jistgħu jirrendu l-irkupru tal-għajnuna assolutament impossibbli?

43.

Issa li wasalt għall-konklużjoni provviżorja li l-għajnuna għandha tiġi rkuprata obbligatorjament fil-perijodu preskritt mill-Kummissjoni, u billi l-partijiet jaqblu li, fil-perijodu stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni, l-għajnuna ma kinitx tħallset lura, għandu jiġi eżaminat jekk in-nuqqas ta’ konformità jistax jiġi ġġustifikat.

44.

Il-Gvern Ġermaniż jgħid li huwa ma jistax jinżamm responsabbli għad-dewmien li seħħ għaliex min irċieva l-għajnuna oppona l-irkupru quddiem il-qrati domestiċi. Meta għamel hekk, il-Grupp Biria sempliċiment għamel użu mid-dritt kostituzzjonali tiegħu għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, il-gvern jikkontendi wkoll li tbg għamlet dak kollu li setgħet biex teżegwixxi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni u ma tistax tiġi kkritikata għall-azzjonijiet tal-qrati Ġermaniżi li applikaw ħażin ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE, biex b’hekk ġiet imdewma l-proċedura ta’ rkupru.

45.

Essenzjalment, l-argumenti li ressaq il-Gvern Ġermaniż iqajmu l-kwistjoni jekk il-konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tistax tkun assolutament impossibbli bħala riżultat ta’ rimedji proċedurali nazzjonali min-naħa ta’ dawk li jirċievu l-għajnuna.

46.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel ser neżamina l-elementi tal-kunċett ta’ “impossibbiltà assoluta” u nispjega ċ-ċirkustanzi li fihom difiża bħal dik tista’ tkun, fil-prinċipju, aċċettabbli f’każ dwar l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat. Imbagħad ser nittratta l-karatteristiċi speċifiċi tal-każ li qed jiġi kkunsidrat hawnhekk.

1. Il-kunċett ta’ “impossibbiltà assoluta”

47.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-unika difiża disponibbli għal Stat Membru li jikkontesta kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressqa mill-Kummissjoni skont dak li llum huwa l-Artikolu 108(2) TFUE huwa li jeċċepixxi li kien assolutament impossibbli għalih li jimplementa d-deċiżjoni inkwistjoni ( 28 ).

48.

Il-kunċett ta’ “impossibbiltà assoluta”, li ta’ spiss isir riferiment għalih bit-terminu Franċiż ta’ “force majeure”, ġeneralment għandu jinftiehem “fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ġiet eżerċitata kull diliġenza possibbli” ( 29 ).

49.

L-elementi kostituttivi ewlenin tal-kunċett ta’ “impossibbiltà assoluta” huma b’hekk, minn naħa, li jseħħ avveniment li ma jistax jiġi influwenzat mill-persuna li tixtieq tinvoka din id-difiża (element oġġettiv) u, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tal-isforzi raġonevoli kollha minn dik il-persuna biex tevita l-konsegwenzi tal-avveniment inkwistjoni (l-element suġġettiv) ( 30 ).

50.

Fil-fehma tiegħi, tista’ ssir difiża bbażata fuq l-impossibbiltà assoluta, f’każ bħal dan, f’żewġ sensiliet ta’ċirkustanzi.

51.

L-ewwel sensiela ta’ ċirkustanzi tinvolvi impossibbiltà fattwali: jiġifieri, meta oġġettivament u inevitabbilment ma jistax ikun hemm l-irkupru attwali tas-somma li trid titħallas lura. Dan huwa tipikament il-każ fejn min jirċievi l-għajnuna tkun kumpannija li ma għadhiex teżisti fiż-żmien meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha. F’dik is-sitwazzjoni, ma hemmx entità li mingħandha jista’ jintalab il-ħlas lura; u lanqas ma hemm assi jew flejjes x’jinqabdu ( 31 ). Dak huwa l-każ, sakemm l-ebda kumpannija ma tkun — de facto jew de jure — issuċċediet lill-kumpannija stralċjata, bir-riżultat li tkompli tibbenefika mill-għajnuna inkompatibbli ( 32 ).

52.

It-tieni sensiela ta’ ċirkustanzi tinvolvi impossibbiltà legali. Kif jgħid l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, il-“Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-[UE]” ( 33 ).

53.

Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, l-impossibbiltà tista’ tkun temporanja biss, li jfisser li tista’ tingħeleb wara ċertu perijodu ta’ żmien, jew tkun dejjiema, li jfisser li ser tipprekludi l-konformità b’mod permanenti.

54.

Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE li jirreferi għalih il-Gvern Ġermaniż f’dan il-każ huwa dak tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

55.

F’dak ir-rigward infakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, fl-implementazzjoni tad-dritt tal-UE, il-qrati nazzjonali għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għad-drittijiet li l-individwu għandu fid-dritt tal-UE, kif iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 34 ). Naħseb li dan huwa minnu speċjalment meta l-implementazzjoni tad-dritt tal-UE jaffettwa l-istatus legali ta’ individwi b’mod negattiv.

56.

Madankollu, min-naħa l-oħra, għandi nosserva li l-Artikolu 3(3) TUE jippreċiża li l-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi suq intern, li, skont il-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni ( 35 ), anness mat-Trattat ta’ Lisbona, għandu jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta.

57.

L-Artikoli 107 u 108 TFUE huma wħud mir-regoli ta’ kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) TFUE bħala neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern. Il-funzjoni ta’ dawk ir-regoli hija preċiżament biex tiġi prekluża d-distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-interess pubbliku, tal-impriżi individwali jew tal-konsumaturi, biex b’hekk jiġi żgurat il-benesseri tal-Unjoni Ewropea ( 36 ).

58.

Mingħajr dubju hemm ftit tensjoni inerenti bejn id-dritt ta’ min jirċievi l-għajnuna li jikkontesta, f’qorti, atti li jistgħu jkunu ta’ detriment għalihom, u d-dritt tal-kompetituri tagħhom li jkollhom sitwazzjoni ta’ legalità u trattament ekwu stabbiliti mill-ġdid kemm jista’ jkun malajr.

59.

Billi dawn iż-żewġ drittijiet huma vitali għal Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt u li wieħed mill-pedamenti tagħha huwa s-suq intern, jiena tal-fehma li l-ebda wieħed minnhom ma għandu jiġi ssagrifikat mingħajr kundizzjoni biex jitgawda l-ieħor.

60.

Għal din ir-raġuni, ma narax li huwa inkonċepibbli li l-bżonn li tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva għal min jirċievi l-għajnuna jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jiġġustifika n-nuqqas ta’ rkupru ta’ għajnuna minħabba impossibbiltà legali assoluta.

61.

Dan neċessarjament iwassalna għal din il-mistoqsija: taħt liema kundizzjonijiet u għal kemm żmien jista’ Stat Membru jinvoka validament l-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji fil-livell nazzjonali bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas tiegħu li jikkonforma?

2. Rekwiżiti għall-“impossibbiltà assoluta”

62.

L-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji quddiem il-qrati domestiċi tista’ tiġi kkunsidrata biss bħala li tikkostitwixxi każ ta’ impossibbiltà assoluta sakemm ikunu jeżistu ż-żewġ rekwiżiti msemmija fil-punt 49 iktar ’il fuq.

63.

Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit — li l-avveniment li jipprevjeni l-irkupru ma jkunx ġie influwenzat mill-persuna li tinvoka din id-difiża — jidhirli li dan jista’ jiġi ssodisfatt ta’ spiss.

64.

Naturalment, l-Istati Membri ma jistgħu jagħmlu xejn biex iwaqqfu lil min jirċievi l-għajnuna milli jirreżisti l-irkupru fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji mressqa mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġi eżegwit l-irkupru. Lanqas ma jistgħu, meta l-amministrazzjoni pubblika tipproċedi permezz ta’ atti amministrattivi, jipprojbixxu xi appell possibbli minn dawk l-atti minn min jirċievi l-għajnuna. Għaldaqstant, proċeduri ġudizzjarji kontra azzjonijiet ta’ rkupru qatt ma jistgħu jiġu esklużi a priori.

65.

Dan huwa minnu sakemm ma jkunux l-awtoritajiet pubbliċi nnifishom li jkunu responsabbli għal-litigazzjoni fil-livell nazzjonali. Jistgħu jkunu aġixxew mingħajr il-livell ta’ reqqa meħtieġa: pereżempju, setgħu kkalkolaw ħażin l-interessi dovuti jew għamlu xi żball ieħor matul il-proċedura ta’ rkupru.

66.

Għalhekk il-possibbiltà ta’ litigazzjoni tidher li hija xi ħaġa li, għallinqas fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ma tistax tiġi influwenzata jew ikkontrollata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru.

67.

Min-naħa l-oħra, it-tieni rekwiżit għall-impossibbiltà assoluta jidhirli li huwa iktar diffiċli li jiġi ssodisfatt.

68.

Stat Membru li jqajjem eċċezzjoni ta’ impossibbiltà assoluta għandu juri li l-awtoritajiet tiegħu għamlu kull sforz raġonevoli biex jevitaw jew jimminimizzaw il-konsegwenzi tal-avveniment inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li din id-difiża ma tapplikax għal sitwazzjoni fejn, oġġettivament, persuna diliġenti u prudenti setgħet tieħu l-passi meħtieġa biex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi derivanti mill-avveniment li seħħ li ma kienx previst ( 37 ).

69.

F’dak ir-rigward, nemmen li l-grad ta’ diliġenza u prudenza li għandu juri Stat Membru jista’, b’mod ġenerali, jiġi kkunsidrat bħala funzjoni tal-probabbiltà li l-avveniment mhux previst jista’ jiġri: iktar ma huwa probabbli li jiġri l-avveniment, iktar sinjifikattivi għandhom ikunu l-isforzi ex ante meħtieġa mill-amministrazzjoni pubblika.

70.

Fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, nemmen li huwa ovvju li l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jantiċipaw li wħud minn dawk li jirċievu l-għajnuna jistgħu jirreżistu l-irkupru permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji. Għalhekk isegwi li, billi l-litigazzjoni hija mistennija, l-Istati Membri għandhom minħabba f’hekk juru livell għoli korrispondenti ta’ diliġenza u prudenza ( 38 ).

71.

L-ewwel nett, id-diliġenza u l-prudenza għandhom jiġu riflessi, meta ssir l-għażla, minn firxa ta’ għażliet li hemm miftuħin għalihom, tal-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex isir l-irkupru f’każ speċifiku. Għalkemm awtoritajiet amministrattivi bla dubju jgawdu minn ċerta diskrezzjoni f’dak ir-rigward, dik id-diskrezzjoni ma hijiex illimitata.

72.

Nemmen li l-awtoritajiet huma obbligati jagħżlu proċedura li, mill-bidu, tidher li x’aktarx tiżgura l-eżekuzzjoni mgħaġġla u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni, anki fil-konfront ta’ reżistenza minn min jirċievi l-għajnuna.

73.

Ma jistax jiġi eskluż li kultant, dan jista’ jinvolvi li wieħed jirrikorri għal miżuri amministrattivi. Fil-fatt, jista’ jkun hemm ċirkustanzi, għalkemm eċċezzjonali, fejn l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom jintervjenu, sabiex tiġi żgurata konformità fil-pront mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE. Pereżempju, x’jiġri jekk l-entità li tat l-għajnuna permezz ta’ kuntratt fid-dritt privat tkun ġiet likwidata u ma hemmx suċċessur għaliha? Dan ikun ifisser li xi għajnuna inkompatibbli qatt ma tkun tista’ tiġi rkuprata billi ma għadx hemm entità b’titolu biex taġixxi quddiem il-qrati ċivili jew kummerċjali li jkollhom ġurisdizzjoni?

74.

Ovvjament, dik ma tkunx interpretazzjoni sostenibbli tar-regoli tal-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem ċaħdet l-argumenti tal-Istati Membri li jinvokaw in-nuqqas ta’ bażi legali xierqa fid-dritt nazzjonali għal irkupru fil-pront ta’ għajnuna inkompatibbli ( 39 ). Fil-fatt jekk l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru ma jkollux il-mekkaniżmi meħtieġa sabiex ikun jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-UE, huwa l-Istat Membru li għandu jwettaqhom, bħala konsegwenza tan-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 288 TFUE ( 40 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li l-qrati domestiċi għandhom joqgħodu lura milli japplikaw regoli nazzjonali li jistgħu jipprekludu l-irkupru effettiv ( 41 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma aċċettat li s-sempliċi fatt li proċeduri nazzjonali huma kumplessi u jinvolvu ħafna żmien, jista’ fih innifsu jkun biżżejjed biex jiġi ġġustifikat dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 42 ).

75.

Minbarra l-għażla tal-proċedura xierqa għall-irkupru tal-għajnuna, l-awtoritajiet amministrattivi huma taħt obbligu li juru diliġenza u prudenza fl-attitudni tagħhom filwaqt li l-proċess tal-irkupru jkun għaddej.

76.

Dan ifisser, pereżempju, li l-awtoritajiet għandhom, meta jkunu kkonfrontati b’oppożizzjoni jew dewmien fil-proċeduri ġudizzjarji, jikkunsidraw jirrikorrux għal proċeduri aċċellerati jew proċeduri għal miżuri provviżorji. F’dan il-kuntest, infakkar li, skont ġurisprudenza konsistenti, qorti nazzjonali adita minn kwistjoni rregolata mid-dritt tal-UE trid tkun f’pożizzjoni li tagħti rimedju provviżorju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata fuq l-eżistenza tad-drittijiet invokati skont id-dritt tal-UE ( 43 ) .

77.

Dan ifisser ukoll li l-awtoritajiet jista’ jkollhom jaġixxu permezz ta’ proċeduri oħrajn li ma jkunux dawk magħżula inizjalment għall-irkupru, meta dawn tal-aħħar ikunu impossibbli, ineffettivi jew twal wisq ( 44 ). Kif qalet b’mod konvinċenti l-Avukat Ġenerali Sharpston, id-difiża tal-impossibbiltà assoluta tintrabat mar-riżultat li għandu jintlaħaq: l-irkupru ta’ għajnuna li ngħatat kontra l-liġi. Jekk setgħet tiġi invokata fir-rigward tal-mod kif ġie effettwat l-irkupru, kien ikun faċli ż-żejjed għal Stat Membru li jagħżel proċedura għall-irkupru tal-għajnuna kontra l-liġi li tirriżulta li tkun impossibbli u imbagħad isostni li ma kellux aktar l-obbligu li jirkupra l-għajnuna. ( 45 )

78.

Biex nikkonkludi fuq dan il-punt, il-kwistjoni jekk ir-rekwiżit ta’ diliġenza u prudenza huwiex issodisfatt mill-awtoritajiet tal-Istat Membru f’każ partikolari għandha tiġi evalwata mill-Qorti tal-Ġustizzja minn każ għal każ. Fl-aħħar nett, bilkemm għandi għalfejn ngħid f’dan il-kuntest li l-oneru biex jiġi pprovat li r-rekwiżiti għal każ ta’ impossibbiltà assoluta huma ssodisfatti qiegħed fuq l-Istat Membru li jinvoka dik id-difiża ( 46 ).

3. Dimensjoni temporali

79.

Wara li spjegajt iċ-ċirkustanzi fejn Stat Membru jista’ validament jinvoka l-impossibbiltà assoluta, naħseb li hemm aspett addizzjonali li jimmerita attenzjoni. Dan jikkonċerna l-perijodu ta’ żmien meta difiża bħal din tkun valida.

80.

Jidhirli li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu f’pożizzjoni li jagħtu lil min jirċievi għajnuna perijodu raġonevoli li fih jistgħu jressqu d-difiża tagħhom. Barra minn hekk, dawk il-qrati għandhom ikunu f’pożizzjoni li jużaw il-ħin meħtieġ biex iwettqu l-funzjoni ġudizzjarja tagħhom b’mod xieraq.

81.

Madankollu, ma huwiex realistiku li wieħed jemmen li l-qrati nazzjonali ser ikunu dejjem jistgħu jilħqu deċiżjoni finali f’dawn il-każijiet fil-perijodu preskritt fid-deċiżjonijiet korrispondenti tal-Kummissjoni (normalment, erba’ xhur). It-tul komplessiv tal-proċeduri ġudizzjarji jista’ jvarja skont diversi fatturi differenti.

82.

Madankollu, fl-istess ħin, nara wkoll il-bżonn li jiġi ppreservat l-effett utli tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Strateġiji ta’ dewmien ipprattikati minn min jirċievi l-għajnuna, jew l-inerzja jew it-traskuraġni min-naħa tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u tal-qrati domestiċi, ma għandhomx jegħlbu d-dritt leġittimu ta’ kumpanniji affettwati ħażin bl-għajnuna inkompatibbli sabiex id-distorsjoni tal-kompetizzjoni tiġi eliminata darba għal dejjem.

83.

Ma huwiex faċli li jinżamm bilanċ bejn dawn iż-żewġ interessi li jikkompetu kontra xulxin.

84.

F’dan il-punt, nixtieq infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara f’numru ta’ każijiet li argument ibbażat fuq impossibbiltà assoluta jista’ jiġi aċċettat biss għal żmien meħtieġ “għal amministrazzjoni li tuża diliġenza normali sabiex ittemm [l-avveniment mhux previst] indipendenti mir-rieda tagħha” ( 47 ). Fil-fehma tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, mutatis mutandis, għall-attivitajiet tal-qrati domestiċi. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li dewmien fl-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli minħabba proċeduri ġudizzjarji nazzjonali pendenti jistgħu jiġu skużati biss temporanjament: jiġifieri, meta l-perijodu addizzjonali jikkorrispondi maż-żmien minimu meħtieġ biex qorti li teżerċita livell raġonevoli ta’ diliġenza tiddeċiedi l-każ quddiemha.

85.

F’dan il-kuntest, ma tantx hemm għalfejn nindika li dewmien li jiġri minħabba applikazzjoni ħażina tar-regoli rilevanti tal-UE minn dawk il-qrati ma jistax jiġi ġġustifikat ( 48 ). Qorti diliġenti fil-fatt tapplika dawk ir-regoli fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza stabbilita u, fil-każ ta’ dubju, tirreferi domandi ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità lill-Qorti tal-Ġustizzja skont il-proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

86.

Wara li għedt dan, ikolli nammetti li huwa impossibbli li a priori jiġi identifikat perijodu ta’ żmien addizzjonali li jista’ jiġi kkunsidrat aċċettabbli fiċ-ċirkustanzi kollha, jew parametri preċiżi u speċifiċi biżżejjed biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tikkalkola, f’kull każ, il-perijodu xieraq. Il-kwistjoni jekk dewmien huwiex ġustifikabbli jista’ jiġi ddeterminat biss minn każ għal każ.

87.

Iżda jidhirli, f’dan ir-rigward, li jistgħu jiġu distinti żewġ sitwazzjonijiet ewlenin, skont it-tip ta’ pretensjoni li min irċieva l-għajnuna jkun ppreżenta quddiem il-qrati nazzjonali.

88.

Minn naħa, kumpannija jista’ b’mod dirett jew indirett ikollha dubji dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun qed tiġi implementata mill-awtoritajiet nazzjonali. Min-naħa l-oħra, tista’ sempliċiment tikkontesta l-passi adottati biex isir l-irkupru, mingħajr ma jkollha dubji dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Iktar ’il quddiem ser neżamina dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet wara xulxin.

a) Dubji dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

89.

Għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jgawdu min preżunzjoni ta’ legalità u, bħala tali, jipproduċu effetti legali sakemm jiġu rtirati, annullati jew iddikjarati invalidi wara talba għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità ( 49 ). Deċiżjonijiet li jiddikjaraw li l-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet illegali huma rriżervati għall-Qrati tal-UE. Qrati nazzjonali li jkollhom dubji f’dak ir-rigward għandhom iressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 50 ). Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li deċiżjoni tkun qed tiġi kkontestata quddiem il-Qrati tal-UE, fih innifsu, ma jippermettix lill-qrati nazzjonali milli jissospendu l-validità tagħha. Fil-prinċipju, sospensjoni bħal dik għandha tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qrati tal-UE, ippreżentat mill-partijiet li għandhom locus standi adegwat, skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE.

90.

Iżda b’mod eċċezzjonali, sospensjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tintalab ukoll quddiem il-qrati nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet b’mod konsistenti li l-qrati nazzjonali huma permessi li jadottaw miżuri ta’ sospensjoni fir-rigward ta’ atti tal-UE biss meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-ġurisprudenza Zuckerfabrik ( 51 ), jiġifieri: (i) il-qorti nazzjonali għandu jkollha dubji serji dwar il-validità tal-miżura tal-UE u, jekk il-validità tal-miżura kkontestata ma hijiex diġà kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dik il-qorti stess għandha tirreferi l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; (ii) għandu jkun hemm l-urġenza, billi rimedju provviżorju għandu jkun meħtieġ biex jiġi evitat li dannu serju u irreparabbli jiġi kkawżat lill-parti li qed titlob rimedju; (iii) il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra debitament l-interessi tal-Unjoni Ewropea; u (iv) fl-evalwazzjoni tagħha ta’ dawk il-kundizzjonijiet kollha, il-qorti nazzjonali għandha tikkonforma ma’ kwalunkwe deċiżjoni tal-Qrati tal-UE fuq il-legalità tal-miżura tal-UE jew fuq rikors għal miżuri provviżorji li jkunu qed ifittxu rimedju provviżorju fil-livell tal-UE.

91.

Importanti ħafna li l-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għajnuna mill-Istat, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza Zuckerfabrik japplikaw ukoll għal kawżi intiżi għal sospensjoni tal-proċeduri fejn il-miżura nazzjonali għall-irkupru tal-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi qed tiġi kkontestata ( 52 ). Fil-fatt, meta miżuri ta’ rkupru jiġu kkontestati fuq il-premessa li qed jimplementaw deċiżjoni invalida tal-Kummissjoni, dan ikun ifisser li dik id-deċiżjoni qed tiġi kkontestata direttament.

92.

Għalhekk, meta jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, l-awtoritajiet nazzjonali huma ovvjament obbligati li jirrispettaw kull miżura provviżorja adottata mill-qorti nazzjonali u, għaldaqstant, jista’ jkun legalment impossibbli għalihom li jipproċedu bl-irkupru.

93.

Madankollu, sitwazzjoni ta’ impossibbiltà bħal din iddum biss sakemm il-Qrati tal-UE ma jkunux adottaw deċiżjoni fil-proċeduri pendenti quddiemhom. Fil-fatt, jekk il-qrati tal-UE jikkonfermaw il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-qrati domestiċi għandhom jiġbdu l-konklużjonijiet neċessarji minn deċiżjoni bħal dik. Deċiżjonijiet li tadotta l-Kummissjoni bis-saħħa ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 108 TFUE li saru finali fil-konfront ta’ min ikun irċieva l-għajnuna jorbtu lill-qrati nazzjonali ( 53 ). Dawk il-qrati huma meħtieġa, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jiżguraw li d-deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi tkun effettiva għal kollox u tissodisfa eżitu li jkun konsistenti mal-għan li trid tilħaq dik id-deċiżjoni ( 54 ).

94.

L-istess jgħodd għal kull deċiżjoni adottata minn istituzzjoni tal-UE li ma tkunx ġiet ikkontestata mill-indirizzat tagħha fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li ma huwiex possibbli għal min jirċievi għajnuna mill-Istat li mingħajr dubju seta’ jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-qrati tal-UE, iżda li jkun ħalla tgħaddi l-iskadenza obbligatorja, li jpoġġi indiskussjoni l-legalità ta’ dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali f’kawża li tikkontesta l-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali fl-implementazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni ( 55 ).

95.

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkonkludi li meta min jirċievi għajnuna qiegħed, direttament jew indirettament, jikkontesta quddiem il-qrati domestiċi l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna rkupru, dewmien fil-proċess tal-irkupru jkun aċċettabbli biss jekk jirrappreżenta ż-żmien minimu li qorti diliġenti jkollha bżonn biex tivverifika jekk ġewx issodisfatti r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza Zuckerfabrik. Jekk dan ikun il-każ, difiża bbażata fuq l-impossibbiltà assoluta tista’ tiġi aċċettata u għalhekk tiġġustifika d-dewmien, iżda dan huwa hekk biss sakemm dawk ir-rekwiżiti jibqgħu jiġu ssodisfatti. Jekk dak ma jkunx il-każ, għalija ma huwiex aċċettabbli dewmien ieħor.

b) Ma titpoġġix indiskussjoni l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

96.

Min-naħa l-oħra, jista’ jkun hemm każijiet fejn min jirċievi l-għajnuna ma jkunx qiegħed, direttament jew indirettament, ipoġġi indiskussjoni l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dan jista’ jkun il-każ f’ċirkustanzi varji.

97.

L-ewwel nett, dik is-sitwazzjoni tista’ tqum meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq skema ta’ għajnuna u ma tidentifikax il-benefiċjarji kollha tal-għajnuna, jew tonqos milli tikkwantifika l-ammont tal-għajnuna. F’dawk iċ-ċirkustanzi, kumpannija li hija suġġetta għal miżuri ta’ rkupru tista’ targumenta, fil-qrati domestiċi, li ma tissodisfax il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna, jew li, meta jiġu applikati l-parametri li tistabbilixxi l-Kummissjoni, l-ammont ta’ għajnuna li għandha titħallas lura huwa, fil-każ tagħha, żero jew inqas minn dak pretiż mill-Istat. It-tieni nett, jista’ jkun ukoll il-każ li min jirċievi l-għajnuna jkun qed jikkontesta biss il-kalkolu tal-interessi dovuti fuq l-għajnuna li trid titħallas lura. Fl-aħħar nett, kumpannija tista’ tkun qed tikkontesta sempliċiment il-quomodo tal-irkupru. Billi dan l-aspett huwa fil-prinċipju rregolat mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, huwa possibbli li min jirċievi l-għajnuna jista’ jagħmel oppożizzjoni biss għall-mod kif qed tiġi eżegwita d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-livell nazzjonali.

98.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm każijiet fejn anki qorti diliġenti jista’ jkollha bżonn ta’ iktar minn erba’ xhur biex issolvi kwistjoni.

99.

Madankollu, jiena tal-fehma li bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, il-qrati domestiċi ma jistgħux jeżaminaw il-pretensjonijiet imressqin min dawk li jirċievu l-għajnuna mingħajr ma jqisu l-interessi tal-Unjoni Ewropea li tiġi eliminata d-distorsjoni eżistenti tal-kompetizzjoni ( 56 ).

100.

Fil-fatt, nemmen li l-kunsiderazzjoni msemmija iktar ’il fuq dwar il-bżonn li jinstab bilanċ bejn id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ min jirċievi l-għajnuna u d-dritt tal-kompetituri tagħhom għall-eliminazzjoni tad-distorsjoni kollha tal-kompetizzjoni li kkawżata mill-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi hija valida wkoll għall-qrati domestiċi.

101.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-qrati nazzjonali għandhom ukoll ċerti dmirijiet fil-konfront ta’ individwi li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu ppreġudikati bl-għoti ta’ għajnuna li ngħatat kontra l-liġi ( 57 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat f’numru ta’ każijiet riċenti li wieħed mill-inkarigi mogħtija lill-qrati nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa preċiżament dak li jiddikjaraw miżuri xierqa biex tiġi rrimedjata l-implementazzjoni ta’ għajnuna li ngħatat kontra l-liġi, sabiex l-għajnuna ma tibqax għad-dispożizzjoni sħiħa ta’ min jirċeviha matul il-perijodu li jibqa’ qabel ma l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha ( 58 ).

102.

Fil-fehma tiegħi, ir-riżultati li wasslet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja jidhru dejjem iktar validi ladarba hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li hija finali.

103.

Għalkemm huwa veru li dawk il-kunsiderazzjonijiet kienu żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet dwar proċeduri nazzjonali mibdija minn kumpanniji li allegatament ġew ippreġudikati bl-għoti ta’ għajnuna li ngħatat kontra l-liġi, ma narax għaliex ma jkunux rilevanti wkoll fil-kuntest ta’ kawżi mibdija minn dawk li rċevew l-għajnuna sabiex iwaqqfu jew idewmu l-irkupru ta’ dik l-għajnuna.

104.

Fuq dik il-bażi, jiena tal-fehma li meta qorti nazzjonali tiġi adita fi proċeduri li, minħabba t-tul tagħhom, jistgħu jdewmu l-konformità ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, u b’hekk iddum iżjed id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-qorti għandha tqis debitament l-interessi tal-individwi li xorta jistgħu jibqgħu ppreġudikati minħabba dak id-dewmien. B’mod partikolari, qorti nazzjonali diliġenti, fil-fehma tiegħi, għandha tikkunsidra jekk huwiex possibbli, bl-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, li tiżgura tal-inqas konformità parzjali jew temporanja.

105.

Filwaqt li jiġu ssalvagwardati l-interessi tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali, dak jippermetti lill-qorti nazzjonali li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha ż-żmien kollu meħtieġ biex tiddeċiedi l-kwistjoni.

106.

Kif semmejt iktar ’il fuq, nemmen li talba f’dan is-sens għandha ssir b’mod regolari mill-awtoritajiet pubbliċi li huma partijiet fil-proċeduri domestiċi ( 59 ). Madankollu, naħseb li l-qrati domestiċi għandhom ġurisdizzjoni wkoll, fejn ikun xieraq, biex jeżaminaw għażla bħal dik ex officio.

107.

Huwa fil-konfront ta’ dawk il-prinċipji li issa ser nevalwa l-merti tal-eċċezzjoni ta’ impossibbiltà assoluta li eċċepixxa l-Gvern Ġermaniż.

4. Kunsiderazzjoni tal-eċċezzjoni

108.

Mill-bidu, għandi ngħid li minix konvint mill-argumenti tal-Kummissjoni li jallegaw nuqqas ta’ diliġenza fl-għażla magħmula mill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-2007 fuq kif kellha tiġu rkuprata l-għajnuna inkwistjoni. Fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn fil-proċess li jindika li l-proċedura magħżula kienet, a priori, mhux xierqa biex tilħaq dak l-għan, jew li att amministrattiv ċertament kien jirriżulta f’irkupru iktar mgħaġġel.

109.

Iżda, għall-kuntrarju nsib li fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu jiġu kkritikati għal ċertu nuqqas ta’ diliġenza u prontezza fil-proċess sussegwenti.

110.

Kif semmejt iktar ’il fuq, fl-ewwel lok ma hemmx kontestazzjoni li l-għajnuna inkompatibbli mogħtija lill-Grupp Biria ma kinitx tħallset lura sad-data tas-smigħ, li seħħ madwar sentejn u nofs wara t-tmiem tal-perijodu stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni.

111.

Il-fatt li għadda tant żmien wara t-tmiem ta’ dak il-perijodu, mingħajr ebda rkupru, jidher li fih innifsu huwa indikazzjoni li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma għamlux dak kollu li setgħu biex jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni kemm jista’ jkun malajr ( 60 ).

112.

Jiena lest naċċetta li, sa fejn l-irkupru involva bejgħ eżekuttiv tal-assi, kien hemm ġenwinament bżonn ta’ ftit iktar żmien għall-awtoritajiet nazzjonali biex ilestu l-proċeduri kollha meħtieġa. Bl-istess mod, naqbel li l-fatt li ma kien hemm l-ebda offerta fl-ewwel subbasta ma kienx ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Ġermaniżi.

113.

Madankollu, għalija huwa ċar li s-subbasta kellha ssir ferm qabel u mhux iżjed minn sentejn wara li kienet ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni. Kieku l-proċedura tas-subbasta mxiet ’il quddiem b’iktar ħeffa, l-awtoritajiet Ġermaniżi setgħu jitolbu iktar fil-pront il-likwidazzjoni tal-kumpannija meta ma nstab l-ebda offerent xieraq ( 61 ). Għaldaqstant, seta’ ġie evitat id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ min irċieva l-għajnuna.

114.

Fit-tieni lok, nosserva li l-awtoritajiet Ġermaniżi qatt ma talbu lill-Kummissjoni għal estensjoni jew proroga tal-iskadenza stabbilita mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni. Huma sempliċiment informaw lill-Kummissjoni bl-istatus tal-proċess tal-irkupru u tad-diffikultajiet li kienu sabu f’dak il-kuntest. Barra minn hekk, f’dak l-isfond, huwa sinjifikattiv li l-awtoritajiet lanqas ma pproponew lill-Kummissjoni xi azzjoni alternattiva biex wieħed jipprova jegħleb dawk id-diffikultajiet u, bħala konsegwenza, sabiex ikunu jistgħu jeżegwixxu d-deċiżjoni b’iktar ħeffa ( 62 ).

115.

Fit-tielet lok, il-Gvern Ġermaniż jammetti li, minkejja l-fatt li kien possibbli li jsir dan, l-awtoritajiet pubbliċi qatt ma talbu miżuri provviżorji fejn l-għajnuna inkompatibbli setgħet tneħħiet mill-assi tal-benefiċjarju għall-bqija tal-proċeduri domestiċi.

116.

F’dak ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż jargumenta li dan ma kienx meħtieġ billi tbg kienet diġà intitolata provviżorjament li teżegwixxi l-irkupru, skont is-sentenza fil-kontumaċja li tat il-Landgericht Mühlhausen fis-26 ta’ Novembru 2008. Madankollu, kif ġustament tgħid il-Kummissjoni, dak l-intitolament seta’ jiġi sospiż bl-għoti ta’ garanzija. U dan huwa preċiżament dak li ġara, billi l-Landgericht Mühlhausen fil-fatt issospendiet l-effetti tas-sentenza fil-kontumaċja u awtorizzat lill-Grupp Biria biex jipprovdi l-ħlas ta’ garanzija fil-forma ta’ garanzija personali għal dak l-iskop.

117.

Fuq dak il-punt, għandu jiġi nnotat — kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Ġermaniż — li s-sempliċi għoti ta’ garanzija personali, għalkemm jinvolvi ċerti spejjeż għal min jirċievi l-għajnuna, ma jipproduċix l-istess effett f’termini tal-innewtralizzar tal-għajnuna bħat-tpoġġija tal-ammont sħiħ tal-għajnuna f’kont blokkat ( 63 ) (peress li l-ammont sħiħ tal-għajnuna baqa’ għad-dispożizzjoni ta’ min irċieva l-għajnuna) ( 64 ). Fil-fatt, kif indikat b’mod korrett il-Bundesgerichtshof fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Settembru 2012, hija l-miżura tal-aħħar li l-Landgericht Mühlhausen kellha tadotta.

118.

Fir-raba’ lok, ma jidhirlix li l-awtoritajiet pubbliċi dejjem aġixxew fil-pront kif kellhom jagħmlu, meta wieħed jiftakar li ż-żmien permess għall-irkupru skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni fil-verità kien xi ftit qasir (erba’ xhur). Pereżempju, tbg ma ressqitx talba għall-irkupru eżekuttiv tad-dejn ta’ MB System qabel ma għaddew tliet xhur mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni. Sa dak il-punt, kien diġà għadda tliet kwarti tal-perijodu mogħti għall-konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni.

119.

Fil-ħames u l-aħħar lok, il-Gvern Ġermaniż innifsu kkonċeda li kien hemm dewmien kunsiderevoli minħabba numru ta’ deċiżjonijiet żbaljati tal-qrati nazzjonali li quddiemhom kien fetaħ kawżi l-Grupp Biria biex jopponi l-irkupru.

120.

Ninnota li f’dan il-kuntest, quddiem il-qrati nazzjonali, il-Grupp Biria qed jiddubita wkoll mil-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni. Madankollu, mill-proċess jidher li l-proċedura tal-irkupru ġiet sospiża f’mill-inqas żewġ okkażjonijiet mil-Landgericht Mühlhausen sempliċiment għaliex il-Grupp Biria kien beda proċeduri quddiem il-Qrati tal-UE kontra d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’din il-kawża. Ma saret l-ebda evalwazzjoni vera tal-kriterji ta’ Zuckerfabrik minn dik il-qorti, kif jidher mid-deċiżjoni tal-Bundesgerichthof tat-13 ta’ Settembru 2012 li tannulla l-ordnijiet ta’ sospensjoni tal-Landgericht Mühlhausen tat-30 ta’ Marzu 2011 u tal-Oberlandesgericht Jena tat-28 ta’ Diċembru 2011.

121.

F’kull każ, huwa ċar li dawk ir-rekwiżiti ma setgħux jiġu ssodisfatti iktar wara l-21 ta’ Ġunju 2011, meta l-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad ir-rikors ta’ MB System għas-sospensjoni tal-operazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni ( 65 ).

122.

Huwa veru li d-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem id-“Digriet”) kien fih xi kliem infeliċi billi donnu implika li, sabiex tinkiseb il-protezzjoni provviżorja quddiem il-Qorti Ġenerali, MB System kellha tipprova li ma kienx hemm rimedji legali effettivi fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż ( 66 ). L-ewwel nett, dak ir-raġunament jidher li qed iħallat ir-regola mal-eċċezzjoni. Għalija huwa ċar li meta parti għandha locus standi quddiem il-Qrati tal-UE u tkun eżerċitat id-dritt tagħha li ġġib azzjoni għal annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-“qorti naturali” li għandha tiddeċiedi jekk l-operazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni għandhiex tiġi sospiża hija l-Qorti tal-UE li għandha ġurisdizzjoni li tisma’ l-azzjoni ewlenija. Meta dan ikun il-każ, il-protezzjoni provviżorja li jagħtu l-qrati domestiċi taħt il-ġurisprudenza Zuckerfabrik għandha titqies bħala l-eċċezzjoni, mhux ir-regola. It-tieni nett, ir-raġunament fid-Digriet jidher li jeħtieġ probatio diabolica mir-rikorrenti billi jikkonċerna l-issodisfar ta’ kundizzjoni ta’ urġenza.

123.

Madankollu, minkejja d-difetti possibbli fir-raġunament tad-Digriet — li madankollu MB System qatt ma appellat — ma narax kif is-sospensjoni ripetuta u twila tal-proċeduri domestiċi f’din il-kawża jistgħu jiġu ġġustifikati meta l-Bundesgerichtshof innifisha sabet li kienet żbaljata.

124.

Bħala konklużjoni ngħid li ma nemminx li l-Gvern Ġermaniż irnexxielu jipprova li l-obbligu tal-irkupru li tistabbilixxi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni fir-rigward tal-għajnuna inkompatibbli mogħtija lill-Grupp Biria kien oġġettivament impossibbli li jiġi ssodisfatt.

V – Konklużjoni

125.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif ġej:

Tiddikjara li, meta ma kkonformatx mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/471/UE, tal-14 ta’ Diċembru 2010, dwar għajnuna mogħtija mill-Ġermanja lill-Grupp Biria, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset li twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 288(4) u 108(2) TFUE, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE], u skont l-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni 2011/471/UE;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFEU] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2005 implimentata mill-Ġermanja għall-Grupp Biria (ĠU 2007 L 183, p. 27).

( 4 ) Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda T-102/07 u T-120/07, Ġabra p. II-585).

( 5 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-14 ta’ Diċembru 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja lill-Grupp Biria (ĠU 2011 L 195, p. 55).

( 6 ) Digriet tal-21 ta’ Ġunju 2011 fil-Kawża MB System vs Il-Kummissjoni (T‑209/11 R).

( 7 ) MB System vs Il-Kummissjoni (Kawża T‑209/11).

( 8 ) Ara l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2011/471.

( 9 ) Deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 2010, III ZB/18/10.

( 10 ) Digriet tat-13 ta’ Settembru 2012, III ZB/3/12.

( 11 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2005, 8 S 93/05.

( 12 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2013, 1 L 83/13. Għall-kompletezza, għandu jiġi indikat li l-Gvern Ġermaniż jargumenta li dawn id-deċiżjonijiet kollha jikkostitwixxu każijiet iżolati li ma ġewx approvati mill-ogħla qrati.

( 13 ) Is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1990 (Kawża C‑301/87, Franza vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-00307, punt 23).

( 14 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja stess iddeskriviet il-kawża skont dak li llum huwa l-Artikolu 258 TFUE bħala “proċedura iktar ikkomplikata” fis-sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (Kawża 173/73, Ġabra p. 709, punt 9).

( 15 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mayras għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (Kawża 70/72, Ġabra 813, p. 835).

( 16 ) Is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, (Kawża C-213/85, Ġabra p. 281, punt 7 u 8).

( 17 ) Ara sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Franza (Kawża C‑549/09, punt 29), u s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (Kawża C‑344/12, punt 40).

( 18 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Kawża C-209/00 Ġabra p. I-11695, punt 34), u s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (Kawża C-507/08 Ġabra p. I-13489, punt 51).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kawża C‑207/05, punti 36 u 37) u s-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Kawża C-331/09, Ġabra p. I-2933, punt 54 et seq).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kawża C‑419/06, punti 38 u 61, u s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (Kawża C‑454/09, punt 37).

( 21 ) Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 47 sa 52.

( 22 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Kawża C‑263/12, punt 30 sa 32).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (Kawża C-214/07 Ġabra p. I-8357, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara, b’mod speċjali, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, (Kawża C‑529/09, punti 70 u 71).

( 25 ) Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (Kawża C-1/00, Ġabra p. I-9989, punt 65), u s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Kawża C-328/96, Ġabra p. I-7479, punt 51).

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 1981, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kawża 28/81, Ġabra p. 2577, punt 6).

( 27 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, (Kawża C-499/99 Ġabra p. I-6031, punt 21), u s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Franza (Kawża C-441/06, Ġabra p. I-8887, punt 27).

( 29 ) Is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Kawża C-105/02, Ġabra p. I-9659, punt 89), u s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Kawża C-377/03, Ġabra p. I-9733, punt 95).

( 30 ) Ara, f’dak is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott għas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kawża C-334/08, Ġabra p. I-6869, punti 21 sa 24).

( 31 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 37, u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 64.

( 32 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, (Kawża C‑610/10, punt 106) u s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (Kawża C-277/00, Ġabra p. I-3925, punt 86). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni (Ġabra p. I‑1603, punti 22 u 23).

( 33 ) Dak il-prinċipju kien diġà ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor GmbH et vs Il-Ġermanja (Kawżi magħquda 205/82 sa 215/82 Ġabra p. 2633, punt 33), u s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Land Rheinland-Pfalz vs Alcan Deutschland GmbH (Kawża C-24/95, Ġabra p. I-1591, punt 25). Għall-kompletezza għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat dak il-prinċipju b’mod restrittiv. Għal evalwazzjoni kritika, ara E. Gambaro, u A. Papi Rossi, “Recovery of Unlawful and Incompatible Aid”, fi A. Santa Maria, (ed.), Competition and State Aid — An Analysis of the EC Practice, Kluwer Law International, Alphen aan den Rhijn: 2007, paġni 183 sa 220.

( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank Zrt vs Csaba Csipai u Viktória Csipai (Kawża C‑472/11, punt 29), u s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (Kawża C-89/08 P, Ġabra p. I-11245, punti 50 u 54).

( 35 ) ĠU 2010 C 83, p. 309.

( 36 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (Kawża C-94/00, Ġabra p. I-9011, punt 42), u s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (Kawża C-52/09 Ġabra p. I-527, punti 20 sa 22).

( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs UASI (Kawża C-325/03 P, Ġabra p. I-403, punt 25); u s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Ferriera Valsabbia vs Il-Kummissjoni (Kawża 209/83, Ġabra p. 3089, punt 22).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kawża C-297/08, Ġabra p. I-1749, punti 80 sa 86).

( 39 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni (Kawża C-303/88, Ġabra p. I-1433, punti 56 u 60).

( 40 ) Ara, f’dak is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston għas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (Kawża C-214/07, Ġabra p. I-8357, punt 76).

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (Kawża C-232/05 Ġabra p. I-10071, punt 53).

( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 41.

( 43 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (London) Ltd u Unibet (International) Ltd vs Justitiekanslern (Kawża C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 75), u s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1990, The Queen vs Secretary of State for Transport, ex parte: Factortame Ltd et (Kawża C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 23).

( 44 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 56.

( 45 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 44.

( 46 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 61 sa 64.

( 47 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Kawża C-236/99, Ġabra p. I-5657, punti 20 u 25).

( 48 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jinħelisx mir-responsabbiltà jekk ksur tal-obbligi tal-UE tiegħu jkun attribwibbli, għal kollox jew parzjalment, għal żbalji ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-UE mill-qrati domestiċi tiegħu. Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/2009, Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 p. I‑1137, punt 87, u s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja (Kawża C‑154/08). Hemm numru ta’ deċiżjonijiet riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat li juru dan il-punt b’mod ċar. Ara, b’mod speċjali, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kawża C‑302/09); is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (Kawża C-304/09, Ġabra p. I-13903); u s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kawża C‑243/10).

( 49 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (Kawża C-475/01 Ġabra p. I-8923, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (Kawża 314/85, Ġabra p. 4199, punti 9 sa 18); u s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006 IATA u ELFAA (Kawża C-344/04, Ġabra p. I-403, punti 27 sa 32).

( 51 ) Is-sentenza tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (Kawżi magħquda C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415); u s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (Kawża C-465/93, Ġabra p. I-3761).

( 52 ) Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 47.

( 53 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf GmbH vs Bundesrepublik Deutschland (Kawża C-188/92, Ġabra p. I-833, punt 26).

( 54 ) Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Scott SA u Kimberly Clark SAS vs Ville d’Orléans (Kawża C-210/09, Ġabra p. I-4613, punt 29).

( 55 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf GmbH vs Bundesrepublik Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punti 13, 17 u 20, u s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union vs Secrétariat général du gouvernement (Kawża C-241/01 Ġabra p. I-9079, punti 34 u 35).

( 56 ) Ara, b’analoġija, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I), punti 28 u 29, u 42 sa 45.

( 57 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon vs Ir-Repubblika Franċiża (Kawża C-354/90, Ġabra I-5505, punti 11 u 12); u s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Syndicat français de l’Express international (SFEI) et vs La Poste et, (Kawża C-39/94, Ġabra p. I-3547, punti 39 u 40).

( 58 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa AG vs Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH (Kawża C‑284/12, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 ) Ara l-punt 76 iktar ’il fuq.

( 60 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kawża C‑411/12, punt 35) u s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (Kawża C‑303/09, punt 32).

( 61 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li r-reġistrazzjoni tar-responsabbiltà dwar il-ħlas lura ta’ għajnuna inkompatibbli fil-prospett tal-passiv ta’ kumpannija suġġetta għal proċeduri ta’ likwidazzjoni huwa mezz aċċettabbli biex jinkiseb l-irkupru (ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li għandu jkun assolutament impossibbli li tiġi implementata deċiżjoni ma hijiex issodisfatta meta l-Istat Membru konvenut sempliċiment jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi involuti fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni, mingħajr ma jittieħdu passi reali għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni mill-impriżi kkonċernati, u mingħajr ma jiġu proposti lill-Kummissjoni xi arranġamenti alternattivi għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni li setgħu għamluha possibbli li jingħelbu dawk id-diffikultajiet (ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Kawża C-305/09, Ġabra p. I-3225, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Centre d’exportation du livre français (CELF) u Ministre de la Culture et de la Communication vs Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE), (Kawża C-1/09, Ġabra p. I-2099, punt 37.

( 64 ) Ara, f’dak is-sens, il-punt 70 tal-Avviż tal-Kummissjoni intitolat “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi” (ĠU 2007 C 272, p. 4).

( 65 ) F’dak il-kuntest, kważi ma huwiex meħtieġ li ngħid li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni, fl-aħħar mill-aħħar, ġiet ikkonfermata fit-3 ta’ Lulju 2013, meta l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kawża għal annullament li għamlet MB System.

( 66 ) Ordni tal-21 ta’ Ġunju 2011 fil-Kawża T‑209/11 R MB System vs Il-Kummissjoni, punti 46 sa 52.

Top