Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CA0175

    Kawża C-175/12: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal- 24 ta’ Ottubru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Finanzgericht München — Il-Ġermanja) — Sandler AG vs Hauptzollamt Regensburg (Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni — Trattament preferenzjali għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Afrikani, mill-Karibew u mill-Paċifiku (AKP) — Artikoli 16 u 32 tal-Protokoll Nru 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou — Importazzjoni ta’ fibri sintetiċi tan-Niġerja lejn l-Unjoni Ewropea — Irregolaritajiet fiċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ esportazzjoni — Timbru mhux konformi mal-mudell ikkomunikat lill-Kummissjoni — Ċertifikati a posteriori u ta’ sostituzzjoni — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikoli 220 u 236 — Possibbiltà li tiġi applikata a posteriori tariffa doganali preferenzjali li ma tkunx għada fis-seħħ fid-data tat-talba għal rimbors — Kundizzjonijiet)

    ĠU C 367, 14.12.2013, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 367/9


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Finanzgericht München — Il-Ġermanja) — Sandler AG vs Hauptzollamt Regensburg

    (Kawża C-175/12) (1)

    (Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni - Trattament preferenzjali għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Afrikani, mill-Karibew u mill-Paċifiku (AKP) - Artikoli 16 u 32 tal-Protokoll Nru 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou - Importazzjoni ta’ fibri sintetiċi tan-Niġerja lejn l-Unjoni Ewropea - Irregolaritajiet fiċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ esportazzjoni - Timbru mhux konformi mal-mudell ikkomunikat lill-Kummissjoni - Ċertifikati a posteriori u ta’ sostituzzjoni - Kodiċi Doganali tal-Komunità - Artikoli 220 u 236 - Possibbiltà li tiġi applikata a posteriori tariffa doganali preferenzjali li ma tkunx għada fis-seħħ fid-data tat-talba għal rimbors - Kundizzjonijiet)

    2013/C 367/15

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Finanzgericht München

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Sandler AG

    Konvenuta: Hauptzollamt Regensburg

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Finanzgericht München — Interpretazzjoni tal-Artikolu 236(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), tat-tieni inċiż tal-Artikolu 889(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/92, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007 (ĠU L 327M, p. 879), kif ukoll tal-Artikoli 16 u 32 tal-Ewwel Protokoll tal-Anness V tal-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirma[t] f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 35, p. 3) — Importazzjoni ta’ fibri sintetiċi min-Niġerja fl-Unjoni Ewropea — Possibbiltà ta’ applikazzjoni a posteriori ta’ tariffa doganali preferenzjali li ma tkunx għadha fis-seħħ fid-data tat-talba għal rimbors — Sitwazzjoni fejn il-merkanzija ġiet importata f’data li fiha l-imsemmija tariffa preferenzjali kienet għadha fis-seħħ iżda t-talba għaliha ġiet irrifjutata minħabba timbru mhux konformi mal-mudell ikkomunikat lill-Kummissjoni fuq iċ-ċertifikat ta’ ċirkulazzjoni tal-merkanzija EUR.1

    Dispożittiv

    (1)

    It-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 889(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat fl-aħħar lok bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat 28 ta’ Frar 2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix talba għal rimbors ta’ dazji meta trattament tariffarju preferenzjali jkun intalab u ngħata fil-mument tar-rilaxx tal-merkanzija u li huwa biss ulterjorment, fil-kuntest ta’ verifika a posteriori li tkun saret wara l-iskadenza tat-trattament tariffarju preferenzjali u l-istabbiliment mill-ġdid tad-dazju normalment dovut, li l-awtoritajiet tal-Istat ta’ importazzjoni pproċedew għall-irkupru tad-differenza fir-rigward tad-dazju doganali applikabbli għall-merkanzija li toriġina minn pajjiżi terzi.

    (2)

    L-Artikoli 16(1)(b) u 32 tal-Protokoll Nru 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, u approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/159/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2002, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk jidher, meta ssir verifika a posteriori, li timbru li ma jikkorrispondix għall-mudell ikkomunikat mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni tqiegħed fuq ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jistgħu jirrifjutaw dan iċ-ċertifikat u jrodduh lura lill-importatur sabiex huwa jkun jista’ jikseb il-ħruġ ta’ ċertifikat a posteriori abbażi tal-Artikolu 16(1)(b) ta’ dan il-protokoll pjuttost milli jagħti bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 32 tal-imsemmi protokoll.

    (3)

    L-Artikoli 16(4) u (5), u 32 tal-imsemmi protokoll għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtoritajiet ta’ Stat ta’ importazzjoni jirrifjutaw li jaċċettaw, bħala ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 maħruġ a posteriori fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ dan il-protokoll, ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 li, filwaqt li jkun kollu kemm hu konformi mar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet tal-istess protokoll, jinkludi, fil-kaxxa “Osservazzjonijiet”, mhux ir-riferiment speċifiku għall-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni, iżda indikazzjoni li għandha, finalment, tiġi interpretata li tfisser li ċ-ċertifikat ta’ moviment ta’ merkanzija EUR.1 inħareġ skont l-Artikolu 16(1) ta’ dan il-protokoll. Fil-każ ta’ dubju dwar l-awtentiċità ta’ dan id-dokument jew dwar in-natura tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati, dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jagħtu bidu għall-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 32 tal-imsemmi protokoll.


    (1)  ĠU C 194, 30.6.2012


    Top