This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CN0520
Case C-520/11: Action brought on 11 October 2011 — European Commission v French Republic
Kawża C-520/11: Rikors ippreżentat fil- 11 ta’ Ottubru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża
Kawża C-520/11: Rikors ippreżentat fil- 11 ta’ Ottubru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża
ĠU C 362, 10.12.2011, p. 15–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 362/15 |
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża
(Kawża C-520/11)
2011/C 362/22
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Jimeno Fernández u D. Bianchi, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża
Talbiet
Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-unur titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tikkonstata li, billi ma eżegwietx id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/726/KE li titlob lil Franza tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri tagħha li jipprojbixxu l-introduzzjoni fit-territorju tagħha, għal finijiet ta’ alimentazzjoni tal-bniedem, ta’ ħalib u ta’ prodotti tal-ħalib li jiġu minn azjendi fejn każ ta’ scrapie klassika ġiet ikkonfermata, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(3) TUE u 288 TFUE; |
— |
tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Fil-25 ta’ Frar 2009, Franza adottat digriet dwar il-projbizzjoni ta’ importazzjoni fit-territorju Franċiż ta’ ħalib, ta’ prodotti tal-ħalib u ta’ prodotti li jinkludu l-ħalib ta’ oriġini ovina u kaprina taħt riskju fir-rigward tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli intiżi għall-alimentazzjoni tal-bniedem.
Il-Kummissjoni ressqet il-każ quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali (KPKASA), bil-għan li jiġu estiżi, emendati jew imħassra l-miżuri interim ta’ ħarsien nazzjonali msemmija.
Abbażi tal-opinjonijiet xjentifiċi disponibbli kif ukoll tal-konsultazzjonijiet tal-KPKASA, fl-24 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri interim ta’ ħarsien adottati minn Franza jmorru lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi evitat riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, anki fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, u adottat, abbażi tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 178/2002 (1), id-Deċiżjoni 2009/726/KE (2) li titlob lil Franza tissospendi l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri.
Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu hija ma talbitx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha.
Il-Kummissjoni tqis li billi ma eżeġwietx id-deċiżjoni msemmija, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(3) TUE u 288 TFUE.
Fl-ewwel lok, u skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom jadottaw kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati jew mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Fit-tieni lok, l-Artikolu 288 TFUE jipprovdi li deċiżjoni torbot, fl-intier tagħha fir-rigward tal-elementi kollha tagħha, lil min hija indirizzata sabiex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni.
Fl-aħħar lok, peress li r-rikors għal annullament ippreżentat mir-Repubblika Franċiża kontra d-Deċiżjoni 2009/726/KE ma huwiex ta’ natura sospensiva u peress li r-Repubblika Franċiża ma talbitx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma ġietx sospiża.
(1) Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463).
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Settembru 2009, li tikkonċerna miżuri interim ta’ ħarsien li ttieħdu minn Franza fir-rigward tal-introduzzjoni fit-territorju tagħha tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li jiġu minn azjenda fejn il-każ ta’ scrapie klassika hu kkonfermat (ĠU L 258, p. 27).