This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CC0077
Opinion of Advocate General Bot delivered on 28 May 2013.#Council of the European Union v European Parliament.#Action for annulment — Definitive adoption of the European Union’s general budget for the financial year 2011 — Act of the President of the Parliament declaring that the budget has been definitively adopted — Article 314(9) TFEU — Establishment by the Parliament and the Council of the European Union’s annual budget — Article 314, introductory paragraph, TFEU — Principle of institutional balance — Principle that the institutions must act within the limits of their powers — Duty to cooperate in good faith — Compliance with essential procedural requirements.#Case C‑77/11.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-28 ta’ Mejju 2013.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew.
Rikors għal annullament — Adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2011 — Att tal-President tal-Parlament li jikkonstata din l-adozzjoni definittiva — Artikolu 314(9) TFUE — Stabbiliment mill-Parlament u l-Kunsill tal-baġit annwali tal-Unjoni — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE — Prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali — Prinċipju ta’ tqassim tas-setgħat — Dmir ta’ kooperazzjoni leali — Osservanza tal-forom proċedurali sostanzjali.
Kawża C‑77/11.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-28 ta’ Mejju 2013.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew.
Rikors għal annullament — Adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2011 — Att tal-President tal-Parlament li jikkonstata din l-adozzjoni definittiva — Artikolu 314(9) TFUE — Stabbiliment mill-Parlament u l-Kunsill tal-baġit annwali tal-Unjoni — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE — Prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali — Prinċipju ta’ tqassim tas-setgħat — Dmir ta’ kooperazzjoni leali — Osservanza tal-forom proċedurali sostanzjali.
Kawża C‑77/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:330
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-28 ta’ Mejju 2013 ( 1 )
Kawża C‑77/11
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
vs
Il-Parlament Ewropew
“Rikors għal annullament — Att tal-President tal-Parlament Ewropew dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2011 — Nuqqas ta’ konformità ta’ dan l-att mal-proċedura tal-baġit il-ġdida stabbilita mit-Trattat FUE — Nuqqas ta’ osservanza tal-ekwilibriju istituzzjonali — Ksur tal-prinċipju ta’ tqassim tas-setgħat u tad-dmir tal-kooperazzjoni leali — Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Żamma temporanja tal-effetti tal-baġit”
I – Introduzzjoni
|
1. |
Din il-kawża hija bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew dwar il-mod kif saret il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2011. Din il-proċedura saret, għall-ewwel darba, b’mod sħiħ taħt l-Artikolu 314 TFUE. |
|
2. |
Permezz tar-rikors tiegħu, il-Kunsill talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-att tal-President tal-Parlament li jikkonstata l-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2011 ( 2 ). Huwa jsostni, prinċipalment, li l-prerogattivi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 314 TFUE inkisru sa fejn l-adozzjoni tal-baġit għas-sena 2011 ma tatx lok, kuntrarjament għal dak li jimponi dan l-artikolu, għal att leġiżlattiv tal-Parlament u tal-Kunsill iffirmat minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet. Huwa invoka wkoll nuqqas ta’ osservanza tal-ekwilibriju istituzzjonali, ksur tal-prinċipju ta’ tqassim tas-setgħat u tad-dmir tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, kif ukoll, sussidjarjament, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. |
|
3. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li l-proċedura dwar il-baġit tal-Unjoni għas-sena 2011 saret b’mod konformi mal-modalitajiet stabbiliti mill-Artikolu 314 TFUE. B’mod iktar preċiż, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad id-diversi argumenti tal-Kunsill intiżi sabiex juru n-neċessità, flimkien mal-att tal-President tal-Parlament li jikkonstata li l-baġit jiġi adottat b’mod definittiv, ta’ att leġiżlattiv tal-Parlament u tal-Kunsill iffirmat minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet, li l-għan tiegħu jkun il-formalizzazzjoni tal-adozzjoni tal-baġit mill-imsemmija istituzzjonijiet. |
II – Il-kuntest ġuridiku
|
4. |
Skont l-Artikolu 13(2) TUE “[k]ull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali”. |
|
5. |
Skont l-Artikolu 14(1) TUE “[i]l-Parlament Ewropew għandu, flimkien mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġislattivi u baġitarji”. B’mod simetriku, l-Artikolu 16(1) TUE jipprovdi li “[i]l-Kunsill, flimkien mal-Parlament Ewropew, għandu jeżerċita funzjonijiet leġislattivi u baġitarji”. |
|
6. |
Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li “[b]iex jeżerċitaw il-kompetenzi ta’ l-Unjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet”. |
|
7. |
Skont l-Artikolu 289(2) TFUE “[f]il-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati, l-adozzjoni ta’ Regolament, Direttiva jew Deċiżjoni mill-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill jew mill-Kunsill bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew għandha tikkostitwixxi l-proċedura leġislattiva speċjali”. L-Artikolu 289(3) jippreċiża li “[l]-atti legali adottati bil-proċedura leġislattiva jikkostitwixxu atti leġislattivi”. |
|
8. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, “[f]ejn it-Trattati ma jispeċifikawx it-tip ta’ att li għandu jiġi adottat, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeċiedu każ b’każ, skond il-proċeduri applikabbli, u skond il-prinċipju tal-proporzjonalità”. It-tielet paragrafu tal-istess artikolu jippreċiża li “[m]eta jikkunsidraw abbozz ta’ att leġislattiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom joqgħodu lura milli jadottaw atti li ma jkunux previsti mill-proċedura leġislattiva applikabbli għall-qasam konċernat”. |
|
9. |
L-Artikolu 297(1) TFUE huwa fformulat b’dan il-mod: “L-atti leġislattivi adottati skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom ikunu ffirmati mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill. L-atti leġislattivi adottati skond il-proċedura leġislattiva speċjali għandhom ikunu ffirmati mill-President ta’ l-istituzzjoni li tkun adottathom. [...]” |
|
10. |
L-Artikolu 314 TFUE jiddeskrivi l-iżvolġiment tal-proċedura tal-baġit. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu li huma partikolarment inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors huma l-ewwel paragrafu u l-paragrafu 9. |
|
11. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE: “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandhom jistabbilixxu l-baġit annwali ta’ l-Unjoni skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin”. |
|
12. |
Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 314(9) TFUE, dan huwa fformulat b’dan il-mod: “Meta tintemm il-proċedura prevista f’dan l-Artikolu, il-President tal-Parlament Ewropew għandu jiddikjara li l-baġit ikun ġie addottat b’mod definittiv”. |
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
13. |
Wara skambji magħmula bejn il-Kunsill u l-Parlament matul il-proċedura intiża għall-adozzjoni tal-baġit għas-sena 2010, dwar il-portata tat-tibdil introdott permezz tat-Trattat ta’ Lisbona dwar l-iżvolġiment tal-proċedura tal-baġit, il-President tal-Kunsill bagħat lill-President tal-Parlament ittra datata 12 ta’ Novembru 2010 li fiha huwa fakkar li, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat, il-President tal-Kunsill u l-President tal-Parlament għandhom it-tnejn li huma jiffirmaw l-att li jistabbilixxi l-baġit annwali tal-Unjoni sa fejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet huma koawturi ta’ dan l-att. L-imsemmi att għandu jkun distint mill-att tal-President tal-Parlament li jikkonstata, skont l-Artikolu 314(9) TFUE, li l-baġit huwa adottat b’mod definittiv. |
|
14. |
Fl-10 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz il-ġdid tal-baġit tal-Unjoni għas-sena 2011. Huwa annetta ma’ din il-pożizzjoni abbozz ta’ deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill li tistabilixxi l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2011. Dan l-abbozz ta’ deċiżjoni kien jinkludi artikolu wieħed li jindika li dan il-baġit huwa stabbilit skont l-anness tal-imsemmija deċiżjoni u għandu jkun iffirmat mill-President ta’ kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet. |
|
15. |
Fl-14 ta’ Diċembru 2010, il-President tal-Parlament irrisponda għall-ittra tal-President tal-Kunsill tat-12 ta’ Novembru 2010. Huwa ippreċiżalu b’mod partikolari li, fl-opinjoni tiegħu, it-Trattat ta’ Lisbona ma biddel xejn mill-fatt li huwa l-President tal-Parlament li jiddikjara li l-baġit huwa adottat b’mod definittiv u li, filwaqt li jagħmel hekk, jiffirma l-baġit. Għalhekk, il-President tal-Parlament indika lill-President tal-Kunsill li huwa ma setax jaqbel mal-opinjoni tiegħu li l-baġit tal-Unjoni għandu jkun iffirmat mill-Presidenti ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet. |
|
16. |
Waqt is-seduta plenarja tal-15 ta’ Diċembru 2010, il-Parlament approva l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi. Fl-aħħar ta’ dan il-vot tal-Parlament, il-President tal-Kunsill ta’ dakinhar iddikjara dan li ġej, jiġifieri “il-Parlament approva għalhekk il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit 2011 mingħajr emendi. Jiena ma nistax, għan-nom tal-Kunsill, ma nurix l-awgurji tiegħi għall-ftehim komuni tagħna fuq il-baġit 2011”. Fl-istess jum, il-President tal-Parlament iffirma l-att li jikkonstata li l-proċedura adottata skont l-Artikolu 314 TFUE kienet tlestiet u li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2011 kien ġie adottat b’mod definittiv. |
|
17. |
Fil-15 ta’ Diċembru 2010 ukoll, il-President tal-Kunsill bagħat lill-President tal-Parlament ittra li fiha huwa wera l-awgurji tiegħu għall-vot pożittiv tal-Parlament dwar l-abbozz tal-baġit 2011 u fakkar li t-Trattat FUE jipprovdi li l-baġit huwa stabbilit mill-Parlament u mill-Kunsill. Konsegwentement, huwa annetta ma’ din l-ittra abbozz tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2011, iffirmat minnu u intiż li jiġi ffirmat ukoll mill-President tal-Parlament. Madankollu din it-talba ma kellhiex effett. |
|
18. |
Din hija r-raġuni għaliex il-Kunsill iddeċieda li jippreżenta dan ir-rikors fid-dawl li jannulla l-att li permezz tiegħu l-President tal-Parlament ikkonstata, fil-15 ta’ Diċembru 2010, li l-proċedura adottata skont l-Artikolu 314 TFUE kienet tlestiet u li l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2011 kien ġie adottat b’mod definittiv. |
|
19. |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2011, ir-Renju ta’ Spanja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tal-Kunsill. |
IV – Dwar ir-rikors
A – Iż-żewġ argumenti preżenti
|
20. |
Iż-żewġ argumenti tal-Kunsill u tal-Parlament rispettivament huma fil-parti l-kbira tagħhom ibbażati fuq diverġenza ta’ perspettiva rigward il-mod li bih għandhom ikunu rrikonċiljati żewġ dispożizzjonijiet tal-Artikolu 314 TFUE, jiġifieri l-ewwel paragrafu u l-paragrafu 9 ta’ dan l-artikolu. |
|
21. |
Il-Kunsill jibbaża ruħu fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE, moqri flimkien ma’ ħafna dispożizzjonijiet oħra tat-trattati, sabiex isostni li l-istabbiliment tal-baġit jirrikjedi l-adozzjoni, mill-Parlament u l-Kunsill flimkien, ta’ att leġiżlattiv iffirmat mill-President ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet. L-att tal-President tal-Parlament previst mill-Artikolu 314(9) TFUE li jikkonstata li l-baġit huwa adottat b’mod definittiv, ma għandux ikun assimilat għal att ta’ adozzjoni ta’ baġit. Huwa biss att dikjarattiv magħmul mill-President tal-Parlament wara li ż-żewġ istituzzjonijiet ikunu ffirmaw l-att leġiżlattiv tal-adozzjoni tal-baġit. |
|
22. |
Għall-kuntrarju, il-Parlament jirreferi għall-imsemmi Artikolu 314(9), kif ukoll għall-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat ta’ din id-dispożizzjoni, essenzjalment identika fuq dan il-punt, inkluża fit-Trattat KE, sabiex jiddefendi l-idea tiegħu li, għalkemm ftehim bejn iż-żewġ istituzzjonijiet huwa neċessarju, l-Artikolu 314 TFUE ma jimponix madankollu li dan għandu jkun ifformalizzat permezz ta’ att leġiżlattiv tal-Parlament u tal-Kunsill. Huwa biss l-att tal-President tal-Parlament adottat taħt l-Artikolu 314(9) TFUE li huwa ta’ natura li jikkonferma l-adozzjoni definittiva tal-baġit, wara verifika tar-regolarità tal-proċedura, u li jagħti lil dan tal-aħħar effett legali. |
|
23. |
Issa ser nara f’iktar dettall l-argumenti żviluppati mill-Kunsill u l-Parlament insostenn tal-argumenti rispettivi tagħhom. |
1. L-argumenti tal-Kunsill
|
24. |
Il-Kunsill isostni erba’ motivi insostenn tar-rikors tiegħu, jiġifieri l-ksur tal-Artikolu 314 TFUE, moqri, konġuntivament ma’ diversi dispożizzjonijiet oħra tat-trattati, minħabba l-assenza ta’ att leġiżlattiv tal-Parlament u tal-Kunsill iffirmat miż-żewġ istituzzjonijiet, in-nuqqas ta’ osservanza tal-ekwilibriju istituzzjonali stabbilit minn dan l-artikolu, il-ksur tal-prinċipju ta’ tqassim tas-setgħat u tad-dmir tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(2) TUE, kif ukoll, sussidjarjament, il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Peress li l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-motivi jikkoinċidu ħafna, jidhirli li huwa xieraq, sabiex tkun evitata repetizzjoni, li jkunu esposti bħala motiv wieħed. Ser nipproċedi bl-istess mod fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħi sabiex ma naqsamx artifiċjalment l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dawn l-argumenti. |
|
25. |
Skont il-Kunsill, il-baġit annwali tal-Unjoni, u l-baġits ta’ rettifika, għandhom issa jiġu stabbiliti b’att leġiżlattiv komuni għaż-żewġ istituzzjonijiet li huma l-awturi tiegħu. Dan l-att għandu jiġi ffirmat mill-Presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE. Peress li skont l-Artikolu 314 TFUE, l-awturi tal-proċedura leġiżlattiva speċjali prevista minn dan l-artikolu huma kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill, jirriżulta li l-att li jistabbilixxi l-baġit għandu jkollu l-firem tal-Presidenti ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet. |
|
26. |
Konsegwentement, l-att li jistabbilixxi l-baġit għas-sena 2011 huwa vvizzjat b’illegalità, sa fejn huwa jikkonsisti f’att atipiku u mhux leġiżlattiv, magħmul u ffirmat mill-President tal-Parlament biss bi ksur tal-Artikoli 314 TFUE, 288 TFUE, 289(2) u (3) TFUE, l-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 296 TFUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(1) TFUE kif ukoll l-Artikolu 13(2) TUE. |
|
27. |
Skont il-Kunsill, l-Artikolu 314 TFUE jeħtieġ l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv u tali att jista’ jkun biss regolament, direttiva jew deċiżjoni, kif jipprovdi l-Artikolu 289(2) TFUE. It-Trattat ta’ Lisbona ma jagħmel ebda eċċezzjoni dwar il-forom legali li jistgħu jirriżultaw mill-proċedura leġiżlattiva speċjali u ma jawtorizzax l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv sui generis jew ta’ att sui generis qasir. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 289(3) TFUE li l-proċedura leġiżlattiva speċjali prevista fl-Artikolu 314 TFUE għandha twassal għall-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv. |
|
28. |
Il-Kunsill jirrileva li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE jirriżulta, u b’mod iktar partikolari mill-użu tal-verb “jistabilixxu” fil-plural, li l-proċedura leġiżlattiva speċjali prevista f’dan l-artikolu hija distinta mill-proċeduri leġiżlattivi speċjali l-oħra previsti mit-Trattat FUE peress li hija tinkludi żewġ suġġetti prinċipali. Ebda wieħed minn dawn ma huwa axxendent fuq l-ieħor. Billi nnota s-similaritajiet ta’ din il-proċedura meta mqabbla mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kunsill ikklassifika l-proċedura prevista fl-Artikolu 314 TFUE bħala “kodeċiżjoni ssimplifikata”. |
|
29. |
Il-konfużjoni bejn l-att li permezz tiegħu l-President tal-Parlament jikkonstata li l-baġit huwa adottat b’mod definittiv, u l-att leġiżlattiv li jistabbilixxi l-baġit, tipprekludi lill-Kunsill milli jeżerċita l-prerogattivi li huwa għandu skont it-Trattat u għalhekk tikser l-Artikolu 314 TFUE. Fl-opinjoni tiegħu, minkejja li l-Kunsill jirrikonoxxi li huwa l-President tal-Parlament li skont l-Artikolu 314(9) TFUE għandu jikkonstata li l-baġit huwa adottat b’mod definittiv, tali konstatazzjoni jew dikjarazzjoni ma tammontax għal adozzjoni. |
|
30. |
Skont il-Kunsill, l-att tal-President tal-Parlament, li jikkonstata solennement li ż-żewġ koawturi tal-baġit annwali tal-Unjoni stabbilixxew flimkien dan il-baġit, jikkostitwixxi formalità sostanzjali tal-proċedura tal-baġit u kundizzjoni tad-dħul fis-seħħ tal-att leġiżlattiv. Madankollu, din hija l-implementazzjoni mill-President tal-Parlament ta’ kompetenza kondiviża, fis-sens li wara l-adozzjoni u l-iffirmar tal-att leġiżlattiv miż-żewġ koawturi tiegħu, il-konstatazzjoni tal-adozzjoni definittiva tal-baġit tkun att xieraq. |
|
31. |
Fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1986, Il-Kunsill vs Il-Parlament ( 3 ), u, b’mod partikolari, il-parti tagħha li tipprovdi li “[h]uwa l-President tal-Parlament li jikkonstata formalment li l-proċedura tal-baġit ġiet itterminata permezz tal-adozzjoni b’mod definittiv tal-baġit u li jagħti għalhekk saħħa vinkolanti lill-baġit, kemm vis-à-vis l-istituzzjonijiet kif ukoll l-Istati Membri”, il-Kunsill jikkunsidra li din l-affermazzjoni ngħatat f’kuntest partikolari u li, barra minn hekk, l-iżvilupp tat-trattati suċċessivi rrendew din il-ġurisprudenza skaduta. B’mod partikolari, it-Trattat ta’ Lisbona impona pożizzjoni ġdida fuq l-att dwar l-adozzjoni tal-baġit, l-awturi tiegħu u, għalhekk, l-iffirmar tiegħu. |
|
32. |
Il-Kunsill jibbaża wkoll argument fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE sabiex jikkunsidra li, bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-att li jistabbilixxi l-baġit għandu jkun deċiżjoni konġunta taż-żewġ istituzzjonijiet. L-imsemmija dispożizzjoni, li ma tistax tiġi skartata għar-raġuni li l-Artikolu 314 TFUE jikkostitwixxi lex specialis, ġiet, għalhekk, miksura. |
|
33. |
Mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali, il-Kunsill josserva li peress li d-distinzjoni bejn l-ispejjeż obbligatorji u l-ispejjeż mhux obbligatorji tħassret, iż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit jinsabu illum fuq skala ugwali, bl-istess setgħat, eżerċitati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kodeċiżjoni bil-għan li twassal għall-ftehim komuni fiż-żmien utli għall-finanzjament tal-Unjoni għas-sena ta’ wara. L-Artikolu 314 TFUE ma huwiex limitat sabiex jinkludi fit-Trattat il-prattika preċedenti, iżda jintroduċi ekwilibriju ġdid bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit. Ebda istituzzjoni ma jista’ jkollha l-aħħar kelma fuq att kodeċiż. |
|
34. |
Ir-rekwiżit ta’ att formali li għandu saħħa vinkolanti abbażi tat-Trattati ma huwiex rifless biss fil-konformità mal-Artikoli 288 TFUE u 289(2) TFUE, iżda huwa rifless ukoll fl-ekwilibriju ġdid li l-istituzzjonijiet u l-organi tagħhom għandhom id-dmir li josservaw. Iċ-ċirkustanzi li fihom il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit għas-sena 2011 ġie adottat b’mod definittiv iwasslu għall-konklużjoni li dan il-president, bħala organu tal-istituzzjoni tiegħu, naqas mid-dmir tiegħu. L-att tal-imsemmi president għandu, għalhekk, jiġi annullat. |
|
35. |
Mill-perspettiva tal-ksur tal-prinċipju ta’ tqassim tas-setgħat u tad-dmir tal-kooperazzjoni leali msemmija fl-Artikolu 13(2) TUE, il-Kunsill isostni li l-att tal-President tal-Parlament imur lil hinn mil-limiti tat-tqassim mogħtija lilu mit-Trattati emendati u jikser il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-għanijiet previsti minnhom. Fil-kuntest tal-Artikolu 314 TFUE, il-formalità solenni prevista fl-Artikolu 314(9) TFUE ma tistax tinbidel f’att legali unilaterali li jadotta l-baġit. |
|
36. |
Il-Kunsill iqis ukoll li l-Parlament naqas mid-dmir tal-kooperazzjoni leali li għandu jirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet. Huwa jikkritika, b’mod partikolari, lill-Parlament li ma pparteċipax fl-isforzi tiegħu intiżi sabiex tinstab soluzzjoni konformi mat-Trattati, aċċettabbli b’mod reċiproku u li tosserva kemm is-setgħat tal-istituzzjonijiet u kif ukoll il-prerogattivi tal-President tal-Parlament. Huwa jikkritika wkoll lill-President tal-Parlament li ma informax lill-President tal-Kunsill, fil-jum tal-vot tal-baġit fis-seduta plenarja, jiġifieri l-15 ta’ Diċembru 2010, minkejja li huwa kien preżenti waqt il-vot, bil-kontenut tal-ittra tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2010. Il-Kunsill jippreċiża wkoll li l-President tal-Kunsill sar jaf b’din l-ittra tal-President tal-Parlament biss fis-17 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri jumejn wara l-konstatazzjoni tad-deċiżjoni definittiva dwar il-baġit għas-sena 2011. |
|
37. |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argument prinċipali mressaq mill-Kunsill, dan isostni, sussidjarjament, li l-att tal-President tal-Parlament għandu jiġi annullat minħabba ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. B’mod partikolari, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li, sa mill-mument li huwa kien konxju bin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar it-tip ta’ att għall-adozzjoni tal-baġit u l-iffirmar tiegħu, il-President tal-Parlament ma setax jikkonstata li l-proċedura tal-baġit għas-sena 2011 kienet tlestiet. Il-Kunsill josserva li l-President tal-Parlament ma informax lis-seduta plenarja tal-istituzzjoni tiegħu, la bil-pożizzjoni tal-Kunsill ipprovduta fl-ittra tiegħu tat-12 ta’ Novembru 2010 u lanqas bl-aħħar inizjattiva tal-President tal-Kunsill, meħuda fl-istess jum tal-vot tal-Parlament fuq l-abbozz tal-baġit, bl-iskop li joffri soluzzjoni għad-diskussjoni. Sa fejn il-pożizzjoni tal-Kunsill fuq l-abbozz tal-baġit kienet tinkludi abbozz ta’ deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-baġit miż-żewġ istituzzjonijiet, il-Kunsill jargumenta li l-att tal-President tal-Parlament sar f’mument fejn, fin-nuqqas ta’ ftehim taż-żewġ istituzzjonijiet dwar it-tip ta’ att għall-adozzjoni tal-baġit u l-iffirmar tiegħu, il-proċedura tal-baġit kienet għada ma tlestietx. Għal din ir-raġuni, l-att tal-President tal-Parlament huwa vvizzjat b’illegalità. |
|
38. |
Fl-aħħar nett, peress li l-kwistjoni bejn il-Kunsill u l-Parlament ma tirrigwardax il-kontenut tal-baġit għas-sena 2011, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija ser tiddeċiedi li tannulla l-att tal-President tal-Parlament, li żżomm l-effetti tal-baġit għas-sena 2011 sakemm tiġi rrimedjata l-illegalità kkonstatata, bl-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE. |
2. L-argumenti tal-Parlament
|
39. |
Il-Parlament jikkontesta l-argument li l-ftehim bejnu u l-Kunsill għandu jagħti lok għall-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv, iffirmat mill-Presidenti ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet, u li ma jistax ikun ħlief regolament, direttiva jew deċiżjoni, skont l-Artikolu 289(2) TFUE. |
|
40. |
Huwa jikkunsidra li l-proċedura intiża għall-adozzjoni tal-baġit hija sui generis. L-att tal-President tal-Parlament previst fl-Artikolu 314(9) TFUE huwa l-uniku att li jagħti lill-baġit is-saħħa vinkolanti tiegħu “kemm vis-à-vis l-istituzzjonijiet kif ukoll l-Istati Membri”, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha Il-Kunsill vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq ( 4 ), li baqgħet, skont il-Parlament, attwali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. L-att tal-President tal-Parlament għandu wkoll natura kostituttiva. Jekk l-awturi tat-Trattat riedu jemendaw is-setgħat tal-Parlament dwar l-adozzjoni ta’ baġit b’mod definittiv, ma kinux iżommu fl-Artikolu 314(9) TFUE dispożizzjoni analoga għal dik li kienet l-Artikolu 272(7) KE. |
|
41. |
Skont il-Parlament, l-att tal-President tiegħu ġġib l-adozzjoni tal-baġit, għax mingħajr dan l-aħħar att il-baġit ma jkunx “adottat b’mod definittiv”, fis-sens tal-Artikolu 314(9) TFUE. Huwa jippreċiża li l-att tal-President tal-Parlament jittieħed fl-eżerċizzju ta’ setgħa tiegħu stess, jiġifieri s-setgħa li jikkonstata li l-baġit huwa adottat b’mod definittiv. Dan jimplika li l-President tal-Parlament jivverifika r-regolarità tal-proċedura u l-konformità tal-baġit mat-Trattat. Din is-setgħa ma hijiex simbolika. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikklassifikaha wkoll bħala “att legali tiegħu stess” ( 5 ). |
|
42. |
Barra minn hekk, il-Parlament jikkunsidra li anki jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE jipprovdi li l-Parlament u l-Kunsill jiddeċiedu skont proċedura leġiżlattiva speċjali, xejn ma jipprovdi li regolament, direttiva jew deċiżjoni għandhom jiġu adottati. Kieku dan kellu jkun il-każ, l-awturi tat-Trattat kienu jindikawh b’mod espliċitu. |
|
43. |
Fir-rigward tal-allegat ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, il-Parlament iqis li din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-każ tal-baġit, peress li l-Artikolu 314 TFUE jikkostitwixxi lex specialis meta mqabbel mal-imsemmija dispożizzjoni. Il-fatt li l-awturi tat-Trattat ma pprevedewx it-tip ta’ att leġiżlattiv huwa għażla deliberata. Fil-fatt, waqt li l-Konvenzjoni dwar il-futur tal-Ewropa u t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa kienu pprevedew “liġi Ewropea” għall-baġit tal-Unjoni, il-konferenza intergovernattiva tal-2007 riedet iżżomm l-approċċ ta’ dak li kien l-Artikolu 272 KE. Il-Parlament iżid li jkun wisq sorprendenti, jew inverosimili, li l-awturi tat-Trattat xtaqu jħallu lill-istituzzjonijiet l-għażla tat-tip ta’ att leġiżlattiv każ b’każ, b’mod partikolari fir-rigward ta’ att ta’ importanza politika u istituzzjonali bħal ma huwa l-baġit tal-Unjoni, li huwa adottat kull sena. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-baġit, li jikkostitwixxi dokument essenzjalment kontabbli li jinkludi l-previżjonijiet tad-dħul u l-infiq kollha li jkollhom jitwettqu matul ċertu perijodu. Dan id-dokument ikun imbagħad mehmuż, wara verifika mill-President tal-Parlament tal-konformità tal-proċedura mat-Trattat, mal-att li permezz tiegħu huwa adottat, jiġifieri dak li permezz tiegħu l-President tal-Parlament jikkonstata li l-baġit huwa adottat b’mod definittiv. |
|
44. |
Il-Parlament jikkunsidra li l-kunċetti ta’ regolament, direttiva jew deċiżjoni, kif jirriżultaw mill-Artikolu 288 TFUE ma jissodisfawx il-partikolarità tal-baġit. Il-Parlament jindika, f’dan ir-rigward, li b’differenza mit-tipi ta’ leġiżlazzjoni l-oħra kollha, il-baġit jinkludi biss previżjonijiet tad-dħul u tal-infiq. Hija biss l-eżekuzzjoni tal-krediti inklużi fil-baġit li jirrikjedu l-adozzjoni minn qabel ta’ att bażiku. Din iċ-ċirkustanza turi d-dikotomija bejn il-proċess leġiżlattiv u l-proċess tal-baġit. F’dan ir-rigward, il-Parlament josserva li l-baġit huwa adottat skont proċedura sui generis speċifikament adottata għan-natura u għar-rwol ta’ dan l-istrument. B’mod partikolari, din il-proċedura tieħu inkunsiderazzjoni n-natura kontabbli tad-dokument li jiġi stabbilit u n-neċessità li tkun żgurata l-adozzjoni tal-istrument qabel l-aħħar tas-sena. |
|
45. |
Fir-rigward tal-allegat rekwiżit tal-iffirmar tal-att li jadotta l-baġit mill-President ta’ kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet, il-Parlament jenfasizza li l-karatteristika partikolari tal-atti leġiżlattivi adottati skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali hija dik li huma ma humiex iffirmati mill-Presidenti tal-Parlament u tal-Kunsill, għaliex din hija rriżervata għall-atti adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, bħalma jippreċiża l-Artikolu 297(1) TFUE. Barra minn hekk, l-Artikolu 314 TFUE ma jipprovdi mkien li l-President tal-Kunsill għandu d-dritt li jiffirma wkoll il-baġit. Barra minn hekk, għandu jitħares l-effett utli tal-Artikolu 314(9) TFUE, liema dispożizzjoni tikkostitwixxi lex specialis meta mqabbla mal-Artikolu 297 TFUE. |
|
46. |
Il-proċedura tal-baġit ma tistax tiġi assimilata għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u tkun żbaljata l-allegazzjoni, li l-Kunsill jagħmel, li ebda istituzzjoni ma għandha l-aħħar kelma dwar l-att kodeċiż. Il-Parlament jirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 314(7)(d) TFUE jipprevedi eżempju li fih il-President tal-Parlament jista’ jikkonstata li l-baġit ikun ġie adottat anki jekk il-Parlament biss japprova l-abbozz konġunt filwaqt li l-Kunsill jirrifjutah. Tali eżempju juri li l-baġit jista’ jkun adottat u ffirmat mill-President tal-Parlament mingħajr ma huwa rikjest qbil min-naħa tal-Kunsill. |
|
47. |
L-iffirmar ta’ deċiżjoni mill-Parlament u mill-Kunsill ma tkunx loġika fi proċedura li tipprovdi l-possibbiltà li jiġi adottat baġit anki fil-każ fejn il-Kunsill jirrifjuta l-abbozz komuni. L-Artikolu 314(7)(d) TFUE jissodisfa rekwiżit sempliċi, jiġifieri li l-baġit ikun adottat qabel l-aħħar tas-sena sabiex ikun evitat l-użu tas-sistema magħrufa bħala “qsim provviżorju fi tnax-il parti”. Minflok ma introduċew żewġ proċeduri differenti, waħda għall-każ fejn il-Parlament u l-Kunsill juru l-ftehim tagħhom u oħra għall-każ fejn l-Artikolu 314(7)(d) TFUE għandu jkun applikat, l-awturi tat-Trattat għażlu proċedura waħda, jiġifieri dik li permezz tagħha l-President tal-Parlament jikkonstata li l-baġit huwa adottat b’mod definittiv permezz ta’ att legali tiegħu stess, ta’ natura oġġettiva, anki jekk il-proċedura hija kkaratterizzata mill-azzjoni konġunta taż-żewġ istituzzjonijiet. |
|
48. |
Il-Parlament iqis, barra minn hekk, li huwa ma kisirx il-prinċipju ta’ tqassim tas-setgħat, iżda li huwa aġixxa skont l-Artikolu 314(9) TFUE meta huwa kkonstata li l-proċedura tal-baġit kienet tlestiet u ffirma l-baġit. Huwa jqis li kieku huwa aċċetta li att leġiżlattiv awtonomu, bħar-regolament, direttiva jew deċiżjoni, jiġi adottat formalment u ffirmat mill-Presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet, bħallikieku jirrigwarda att adottat fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja, huwa kien ikun aġixxa ultra vires u kien ikun kiser l-Artikolu 314 TFUE, filwaqt li jkun ħalla mingħajr effett ukoll il-kontenut tal-paragrafu 9 ta’ dan l-artikolu. |
|
49. |
Barra minn hekk, il-Parlament jikkunsidra li l-argument tal-Kunsill li huwa kiser id-dmir tal-kooperazzjoni leali pprovdut fl-Artikolu 13(2) TUE huwa manifestament infondat. Il-Parlament u l-President tiegħu kellhom biss id-dmir li josservaw l-Artikolu 314 TFUE. Barra minn hekk, il-Parlament jirrileva li l-President tiegħu spjega l-pożizzjoni tiegħu fuq it-talba tal-Kunsill fl-ittra tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2010. Il-Parlament josserva wkoll li waqt il-vot tal-baġit 2011, fil-15 ta’ Diċembru 2010, il-President tal-Kunsill ma qajjem xejn dwar il-kwistjoni tal-att leġiżlattiv li għandu jkun adottat jew dwar il-kwistjoni tal-iffirmar. Huwa llimita ruħu għall-awgurji dwar il-ftehim bejn iż-żewġ istituzzjonijiet. Kien biss wara li l-baġit ġie ffirmat, waqt is-seduta, li l-President tal-Kunsill bagħat ittra lill-President tal-Parlament li kienet tinkludi, bħala anness, deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill bil-firma tiegħu, minkejja li kien jaf il-pożizzjoni tal-President tal-Parlament dwar l-iffirmar tal-baġit. |
|
50. |
Fl-aħħar nett, rigward il-ksur allegat tal-forom proċedurali sostanzjali, il-Parlament jargumenta li huwa wettaq il-funzjoni tiegħu, dik prevista fl-Artikolu 314(9) TFUE, billi kkonstata li kien hemm ftehim bejn iż-żewġ istituzzjonijiet u l-proċedura kienet regolari. |
B – L-evalwazzjoni tiegħi
|
51. |
Kif jiena diġà indikajt, il-kwistjoni bejn il-Kunsill u l-Parlament hija bbażata, fil-parti l-kbira tagħha, fuq id-diffikultà li jista’ jkun hemm, mal-ewwel daqqa t’għajn, fir-rikonċiljazzjoni ta’ żewġ dispożizzjonijiet tal-Artikolu 314 TFUE. L-ewwel dispożizzjoni tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE li jipprovdi, għandu jitfakkar, li “[i]l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandhom jistabbilixxu l-baġit annwali ta’ l-Unjoni skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin”. It-tieni tinsab fl-Artikolu 314(9) TFUE li jippreċiża li “[m]eta tintemm il-proċedura prevista f’dan l-Artikolu, il-President tal-Parlament Ewropew għandu jiddikjara li l-baġit ikun ġie addottat b’mod definittiv”. |
|
52. |
Jekk l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tikkostitwixxi formulazzjoni ġdida tar-rwol tal-Parlament u tal-Kunsill fl-istabbiliment tal-baġit annwali tal-Unjoni, it-tieni waħda hija kontinwità ta’ dak li kien l-Artikolu 272(7) KE, li minnu hija tieħu l-formulazzjoni, bl-unika differenza, li fl-opinjoni tiegħi hija mingħajr effett, li l-verb “addottat” issa jissostitwixxi l-verb “deċiż” ( 6 ). Is-setgħa li għandu l-President tal-Parlament li jikkonstata li l-baġit huwa adottat b’mod definittiv għandha għalhekk tkun irrikonċiljata mal-affermazzjoni li l-Parlament u l-Kunsill issa għandhom ikunu kkunsidrati li huma l-koawturi tal-baġit annwali tal-Unjoni fl-integrità tiegħu, peress li d-distinzjoni bejn l-infiq obbligatorju u l-infiq mhux obbligatorju tħassret. Waħda mill-isfidi ta’ dan ir-rikors tikkonsisti għalhekk fil-garanzija tal-effett utli tal-Artikolu 314(9) TFUE waqt li tkun osservata l-kwalità tal-Kunsill bħala koawtur, flimkien mal-Parlament, tal-baġit. |
|
53. |
Mill-bidu nippreċiża li, fl-opinjoni tiegħi, l-affermazzjoni li l-Parlament u l-Kunsill jistabbilixxu konġuntivament il-baġit ma tfissirx li l-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar għandha tagħti lok għal att leġiżlattiv, li jikkostitwixxi regolament, direttiva jew deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE, li għandu jkun iffirmat mill-Presidenti ta’ kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet. |
|
54. |
Fil-fatt, nosserva li dan l-argument tal-Kunsill ma jsib ebda sostenn espliċitu fil-formulazzjoni tal-Artikolu 314 TFUE. L-awturi tat-Trattat għalhekk ma kellhomx għażla li jindikaw espressament li l-Parlament u l-Kunsill, waqt li jaġixxu skont proċedura leġiżlattiva speċjali, jistabbilixxu, permezz ta’ regolament, direttiva jew deċiżjoni, il-baġit annwali tal-Unjoni. |
|
55. |
L-assenza ta’ preċiżjoni fir-rigward tat-tip tal-att li permezz tiegħu l-Parlament u l-Kunsill jistabbilixxu l-baġit annwali tal-Unjoni tikkostitwixxi wkoll differenza notevoli meta mqabbla mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa fejn l-Artikoli I-56 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu III-404, jipprovdu li “[i]l-liġi Ewropea li tistabbilixxi l-baġit annwali tal-Unjoni”. |
|
56. |
Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni espliċita fl-Artikolu 314 TFUE rigward in-neċessità ta’ att leġiżlattiv iffirmat mill-Presidenti tal-Parlament u tal-Kunsill għall-finijiet ta’ formalizzazzjoni tal-adozzjoni tal-baġit, għandu jiġi mistħarreġ jekk, bħalma jissuġġerixxi l-Kunsill, dak imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, li jipprovdi li l-baġit huwa stabbilit skont “proċedura leġislattiva speċjali”, huwiex ta’ natura li jikkonferma l-argument sostnut mill-Kunsill. |
|
57. |
Din l-indikazzjoni tista’, mal-ewwel daqqa t’għajn, toħloq konfużjoni jekk tkun imqabbla mal-Artikoli 14(1) TUE u 16(1) TUE. Fil-fatt, waqt li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet joħolqu distinzjoni bejn il-funzjonijiet leġiżlattivi u tal-baġit, il-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE tissuġġerixxi li l-proċedura tal-baġit għandha tintrabat mal-kategorija tal-proċeduri leġiżlattivi. Il-Kunsill jiddeduċi minn din l-assimilazzjoni tal-proċedura tal-baġit għall-proċedura leġiżlattiva li hija għandha tirriżulta f’att leġiżlattiv magħżul minn fost l-atti tan-nomenklatura prevista fl-Artikolu 288 TFUE u ffirmata mill-Presidenti tal-Parlament u tal-Kunsill. Ma naħsibx li dan huwa l-każ. |
|
58. |
Jekk wieħed jimxi mat-test tal-Artikolu 289(3) TFUE li jipprovdi li “[l]-atti legali adottati bil-proċedura leġislattiva jikkostitwixxu atti leġislattivi”, jidher li jista’ jiġi affermat li, sa fejn hija taqa’ fil-kategorija ta’ proċeduri leġiżlattivi, il-proċedura tal-baġit għandha twassal għall-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv. |
|
59. |
Madankollu, ma naħsibx li għandu jkun att leġiżlattiv iffirmat mill-Presidenti tal-Parlament u tal-Kunsill. |
|
60. |
Nosserva, f’dan ir-rigward, li mill-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 297(1) TFUE jista’ jiġi dedott li jekk l-iffirmar flimkien hija r-regola fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, dan ma huwiex il-każ għall-atti leġiżlattivi adottati skont proċedura leġiżlattiva speċjali. Din il-konstatazzjoni ssir fil-loġika ta’ dak li jipprovdi l-Artikolu 289(2) TFUE, jiġifieri li, b’differenza mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja li tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv konġuntivament bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-proċedura leġiżlattiva speċjali hija kkaratterizzata mill-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv minn waħda minn dawn l-istituzzjonijiet bil-parteċipazzjoni tal-oħra. Kieku l-awturi tat-Trattat riedu kodeċiżjoni ġenwina kkonkretizzata permezz ta’ att leġiżlattiv iffirmat mill-Parlament u mill-Kunsill, huma kienu jipprovdu li l-modalitajiet tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja japplikaw fil-kuntest tal-proċedura tal-baġit. |
|
61. |
L-indikazzjoni li l-baġit annwali tal-Unjoni huwa stabbilit skont proċedura leġiżlattiva speċjali hija, preċiżament, intiża sabiex tenfasizza l-fatt li l-proċedura tal-baġit, għalkemm hija ispirata mill-iżviluppi tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, kif jippreċiża l-Artikolu 294 TFUE, pereżempju f’dak li jirrigwarda s-sejħa ta’ Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, għandha tkun distinta minn din il-proċedura. |
|
62. |
Ċertament din tirrigwarda proċedura leġiżlattiva, fis-sens li hija tirrikjedi l-intervent taż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva, li jikkostitwixxu wkoll iż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit, u li hija għandha twassal għall-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv. Din il-proċedura hija madankollu “speċjali”, fis-sens li hija adattata għar-rekwiżiti proprji tal-funzjoni tal-baġit u għall-partikolarità tal-istrument li jikkostitwixxi l-baġit. |
|
63. |
L-awturi tat-Trattati stabbilixxew ukoll proċedura speċifika fejn id-diversi stadji jissodisfaw in-natura partikolari tal-baġit, li jikkostitwixxi att ta’ previżjoni u ta’ awtorizzazzjoni ( 7 ), l-importanza tal-effiċjenza tal-proċedura sabiex tippermetti vot tal-baġit qabel il-bidu tas-sena finanzjarja ta’ wara, kif ukoll in-neċessità li twassal għal riżultat billi tissorvola nuqqas ta’ ftehim li jista’ jkun hemm bejn il-Parlament u l-Kunsill. |
|
64. |
Din il-proċedura tifforma parti minn termini ristretti u hija organizzata b’mod li ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill jinkiseb fiż-żmien mixtieq sabiex jiġi evitat, kemm jista’ jkun, l-użu tas-sistema ta’ qsim provviżorju fi tnax-il parti fil-kuntest tas-sena finanzjarja segwenti ( 8 ). |
|
65. |
Il-ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill jista’ jintlaħaq f’diversi stadji. Fl-aħjar każ, huwa jintlaħaq meta l-Parlament japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-aħħar tal-ewwel fażi, skont l-Artikolu 314(4)(a) TFUE ( 9 ). Jekk il-Parlament jadotta, bil-maġġoranza tal-membri li jikkostitwixxuh, emendi, jitlaqqa’ Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, ħlief fil-każ fejn il-Kunsill jinforma lill-Parlament li huwa japprova l-emendi tiegħu kollha ( 10 ). |
|
66. |
Meta jitlaqqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, tinfetaħ it-tieni fażi li tfittex ftehim fuq it-test konġunt bejn il-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom u l-membri li jirrappreżentaw il-Parlament ( 11 ). Jekk, fi żmien 21 jum li jgħoddu minn meta jissejjaħ, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jilħaq ftehim fuq test konġunt, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom kull wieħed ikollhom perijodu ta’ erbatax-il jum mid-data ta’ dak il-ftehim sabiex japprovaw it-test konġunt ( 12 ). |
|
67. |
Jistgħu għalhekk jinħolqu diversi sitwazzjonijiet. |
|
68. |
Jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn japprovaw it-test konġunt jew jonqsu milli jieħdu deċiżjoni, jew jekk waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tapprova t-test konġunt filwaqt li l-oħra tonqos milli tieħu deċiżjoni, il-baġit għandu jitqies li jkun adottat b’mod definittiv skont it-test konġunt ( 13 ). |
|
69. |
Mill-banda l-oħra, meta l-Parlament, li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri tiegħu, u l-Kunsill it-tnejn jirrifjutaw it-test konġunt, jew jekk waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tirrifjuta t-test konġunt waqt li l-oħra ma tiħux deċiżjoni, il-baġit ma jistax ikun ikkunsidrat bħala li kien adottat u abbozz ġdid tal-baġit għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea ( 14 ). L-istess japplika meta l-Parlament, li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri tiegħu, jirrifjuta t-test konġunt filwaqt li l-Kunsill japprovah ( 15 ). |
|
70. |
Għall-kuntrarju, sitwazzjoni fejn il-Kunsill jirrifjuta t-test konġunt filwaqt li l-Parlament japprovah ma tipprekludix neċessarjament l-adozzjoni tal-baġit. Fil-fatt, ir-rifjut tal-Kunsill tat-test konġunt jista’, f’ċerti ċirkustanzi, ikun sorvolat. B’hekk, l-Artikolu 314(7)(d) TFUE jipprovdi li l-Parlament jista’, billi jaġixxi bil-maġġoranza tal-membri tiegħu u tlieta minn kull ħamsa tal-voti espressi, jiddeċiedi li jikkonferma l-emendi kollha jew parti minnhom imsemmija fil-paragrafu (4)(ċ) ta’ dan l-istess artikolu. L-Artikolu 314(7)(d) TFUE jippreċiża barra minn hekk li jekk xi emenda tal-Parlament ma tiġix ikkonfermata, għandha tinżamm il-pożizzjoni miftiehma fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni dwar l-intestatura tal-baġit li hija s-suġġett ta’ din l-emenda. Il-baġit għandu jitqies adottat b’mod definittiv fuq din il-bażi. |
|
71. |
Fl-aħħar nett, jekk, fi żmien il-21 jum imsemmi fl-Artikolu 314(5) TFUE, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni ma jaqbilx fuq test konġunt, għandu jiġi ppreżentat abbozz ta’ baġit ġdid mill-Kummissjoni ( 16 ). |
|
72. |
Minn din id-deskrizzjoni tal-proċedura tal-baġit kif hija prevista llum fl-Artikolu 314 TFUE, niddeduċi li l-adozzjoni tal-baġit ma tistax tintlaħaq ħlief meta jinkiseb ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill. Anki fil-każ partikolari msemmi fl-Artikolu 314(7)(d) TFUE, li jagħti lill-Parlament is-setgħa li jmur lil hinn mir-rifjut tal-Kunsill tat-test konġunt, il-baġit huwa meqjus adottat fuq il-bażi tal-ftehim miksub fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. Hija l-eżistenza ta’ ftehim, milħuq fil-kuntest ta’ proċess li jipprivileġġa lill-kollaborazzjoni u lill-konsultazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill ( 17 ), li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-baġit ġie stabbilit minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet, skont kif mitlub mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 TFUE. |
|
73. |
Ikunu x’ikunu l-eżempji previsti, il-ftehim hekk milħuq bejn il-Parlament u l-Kunsill ma għandux bżonn, kuntrarjament għal dak li jsostni dan tal-aħħar, li jkun ifformalizzat permezz ta’ att leġiżlattiv iffirmat minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet sabiex il-baġit ikun jista’ jiġi kkunsidrat adottat. |
|
74. |
Jekk isir riferiment għall-eżempju msemmi fl-Artikolu 314(7)(d) TFUE, jidhirli barra minn hekk li jkun diffiċli li wieħed isostni li l-awturi tat-Trattat riedu jissottomettu l-adozzjoni tal-baġit għall-firma tal-President tal-Kunsill anki jekk din l-istituzzjoni tkun irrifjutat it-test konġunt. |
|
75. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 314 TFUE ma jirrikjedix la espliċitament u lanqas impliċitament l-eżistenza ta’ att leġiżlattiv iffirmat mill-Presidenti tal-Parlament u tal-Kunsill sabiex il-baġit jitqies li jipproduċi effetti legali. |
|
76. |
Li jiġi deċiż mod ieħor iwassal, kif argumenta l-Parlament, għat-tneħħija tal-effett utli tal-att tal-President tal-Parlament imsemmi fl-Artikolu 314(9) TFUE. |
|
77. |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona ddeċidew li jżommu, f’termini kważi identiċi, din l-aħħar fażi tal-proċedura tal-baġit, li permezz tagħha l-President tal-Parlament jikkonstata li l-baġit huwa adottat b’mod definittiv. Barra minn hekk, xejn ma jindika li huma riedu jneħħu minn dan l-att tal-President tal-Parlament l-effetti legali li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxietlu. |
|
78. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nqis li l-att li permezz tiegħu l-President tal-Parlament jikkonstata li l-baġit huwa adottat b’mod definittiv, għandu jingħata l-istess funzjoni u l-istess effetti legali li huwa kellu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. |
|
79. |
Jirriżulta, f’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, permezz ta’ dan l-att, “[h]uwa l-President tal-Parlament li jikkonstata formalment li l-proċedura tal-baġit saret biex ġie adottat b’mod definittiv il-baġit u li jagħti b’hekk saħħa vinkolanti lill-baġit, kemm vis-à-vis l-istituzzjonijiet kif ukoll l-Istati Membri. Billi jeżerċita din il-funzjoni, il-President tal-Parlament jintervjeni permezz ta’ att legali tiegħu stess, ta’ natura oġġettiva, skont proċedura kkaretterizzata mill-azzjoni konġunta ta’ istituzzjonijiet differenti” ( 18 ). |
|
80. |
Fi kliem ieħor, f’din l-aħħar fażi tal-proċedura, l-att tal-President tal-Parlament għandu l-funzjoni li jivverifika l-implementazzjoni u l-adozzjoni fil-ħin tal-proċedura tal-baġit. Huwa wkoll dan l-att tal-President tal-Parlament li jippermetti lill-baġit jipproduċi l-effetti legali fir-rigward tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri. |
|
81. |
L-att tal-President tal-Parlament jikkostitwixxi għalhekk l-att leġiżlattiv, li jista’ jkun assimilat għal deċiżjoni li tipproduċi effetti vinkolanti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li jagħlaq il-proċedura leġiżlattiva speċjali msemmija fl-Artikolu 314 TFUE ( 19 ). Din hija, fil-qosor, id-deċiżjoni tal-baġit li mingħajrha l-baġit jibqa’ strument mingħajr effetti legali ( 20 ). |
|
82. |
Din id-deċiżjoni tal-baġit tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, kif turi din il-proċedura. Tali deċiżjoni tista’, b’mod partikolari, tiġi annullata meta din tingħata fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-kontenut tal-baġit, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 314 TFUE. |
|
83. |
Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Jirriżulta fil-fatt b’mod ċar mid-dokumenti tal-proċess li ftehim inekwivoku ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-kontenut tal-baġit għas-sena 2011. Il-fatt li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom kwistjoni dwar il-formalizzazzjoni ta’ dan il-ftehim ma jipprekludix lill-President tal-Parlament milli jadotta, fil-15 ta’ Diċembru 2010, l-att li jikkonstata li l-proċedura mwettqa bl-applikazzjoni tal-Artikolu 314 TFUE tlestiet u li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2011 ġie adottat b’mod definittiv. |
|
84. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad bħala infondat il-motiv prinċipali tal-Kunsill, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 314 TFUE minħabba nuqqas ta’ att leġiżlattiv iffirmat mill-Presidenti tal-Parlament u tal-Kunsill. |
|
85. |
Barra minn hekk, sa fejn jiena nikkunsidra li l-Parlament osserva l-Artikolu 314 TFUE, huwa ma jistax ikun ikkritikat li ma osservax l-ekwilibriju istituzzjonali stabbilit mill-Artikolu 314 TFUE, li kiser il-prinċipju ta’ tqassim tas-setgħat u d-dmir tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, jew iktar u iktar li kiser il-forom proċedurali sostanzjali. |
V – Konklużjoni
|
86. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2011, L 68, p. I-1.
( 3 ) 34/86, Ġabra p. 2155.
( 4 ) Punt 8.
( 5 ) Sentenza Il-Kunsill vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punt 8).
( 6 ) Barra minn hekk nirrileva li, fil-verżjoni Ingliża tat-Trattat, it-terminu “adopted” ma nbidilx.
( 7 ) Ara s-sentenza Il-Kunsill vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punt 6), li tippreċiża li l-baġit huwa “att li jipprevedi u jawtorizza minn qabel kull sena d-dħul u l-infiq”.
( 8 ) Ara l-Artikolu 315 TFUE.
( 9 ) L-Artikolu 314(4)(b) TFUE jipprovdi wkoll li, meta l-Parlament ma jkunx ħa deċiżjoni, il-baġit huwa meqjus adottat.
( 10 ) Ara l-Artikolu 314(4)(ċ) TFUE.
( 11 ) Ara l-Artikolu 314(5) TFUE.
( 12 ) Ara l-Artikolu 314(6) TFUE.
( 13 ) Ara l-Artikolu 314(7)(a) TFUE.
( 14 ) Ara l-Artikolu 314(7)(b) TFUE.
( 15 ) Ara l-Artikolu 314(7)(ċ) TFUE.
( 16 ) Ara l-Artikolu 314(8) TFUE.
( 17 ) B’hekk, l-Artikolu 314 TFUE jifformalizza u jikkonsolida prassi ta’ djalogu li kienet is-suġġett ta’ ftehim interistituzzjonali.
( 18 ) Sentenza Il-Kunsill vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punt 8).
( 19 ) Peress li tali att huwa espressament imsemmi fl-Artikolu 314(9) TFUE fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva speċjali inkwistjoni, l-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 296 TFUE ma humiex rilevanti.
( 20 ) L-għoti ta’ effetti legali lill-baġit ma jeżentawx, fil-prinċipju, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jixtiequ jeżegwixxu eżenzjonijiet imsemmija fil-baġit, mill-obbligu li jadottaw att ġuridikament vinkolanti li jagħti bażi legali lill-azzjoni tal-Unjoni, skont kif jipprevedi l-Artikolu 310(3) TFUE.