This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010TN0378
Case T-378/10: Action brought on 7 September 2010 — Masco and Others v Commission
Kawża T-378/10: Rikors ippreżentat fis- 7 ta’ Settembru 2010 — Masco et vs Il-Kummissjoni
Kawża T-378/10: Rikors ippreżentat fis- 7 ta’ Settembru 2010 — Masco et vs Il-Kummissjoni
ĠU C 301, 6.11.2010, p. 40–40
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.11.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 301/40 |
Rikors ippreżentat fis- 7 ta’ Settembru 2010 — Masco et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-378/10)
()
2010/C 301/65
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Masco Corp. (Taylor, l-Istati Uniti tal-Amerika), Hansgrohe AG (Schiltach, il-Ġermanja), Hansgrohe Deutschland Wertriebs GmbH (Schiltach, il-Ġermanja), Hansgrohe Handelsgesellschaft m.b.H. (Wiener Neudorf, l-Awstrija), Hansgrohe SA/NV (Anderlecht, il-Belġju), Hansgrohe B.V. (Westknollendam, il-Pajjiżi l-Baxxi), Hansgrohe SARL (Antony, Franza), Hansgrohe Srl (Villanova d’Asti, l-Italja), Hüppe GmbH (Bad Zwischenahn, il-Ġermanja), Hüppe Gesellschaft m.b.H. (Laxenburg, l-Awstrija), Hüppe Belgium SA/NV (Zaventem, il-Belġju) u Hüppe B.V. (Alblasserdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: D. Schroeder, avukat u J. Temple Lang, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010 fil-Każ COMP/39.092 — Installazzjonijiet sanitarji, sa fejn tistabbilixxi li r-rikorrenti kienu pparteċipaw f’akkordju kontinwu jew fi prattika miftiehma fis-settur tal-“Installazzjonijiet sanitarji”, u |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39.092 — Installazzjonijiet sanitarji, li biha l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti, flimkien ma’ impriżi oħrajn kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f’akkordju kontinwu jew fi prattika miftiehma fis-“settur tal-Installazzjonijiet sanitarji”, li tkopri t-territorju tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tal-Italja, ta’ Franza, tal-Belġju u tal-Pajjiżi l-Baxxi.
Ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed insostenn tat-talba tagħhom.
Ir-rikorrenti jikkontestaw il-klassifika legali tal-kondotta li, skont il-Kummissjoni, tikkonsisti fi ksur uniku u kumpless li jkopri t-tliet gruppi differenti ta’ prodotti jiġifieri, viti u installazzjonijiet, diviżorji tad-doċċa u prodotti sanitarji taċ-ċeramika, meta jmissha kkonstatat tliet ksur awtonomi.
Ir-rikorrenti ma jipproduċux prodotti sanitarji taċ-ċeramika. Ir-rikorrenti jsostnu li billi kkonstatat li pparteċipaw fi ksur uniku kumpless li jkopri tliet gruppi differenti ta’ prodotti, inklużi l-prodotti sanitarji taċ-ċeramika, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti u żbalji ta’ liġi. Il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ta’ ksur uniku kumpless fid-deċiżjoni ma hijiex konformi ma’ każijiet preċedenti tal-Kummissjoni (jew mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ċertezza legali u ta’ trattament ugwali. B’mod partikolari, il-fatti u l-provi ppreżentati fid-deċiżjoni ma jissostanzjawx il-konklużjoni tal-Kummissjoni li hemm ksur uniku kumpless li jkopri tliet gruppi differenti ta’ prodotti.