Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0114

    Kawża T-114/10: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Marzu 2010 — Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 134, 22.5.2010, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 134/40


    Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2010 — Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-114/10)

    2010/C 134/69

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller, C. Blaschke, aġenti u U. Karpenstein, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 10712, tat-23 ta’ Diċembru 2009, li tnaqqas l-għajnuna mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) taħt il-Programm ta’ Inizjattiva tal-Komunità Interreg II/C “Inondation Rhin-Meuse”, fir-Renju tal-Belġju, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-Repubblika Franċiża, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(97) 3742, tat-18 ta’ Diċembru 1997 (FEŻR Nru 970010008);

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna mogħtija mill-FEŻR għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 1999 taħt il-Programm ta’ Inizjattiva tal-Komunità Interreg II/C “Inondation Rhin-Meuse”, fir-Renju tal-Belġju, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-Repubblika Franċiża, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    Bl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet għall-korrezzjoni finanzjarja taħt l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 (1) mhumiex sodisfatti. Fil-fehma tar-rikorrenti, dan ma jawtorizzax lill-Kummissjoni tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji għal żbalji amministrattivi jew għal nuqqasijiet ikkonstatati fis-sistemi amministrattivi jew ta’ sorveljanza. Barra minn hekk, hija ssostni li anki jekk jinstabu żbalji amministrattivi jew nuqqasijiet ikkonstatati fis-sistemi amministrattivi jew ta’ sorveljanza taħt l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4258/88, ma għandux ikun hemm kwistjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja. L-ewwel nett, “irregolaritajiet”, kif allegat mill-Kummissjoni, jistgħu jiġu korretti permezz ta’ korrezzjonijiet finanzjarji biss jekk ikollhom jew kellhom effett negattiv fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-miżuri kkontestati mill-Kummissjoni ma kellhomx tali effett. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li fil-każ ta’ serje ta’ proġetti li huma wkoll inkwistjoni, ma kienx hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    It-tieni motiv jallega li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata taħt ir-Regolament Nru 4253/88 li tapplika rata fissa u estrapolat korrezzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li skont il-kliem ċar tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament dan jikkonċerna sitwazzjonijiet konkreti u ammonti kwantifikabbli.

    Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ssostni li estrapolazzjoni fost l-Istati, li abbażi tagħha Stat Membru huwa meħtieġ jaċċetta responsabbiltà għall-iżbalji ta’ Stat Membru ieħor, mhijiex permessa.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, minn naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1).


    Top